SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

11 ta’ Mejju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/17/KE — Prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti — Artikolu 10 — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti — Obbligu tal-entitajiet kontraenti li jitolbu lill-offerenti jemendaw jew jissupplimentaw l-offerta tagħhom — Dritt tal-entità kontraenti li żżomm il-garanzija bankarja fil-każ ta’ rifjut — Direttiva 92/13/KEE — Artikolu 1(3) — Proċeduri ta’ reviżjoni — Deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku — Esklużjoni ta’ offerent — Rikors għal annullament — Interess ġuridiku”

Fil-Kawża C‑131/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajowa Izba Odwoławcza (bord tal-appell nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Archus sp. z o.o.,

Gama Jacek Lipik

vs

Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A.,

fil-preżenza ta’:

Digital-Center sp. z o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Vilaras, President ta’ Awla (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A., minn A. Olszewska,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Di Matteo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17/KE, tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19) u tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirrelataw mal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament u l-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Archus sp. z.o.o. u Gama Jacek Lipik (iktar ’il quddiem, flimkien, “Archus u Gama”), u min-naħa l-oħra Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A. (kumpannija Pollakka tal-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass), dwar deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar li permezz tagħhom ġiet miċħuda l-offerta tagħhom fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u aċċettata l-offerta ppreżentata minn Digital-Center sp. z o.o.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17 jipprevedi:

“Entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lil operaturi ekonomiċi ugwalment (indaqs) u mhux b’mod diskriminatorju u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti.”

4

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, skont regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

5

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 92/13 jipprovdi:

“Il-kandidati għandhom jitqiesu li jkunu kkonċernati jekk l-awtorità kontraenti ma tkunx għamlet disponibbli informazzjoni dwar ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni tagħhom qabel in-notifika tad-Deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt lill-offerenti kkonċernati.”

Id-dritt Pollakk

6

L-Artikolu 25 tal-Ustawa z dnia 29 stycznia 2004 r. – Prawo zamówień publicznych (Dz. U. 2015, intestatura 2164) (liġi tad-29 ta’ Jannar 2004 dwar il-kuntratti pubbliċi, iktar ’il quddiem il-“Pzp”) jipprevedi:

“1.   Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, l-awtorità kontraenti tista’ titlob biss mingħand l-operaturi ekonomiċi d-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti neċessarji għall-finijiet tal-proċedura. Id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti li jiċċertifikaw l-osservanza:

1)

tal-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-proċedura,

2)

tar-rekwiżiti stabbiliti mill-awtorità kontraenti fir-rigward tal-offerti ta’ provvisti, ta’ servizzi jew ta’ xogħlijiet

huma indikati mill-awtorità kontraenti fl-avviż ta’ kuntratt, fl-ispeċifikazzjonijiet jew fl-istedina għal offerta.

2.   Il-President tal-Kunsill tal-Ministri għandu jistabbilixxi, permezz ta’ leġiżlazzjoni, it-tipi ta’ dokumenti li l-awtorità kontraenti tista’ titlob mingħand l-operatur ekonomiku u l-forma ta’ preżentazzjoni ta’ dawn id-dokumenti. […]”

7

L-Artikolu 26(3) tal-Pzp jipprovdi:

“L-awtorità kontraenti għandha titlob lill-operaturi ekonomiċi li ma jkunux ipprovdew, fit-terminu mogħti, id-dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti mitluba, kif imsemmija fl-Artikolu 25(1), jew li ma pprovdewx prokura jew li pprovdew id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti mitluba mill-awtorità kontraenti, kif imsemmija fl-Artikolu 25(1), iżda li fihom żbalji jew ukoll lill-operaturi, li l-prokura tagħhom hija inkorretta, jipprovdu fit-terminu mogħti lilhom, sakemm, minkejja l-preżentazzjoni tagħhom, l-offerta tal-operatur hija miċħuda jew huwa meħtieġ li l-proċedura tiġi annullata. Id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti prodotti fuq talba tal-awtorità kontraenti għandhom jattestaw li l-operatur ekonomiku jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura jew li l-provvisti, is-servizzi jew ix-xogħlijiet huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-awtorità kontraenti, mhux iktar tard mid-data tal-iskadenza tat-terminu li fih għandhom jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura jew l-offerti.”

8

L-Artikolu 46(4a) tal-Pzp huwa redatt kif ġej:

“L-awtorità kontraenti għandha żżomm il-garanzija u l-interessi jekk l-operatur ekonomiku, b’risposta għall-istedina msemmija fl-Artikolu 26(3) ma jkunx ipprovda, għal raġunijiet imputabbli lilu, id-dokumenti jew id-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(1), il-prokuri, il-lista ta’ entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp imsemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 24(2), jew informazzjoni li tindika li ma jappartjenix għal grupp, jew jekk ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għar-rettifika ta’ żball imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 87(2), b’tali mod li ma kienx possibbli li l-offerta tiegħu tintgħażel bħala l-iktar waħda li hija vantaġġuża.”

9

L-Artikolu 87 tal-Pzp jipprevedi:

“1.   Matul l-eżami u l-evalwazzjoni tal-offerti, l-awtorità kontraenti tista’ titlob lill-operaturi ekonomiċi jikkjarifikaw il-kontenut tagħhom. L-offerta ppreżentata ma tistax tiġi nnegozjata mill-awtorità kontraenti u mill-operatur ekonomiku u lanqas emendata inkwantu l-kontenut tagħha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1a u 2.

1a.   Matul l-eżami u l-evalwazzjoni tal-offerti fil-kuntest ta’ djalogu kompetittiv, l-awtorità kontraenti tista’ titlob lill-operaturi ekonomiċi jispeċifikaw u jipperfezzjonaw il-kontenut tagħhom u jipprovdu informazzjoni supplimentari, mingħajr ma jibdlu madankollu b’mod sostanzjali l-offerti u r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tikkoreġi l-offerta fir-rigward ta’:

1)

żbalji redazzjonali manifesti,

2)

żbalji evidenti ta’ kalkolu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-korrezzjonijiet tal-kalkoli,

3)

żbalji oħra li jrendu l-offerta mhux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet, iżda li ma jimplikawx bidliet sostanzjali tal-kontenut tagħha, filwaqt li l-operatur ekonomiku jiġi nnotifikat immedjatament li l-offerta tkun ġiet ikkoreġuta.”

10

L-Artikolu 179(1) tal-Pzp jipprevedi:

“Kull operatur ekonomiku, kull parteċipant f’kompetizzjoni jew kull entità oħra, li għandhom jew kellhom interess li jiksbu kuntratt partikolari u li kienu, jew jistgħu jkunu leżi minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi mill-awtorità kontraenti, jibbenefikaw mir-rimedji legali previsti f’din it-taqsima.”

11

L-Artikolu 180(1) tal-Pzp jipprovdi:

“Huma biss l-atti jew l-ommissjonijiet imwettqa bi ksur tal-liġi mill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fit-3 ta’ Ġunju 2015, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, taħt in-numru 2015/S 105‑191838, avviż ta’ sejħa għal offerti ristrett għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għad-diġitalizzazzjoni ta’ dokumenti tal-arkivji ċentrali ġeoloġiċi tagħha u għat-tfassil ta’ verżjoni elettronika tad-dokumenti aċċessibbli fuq in-netwerk intern tagħha. L-għan tal-kuntratt kien l-iskannjar tad-dokumenti karta tal-arkivji tagħha, it-twettiq tal-ipproċessar diġitali tad-dokumenti skannjati u r-reġistrazzjoni tagħhom fuq mezzi tad-data durabbli komunement użati f’formats diġitali speċifiċi u fil-forma ta’ mikrofilm.

13

Il-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet kien jindika li l-offerenti kellhom jehmżu żewġ dokumenti mal-offerta għas-servizzi tagħhom. L-ewwel wieħed kellu jkun kopja skannjata ta’ dokument stabbilit mill-awtorità kontraenti, irreġistrat fuq mezz durabbli u ppubblikat skont deskrizzjoni fid-dettall fil-punt 4.1(a) tal-ispeċifikazzjonijiet. It-tieni wieħed kellu jkun kampjun ta’ mikrofilm ta’ 35 mm li fih prodott impressjonat, evalwat fid-dawl tal-kriterju ta’ kwalità, fil-format A4 u mkabbar fil-format A0, jiġifieri għal 16-il darba, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-proċess ta’ mikrofilming u tal-parametri tekniċi deskritti fid-dettall fil-punt 4.1(b) tal-ispeċifikazzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“kampjun tal-mikrofilm”).

14

Il-kwalità tal-ewwel dokument kellha tkun evalwata fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerti, filwaqt li l-kwalità tal-kampjun tal-mikrofilm kellha tkun evalwata skont il-formola “sodisfaċenti/mhux sodisfaċenti”, bil-preċiżjoni li, jekk il-kampjun ma kienx sodisfaċenti, l-offerta kellha tiġi miċħuda skont il-punt 2 tal-Artikolu 89(1) tal-Pzp.

15

L-offerenti kienu wkoll obbligati jiddepożitaw ammont ta’ 20000 zloty Pollakk (PLN) bħala garanzija tal-offerta tagħhom.

16

Żewġ offerti ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura, waħda minn Archus u Gama flimkien, l-oħra minn Digital-Center.

17

Fil-15 ta’ Ottubru 2015, Archus u Gama, filwaqt li invokaw żball involontarju, ressqu talba għall-korrezzjoni tal-offerta tagħhom quddiem l-awtorità kontraenti, skont il-punt 3 tal-Artikolu 87(2) tal-Pzp, intiża sabiex tissostitwixxi kampjun ġdid ta’ mikrofilm minflok dawk li huma kienu hemżu mal-offerta tagħhom u li ma kinux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet.

18

Fis-17 ta’ Novembru 2015, l-awtorità kontraenti wieġbet għal din it-talba, billi indikat li kienet qieset li l-kampjun il-ġdid tal-mikrofilm issupplimenta d-dokumenti trażmessi, skont l-Artikolu 26(3) tal-Pzp. Mandankollu, hija indikat ukoll li huma ma kinux semmew l-informazzjoni dwar il-proċess ta’ mikrofilming tal-kampjun u l-parametri tekniċi mitluba konformement mal-punt 4.1(b) tal-ispeċifikazzjonijiet, u għalhekk stednithom sabiex jikkompletaw l-informazzjoni.

19

Wara l-eżami taż-żewġ kampjuni tal-mikrofilm ipprovduti minn Archus u Gama, l-awtorità kontraenti fl-aħħar ċaħdet l-offerta ta’ dawn tal-aħħar bħala mhux konformi mal-imsemmi punt 4.1(b) tal-ispeċifikazzjonijiet. Hija qieset li l-kampjuni tal-mikrofilm ippreżentati minn dawn il-kumpanniji ma kinux jippermettu li tinqara kopja ta’ dokument mikrofilmjat f’format A0 b’riżoluzzjoni minima ta’ 200 tikka f’kull pulzier (dpi). Barra minn hekk, hija qieset l-offerta ppreżentata mid-Digital‑Center bħala l-iktar waħda vantaġġuża.

20

Għaldaqstant, Archus u Gama ppreżentaw appell quddiem il-Krajowa Izba Odwoławcza (bord tal-appell nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Polonja) kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti li rispettivament ċaħdu l-offerta tagħhom u aċċettaw l-offerta ta’ Digital-Center.

21

Il-qorti tar-rinviju tesponi essenzjalment li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi, l-awtorità kontraenti tista’ teżiġi mill-offerenti l-preżentazzjoni ta’ “dokumenti u dikjarazzjonijiet” kif ukoll kampjuni ta’ prodotti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti. Hija għandha l-obbligu wkoll li titlobhom jikkompletaw, skont il-każ, id-dokumenti nieqsa jew id-dokumenti li fihom żbalji, sabiex dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet, minbarra l-każ fejn l-offerta kellha tkun miċħuda minħabba raġunijiet oħra jew meta huwa neċessarju li l-proċedura tiġi annullata.

22

Qabel kollox, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-legalità tal-obbligu, impost fuq l-awtorità kontraenti, li tistieden offerent jissupplimenta dokument mitlub mill-ispeċifikazzjonijiet jew li jippreżenta kampjun ġdid konformement mal-imsemmija speċifikazzjonijiet, bħal fil-kawża prinċipali, sa fejn dan jista’ jwassal lill-imsemmi offerent jemenda l-kontenut tal-offerta tiegħu, li jkun ta’ ħsara għat-trasparenza tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Sussegwentement, hija tistaqsi dwar il-legalità taż-żamma tal-garanzija magħmula mill-offerent meta dan tal-aħħar ma jkunx issodisfa l-istedina magħmula lilu mill-awtorità kontraenti sabiex jissupplimenta tali dokument. Fl-aħħar nett, hija tistaqsi dwar l-interess ġuridiku tal-annullament tal-offerta ta’ Digital‑Center għal Archus u Gama.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Krajowa Izba Odwoławcza (bord tal-appelli nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 10 tad-[Direttiva 2004/17], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti għandha tistieden operaturi ekonomiċi li, fit-terminu stabbilit (jiġifieri, it-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-offerti), ma pprovdewx id-‘dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti’ mitluba, jattestaw li l-offerti tal-provvisti, tas-servizzi jew tax-xogħlijiet huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-awtorità kontraenti (liema kunċett ikopri wkoll il-kampjuni tas-suġġett tal-kuntratt), jew li ssottomettew id-‘dikjarazzjonijiet jew dokumenti’ mitluba mill-awtorità kontraenti, iżda li jinkludu żbalji, jissottomettu d-‘dikjarazzjonijiet jew dokumenti’ (kampjuni) nieqsa jew jikkorreġu żbalji f’terminu ġdid, mingħajr ma tistabbilixxi li huma preklużi milli jemendaw il-kontenut tal-offerta meta jissupplementaw dawn id-‘dikjarazzjonijiet jew dokumenti’ (kampjuni)?

2)

L-Artikolu 10 tad-[Direttiva 2004/17] jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti tista’ żżomm id-depożitu li jkun tħallas mill-operatur ekonomiku meta dan, b’risposta għall-istedina tal-awtorità kontraenti li jiġu ssupplementati d-dokumenti, ma jkunx issottometta d-‘dikjarazzjonijiet jew dokumenti’ (kampjuni) li jattestaw li l-offerti tal-provvisti, tas-servizzi jew tax-xogħlijiet huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-awtorità kontraenti, peress li jkun sar bdil fil-kontenut tal-offerta, jew peress li l-imsemmi operatur ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għall-korrezzjoni tal-offerta mill-awtorità kontraenti, li renda impossibbli l-għażla tal-offerta sottomessa mill-operatur ekonomiku bħala dik l-iktar vantaġġuża?

3)

L-Artikolu 1(3) tad-[Direttiva 92/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘kuntratt partikolari’, kif imsemmi fil-frażi li tikkonċerna l-‘interess f’li tikseb kuntratt partikolari’ ifisser ‘proċedura partikolari għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku’ (fil-każ ineżami, dik ippubblikata fl-avviż tat-3 ta’ Ġunju 2015) jew ‘is-suġġett partikolari tal-kuntratt’ (fil-każ ineżami, is-servizz relatat mad-diġitaliżżazzjoni tad-dokumenti tal-arkivji tal-awtorità kontraenti), indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, bħala konsegwenza tal-fatt li l-appell ikun intlaqa’, l-awtorità kontraenti tkunx marbuta tannulla l-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku u tista’ possibbilment tintalab tagħti bidu għal proċedura sussegwenti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku?”

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi, stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, li awtorità kontraenti tistieden l-offerenti jipprovdu id-dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti mitluba li ma kinux ġew ipprovduti minn dawn l-offerenti fit-terminu stabbilit sabiex jissottomettu l-offerti jew jikkoreġu dawn id-dikjarazzjonijiet jew dawn id-dokumenti fil-każ ta’ żbalji, mingħajr ma din l-awtorità kontraenti ma tkun, barra minn hekk, obbligata tispeċifika lill-imsemmija offerenti li huma preklużi milli jemendaw il-kontenut tal-offerti sottomessi.

25

Qabelxejn, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-awtorità kontraenti li tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, li għandu bħala għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni ġusta u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 110, u tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 33) u li jikkorrispondi essenzjalment mar-regoli tal-Unjoni relatati mal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑243/89, EU:C:1993:257, punt 33; tal-25 ta’ April 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑87/94, EU:C:1996:161, punt 51, u tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, EU:C:2001:553, punt 33), jimplika, b’mod partikolari li l-offerenti għandhom ikunu fuq bażi ugwali kemm meta jkunu qegħdin jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll meta dawn jiġu evalwati mill-imsemmija awtorità kontraenti (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C‑213/07, EU:C:2008:731, punt 45, kif ukoll tal-24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin, C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 37).

26

L-imsemmi prinċipju jeżiġi, b’mod partikolari, li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għaldaqstant jimplika li l-offerti tal-kompetituri kollha jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet (is-sentenzi tal-25 ta’ April 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑87/94, EU:C:1996:161, punt 54; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 93, kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 33).

27

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza jipprekludu kwalunkwe negozjati bejn l-awtorità kontraenti u offerent fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li timplika li, bħala prinċipju, offerta ma tistax tiġi emendata wara li tiġi sottomessa, la fuq inizjattiva tal-awtorità kontraenti u lanqas tal-offerent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 36, kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C‑336/12, EU:C:2013:647, punt 31).

28

Fil-fatt, li jiġi permess li l-awtorità kontraenti teżiġi mingħand applikant, li fir-rigward tiegħu hija tqis li l-offerta hija impreċiża jew li ma hijiex skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt, kjarifiki f’dan ir-rigward, ikollu r-riskju li din l-awtorità kontraenti tidher, fil-każ fejn l-offerta ta’ din l-applikazzjoni finalment tintgħażel, li nnegozjat dwar din l-offerta b’mod kunfidenzjali, għad-detriment tal-applikanti l-oħra, u bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 37).

29

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni li tiddeċiedi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludix il-possibbiltà li offerta tista’ tiġi kkoreġuta jew issupplimentata fuq punti speċifiċi, fil-każ li din teħtieġ kjarifika, jew sabiex jiġu kkoreġuti żbalji materjali manifesti, bla ħsara, madankollu, għal ċerti rekwiżiti [ara, f’dan is-sens, fil-kuntest ta’ proċeduri għal sejħa għal offerti ristretti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (KE) 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punti 35 sa 45, fir-rigward tal-fażi ta’ evalwazzjoni tal-offerti, kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C‑336/12, EU:C:2013:647, punti 30 sa 39, fir-rigward tal-fażi ta’ preselezzjoni tal-offerenti].

30

Qabelxejn, talba għal kjarifika ta’ offerta, li tista’ ssir biss wara li l-awtorità kontraenti tkun ħadet konjizzjoni tal-offerti kollha, għandha tiġi indirizzata, bħala prinċipju, b’mod ugwali lill-offerenti kollha li jinsabu fl-istess sitwazzjoni u għandha tirrigwarda l-punti kollha tal-offerta li jkunu jeħtieġu kjarifika (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punti 42 sa 44, kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C‑336/12, EU:C:2013:647, punti 34 u 35).

31

Barra minn hekk, din it-talba ma tistax twassal għas-sottomissjoni, minn offerent ikkonċernat, ta’ dik li fir-realtà tidher li tkun offerta ġdida (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 40; tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C‑336/12, EU:C:2013:647, punt 36).

32

Fl-aħħar nett, u b’mod ġenerali, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha fir-rigward tal-possibbiltà li titlob lill-applikanti jikkjarifikaw l-offerta tagħhom, l-awtorità kontraenti għandha tittratta lill-applikanti b’mod ugwali u leali, b’mod li talba għal kjarifika ma tistax tidher, fi tmiem il-proċedura għall-għażla tal-offerti jew fid-dawl tar-riżultat ta’ din l-għażla, bħala li tkun ivvantaġġat jew żvantaġġat indebitament lill-applikant jew lill-applikanti li kien jew li kienu s-suġġett ta’ din it-talba (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 41; tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C‑336/12, EU:C:2013:647, punt 37).

33

Talba għal kjarifika ma tistax, madankollu, tirrimedja n-nuqqas ta’ att jew ta’ informazzjoni li s-sottomissjoni tagħhom kienet meħtieġa mid-dokumenti tal-kuntratt, u l-awtorità kontraenti hija obbligata tosserva strettament il-kriterji li tkun stabbilixxiet hija stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C‑336/12, EU:C:2013:647, punt 40).

34

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju speċifikat, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li l-offerenti kellhom jehmżu mal-offerta tagħhom kampjuni ta’ dokumenti ta’ arkivji diġitalizzati, li kellhom jitfasslu skont l-istruzzjonijiet iddefiniti fil-punt 4.1 tal-ispeċifikazzjonijiet u jindikaw il-proċess u l-kwalità tad-diġitalizzazzjoni.

35

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kienu Archus u Gama, fil-kwalità tagħhom ta’ offerent, li ressqu talba għall-korrezzjoni tal-offerta tagħhom lill-awtorità kontraenti, skont il-punt 3 tal-Artikolu 87(2) tal-Pzp, intiża sabiex jiġi ssostitwit kampjun ġdid ta’ mikrofilm minflok dawk li huma kienu hemżu mal-offerta tagħhom u li ma kinux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet.

36

Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, stedina indirizzata mill-awtorità kontraenti lil offerent sabiex jipprovdi dikjarazzjonijiet u dokumenti meħtieġa, fil-prinċipju, ma għandhiex għan ieħor ħlief il-kjarifika tal-offerta ta’ dan tal-aħħar jew ir-rettifika ta’ żball manifest li jivvizzja din l-offerta. Għaldaqstant, b’mod ġenerali, hija ma tippermettix lil offerent jipprovdi id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti li s-sottomissjoni tagħhom kienet meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet u li ma kinux ġew sottomessi fit-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-offerti. Hija lanqas ma tista’, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, twassal għas-sottomissjoni, minn offerent, ta’ dokumenti emendati b’tali mod li, fir-realtà, jikkostitwixxu offerta ġdida.

37

Fi kwalunkwe każ, l-obbligu fuq l-awtorità kontraenti, skont id-dritt nazzjonali, li tistieden l-offerenti jipprovdu d-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti mitluba li ma ssottomettewx fit-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-offerti, minn naħa, jew jikkoreġu dawn id-dikjarazzjonijiet u dokumenti fil-każ ta’ żbalji, ma huwiex ammissibbli sakemm is-supplimenti jew il-korrezzjonijiet magħmula fir-rigward tal-offerta inizjali ma jwasslux għal bidla sostanzjali ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, mill-punt 40 tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, (C‑599/10, EU:C:2012:191) jirriżulta li huwa biss eċċezzjonalment li offerta inizjali tista’ tiġi korretta sabiex jitneħħew żbalji sostantivi manifesti u sakemm din l-emenda ma twassalx sabiex fir-realtà jkun hemm offerta ġdida.

38

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali s-sostituzzjoni magħmula minn Archus u Gama baqgħetx fil-limiti ta’ rettifika ta’ żball manifest li jivvizzja l-offerta tagħhom.

39

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, li l-awtorità kontraenti tistieden lil offerent jipprovdi d-dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti li s-sottomissjoni tagħhom kienet meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet u li ma kinux ġew ipprovduti fit-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-offerti. Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu ma jipprekludix li l-awtorità kontraenti tistieden lil offerent jikkjarifika offerta jew jirrettifika żball sostantiv li kien inkluż f’din tal-aħħar, bla ħsara, madankollu, għall-fatt li tali stedina tkun indirizzata lill-offerenti kollha li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni, li l-offerenti kollha jiġu trattati b’ mod ugwali u leali u li din il-kjarifika jew din ir-rettifika ma tkunx ekwivalenti għas-sottomissjoni ta’ offerta ġdida, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li l-awtorità kontraenti tista’ żżomm il-garanzija li tkun tħallset mill-offerent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, meta dan tal-aħħar ma jkunx issottometta d-dokumenti li jattestaw li l-offerta tiegħu kienet konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-awtorità kontraenti fl-ispeċifikazzjonijiet, peress li l-kontenut tal-offerta tiegħu nbidel, jew ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għall-korrezzjoni tal-offerta mill-awtorità kontraenti, bil-konsegwenza li l-offerta tiegħu ma setgħetx tintgħażel.

41

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawża li jkollhom quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, EU:C:2003:333, punt 30; tal-15 ta’ Settembru 2011, Unió de Pagesos de Catalunya, C‑197/10, EU:C:2011:590, punt 16, kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 31).

42

Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2003, Bacardi‑Martini u Cellier des Dauphins, C‑318/00, EU:C:2003:41, punt 43; tal-15 ta’ Settembru 2011, Unió de Pagesos de Catalunya, C‑197/10, EU:C:2011:590, punt 17, kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 32).

43

Il-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija fil-fatt dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, EU:C:2003:333, punt 32, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2011, Unió de Pagesos de Catalunya, C‑197/10, EU:C:2011:590, punt 18).

44

Għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ma jikkorrispondu manifestament ma’ ebda wieħed miż-żewġ każijiet previsti mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni domanda tagħha.

45

Fil-fatt, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda essenzjalment, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel domanda, il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kontraenti tistax, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17, tawtorizza lil offerent, wara s-sottomissjoni tal-offerta tiegħu, jissostitwixxi dokument li s-sottomissjoni tiegħu kienet meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet, f’dan il-każ kampjun ta’ mikrofilm, sa fejn il-kampjun sottomess kien allegatament mibgħut bi żball. Imkien mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżulta li Archus u Gama naqsu li jipprovdu d-dokumenti mitluba mill-ispeċifikazzjonijiet jew irrifjutaw li l-awtorità kontraenti tikkoreġi l-offerta tagħhom. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni domanda hija ta’ natura ipotetika.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju għandha tiġi ddikjarata bħala manifestament inammissibbli.

Fuq it-tielet domanda

47

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kuntratt partikolari”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferix għal proċedura partikolari għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew għas-suġġett stess tal-kuntratt li huwa previst li jingħata fi tmiem il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, fil-każ fejn ikunu ġew sottomessi żewġ offerti biss u fejn l-offerent, li l-offerta tiegħu tkun ġiet miċħuda, jista’ jkollu interess li l-offerta tal-offerent l-ieħor tiġi miċħuda, u, konsegwentement, li jingħata bidu għal proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

48

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju speċifikat li l-operatur ekonomiku li ssottometta offerta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jkollux, meta l-offerta tiegħu tiġi miċħuda, interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Konsegwentement, jekk offerent bħal Archus u Gama għandu ċertament interess li jikkontesta deċiżjoni li tiċħad l-offerta tiegħu, peress li, f’dan il-każ, jibqa’ jżomm il-possibbiltà li jingħata l-kuntratt, huwa ma għandu, min-naħa l-oħra, ebda interess fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt sussegwenti, peress li l-offerta tiegħu kienet definittivament miċħuda, tal-inqas fil-każijiet fejn jkunu ġew sottomessi u magħżula pluralità ta’ offerti.

49

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “kuntratt partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13, jipprevedix il-possibbiltà li tinbeda proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

50

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu aċċessibbli, taħt regoli fid-dettall li huma stess jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba allegat ksur.

51

Mitluba tinterpreta d-dispożizzjonijiet ekwivalenti għall-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-offerenti għandhom interess leġittimu fl-esklużjoni tal-offerta tal-offerenti oħra għall-finijiet tal-kisba tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 33; tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 27, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Bietergemeinschaft Technische Gebäudebetreuung und Caverion ÖsterreichC‑355/15, EU:C:2016:988, punt 29), irrispettivament min-numru ta’ parteċipanti fil-proċedura u min-numru ta’ parteċipanti li ppreżentaw reviżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 29).

52

Fil-fatt, minn naħa, l-esklużjoni ta’ offerent tista’ twassal sabiex offerent ieħor jikseb il-kuntratt direttament fil-kuntest tal-istess proċedura. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ esklużjoni tal-offerenti kollha u tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ġdida, kull wieħed mill-offerenti jkun jista’ jipparteċipa fil-proċedura l-ġdida u, għaldaqstant, jikseb il-kuntratt indirettament (ara, s-sentenza tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 27).

53

Għalhekk, il-prinċipju ta’ ġurisprudenza stabbilit fis-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), u tal-5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199), huwa applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

54

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li wasslet għas-sottomissjoni ta’ żewġ offerti u għall-adozzjoni mill-awtorità kontraenti ta’ żewġ deċiżjonijiet simultanji li jiċħdu l-offerta ta’ wieħed mill-offerenti u jagħtu l-kuntratt lill-ieħor rispettivament, hija adita mill-offerent li ma ntgħażilx b’azzjoni għal reviżjoni ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet. Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, l-offerent li ma ntgħażilx jinvoka l-esklużjoni tal-offerta tal-offerent magħżul għal nuqqas ta’ konformità ta’ dan tal-aħħar mal-ispeċifikazzjonijiet.

55

F’tali sitwazzjoni, l-offerent li ppreżenta r-rikors għandu jiġi rrikonoxxut interess leġittimu fl-esklużjoni tal-offerta tal-offerent magħżul, li tista’ twassal, skont il-każ, għall-konstatazzjoni tal-impossibbiltà, għall-awtorità kontraenti, li tagħżel offerta legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2013, Fastweb, C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 33, kif ukoll tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 24).

56

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2a(1) u (2) tad-Direttiva 92/13 li jipprevedu espressament dritt ta’ reviżjoni għal offerenti mhux definittivament esklużi, b’mod partikolari, kontra d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt meħuda mill-entitajiet kontraenti.

57

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Bietergemeinschaft Technische Gebäudebetreuung und Caverion Österreich (C‑355/15, EU:C:2016:988, punti 13 sa 16, 31 u 36) li offerent li l-offerta tiegħu ġiet eskluża, mill-awtorità kontraenti, mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, jista’ jinċaħadlu l-aċċess għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. Madankollu, f’dik il-kawża, id-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-imsemmi offerent kienet ikkonfermata minn deċiżjoni li kisbet l-awtorità ta’ res judicata qabel ma tat id-deċiżjoni l-qorti adita bir-reviżjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, b’tali mod li l-imsemmi offerent kellu jitqies li kien definittivament eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni.

58

Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, Archus u Gama ppreżentaw appell mid-deċiżjoni li eskludiet l-offerta tagħhom u mid-deċiżjoni li jingħata l-kuntratt, adottati simultanjament, u għalhekk ma jistgħux jitqiesu li huma definittivament esklużi mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. F’tali sitwazzjoni, il-kunċett ta’ “kuntratt partikolari” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/13 jista’, skont il-każ, jipprevedi l-possibbiltà li tinbeda proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

59

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 92/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tat lok għas-sottomissjoni ta’ żewġ offerti u għall-adozzjoni mill-awtorità kontraenti ta’ żewġ deċiżjonijiet simultanji rigward iċ-ċaħda tal-offerta ta’ wieħed mill-offerenti u l-għoti tal-kuntratt lill-ieħor, rispettivament, l-offerent li ma ntgħażilx, li ppreżenta appell minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, jista’ jitlob l-esklużjoni tal-offerta tal-offerent magħżul, b’tali mod li l-kunċett ta’ “kuntratt partikolari” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13 jista’, skont il-każ, jipprevedi l-possibbiltà li tinbeda proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, li l-awtorità kontraenti tistieden lil offerent jipprovdi d-dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti li s-sottomissjoni tagħhom kienet meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet u li ma kinux ġew ipprovduti fit-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-offerti. Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu ma jipprekludix li l-awtorità kontraenti tistieden lil offerent jikkjarifika offerta jew jirrettifika żball sostantiv li kien inkluż f’din tal-aħħar, bla ħsara, madankollu, għall-fatt li tali stedina tkun indirizzata lill-offerenti kollha li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni, li l-offerenti kollha jiġu trattati b’ mod ugwali u leali u li din il-kjarifika jew din ir-rettifika ma tkunx ekwivalenti għas-sottomissjoni ta’ offerta ġdida, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirrelataw mal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet, kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament u l-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tat lok għas-sottomissjoni ta’ żewġ offerti u għall-adozzjoni mill-awtorità kontraenti ta’ żewġ deċiżjonijiet simultanji rigward iċ-ċaħda tal-offerta ta’ wieħed mill-offerenti u l-għoti tal-kuntratt lill-ieħor, rispettivament, l-offerent li ma ntgħażilx li ppreżenta appell minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jista’ jitlob l-esklużjoni tal-offerta tal-offerent magħżul, b’tali mod li l-kunċett ta’ “kuntratt partikolari” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13, kif emendat mid-Direttiva 2007/66 jista’, skont il-każ, jipprevedi l-possibbiltà li tinbeda proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.