SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 8(4) u Artikolu 53(1)(c) u (2)(d) – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea PORT CHARLOTTE – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark – Protezzjoni mogħtija lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini preċedenti ‘Porto’ u ‘Port’ skont ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u tad-dritt nazzjonali – Natura eżawrjenti tal-protezzjoni mogħtija lil dawn id-denominazzjonijiet ta’ oriġini – Artikolu 118m tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Kunċetti ta’ ‘użu’ u ta’ ‘evokazzjoni’ ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta”

Fil-Kawża C‑56/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid-29 ta’ Jannar 2016,

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Zaera Cuadrado u O. Mondéjar Ortuño, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Eggers, I. Galindo Martín u J. Samnadda kif ukoll minn T. Scharf, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto IP, stabbilita f’Peso da Régua (il-Portugall), irrappreżentata minn P. Sousa e Silva, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn A. Alves, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

Bruichladdich Distillery Co. Ltd, stabbilita f’Argyll (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Havard Duclos, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Novembru 2015, Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto vs UASI – Bruichladdich Distillery (PORT CHARLOTTE) (T‑659/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:863), li permezz tagħha annullat id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-8 ta’ Lulju 2014 (Każ R 946/2013‑4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto IP u Bruichladdich Distillery Co. Ltd (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (iktar ’il quddiem “IVDP”) titlob l-annullament parzjali tas-sentenza appellata.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009

3

L-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), jiddisponi li:

“Mal-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark mhux reġistrata jew ta’ xi sinjal ieħor użat fil-kors tal-kummerċ ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li tkun saret applikazzjoni dwarha m’għandiex tkun reġistrata meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-[Unjoni Ewrope] jew tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal:

(a)

id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;

(b)

dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.”

4

Skont l-Artikolu 53(1) u (2) ta’ dan ir-regolament:

“1.   Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

[…]

(c)

meta jkun hemm dritt preċedenti kif imsemmi fl-Artikolu 8(4) u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-paragrafu jkunu sodisfatti.

2.   Trade mark tal-[Unjoni Ewropea] għandha wkoll tkun iddikjarata invalida mal-applikazzjoni lejn l-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontratalba fil-proċedimenti tal-ksur meta l-użu ta’ tali trade mark jista jkun ipprojbit bis-saħħa ta’ dritt aktar kmieni skont leġiżlazzjoni tal-[Unjoni Ewropea] jew ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-protezzjoni tagħha, u partikolarment:

[…]

(d)

id-dritt għal proprjetà industrijali.”

Ir-Regolament (KE) Nru 479/2008

5

Il-premessi 27, 28 u 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008, tad-29 ta’ April 2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU 2008, L 148, p. 1) jistabbilixxu:

“(27)

Il-kunċett ta’ l-inbejjed ta’ kwalità fil-Komunità jissejjes, fost l-oħrajn, fuq il-karatteristiċi speċifiċi attribwibbli għall-oriġini ġeografika ta’ l-inbid. Dawn l-inbejjed jiġu identifikati għall-konsumaturi permezz ta’ denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, anki jekk f’dan ir-rigward is-sistema attwali għadha mhijiex żviluppata bis-sħiħ. Sabiex ikun permess qafas trasparenti u aktar elaborat li jsostni l-pretenzjoni ta’ kwalità mill-prodotti kkonċernati, għandu jiġi stabbiliti reġim li taħtu jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għal denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika konformement ma’ l-approċċ segwit taħt il-politika orizzontali Komunitarja dwar il-kwalità, applikabbli għal oġġetti ta’ l-ikel għajr l-inbid u l-ispirti, fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta’ l- 20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel [ĠU 2008, L 335M, p. 213].

(28)

Sabiex jinżammu l-karatteristiċi partikolari ta’ kwalità ta’ l-inbejjed b’denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li japplikaw regoli aktar stretti f’dan ir-rigward.

[…]

(36)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, id-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi li diġà jeżistu fil-Komunità għandhom ikunu eżenti mill-applikazzjoni tal-proċedura l-ġdida ta’ eżaminar. Madankollu, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif bażiku u l-atti li permezz tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti fil-livell nazzjonali. Fin-nuqqas ta’ dan, il-prodotti kkonċernati għandhom jitilfu l-protezzjoni tagħhom bħala denominazzjonijiet ta’ l-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, għandu jkun limitat l-ambitu ta’ applikazzjoni għat-tħassir ta’ denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi eżistenti.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007

6

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU 2007, L 299, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 491/2009, tal-25 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 154, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1234/2007”), huwa, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża, applikabbli għall-kawża. Dan l-aħħar regolament ħassar, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2009, ir-Regolament Nru 479/2008.

7

Il-premessa 3 tar-Regolament Nru 491/2009 tistabbilixxi li:

“B’mod parallel man-negozjati u l-adozzjoni tar-Regolament [Nru 1234/2007], il-Kunsill beda jinnegozja wkoll riforma tal-politika fis-settur tal-inbid li issa ġiet iffinalizzata bl-adozzjoni tar-Regolament […] Nru 479/2008 […]. Kif ġie speċifikat fir-Regolament [Nru 1234/2007], kienu biss dawk id-dispożizzjonijiet tas-settur tal-inbid li ma kinux soġġetti għal xi riforma tal-politika li ġew inizjalment inkorporati fir-Regolament [Nru 1234/2007]. Dawn id-dispożizzjonijiet sostantivi li kienu soġġetti għal emendi ta’ politika kellhom jiġu inkorporati fir-Regolament [Nru 1234/2007] hekk kif dawn ikunu ġew promulgati. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet sostantivi issa ġew promulgati, is-settur tal-inbid għandu issa jiġi inkorporat bis-sħiħ fir-Regolament [Nru 1234/2007] billi jiddaħħlu d-deċiżjonijiet ta’ politika li ttieħdu fir-Regolament [Nru 479/2008].”

8

Fl-Artikolu 118b tar-Regolament Nru 1234/2007, intitolat “Definizzjonijiet”, il-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

‘denominazzjoni tal-oriġini’ tfisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż li jintuża sabiex jiddeskrivi prodott imsemmi fl-Artikolu 118a(1) li huwa konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

il-kwalità u l-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklussivament ġejjin minn ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu;

(ii)

l-għeneb li minnu hu prodott jiġi esklussivament minn din iż-żona ġeografika;

(iii)

il-produzzjoni tiegħu ssir f’din iż-żona ġeografika; u

(iv)

huwa magħmul minn varjetajiet ta’ dwieli tal-ispeċi Vitis vinifera;

(b)

‘indikazzjoni ġeografika’ tfisser indikazzjoni li tirriferi għal reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż li jintuża sabiex jiddeskrivi prodott imsemmi fl-Artikolu 118a(1) li jkun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

għandu kwalità speċifika, reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn li jistgħu jkunu attribwiti għal dik l-oriġini ġeografika;

(ii)

talanqas 85 % tal-għeneb li jintuża fil-produzzjoni tiegħu jiġi esklussivament minn din iż-żona ġeografika;

(iii)

il-produzzjoni tiegħu ssir f’din iż-żona ġeografika; u

(iv)

huwa magħmul minn varjetajiet ta’ dwieli tal-ispeċi Vitis vinifera jew minn speċijiet li jirriżultaw minn tilqim bejn l-ispeċi Vitis vinifera u speċijiet oħrajn tal-ġenus Vitis.”

9

L-Artikolu 118f ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura nazzjonali preliminari”, jiddisponi, fil-paragrafi 1, 6 u 7 tiegħu:

“1.   L-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika ta’ nbejjed skont l-Artikolu 118b, li joriġinaw fil-Komunità, għandhom ikunu soġġetti għal proċedura nazzjonali preliminari skont dan l-Artikolu.

[…]

6.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu sal-1 ta’ Awwissu 2009.

7.   Fejn Stat Membru m’għandu l-ebda leġislazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, huwa jista’, fuq bażi tranżizzjonali biss, joffri l-protezzjoni lill-isem skont it-termini ta’ din is-Subtaqsima fil-livell nazzjonali b’effett mill-jum li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni lill-Kummissjoni. Protezzjoni tranżizzjonali nazzjonali bħal din għandha tiġi fi tmiemha fid-data li fiha tittieħed deċizjoni dwar ir-reġistrazzjoni jew ir-rifjut taħt din is-Subtaqsima.”

10

Skont l-Artikolu 118i ta’ dan ir-regolament:

“Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi […] li jew tingħata protezzjoni fir-rigward tad-denominazzjoni tal-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti f’din is-subtaqsima u li tkun kompatibbli mal-liġi Komunitarja, jew li tirrifjuta l-applikazzjoni meta dawk il-kondizzjonijiet ma jiġux sosdisfatti.”

11

Fl-Artikolu 118l tar-Regolament Nru 1234/2007, intitolat “Relazzjoni ma’ trademarks”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika hija protetta taħt dan ir-Regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ trademark li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 118 m(2) u relatat ma’ prodott li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji elenkati fl-Anness XIb għandha tiġi miċħuda jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-marka tiġi ppreżentata wara d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika lill-Kummissjoni u d-denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika tiġi sussegwentement protetta.

Trademarks reġistrati bi ksur tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu invalidati.”

12

L-Artikolu 118m ta’ dan ir-regolament, intitolat “Protezzjoni”, jiddisponi:

“1.   Id-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jistgħu jintużaw minn kwalunkwe operatur li jikkumerċjalizza nbid li ġie prodott b’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti.

2.   Id-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u l-inbejjed li jużaw dawk l-ismijiet protetti b’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandhom jitħarsu minn:

(a)

kwalunkwe użu kummerċjali, dirett jew indirett, ta’ isem protett:

(i)

minn prodotti komparabbli li mhumiex konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-isem protett; jew

(ii)

sa fejn dan l-użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ denominazzjoni tal-oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika;

(b)

kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott jew servizz huwa indikat jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat minn espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’, ‘togħma’, ‘bħal’ jew xi espressjonijiet simili;

(c)

kwalunkwe indikazzjoni falza jew li tiżgwida dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fl-imballaġġ intern jew estern, materjal ta’ riklamar jew dokumenti relatati mal-prodott tal-inbid ikkonċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’kontenitur li x’aktarx jagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

(d)

kull prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

3.   Id-denominazzjonijiet tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti m’għandhomx isiru ġeneriċi fil-Komunità fit-tifsira tal-Artikolu 118k(1).

[…]”

13

Skont l-Artikolu 118n ta’ dan ir-regolament, intitolat “Reġistru”:

“Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat reġistru elettroniku ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għall-inbid. Dan għandu jkun aċċessibbli pubblikament.”

14

L-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007, intitolat “Ismijiet ta’ nbejjed protetti eżistenti” huwa redatt kif ġej:

“1.   L-ismijiet ta’ nbejjed li jkunu protetti skont l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1493/1999 [tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 25)] u l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad-29 ta’ April 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni tal-origini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 455], għandhom ikunu protetti awtomatikament taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha telenkahom fir-reġistru previst fl-Artikolu 118n ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom, fir-rigward tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1, jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a)

il-fajls tekniċi […];

(b)

id-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ approvazzjoni.

3.   L-ismijiet ta’ nbejjed imsemmijin fil-paragrafu 1, li għalihom l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tiġix ippreżentata sal-31 ta’ Diċembru 2011, m’għandhomx jibqgħu protetti taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-pass formali korrispondenti sabiex tneħħi dawn l-ismijiet mir-reġistru previst fl-Artikolu 118n.

4.   L-Artikolu 118r m’għandux japplika fir-rigward tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmijin fil-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi sal-31 ta’ Diċembru 2014, fuq l-inizjattiva tagħha stess u skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(4), li tikkanċella l-protezzjoni tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1 jekk huma ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 118b. […]”

15

Skont l-Artikolu 120d ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli aktar stretti deċiżi mill-Istati Membri”:

“L-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jeskludu l-użu ta’ ċerti prattiki enoloġiċi u jipprovdu restrizzjonijiet aktar stretti għall-inbejjed awtorizzati skont il-liġi Komunitarja prodotti fit-territorju tagħhom bil-ħsieb li jirrinforzaw il-preservazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ nbejjed b’denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta u ta’ nbejjed frizzanti u nbejjed likur.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn il-limitazzjonijiet, l-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet lill-Kummissjoni, li għandha tressaqhom għall-attenzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn.”

16

Fl-1 ta’ Awwissu 2009, konformement mal-Artikolu 118n tar-Regolament Nru 1234/2007, id-database E‑Bacchus issostitwixxiet il-pubblikazzjoni tal-listi tal-inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi (i.k.p.r.s.) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hekk kif kienet prevista mill-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1493/1999. Din id-database fiha d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti tal-inbejjed li ġejjin minn Stati Membri abbażi tar-Regolament Nru 1234/2007, kif ukoll id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi relatati mal-inbejjed li ġejjin minn pajjiżi terzi, protetti abbażi ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u dawn il-pajjiżi terzi.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

17

Fil-punti 1 sa 15 tas-sentenza appellata, il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża huma miġbura kif ġej:

“1

Fis-27 ta’ Ottubru 2006, […] Bruichladdich Distillery Co. Ltd [(iktar ’il quddiem ‘Bruichladdich’)], ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] quddiem l-[EUIPO] skont ir-Regolament [Nru 207/2009].

2

It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija s-sinjal verbali PORT CHARLOTTE (iktar 'il quddiem it-‘trade mark ikkontestata’).

3

Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: ‘Xorb alkoħoliku’.

4

It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata, fit-18 ta’ Ottubru 2007, taħt in-numru 5421474, u ppubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 60/2007, tad-29 ta’ Ottubru 2007.

5

Fis-7 ta’ April 2011, [IVDP] ressqet quddiem l-[EUIPO] talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, skont l-Artikolu 53(1)(c) moqri flimkien mal-Artikolu 8(4), l-Artikolu 53(2)(d) u l-Artikolu 52(1)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn l-imsemmija trade mark kienet tkopri l-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar 'il fuq.

6

B’risposta għat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, [Bruichladdich] llimitat il-lista tal-prodotti li għalihom it-trade mark ikkontestata kienet irreġistrata għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: ‘Whisky’.

7

Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, [IVDP] invokat id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ‘[P]orto’ u ‘[P]ort’ li, […] huma protetti, fl-Istati Membri kollha, minn diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Portugiż u mill-Artikolu 118[m](2) tar-Regolament Nru [1234/2007] […].

8

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

9

Fit-22 ta’ Mejju 2013, [IVDP] ppreżentat appell quddiem l-[EUIPO], skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

10

Permezz ta[d-deċiżjoni kontenzjuża], ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-[EUIPO] ċaħad l-appell.

11

Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ċaħad l-aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, essenzjalment minħabba […] li l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għall-inbid kienet irregolata esklużivament mir-Regolament Nru [1234/2007] u, għaldaqstant, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. […]

12

Barra minn hekk, dawn l-indikazzjonijiet ġeografiċi huma unikament protetti għall-inbejjed u, għaldaqstant, għal prodotti la identiċi u lanqas paragunabbli ma’ prodott imsejjaħ ‘whisky’, jiġifieri xarba spirituża b’dehra u perċentwal ta’ alkoħol differenti li ma jistax jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet għal nbid fis-sens tal-Artikolu 118[m](2)(a)(i) tar-Regolament Nru [1234/2007]. Sa fejn [IVDP] invokat ir-reputazzjoni tal-imsemmija denominazzjonijiet ta’ oriġini, fis-sens tal-Artikolu 118[m](2)(a)(ii) tal-istess regolament, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark ikkontestata la kienet ‘tuża’ u lanqas ma kienet ‘tevoka’, l-indikazzjonijiet ġeografiċi ‘porto’ jew ‘port’, b’mod li ma kienx neċessarju li jiġi vverifikat jekk dawn kinux igawdu minn reputazzjoni. […] Il-konsumatur Portugiż jaf li ‘t-terminu ġeografiku huwa fil-fatt ‘Oporto’ jew ‘Porto’ u li ‘Port’ hija sempliċement il-forma mqassra tiegħu, użata fuq it-tikketti ta’ fliexken tal-inbid sabiex jiġi indikat it-tip ta’ nbid protett minn din l-indikazzjoni ġeografika’ (punti 19 sa 26 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

13

F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argument [ta’ IVDP] li l-protezzjoni skont l-Artikolu 118[m](2) tar-Regolament Nru [1234/2007] għandha tiġi estiża għal kull sinjal ‘li jinkludi’ t-terminu ‘port’. Lanqas ma teżisti ‘evokazzjoni’ ta’ nbid ta’ Porto fis-sens tal-Artikolu 118[m](2)(b) tal-istess regolament, peress li l-whisky huwa prodott differenti u l-ebda element tat-trade mark ikkontestata ma jinkludi indikazzjoni potenzjalment falza jew qarrieqa. Għalhekk, skont il-Bord tal-Appell, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi evalwat jekk it-trade mark ikkontestata tgawdix jew le minn reputazzjoni, ir-rikors ma jistax jiġi milqugħ abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi għal inbejjed (punti 27 sa 29 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

14

Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ċaħad l-aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 53(2)(d) tar-Regolament Nru 207/2009, ibbażat fuq l-allegati denominazzjonijiet ta’ oriġini ‘[P]orto’ u ‘[P]ort’ irreġistrati fi ħdan l-Organizzazzjoni mondjali tal-proprjetà intellettwali (WIPO), fit-18 ta’ Marzu 1983, taħt in-numru 682, skont il-ftehim ta’ Lisbona. […]

15

Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ċaħad l-aggravji bbażati fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) sa (g) tal-istess regolament. […]”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2014, IVDP ressqet rikors intiż għal annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

19

Insostenn tar-rikors tagħha, IVDP invokat sitt motivi, fosthom motiv ta’ fatt u ħames motivi ta’ dritt.

20

Għall-finijiet ta’ dan l-appell, huma rilevanti, it-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għall-inbejjed kien irregolat esklużivament mir-Regolament Nru 1234/2007, u mhux ukoll mid-dritt nazzjonali, l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, peress li l-Bord tal-Appell naqas milli japplika r-regoli rilevanti tad-dritt Portugiż, u t-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 118m(2) tar-Regolament Nru 1234/2007, peress li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra b’mod żbaljat li r-reġistrazzjoni jew l-użu tat-trade mark ikkontestata la kienet tikkostitwixxi użu u lanqas evokazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Porto” jew “Port”, b’tali mod li ma kienx hemm lok li tiġi vverifikata r-reputazzjoni ta’ din.

21

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħat it-tielet motiv u l-ewwel parti tar-raba’ motiv, peress li dawn kienu essenzjalment jilmentaw li l-Bord tal-Appell ma kienx japplika r-regoli rilevanti tad-dritt Portugiż fil-qasam tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini “Porto” jew “Port”, u ċaħdet il-motivi l-oħra.

22

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

23

Permezz ta’ att tat-22 ta’ Jannar 2016, l-EUIPO ppreżenta appell kontra s-sentenza appellata. Permezz ta’ att tas-27 ta’ Mejju 2016, IVDP ippreżenta appell inċidentali kontra l-istess sentenza.

24

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2016, ir-Repubblika Portugiża ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ IVDP.

25

Permezz ta’ digriet tal-President tat-12 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni Ewropea ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-EUIPO matul il-proċedura orali.

26

Bl-appell tiegħu, l-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tilqa’ l-appell kollu kemm hu;

tannulla s-sentenza appellata, u

tikkundanna lil IVDP għall-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO.

27

IVDP titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell kollu kemm hu;

tikkonferma s-sentenza appellata, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż sostnuti minn IVDP fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO, il-Bord tal-Appell kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

28

Bruichladdich titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lil IVDP għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

29

Ir-Repubblika Portugiża titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

30

Bl-appell inċidentali tagħha, IVDP titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tilqa’ l-appell inċidentali kollu kemm hu;

tannulla parzjalment is-sentenza appellata, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż sostnuti minn IVDP bħala appellanti fl-appell inċidentali.

31

L-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell inċidentali;

tikkonferma l-appell tal-EUIPO;

tikkundanna lil IVDP għall-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO fil-kuntest tal-appell inċidentali.

32

Bruichladdich titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell inċidentali kollu kemm hu u tikkundanna lil IVDP għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Fuq l-appell prinċipali u l-appell inċidentali

L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-appell prinċipali

33

Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO invoka aggravju wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 53(2)(d) ta’ dan ir-regolament.

34

Permezz ta’ dan l-aggravju, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, “li, għall-dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 1234/2007], l-Artikolu 118m(1) u (2) [ta’ dan ir-regolament] jirregola, b’mod uniformi u esklużiv, kemm l-awtorizzazzjoni kif ukoll il-limiti, u anki l-projbizzjoni tal-użu kummerċjali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti mid-dritt tal-Unjoni”. Huwa jsostni li din madankollu għamlet żball ta’ dritt meta ddeċidiet, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li tali denominazzjonijiet ta’ oriġini jistgħu madankollu jibbenefikaw minn protezzjoni supplimentari mogħtija skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

35

Għalhekk meta ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali kisret kemm il-prinċipji stabbiliti mit-Trattat FUE, li jipprevedi li l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Istati Membri hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-Unjoni ma tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha, kif ukoll dawk stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-karatteristiċi u l-għanijiet tar-Regolament Nru 510/2006, li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521), sabiex tqis li l-iskema ta’ protezzjoni prevista taħt dak ir-regolament kienet ta’ natura eżawrjenti, huma simili għal dawk tar-Regolamenti Nri 1234/2007 u 479/2008. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dawn ir-regolamenti huma fil-parti l-kbira identiċi.

36

L-EUIPO ssostni wkoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien stabbilixxa, għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1234/2007 u 479/2008, skema ta’ protezzjoni ta’ dawn l-ismijiet fis-settur tal-inbid biss fuq livell tad-dritt tal-Unjoni. L-unika eċċezzjoni tikkonċerna s-sistema tranżitorja ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi eżistenti fl-Istati Membri.

37

L-EUIPO jsostni li, jekk fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet espressament applikazzjoni simili tal-prinċipji stabbilit fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521), minn dan għandu jiġi dedott, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li n-natura eżawrjenti tas-sistema ta’ protezzjoni prevista mir-Regolament Nru 1234/2007 teskludi l-possibbiltà li tingħata protezzjoni supplimentari li tikkomplimenta, jew tibdel, dik mogħtija taħt dan ir-regolament.

38

IVDP issostni li jirriżulta b’mod ċar mill-punti 38 u 41 tas-sentenza appellata li l-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini u lill-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti mir-Regolament Nru 1234/2007 huwa esklużivament irregolat minn dan ir-regolament. Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minn dan ir-regolament hija eżawrjenti u tipprekludi l-applikazzjoni jew l-introduzzjoni ta’ kull sistema oħra ta’ protezzjoni.

39

Għalhekk, il-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 1234/2007 ma topponi la l-portata u lanqas in-natura tal-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 207/2009, b’mod partikolari l-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 53(1)(c) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 53(2)(d) ta’ dan l-istess regolament.

40

Skont IVDP, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tivvizzja l-evalwazzjoni tagħha bi żball ta’ liġi jew b’motivazzjoni kontradittorja, tqis li l-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 1234/2007 lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ nbejjed kienet esklużiva u setgħet madankollu tkun ikkompletata bil-protezzjoni mogħtija lid-drittijiet preċdenti taħt id-dritt nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba li dawn ir-regoli għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti u awtonomu.

41

IVDP tikkontesta wkoll l-allegat paralleliżmu bejn ir-Regolament Nru 510/2006 u r-Regolament Nru 1234/2007 mwettaq mill-EUIPO u għaldaqstant l-applikazzjoni għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ nbejjed tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521) dwar id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ prodotti tal-ikel.

42

IVDP tfakkar li jirriżulta mill-punt 114 tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521), li r-Regolament (KEE) Nru 2081/92 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4) u r-Regolament Nru 510/2006 għandhom l-għan li jipprevedu sistema ta’ protezzjoni uniformi u eżawrjenti, madankollu din l-esklużività ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni tal-ismijiet ġeografiċi li jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti.

43

IVDP issostni li, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kien biħsiebu jistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni eżawrjenti u esklużiva, dan kien espliċitament jirriżulta mid-dispożizzjonijiet stabbiliti minn din is-sistema. F’dan ir-rigward huma sinjifikattivi t-termini użati fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 510/2006 jew fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).

44

Barra minn hekk, IVDP tirrileva li l-premessa 28 tar-Regolament Nru 479/2008 tindika li sabiex jinżammu l-karatteristiċi partikolari tal-inbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika, “l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li japplikaw regoli aktar stretti f’dan ir-rigward”.

45

Bruichladdich issostni li, hekk kif kienet ammettiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura esklużiva tar-Regolament Nru 510/2006 dwar l-indikazzjonijiet ta’ oriġini għall-prodotti tal-ikel tapplika mutatis mutandis għar-Regolament Nru 1234/2007 fir-rigward tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ nbejjed. Fil-fatt, dawn ir-regolamenti jinkludu dispożizzjonijiet simili, b’mod partikolari fil-qasam ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni jew tal-portata tal-protezzjoni.

46

Barra minn hekk, kull possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu protezzjoni speċifika taħt regoli oħra kellha tkun ibbażata fuq regoli espliċiti. Bruichladdich issostni li l-Istati Membri bħalissa għandhom biss l-għażla li tingħata protezzjoni temporanja nazzjonali għal denominazzjoni ta’ oriġini sakemm tingħata deċiżjoni mill-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din fl-Unjoni.

47

Barra minn hekk, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 ma setax jiġi kklassifikat bħala “deroga espressa”, peress li fih dispożizzjonijiet ġenerali u jirreferi biss għal-leġiżlazzjoni nazzjonali “applikabbli” għas-sinjal preċedenti invokat.

48

Madankollu, ir-Repubblika Portugiża ssostni li għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni li l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-inbejjed hija eżawrjenti u tipprekludi protezzjoni supplimentari fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

49

Fl-aħħar nett, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni sostniet li s-sistema ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini fis-settur tal-inbid, kif previst mir-Regolament Nru 1234/2007, għandha natura eżawrjenti li teskludi kull protezzjoni ta’ dawn mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

Fuq l-appell inċidentali

50

Insostenn tal-appell inċidentali tagħha, IVDP tinvoka tliet aggravji.

51

Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali tagħha, intiż sabiex jikkontesta l-punti 38 u 41 tas-sentenza appellata, IVDP issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi ddeċidiet li l-Artikolu 118m(1) u (2) tar-Regolament Nru 1234/2007 jirregola b’mod uniformi u esklużiv, kemm l-awtorizzazzjoni kif ukoll il-limiti, jew il-projbizzjoni tal-użu kummerċjali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti mid-dritt tal-Unjoni. Skont IVDP, dan ma huwiex il-każ, minħabba li x-xebh stabbilit f’dan ir-rigward bejn ir-Regolament Nru 510/2006 u r-Regolament Nru 1234/2007 ma huwiex fondat.

52

F’dan ir-rigward, IVDP tibbaża fuq l-argumenti tagħha żviluppati fil-kuntest tal-appell prinċipali ppreżentat mill-EUIPO, li l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-inbejjed ma hijiex esklużivament irregolata mir-Regolament Nru 1234/2007 iżda tirriżulta wkoll minn kwistjoni tad-dritt nazzjonali. Insostenn ta’ dawn l-argumenti, hija ssostni li l-prinċipji stabbiliti fil-punt 114 tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521), dwar il-portata tas-sistema ta’ protezzjoni prevista mir-Regolament Nru 510/2006, ma tistax tiġi estiża għas-sistema ta’ protezzjoni prevista mir-Regolament Nru 1234/2007, minħabba fl-għanijiet u l-karatteristiċi differenti sinjifikattivi bejn dawn iż-żewġ regolamenti.

53

Permezz tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħha, IVDP tikkontesta lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet b’mod żbaljat, fil-punti 68 sa 73 tas-sentenza appellata, it-tieni lment tat-tieni parti tar-raba’ motiv tagħha, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007, minħabba li t-trade mark kkontestata ma kinitx tagħmel użu mid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Porto” jew “Port” li tagħha IVDP hija detentur, u lanqas ma kienet tevokaha, b’tali mod li ma kienx hemm lok li tiġi vverifikata r-reputazzjoni ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini.

54

IVDP issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li t-tifsira primarja tat-terminu “port” f’varjetà ta’ lingwi Ewropej, inklużi l-lingwa Ingliża u Portugiża, hija dik ta’ port, jiġifieri post li jinsab mal-baħar jew xmara. Fil-fatt, fil-lingwa Portugiża, il-kelma “port” ma teżistix u t-terminu użat sabiex jiġi indikat port huwa “porto”. F’din il-lingwa, il-kelma “port” tikkostitwixxi biss forma fost oħrajn tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Porto”.

55

IVDP tikkontesta wkoll l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punt 71, li s-sinjal “PORT CHARLOTTE”“jinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala li jirreferi għal port li għandu l-isem ta’ persunaġġ imsejjaħ Charlotte, mingħajr ma ssir rabta diretta mad-denominazzjoni tal-oriġini ‘[P]ort[o]’ jew ‘[P]ort’ jew inbid ta’ Porto”.

56

L-inklużjoni tat-terminu “Port” fit-trade mark kkontestata tikkostitwixxi imitazzjoni jew evokazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Port”, b’tali mod li, bħala d-detentur ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini, IVDP għandha tkun protetta kontra l-użu ta’ din it-trade mark skont l-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007.

57

Permezz tat-tielet aggravju tal-appell inċidentali tagħha, IVDP tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet, fil-punti 74 sa 77 tas-sentenza appellata, it-tielet ilment tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tagħha, meta ddeċidiet li l-użu tat-trade mark ikkontestata ma jikkostitwixxix “użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni” tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Porto” jew “Port” fis-sens tal-Artikolu 118m(2)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007.

58

Insostenn ta’ dan it-tielet aggravju, IVDP tirreferi għall-argumenti tagħha żviluppati fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, peress li hija tqis li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, essenzjalment fuq l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk stabbiliti fil-punt 71 ta’ din is-sentenza inkwistjoni fit-tieni motiv.

59

Abbażi ta’ dawn l-argumenti, IVDP tikkontesta wkoll l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punt 76 tas-sentenza appellata, “għar-raġunijiet esposti fil-punt 71 [ta’ din is-sentenza], anki jekk it-terminu “port” jagħmel parti integrali mit-trade mark ikkontestata, il-konsumatur medju, anki fl-ipoteżi li huwa ta’ oriġini jew ta’ lingwa Portugiża, meta jkun quddiem whisky li jkollu l-imsemmija trade mark, ma jassoċjahiex ma’ nbid ta’ Porto li jibbenefika mid-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni”.

60

Lanqas ma hija korretta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li dan il-konsumatur ma huwiex sejjer jassoċja whisky bit-trade mark ikkontestata ma’ nbid ta’ Porto li jibbenefika minn din id-denominazzjoni minħabba d-differenzi sinjifikattivi bejn il-karatteristiċi rispettivi ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ xorb f’termini, b’mod partikolari, ta’ ingredjenti, ta’ kontenut ta’ alkoħol u ta’ togħma.

61

Fi kwalunkwe każ, hekk kif IVDP kienet diġà sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk il-whisky u l-inbid ta’ Porto huma, b’mod ċar, xarbiet differenti, madankollu dawn huma xorta waħda prodotti komparabbli.

62

Fir-rigward tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, l-EUIPO tirreferi għall-argumenti diġà żviluppati insostenn tal-appell tagħha.

63

L-EUIPO ssostni li t-tieni u t-tielet aggravji tal-appell inċidentali, peress li dawn jirrigwardaw biss l-argumenti li jikkonċernaw l-evalwazzjoni fattwali tal-kawża u ma jqajmu ebda kwistjoni ta’ dritt, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

64

Permezz ta’ dawn l-aggravji, IVDP ma kinitx qed tfittex li turi li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-kriterji ġuridiċi rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 118m tar-Regolament Nru 1234/2007, iżda qed tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża magħmula mill-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet dwar jekk it-trade mark ikkontestata tevoka d-denominazzjoni ta’ oriġini “Port” u jekk il-whisky u l-inbid ta’ Porto humiex prodotti komparabbli.

65

L-EUIPO josserva li, fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet aggravji tal-appell inċidentali tagħha, IVDP ma tikkontesta l-ebda żnaturament tal-punti ta’ fatt mill-Qorti Ġenerali.

66

Barra minn hekk, isostni li l-Qorti Ġenerali applikat il-kriterji legali xierqa, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita l-kunċett ta’ “evokazzjoni” jkopri ipoteżi li fiha t-terminu użat sabiex jindika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’tali mod li meta l-konsumatur ikollu quddiemu l-isem tal-prodott, ix-xbiha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li d-denominazzjoni tiegħu hija protetta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Bruichladdich issostni li l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud peress li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Nru 510/2006 jirriżulta li s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minn dan ir-regolament għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għall-prodotti tal-ikel hija eżawrjenti. Għalhekk, jekk prodott jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, kwalunkwe protezzjoni nazzjonali parallela jew simili għandha tieqaf.

68

Madankollu, din il-kumpannija tikkunsidra li l-esklużività tas-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni ma teskludix kull protezzjoni nazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi. Fil-fatt, tali protezzjoni nazzjonali xorta tibqa’ possibbli fil-każ ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkonċernata. Madankollu, dan ma huwiex il-każ tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Porto” jew “Port”, peress li dan huwa protett taħt ir-Regolament Nru 1234/2007.

69

Bruichladdich issostni li t-tieni u t-tielet aggravji tal-appell inċidentali ma humiex fondati.

70

Hija tqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li t-trade mark ikkontestata ma kisritx l-Artikolu 118m(1) u (2) tar-Regolament Nru 1234/2007. Hija wkoll fondata l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti tal-Unjoni bejn il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata u l-inbejjed tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Porto”.

71

F’dan ir-rigward, Bruichladdich issostni b’mod partikolari li d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Porto” jew “Port” hija meqjusa bħala li tirreferi għal parti mit-territorju Portugiż, jiġifieri r-reġjun fejn l-inbejjed mibjugħa taħt dak l-isem jiġu prodotti. Madankollu, it-trade mark ikkontestata ma tagħmel l-ebda referenza għal dan ir-reġjun, iżda għal post ħdejn il-baħar, peress li l-kelma “port” huwa terminu fil-lingwa Ingliża li jirreferi għal post mal-kosta intiż għad-dgħajjes. Fis-sinjal kompost “PORT CHARLOTTE”, it-tieni sinjal “CHARLOTTE”, li huwa l-element dominanti fid-daqs u l-karattru distintiv tiegħu, huwa immedjatament interpretat bħala isem femminili. Għalhekk, l-ewwel sinjal, komunement użat għal diversi prodotti, inklużi xarbiet alkoħoliċi, iservi biss sabiex jikkaratterizza tip ta’ post.

72

Fi kwalunkwe każ, il-prodotti inkwistjoni, jiġifieri l-inbid ta’ Porto u l-whisky, huma biżżejjed differenti, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-ingredjenti, it-togħma u l-kontenut ta’ alkoħol.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali

73

Fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali invokat minn IVDP.

74

Dan l-aggravju jikkonċerna l-punti 38 u 41 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“38

[…] konformement mal-ispirtu u mas-sistema tal-kuntest regolamentari uniku tal-politika agrikola komuni (premessa 1 tar-Regolament Nru 491/2009; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija għar-Regolament Nru 510/2006, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar,C‑478/07, […] EU:C:2007:521, punti 107 et seq), għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru [1234/2007], il-kundizzjonijiet preċiżi u l-portata ta’ din il-protezzjoni huma stabbiliti esklużivament fl-Artikolu 118m(1) u (2) tal-istess regolament.

[…]

41

Minn dan għandu jiġi konkluż li, għall-dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru [1234/2007], l-Artikolu 118m(1) u (2) jirregola, b’mod uniformi u esklużiv, kemm l-awtorizzazzjoni kif ukoll il-limiti, u anki l-projbizzjoni tal-użu kummerċjali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod li, f’dan il-kuntest preċiż, ma kienx hemm lok għall-Bord tal-Appell li japplika l-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni speċifikament stabbiliti fir-regoli rilevanti tad-dritt Portugiż li kienu wasslu għall-inklużjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ‘[P]orto’ jew ‘[P]ort’ fid-database E‑Bacchus.”

75

Kuntrarjament għal dal li ssostni IVDP, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi peress li applikat għas-sistema prevista mir-Regolament Nru 1234/2007 il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521) dwar in-natura uniformi u esklużiva tas-sistema ta’ protezzjoni prevista mir-Regolament Nru 510/2006.

76

Fil-fatt, jekk il-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 1234/2007 ċertament ma hijiex l-istess bħal dik prevista mir-Regolament Nru 510/2006, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tqis li dawn iż-żewġ sistemi kellhom essenzjalment l-istess natura, peress li l-għanijiet tagħhom u l-karatteristiċi tagħhom kienu simili, hekk kif ġie osservat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu.

77

Sabiex teżamina l-għanijiet tas-sistema ta’ protezzjoni tar-Regolament Nru 1234/2007, għandha ssir referenza għall-premessi tar-Regolament Nru 479/2008, peress li r-Regolament Nru 491/2009 li emenda r-Regolament Nru 1234/2007 fil-verżjoni tiegħu preċedenti essenzjalment illimita ruħu jinkorpora f’dan tal-aħħar id-dispożizzjonijiet dwar id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-inbid li kienu ġew introdotti mir-Regolament Nru 479/2008.

78

F’dan ir-rigward, skont il-premessi tar-Regolament Nru 479/2008 jirriżulta li, bħar-Regolament Nru 510/2006, kien ġie adottat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fil-qasam tal-politika agrikola komuni.

79

Fir-rigward tal-għanijiet ta’ dawn l-istrumenti, il-premessa 27 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li s-sistema ta’ protezzjoni inkwistjoni hija maħsuba sabiex tippermetti lill-konsumaturi li jidentifikaw, permezz ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, l-inbejjed hekk imsejħa “ta’ kwalità”. Għal dan il-għan, din l-istess premessa tindika li għandhom jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għal tali indikazzjonijiet ġeografiċi konformement mal-politika orizzontali tal-Unjoni fil-qasam tal-kwalità tal-prodotti tal-ikel minbarra l-inbejjed u l-ispirti kif iddefiniti mir-Regolament Nru 510/2006.

80

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet tar-Regolament Nru 1234/2007 huma simili għal dawk previsti mir-Regolament Nru 510/2006, li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat fil-punti 110 sa 113 tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont ir-Regolament Nru 510/2006 toffri garanzija ta’ kwalità lill-konsumaturi dwar il-prodotti li kienu koperti minnha.

81

F’dan ir-rigward, hija tfakkar li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini jaqgħu taħt id-drittijiet ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Il-leġiżlazzjoni applikabbli tipproteġi lill-benefiċjarji tagħhom minn użu abbużiv tal-imsemmija denominazzjonijiet minn terzi li jixtiequ japprofittaw mir-reputazzjoni li dawn ikunu kisbu. Tali denominazzjonijiet huma intiżi sabiex jiggarantixxu li l-prodott kopert bihom ikun ġej minn żona ġeografika speċifika u li għandu ċerti karatteristiċi partikolari. Huma jistgħu jgawdu reputazzjoni kbira fost il-konsumaturi u jikkostitwixxu għall-produtturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jużawhom mezz essenzjali sabiex jattiraw klijentela. Ir-reputazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tiddependi mill-immaġni li dawn igawdu mal-konsumaturi. Din l-immaġni tiddependi essenzjalment mill-karatteristiċi partikolari u, b’mod iktar ġenerali, mill-kwalità tal-prodott. Hija din ta’ l-aħħar li, fl-aħħar mill‑aħħar, tifforma l-bażi tar-reputazzjoni tal-prodott. Fil‑perċezzjoni tal-konsumatur, ir-rabta bejn ir-reputazzjoni tal-produtturi u l‑kwalità tal-prodotti tiddependi wkoll mill-konvinzjoni tiegħu li l-prodotti mibjugħa bid-denominazzjoni tal-oriġini huma awtentiċi (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 1234/2007 jikkostitwixxi strument tal-politika agrikola komuni intiż essenzjalment sabiex jiżgura lill-konsumaturi li prodotti agrikoli li għandhom indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont dan ir-regolament jippreżentaw, minħabba l-provenjenza minn żona ġeografika speċifika tagħhom, ċerti karatteristiċi partikolari u, għaldaqstant, joffru garanzija ta’ kwalità dovuta għall-provenjenza ġeografika tagħhom, bl-għan li jippermetti lill-operaturi agrikoli li jkunu għamlu sforz kwalitattiv li jiksbu f’korrispettiv l-aħjar dħul u jipprekludu li terzi ma japprofittawx ruħhom abbużivament mir-reputazzjoni li tirriżulta mill-kwalità ta’ dawn il-prodotti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 111).

83

Madankollu, jekk kien possibbli għall-Istati Membri li jippermettu lill-produtturi tagħhom li jużaw fit-territorji nazzjonali tagħhom wieħed mill-indikazzjonijiet jew wieħed mis-simboli li r-Regolament Nru 1234/2007 jirriżerva għall-ismijiet irreġistrati skont dan ir-regolament, billi jibbażaw fuq dritt nazzjonali li jista’ jirrispondi għal rekwiżiti inqas vinkolanti minn dawk imposti fil-kuntest ta’ dan ir-regolament għall-prodotti inkwistjoni, din il-garanzija ta’ kwalità, li tikkostitwixxi l-funzjoni essenzjali tad-drittijiet mogħtija skont ir-Regolament Nru 1234/2007, tirriskja li ma tiġix żgurata. Li tagħti tali setgħa lil dawn il-produtturi nazzjonali wkoll jista’ jipperikola l-kisba tal-kompetizzjoni libera u mhux imxekkla fis-suq intern bejn il-produtturi ta’ prodotti li għandhom dawn l-indikazzjonijiet jew dawn is-simboli u jista’, b’mod partikolari, jikkawża dannu lid-drittijiet li għandhom ikunu rriżervati għall-produtturi li għamlu sforzi kwalitattivi reali sabiex jużaw indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 112).

84

Ir-riskju li teffettwa l-għan prinċipali segwit mir-Regolament Nru 1234/2007, li jikkonsisti fil-fatt li tiġi żgurata l-kwalità tal-prodotti agrikoli kkonċernati, huwa iktar għoli, b’differenza mir-trade marks, milli kieku l-ebda miżura ta’ armonizzazzjoni ta’ eventwali sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, sa issa ma tkun ġiet adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 113).

85

Għandu jiġi wkoll kkonstatat li l-karatteristiċi tas-sistema ta’ protezzjoni previsti mir-Regolament Nru 1234/2007 huma simili għal dawk stabbiliti bir-Regolament Nru 510/2006, li huma indikati fil-punti 115 et seq tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521).

86

Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal sistemi oħra tad-dritt tal-Unjoni ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, bħal dawk relatati mat-trade mark tal-Unjoni Ewropea previsti mir-Regolament Nru 207/2009 jew dawk relatati ma’ varjetajiet ta’ pjanti skont ir-Regolament Nru 2100/94, il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi skont ir-Regolament Nru 1234/2007 hija bbażata fuq qsim tal-kompetenzi bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni, peress li d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ isem ma tistax tittieħed mill-Kummissjoni, ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun ressqilha talba għal dan il-għan u din it-talba ma tistax issir ħlief jekk l-Istat Membru jkun ivverifika li hija ġġustifikata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 116).

87

Il-proċeduri nazzjonali ta’ reġistrazzjoni huma għalhekk integrati fil-proċedura deċiżjonali fuq livell tal-Unjoni u jikkostitwixxu parti essenzjali minnha. Huma ma jistgħux jeżistu barra mis-sistema ta’ protezzjoni tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 117).

88

Fir-rigward tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni, huwa wkoll importanti li l-Artikolu 118f(7) tar-Regolament Nru 1234/2007, dispożizzjoni essenzjalment identika għall-Artikolu 38(7) tar-Regolament Nru 479/2008, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi provviżorja biss, jagħtu protezzjoni nazzjonali lil isem sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 510/2006, sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 118).

89

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fis-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1234/2007, meta l-Istati Membri jkollhom kompetenza sabiex jieħdu deċiżjonijiet, anki jekk provviżorji, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, din il-kompetenza tirriżulta minn regoli espressi (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 510/2006, sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 119).

90

Barra minn hekk, tali dispożizzjoni tkun imċaħħda minn effett utli jekk l-Istati Membri jistgħu jżommu s-sistemi tagħhom stess ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi fis-sens tar-Regolamenti Nri 1234/2007 u 479/2008 u jagħmluhom jikkoeżistu ma’ dawk li jirriżultaw minn dawn ir-regolamenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 120).

91

Fit-tieni lok, in-natura eżawrjenti tas-sistema ta’ protezzjoni hekk kif prevista bir-Regolamenti Nru 1234/2007 u 479/2008 hija wkoll attestata permezz tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti għall-ismijiet ġeografiċi eżistenti, bħad-denominazzjoni ta’ oriġini “Porto” jew “Port” (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 121).

92

Għalhekk, l-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007, dispożizzjoni essenzjalment identika għall-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 479/2008, tipprevedi sistema tranżitorja ta’ protezzjoni intiża sabiex iżżomm, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-protezzjoni tal-ismijiet tal-inbejjed diġà previsti qabel l-1 ta’ Awwissu 2009 fid-dritt nazzjonali. Din is-sistema tranżitorja ta’ protezzjoni, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 118s(1) tar-Regolament Nru 1234/2007, organizzata fuq livell tal-Unjoni skont ir-Regolament Nru 1493/1999 u mogħtija awtomatikament l-ismijiet ta’ nbejjed diġà protetti, b’mod partikolari, bl-applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 58).

93

Barra minn hekk, l-Artikolu 118s(4) tar-Regolament Nru 1234/2007 jipprevedi li, sal-31 ta’ Diċembru 2014, din il-protezzjoni awtomatika ta’ ismijiet ta’ nbejjed setgħet tiġi rtirata mill-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess, jekk dawn ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 118b ta’ dak ir-regolament.

94

Madankollu, tali sistema ta’ protezzjoni tranżitorja ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi eżistenti ma kellha ebda skop jekk is-sistema ta’ protezzjoni ta’ dawn l-ismijiet previsti mir-Regolament Nru 1234/2007 kellha natura mhux eżawrjenti li tindika li l-Istati Membri jżommu fi kwalunkwe każ l-għażla li jżommuha mingħajr limitazzjoni ta’ żmien (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 128).

95

Barra minn hekk, minkejja li l-premessa 28 tar-Regolament Nru 479/2008 tistabbilixxi li, “[s]abiex jinżammu l-karatteristiċi partikolari ta’ kwalità ta’ l-inbejjed b’denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li japplikaw regoli aktar stretti f’dan ir-rigward”, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif rilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-premessa tirreferi biss għall-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli aktar stretti deċiżi mill-Istati Membri”, li jikkonċerna biss il-prattiki enoloġiċi.

96

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punti 38 u 41 tas-sentenza appellata, fir-rigward tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini “Porto” jew “Port”, protetti taħt ir-Regolament Nru 1234/2007, li dan ir-regolament jinkludi sistema ta’ protezzjoni uniformi u esklużiva, b’tali mod li ma kienx hemm bżonn għall-Bord tal-Appell li japplika r-regoli rilevanti tad-dritt Portugiż li kienu għall-oriġini tar-reġistrazzjoni ta’ dawn id-denominazzjonijiet ta’ oriġini fid-database E‑Bacchus.

97

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju tal-appell prinċipali

98

Permezz tal-aggravju waħdieni tagħha fil-kuntest tal-appell prinċipali, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 53(2)(d) ta’ dan ir-regolament, l-EUIPO jikkontesta l-punt 44 tas-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“Fir-rigward tal-allegata natura eżawrjenti tal-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 118m(1) u (2) tar-Regolament Nru [1234/2007], kif irrikonoxxuta mill-Bord tal-Appell u invokata mill-[EUIPO], għandu jiġi rrilevat li ma jirriżulta la mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru [1234/2007] u lanqas minn dawk tar-Regolament Nru 207/2009 li l-protezzjoni skont l-ewwel regolament għandha tinftiehem li hija kemm eżawrjenti fis-sens li ma tistax tiġi kkompletata, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, minn skema oħra ta’ protezzjoni. Għall-kuntrarju, mill-formulazzjoni univoka tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tiegħu kif ukoll minn dik tal-Artikolu 53(2)(d) tal-istess regolament jirriżulta li, l-kawżi għal invalidità jistgħu jkunu bbażati, b’mod alternattiv jew kumulattiv, fuq drittijiet preċedenti ‘skont leġiżlazzjoni tal-[Unjoni] jew ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-protezzjoni tagħha’. Minn dan isegwi li l-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini u lill-indikazzjonijiet ġeografiċi (protetti) skont ir-Regolament Nru [1234/2007], bil-kundizzjoni li jikkostitwixxu ‘drittijiet preċedenti’ fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitata iktar 'il fuq tar-Regolament Nru 207/2009, tista’ tiġi kkompletata mid-dritt nazzjonali rilevanti li jagħti protezzjoni addizzjonali.”

99

Miċ-ċaħda tal-ewwel aggravju fl-appell inċidentali jirriżulta li, kien mingħajr ma l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, meta bbażat fuq l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 107 et seq tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521), dwar dispożizzjonijiet relatati mas-sistema ta’ protezzjoni prevista mir-Regolament Nru 510/2006, li hija essenzjalment iddeċidiet fil-punti 38 u 41 tas-sentenza appellata, li s-sistema ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini “Porto” jew “Port”, kif previst fl-Artikolu 118m(1) u (2) tar-Regolament Nru 1234/2007, kellu f’dak li jirrigwarda d-denominazzjonijiet ta’ oriġini li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, natura uniformi u esklużiva.

100

Madankollu, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sistema ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini prevista mir-Regolament Nru 510/2006 kellha tiġi interpretata fis-sens li kellha natura kemm uniformi u kemm eżawrjenti.

101

B’riżultat ta’ din in-natura eżawrjenti ta’ din is-sistema ta’ protezzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 510/2006 kellu wkoll jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni prevista minn trattati li jorbtu żewġ Stati Membri, li jagħtu lil isem, rikonoxxut skont id-dritt ta’ Stat Membru bħala li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini, protezzjoni fi Stat Membru ieħor fejn din il-protezzjoni hija effettivament mitluba minkejja li ma kinitx saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal din id-denominazzjoni ta’ oriġini skont dan ir-regolament.

102

Lanqas ma jirriżulta mis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521), li l-konsegwenza mfassla mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura eżawrjenti tas-sistema ta’ protezzjoni prevista fir-Regolament Nru 510/2006 ma tkopri s-sitwazzjoni fejn is-sistema tad-dritt nazzjonali inkwistjoni tagħti protezzjoni “supplimentari” għal indikazzjoni ġeografika jew denominazzjoni ta’ oriġini protetta, jiġifieri protezzjoni msaħħa jew protezzjoni ta’ livell ogħla minn dak li jirriżulta biss minn dan ir-regolament.

103

Għar-raġunijiet esposti fil-punti 83 u 89 sa 93 ta’ din is-sentenza, is-sistema ta’ protezzjoni prevista mir-Regolament Nru 1234/2007 għandha natura eżawrjenti, b’tali mod li dan ir-regolament jipprekludi l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni nazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt dan ir-regolament.

104

Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi skont ir-Regolament Nru 1234/2007 ma għandhomx jiġu interpretati bħala eżawrjenti, jiġifieri bħal li ma jistgħux jiġu kkompletati, “barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha” minn sistema oħra ta’ protezzjoni.

105

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-tilwima tikkonċerna proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija fir-rigward tal-proprjetarju tat-trade mark PORT CHARLOTTE peress li din b’mod partikolari tikser il-protezzjoni mogħtija mid-dritt Portugiż lid-denominazzjoni ta’ oriġini “Porto” jew “Port”.

106

Iżda din id-denominazzjoni ta’ oriġini taqa’ b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni stess tar-Regolament Nru 1234/2007, peress li tirrigwarda indikazzjoni ġeografika li minnha jibbenefika tip ta’ nbid, li kien irreġistrat u huwa protett taħt dan ir-regolament.

107

Minkejja li r-Regolament Nru 1234/2007, bħala prinċipju, ma jipprekludix protezzjoni taħt id-dritt nazzjonali ta’ “indikazzjoni sempliċi ta’ oriġini ġeografika”, jiġifieri isem li għalih ma jeżistix rabta diretta bejn, minn naħa, kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott u, min-naħa l-oħra, l-oriġini ġeografika speċifika tiegħu u li għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1234/2007 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-istess jgħodd meta, bħal f’din il-kawża, it-tilwima tirrigwarda denominazzjoni ta’ oriġini mogħtija lil inbid, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

108

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta fil-punt 44 tas-sentenza appellata ddeċidiet li l-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini u lill-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont ir-Regolament Nru 1234/2007, bil-kundizzjoni li jikkostitwixxu “drittijiet preċedenti” fis-sens tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) ta’ dan kif ukoll mal-Artikolu 53(2)(d) ta’ dan ir-regolament, “tista’ tiġi kkompletata mid-dritt nazzjonali rilevanti li jagħti protezzjoni addizzjonali”.

109

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-aggravju waħdieni tal-appell prinċipali għandu jiġi milqugħ.

Fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali

110

Permezz tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007, li jipprevedi li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati huma protetti kontra kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett, anki għall-prodotti mhux simili, sa fejn dawn tal-aħħar jagħmlu użu mir-reputazzjoni tagħhom, IVDP tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li qieset, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li t-trade mark ikkontestata, jiġifieri s-sinjal “PORT CHARLOTTE”, “la tuża u lanqas tinvoka” d-denominazzjoni ta’ oriġini “Porto” jew “Port”.

111

Dan l-aggravju huwa relatat mal-motivi esposti fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata li huma redatti kif ġej:

“70

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat, li d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta li r-rikorrenti hija proprjetarja tagħha u li hija inkluża fid-database E‑Bacchus, tinkludi d-denominazzjonijiet ‘[O]porto’, ‘[P]ortvin’, ‘[P]ortwein’, ‘[P]ortwijn’, ‘[V]in de [P]orto’, ‘[P]ort [W]ine’, ‘[P]ort’, ‘[V]inho do [P]orto’ u ‘[P]orto’. Għalhekk, dawn huma denominazzjonijiet li jinkludu, b’lingwi differenti, frażi komposta jew minn żewġ elementi, jiġifieri ‘port’ jew ‘porto’ u ‘vin’, jew element uniku, jiġifieri ‘oporto’ jew ‘porto’. Min-naħa l-oħra, kif isostni l-[EUIPO], għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark ikkontestata tinkludi hija wkoll espressjoni komposta minn żewġ elementi, jiġifieri ‘port’ u ‘charlotte’, li, bħall-espressjoni ‘port wine’, għandhom jinftiehmu li jifformaw unità loġika u kunċettwali […].

71

Issa, b’differenza mill-espressjoni relatata mad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta inkwistjoni, dik tat-trade mark ikkontestata ma tirreferix espressament għal inbid, iżda għal isem femminili Charlotte li huwa direttament assoċjat mal-element ‘port’, li t-tifsira primarja tiegħu, f’varjetà ta’ lingwi Ewropej, inkluż l-Ingliż u l-Portugiż, hija dik ta’ port, jiġifieri post li jinsab mal-baħar jew xmara. Għaldaqstant, kif ġustament ikkunsidra l-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], moqri fl-intier tiegħu bħala unità loġika u kunċettwali, is-sinjal PORT CHARLOTTE jinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala li jirreferi għal port li għandu l-isem ta’ persunaġġ imsejjaħ Charlotte, mingħajr ma ssir rabta diretta mad-denominazzjoni tal-oriġini ‘[P]ort[o]’ jew ‘[P]ort’ jew inbid ta’ Porto. Kif issostni [Bruichladdich], dan huwa iktar il-każ peress li t-terminu ‘charlotte’ jikkostitwixxi l-element l-iktar importanti u l-iktar distintiv tat-trade mark ikkontestata billi jattira immedjatament l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti. Dan ma jarax l-element ‘port’ bħala element separat jew li jista’ jiddissoċja ruħu mit-terminu ‘charlotte’, iżda bħala kwantitattiv direttament marbut mal-imsemmi terminu li jittrażmetti l-messaġġ li t-trade mark ikkontestata tirreferi għal post li jinsab fuq il-kosta jew tul xmara. Din l-evalwazzjoni tapplika għal kull konsumatur medju tal-Unjoni li għandu konoxxenzi tal-inqas bażiċi tal-Ingliż jew ta’ lingwa rumanza.”

112

Hekk kif issostni IVDP, bil-lingwa Portugiża, it-terminu “port” ma jeżistix. Barra minn hekk, it-terminu użat għal port, jiġifieri post ħdejn il-baħar jew xmara, huwa “port”. Minn dan jirriżulta li, fuq dan il-punt speċifiku, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ fatt manifest.

113

Jibqa l-fatt li, b’mod iktar ġenerali, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-konsumatur medju tal-Unjoni għandu għarfien, tal-inqas bażiċi, tal-lingwa Ingliża jew ta’ lingwa rumanza, għandu jifhem is-sinjal “PORT CHARLOTTE” bħala li jirreferi għal port bl-isem ta’ karattru msejħa Charlotte, mingħajr ma jistabbilixxi rabta diretta mad-denominazzjoni ta’ oriġini “Porto” jew “port” jew inbid ta’ Porto, huwa ta’ natura fattwali u ma huwiex, bħala tali u fl-assenza ta’ prova minn IVDP ta’ żnaturament manifest ta’ prova li tista’ taffettwa din l-evalwazzjoni, suġġetta għal kontroll fl-istadju tal-appell.

114

Din l-evalwazzjoni lanqas ma twettaq interpretazzjoni mhux eżatta tat-termini “kwalunkwe użu kummerċjali, dirett jew indirett” li jinsab fl-Artikolu 118m(2)(a) tar-Regolament Nru 1234/2007.

115

Fil-fatt, l-inkorporazzjoni ta’ trade mark ma’ isem protett taħt ir-Regolament Nru 1234/2007, bħad-denominazzjoni ta’ oriġini “port”, ma jistax jitqies bħala li jagħmel użu mir-reputazzjoni ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini, fis-sens tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) ta’ dan ir-regolament, peress li din l-inkorporazzjoni ma twassalx lill-pubbliku rilevanti sabiex jassoċja t-trade mark jew il-prodotti li għalihom din tal-aħħar ġiet irreġistrata mad-denominazzjoni ta’ oriġini kkonċernata jew mal-prodott tal-inbid li permezz tiegħu dan huwa protett.

116

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, wara evalwazzjoni sovrana tal-fatti, ikkonstatat, fil-punti 71 u 76 tas-sentenza appellata, li s-sinjal “PORT CHARLOTTE”, peress li huwa magħmul mit-terminu “port” u mill-isem Charlotte, huwa meqjus bħala unità loġika u kunċettwali mill-pubbliku rilevanti bħala li jirreferi għal port, jiġifieri post ħdejn il-baħar jew xmara, li huwa assoċjat ma’ isem, li jikkostitwixxi l-iktar element importanti u l-iktar wieħed distintiv tat-trade mark ikkontestata. Skont il-Qorti Ġenerali, il-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix f’dan is-sinjal, referenza ġeografika tal-inbid ta’ Porto li jibbenefika mid-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni.

117

Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni ta’ fatt, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li l-Bord tal-Appell kien korrettament ikkunsidra li ma setax jiġi kkunsidrat li t-trade mark ikkontestata użat id-denominazzjoni ta’ oriġini “Porto” jew “Port”, fis-sens tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007.

118

Minkejja li fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat żiedet tgħid li t-trade mark ikkontestata ma tevokax din id-denominazzjoni ta’ oriġini billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 118m(2)(a) tar-Regolament Nru 1234/2007 meta din l-evokazzjoni taqa’ taħt il-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, dan l-iżball ma għandux rilevanza fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) ta’ dan ir-regolament.

119

Konsegwentement, it-tieni aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju tal-appell inċidentali

120

Permezz tat-tielet aggravju tagħha fl-appell inċidentali, IVDP issostni li l-Qorti Ġenerali kienet kisret din id-dispożizzjoni, peress li ddeċidiet fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li l-użu mit-trade mark ikkontestata PORT CHARLOTTE, irreġistrata għal whisky, ma kienx “użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 118m(2)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007, tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Porto” jew “Port”.

121

Il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett fakkret, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kunċett ta’ “evokazzjoni” kif jinsab fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi.

122

Skont din il-ġurisprudenza, dan il-kunċett ta’ “evokazzjoni” jkopri ipoteżi li fiha t-terminu użat sabiex jindika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’tali mod li l-konsumatur, meta jkollu quddiemu l-isem tal-prodott, l-immaġini li tiġih f’moħħu hija dik tal-prodott li d-denominazzjoni tiegħu hija protetta [ara, b’mod partikolari l-Artikolu 16(b) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16), dispożizzjoni li hija għalkollox identika għall-Artikolu 118m(2)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007, sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata].

123

Barra minn hekk, jista’ jkun hemm “evokazzjoni” anki fl-assenza ta’ kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti kkonċernati, peress li dak li huwa importanti, b’mod partikolari, huwa li ma tinħoloqx f’moħħ il-pubbliku assoċjazzjoni ta’ ideat dwar l-oriġini tal-prodott u li operatur ma japprofittax b’mod inġust mir-reputazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 45).

124

Il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, applikat il-kriterju essenzjali li jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, meta ddeċidiet, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li fid-dawl tal-konstatazzjonijiet esposti fil-punt 71 ta’ din l-istess sentenza, anki jekk it-terminu “port” jagħmel parti integrali mit-trade mark ikkontestata, il-konsumatur medju, anki fl-ipoteżi li huwa ta’ oriġini jew ta’ lingwa Portugiża, meta jkun quddiem whisky li jkollu l-imsemmija trade mark, ma jassoċjahiex ma’ nbid ta’ Porto li jibbenefika mid-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni.

125

Il-Qorti Ġenerali żiedet, f’dan il-punt 76, li din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mid-differenzi mhux negliġibbli bejn il-karatteristiċi rispettivi ta’ nbid ta’ Porto u ta’ whisky f’termini, b’mod partikolari, ta’ ingredjenti, ta’ kontenut ta’ alkoħol u ta’ togħma, li huma magħrufa sew mill-konsumatur medju u tfakkru korrettament mill-Bord tal-Appell fil-punti 20 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata.

126

L-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dan il-punt 76 kienu ta’ natura fattwali u peress li IVDP ma weriet ebda żnaturament ta’ prova mill-Qorti Ġenerali, dawn ma jistgħux jiġu kkritikati fl-appell peress li dawn huma bbażati fuq interpretazzjoni eżatta tal-kunċett ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 118m(2)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007.

127

Għaldaqstant, it-tielet aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud.

128

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-appell prinċipali għandu jiġi milqugħ u l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud. Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

129

Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea jirriżulta li, meta l-appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

130

Peress li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hemm lok li tiddeċiedi definittivament fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

131

Fil-fatt, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha insostenn tar-rikors quddiemha ħlief it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għall-inbejjed kien irregolat esklużivament mir-Regolament Nru 1234/2007 u mhux ukoll mid-dritt nazzjonali, u l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, peress li l-Bord tal-Appell naqas milli japplika r-regoli rilevanti tad-dritt Portugiż.

132

Issa, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, laqgħet l-appell prinċipali kontra s-sentenza appellata, peress li, permezz ta’ dan il-Qorti Ġenerali laqgħat it-tielet motiv u l-ewwel parti tar-raba’ motiv u, min-naħa l-oħra, ċaħdet l-appell inċidentali kontra ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 118m(2) tar-Regolament Nru 1234/2007, peress li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra b’mod żbaljat li r-reġistrazzjoni jew l-użu tat-trade mark ikkontestata la kienet tikkostitwixxi użu u lanqas evokazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Porto” jew “Port”, b’tali mod li ma kienx hemm lok li tiġi vverifikata r-reputazzjoni ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini.

133

Minn dan isegwi li l-motivi kollha invokati insostenn tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kontenzjuża għandhom jiġu miċħuda.

134

Għaldaqstant, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun meħtieġ li tirreferi l-kawża lill-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

135

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

136

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

137

F’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħat l-appell tal-EUIPO u ċaħdet l-appell inċidentali ta’ IVDP, din tal-aħħar tilfet il-motivi tagħha invokati insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

138

Għaldaqstant, peress li l-EUIPO u Bruichladdich talbu li tikkundanna lil IVDP għall-ispejjeż, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO u minn Bruichladdich fiż-żewġ istanzi.

139

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni, li intervjenew fit-tilwima, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Novembru 2015, Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto vs UASI – Bruichladdich Distillery (PORT CHARLOTTE) (T‑659/14, EU:T:2015:863), hija annullata.

 

2)

Ir-rikors fil-Kawża T‑659/14, ippreżentat minn Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto IP kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tat-8 ta’ Lulju 2014 (Każ R 946/2013‑4), huwa miċħud.

 

3)

Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto IP hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u minn Bruichladdich Distillery Co. Ltd fiż-żewġ istanzi.

 

4)

Ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.