SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Mejju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 2(1)(a) — Artikolu 14(1) — Tranżazzjonijiet taxxabbli — Kunċett ta’ ‘provvista ta’ beni magħmula bi ħlas’ — Trasferiment lill-Istat jew lil awtorità lokali ta’ proprjetà immobbli bil-għan li jitħallas dejn fiskali — Esklużjoni”

Fil-Kawża C-36/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema amministrattiva, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2015, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

Minister Finansów

vs

Posnania Investment SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) u tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Minister Finansów (ministru tal-finanzi, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u Posnania Investment SA (iktar ’il quddiem “Posnania”), dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ tranżazzjoni li fil-kuntest tagħha din il-kumpannija ttrasferixxiet lil awtorità lokali l-proprjetà ta’ beni immobbli bi tpaċija għal dejn ta’ natura fiskali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva tal-VAT tipprovdi fl-Artikolu 2(1):

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

a)

il-provvista ta’ merkanzija [beni] magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

4

L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5

Skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, jitqies bħala “provvista ta’ merkanzija [beni]” it-trasferiment tad-dritt li wieħed jiddisponi minn proprjetà tanġibbli bħala proprjetarju.

6

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-VAT:

“L-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ merkanzija [beni] li tifforma parti mill-assi tan-negozju tagħha għall–użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas jew, b’mod iktar ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha għandhom jitqiesu bħala provvista bi ħlas, fejn il-VAT fuq dik il-merkanzija [beni] jew il-partijiet komponenti tagħhom kienet deduċibbli kollha jew parti minnha.

Iżda, l-applikazzjonijet ta’ merkanzija [beni] għall-użu tan-negożju bħala kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir m’għandhomx ikunu meqjusa bħala provvista ta’ merkanzija [beni] bi ħlas.”

Id-dritt Pollakk

7

L-Artikolu 2(6) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (liġi dwar it-taxxa fuq il-beni u s-servizzi), tal-11 ta’ Marzu 2004, kif emendata (Dz. U. tal-2011, Nru 177, intestatura 1054, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), jipprovdi:

“Fid-dispożizzjonijiet segwenti, it-terminu “beni” ikopri oġġetti jew partijiet ta’ oġġetti kif ukoll kull tip ta’ enerġija.”

8

L-Artikolu 5(1)(1) ta’ din il-liġi jipprovdi kif ġej:

“L-ammont taxxabbli fuq il-beni u fuq is-servizzi huwa kompost minn: il-provvista ta’ beni u l-provvista ta’ servizzi, li jsiru bi ħlas fit-territorju nazzjonali.”

9

L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija liġi jgħid:

“Il-provvista ta’ beni, li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 5(1)(1), tkopri it-trasferiment tad-dritt li wieħed jiddisponi minn beni bħala proprjetarju […].”

10

Skont l-Artikolu 15(1) tal-istess liġi:

“Jitqiesu bħala persuni taxxabbli l-persuni ġuridiċi, l-entitajiet organizzattivi li ma għandhomx personalità ġuridika u l-persuni fiżiċi li jwettqu, indipendentement, waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ din l-attività.”

11

L-Artikolu 15(2) tal-liġi dwar il-VAT jipprovdi:

“L-attivitajiet ekonomiċi jkopru l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, ta’ kummerċjanti jew ta’ fornituri ta’ servizzi, inklużi l-attivitajiet ta’ estrazzjoni u ta’ agrikoltura, kif ukoll l-attività ta’ professjonijiet liberi, anki meta l-attività tkun ġiet eżerċitata darba biss f’ċirkustanzi fejn kien hemm l-intenzjoni li tali attività titwettaq ripetutament. L-attivitajiet ekonomiċi jkopru wkoll l-użu ta’ beni tanġibbli jew intanġibbli bil-għan li jinkiseb profitt minnhom fuq bażi permanenti.”

12

L-Artikolu 66 tal-ordynacja podatkowa tad-29 ta’ Awwissu 1997 (kodiċi tat-taxxa, Dz.U. tal-2015, intestatura 613) jipprovdi kif ġej:

“§ 1.   Każ partikolari ta’ tmiem dejn fiskali huwa t-trasferiment ta’ proprjetà ta’ beni jew ta’ drittijiet patrimonjali:

1)

lit-Teżor pubbliku – bi tpaċija ta’ arretrati tat-taxxa li jikkostitwixxu dħul għall-baġit tal-Istat;

2)

lil muniċipalità, distrett jew provinċja – bi tpaċija ta’ arretrati tat-taxxa li jikkostitwixxu dħul għall-baġit tagħhom.

§ 2.   It-trasferiment iseħħ fuq talba tal-persuna taxxabbli:

1)

fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1(1), fuq il-bażi ta’ kuntratt konkluż, bil-kunsens tad-direttur tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti jew tad-direttur doganali kompetenti, bejn il-president tad-distrett li jwettaq il-kompitu tal-amministrazzjoni ċentrali u l-persuna taxxabbli;

2)

fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1(2), fuq il-bażi ta’ kuntratt konkluż bejn is-sindku, il-president tal-belt, il-president tad-distrett jew il-marixxal tal-provinċja u l-persuna taxxabbli.

§ 4.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, id-data tat-tmiem id-dejn fiskali hija d-data tat-trasferiment tal-proprjetà tal-beni jew tad-drittijiet patrimonjali.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Posnania hija kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk li teżerċita attività ekonomika fil-qasam tat-tranżazzjonijiet immobiljari. F’dan ir-rigward, hija suġġetta għall-VAT. Sabiex jitħallsu l-arretrati għan-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa dovut minnha, hija pproponiet lill-komun ta’ Czerwonak (il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“komun”) li tikkonkludi, skont l-Artikolu 66 tal-kodiċi tat-taxxa, kuntratt li għandu bħala suġġett it-trasferiment lil din tal-aħħar ta’ proprjetà ta’ art mhux mibnija li hija kienet tippossjedi.

14

Dan il-kuntratt, konkluż fil-5 ta’ Frar 2013, implika t-tmiem ta’ parti mid-dejn fiskali ta’ Posnania flimkien mat-trasferiment lill-komun tad-dritt tal-proprjetà tal-imsemmi beni immobbli.

15

Posnania ressqet talba għal deċiżjoni fiskali individwali quddiem il-Ministru sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’tali sitwazzjoni, it-tranżazzjoni konkluża mal-komun kinitx suġġetta għall-VAT u jekk, konsegwentement, kellhiex l-obbligu toħroġ fattura korrispondenti.

16

Fit-talba tagħha, Posnania sostniet li t-tranżazzjoni inkwistjoni ma kinitx suġġetta għall-VAT fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, in-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema amministrattiva, il-Polonja), li tipprovdi li t-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni lit-Teżor tal-Istat bi tpaċija tal-arretrati tat-taxxa li jikkostitwixxu dħul għall-baġit tal-Istat, ma hijiex tranżazzjoni suġġetta għall-VAT.

17

Permezz tad-deċiżjoni fiskali individwali tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2013, il-Ministru qies li, bit-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli ta’ Posnania lill-komun, din tal-aħħar kellha d-drittijiet kollha ta’ proprjetajru u għalhekk, l-imsemmi trasferiment ta’ proprjetà bi tpaċija għall-arretrati ta’ taxxa kien jikkostitwixxi provvista ta’ beni magħmula bi ħlas, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Pollakka, li fil-prinċipju, kienet suġġetta għall-VAT.

18

Posnania ppreżentat rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni fiskali individwali quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (qorti amministrattiva tal-provinċja ta’ Varsavja, il-Polonja).

19

Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, din il-qorti laqgħet ir-rikors u annullat id-deċiżjoni fiskali individwali, billi qieset li l-VAT tista’ tkun dovuta fil-każ ta’ trasferiment tal-proprjetà ta’ beni fuq ordni tal-awtorità pubblika jew bis-saħħa tal-liġi, bil-kundizzjoni li tali trasferiment ikun sar bi skambju ta’ korrispettiv. Fid-dawl tal-fatt li, skont id-dritt Pollakk, dan ma huwiex il-każ ineżami, l-imsemmija qorti ddeċidiet li t-trasferiment ta’ beni lit-Teżor tal-Istat bi tpaċija ta’ arretrati tat-taxxa li jikkostitwixxu dħul għall-baġit tal-Istat ma huwiex tranżazzjoni suġġetta għall-VAT.

20

Din is-sentenza ġiet appellata fil-kassazzjoni mill-Ministru quddiem il-qorti tar-rinviju.

21

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, din il-qorti tispeċifika li, filwaqt li l-kwalità ta’ persuna taxxabbli ta’ Posnania ma hijiex ikkontestata, tqum madankollu l-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li jitqies bħala “provvista ta’ beni magħmula bi ħlas” fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, it-trasferiment, li jsir b’korrispettiv ta’ dejn fiskali, tad-dritt li wieħed jiddisponi minn beni tanġibbli bħala proprjetarju.

22

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tfakkar il-ġurisprudenza tagħha stess li tgħid li t-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni lit-Teżor tal-Istat, bi tpaċija ta’ arretrati tat-taxxa li jikkostitwixxu dħul għall-baġit tal-Istat, ma huwiex tranżazzjoni suġġetta għall-VAT sa fejn it-taxxa ma hijiex prestazzjoni ta’ natura finanzjarja li tista’ tinkiseb bħala korrispettiv ta’ prestazzjoni oħra, peress li l-karatteristika prinċipali tiegħu hija li huwa unilaterali.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“It-trasferiment tal-proprjetà ta’ art (oġġett) minn persuna taxxabbli għall-VAT:

a)

lit-Teżor tal-Istat – bi skambju għal arretrati ta’ taxxa fir-rigward ta’ taxxi li jikkostitwixxu dħul tal-baġit tal-Istat, jew

b)

lil muniċipalità, distrett jew awtorità reġjonali – bi skambju għal arretrati tat-taxxa fir-rigward ta’ taxxi li jikkostitwixxu d-dħul tal-baġit tagħhom li jirriżulta fit-tmiem tad-dejn fiskali, huwa tranżazzjoni taxxabbli (provvista ta’ oġġetti magħmula bi ħlas) fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli, minn persuna taxxabbli għall-VAT, favur it-Teżor ta’ Stat Membru jew awtorità lokali ta’ tali Stat li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, isir bi ħlas ta’ arretrati tat-taxxa, jikkostitwixxi provvista ta’ beni magħmula bi ħlas suġġetta għall-VAT.

25

Qabelxejn għandu jitfakkar li d-Direttiva tal-VAT tistabbilixxi sistema komuni tal-VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C-653/11, EU:C:2013:409, punt 39).

26

Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, il-provvisti ta’ beni magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, huma suġġetti għall-VAT.

27

Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, jitqies bħala “persuna taxxabbli” kull min jeżerċita, indipendentement u fi kwalunkwe post, attività ekonomika, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ din l-attività. L-użu ta’ beni tanġibbli jew intanġibbli bil-għan li jinkiseb profitt fuq bażi permanenti jitqies, b’mod partikolari, bħala “attività ekonomika”.

28

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT jiddefinixxi “provvista ta’ merkanzija [beni]” bħala t-trasferiment tad-dritt li wieħed jiddisponi minn beni tanġibbli bħala proprjetarju.

29

Fir-rigward tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku, l-ewwel nett, li l-kuntratt konkluż bejn Posnania u l-komun jimplika t-trasferiment ta’ dritt ta’ proprjetà ta’ beni immobbli u, it-tieni nett, li Posnania għandha l-kwalità ta’ persuna taxxabbli.

30

It-tielet nett, il-kundizzjoni tal-post tal-kunsinna tal-beni hija inkontestabbilment issodisfatta, peress li t-tranżazzjoni twettqet fit-territorju ta’ Stat Membru, jiġifieri l-Polonja.

31

Rigward, ir-raba’ nett, in-natura possibbilment oneruża tat-tranżazzjoni tat-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli lil entità pubblika, f’dan il-każ, ta’ art lil komun, bi ħlas ta’ arretrati tat-taxxa, għandu jingħad li provvista ta’ beni ssir “bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, biss jekk ikun hemm bejn il-fornitur u x-xerrej relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, fejn il-prezz irċevut mill-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tal-beni pprovdut (sentenzi tas-27 ta’ April 1999, Kuwait Petroleum, C-48/97, EU:C:1999:203, punt 26, u tal-21 ta’ Novembru 2013, Dixons Retail, C-494/12, EU:C:2013:758, punt 32).

32

Huwa minnu li, fil-każ inkwistjoni, hemm relazzjoni legali bejn il-fornitur tal-beni immobbli u l-benefiċjarju tiegħu, bħal dik li torbot kreditur mad-debitur tiegħu.

33

Madankollu, l-obbligu ta’ ħlas tal-persuna taxxabbli, bħala debitur ta’ dejn fiskali dovut lil-amministrazzjoni fiskali, bħala kreditur ta’ dan id-dejn, huwa ta’ natura unilaterali, sa fejn il-ħlas tat-taxxa mill-imsemmi persuna taxxabbli jimplika biss il-ħelsien legali mid-dejn, anki jekk, bħal fil-każ ineżami, dan iseħħ permezz ta’ datio in solitum ta’ beni immobbli.

34

Fil-fatt, it-taxxa hija impożizzjoni obbligatorja abbażi tal-poter tal-awtoritajiet pubbliċi fuq ir-riżorsi ta’ persuni li jaqgħu taħt il-kompetenza fiskali tagħhom. Din l-impożizzjoni hija intiża li tintuża, permezz ta’ baġits pubbliċi, għal servizzi ta’ utilità ġenerali. Tali impożizzjoni, kemm jekk tkun tinvolvi somma flus kif ukoll, bħal fil-każ inkwistjoni, beni tanġibbli, ma tagħtix lok, min-naħa tal-awtorità pubblika, għal ebda benefiċċju, u lanqas għalhekk għal korrispettiv min-naħa tal-persuna taxxabbli.

35

Konsegwentement, ma hemmx relazzjoni legali li abbażi tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

36

Bħala tali, tranżazzjoni ta’ datio in solitum ta’ proprjetà, li għandha bħala għan it-tmiem ta’ dejn fiskali, ma tistax titqies bħala tranżazzjoni magħmula bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, u ma tistax tiġi suġġetta għall-VAT.

37

Madankollu, għandu jitfakkar li, minkejja li l-qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tintalab tipprovdi risposti utli lill-qorti nazzjonali, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet li ngħatawlha, li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju tagħti deċiżjoni (sentenza tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 32).

38

Fir-rigward ta’ tranżazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li ma jistax jiġi eskluż li persuna taxxabbli bħal Posnania diġà wettqet, fil-kwalità tagħha ta’ persuna taxxabbli, tnaqqis tat-taxxa tal-input fir-rigward tal-beni immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39

F’dan ir-rigward, kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk hemm riskju ta’ konsum finali mhux intaxxat, dan ir-riskju huwa madankollu kopert mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-VAT.

40

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan ta’ din l-aħħar dispożizzjoni huwa li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuna taxxabbli li tuża oġġetti għall-bżonnijiet personali tagħha jew għall-persunal tagħha, minn naħa, u l-konsumatur finali li jikseb beni tal-istess tip, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, BCR Leasing IFN, C‑438/13, EU:C:2014:2093, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-VAT jassimila ma’ provvista ta’ beni magħmula bi ħlas, l-użu, minn persuna taxxabbli, ta’ beni tal-kummerċ tiegħu għall-bżonnijiet privati tiegħu jew għal dawk tal-persunal tiegħu, li jiddisponi minnu mingħajr ħlas jew, b’mod ġenerali, li japplika għal finijiet oħra għajr dawk tal-kummerċ tiegħu, meta dan il-beni jew l-elementi li jsawruh ikunu taw lok għal dritt għal tnaqqis komplet jew parzjali tal-VAT (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, BCR Leasing IFN, C-438/13, EU:C:2014:2093, punt 24).

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli, minn persuna suġġetta għall-VAT, favur it-Teżor ta’ Stat Membru jew awtorità lokali ta’ tali Stat, li jsir, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bi ħlas ta’ arretrati tat-taxxa, ma jikkostitwixxix provvista ta’ beni magħmula bi ħlas suġġetta għall-VAT.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli, minn persuna suġġetta għall-VAT, favur it-Teżor ta’ Stat Membru jew awtorità lokali ta’ tali Stat, li jsir, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bi ħlas ta’ arretrati tat-taxxa, ma jikkostitwixxix provvista ta’ beni magħmula bi ħlas suġġetta għall-VAT.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk