Kawża C‑33/16

Kawża mressqa minn A Oy

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 148(d) – Eżenzjoni – Provvista ta’ servizzi mwettqa għall-bżonnijiet diretti tal-bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa u tal-merkanzija tagħhom – Tagħbija ta’ merkanzija mwettqa minn subappaltatur f’isem intermedjarju”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) tal-4 ta’ Mejju 2017

  1. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali-Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud-Eżenzjonijiet-Provvista ta’ servizzi mwettqa għall-bżonnijiet diretti tal-bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa u tal-merkanzija tagħhom-Kamp ta’ applikazzjoni-Servizzi ta’ tagħbija ta’ merkanzija fuq jew lejn bastiment jew li tinħatt minnu-Inklużjoni

    [Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 148(d)]

  2. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali-Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud-Eżenzjonijiet-Provvista ta’ servizzi mwettqa għall-bżonnijiet diretti tal-bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa u tal-merkanzija tagħhom-Kamp ta’ applikazzjoni-Servizzi ta’ tagħbija ta’ merkanzija mwettqa minn subappaltatur f’isem intermedjarju-Inklużjoni-Servizzi ta’ tagħbija ta’ merkanzija pprovduti lill-proprjetarju ta’ din il-merkanzija fl-istadju finali ta’ kummerċjalizzazzjoni-Inklużjoni

    [Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 148(d)]

  1.  L‑Artikolu 148(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ tagħbija ta’ merkanzija fuq jew lejn bastiment jew li tinħatt minnu huma servizzi mwettqa għall-bżonnijiet diretti tal-merkanzija tal-bastimenti li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 148(a) ta’ din id-direttiva.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva 2006/112, li l-Artikolu 148(d) ta’ din id-direttiva jirreferi speċifikament għalih, huwa intiż, bħal fil-każ ta’ dan tal-aħħar, li jeżenta servizzi marbuta mat-trasport marittimu internazzjonali u jirreferi ruħu, sabiex jidentifika dawn is-servizzi, għall-istess bastimenti, jiġifieri dawk li hemm riferiment għalihom fil-punt a) ta’ dan l-istess artikolu. Billi dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kienu simili u komplementari, il-kunċett ta’ “bżonnijiet diretti ta’ bastiment u tal-merkanzija tiegħu” għandu jiġi interpretat billi jibbaża fuq l-istruttura tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 148(ċ) ta’ din id-direttiva.

    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jeżenta, b’mod partikolari, il-kiri, it-tiswija u l-manutenzjoni peress li dawn tal-aħħar jirrigwardaw tagħmir li jservi għall-użu ta’ bastiment li jaqa’ taħt il-punt a) ta’ dan l-artikolu. Essenzjalment, dan l-Artikolu 148(ċ) jistabbilixxi għalhekk rekwiżit ta’ eżistenza ta’ rabta bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa u l-użu tal-bastiment ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1985, Berkholz,168/84, EU:C:1985:299, punt 21).

    Is-servizzi ta’ tagħbija ta’ merkanzija jissodisfaw dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, it-trasport ta’ merkanzija jikkostitwixxi forma abitwali ta’ użu tal-bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa. Issa, sabiex merkanzija tkun tista’ tiġi ttrasportata u li bastiment ikun jista’ għalhekk jintuża, huwa neċessarju li din il-merkanzija titgħabba fuq dan il-bastiment fil-port ta’ tluq, u sussegwentement tinħatt fil-port ta’ wasla.

    (ara l-punti 22-24, 26 u d-dispożittiv 1)

  2.  L‑Artikolu 148(d) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, jistgħu jiġu eżentati mhux biss is-servizzi li jirrigwardaw it-twettiq ta’ tagħbija ta’ merkanzija fuq jew minn bastiment li jaqa’ taħt l-Artikolu 148(a) ta’ din id-direttiva li jseħħu fl-istadju finali ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ tali servizz, iżda wkoll is-servizzi mwettqa fi stadju preċedenti, bħal servizz ipprovdut minn subappaltatur lil operatur ekonomiku li jiffatturah sussegwentement lil impriża ta’ tranżitu jew lil impriża ta’ trasport, u, min-naħa l-oħra, jistgħu jiġu eżentati wkoll is-servizzi ta’ tagħbija ta’ merkanzija pprovduti lill-possessur ta’ din il-merkanzija, bħall-esportatur jew l-importatur tagħha.

    Issa, f’tali kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 24 tas-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Elmeka (C‑181/04 sa C‑183/04, EU:C:2006:563), li l-qorti tar-rinviju tirreferi għaliha, li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 15(8) tas-Sitt Direttiva, li l-formulazzjoni tiegħu hija identikament adottata fl-Artikolu 148(d) tad-Direttiva 2006/112, tapplika biss għat-tranżazzjonijiet li jseħħu fl-istadju finali ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-servizz inkwistjoni.

    Tali ġurisprudenza, adattata għall-partikolaritajiet tal-kawżi li kienu taw lok għal din is-sentenza, li kienu jikkonċernaw provvista ta’ servizzi li setgħet ma ntużatx għall-iskop tagħha, ma tistax tiġi trasposta għas-sitwazzjonijiet li fihom, fid-dawl tan-natura tiegħu, l-iskop ta’ provvista ta’ servizzi jista’ jitqies bħala ċert minn meta dan jiġi miftiehem. Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, l-applikazzjoni korretta u sempliċi tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 148(d) tad-Direttiva 2006/112 hija żgurata mingħajr ma jiġi impost l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza.

    Din hija s-sitwazzjoni tas-servizzi ta’ tagħbija ta’ merkanzija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-verifika tal-kwistjoni jekk dawn jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 148(d) tad-Direttiva 2006/112, tiddependi unikament mit-tip ta’ bastiment li fuqu jew lejh jew li minnu għandhom jitwettqu dawn it-tagħbijiet. Għalhekk, l-użu li jsir minn dawn is-servizzi jista’ jitqies bħala miksub mill-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni miftiehma tagħhom.

    Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ servizzi ta’ tagħbija ta’ merkanzija, peress li dawn kienu direttament ikkorrelati mal-merkanzija ttrasportata u għalhekk l-ispiża tagħhom setgħet tgħaddi, inkwantu tali, fuq il-possessuri ta’ din il-merkanzija, il-provvista ta’ dawn is-servizzi lil dawn il-possessuri għandha titqies bħala li dejjem tagħmel parti mill-katina ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi. Minn dan jirriżulta li tali servizzi jistgħu jiġu eżentati abbażi tal-Artikolu 148(d) tad-Direttiva 2006/112.

    (ara l-punti 31, 33, 34, 45, 46 u d-dispożittiv 2)