KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-20 ta’ Diċembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑677/16

Lucía Montero Mateos

vs

Agencia Madrileña de Atención Social de la Consejería de Políticas Sociales y Familia de la Comunidad Autónoma de Madrid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social no 33 de Madrid (il‑Qorti Industrijali Nru 33 ta’ Madrid, Spanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Impjieg għal żmien determinat – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Dritt tal-ħaddiem għal kumpens minħabba tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol – Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fil-forma ta’ kuntratt ta’ xogħol ta’ tranżizzjoni – Differenza fit-trattament fir-rigward ta’ ħaddiema permanenti”

I. Introduzzjoni

1.

Jekk ħaddiem għal żmien determinat ma jkunx intitolat għal kumpens meta jiskadi l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jew, fi kwalunkwe każ, ikun intitolat għal benefiċċju tal-flus iktar baxx mingħand il-persuna li timpjegah milli ħaddiem li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jintemm permezz ta’ xoljiment mill-persuna li timpjegah minħabba raġuni oġġettiva, dan ikun jikkostitwixxi diskriminazzjoni? Din hija sostanzjalment id-domanda li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari. B’hekk, fil-qofol hemm għal darba oħra l-protezzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat kontra l-abbuż u d-diskriminazzjoni, li ilha għal ċertu żmien kwistjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea u li repetutament kienet adita biha l-Qorti tal-Ġustizzja.

2.

Il-problema tad-diskriminazzjoni hawnhekk tqum fil-kuntest tal-każ ta’ ħaddiema Spanjola li għal għadd ta’ snin kienet impjegata minn kollettività rregolata mid-dritt pubbliku abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat f’post tax-xogħol li temporanjament kien vakanti, u dan proprju sakemm kien magħruf ir-riżultat tal-proċedura ta’ kompetizzjoni sabiex tiġi okkupata b’mod definittiv il-pożizzjoni kkonċernata. Skont id-dritt Spanjol, meta tali “kuntratt ta’ xogħol ta’ tranżizzjoni” ( 2 ) sempliċement jiskadi, il-ħaddiema ma hija intitolata għal ebda kumpens finanzjarju, filwaqt li ħaddiem li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ġie xolt mill-persuna li timpjegah minħabba raġuni oġġettiva għandu dritt għal kumpens.

3.

Fis-sentenza de Diego Porras ( 3 ) ġie stabbilit li fl-assenza ta’ kwalunkwe tip ta’ kumpens għall-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat tkun qiegħda ssir diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja issa qed tintalab tirrevedi jew, fi kwalunkwe każ, tirfina l-ġurisprudenza tagħha. F’dan ir-rigward ser ikollha toqgħod attenta wkoll għall-koerenza interna tal-ġurisprudenza tagħha stabbilita dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

4.

Fil-kawża Grupo Norte Facility (C‑574/16) ( 4 ), li għaliha wkoll ser inkun qed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum, kif ukoll fil-kawżi pendenti Rodríguez Otero (C‑212/17) u de Diego Porras (C‑619/17) ukoll jeżistu problemi legali li essenzjalment huma l-istess. Il-kawża Vernaza Ayovi (C‑96/17) li wkoll hija pendenti min-naħa tagħha terġa’ tikkonċerna kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni relatati mal-kuntratt ta’ xogħol ta’ tranżizzjoni Spanjol, iżda f’kuntest għalkollox differenti.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

Il-kuntest tad-dritt tal-Unjoni ta’ dan il-każ huwa ddeterminat mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP ( 5 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/70”). Kif jidher mill-Artikolu 1 tagħha, bl-imsemmija direttiva huwa implementat il-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat (iktar ’il quddiem ukoll il-“Ftehim qafas”) li ġie konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn tliet organizzazzjonijiet ġenerali tal-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) u li huwa anness mad-direttiva.

6.

Globalment, il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat għandu l-għan li jistabbilixxi l-“prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg” filwaqt li jtejjeb inter alia “il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni […]” ( 6 ). Dan jirrifletti r-rieda tal-imsieħba soċjali “li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni” ( 7 ).

7.

Il-Ftehim qafas huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni “li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema” ( 8 ). Iżda, fl-istess waqt, il-Ftehim qafas jirrikonoxxi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat “huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema” ( 9 ). Dan jirrappreżenta “kontribuzzjoni oħra lejn bilanċ aħjar bejn ‘flessibiltà fil-ħin tax-xogħol u sigurtà għall-ħaddiema’” ( 10 ).

8.

Il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas tiddefinixxi l-iskop tiegħu b’dan il-mod:

“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

(a)

li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

(b)

li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

9.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas, il-klawżola 2(1) tiegħu tippreċiża:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

10.

Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas tinkludi d-“Definizzjonijiet” li ġejjin:

“1.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet.

Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.”

11.

Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas tinsab taħt it-titolu “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni” u inter alia tipprovdi dan li ġej:

“1.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

2.

Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

[…]”

12.

Addizzjonalment għandu jsir riferiment għall-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, iddedikata għall-“Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”:

“1.

Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

(a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

B.   Id-dritt nazzjonali

13.

Fid-dritt Spanjol huma rilevanti d-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Ħaddiema fil-verżjoni ( 11 ) fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol kontenzjuż.

1. Ġenerali

14.

Konformement mal-Artikolu 15(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema, kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi konkluż għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat, filwaqt li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi r-raġunijiet iddettaljati li jippermettu li ż-żmien ikun determinat.

15.

Barra minn hekk, l-Artikolu 15(6) tar-Regolamenti tal-Ħaddiema jipprovdi d-dispożizzjoni li ġejja li tipprevedi l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema b’kuntratti temporanji u tal-ħaddiema fuq kuntratti għal żmien determinat:

“Ħaddiema b’kuntratti temporanji jew b’kuntratti għal żmien determinat għandhom l-istess drittijiet bħall-ħaddiema fuq kuntratti għal żmien indeterminat, bla ħsara għall-partikolaritajiet rispettivi tal-modalitajiet kuntrattwali dwar ix-xoljiment ta’ kuntratt u tar-regolamenti legali dwar kuntratti ta’ taħriġ. Sakemm tiġi osservata n-natura tagħhom, dawn id-drittijiet jiġu rikonoxxuti f’liġijiet, regolamenti u ftehimiet kollettivi f’relazzjoni maż-żmien ta’ xogħol imwettaq.

Jekk ċerti intitolamenti jew kundizzjonijiet tax-xogħol fil-liġijiet, fir-regolamenti u fil-ftehimiet kollettivi jkunu dovuti għall-anzjanità tal-ħaddiem, dawn għandhom jiġu ffissati abbażi tal-istess kriterji għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mit-tip tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom.”

16.

Fl-Artikolu 49 tal-Istatut tal-Ħaddiema (“Tmiem tal-kuntratt”) huma elenkati, fil-qosor, iċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jwasslu għat-tmiem ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Fost dawn hemm it-tmiem minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem jew minħabba l-eżekuzzjoni tax-xogħol jew tas-servizz previsti fil-kuntratt (Artikolu 49(1)(c)) kif ukoll it-tmiem minħabba raġunijiet oġġettivi (Artikolu 49(1)(l)), filwaqt li dawn ir-raġunijiet oġġettivi huma elenkati b’mod iddettaljat fl-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Ħaddiema.

17.

F’dak li jirrigwarda t-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem jew minħabba l-eżekuzzjoni tax-xogħol jew tas-servizz previsti fil-kuntratt, l-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi li, ħlief f’każijiet ta’ kuntratti ta’ tranżizzjoni u ta’ kuntratti ta’ taħriġ, il-ħaddiem huwa intitolat li jirċievi kumpens f’ammont ekwivalenti għall-proporzjon tal-ammont li jikkorrispondi mat-tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità.

18.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet oġġettivi, l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jistabbilixxi li għandu jingħata “ħlas lill-ħaddiem, fl-istess ħin tan-notifika bil-miktub [tar-raġuni oġġettiva], ta’ kumpens ta’ għoxrin jum salarju għal kull sena ta’ anzjanità, kumpens ikkalkolat proporzjonalment man-numru ta’ xhur maħduma għall-perijodi ta’ inqas minn sena, sa limitu ta’ tnax il-pagament mensili”.

2. Il-kuntratt ta’ xogħol ta’ “tranżizzjoni”

19.

Il-kuntratt ta’ xogħol ta’ “tranżizzjoni” huwa tip partikolari ta’ kuntratt ta’ xogħol li huwa rregolat f’dispożizzjoni għall-implementazzjoni tal-Istatut tal-Ħaddiema – essenzjalment fl-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali 2720/1998 ( 12 ). Dan il-kuntratt jista’ jiġi konkluż sabiex jiġi ssostitwit ħaddiem intitolat li jżomm il-post tax-xogħol tiegħu taħt leġiżlazzjoni, ftehim kollettiv jew ftehim individwali. Dan il-kuntratt jista’ jiġi konkluż ukoll sabiex tiġi okkupata b’mod temporanju pożizzjoni għal kemm iddum proċedura ta’ kompetizzjoni jew ta’ promozzjoni sabiex tiġi okkupata b’mod permanenti proprju din il-pożizzjoni.

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

20.

Fit-13 ta’ Marzu 2007, Lucía Montero Mateos ikkonkludiet kuntratt ta’ xogħol ta’ “tranżizzjoni” mal-Aġenzija għas-Servizzi Soċjali tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid ( 13 ) (Spanja) sabiex tissostitwixxi ħaddiem permanenti ta’ din l-awtorità pubblika. Fl-1 ta’ Frar 2008, il-kuntratt tagħha ġie mibdul f’kuntratt ta’ xogħol ta’ “tranżizzjoni” fl-istennija li tiġi okkupata pożizzjoni vakanti ( 14 ).

21.

Matul iż-żmien tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, L. Montero Mateos kienet impjegata bħala assistenta fil-kantin tad-dar tal-anzjani “González Bueno” tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid.

22.

Wara li saret proċedura ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ għal pożizzjonijiet permanenti għal assistenti fil-kantin fil-Komunità Awtonoma ta’ Madrid, il-pożizzjoni li sa dak il-waqt kienet okkupat L. Montero Mateos ġiet allokata lil ħaddiem ieħor. Sussegwentement, id-direttur tad-dar tal-anzjani informa lil L. Montero Mateos, fit-30 ta’ Settembru 2016, li minn dakinhar ma kienx għad hemm bżonn is-servizzi tagħha bħala assistenta fil-kantin, billi l-pożizzjoni tagħha kienet imtliet b’mod permanenti minn ħaddieħor wara l-eżitu tal-proċedura ta’ kompetizzjoni.

23.

Fl-14 ta’ Ottubru 2016, L. Montero Mateos ippreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Social no 33 de Madrid (il‑Qorti Industrijali Nru 33 ta’ Madrid, Spanja) ( 15 ), il-qorti tar-rinviju, kontra l-Aġenzija għas-Servizzi Soċjali tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid kontra t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha.

IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

B’digriet tal-21 ta’ Diċembru 2016, li wasal fid-29 ta’ Diċembru 2016, il-Juzgado de lo Social no 33 de Madrid (il‑Qorti Industrijali Nru 33 ta’ Madrid) ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE:

Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, inkluż fl-ordimanent Komunitarju permezz tad-Direttiva tal-Kunsill tal-Unjoni 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tmiem tal-kuntratt temporanju ta’ “interinidad” [kuntratt temporanju ta’ sostituzzjoni jew fl-istennija ta’ pożizzjoni vakanti] konkluż għall-kopertura ta’ pożizzjoni vakanti fl-iskadenza tat-terminu miftiehem bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiema, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika li l-leġiżlatur nazzjonali ma jipprevedi f’tali każ ebda kumpens għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol, filwaqt li għal ħaddiem permanenti paragunabbli li tkeċċa minħabba raġuni oġġettiva jipprevedi kumpens ta’ 20 jum għal kull sena ta’ servizz?

25.

Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, L. Montero Mateos, l-Agencia, il-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fit-8 ta’ Novembru 2017 seħħet seduta konġunta għall-Kawżi C‑574/16 u C‑677/16, li fiha ġew irrappreżentati Grupo Norte Facility, L. Montero Mateos, l-Agencia, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni.

26.

F’din il-proċedura l-Qorti tal-Ġustizzja qed tiltaqa’ bħala Awla Manja fuq talba ta’ Spanja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tagħha.

V. Evalwazzjoni

27.

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk hijiex ikkonċernata diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt tal-Unjoni, sa fejn ħaddiema impjegata għal żmien determinat, fil-każ tat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha minħabba l-iskadenza tal-imsemmi kuntratt minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem, minħabba li jkun twettaq il-kompitu miftiehem jew minħabba li jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem, ma tkun intitolata għal ebda kumpens, filwaqt li ħaddiem, li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, kemm jekk għal żmien determinat kif ukoll jekk għal żmien indeterminat, jiskadi minħabba raġuni oġġettiva permezz ta’ terminazzjoni mill-persuna li timpjegah, jirċievi tali kumpens.

28.

Din id-domanda tirriżulta miċ-ċirkustanza li, skont l-Istatut tal-Ħaddiema Spanjol, ħaddiem, fil-każ tax-xoljiment, għal raġuni oġġettiva, tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mill-persuna li timpjegah, għandu aċċess statutorju għal kumpens ta’ għoxrin jum salarju għal kull sena ta’ anzjanità (Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema), filwaqt li jekk kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat sempliċement jiskadi, l-istess leġiżlazzjoni tikkonċedi biss kumpens iktar baxx ta’ bejn tmint ijiem u tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità, u saħansitra ma tipprovdi l-ebda dritt għal kumpens jekk jiskadi “kuntratt ta xogħol ta’ tranżizzjoni” jew kuntratt għal taħriġ (Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema).

A.   Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

29.

Il-Ftehim qafas japplika għal kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Dan diġà jirriżulta wkoll mit-titolu tiegħu u huwa kkonfermat mid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu fil-klawżola 2(1): hemmhekk huwa stabbilit li l-Ftehim qafas japplika għal ħaddiema b’kuntratt determinat li għandhom kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni tax-xogħol skont id-definizzjoni fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattiki f’kull Stat Membru.

30.

Ma huwiex ikkontestat li l-kawża prinċipali hija bbażata fuq kuntratt ta’ xogħol ta’ “tranżizzjoni”, kif previst fi Spanja skont id-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Ħaddiema.

31.

Anki l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-Ftehim qafas għandhom lok li japplikaw għall-kuntratti u għal relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u entitajiet oħra tas-settur pubbliku ( 16 ), u li quddiem qrati nazzjonali l-individwi għandhom dritt jinvokaw direttament il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas kontra tali amministrazzjonijiet jew entitajiet ( 17 ).

32.

Madankollu, bejn il-partijiet fil-proċedura hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-kwistjoni jekk speċifikament il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas jistax japplika għal każ bħal dak inkwistjoni. Dan għaliex il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tipprojbixxi, konkretament, it-trattament sfavorevoli ta’ ħaddiema b’kuntratt definittiv fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg tagħhom.

33.

Il-Gvern Spanjol huwa tal-fehma li dan il-kunċett jirreferi biss għal kundizzjonijiet tax-xogħol ( 18 ) fis-sens strett, iżda mhux għal kundizzjonijiet tal-impjieg ( 19 ) oħrajn bħal pereżempju r-rekwiżiti u l-konsegwenzi legali tat-tmiem ta’ kuntratti ta’ xogħol jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat.

34.

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tipprovdi li l-uniku kriterju determinanti għall-fehim tal-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas huwa dak tal-impjieg, jiġifieri ċ-ċirkustanza li r-regolamenti applikabbli għal ħaddiem jew il-benefiċċji mitluba minnu jorbtu mar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-persuna li timpjegah ( 20 ).

35.

Xi verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Ftehim qafas jużaw, parzjalment, formulazzjonijiet li jikkorrispondu mal-kunċett tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda ftit minnhom jużaw tali li huma ekwivalenti għall-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg ( 21 ), mingħajr ma jidher kjarament li huma intiżi żewġ kunċetti separati. Barra minn hekk, tali distinzjoni diffiċli tkun konformi mal-għanijiet tal-Ftehim qafas kif ukoll mas-sistema globali tad-dritt industrijali Ewropew.

36.

Fil-fatt, il-Ftehim qafas għandu jtejjeb il-kwalità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ( 22 ). Dan jirrifletti x-xewqa tal-imsieħba soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali li jiżgura t-trattament ugwali ta’ ħaddiema li jinsabu f’relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat billi jiġu protetti kontra d-diskriminazzjoni ( 23 ). Huwa stabbilit sew, fil-ġurisprudenza, li fil-Ftehim qafas huma inklużi regoli partikolarment importanti tad-dritt soċjali tal-Unjoni li jridu jibbenefikaw lil kull ħaddiem bħala regoli minimi ta’ protezzjoni ( 24 ). Konsegwentement, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-konfront ta’ ħaddiema b’kuntratt definittiv ma jistax jiġi interpretat f’sens restrittiv ( 25 ).

37.

Barra minn hekk, il-koerenza tad-dritt industrijali Ewropew teżiġi li l-kunċett tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-impjieg ma jiġix interpretat separatament mit-tifsira tiegħu f’dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati ( 26 ). F’dan ir-rigward għandu jsir riferiment partikolarment għad-Direttivi kontra d-diskriminazzjoni 2000/78/KE ( 27 ) u 2006/54/KE ( 28 ) li jikkonkretizzaw il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fil-professjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-karatteristiċi differenti ta’ diskriminazzjoni, bħas-sess, l-età u l-orjentazzjoni sesswali. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, hemmhekk huma koperti wkoll il-kundizzjonijiet għat-tkeċċija. Għalhekk anki l-pagamenti li għandhom jiġu effettwati, taħt kuntratt ta’ xogħol jew bil-liġi, mill-persuna li timpjega b’rabta mar-relazzjoni ta’ impjieg f’każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ( 29 ). Dan huwa neċessarjament il-każ għall-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas ( 30 ).

38.

Għalhekk, bħala konklużjoni, il-Ftehim qafas b’mod ġenerali kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni inkluż fih huma speċifikament applikabbli għal kumpens li, taħt il-ftehimiet jew bil-liġi, il-ħaddiema jistgħu jitolbu mingħand l-persuna li timpjega fil-każ tat-tmiem tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom. F’dan is-sens ukoll diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ).

39.

Għaldaqstant, każ bħal dak inkwistjoni, fejn qiegħed jiġi kkontestat proprju tali kumpens, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas.

40.

Madankollu, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas jista’ jkun ta’ rilevanza biss għall-kumpens inkwistjoni sa fejn huwa kkonċernat paragun bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, ma għandu l-ebda importanza l-fatt li l-ħaddiema għal żmien determinat bejniethom stess ukoll huma suġġetti għal differenza fit-trattament fir-rigward tal-kumpens kontenzjuż, proprju skont jekk ir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom tkunx ġiet xolta għal raġuni oġġettiva permezz ta’ terminazzjoni mill-persuna li timpjega jew jekk sempliċement minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem, minħabba li jkun twettaq il-kompitu miftiehem jew għax jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem. Dan għaliex id-differenzi eventwali fit-trattament bejn il-kategoriji differenti ta’ ħaddiema għal żmien determinat ma humiex koperti mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont il-Ftehim qafas ( 32 ).

B.   Il-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni eventwali bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema permanenti

41.

Jonqos li tiġi eżaminata l-problema ċentrali ta’ din il-kawża, jekk ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli ( 33 ). Dan għaliex, kif diġà jirriżulta mill-formulazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi d-diskriminazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat meta pparagunati ma’ ħaddiema għal żmien indeterminat, iżda ma jipprovdi l-ebda ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat li ma humiex paragunabbli ma’ xulxin ( 34 ). Għalhekk, il-modalitajiet differenti tal-kumpens legali, kif huwa kontenzjuż fil-kawża prinċipali, jistgħu jikkostitwixxu biss diskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ natura paragunabbli.

42.

Skont id-definizzjoni tal-kunċett “ħaddiem kumparabbli permanenti” fl-ewwel subparagrafu tal-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas, il-punt tat-tluq tal-kunsiderazzjonijiet dwar in-natura paragunabbli bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat, li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju ( 35 ), huwa jekk dawn humiex it-tnejn attivi fl-istess xogħol/impjieg jew dak simili fl-istabbiliment rispettiv. Dan għandu jiġi ċċarat fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ( 36 ).

43.

F’dan il-każ għandu jiġi preżunt li, fir-rigward tal-ħidma li għandha titwettaq konkretament, partikolarment in-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħaddiem għal żmien determinat jinsab fl-istess sitwazzjoni ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat fl-istess stabbiliment. Dan minħabba li, sa fejn jista’ jiġi kkonstatat, bħala assistenta fil-kantin L. Montero Mateos kienet twettaq ħidma identika għal dik ta’ assistenti oħrajn fil-kantin tad-dar tal-anzjani li kienu impjegati għal żmien indeterminat. Din saħansitra kienet ġiet allokata għal post tax-xogħol konkret li proprjament kien maħsub għal ħaddiem permanenti u li fl-aħħar mill-aħħar ġie wkoll okkupat minn tali.

44.

Madankollu, ikun prematur li f’każ bħal dak ineżami jiġi konkluż, billi jsir riferiment biss għall-attività mwettqa minnhom u għall-identiċità tal-post tax-xogħol fejn jaqdu dmirijiethom, li ż-żewġ ħaddiema għalkollox jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli minn kull aspett u li, għaldaqstant, il-ħaddiem għal żmien temporanju huwa suġġett għal diskriminazzjoni meta jkun suġġett għal regolamenti legali inqas favorevoli fir-rigward tal-kumpens f’każ ta’ tmiem tal-kuntratt. Fil-fatt, il-punt deċiżiv huwa jekk il-ħaddiem għal żmien determinat u l-ħaddiem għal żmien indeterminat jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli anki u proprju fir-rigward tal-kumpens kontenzjuż, u speċifikament fir-rigward tal-avveniment li jwassal għal tali kumpens.

45.

Fl-aħħar mill-aħħar, fl-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni għandhom japplikaw l-istess kriterji li japplikaw anki s-soltu fi kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni ( 37 ). Dan għaliex il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif stipulat fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, ma huwa xejn għajr espressjoni speċjali tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ( 38 ).

46.

Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u, għalhekk, in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu dan l-att ( 39 ).

47.

Għaldaqstant, il-kriterji għall-paragun tad-diversi benefiċċji tal-persuna li timpjega, li għalihom għandhom dritt, taħt kuntratt ta’ xogħol jew bil-liġi, il-ħaddiema għal żmien determinat, minn naħa, u l-ħaddiema permanenti min-naħa l-oħra, neċessarjament jinkludu wkoll is-sitwazzjoni fattwali u legali li fiha għandhom jintalbu l-benefiċċji rispettivi tal-persuna li timpjega ( 40 ).

48.

Dan il-każ jagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ iktar fid-dettall speċifikament dan l-aspett, li fil-fehma tiegħi ma tteħidx inkunsiderazzjoni biżżejjed fis-sentenza de Diego Porras ( 41 ) u sabiex tirrevedi l-ġurisprudenza tagħha dwar dan il-punt.

49.

Mingħajr dubju jeżistu diversi benefiċċji finanzjarji u soċjali tal-persuna li timpjega li, skont is-suġġett u l-iskop tagħhom, huma intitolati għalihom bl-istess mod kemm il-ħaddiema għal żmien determinat kif ukoll dawk permanenti. Fl-ewwel lok, fost dawn ċertament hemm ir-remunerazzjoni, iżda possibbilment ukoll allowances għal-lealtà lejn l-istabbiliment u vantaġġi soċjali bħal, pereżempju, sussidji għall-ikel u għat-trasport kif ukoll l-aċċess għall-faċilitajiet sportivi tal-istabbiliment u għall-faċilitajiet sabiex jittieħed ħsieb tat-tfal. Dan għaliex dawn iservu sabiex jonoraw ix-xogħol imwettaq għall-istabbiliment jew sabiex jippromwovu l-integrazzjoni fil-ħajja tax-xogħol filwaqt li, skont il-każ, jista’ japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis (klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas) ( 42 ).

50.

Madankollu, bla ħsara għal eżami mill-qorti tar-rinviju, il-kumpens kontenzjuż ma jikkonċernax tali benefiċċju. Dan għaliex, milli jidher, skont is-suġġett u l-iskop tiegħu, il-kumpens dovut minn persuna li timpjega Spanjola taħt ċerti ċirkustanzi skont l-Istatut tal-Ħaddiema għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol, ma huwiex allowance għal-lealtà lejn l-istabbiliment iżda kumpens għall-fatt li l-ħaddiem qed jitlef il-post tax-xogħol tiegħu.

51.

Kuntrarjament għal dak li jidher prima facie, jekk wieħed jibbaża fuq dan is-suġġett u l-iskop tal-kumpens, il-ħaddiema għal żmien determinat minn naħa waħda u l-ħaddiema għal żmien indeterminat min-naħa l-oħra ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli. Dan bl-ebda mod ma huwa dovut biss għan-natura temporanja tal-impjieg għal żmien determinat, li fiha nnifisha u meta kkunsidrata b’mod astratt ma tistax tkun karatteristika distintiva ( 43 ), iżda konkretament għal prevedibbiltà differenzjata tat-telf tal-post tax-xogħol li tista’ ġġib magħha talbiet għal kumpens f’dimensjonijiet differenti.

52.

Huwa evidenti li t-telf tal-post tax-xogħol, fi kwalunkwe każ, kemm għal ħaddiem għal żmien determinat kif ukoll għal ħaddiem permanenti, jikkostitwixxi avveniment spjaċevoli ħafna u saħansitra drastiku, li ta’ spiss iwassal għal diffikultajiet personali u soċjali kunsiderevoli.

53.

Madankollu, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħaddiem għal żmien determinat, it-telf tal-post tax-xogħol tiegħu malli jasal fi tmiemu t-terminu tal-kuntratt miftiehem, malli jitwettaq il-kompitu miftiehem jew ladarba jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem, għandu jkun mistenni mill-bidu nett u bl-ebda mod ma jista’ jitqies sorprendenti. Il-ħaddiem innifsu jkun ġie involut fil-ftehim kuntrattwali, li qabel jew wara inevitabbilment ser iwassal għall-iskadenza tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, anki jekk b’kont meħud tal-perijodu twil li dan ikun għamel attiv għal żmien determinat possibbilment kellu t-tama li r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu ser tikkonsolida ruħha b’mod simili għal dik ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat.

54.

Bil-kontra ta’ dan, it-tmiem (prematur) mill-persuna li timpjega ta’ relazzjoni tax-xogħol għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat permezz ta’ xoljiment minħabba raġuni oġġettiva (pereżempju diffikultajiet ekonomiċi tal-persuna li timpjega li jrendu inevitabbli tnaqqis fl-ammont ta’ persunal) normalment ma huwiex avveniment li l-ħaddiem jista’ jipprevedi b’mod konkret.

55.

Barra minn hekk, f’każ ta’ xoljiment minħabba raġuni oġġettiva, il-kumpens previst mil-liġi huwa intiż, fost l-oħrajn, sabiex jinħoloq kumpens għall-aspettazzjonijiet iffrustrati tal-ħaddiem fir-rigward tat-tkomplija tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu li fir-realtà kellha tkompli. Bil-kontra ta’ dan, ma jeżistux tali aspettazzjonijiet iffrustrati f’każ ta’ sempliċi skadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat malli jgħaddi t-terminu miftiehem, malli jitwettaq l-kompitu miftiehem jew malli jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem.

56.

Filwaqt li, kuntrarjament għall-Kawża C‑574/16, it-tmiem taż-żmien tal-kuntratt ta’ xogħol f’dan il-każ ma huwiex marbut ma’ data speċifika tal-kalendarju, dan xorta huwa relatat ma’ avveniment futur miftiehem kuntrattwalment: ir-reklutaġġ mistenni ta’ ħaddiem permanenti wara l-konklużjoni ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni għaddejja.

57.

Anki jekk, bħal fil-każ ineżami jew ukoll fil-każ de Diego Porras ( 44 ), ħaddiema ilha ċertu żmien twettaq l-istess ħidma għall-istess persuna li timpjega abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ( 45 ), fil-fehma tiegħi r-relazzjoni ta’ xogħol tagħha xorta waħda hija ħafna inqas ikkonsolidata u għaldaqstant anki l-aspettattiva tagħha fil-kontinwità tagħha timmerita ħafna inqas protezzjoni milli fil-każ ta’ ħaddiem permanenti b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

58.

Għaldaqstant, jidhirli li ftit hija konvinċenti l-proposta tal-Kummissjoni li relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat bi żmien eċċezzjonalment twil għandhom jiġu kkunsidrati paragunabbli mar-relazzjonijiet ta’ impjieg permanenti. Iċ-ċertezza legali tbati b’mod sinjifikattiv u l-ġestjoni prattika tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat issir ħafna itqal jekk il-kwistjoni tal-paragunabbiltà tkun tiddependi każ b’każ mill-perijodu konkret ta’ kull relazzjoni ta’ xogħol u mill-grad ta’ prevedibbiltà tal-iskadenza tagħha.

59.

Aġir abbużiv mill-persuni li jimpjegaw, kif dan jista’ jimmanifesta ruħu inter alia f’sensiela ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, għandu jiġi miġġieled b’mod effettiv u dissważiv bil-miżuri previsti speċifikament għal dan il-għan fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, sal-konverżjoni eventwali ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ( 46 ). Dan filwaqt li ma tistax issir vaga d-distinzjoni bejn il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni skont il-klawżola 4(1) u l-ġlieda kontra l-abbuż skont il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, kif tosserva korrettament il-Kummissjoni ( 47 ).

60.

Jekk l-Istati Membri jiġu pprojbiti milli jfasslu b’mod differenzjat id-dritt industrijali tagħhom b’rabta mad-differenzi u mal-interessi msemmijin, id-distinzjoni bejn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u dawk għal żmien indeterminat tkun qiegħda tiġi ppreġudikata. Iżda, kif tosserva korrettament il-Kummissjoni, din id-distinzjoni tikkorrispondi mal-valuri tal-leġiżlatur tal-Unjoni u tal-imsieħba soċjali Ewropej, skont liema l-impjieg għal żmien determinat ma għandux per se jitqies bħala tabù jew saħansitra illegali. Pjuttost, il-Ftehim qafas huwa bbażat fuq il-ħsieb li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat “huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema” ( 48 ). Dan jirrappreżenta wkoll “kontribuzzjoni oħra lejn bilanċ aħjar bejn ‘flessibiltà fil-ħin tax-xogħol u sigurtà għall-ħaddiema’” ( 49 ).

C.   Il-ġustifikazzjonijiet possibbli għal inugwaljanza fit-trattament

61.

Huwa biss fil-każ li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-problema tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat u tal-ħaddiema permanenti tkun differenti minn dik proposta minni li ser inkun qed nindirizza, fil-qosor, il-ġustifikazzjonijiet possibbli għall-arranġament differenti tat-talbiet statutorji għal kumpens inkwistjoni.

62.

F’każ bħal dak preżenti, fejn hija kkonċernata relazzjoni ta’ xogħol fis-settur pubbliku, huma partikolarment żewġ aspetti li jistħoqqilhom jiġu diskussi: fl-ewwel lok, kunsiderazzjonijiet baġitarji, li minħabba l-likwidità skarsa ta’ ħafna entitajiet pubbliċi fl-Istati Membri dejjem qegħdin jingħataw iktar importanza u, fit-tieni lok, il-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku fl-Istati Membri.

63.

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kunsiderazzjonijiet baġitarji, skema ta’ kumpens statutorja iktar sfavorevoli għall-iskadenza ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat meta mqabbla mal-iskema ta’ kumpens għax-xoljiment minħabba raġuni oġġettiva mill-persuna li timpjega, ma tistax tiġi ġġustifikata biss bil-fatt li skemi iktar ġenerużi jitfgħu piż kbir wisq fuq il-finanzi tas-settur pubbliku. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, kunsiderazzjonijiet purament baġitarji waħedhom ma jistgħux iservu bħala ġustifikazzjoni għal diskriminazzjoni, anki jekk dawn jistgħu jkunu r-raġuni għalfejn Stat Membru jagħżel politika soċjali partikolari u jistgħu jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tagħha ( 50 ).

64.

Huwa minnu li l-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku, bħall-prinċipju tal-impjieg baġitarju, il-mudell tal-uffiċjal titolari jew l-obbligu li wieħed jgħaddi minn kompetizzjoni biex ikun jista’ jiġi impjegat għal żmien indeterminat, ma humiex mingħajr konsegwenzi għall-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas ( 51 ). Fil-fatt, il-Ftehim qafas jirrikonoxxi espliċitament “li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali” ( 52 ).

65.

Minkejja dan, mhux id-differenzi kollha fit-trattament bejn ħaddiema b’kuntratt determinat u ħaddiema permanenti paragunabbli jistgħu jiġu ġġustifikati awtomatikament b’riferiment għall-partikolaritajiet settorjali fis-settur pubbliku ( 53 ), iżda dawk biss li fil-każ tagħhom il-partikolaritajiet inkwistjoni vera huma konkretament determinanti ( 54 ). Bla ħsara għal analiżi iktar iddettaljata mill-qorti tar-rinviju, fil-każ preżenti ebda motiv ma jindika li għat-twettiq ta’ prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku jista’ jkun meħtieġ li l-iskema ta’ kumpens statutorja għall-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fis-servizz pubbliku titfassal b’mod inqas favorevoli minn dik għal xoljiment mill-persuna li timpjega minħabba raġuni oġġettiva.

66.

Għalhekk, jekk, kuntrarjament għal dak li sostnejt iktar ’il fuq, wieħed iqis is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem għal żmien determinat li jiskadilu l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u dik ta’ ħaddiem permanenti li l-persuna li timpjegah ixxolji l-kuntratt ta’ xogħol minħabba raġuni oġġettiva bħala paragunabbli, ikun jidher li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva tad-differenzi bejn l-iskemi ta’ kumpens statutorji.

D.   Konklużjoni provviżorja

67.

Madankollu, bħala konklużjoni, fid-dawl tan-nuqqas ta’ paragunabbiltà tal-fatti ddeterminat minni, dwar l-interpretazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas nista’ nikkonstata li ma hemmx diskriminazzjoni kontra ħaddiema impjegati għal żmien determinat meta, sa fejn il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiskadi minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem, minħabba li jkun twettaq il-kompitu miftiehem jew għax jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem, huma jkunu intitolati għal kumpens iktar baxx jew għal ebda kumpens meta pparagunati ma’ ħaddiema li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, kemm jekk għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat, jintemmu minħabba raġuni oġġettiva permezz ta’ xoljiment mill-persuna li timpjega.

VI. Konklużjoni

68.

Fl-isfond tal-argumenti esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Social no 33 de Madrid (il‑Qorti Industrijali Nru 33 ta’ Madrid):

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat, anness mad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hemmx diskriminazzjoni kontra ħaddiema impjegati għal żmien determinat meta, sa fejn il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiskadi minħabba l-iskadenza tat-terminu kuntrattwali miftiehem, minħabba li jkun twettaq il-kompitu miftiehem jew għax jidħol fis-seħħ l-avveniment miftiehem, huma jkunu intitolati għal kumpens iktar baxx jew għal ebda kumpens meta pparagunati ma’ ħaddiema li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, kemm jekk għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat, jintemmu minħabba raġuni oġġettiva permezz ta’ xoljiment mill-persuna li timpjega.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Bl-Ispanjol: contrato de trabajo de interinidad.

( 3 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016 (C‑596/14, EU:C:2016:683).

( 4 ) Il-kawża Grupo Norte Facility sempliċement tikkonċerna tip ta’ kuntratt differenti tad-dritt industrijali Spanjol, speċifikament il-kuntratt ta’ sostituzzjoni għal żmien ta’ tranżizzjoni (“contrato de relevo”).

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.

( 6 ) Premessa 14 tad-Direttiva 1999/70.

( 7 ) It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas.

( 8 ) It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas; ara wkoll il-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.

( 9 ) Punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas; ara wkoll it-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu.

( 10 ) L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas; ara wkoll il-punti 3 u 5 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.

( 11 ) Texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores, aprobado por el Real Decreto Legislativo 2/2015 (test imfassal mill-ġdid tal-liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema, approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 2/2015), tat-23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255, tal-24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224). Skont l-informazzjoni tal-Gvern Spanjol, id-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Ħaddiema rilevanti hawnhekk huma identiċi, fir-rigward tal-formulazzjoni tagħhom, mal-verżjoni preċedenti tal-imsemmija liġi kif ippreżentata fil-kawża Grupo Norte Facility (C‑574/16).

( 12 ) Real Decreto 2720/1998 por el que se desarrolla el artículo 15 del Estatuto de los Trabajadores en materia de contratos de duración determinada (Digriet Irjali 2720/1998, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Istatut tal-Ħaddiema fil-qasam ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat), tat-18 ta’ Diċembru 1998 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 1999, p. 568).

( 13 ) Agencia Madrileña de Atención Social de la Consejería de Políticas Sociales y Familia de la Comunidad Autónoma de Madrid (iktar ’il quddiem l-“Agencia”).

( 14 ) Konkretament kienet ikkonċernata l-pożizzjoni Nru 16.332, kif indikata fil-kuntratt ta’ xogħol.

( 15 ) Il‑Qorti Industrijali Nru 33 ta’ Madrid (Spanja).

( 16 ) Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 54 sa 57), tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 25), tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 38 sa 40) u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 67).

( 17 ) Sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 68), u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 28).

( 18 ) Bl-Ispanjol: condiciones de trabajo.

( 19 ) Bl-Ispanjol: condiciones de empleo.

( 20 ) Sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno u Pettini (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punti 4546), tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 35), tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 25) u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 28).

( 21 ) Pereżempju, fil-verżjoni lingwistika Ġermaniża tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas ma jissemmewx kundizzjonijiet tax-xogħol (Arbeitsbedingungen) iżda kundizzjonijiet ta’ impjieg (Beschäftigungsbedingungen). L-istess jgħodd għall-verżjoni lingwistika Franċiża (conditions d’emploi), dik Taljana (condizioni di impiego), dik Portugiża (condições de emprego) u dik Ingliża (employment conditions).

( 22 ) Paragrafu 1(a) tal-Ftehim qafas u l-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70.

( 23 ) It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas.

( 24 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 2738); b’mod simili s-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 114), u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 24).

( 25 ) Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 38 flimkien mal-punt 37), tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 114), u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 24).

( 26 ) Fl-istess sens is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno u Pettini (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punti 4546).

( 27 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 28 ) Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).

( 29 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 1982, Burton (19/81, EU:C:1982:58, punt 9), tat-8 ta’ Ġunju 2004, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑220/02, EU:C:2004:334, punt 36), u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 21).

( 30 ) Fl-istess sens is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 28).

( 31 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punti 3132); b’mod simili s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punti 35 sa 37, ukoll dwar sistemi ta’ kumpens), u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punti 27 sa 29 dwar it-terminu ta’ xoljiment).

( 32 ) Digriet tal-11 ta’ Novembru 2010, Vino (C‑20/10, EU:C:2010:677, punt 57).

( 33 ) Hekk ukoll is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 43), tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 30), u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punti 3940).

( 34 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 42) u d-digriet tat-30 ta’ April 2014, D’Aniello et (C‑89/13, EU:C:2014:299, punt 28); b’mod simili wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 48) kif ukoll il-ħsieb li jidher fis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punti 3940).

( 35 ) Sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 43), tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 32), u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 42).

( 36 ) Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 66) u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 31), kif ukoll id-digrieti tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 37) u tad-9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz (C‑443/16, EU:C:2017:109, punt 38); bl-istess sens is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 1995, Royal Copenhagen (C‑400/93, EU:C:1995:155, punt 33).

( 37 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2015:854, punt 38), Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni (C‑101/15 P, EU:C:2016:258, punt 66) u Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:386, punt 47), fejn kull darba osservajt li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jiġi interpretat u applikat b’mod differenti skont il-qasam legali.

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 65), fejn il-ġurisprudenza stabbilita dwar il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni hija applikata għall-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas.

( 39 ) Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26), tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 167), u tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera (C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 46).

( 40 ) F’dan is-sens is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punti 4445).

( 41 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, partikolarment il-punti 40 sa 44 u 51).

( 42 ) Barra minn hekk, l-użu ta’ ċerti benefiċċji tal-persuna li timpjega jista’ jkun suġġett għal perijodu minimu ta’ servizz lejn il-kumpannija, sa fejn dan il-prerekwiżit jiġi stabbilit abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti u ma jkunx intiż sabiex jeskludi b’mod speċifiku l-ħaddiema għal żmien determinat.

( 43 ) Skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, ħaddiema għal żmien determinat ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli biss minħabba li jaħdmu għal żmien determinat jew huma għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat; ara wkoll is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 5657), tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 52) u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punti 3738).

( 44 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016 (C‑596/14, EU:C:2016:683).

( 45 ) F’dan ir-rigward, il-kawża preżenti hija differenti mill-kawża Grupo Norte Facility (C‑574/16) eżaminata parallellament fejn kien ikkonċernat kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat b’tul ta’ inqas minn tliet snin. Madankollu, kif ser nosserva fil-konklużjonijiet tiegħi tal-lum fl-imsemmija kawża, l-evalwazzjoni ġuridika għandha tkun l-istess fiż-żewġ kawżi.

( 46 ) Madankollu, il-Ftehim qafas ma jistabbilixxi l-ebda obbligu ġenerali li l-Istati Membri għandhom li jipprevedu l-konverżjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 91, tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 47 kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López, C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 39), partikolarment mhux fis-servizz pubbliku.

( 47 ) Fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 108109), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li għall-finijiet tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jista’ jkun abbużiv li jiġi impjegat persunal supplenti permezz ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat jekk ma jkunx previst meta tkun ser tiġi konkluża l-proċedura ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema permanenti.

( 48 ) Punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas; ara wkoll it-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu.

( 49 ) L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas; ara wkoll il-punti 3 u 5 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.

( 50 ) Sentenzi tal-24 ta’ Frar 1994, Roks et (C‑343/92, EU:C:1994:71, punt 35 kif ukoll, b’mod supplimentari, il-punti 36 u 37), tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer (C‑187/00, EU:C:2003:168, punt 59 kif ukoll, b’mod supplimentari, il-punti 60 u 61) u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 110).

( 51 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2008:686, punt 117) kif ukoll fil-kawża Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2005:654, punti 8586); f’dan l-istess sens il-konklużjonijiet magħquda tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi Marrosu u Sardino kif ukoll Vassallo (C‑53/04 u C‑180/04, EU:C:2005:569, punti 4243).

( 52 ) Hekk it-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas; ara wkoll il-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.

( 53 ) F’dan is-sens ukoll is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 45) u Vassallo (C‑180/04, EU:C:2006:518) kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 70), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kull darba żżid b’mod restrittiv: “sa fejn dan huwa oġġettivament iġġustifikat”.

( 54 ) Fl-istess sens ara t-teħid ta’ pożizzjoni fil-kawża Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:573, punti 66 sa 68).