KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2018 ( 1 )

Kawża C‑652/16

Nigyar Rauf Kaza Ahmedbekova,

Rauf Emin Ogla Ahmedbekov

vs

Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Regoli dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Direttivi 2005/85 u 2011/95 – Applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-membri tal-familja ta’ persuna li talbet li tingħata l-istatus ta’ refuġjat – Dispożizzjoni nazzjonali li tagħti l-istatus ta’ refuġjat lill-membri tal-familja ta’ refuġjat irrikonoxxut – Direttiva 2013/32 – Dritt għal rimedju effettiv”

1.

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Administrativen sad Sofia-grad (Bulgaria) (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja serje ta’ disa’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2011/95 ( 2 ) u 2013/32 ( 3 ). Il-parti l-kbira minn dawn id-domandi jirrigwardaw aspetti, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, marbuta mal-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-membri ta’ nukleu familjari wieħed ( 4 ). Min-naħa l-oħra, it-tieni, it-tielet, it-tmien u d-disa’ domanda jirrigwardaw aspetti marbuta mal-eżami tal-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u mal-portata tal-istħarriġ mill-qorti tal-ewwel istanza dwar deċiżjonijiet ta’ rifjut tal-għoti ta’ tali protezzjoni, diġà invokati, anki jekk minn perspettivi parzjalment differenti, mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Suprema ta’ Sofija) fil-kawża Alheto, li fiha ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fis-17 ta’ Mejju li għadda (C‑585/16EU:C:2018:327).

A. Il-kuntest ġuridiku

2.

Għal qari aħjar ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali ser jitfakkru fl-eżami tad-domandi preliminari individwali. F’dan l-istadju huwa biżżejjed li jitfakkar li l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali huwa rregolat, fid-dritt Bulgaru, miż-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati, iktar ’il quddiem iż-“ZUB”), li tipprevedi żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, dik marbuta mal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat (l-Artikolu 8 taż-ZUB) u dik li tirriżulta mill-għoti tal-istatus umanitarju (l-Artikolu 9 taż-ZUB), li tikkorrispondi għall-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva 2011/95. Din id-direttiva u d-Direttiva 2013/32 ġew trasposti fid-dritt Bulgaru permezz ta’ emendi introdotti fiż-ZUB permezz ta’ żewġ liġijiet li daħlu fis-seħħ fis-16 ta’ Ottubru u fit-28 ta’ Diċembru 2015 rispettivament ( 5 ).

II.   Il-proċedura prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

3.

Il-fatti tal-proċedura prinċipali huma miġbura fil-qosor kif ġej fid-digriet tar-rinviju. Fis-16 ta’ Diċembru 2012, N. R. K. Ahmedbekova u l-familja tagħha telqu legalment mill-Azerbajġan lejn l-Ukraina, u għaddew mit-Turkija. Waqt ir-residenza tagħhom fl-Ukraina, li damet sena u xaharejn, N. R. K. Ahmedbekova u l-familja tagħha ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u ġew irreġistrati mal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR). Mingħajr ma stennew l-eżitu tal-applikazzjoni, fid-19 ta’ Jannar 2014, huma telqu legalment mill-Ukraina lejn it-Turkija u, minn hemm, daħlu illegalment fil-Bulgarija. Fl-istess ġurnata, twaqqfu meta kienu qed jipprovaw jitilqu mill-Bulgarija permezz ta’ passaporti Griegi ( 6 ).

4.

Fl-20 ta’ Jannar 2014, N. R. K. Ahmedbekova u żewġha, R. E. O. Ahmedbekov ippreżentaw, separatament, applikazzjoni għall-ażil quddiem il-President tar-Repubblika tal-Bulgarija. L-applikazzjoni ta’ N. R. K. Ahmedbekova ġiet ippreżentata wkoll għan-nom tal-wild minuri tal-koppja, imwieled fil-5 ta’ Ottubru 2007. Iż-żewġ applikazzjonijiet ġew irrifjutati fl-4 ta’ Novembru 2014.

5.

Fid-19 ta’ Novembru 2014, R. E. O. Ahmedbekov ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem id-Darzhavna agentsia za bezhantsite (l-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, iktar ’il quddiem id-“DAB”), li ġiet irrifjutata permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2015. Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn R. E. O. Ahmedbkov kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fl-ewwel istanza fit-2 ta’ Novembru 2015. Fid-data tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza kien għadu pendenti quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija).

6.

Min-naħa tagħha, fil-25 ta’ Novembru 2014, N. R. K. Ahmedbekova ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem id-DAB, fir-rigward tagħha u tat-tifel tagħha. Anki dawn l-applikazzjonijiet ġew irrifjutati permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2015. N. R. K. Ahmedbekova ppreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rikors, N. R. K. Ahmedbekova tindika li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha saret kemm għal raġuni personali, minħabba l-biża’ raġonevoli ta’ persekuzzjoni li hija tista’ tbati minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħha, kif ukoll bħala membru tal-familja ta’ persuna, f’dan il-każ il-konjuġi tagħha, li kienet is-suġġett ta’ persekuzzjoni f’pajjiżha stess.

7.

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li N. R. K. Ahmedbekova u t-tifel tagħha kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva 2008/115 ( 7 ).

8.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2016, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Mill-Artikolu 78(1) u (2)(a), (d) u (f) tat-[TFUE], kif ukoll mill-premessa 12 u mill-Artikolu 1 tad-Direttiva [2013/32], jirriżulta li r-raġuni sabiex applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li hija inammissibli prevista fl-Artikolu 33(2)(e) tal-istess direttiva, tikkostitwixxi regola li għandha effett dirett u li ma tistax ma tiġix applikata mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-każ li jkunu applikabbli dispożizzjonijiet iktar favorevoli tad-dritt nazzjonali, li jipprevedu l-eżami tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-perspettiva ta’ jekk l-applikant jissodisfax, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata l-istatus ta’ refuġjat u, fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata protezzjoni sussidjarja, kif jeżiġi l-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva?

2)

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, mill-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva [2013/32], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(3) u mal-Artikolu 2(a), (c) u (g), kif ukoll mal-premessa 60 tal-istess direttiva, jirriżulta li hija inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata, f’isem minuri akkumpanjat, mill-ġenitur tiegħu, meta din l-applikazzjoni tkun ibbażata fuq il-kwalità tal-wild bħala membru tal-familja ta’ persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-raġuni li din il-persuna għandha l-kwalità ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni [dwar l-Istatus tar-Refuġjati], [iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem: il-‘Konvenzjoni ta’ Genève’) ( 8 )].

3)

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, mill-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva [2013/32], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(1) u mal-Artikolu 2(a), (c) u (g), kif ukoll mal-premessa 60 tal-istess direttiva, jirriżulta li hija inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’isem persuna adulta meta din l-applikazzjoni tkun ibbażata, fil-kuntest tal-proċeduri quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti, esklużivament fuq il-kwalità tal-applikant bħala membru tal-familja ta’ persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-raġuni li din il-persuna għandha l-kwalità ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u meta l-applikant ma jkollux, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni, id-dritt li jeżerċita attività bħala impjegat?

4)

L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [2011/95], ikkunsidrat flimkien mal-premessa 36 tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-evalwazzjoni ta’ theddida raġonevoli ta’ prosekuzzjoni jew ta’ riskju reali ta’ dannu gravi għandha tkun ibbażata biss fuq fatti u ċirkustanzi li jikkonċernaw l-applikant?

5)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva [2011/95], ikkunsidrat flimkien mal-premessa 36 tal-istess direttiva u mal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva [2013/32], jippermetti ġurisprudenza nazzjonali ta’ Stat Membru li:

а)

tobbliga lill-awtorità kompetenti tevalwa fil-kuntest ta’ proċedura komuni l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tal-persuni li huma membri tal-istess familja meta dawn l-applikazzjonijiet ikunu bbażati fuq fatti komuni u, b’mod partikolari, fuq id-dikjarazzjoni li hija biss persuna waħda minn dawn il-membri tal-familja li għandha l-kwalità ta’ refuġjat;

b)

tobbliga lill-awtorità kompetenti twaqqaf il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ membri tal-istess familja li, fil-kwalità individwali tagħhom, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għal tali protezzjoni, sakemm tiġi konkluża l-proċedura għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-membru tal-familja li tkun ibbażata fuq ir-raġuni li din il-persuna għandha l-kwalità ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève;

u, b’mod partikolari, l-imsemmija ġurisprudenza hija konformi ma’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-interessi superjuri tal-wild, mal-ħarsien tar-riunifikazzjoni tal-familja u mar-rispett tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, mad-dritt li l-individwu kkonċernat jibqa’ fl-Istat Membru sakemm tiġi evalwata l-applikazzjoni, fid-dawl tal-Artikoli 7, 18 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-premessi 12 u 60 kif ukoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32, tal-premessi 16, 18 u 36 kif ukoll l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, u tal-premessi 9, 11 u 35 kif ukoll l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ( 9 )?

6)

Il-premessi 16, 18 u 36, kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva [2011/95], ikkunsidrati flimkien mal-premessa 24 u mal-Artikoli 2(d) u (j), 13 u 23(1) u (2) tal-istess direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod konkret l-Artikolu 8(9) taż-[ZUB], li tipprovdi li għandhom jitqiesu bħala refuġjati anki l-membri tal-familja ta’ barrani li jkollu l-istatus ta’ refuġjat, sa fejn dan huwa kompatibbli mal-istatus individwali tagħhom u sakemm ma jkunx hemm raġunijiet taħt id-dritt nazzjonali li jeskludu l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat?

7)

Mir-raġunijiet għal persekuzzjoni previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [2011/95], jirriżulta li t-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-Istat ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata jimplika li din il-persuna tagħmel parti minn grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tal-istess direttiva, jew li tali tressiq ta’ kawża għandu jitqies bħala l-espressjoni ta’ opinjoni politika fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tal-istess direttiva?

8)

Mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva [2013/32], jirriżulta li l-qorti hija obbligata teżamina fid-dettall ir-raġunijiet ġodda għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali invokati fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja li ma kinux tqajmu fir-rikors ippreżentat quddiem din il-qorti kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali?

9)

Mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva [2013/32], jirriżulta li l-qorti hija obbligata tevalwa l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 33(2)(e) tal-istess direttiva fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja ta’ rikors kontra deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti protezzjoni internazzjonali, f’sitwazzjoni fejn fid-deċiżjoni kkontestata l-applikazzjoni kienet evalwata mill-perspettiva ta’ jekk l-applikant jissodisfax, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata l-istatus ta’ refuġjat u, fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata protezzjoni sussidjarja, kif jeżiġi l-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva?”

9.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mir-Repubblika Ellenika, mir-Repubblika Ċeka, mir-Renju Unit, mill-Ungerija u mill-Kummissjoni.

III.   Analiżi

A. Osservazzjonijiet preliminari

10.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għall-istess raġunijiet indikati fil-punti 58 sa 61 tal-konklużjonijiet tiegħi tas-17 ta’ Mejju 2018 fil-kawża Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327), li għalihom nagħmel riferiment, id-Direttiva 2013/32 ma tapplikax ratione temporis għall-fatti tat-tilwima prinċipali. Fil-fatt, peress li N. R. K. Ahmedbekova ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali u dik f’isem it-tifel fil-25 ta’ Novembru 2014, dawn l-applikazzjonijiet, preċedenti kemm għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi li tittrasponi d-Direttiva 2013/32 fid-dritt Bulgaru (it-28 ta’ Diċembru 2015), kif ukoll għad-data prevista mill-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 ta’ din id-direttiva (l-20 ta’ Lulju 2015), għandhom, kemm skont id-dritt nazzjonali (l-Artikolu 37 tal-Liġi li tittrasponi d-Direttiva 2013/32) ( 10 ) kif ukoll skont id-dritt tal-Unjoni (it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32), jiġu eżaminati abbażi tad-dispożizzjonijiet li ttrasponew id-Direttiva 2005/85 fid-dritt Bulgaru, direttiva preċedenti għad-Direttiva 2013/32 ( 11 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser nifformula mill-ġdid, fejn huwa possibbli, id-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) billi nikkunsidra li dawn jirrigwardaw id-Direttiva 2005/85.

11.

Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2011/95, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) fit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Alheto, din id-direttiva ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru permezz ta’ liġi li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2015 mingħajr applikazzjoni retroattiva. Għalhekk din il-liġi ma għandhiex tiġi applikata għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ N. R. K. Ahmedbekova u għal dik ippreżentata minn din tal-aħħar għan-nom ta’ binha – li ġew ippreżentati fil-25 ta’ Novembru 2014 u rrifjutati b’deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2015 – bl-istess mod bħalma ma kinitx applikabbli għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ S. Alheto ( 12 ). Madankollu, b’mod differenti mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Alheto, fid-digriet tar-rinviju li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) ma tiddikjarax ruħha espressament dwar din l-inapplikabbiltà, u lanqas tagħti indikazzjoni dwar l-eventwali diverġenzi fil-verżjonijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti taż-ZUB li ġew introdotti wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/83 ( 13 ), preċedenti għad-Direttiva 2011/95, u ta’ din l-aħħar direttiva. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2011/95 hija ċertament applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali u, fi kwalunkwe każ, ir-risposta għad-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha, tkun l-istess anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2004/83. Għalhekk ma nqisx li huwa neċessarju li ssir formulazzjoni mill-ġdid ta’ dawn id-domandi.

B. Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari

12.

L-ewwel tliet domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32 u għandhom jiġu eżaminati flimkien.

13.

Skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 “[…] l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu”. Il-paragrafu 2(e) ta’ dan l-artikolu jippreċiża li “[l]-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk: […] (e) persuna dipendenti fuq l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta il-kunsens tiegħu taħt l-Artikolu 7(2) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata”.

14.

Skont dak li jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, fiż-ZUB ma teżistix dispożizzjoni korrispondenti għall-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32. Konsegwentement, id-DAB ipproċediet bl-eżami fil-mertu tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr ma l-ewwel evalwat l-ammissibbiltà tagħhom abbażi tar-raġuni prevista minn din id-dispożizzjoni.

15.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-eżami tal-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali abbażi tal-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32 huwiex obbligatorju u jekk din id-dispożizzjoni għandhiex effett dirett. Permezz tat-tieni u t-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tistax tiġi kkunsidrata inammissibbli fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq meta din tkun immotivata mill-fatt li l-persuna li ppreżentatha hija membru tal-familja ta’ applikant għal ażil skont l-Artikolu 1, Sezzjoni A tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Din il-kwistjoni tqajmet b’riferiment, minn naħa, għall-każ fejn l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata mill-konjuġi tal-applikant għal ażil għan-nom tal-wild minuri tal-koppja (it-tieni domanda preliminari) u, min-naħa l-oħra, għall-każ fejn l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata mill-konjuġi f’ismu proprju (it-tielet domanda preliminari).

16.

Peress li, kif indikat fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva 2013/32 ma tapplikax ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari esposti hawn fuq għandhom kollha jiġu fformulati mill-ġdid fis-sens li dawn jirrigwardaw l-Artikolu 25(2)(g) tad-Direttiva 2005/85, li t-test tiegħu huwa rriprodott f’termini kważi identiċi fl-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32, li fformulat mill-ġdid id-Direttiva 2005/85.

17.

Kif diġà kelli l-opportunità nenfasizza fil-punti 78 sa 80 tal-konklużjonijiet tiegħi tas-17 ta’ Mejju 2018 fil-kawża Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327), mit-test tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2005/85 jirriżulta li l-Istati Membri kellhom il-fakultà, mhux l-obbligu, li jipprevedu, fil-proċeduri nazzjonali rispettivi tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal ażil, ir-raġunijiet għal inammissibbiltà msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, filwaqt li l-premessa 22 tal-imsemmija direttiva tissuġġerixxi li l-Artikolu 25 ta’ din tal-aħħar kien jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li l-applikazzjonijiet kollha għal ażil għandhom jiġu eżaminati fil-mertu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ( 14 ).

18.

Fi kliem ieħor, l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2005/85 kien sempliċement jawtorizza lill-Istati Membri ma jeżaminawx fil-mertu applikazzjoni għal ażil meta jkun hemm waħda mir-raġunijiet għal inammissibbiltà previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, iżda ma kienx jobbligahom la li jintroduċu fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi, l-obbligu, għall-awtoritajiet kompetenti, li jeżaminaw l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal ażil, u lanqas li jipprevedu, fil-preżenza ta’ waħda mill-imsemmija raġunijiet, ir-rifjut awtomatiku tal-applikazzjoni mingħajr eżami fil-mertu.

19.

Għalhekk, fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/85, il-leġiżlatur Bulgaru seta’ jiddeċiedi b’mod leġittimu, kif huwa għamel, li ma jittrasponix ir-raġunijiet kollha, jew uħud minnhom, għal inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal ażil previsti fl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85, u, b’mod partikolari, dik li tirriżulta mill-punt (g) ta’ din id-dispożizzjoni.

20.

Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, kif ifformulata mill-ġdid, sa fejn hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura obbligatorja tal-eżami rigward l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 25(2)(g) tad-Direttiva 2005/85, għandha tkun li l-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 22 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri jeżaminaw l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal ażil abbażi tar-raġunijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, u lanqas li jirrifjutaha fil-każ li tkun teżisti waħda minn dawn ir-raġunijiet.

21.

Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma huwiex min-naħa l-oħra neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel domanda preliminari, kif ifformulata mill-ġdid, fil-parti fejn tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk l-Artikolu 25(2)(g) tad-Direttiva 2005/85 għandux effett dirett.

22.

Fir-rigward tat-tieni u t-tielet domanda preliminari, kif ifformulati mill-ġdid, ladarba mir-risposta għall-ewwel domanda preliminari jirriżulta li, abbażi tad-dritt Bulgaru applikabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ N. R. K. Ahmedbekova u tat-tifel tagħha, dawn l-applikazzjonijiet ma setgħux fi kwalunkwe każ jiġu ddikjarati inammissibbli għar-raġuni prevista fl-Artikolu 25(2)(g) tad-Direttiva 2005/85, dawn id-domandi huma manifestament ta’ natura ipotetika u għalhekk huma inammissibbli ( 15 ). Għalhekk huwa biss sussidjarjament li ser neżaminahom fil-qosor.

23.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-ġurisprudenza tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) ma hijiex kostanti fuq il-kwistjoni dwar jekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq il-biża’ ta’ persekuzzjoni kontra persuna membru tal-istess familja tal-applikant tistax tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċedura distinta minn dik li għandha bħala suġġett l-applikazzjoni għal ażil ippreżentata mill-imsemmija persuna. Fil-fatt, l-Artikolu 2 tal-adminidtrativnoprotsesualen Kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva), li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tiegħu japplika, ħlief f’każ ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva kuntrarja, għall-proċeduri amministrattivi quddiem l-awtoritajiet Bulgari kollha, jistabbilixxi li meta, fl-ambitu ta’ proċeduri differenti, “id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet jirriżultaw mill-istess sitwazzjoni fattwali u awtorità amministrattiva waħda biss hija kompetenti, huwa possibbli li ssir proċedura waħda fil-konfront ta’ iktar minn parti waħda”. Fir-rigward taċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) tirrileva li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn N. R. K. Ahmedbekova għan-nom tal-wild minuri tagħha għandha tkun ikkunsidrata bħala parti minn dik ippreżentata minn R. E. O. Ahmedbekov peress li hija ġġustifikata abbażi ta’ raġunijiet li jirrigwardaw lil dan tal-aħħar u tistaqsi jekk din l-applikazzjoni għandhiex, għal din ir-raġuni, tkun ikkunsidrata inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32 [l-Artikolu 25(2)(g) tad-Direttiva 2005/85, fil-verżjoni fformulata mill-ġdid tad-domandi preliminari] ( 16 ). Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ppreżentata minn N. R. K. Ahmedbekova f’isimha proprju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din tistax tkun ippreżentata b’mod separat minn din ta’ R. E. O. Ahmedbekov, ladarba N. R. K. Ahmedbekova tinvoka l-fatt li hija membru tal-familja ta’ dan tal-aħħar, insostenn tal-applikazzjoni tagħha.

24.

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2005/85 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull adult li jkollu kapaċità legali ( 17 ) jkollu d-dritt li jagħmel applikazzjoni għall-ażil f’ismu stess”. Abbażi tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, meta l-Istati Membri jipprevedu li applikazzjoni għal ażil tista’ tiġi ppreżentata minn applikant għan-nom tad-dipendenti tiegħu, dawn għandhom jipprevedu li “adulti dipendenti jagħtu l-kunsens tagħhom għall-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni f’isimhom, u fin-nuqqas ta’ dan għandhom ikollhom l-opportunità li jagħmlu applikazzjoni f’isimhom stess” ( 18 ).

25.

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li persuna li tkun saret maġġorenni u li jkollha l-kapaċità legali għandha d-dritt tippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’isimha proprju, indipendentement mill-fatt li l-unika raġuni invokati insostenn tal-applikazzjoni tagħha huwa l-fatt li hija membru tal-familja ta’ persuna li talbet l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tiġi ppreżentata minn applikant għan-nom ta’ persuna maġġorenni li jkollha l-kapaċità legali ħlief fil-każ li din il-persuna tkun dipendenti tiegħu ( 19 ) u tkun tat espressament il-kunsens tagħha għal dan il-mod li bih wieħed jipproċedi, u b’hekk irrinunzjat għad-dritt li tippreżenta applikazzjoni f’isimha proprju.

26.

Issa mid-digriet tar-rinviju ma jirriżultax la li N. R. K. Ahmedbekova għandha titqies dipendenti fuq żewġha ( 20 ), u lanqas li tat il-kunsens tagħha sabiex dan tal-aħħar jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għan-nom tagħha. Barra minn hekk huwa stabbilit li R. E. O. Ahmedbekov ma ppreżentax applikazzjoni għan-nom ta’ martu. Għall-kuntrarju, iż-żewġ konjuġi dejjem bdew proċeduri distinti, kemm quddiem il-President tar-Repubblika Bulgaru kif ukoll meta ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom quddiem id-DAB.

27.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 25(2)(g) tad-Direttiva 2005/85, b’mod partikolari dik dwar il-kunsens tal-persuna kkonċernata, ma humiex issodisfatti, l-applikazzjoni ta’ N. R. K. Ahmedbekova xorta ma setgħetx tiġi ddikjarata inammissibbli abbażi tar-raġuni prevista minn din id-dispożizzjoni, anki kieku din tal-aħħar kienet ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru, u lanqas setgħet tiġi kkunsidrata bħala parti mill-applikazzjoni ta’ R. E. O. Ahmedbekov, iżda kellha tiġi eżaminata separatament, kif għamlet id-DAB.

28.

Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ppreżentata minn N. R. K. Ahmedbekova għan-nom tal-wild minuri, nirrileva li, anki f’dan il-każ, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2005/85 ma jissuġġettax il-possibbiltà li applikant jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għan-nom ta’ minuri dipendenti tiegħu għat-tip ta’ raġunijiet invokati insostenn ta’ tali applikazzjoni. Għalhekk, jekk it-tifel ta’ N. R. K. Ahmedbekova jista’ jiġi kkunsidrat dipendenti tagħha, l-applikazzjoni ppreżentata minn din tal-aħħar għan-nom ta’ dak tal-ewwel ma setgħetx tiġi ddikjarata inammissibbli abbażi tar-raġuni prevista fl-Artikolu 25(2)(g) tad-Direttiva 2005/85 – anki jekk jiġi preżunt li din id-dispożizzjoni kienet ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru – biss abbażi tal-kunsiderazzjoni li r-raġunijiet insostenn ta’ tali applikazzjoni jirrigwardaw il-kwalità ta’ refuġjat ta’ R. E. O. Ahmedbekov ( 21 ).

C. Fuq ir-raba’ domanda preliminari

29.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal- biża’ raġonevoli ta’ persekuzzjoni (għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat) jew tar-riskju reali ta’ dannu serju (għall-finijiet tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja) għandha tkun ibbażata biss fuq fatti u ċirkustanzi li jirrigwardaw il-persuna tal-applikant.

30.

Mill-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju u miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jirriżulta li din il-kwistjoni hija intiża sabiex tiċċara jekk huwiex kompatibbli mas-sistema tad-Direttiva 2011/95 l-għoti, minn naħa ta’ Stat Membru, tal-istatus ta’ refuġjat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali biss abbażi tal-fatt li dan l-applikant huwa membru tal-familja ta’ refuġjat irrikonoxxut.

31.

Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 “refuġjat” ifisser “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż […]”. Skont l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva “[l]-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali” u jipprevedi l-evalwazzjoni tal-elementi indikati fis-punti (a) sa (e) ta’ din id-dispożizzjoni, li jinkludu, fil-punt (c), “il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, […] sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju”. Skont tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/95, l-uniku wieħed imsemmi fil-kliem tad-domanda preliminari, “[i]l-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut”. L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti minn att sabiex jiġi kkunsidrat bħala “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 1, Sezzjoni A, tal-Konvenzjoni ta’ Genève’, filwaqt li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi xi eżempji tal-forma li jista’ jkollhom dawn l-atti. L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2011/95 jelenka, fil-punti (a) sa (e), l-elementi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-raġunijiet għal persekuzzjoni previsti fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva. Finalment, skont l-Artikolu 9(3) tal-istess direttiva għandu jkun hemm konnessjoni bejn l-atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u r-raġunijiet msemmija fl-Artikolu 10.

32.

Id-dispożizzjonijiet imfakkra hawn fuq jeħtieġu li l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat tiġi evalwata fir-rigward tal-applikant għal ażil. Madankollu, huma ma jeskludux li dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala ssodisfatti b’kunsiderazzjoni tar-rabta familjari eżistenti bejn l-applikant u persuna li kienet vittma ta’ atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95 li b’mod leġittimu tibża’ li tiġi ppersegwitata għar-raġunijiet indikati fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva. Jekk, għal applikant għall-ażil, il-fatt li jinvoka insostenn tal-applikazzjoni tiegħu l-persekuzzjoni ta’ membru tal-familja tiegħu, ma huwiex, minnu nnifsu, suffiċjenti għal dan il-għan, l-istatus ta’ refuġjat għandu min-naħa l-oħra jingħata lill-membru tal-familja ta’ refuġjat li jkun ippreżenta applikazzjoni għal dan meta, abbażi tal-eżami tas-sitwazzjoni individwali tiegħu u taċ-ċirkustanzi personali tiegħu, u fid-dawl tal-elementi kollha rilevanti, rigward, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini, u l-modus operandi tal-atturi tal-persekuzzjoni ( 22 ), jirriżulta li, minħabba l-imsemmija rabta ta’ familja, huwa għandu b’mod individwali biża’ raġonevoli li huwa wkoll ikun vittma ta’ persekuzzjoni u ma jeżistux fil-konfront tiegħu kriterji ta’ esklużjoni ta’ dan l-istatus ( 23 ). F’ċirkustanzi bħal dawn, il-konnessjoni bejn l-atti u r-raġunijiet għal persekuzzjoni meħtieġa mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 hija żgurata, indirettament, b’riferiment għar-raġunijiet għal persekuzzjoni mwettqa fuq il-membri tal-familja tal-applikant.

33.

Kif enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, din is-sitwazzjoni hija espressament prevista fil-premessa 36 tad-Direttiva 2011/95 li tipprovdi li “[m]embri tal-familja sempliċement minħabba r-relazzjoni tagħhom mar-refuġjat, normalment ikunu vulnerabbli għal atti ta’ persekuzzjoni f’manjiera li tista’ tkun il-bażi ta’ status ta’ refuġjat” ( 24 ). Ir-riskju li din is-sitwazzjoni ta’ espożizzjoni għal persekuzzjoni sseħħ huwa barra minn hekk ikkunsidrat bħala sinjifikattiv mil-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu.

34.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 2011/95, b’mod partikolari l-Artikoli 2(d) u 4(3) tagħha, moqrija fid-dawl tal-premessa 36 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali minħabba r-rabta ta’ familja tiegħu ma’ persuna li kienet vittma ta’ atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jew li għandha biża’ raġonevoli ta’ persekuzzjoni għar-raġunijiet indikati fl-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva, meta, abbażi tal-eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant u taċ-ċirkustanzi personali tiegħu, kif ukoll fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, jirriżulta li, minħabba l-imsemmija rabta ta’ familja, huwa jkollu b’mod individwali biża’ raġonevoli li huwa wkoll jisfa vittma ta’ persekuzzjoni.

D. Fuq il-ħames domanda preliminari

35.

Permezz tal-ħames domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll, b’mod partikolari, kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aħjar interess tal-minuri, maż-żamma tal-unità tal-familja u mar-rispett tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li tobbliga lill-awtorità kompetenti teżamina fil-kuntest ta’ proċedura waħda l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali magħmula minn membri tal-istess nukleu familjari bbażati fuq l-allegazzjoni li wieħed minnhom biss jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jingħata l-istatus ta’ refuġjat, jew li timponi li l-proċedura marbuta mal-applikazzjonijiet ippreżentati mill-membri l-oħra tal-familja tiġi sospiża sakemm tingħalaq dik marbuta mal-applikazzjoni ppreżentata fis-sens tal-Artikolu 1, Sezzjoni A tal-Konvenzjoni ta’ Genève’.

36.

Għar-raġunijiet indikati fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din id-domanda preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl mhux tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32, iżda fid-dawl ta’ dawk tad-Direttiva 2005/85 li ppreċedietha.

37.

Mill-eżami tal-ewwel tliet domandi preliminari u, b’mod partikolari, mill-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ N. R. K. Ahmedbekova, fl-assenza ta’ kunsens mogħti minnha fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2005/85, għandha tiġi eżaminata separatament minn dik ta’ żewġha u għalhekk indipendentement mir-raġunijiet invokati insostenn ta’ din l-applikazzjoni.

38.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2005/85 huwa ċar meta jindika li huwa biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, jiġifieri biss fil-każ li applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata għan-nom ta’ persuna dipendenti waħda jew iktar, li “l-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni waħda, li tkopri d-dipendenti kollha” meta “l-applikazzjoni tkun ibbażata fuq l-istess raġunijiet” ( 25 ).

39.

Għalhekk, fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2005/85, ma jkunux issodisfatti – bħal fil-każ ta’ N. R. K. Ahmedbekova –, l-awtorità kompetenti għandha teżamina l-applikazzjonijiet ippreżentati mid-diversi membri ta’ familja waħda għan-nom proprju tagħhom fil-kuntest ta’ proċeduri distinti.

40.

Għandu jiġi enfasizzat li dak li ntqal hawn fuq japplika kemm fil-każ fejn, kif jagħtu x’tifhem ċerti estratti mid-digriet tar-rinviju, l-applikazzjoni ta’ N. R. K. Ahmedbekova quddiem id-DAB tkun ibbażata biss fuq il-kwalità tagħha ta’ konjuġi ta’ persuna li talbet l-istatus ta’ refuġjat, kif ukoll fil-każ fejn, kif donnu jista’ jiġi dedott minn estratti oħra tal-istess digriet, din l-applikazzjoni tkun immotivata mill-biża’ personali ta’ persekuzzjoni minħabba s-sitwazzjoni ta’ żewġha.

41.

L-applikazzjoni tal-wild minuri tal-konjuġi Ahmedbekov, ippreżentata għan-nom tiegħu minn N. R. K. Ahmedbekova, ibbażata fuq l-istess raġunijiet invokati minn din tal-aħħar, għandha min-naħa l-oħra tiġi eżaminata flimkien ma’ dik tal-omm, skont l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2005/85.

42.

Sa fejn il-qorti tar-rinviju donnha tqis li pproċessar separat tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ membri tal-istess familja jista’ jippreġudika ż-żamma tal-unità tal-familja jew jippreġudika l-aħjar interess tal-minuri, pereżempju f’każ li l-applikazzjonijiet jiġu rrifjutati fi żminijiet differenti, nosserva li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jirrestrinġu d-dritt tal-applikant, stabbilit fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2005/85, li jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali separatament mill-membri l-oħra tal-familja tiegħu. Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiżgura l-osservanza tal-prinċipji fuq imsemmija fil-kuntest tal-eventwali proċeduri ta’ ritorn mibdija wara r-rifjut definittiv tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ kull membru tal-familja ( 26 ). Mill-bqija, infakkar, kif għamlet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li sakemm jibqgħu “applikanti” fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2005/85, jiġifieri sakemm ma titteħidx deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom, N. R. K. Ahmedbekova u t-tifel tagħha jgawdu mill-benefiċċji marbuta ma’ dan l-istatus, b’mod partikolari dawk previsti mid-Direttivi 2003/09 ( 27 ) u 2013/33.

43.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2005/85 tipprekludi li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’isimhom proprju mill-membri tal-familja ta’ applikant għal ażil, ikunu x’ikunu r-raġunijiet li jiġġustifikaw din l-applikazzjoni, tiġi kkunsidrata bħala parti integrali mill-applikazzjoni tal-imsemmi applikant u pproċessata flimkien ma’ din tal-aħħar.

44.

Min-naħa l-oħra, la d-Direttiva 2005/85 u lanqas id-Direttiva 2011/95 donnhom ma jipprekludu li l-proċeduri rigward l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati separatament mill-membri tal-istess familja, immotivati mill-biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba s-sitwazzjoni ta’ wieħed mill-membri ta’ dik il-familja, jiġu sospiżi sal-eżitu tal-proċedura li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-membru tal-familja li s-sitwazzjoni tiegħu hija dik li tagħti lok għall-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-familja (iktar ’il quddiem l-“applikant prinċipali”).

45.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, sabiex din is-sospensjoni tkun permessa għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, kif affermat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, is-sospensjoni għandha tkun fl-interess ta’ eżami xieraq u komplut ta’ dawn l-applikazzjonijiet jew tissodisfa kunsiderazzjonijiet marbuta maż-żamma tal-unità tal-familja jew mal-aħjar interess tal-minuri u ma tiksirx id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja tal-persuni kkonċernati. Fit-tieni lok, is-sospensjoni ma għandhiex tippreġudika n-natura awtonoma tal-applikazzjonijiet ippreżentati separatament mill-membri tal-familja tal-applikant prinċipali. Fit-tielet lok, din ma għandhiex ikollha l-konsegwenza li tipprekludi eżami fil-mertu ta’ dawn l-applikazzjonijiet li jkun individwali, oġġettiv u imparzjali kif preskritt mill-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2005/85, u dan indipendentement mill-eżitu tal-applikazzjoni tal-applikant prinċipali, jiġifieri kemm jekk din tintlaqa’ kif ukoll jekk tiġi rrifjutata b’mod definittiv.

46.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, fil-fehma tiegħi r-risposta għall-ħames domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 2005/85, u b’mod partikolari l-Artikoli 6(2) u (3) u 9(3) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati f’isimhom proprju mill-membri tal-familja ta’ persuna li talbet l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jiġu kkunsidrati bħala parti integrali mill-applikazzjoni ppreżentata minn tali persuna u pproċessati fil-kuntest ta’ proċedura waħda, anki meta jkunu bbażati esklużivament fuq l-istess raġunijiet, inerenti għall-imsemmija persuna, li jiġġustifikaw it-talba, min-naħa ta’ din tal-aħħar, għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Id-Direttiva 2005/85 u d-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-proċeduri rigward l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati separatament mill-membri tal-istess familja, immotivati mill-biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba s-sitwazzjoni ta’ wieħed mill-membri ta’ din il-familja, jiġu sospiżi sal-eżitu tal-proċedura li tirrigwarda l-applikazzjoni għal ażil tal-membru li s-sitwazzjoni tiegħu hija dik li tagħti lok għall-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-familja. Madankollu, din is-sospensjoni ma għandhiex tippreġudika n-natura awtonoma tal-applikazzjonijiet ippreżentati f’isimhom proprju, mill-membri tal-familja tal-applikant li s-sitwazzjoni tiegħu hija dik li tagħti lok għall-biża’ ta’ persekuzzjoni, u lanqas ma għandha tipprekludi l-eżami tagħhom fil-mertu fit-tmiem tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni ppreżentata mill-imsemmi applikant, indipendentement mill-eżitu ta’ din il-proċedura.

E. Fuq is-sitt domanda preliminari

47.

Permezz tas-sitt domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Direttiva 2011/95 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-membri tal-familja ta’ refuġjat abbażi biss tar-relazzjoni ta’ familja li torbothom ma’ dan tal-aħħar.

48.

Skont l-Artikolu 8(9) taż-ZUB “huma kkunsidrati wkoll bħala refuġjati l-membri tal-familja ( 28 ) ta’ barrani li kiseb l-istatus ta’ refuġjat” ( 29 ). Mid-digriet tar-rinviju huwa dedott li, skont din id-dispożizzjoni, l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-membri tal-familja ta’ refuġjat irrikonoxxut huwa awtomatiku u ma jimplikax il-verifika, fir-rigward ta’ dawn il-membri tal-familja, tal-eżistenza ta’ biża’ raġonevoli ta’ persekuzzjoni li tirrigwarda lilhom fuq bażi individwali. Skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tista’ tirriżulta inkompatibbli mad-Direttiva 2011/95 li ma tipprevedix tali awtomatiżmu.

49.

Qabel xejn nirrileva – kif tagħmel ukoll l-istess qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari – li l-Artikolu 8(9) taż-ZUB japplika għal N. R. K. Ahmedbekova (u għal binha) biss fil-każ li l-applikazzjoni għal ażil ippreżentata minn R. E. O. Ahmedbekov tintlaqa’. Issa, bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ kjarifika magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ċaħdet l-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn R. E. O. Ahmedbekov kontra s-sentenza li kkonfermat ir-rifjut tal-applikazzjoni għal ażil tiegħu, u b’hekk irrendiet dan ir-rifjut definittiv. Konsegwentement, l-awtomatiżmu previst mill-Artikolu 8(9) taż-ZUB ma jistax jaħdem favur N. R. K. Ahmedbekova u binha, jekk tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, is-sitwazzjoni ta’ R. E. O. Ahmedbekov. Madankollu, ma nqisx li dan jimplika li s-sitt domanda preliminari saret inammissibbli. Fil-fatt, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li matul il-proċedura ġudizzjarja N. R. K. Ahmedbekova invokat raġunijiet addizzjonali insostenn tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha, marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħha. Issa, jekk l-eżami ta’ dawn ir-raġunijiet (mill-qorti tar-rinviju) iwassal għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil N. R. K. Ahmedbekova, l-Artikolu 8(9) taż-ZUB ikun jista’ jiġi applikat favur il-wild ta’ din tal-aħħar, li r-rifjut tiegħu mid-DAB huwa kkontestat ukoll fil-kawża prinċipali. Għalhekk, is-sitt domanda preliminari ma hijiex ta’ natura sempliċement ipotetika u żżomm rabta suffiċjenti mat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

50.

Fil-mertu, din id-domanda tirrigwarda essenzjalment il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2011/95 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti awtomatiku ta’ status ta’ refuġjat b’mod derivat lill-membri tal-familja ta’ persuna li tissodisfa l-kriterji sabiex tiġi rrikonoxxuta bħala refuġjat.

51.

Għandu jiġi rrilevat li, minkejja li dan l-“istatus derivat” ma huwiex ikkontemplat mill-Konvenzjoni ta’ Genève’ ( 30 ), li ma tintegrax il-prinċipju tal-unità tal-familja fid-definizzjoni tat-terminu “refuġjat” ( 31 ), madankollu l-att finali tal-Konferenza tal-Plenipotenzjari tan-Nazzjonijiet Uniti li żviluppat it-test tal-Konvenzjoni kien jirrikonoxxi espressament id-“dritt essenzjali” tar-refuġjat għall-unità tal-familja u kien jirrakkomanda lill-Istati firmatarji jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex iħarsuh u, b’mod iktar ġenerali, għall-protezzjoni tal-familja tar-refuġjat. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew imġedda diversi drabi matul is-snin mill-korpi tal-UNCHR ( 32 ). B’dan il-mod, pereżempju, f’dokument tal-4 ta’ Ġunju 1999, il-Kumitat Permanenti tal-UNHCR iddikjara li “mill-prinċipju ta’ unità tal-familja jirriżulta li, jekk il-kap tal-familja jissodisfa l-kriterji stabbiliti għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, il-membri tal-familja dipendenti tiegħu għandhom normalment jingħataw huma wkoll il-kwalità ta’ refuġjat” ( 33 ). Iktar reċentement, l-UNHCR irrakkomandat l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat b’mod derivat lill-membri tal-familja ta’ vittmi potenzjali ta’ mutilazzjoni tal-ġenitali femminili, u b’hekk aċċettat il-possibbiltà, anki għall-minuri akkumpanjat, li jidher bħala applikant prinċipali li għandu dritt għall-unità tal-familja ( 34 ). Isir riferiment ukoll għall-“istatus ta’ refuġjat derivat” fil-linji gwida fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali dwar l-applikazzjonijiet tal-minuri ( 35 ). Finalment, dan l-istatus huwa normalment aċċettat fil-kuntest tal-proċeduri ta’ determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat li jaqgħu fil-mandat tal-UNCHR ( 36 ).

52.

Bħall-Konvenzjoni ta’ Genève, id-Direttiva 2011/95 lanqas ma tipprevedi l-għoti tal-kwalità ta’ refuġjat b’mod derivat lill-membri tal-familja ta’ refuġjat irrikonoxxut.

53.

L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, intitolat “Żamma ta’ unità tal-familja”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-membri tal-familja ta’ refuġjat li ma jikkwalifikawx individwalment għal protezzjoni internazzjonali, huma xorta intitolati li jgawdu benefiċċji speċifiċi ( 37 ), elenkati fl-Artikoli 24 sa 35 tal-imsemmija direttiva, li l-kontenut tagħhom huwa essenzjalment l-istess bħal dak għar-refuġjati rrikonoxxuti ( 38 ). Il-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni ma tkoprix madankollu l-forma ta’ protezzjoni l-iktar tipika tal-istatus ta’ refuġjat, jiġifieri dik minn refoulement, prevista fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/95, u għaldaqstant ma tistax tiġi assimilata għall-għoti ta’ “status ta’ refuġjat derivat”. Madankollu, il-bażi ġuridika tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 hija l-istess, jiġifieri d-dritt tar-refuġjat għaż-żamma tal-unità tal-familja, li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw skont l-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva ( 39 ).

54.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet nazzjonali, kompatibbli ma’ din id-direttiva, iktar favorevoli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew għall-persuni apolidi li jitolbu protezzjoni internazzjonali “fejn din it-talba hija mifhuma li hija fuq il-bażi li l-persuna interessata hija […] refuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra” ( 40 ). Fil-fehma tiegħi, dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 8(9) taż-ZUB taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżerva stabbilita minn dan l-artikolu.

55.

Huwa minnu li l-applikazzjoni li permezz tagħha l-membru tal-familja ta’ persuna li tissodisfa l-kriterji għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jitlob li huwa wkoll jingħata l-kwalità ta’ refuġjat, indipendentement mill-eżistenza ta’ biża’ raġonevoli ta’ persekuzzjoni li tirrigwardah personalment, ma tistax tiġi kkunsidrata, strictu sensu, bħala bbażata fuq l-Artikolu 1, Sezzjoni A tal-Konvenzjoni ta’ Genève, kif huwa meħtieġ mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ din tal-aħħar.

56.

Madankollu, infakkar li fil-każijiet fejn eskludiet l-użu tar-riżerva msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/83 sabiex tawtorizza dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli fid-determinazzjoni tal-kriterji għall-għoti tal-kwalifika ta’ refuġjat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma bbażatx ruħha fuq il-konstatazzjoni tal-impossibbiltà li l-applikazzjoni tal-applikant għal ażil tinġab taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1, Sezzjoni A tal-Konvenzjoni ta’ Genève, iżda enfasizzat l-inkompatibbiltà ta’ din l-applikazzjoni mas-sistema tal-imsemmija konvenzjoni jew in-nuqqas radikali ta’ kwalunkwe rabta tagħha mal-istess sistema, u b’hekk uriet li hija tagħti privileġġ lil kriterju sostantiv iktar milli formali fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din ir-riżerva.

57.

B’dan il-mod, fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 114115), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/83 ma japplikax għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil persuna li hija eskluża minn dan l-istatus taħt l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, u ġġustifikat din l-inapplikabbiltà billi kkunsidrat il-fatt li l-kriterji ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat għandhom l-għan li “tiġi ppreżervata l-kredibbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni” prevista mill-imsemmija direttiva. Bl-istess mod, fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punti 42 sa 44), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-għoti tal-istatus, previsti fid-Direttiva 2004/83, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjonijiet li ma jkollhom ebda rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali, imur kontra l-istruttura ġenerali u l-għanijiet tal-imsemmija direttiva” ( 41 ).

58.

Issa, kif rajna iktar ’il fuq, minn naħa, l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat b’mod derivat lill-membri tal-familja ta’ refuġjat irrikonoxxut ma huwiex inkompatibbli mas-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u huwa saħansitra rrakkomandat mill-UNCHR u normalment aċċettat fil-proċeduri ta’ determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat li jaqgħu taħt il-mandat ta’ dan l-organu ( 42 ). Min-naħa l-oħra, huwa jsegwi għanijiet li huma konformi mad-Direttiva 2011/95, li fl-Artikolu 23(1) tagħha tistabbilixxi espressament l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw iż-żamma tal-unità tal-familja tar-refuġjat ( 43 ), iżda tħalli lil dawn tal-aħħar liberi li jiddeċiedu l-miżuri li għandhom jiġu adottati għal dan il-għan, u fl-istess waqt tiffissa, fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, il-kontenut minimu tas-sistema applikabbli għall-membri tal-familja. Barra minn hekk, it-trattament irriżervat għall-membri tal-familja ta’ refuġjat irrikonoxxut jirrigwarda sitwazzjonijiet li jaqgħu b’mod sħiħ fil-“loġika tal-protezzjoni internazzjonali”, kif jirriżulta kemm mill-att finali tal-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll mill-prassi tal-UNHCR u kif enfasizzat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), b’mod partikolari fis-sentenza Mugenzi vs Franza ( 44 ).

59.

Qabel nikkonkludi, inżid li sabiex tiġi kkunsidrata kompatibbli mad-Direttiva 2011/95, b’applikazzjoni tar-riżerva prevista fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 8(9) taż-ZUB għandha tagħti lill-membru tal-familja ta’ refuġjat id-dritt li jitlob u jikseb fl-Istat Membru kkonċernat l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat b’mod awtonomu u mhux derivat, fejn dan jissodisfa b’mod individwali l-kundizzjonijiet sabiex jikseb tali status.

60.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għas-sitt domanda preliminari għandha tkun fis-sens li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-riżerva msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-membri tal-familja ta’ persuna li tkun ingħatat l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1, Sezzjoni A, tal-Konvenzjoni ta’ Genève huma rrikonoxxuti bħala refuġjati indipendentement minn jekk jissodisfawx jew le individwalment il-kriterji previsti minn dan l-artikolu, meta dan ikun kompatibbli mal-istatus legali personali tagħhom u ma jkunx hemm kriterji ta’ esklużjoni fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva li jopponuh. Tali dispożizzjoni nazzjonali taqa’ taħt ir-riżerva msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 biss jekk lill-membri tal-familja tar-refuġjat titħallilhom il-fakultà li jitolbu u jiksbu l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat b’mod awtonomu jekk huma jissodisfaw b’mod individwali l-kundizzjonijiet sabiex jiksbu tali status.

F. Fuq is-seba’ domanda preliminari

61.

Permezz tas-seba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-preżentata mill-applikant għal ażil ta’ rikors quddiem il-Qorti EDB kontra l-Istat ta’ oriġini tiegħu tiddeterminax li l-appartenenza tal-imsemmi applikant fi “grupp soċjali” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 jew tikkostitwixxix espressjoni ta’ opinjoni politika fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) ta’ din id-direttiva.

62.

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta, anki jekk mhux b’mod għal kollox ċar, li N. R. K. Ahmedbekova invokat għall-ewwel darba quddiem l- Administrativen sad Sofia–grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) raġunijiet għal persekuzzjoni li jirrigwardawha personalment – u mhux fil-kwalità tagħha bħala membru tal-familja ta’ R. E. O. Ahmedbekov – marbuta mal-opinjoni politika tagħha u mal-attività tagħha insostenn ta’ persuni ppersegwitati mill-Gvern tal-Azerbajġan. Fost iċ-ċirkustanzi msemmija quddiem il-qorti tar-rinviju minn N. R. K. Ahmedbekova hemm l-involviment tagħha (mhux ċar jekk hux bħala rikorrenti jew sempliċement bħala persuna qrib ir-rikorrenti effettivi) fil-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti EDB kontra l-Azerbajġan. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk dan il-fatt minnu nnifsu huwiex suffiċjenti sabiex jiġu applikati l-kunċetti ddefiniti fl-Artikolu 10(1)(d) u (e) tad-Direttiva 2011/95 għas-sitwazzjoni ta’ N. R. K. Ahmedbekova.

63.

Naqbel mal-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mal-Kummissjoni li jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fin-negattiv għad-domanda preliminari inkwistjoni.

64.

Fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 “refuġjat” huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li, fiċ-ċirkustanzi previsti minn dan l-artikolu, għandu biża’ ġġustifikata li jiġi ppersegwitat minħabba r-razziżmu, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, l-opinjoni politika jew is-sħubija fi grupp soċjali partikolari tiegħu. L-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jindika l-elementi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni meta jevalwaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni.

65.

Fis-subparagrafu (d) tagħha, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “grupp soċjali partikolari”. Skont din id-dispożizzjoni, grupp huwa kkunsidrat bħala “grupp soċjali partikolari” meta jiġu ssodisfatti, b’mod partikolari, żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, il-membri tal-grupp għandu jkollhom “karatteristika innata” jew “sfond komuni li ma jistax jinbidel”, jew “karatteristika jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih”. Min-naħa l-oħra, dan il-grupp għandu jkollu l-identità tiegħu proprja fil-pajjiż terz inkwistjoni għaliex huwa pperċepit mis-soċjetà ta’ madwaru bħala differenti ( 45 ). Issa jidhirli li huwa evidenti li dan il-kunċett ma japplikax għal grupp ta’ persuni li l-unika ċirkustanza li tgħaqqadhom hija li ppreżentaw, individwalment jew b’mod kollettiv, rikors quddiem qorti internazzjonali kontra l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza waħedha ma tippermettix, la li jiġi affermat li dawn il-persuni, minkejja li maqgħuda f’opinjoni politika partikolari, għandhom “karatteristika komuni innata” jew “sfond li ma jistax jinbidel” jew “twemmin fundamentali” fis-sens tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmija, u lanqas li jiġi sostnut li, fil-pajjiż ta’ oriġini, dawn huma kkunsidrati li jifformaw parti minn grupp li għandu identità tiegħu proprja sa fejn huwa pperċepit bħala differenti.

66.

Għal dak li jirrigwarda t-terminu “opinjoni politika”, l-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95, jippreċiża li dan jirreferi għaż-“żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni […] u għall-politika jew metodi tagħhom, kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le”. Minkejja li ma jistax jiġi eskluż a priori li l-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti EDB tikkostitwixxi t-traduzzjoni f’atti ta’ “twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni jew għall-politika jew metodi tagħhom” (fejn il-persekuzzjoni tkun attribwibbli għall-Istat li ġie ppreżentat ir-rikors kontra tiegħu), jew li tista’ tkun ipperċepita b’dan il-mod, inqis li din iċ-ċirkustanza waħedha ma għandhiex twassal awtomatikament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat iqisu li r-raġuni għal persekuzzjoni marbuta mal-opinjoni politika tal-applikant hija stabbilita.

67.

F’dan ir-rigward, infakkar li, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-applikant għal ażil u li għaldaqstant huwa fid-dawl ta’ dawn il-fatti u ċirkustanzi kollha li għandu jiġi evalwat jekk l-applikant għandux opinjoni politika li ma hijiex ittollerata mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li, minħabba din l-opinjoni, għandu biża’ raġonevoli ta’ persekuzzjoni jekk jirritorna fl-imsemmi pajjiż ( 46 ).

68.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-seba’ domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti EDB minn applikant għal ażil kontra l-Istat ta’ oriġini tiegħu ma tiddeterminax awtomatikament l-appartenenza ta’ tali applikant fi grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 jew li jaderixxi ma’ opinjoni politika fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) ta’ din id-direttiva.

G. Fuq it-tmien domanda preliminari

69.

Permezz tat-tmien domanda preliminari, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-ewwel istanza, adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut tal-protezzjoni internazzjonali, għandha teżamina r-raġunijiet insostenn tal-għoti ta’ din il-protezzjoni internazzjonali li l-applikant invoka għall-ewwel darba fil-mori tal-proċedura u li ma jinsabux la fl-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali rrifjutata mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fir-rikors promotur ( 47 ).

70.

Għall-motivi indikati fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din id-domanda preliminari għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli, peress li, għar-raġunijiet indikati fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħi tas-17 ta’ Mejju 2018 fil-kawża Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327), ma tistax tiġi kkunsidrata li tirrigwarda l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85. Għalhekk il-kunsiderazzjonijiet segwenti ser isiru b’mod sussidjarju.

71.

Skont l-Artikolu 46(1)(a)(i) tad-Direttiva 2013/32 “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra […] deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni […] li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja”. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li “[s]abiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza”.

72.

Fl-espożizzjoni tal-motivi li wassluha tagħmel it-tmien domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-mori tal-kawża, N. R. K. Ahmedbekova invokat biża’ raġonevoli ta’ persekuzzjoni minħabba l-opinjoni politika tagħha, u allegat, insostenn ta’ din l-invokazzjoni, ir-rabtiet ma’ persuni li ppreżentaw rikors kontra l-Azerbajġan quddiem il-Qorti EDB ( 48 ), kif ukoll l-attività eżerċitata għad-difiża ta’ persuni ppersegwitati mill-awtoritajiet tal-Azerbajġan ( 49 ).

73.

Minkejja li mid-digriet tar-rinviju jidher ċar li dawn l-allegazzjonijiet saru għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja, min-naħa l-oħra ma jirriżultax b’mod daqstant ċar, kif diġà kelli l-okkażjoni li nosserva fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ N. R. K. Ahmedbekova rrifjutata mid-DAB kienet għadha ma ssemmix riskju ta’ persekuzzjoni li hija kienet taffaċċja b’mod individwali, inkwantu konjuġi ta’ persuna ppersegwitata politikament jew minħabba l-opinjoni espressa minnha, b’mod partikolari matul id-detenzjoni ta’ żewġha ( 50 ).

74.

Jekk dan ir-riskju ta’ persekuzzjoni b’mod individwali (anki jekk marbut mas-sitwazzjoni ta’ żewġha) kien diġà invokat quddiem id-DAB, u dan għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju, il-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati u d-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba fil-proċedura ġudizzjarja minn N. R. K. Ahmedbekova għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu kkunsidrati bħala elementi ġodda intiżi sabiex juru dan ir-riskju u mhux bħala “raġunijiet għal ażil” ġodda ( 51 ). Fil-fatt, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oħra, l-elementi kollha invokati minn N. R. K. Ahmedbekova, kemm quddiem id-DAB kif ukoll quddiem il-qorti tar-rinviju, jistgħu jinġabru f’raġuni waħda għal persekuzzjoni (diretta jew indiretta) ( 52 ), marbuta mal-opinjoni espressa minn N. R. K. Ahmedbekova (u/jew minn żewġha) kontra l-Gvern tal-Azerbajġan u mal-attiviżmu tagħha b’difiża tad-drittijiet ta’ persuni li hija tqis li huma ppersegwitati minn dan il-gvern ( 53 ).

75.

Issa, kif diġà kelli l-okkażjoni nsostni fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħi tas-17 ta’ Mejju 2018 fil-kawża Alheto (C‑585/16 EU:C:2018:327), l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, sa fejn jipprovdi li l-eżami ta’ fatt u ta’ liġi tal-motivi tar-rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut tal-protezzjoni internazzjonali għandu jsir “ex nunc”, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-eżami għandu jsir mhux abbażi taċ-ċirkustanzi li l-awtorità li adottat id-deċiżjoni kkontestata kellha jew setgħa kellha konoxxenza tagħhom fil-mument ta’ din l-adozzjoni, iżda abbażi ta’ dawk eżistenti fil-mument li fih il-qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha ( 54 ). Dan jimplika, minn naħa, il-possibbiltà għall-applikant li jinvoka elementi ġodda li ma kinux ġew ippreżentati quddiem l-awtorità li eżaminat l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 55 ), u min-naħa l-oħra, is-setgħa, tal-qorti li teżamina r-rikors, li tipproċedi ex officio għall-ġbir tal-elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-applikant ( 56 ).

76.

Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, sa fejn il-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll id-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba fil-proċedura ġudizzjarja minn N. R. K. Ahmedbekova jistgħu jitqiesu intiżi sabiex jipprovaw biża’ raġonevoli ta’ persekuzzjoni personali diġà invokata fl-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali rrifjutata mid-deċiżjoni kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, din il-qorti tista’ u għandha teħodhom inkunsiderazzjoni, u tipproċedi hija stess, fid-dawl ta’ dawn il-fatti, ċirkustanzi u dokumenti, u fejn l-elementi kollha għad-dispożizzjoni tagħha jippermettulha, bl-eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ N. R. K. Ahmedbekova, skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, mingħajr ma tkun marbuta tirrinvija l-każ lill-awtorità amministrattiva ( 57 ).

77.

Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-applikazzjoni ppreżentata minn N. R. K. Ahmedbekova quddiem id-DAB ma kienet issemmi l-ebda biża’ ta’ persekuzzjoni b’mod individwali – anki jekk biss fil-kwalità tagħha inkwantu membru tal-familja ta’ persuna li sofriet jew tirriskja li ssofri persekuzzjonijiet –, iżda sempliċement talbet, abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, l-għoti ta’ status ta’ refuġjat b’mod derivat bħal dak eżaminat iktar ’il fuq, il-fatti allegati u d-dokumenti ppreżentati minn N. R. K. Ahmedbekova fil-proċedura ġudizzjarja jistgħu, fil-fatt, kif donnha tipotetizza l-qorti tar-rinviju, jiġu kkunsidrati intiżi sabiex jippreżentaw, għall-ewwel darba, quddiem dik il-qorti, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq l-Artikolu 1, Sezzjoni A, tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 58 ).

78.

F’tali każ, jekk, abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, tali qorti ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-imsemmija applikazzjoni, inqis li din il-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi dedotta mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li jiddefinixxi l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-Istati Membri għandhom jiżguraw fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ rifjut tal-protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2011/95 u li, għalhekk, tirrigwarda biss sitwazzjonijiet fejn tali deċiżjoni teżisti u tkun ġiet ikkontestata.

H. Fuq id-disa’ domanda preliminari

79.

Permezz tad-disa’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti tal-ewwel istanza adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut tal-protezzjoni internazzjonali tiddeċiedi dwar ir-raġuni għal inammissibbiltà tal-applikazzjoni prevista mill-Artikolu 33(2)(e) ta’ din id-direttiva anki jekk l-applikazzjoni tkun ġiet eżaminata fil-mertu mill-awtorità kompetenti.

80.

Għar-raġunijiet indikati fil-punti 10 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, anki din id-domanda preliminari għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi ddikjarata inammissibbli. Fil-mertu, ir-risposta li għandha tingħata hija fin-negattiv, għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 17 sa 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

IV.   Konklużjonijiet

81.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara inammissibbli t-tieni, it-tielet, it-tmien u d-disa’ domanda preliminari u tirrispondi kif ġej għall-bqija tad-domandi preliminari, kif ifformulati mill-ġdid:

“L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat, moqri fid-dawl tal-premessa 22 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri jeżaminaw l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal ażil abbażi tar-raġunijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, u lanqas li jirrifjutaw tali applikazzjoni fil-każ li tkun teżisti waħda minn dawn ir-raġunijiet.

Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, u b’mod partikolari l-Artikoli 2(d) u 4(3) tagħha, moqrija fid-dawl tal-premessa 36 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali minħabba r-rabta ta’ familja tiegħu ma’ persuna li kienet vittma ta’ atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jew li għandha biża’ raġonevoli li tiġi ppersegwitata għar-raġunijiet indikati fl-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva, meta, abbażi tal-eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant u taċ-ċirkustanzi personali tiegħu, kif ukoll fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, jirriżulta li, minħabba l-imsemmija rabta ta’ familja, huwa jkollu, b’mod individwali, biża’ raġonevoli li huwa wkoll jisfa vittma ta’ persekuzzjoni.

Id-Direttiva 2005/85, u b’mod partikolari l-Artikoli 6(2) u (3) u 9(3) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati f’isimhom proprju mill-membri tal-familja ta’ persuna li talbet l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jiġu kkunsidrati bħala parti integrali mill-applikazzjoni ppreżentata minn tali persuna u pproċessati fil-kuntest ta’ proċedura waħda, anki meta jkunu bbażati esklużivament fuq l-istess raġunijiet, inerenti għall-imsemmija persuna, li jiġġustifikaw it-talba, min-naħa ta’ din tal-aħħar, għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Id-Direttiva 2005/85 u d-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-proċeduri rigward l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati separatament mill-membri tal-istess familja, immotivati mill-biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba s-sitwazzjoni ta’ wieħed mill-membri ta’ din il-familja, jiġu sospiżi sal-eżitu tal-proċedura li tirrigwarda l-applikazzjoni għal ażil tal-membru li s-sitwazzjoni tiegħu hija dik li tagħti lok għall-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-familja. Madankollu, din is-sospensjoni ma għandhiex tippreġudika n-natura awtonoma tal-applikazzjonijiet ippreżentati, f’isimhom proprju, mill-membri tal-familja tal-applikant li s-sitwazzjoni tiegħu hija dik li tagħti lok għall-biża’ ta’ persekuzzjoni tagħhom, u lanqas ma għandha tipprekludi l-eżami tagħhom fil-mertu fit-tmiem tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni ppreżentata mill-imsemmi applikant, indipendentement mill-eżitu ta’ din il-proċedura.

Hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-riżerva msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-membri tal-familja ta’ persuna li tkun ingħatat l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1, Sezzjoni A, tal-Konvenzjoni ta’ Genève huma rrikonoxxuti bħala refuġjati indipendentement minn jekk jissodisfawx jew le individwalment il-kriterji previsti minn dan l-artikolu, meta dan ikun kompatibbli mal-istatus legali personali tagħhom u ma jkunx hemm kriterji ta’ esklużjoni fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva li jopponuh. Tali dispożizzjoni nazzjonali taqa’ taħt ir-riżerva msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 biss jekk lill-membri tal-familja tar-refuġjat titħallilhom il-fakultà li jitolbu u jiksbu l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat b’mod awtonomu jekk huma jissodisfaw b’mod individwali l-kundizzjonijiet sabiex jiksbu tali status.

Il-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti EDB minn applikant għal ażil kontra l-Istat ta’ oriġini tiegħu ma tiddeterminax awtomatikament l-appartenenza ta’ tali applikant fi grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 jew li jaderixxi ma’ opinjoni politika fis-sens tal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (ĠU 2011, L 337, p. 9).

( 3 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 60).

( 4 ) Skont id-Direttiva 2011/95, huma kkunsidrati “membri tal-familja” il-persuni, elenkati fl-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva, li jifformaw parti mill-familja li tkun diġà eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Fost dawn il-persuni hemm, għal dak li huwa rilevanti hawnhekk, il-konjuġi tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali u t-tfal minuri tal-koppja.

( 5 ) Dawn huma, rispettivament, id-dispożizzjonijiet komplementari tal-liġi li jemendaw u jikkompletaw iż-ZUB, ippubblikati fid-DV Nru 80 tal-2015 u d-dispożizzjonijiet komplementari tal-liġi li jemendaw u jikkompletaw iż-ZUB, ippubblikati fid-DV Nru 101 tal-2015.

( 6 ) Matul l-intervista personali tal-25 ta’ Novembru 2014, N. R. K. Ahmedbekova ddikjarat li kienet ftehmet ma’ traffikant sabiex jieħu lilha u lill-familja tagħha l-Ġermanja. Madankollu, dan tal-aħħar ħallihom il-Bulgarija mingħajr ebda avviż.

( 7 ) Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98). Din id-deċiżjoni ġiet adottata fl-20 ta’ Jannar 2014, jiġifieri dakinhar li N. R. K. Ahmedbekova, żewġha u t-tifel tagħha twaqqfu mill-awtoritajiet Bulgari.

( 8 ) Il-Konvenzjoni ta’ Genève kienet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, adottat fil-31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.

( 9 ) ĠU 2013, L 180, p. 96.

( 10 ) Kif diġà indikajt fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħi tas-17 ta’ Mejju 2018 fil-kawża Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327), l-Artikolu 37 tal-Liġi li tittrasponi d-Direttiva 2013/32, li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Diċembru 2015, jistabbilixxi li l-proċeduri mibdija qabel dik id-data għandhom jiġu kkompletati abbażi tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ preċedentement.

( 11 ) Direttiva 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168).

( 12 ) Ara l-punt 50 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 tal-konklużjonijiet tiegħi tas-17 ta’ Mejju 2018 fil-kawża Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327).

( 13 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

( 14 ) L-istess japplika, fil-preżent, għall-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 (ara l-premessa 43 ta’ dik id-direttiva, li għandha l-istess kontenut bħall-premessa 22 tad-Direttiva 2005/85). Nirrileva, min-naħa l-oħra, li l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (COM/2016/0467 finali) tirrendi obbligatorju l-eżami dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (ara l-punt 1 tar-rapport anness ma’ din il-proposta, dwar l-għanijiet ta’ din tal-aħħar, u b’mod partikolari l-għan li jirrendi l-“proċeduri aktar sempliċi, aktar ċari u iqsar”, p. 4). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 36(1)(d) tal-imsemmija proposta għal regolament huwa fformulat fit-termini segwenti: “[l]-awtorità determinanti għandha tivvaluta l-ammissibilità ta’ applikazzjoni, f’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi previsti fil-Kapitolu II, u għandha tirrifjuta applikazzjoni bħala inammissibbli fejn tapplika xi waħda minn dawn ir-raġunijiet: […] d) konjuġi jew sieħeb jew minorenni akkompanjat jippreżenta applikazzjoni wara li hu jkun ta l-kunsens tiegħu biex l-applikazzjoni tiġi ppreżentata f’ismu, u ma jkun hemm l-ebda fatt li jirrigwardja s-sitwazzjoni tal-konjuġi, tas-sieħeb jew tal-minorenni li jiġġustifika applikazzjoni separata”.

( 15 ) Ara, inter alia, id-digriet tat-22 ta’ Ġunju 2017, Fondul Proprietatea (C‑556/15 u C‑22/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:494, punti 2021).

( 16 ) Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kunċett ta’ “persuna dipendenti” li jinsab fl-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32, fid-dawl tal-fatt li la N. R. K. Ahmedbekova u lanqas R. E. O. Ahmedboka, donnhom ma huma kapaċi jipprovdu b’mod awtonomu għall-bżonnijiet tagħhom u għal dawk tat-tifel.

( 17 ) Fl-istess sens, ara l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2013/32, li, fil-verżjoni Taljana, issostitwixxa konsegwentement il-kunċett ta’ “kapaċità legali” b’dak ta’ “kapaċità li jaġixxi”.

( 18 ) Fl-istess sens, ara l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2013/32.

( 19 ) Nirrileva li r-rekwiżit li tkun “dipendenti” tal-applikant, filwaqt li jinsab ukoll fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/32, huwa madankollu abbandunat fil-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fejn l-Artikolu 31(1) u (2) jipprevedi li l-applikant jista’ jippreżenta applikazzjoni f’isem il-konjuġi jew is-sieħeb tiegħu f’relazzjoni stabbli u fit-tul, bil-kundizzjoni li dawn ikunu taw il-kunsens tagħhom, minorenni jew adulti dipendenti mingħajr kapaċità legali.

( 20 ) Il-qorti tar-rinviju tirrileva li la N. R. K. Ahmedbekova u lanqas R. E. O. Ahmedbekov donnhom ma huma kapaċi jipprovdu b’mod awtonomu għall-bżonnijiet tagħhom u dawk tat-tifel.

( 21 ) L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li minorenni jkollu d-dritt li jagħmel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew f’ismu, jekk ikollu l-kapaċità legali li jaġixxi fi proċeduri taħt il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, jew permezz tal-ġenituri tiegħu jew membri adulti oħra tal-familja tiegħu […]” u b’hekk ħeles id-dritt tal-ġenituri li jippreżentaw applikazzjoni għan-nom tal-wild minuri mir-rabta mal-fatt li dan tal-aħħar ikun dipendenti tagħhom u qiegħed iż-żewġ ġenituri fuq l-istess livell f’dan ir-rigward. Fl-istess sens, l-Artikolu 31(6) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jipprevedi li “[m]inorenni jista’ jkollu d-dritt li jippreżenta applikazzjoni f’ismu jekk ikollu l-kapaċità legali li jaġixxi fi proċeduri skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, jew permezz ta’ adult responsabbli għalih, kemm skont il-liġi kif ukoll skont il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, inkluż il-ġenituri tiegħu jew kull persuna oħra ġuridika jew li normalment tieħu ħsiebu, jew membri adulti tal-familja […]”.

( 22 ) Dwar il-kunċett ta’ “atturi ta’ persekuzzjoni”, ara l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/95.

( 23 ) Il-kriterji ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat huma elenkati fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/95. Minbarra l-assenza ta’ kriterji ta’ esklużjoni, huwa neċessarju wkoll li l-istatus legali tal-familja ma jipprekludix l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat (pereżempju minħabba li jkollu nazzjonalità ta’ Stat terz li jista’ jitlob il-protezzjoni tiegħu).

( 24 ) Korsiv miżjud minni.

( 25 ) L-istess dispożizzjoni tinsab fil-preżent fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2013/32 b’riferiment għall-każijiet ta’ applikazzjonijiet ppreżentati għan-nom ta’ dipendenti fis-sens tal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva. Madankollu hija introdotta eċċezzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni waħda fil-każijiet meta din tkun twassal “għall-iżvelar ta’ ċirkostanzi partikolari ta’ applikant li jistgħu jfixklu l-interessi tiegħu, partikolarment f’każijiet li jinvolvu s-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità sesswali u/jew il-persekuzzjoni bbażata fuq l-età”. F’dawn il-każijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu deċiżjoni separata lill-persuna kkonċernata.

( 26 ) Ara l-Artikolu 5 u l-premessa 22 tad-Direttiva 2008/115, li abbażi tagħhom l-“aħjar interess tat-tfal” u r-rispett tal-ħajja tal-familja għandhom jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet primarji tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.

( 27 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101).

( 28 ) Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti fid-digriet tar-rinviju, huma kkunsidrati bħala “membri tal-familja” fis-sens taż-ZUB il-konjuġi tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali jew il-persuna li magħha dan għandu rabta stabbli u fit-tul, l-ulied minuri mhux miżżewġa tal-koppja, kif ukoll l-ulied maġġorenni mhux miżżewġa li ma humiex kapaċi jipprovdu għall-bżonnijiet tagħhom għal raġunijiet serji ta’ saħħa. Il-qorti tar-rinviju ma tagħtix indikazzjoni ta’ eventwali kategoriji ulterjuri li għandhom ikunu kkunsidrati koperti mill-Artikolu 8(9) taż-ZUB.

( 29 ) Sa fejn dan ikun kompatibbli mal-istatus legali personali tagħhom u fl-assenza ta’ kriterji ta’ esklużjoni previsti miż-ZUB.

( 30 ) Skont din il-konvenzjoni huwa refuġjat biss min ikollu b’mod individwali biża’ raġonevoli ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 1, Sezzjoni A tagħha.

( 31 ) Ara UNHCR, Guida delle procedure e criteri da applicare per determinare lo statuto di rifugiato ai sensi della convenzione del 1951 e del protocollo del 1967 relativi allo stuto dei rifugiati (HCR/1P/4/FRE/REV.1), 1992, punt 183.

( 32 ) Ara pereżempju, il-Konklużjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR dwar il-protezzjoni internazzjonali adottata fid-49 sessjoni tal-1998 (A/AC.96/911, punt 21) u l-Konklużjoni 88 (L), 1999, punt b.iii), disponibbli fl-indirizz http://www.unhcr.org/excom/exconc/3ae68c4340/protection-refugees-family.html.

( 33 ) Ara d-dokument intitolat “Questioni relative alla protezione della famiglia” (EC/49/SC/CRP.14), fuq is-sit http://www.unhcr.org/fr/excom/standcom/4b30a618e. Fil-Guida delle procedure e criteri da applicare per determinare lo statuto di rifugiato ai sensi della convenzione del 1951 e del protocollo del 1967 relativi allo stuto dei rifugiati, l-UNHCR diġà kienet tirrileva li l-maġġoranza tal-Istati, kemm jekk parti mill-Konvenzjoni ta’ Genève u kemm jekk le, kienu konformi mar-rakkomandazzjoni stabbilita fl-att finali fuq imsemmi tal-Konferenza tal-Plenipotenzjari, ara l-punti 183 u 184. Abbażi ta’ dawn id-dokumenti, fost il-membri tal-familja li jgawdu mill-prinċipju tal-unità tal-familja, għandhom jiġu inklużi mill-inqas il-konjuġi u l-ulied minuri.

( 34 ) Ara UNHCR, Note di orientamento sulle domande di asilo relative alle mutilazioni genitali femminili, Mejju 2009, aċċessibbli fl-indirizz tal-internet http://www.refworld.org/docid/4d70cff82.html, punt 11.

( 35 ) Ara UNHCR, Linee guida dell’UNHCR in materia di protezione internazionale n. 8: richieste di asilo di minori, 22 ta’ Diċembru 2009, aċċessibbli fl-indirizz http://www.unhcr.org/fr/publications/legal/4fd736c99/principes-directeurs-no-8-demandes-dasile-denfants-cadre-larticle-1a2-larticle.html, punt 9.

( 36 ) Ara UNHCR, Norme relative alle procedure di determinazione dello status di rifugiato che rientrano nel mandato dell’UNHCR, 20 ta’ Novembru 2003, punt 5.1.1.

( 37 ) Skont il-proċeduri nazzjonali u sa fejn dan ikun kompatibbli mal-istatus legali personali tagħhom.

( 38 ) L-unika differenza tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/95 għal dak li jirrigwarda t-tul tal-permess ta’ residenza li jista’ jkun ta’ inqas minn tliet snin, madankollu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit, previst fl-Artikolu 23(1) tal-istess direttiva, li tinżamm l-unità tal-familja.

( 39 ) Skont din id-dispożizzjoni “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm”.

( 40 ) Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 2011/95. Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/59 “[l]-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva”. Fl-istess sens, ara l-Artikolu 3 u l-premessa 8 tad-Direttiva 2004/83.

( 41 ) Korsiv miżjud minni. Dak il-każ kien jirrigwarda l-għoti tal-istatus ta’ persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda serja, minħabba r-riskju li l-istat ta’ saħħa tiegħu jiddeterjora dovut għall-assenza ta’ trattament adatt fil-pajjiż ta’ oriġini.

( 42 ) L-importanza tar-rwol tal-UNHCR meta tittieħed deċiżjoni dwar jekk jingħatax jew le l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève hija rrikonoxxuta fil-premessa 22 tad-Direttiva 2011/95.

( 43 ) Ara wkoll il-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, li tipprovdi li din tal-aħħar, tfittex, b’mod partikolari, li tiżgura d-dritt għal ażil għall-applikanti u għall-membri tal-familja li jakkumpanjawhom u li tippromwovi l-applikazzjoni, fost oħrajn, tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi r-rispett tal-ħajja tal-familja.

( 44 ) Qorti EDB, sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014 (ECLI:CE:ECHR:2014:0710JUD005270109, punt 54).

( 45 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et (C‑199/12 – C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 45).

( 46 ) Ara UNHCR, Handbook and guidelines on procedures and criteria for determining refugee status, Diċembru 2011, aċċessibbli fl-indirizz http://www.refworld.org/docid/4f33c8d92.html, punti 80 sa 86.

( 47 ) Nirrileva li l-istess problema tqajmet f’żewġ domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-Raad van State, Afdeling Bestuursrechtspraak (il-Kunsill tal-Istat, Sezzjoni għall-Kwistjonijiet Amministrattivi, il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-Kawża pendenti C‑586/17, D. u I. F’dik il-kawża, il-kwistjoni hija l-kompatibbiltà mal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 tal-projbizzjoni, imposta fuq il-qorti amministrattiva minn ġurisprudenza stabbilita tal-istess Kunsill tal-Istat Olandiż, li teżamina, fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal- protezzjoni internazzjonali, motivi għal protezzjoni li ma ġewx invokati preċedentement quddiem l-awtorità amministrattiva.

( 48 ) Id-digriet tar-rinviju jitkellem dwar rikors ippreżentat minn R. E. O. Ahmedbekov fl-2008 u rikors ieħor ippreżentat minn N. R. K. Ahmedbekova fl-2010. Sussegwentement dawn ir-rikorsi ġew magħquda.

( 49 ) F’dan ir-rigward, N. R. K. Ahmedbekova ssemmi l-kollaborazzjoni tagħha ma’ netwerk televiżiv ta’ oppożizzjoni bbażat fit-Turkija, “Azerbyydzhanski chas”. Madankollu, ma tispeċifikax minn liema data bdiet din il-kollaborazzjoni.

( 50 ) Il-qorti tar-rinviju tesponi li R. E. O. Ahmedbekov ġie kkundannat għal tliet snin priġunerija fit-30 ta’ Marzu 2010 u li, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ N. R. K. Ahmedbekova, sa mill-1 ta’ Ġunju 2010, hija esprimiet ruħha pubblikament dwar id-dritt ta’ korrispondenza u dwar id-dritt għal żjarat, li kienet imsejħa mill-Kummissarju tal-Pulizija, interrogata u mhedda sabiex tiġi mġiegħla twaqqaf l-interventi pubbliċi tagħha. N. R. K. Ahmedbekova ddikjarat ukoll li kienet sofriet molestja sesswali fuq il-post tax-xogħol. Jidher li dawn l-allegazzjonijiet ġew ippreżentati quddiem d-DAB.

( 51 ) Min-naħa l-oħra, ma nqisx li, jekk l-applikazzjoni ta’ N. R. K. Ahmedbekova tiġi interpretata bħala li kienet diġà ssemmi riskju personali ta’ persekuzzjoni minħabba l-opinjoni espressa minnha jew minn żewġha kontra l-Gvern tal-Azerbajġan, l-allegazzjonijiet dwar ir-rabtiet tagħha ma’ opponenti ta’ dan il-gvern jew dwar l-attività tagħha favur dawn l-opponenti, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “sottomissjonijiet ulterjuri” fis-sens tal-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32. Minn din il-perspettiva, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari huma differenti minn dawk tal-proċeduri li wasslu għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari suġġett tal-Kawża pendenti C‑586/17, D. u I., fejn l-applikanti kienu invokaw għall-ewwel darba fil-proċedura ġudizzjarja raġunijiet għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja mingħajr ebda rabta ma’ dawk invokati quddiem l-awtorità amministrattiva.

( 52 ) Infakkar li r-raġunijiet għal persekuzzjoni huma elenkati fl-Artikolu 1, Sezzjoni A, tal-Konvenzjoni ta’ Genève u riprodotti fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95. L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jippreċiża l-elementi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet.

( 53 ) Anki l-allegazzjoni ta’ molestji sesswali fuq il-post tax-xogħol, magħmula minn N. R. K. Ahmedbekova quddiem id-DAB, jidher li ġiet ippreżentata mill-applikant bħala tpattija għall-attività ta’ oppożizzjoni għall-Gvern tal-Azerbajġan invokata mill-konjuġi Ahmedbekov.

( 54 ) F’dan is-sens, ara fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, Qorti EDB, inter alia, is-sentenzi tat-23 ta’ Awwissu 2016, J.K. et vs l-Isvezja (ECLI:CE:ECHR:2016:0823JUD005916612, punt 83), tat-23 ta’ Marzu 2016, F.G. vs L-Isvezja, (ECLI:CE:ECHR:2016:0323JUD004361111, punt 115), tat-2 ta’ Ottubru 2012, Singh et vs Il-Belġju (ECLI:CE:ECHR:2012:1002JUD003321011, punt 91), tal-11 ta’ Jannar 2007, Sheekh vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (ECLI:CE:ECHR:2007:0111JUD000194804, punt 136).

( 55 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal-21 ta’ Jannar 2011, M.S.S vs Il‑Belġju (ECLI:CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punt 389).

( 56 ) F’dan is-sens, ara fir-rigward tas-setgħat ta’ stħarriġ tal-Qorti EDB, inter alia, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2017, Allanazarova vs Ir-Russja (ECLI:CE:ECHR:2017:0214JUD004672115, punt 68) u tal-11 ta’ Jannar 2007, Sheekh vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (ECLI:CE:ECHR:2007:0111JUD000194804, punt 136).

( 57 ) Ara l-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħi tas-17 ta’ Mejju 2018 fil-kawża Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327).

( 58 ) Bilkemm hemm bżonn jiġi rrilevat li anki f’tali ipoteżi ma jidħlux id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari dawk dwar l-applikazzjonijiet hekk imsejħa sussegwenti, peress li l-applikazzjoni ppreżentata minn N. R. K. Ahmedbekova quddiem id-DAB ma tistax tiġi kkunsidrata li ġiet ippreżentata fis-sens tad-Direttiva 2011/95 u, fi kwalunkwe każ, l-ebda deċiżjoni definittiva dwar din l-applikazzjoni ma ġiet adottata kif huwa meħtieġ mill-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 sabiex applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “sussegwenti”.