KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-16 ta’ Novembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑560/16

E.ON Czech Holding AG

vs

Michael Dědouch,

Petr Streitberg,

Pavel Suda

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud (qorti suprema, ir-Repubblika Ċeka)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni esklużiva – Il-punt 2 tal-Artikolu 22 – Validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tal-kumpanniji jew tal-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru – Deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ kumpannija li tordna t-trasferiment obbligatorju lill-azzjonist prinċipali ta’ din il-kumpannija tat-titoli tal-azzjonisti minoritarji tal-istess kumpannija u li tistabbilixxi l-ammont tal-korrispettiv li għandu jitħallas mill-imsemmi azzjonist prinċipali – Proċedura ġudizzjarja li għandha l-għan li tistħarreġ in-natura raġonevoli tal-korrispettiv”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, li waslet lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2016, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn E.ON Czech Holding AG (iktar ’il quddiem “E.ON”) u Michael Dědouch, Petr Streitberg kif ukoll Pavel Suda (iktar ’il quddiem “Dědouch et”) dwar l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija (squeeze out) tal-azzjonisti minoritarji, E.ON. kienet obbligata tħallas lil Dědouch et wara t-trasferiment obbligatorju tat-titoli li kellhom fil-kumpannija Jihočeská plynárenská.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

3.

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

4.

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedi dan li ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

(a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

(b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

(ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub‑paragrafu (a);

[…]

3.

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

5.

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, persuna b’domiċilju fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija bil-qorti “meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.

6.

L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 jippreskrivi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

[…]

2.

fi proċedimenti li jkollhom bħala l-obbjettiv tagħhom il-validità tal-kostituzzjoni, in-nullità jew id-dissoluzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra jew għaqdiet ta’ persuni naturali jew ġuridiċi, jew il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ l-organi tagħhom, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih il-kumpannija, persuna ġuridika jew għaqda jkollha s-sede tagħhom. Sabiex tiġi determinata s-sede, il-qorti għandha tapplika r-regoli tal-liġi privata internazzjonali;

[…]”

B.   Id-dritt Ċek

7.

L-Artikolu 183i taz-zákon č. 513/1991 Sb., obchodní zákoník (Liġi Nru 513/1991, li tirrigwarda l-kodiċi tal-kummerċ, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, iktar ’il quddiem il-“kodiċi tal-kummerċ Ċek”), jippreskrivi:

“(1)   Persuna li għandha titoli ta’ sehem ta’ kumpannija (a) li l-valur nominali totali tagħhom huwa ekwivalenti għal mill-inqas 90 % tal-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, jew (b) li jissostitwixxu titoli ta’ sehem ta’ kumpannija li l-valur nominali totali tagħhom huwa ekwivalenti għal mill-inqas 90 % tal-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, jew (c) li jirrappreżentaw mill-inqas 90 % tad-drittijiet tal-vot tal-kumpannija (iktar ’il quddiem l-‘azzjonist prinċipali’) għandha l-possibbiltà li titlob lill-kunsill ta’ amministrazzjoni jsejjaħ laqgħa ġenerali, sabiex jieħu deċiżjoni dwar it-trasferiment tat-titoli l-oħra kollha ta’ sehem tal-kumpannija lilha.

[…]

(3)   Ir-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tidentifika lill-azzjonist prinċipali, fiha l-elementi li jistabbilixxu li dan l-azzjonist huwa tassew l-azzjonist prinċipali u tindika l-ammont tal-korrispettiv […] kif ukoll it-terminu relatat mal-pagament tiegħu.”

8.

L-Artikolu 183k tal-kodiċi tal-kummerċ Ċek jipprevedi:

“(1)   Id-detenturi tat-titoli ta’ sehem għandhom il-possibbiltà […] li jitolbu lil qorti tistħarreġ in-natura raġonevoli tal-korrispettiv; […]

[…]

(3)   Id-deċiżjoni ta’ qorti li tagħti d-dritt għal ammont differenti tal-korrispettiv hija vinkolanti għall-azzjonist prinċipali u l-kumpannija, f’dak li jikkonċerna l-bażi tad-dritt mogħti, anki fir-rigward tad-detenturi l-oħra ta’ titoli ta’ sehem. […]

(4)   Deċiżjoni skont liema l-korrispettiv ma jkunx raġonevoli ma għandhiex l-effett li tinvalida r-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali adottata f’konformità mal-Artikolu 183i(1).

(5)   Deċiżjoni skont liema l-korrispettiv ma jkunx raġonevoli ma tistax tiġi invokata għall-finijiet ta’ rikors għal invalidità tar-riżoluzzjoni adottata mil-laqgħa ġenerali skont l-Artikolu 131.”

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.

Permezz ta’ riżoluzzjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, il-laqgħa ġenerali tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ċek Jihočeská plynárenská, stabbilita f’České Budějovice (ir-Repubblika Ċeka), iddeċidiet dwar it-trasferiment obbligatorju tat-titoli kollha ta’ sehem ta’ din il-kumpannija lill-azzjonist prinċipali tagħha, E.ON, stabbilita f’München (il-Ġermanja).

10.

Din ir-riżoluzzjoni kienet tindika l-ammont tal-korrispettiv li dan tal-aħħar kien obbligat li jħallas lill-azzjonisti minoritarji wara dan it-trasferiment.

11.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2007 kontra Jihočeská plynárenská u E.ON, Dědouch et talbu lill-Krajský soud v Českých Budějovicích (qorti reġjonali ta’ České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka) tistħarreġ dwar in-natura raġonevoli ta’ dan il-korrispettiv.

12.

Matul din il-proċedura, E.ON qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Ċeki, fejn sostniet li, fid-dawl tal-post tas-sede tagħha, il-qrati Ġermaniżi biss kienu jgawdu mill-ġurisdizzjoni internazzjonali.

13.

Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Awwissu 2009, il-Krajský soud v Českých Budějovicích (qorti reġjonali ta’ České Budějovice) ċaħdet din l-eċċezzjoni minħabba li l-qrati Ċeki kellhom ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 biex jieħdu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat minn Dědouch et.

14.

E.ON appellat din id-deċiżjoni quddiem il-Vrchní soud v Praze (qorti superjuri ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), li, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Ġunju 2010, qieset li l-kawża li kienet adita biha kienet taqa’ taħt il-punt 2 tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament u li, b’kunsiderazzjoni tal-post tas-sede ta’ Jihočeská plynárenská, huma l-qrati Ċeki li għandhom il-ġurisdizzjoni internazzjonali.

15.

Adita b’appell ippreżentat minn E.ON, l-Ústavní soud (qorti kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, annullat dan id-digriet u bagħtet il-kawża lura lill-Vrchní soud v Praze (qorti superjuri ta’ Praga).

16.

Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Mejju 2014, il-Vrchní soud v Praze (qorti superjuri ta’ Praga) ikkonkludiet li l-qrati Ċeki għandhom il-ġurisdizzjoni, u dan fuq il-bażi tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

17.

E.ON ippreżentat appell minn dak id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju.

18.

Huwa f’dan il-kuntest li n-Nejvyšší soud (qorti suprema, ir-Repubblika Ċeka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għall-proċedura li tinvolvi l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali huwa obbligat iħallas, inkambju għal titoli ta’ sehem, lid-detenturi preċedenti tal-imsemmija titoli, li ġew ittrasferiti lilu bħala riżultat ta’ riżoluzzjoni adottata mil-laqgħa ġenerali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, dwar it-trasferiment obbligatorju tat-titoli l-oħra ta’ sehem lill-azzjonist prinċipali [proċedura msejħa ta’ tneħħija (squeeze out)], meta r-riżoluzzjoni hekk adottata tiffissa l-ammont tal-korrispettiv raġonevoli u meta jkun hemm deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti d-dritt għal ammont ta’ korrispettiv differenti, ta’ natura vinkolanti għall-azzjonist prinċipali u għall-kumpannija, fir-rigward tal-bażi tad-dritt mogħti, kif ukoll [anki] fir-rigward tad-detenturi l-oħra ta’ titoli ta’ sehem?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-proċedura li tinvolvi l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv deskritt fl-ewwel domanda?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel żewġ domandi, il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-proċedura li tinvolvi l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv deskritt fl-ewwel domanda?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

E.ON, Dědouch et, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Peress li ma ġiet ippreżentata l-ebda talba motivata għal seduta għas-sottomissjonijiet orali u peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha biżżejjed informazzjoni, hija ddeċidiet li ma torganizzax tali seduta.

V. Analiżi

20.

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk rikors li jikkonċerna n-natura raġonevoli tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali ta’ kumpannija ser ikollu jħallas għal kull sehem lill-azzjonisti minoritarji tal-istess kumpannija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija (squeeze out), jaqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tas-sede tal-kumpannija [il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001], jew taħt il-ġurisdizzjoni speċjali tal-qrati tal-post fejn l-obbligu kuntrattwali li jintuża bħala bażi għat-talba twettaq jew għandu jitwettaq [il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001] jew inkella taħt il-ġurisdizzjoni speċjali tal-qrati tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ id-dannu [il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001].

21.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tenfasizza problema strutturali tar-Regolament Nru 44/2001 [li tippersisti taħt ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ( 3 )], jiġifieri n-nuqqas ta’ bażi ta’ ġurisdizzjoni ddedikata għar-riżoluzzjoni tat-tilwim intern għall-kumpanniji, bħat-tilwin bejn azzjonisti jew bejn azzjonisti u membri tat-tmexxija jew bejn il-kumpannija u l-membri tat-tmexxija tagħha ( 4 ).

22.

Fil-fatt, il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż biss għall-kwistjonijiet tal-“validità […], in-nullità jew id-dissoluzjoni ta’ kumpanniji […] jew il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ l-organi tagħhom”. Madankollu, it-tilwim tad-dritt tal-kumpanniji ma jimplikax neċessarjament kwistjoni ta’ validità ta’ deċiżjoni tal-organi tal-kumpanniji u, wisq inqas, il-validità, in-nullità jew id-dissoluzzjoni tal-kumpannija. Dan huwa l-każ f’din il-kawża fejn il-kawża prinċipali tikkontesta, skont l-Artikolu 183k(4) tal-kodiċi tal-kummerċ Ċek, mhux il-validità tar-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali dwar it-tneħħija tal-azzjonisti minoritarji, iżda biss l-ammont tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali ser ikollu jħallashom biex jakkwista l-ishma tagħhom.

23.

Il-problema tan-nuqqas ta’ bażi ta’ ġurisdizzjoni għal dan it-tip ta’ kawżi ssir iktar ikkomplikata fid-dawl tad-diffikultà ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 5 fil-kawża prinċipali peress li t-tneħħija tal-azzjonisti minoritarji u l-korrispettiv deċiż permezz ta’ riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali la hija kuntratt, la delitt u lanqas kważi delitt.

24.

Minn naħa, ma jeżistix “obbligu aċċettat liberament minn parti favur oħra” ( 5 ) li jattiva l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ proċedura ta’ tneħħija tal-azzjonisti minoritarji huwa li l-azzjonist prinċipali jista’ jattivaha mingħajr il-kunsens tagħhom.

25.

Min-naħa l-oħra, minkejja li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[il-punt 3 tal-Artikolu 5] tar-Regolament Nru 44/2001 japplika għal kull talba intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma humiex relatati ma’ ‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’, fis-sens tal-[punt 1 tal-Artikolu 5] ta’ dan ir-regolament” ( 6 ), il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-azzjonist prinċipali. Għall-kuntrarju, din tikkonċerna n-natura raġonevoli jew le tal-korrispettiv stabbilit, f’konformità mal-Artikolu 183i(3) tal-kodiċi tal-kummerċ Ċek, mil-laqgħa ġenerali (u għalhekk mhux neċessarjament u mhux biss mill-azzjonist prinċipali).

26.

Din il-problema ma hijiex partikolari għall-proċedura ta’ tneħħija, iżda tqum fir-rigward ta’ diversi kunċetti oħra tad-dritt tal-kumpanniji, bħal, pereżempju, l-obbligu ta’ lealtà impost fuq il-membri tat-tmexxija. Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li rreferejt għaliha fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-obbligu ta’ lealtà huwa obbligu li jieħu membru tat-tmexxija lejn il-kumpannija malli jaċċetta liberament il-funzjonijiet tiegħu. F’dan is-sens, talba tal-kumpannija jew ta’ azzjonist intiża biex jiġi stabbilit ksur ta’ dan l-obbligu minn membru tat-tmexxija taqa’ taħt il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, iżda dan l-obbligu ma għandux post ta’ eżekuzzjoni speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni peress li dan huwa impost kullimkien fid-dinja. Għalhekk fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat partikolari.

27.

Meta ma tkun tapplika l-ebda bażi ta’ ġurisdizzjoni esklużiva jew speċjali, wieħed normalment ikollu jdur lura għar-regola ġenerali tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, skont liema l-persuni b’domiċilju fit-territorju Stat Membru għandhom, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru ( 7 ).

28.

F’dan il-każ, tista’ tiġi prevista interpretazzjoni stretta tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 8 ). Madankollu, tali interpretazzjoni li teskludi l-kawża inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu [peress li, f’konformità mal-Artikolu 183k(4) tal-kodiċi tal-kummerċ Ċek, din il-kawża ma tikkontestax il-validità tar-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali li tiddeċiedi dwar it-tneħħija tal-azzjonisti minoritarji] tmur kontra l-istruttura u l-iskop ta’ dan ir-regolament, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 9 ).

29.

F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet tinterpreta l-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001. Għalkemm, fil-fehma tiegħi, hija għad ma kellhiex l-opportunità li tagħmel dan fil-kuntest ta’ tilwima interna għal kumpannija rregolata mid-dritt tal-kumpanniji, dan ma xekkilhiex milli, f’din il-ġurisprudenza, issemmi l-prinċipji li jiggwidaw l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 10 ).

30.

F’dan is-sens, bħalma qieset il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty (C‑372/07, EU:C:2008:534), “bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni, [id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001] m’għandhomx jiġu interpretati f’sens iktar wiesgħa milli jitlob l-għan tagħhom, peress li għandhom bħala effett li jiċħdu lill-partijiet mill-għażla tal-ġurisdizzjoni [qorti] li kieku kienet tkun tagħhom u, f’ċerti każijiet, li jressquhom quddiem ġurisdizzjoni [qorti] li mhijiex il-ġurisdizzjoni proprja tad-domiċilju tal-ebda waħda minnhom” ( 11 ).

31.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-għan essenzjali mfittex minn tali eċċezzjoni, li tipprevedi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha, huwa li jiċċentralizza l-ġurisdizzjoni sabiex jiġu evitati sentenzi kontradittorji f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-kumpanniji u l-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tagħhom” ( 12 ).

32.

Inqis li dan l-għan jinqeda aħjar kieku l-punt 2 tal-Artikolu 22 jingħata interpretazzjoni konformi mal-għan essenzjali mfittex minflok interpretazzjoni stretta u formalista tal-formulazzjoni tiegħu.

33.

Fil-fatt, bħalma qieset diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, “il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha jidhru, fil-fatt, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jaqtgħu […] l-kawżi [li jikkonċernaw l-eżistenza tal-kumpanniji u l-validità tad-deċiżjonijiet tal-korpi tagħhom], b’mod partikolari minħabba li l-formalitajiet ta’ pubbliċità tal-kumpannija jsiru fl-istess Stat. L-attribuzzjoni ta’ tali kompetenza [ġurisdizzjoni] esklużiva lil dawn il-qrati għalhekk titwettaq fl-interess ta’ amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja” ( 13 ).

34.

Dan, fil-fehma tiegħi, huwa wkoll il-każ tal-qrati Ċeki għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Peress li din tikkonċerna proċedura ta’ tneħħija mill-azzjonist prinċipali tal-azzjonisti minoritarji ta’ kumpannija tad-dritt Ċek u l-azzjonist prinċipali E.ON ma jikkontestax li d-dritt Ċek huwa d-dritt applikabbli għall-mertu tal-kawża minkejja li din tal-aħħar taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi fuq il-bażi tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, naħseb li l-qrati Ċeki jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża u jaqtgħuha skont id-dritt Ċek.

35.

Barra minn hekk, inqis li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tas-sede tal-kumpannija li l-affarijiet interni tagħha huma s-suġġett tal-kawża fuq il-bażi tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tippreġudikax l-għan ta’ prevedibbiltà ( 14 ) mfittex mir-Regolament Nru 44/2001 peress li l-azzjonisti ta’ kumpannija, u fuq kollox l-azzjonist prinċipali, jistgħu jantiċipaw faċilment li l-qrati tas-sede jkunu l-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar kull tilwima interna għall-kumpannija. F’dan il-każ, il-qrati Ċeki huma l-qorti naturali għal deċiżjoni dwar it-tilwima bejn E.ON u Dědouch et.

36.

Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà biex tiċċara l-applikabbiltà tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għat-tilwim intern għall-kumpanniji. Jien nipproponi li jiġi interpretat fis-sens li dan it-tilwim, u b’mod partikolari dak li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija, ikun bejn azzjonist prinċipali u l-azzjonisti minoritarji ta’ kumpannija, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

VI. Konklużjoni

37.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula min-Nejvyšší soud (qorti suprema, ir-Repubblika Ċeka) bil-mod segwenti:

Il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal proċedura ta’ stħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali huwa obbligat iħallas lid-detenturi preċedenti ta’ titoli ta’ sehem (azzjonisti minoritarji), inkambju għal dawn it-titoli, li ġew ittrasferiti lilu bħala riżultat ta’ riżoluzzjoni adottata mil-laqgħa ġenerali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u li timponi t-trasferiment tat-titoli l-oħra ta’ sehem lill-azzjonist prinċipali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 3 ) ĠU 2012, L 351, p. 1.

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, Paschalidis, P., Freedom of Establishment and Private International Law for Corporations, Oxford University Press, 2012, punti 2.09 sa 2.29.

( 5 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C‑103/05, EU:C:2006:471, punt 22) u tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 30).

( 8 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C‑103/05, EU:C:2006:471, punt 22) u tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 30).

( 9 ) Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty (C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 19) u tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punti 2930).

( 10 ) Fil-fatt, il-kawża li wasslet għas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty (C‑372/07, EU:C:2008:534), kienet tikkonċerna tilwim bejn sindakat professjonali tad-dritt Ingliż u l-membri tiegħu fuq il-bażi ta’ kuntratt konkluż bejniethom. Din għalhekk ma kinitx tirrigwarda tilwima li taqa’ taħt id-dritt tal-kumpanniji Ingliż. L-istess japplika għall-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Marzu 1983, Peters Bauunternehmung (34/82, EU:C:1983:87), u li kienet tikkonċerna tilwim li jirriżulta minn kuntratt ta’ adeżjoni ma’ assoċjazzjoni. Il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tas-sede tal-assoċjazzjoni lanqas biss kienet qamet. Il-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300) kienet tikkonċerna tilwima bejn kumpannija tad-dritt Ġermaniż u l-kreditur tagħha fir-rigward ta’ kuntratt li jirrigwarda strument derivattiv finanzjarju. Il-kumpannija Ġermaniża kienet qiegħda tikkontesta l-validità ta’ dan il-kuntratt bħala att ultra vires billi invokat ksur tal-istatuti tagħha mill-korpi tagħha. Din għalhekk ma kinitx tirrigwarda tilwima interna għall-kumpannija, peress li l-kwistjoni rregolata mid-dritt tal-kumpanniji, jiġifieri l-kwistjoni tan-natura ultra vires tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt mill-kumpannija Ġermaniża, kienet biss inċidentali. Il-kawża li wasslet għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319), kienet tikkonċerna tilwima bejn, minn naħa, kumpannija tal-ajru tad-dritt Litwan u, min-naħa l-oħra, kumpannija tal-ajru tad-dritt Latvjan u l-kumpannija tad-dritt Latvjan li kienet tamministra l-ajruport ta’ Riga (il-Latvja). Il-kumpannija tal-ajru tad-dritt Litwan kienet qiegħda tipprova tikseb kumpens għad-dannu li rriżulta minn ksur mill-konvenuti tad-dritt tal-kompetizzjoni. Din għalhekk la kienet tirrigwarda tilwima interna għal kumpannija, u lanqas kwistjoni rregolata mid-dritt tal-kumpanniji.

( 11 ) Ara l-punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 12 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty (C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 20).

( 13 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty (C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara l-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punti 3335).