KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-30 ta’ Novembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑510/16

Carrefour Hypermarchés SAS

Fnac Paris

Fnac Direct

Relais Fnac

Codirep

Fnac Périphérie

vs

Ministre des Finances et des Comptes publics

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza))

(Għajnuna mill-Istat — Artikolu 108(3) TFUE — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Artikolu 1(ċ) — Kunċett ta’ “għajnuna ġdida” — Regolament (KE) Nru 794/2004 — Artikolu 4 — Skemi ta’ għajnuna nnotifikati ddikjarati kompatibbli mas-suq intern — Skema ta’ għajnuna għas-setturi tal-films u awdjoviżiv — Żieda sinjifikattiva fid-dħul iġġenerat minn taxxa parafiskali li tiffinanzja skema ta’ għajnuna kif imqabbla mal-istimi nnotifikati lill-Kummissjoni — Kunċett ta’ “żieda fil-baġit ta’ skema awtorizzata ta’ għajnuna li taqbeż l-20 %” — Rabta mal-obbligu ta’ notifikazzjoni minn qabel)

1. 

Żieda sostanzjali fid-dħul fiskali ġġenerat b’taxxa li tiffinanzja skema awtorizzata ta’ għajnuna, kif imqabbla mal-istimi oriġinarjament mogħtija lill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ notifikazzjoni skont regoli dwar għajnuna mill-Istat, tagħti lok għal “għajnuna ġdida” skont l-Artikolu 108(3) TFUE? Dan huwa l-qofol tad-domandi sottomessi issa lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

2. 

Fil-qosor, il-kwistjoni hija dwar l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “tibdil lill-għajnuna eżistenti”. Il-kunsiderazzjoni ta’ dan il-kunċett tista’ tqanqal lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrifletti b’mod iktar ġenerali dwar ir-relazzjoni bejn, minn naħa, l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 ( 2 ) u, min-naħa l-oħra, dwar l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004 ( 3 )

3. 

Qabel ma tagħmel hekk, iżda, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ttenni l-kundizzjonijiet li bihom taxxi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar għajnuna mill-Istat. Ikun imbagħad għall-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk dawk il-kundizzjonijiet ikunux ġew issodisfatti.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament Nru 659/1999

4.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999 (“Definizzjonijiet”) jgħid:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘għajnuna’ għandha tfisser kull miżura li taderixxi l-kriterja kollha mqiegħda fl-Artikolu [107(1)] tat-Trattat;

(b)

‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

[…]

(ii)

għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

(ċ)

‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

B.   Ir-Regolament Nru 794/2004

5.

Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 794/2004 (“Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”), “[d]an ir-regolament jippreskrivi disposizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw il-forma, l-kontenut u detalji oħra tan-notifikazzjonijiet u r-rapporti annwali msemmija fir-Regolament (KE) Nru 659/1999. Huwa jippreskrivi wkoll id-disposizzjonijiet għall-kalkolu tal-limiti ta’ żmien fil-proċeduri kollha li jikkonċernaw għajnuna ta’ l-Istat u r-rata ta’ mgħax għall-irkupru ta’ għajnuna illegali.”

6.

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004 (“Proċeduri simplifikati ta’ notifikazzjoni għal ċerti alterazzjonijiet għal għajnuna eżistenti”):

“1.   Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-[Regolament Nru 659/1999], alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti.

2.   L-alterazzjonijiet li ġejjin għall-għajnuna eżistenti għandhom jiġu notifikati fuq il-formola simplifikata ta' notifikazzjoni preskritta fl-Anness II:

(a)

żieda fl-estimi ta’ skema awtorizzata għall-għajnuna li teċċedi l-20 %; […]”

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

7.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn kawża magħmula minn Carrefour Hypermarchés SAS (iktar ’il quddiem “Carrefour”), Fnac Direct, Relais Fnac, Codirep, Fnac Paris u Fnac Périphérie (iktar ’il quddiem ilkoll flimkien ir-“rikorrenti”) fejn talbu ordni għall-ħlas lura tat-taxxa mħallsa fuq il-bejgħ jew il-kiri ta’ reġistrazzjonijiet vidjo għall-użu privat tal-pubbliku (iktar ’il quddiem it-“taxxa inkwistjoni”) minn Carrefour matul is-snin 2008 u 2009, u mill-bqija tar-rikorrenti matul is-snin 2009, 2010 u 2011.

8.

It-taxxa inkwistjoni, flimkien ma’ taxxa fuq biljetti taċ-ċinema u fuq servizzi televiżivi, (iktar ’il quddiem meħuda flimkien it-“tliet taxxi”) tiffinanzja skema ta’ għajnuna mill-Istat għas-setturi tal-films u tal-awdjoviżiv (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inkwistjoni”). Din l-iskema hija amministrata minn korp amministrattiv indipendenti, is-Centre national de la cinématographie et de l’image animée (ċentru nazzjonali taċ-ċinematografija u l-immaġni animata, iktar ’il quddiem iċ-“CNC”).

9.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni ddikjarat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern ( 4 ). Sussegwentement, bid-Deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni approvat emenda għall-metodu ta’ finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li kienet tikkonsisti, inter alia, f’regoli mmodifikati dwar it-tassazzjoni ta’ servizzi televiżivi ( 5 ). B’deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni sal-31 ta’ Diċembru 2017 ( 6 ).

10.

F’Awwissu 2012, il-Cour des comptes (qorti tal-awdituri, Franza) ħarġet rapport dwar it-tmexxija u l-finanzjament taċ-CNC ( 7 ). Skont dak ir-rapport id-dħul mit-tliet taxxi kien żdiet bi kważi 60 % bejn l-2007 u l-2011, u kien jammonta għal 46.3 % wara aġġustament għall-bidliet fil-prattika tal-kontijiet. Skont dak ir-rapport, ir-raġuni ewlenija, għal dan, kienet żieda kbira fid-dħul mit-taxxa fuq servizzi televiżivi, jiġifieri minn EUR 362 miljun fl-2007 għal EUR 631 miljun fl-2011, l-iktar bħala riżultat ta’ riforma tal-bażi tat-taxxa magħmula f’Marzu 2007, riforma li tqieset mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Lulju 2007.

11.

Ir-rikorrenti għall-bidu ressqu rikorsi quddiem it-Tribunal administratif de Montreuil (qorti amministrattiva, Montreuil, Franza), li ġew miċħuda b’sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, tal-20 ta’ Ġunju 2013 u tat-18 ta’ Lulju 2013. L-appelli mressqa minn dawk is-sentenzi ġew ukoll miċħuda mill-Cour administrative d’appel de Versailles (qorti amministrattiva tal-appell, Versailles) b’sentenzi tal-20 ta’ Diċembru 2013 u tal-4 ta’ Marzu 2014. Il-kawża prinċipali hija appell fuq punt ta’ dritt minn dawk l-aħħar imsemmija sentenzi ppreżentat quddiem il-Conseil d’État (kunsill tal-istat).

12.

Ir-rikorrenti jissottomettu, inter alia, li l-Cour administrative d’appel de Versailles (qorti amministrattiva tal-appell, Versailles) żbaljat li ma qisitx li ż-żieda fid-dħul kienet tikkostitwixxi żieda fil-baġit tal-iskema ta’ għajnuna li kienet iktar minn 20 % skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004. Konsegwentement, huma jissottomettu li missha saret notifikazzjoni ġdida skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

13.

B’risposta l-ministre des Finances et des Comptes publics (ministru għall-finanzi u kontijiet pubbliċi, Franza) huwa tal-fehma li ma kienx hemm ħtieġa ta’ notifikazzjoni ulterjuri, jekk ma kienx hemm xi bidla li kienet tolqot is-sustanza attwali tal-iskema oriġinali. Minbarra dan jissottometti li bidliet, jekk kien hemm, kellhom jiġu evalwati fid-dawl tal-għajnuna attwalment mogħtija lill-benefiċjarji u mhux taż-żieda fir-riżorsi allokati, li setgħu jitqiegħdu fir-riżerva taċ-CNC jew irkuprati mill-Istat.

14.

Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna iffinanzjata minn riżorsi allokati, meta Stat Membru b’mod regolari nnotifika, qabel l-implementazzjoni tagħhom, bil-modifiki legali li għandhom effett sostanzjali fuq din l-iskema, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-mod ta’ finanzjament tagħha, żieda kbira tad-dħul mir-riżorsi fiskali allokati lill-iskema meta mqabbel mal-previżjonijiet ipprovduti lill-[Kummissjoni], tikkostitwixxi modifika sostanzjali fis-sens tal-[Artikolu 108 TFUE], ta’ natura li tiġġustifika notifika ġdida?

(2)

F’dan l-istess każ, kif għandu japplika l-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 794/2004], li skontu żieda ta’ iktar minn 20 % tal-estimi oriġinali ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti tikkostitwixxi alterazzjoni ta’ din l-iskema ta’ għajnuna, u, b’mod partikolari:

(a)

dan kif jingħaqad man-natura preliminari tal-obbligu ta’ notifika ta’ skema ta’ għajnuna stabbilita fl-[Artikolu 108(3) TFUE]?

(b)

jekk il-qbiż ta’ dan il-limitu ta’ 20 % tal-estimi oriġinali ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti previst fl-Artikolu 4 [tar-Regolament Nru 794/2004] jiġġustifika notifika ġdida, dan il-limitu għandu jiġi evalwat b’rabta mal-ammont tad-dħul allokat lill-iskema ta’ għajnuna jew b’rabta mal-ispejjeż effettivament allokati lill-benefiċjarji, bl-esklużjoni tas-somom imqiegħda f’riżerva jew ta’ dawk li ġew issuġġettati għal taxxi favur l-Istat?

(c)

jekk wieħed jippreżupponi li l-osservanza ta’ dan il-limitu ta’ 20 % għandha tiġi evalwata b’rabta mal-ispejjeż iddedikati għall-iskema ta’ għajnuna, tali evalwazzjoni għandha titwettaq bi tqabbil tal-limitu globali ta’ spiża li jinsab fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni mal-estimi globali allokati sussegwentement għall-għajnuna kollha mill-organu li jwettaq l-allokazzjonijiet, jew bi tqabbil tal-limiti nnotifikati skont kull waħda mill-kategoriji ta’ għajnuna identifikati f’din id-deċiżjoni mal-linja ta’ estimi korrispondenti ta’ dak l-organu?”

15.

Ir-rikorrenti, il-Gvern Franċiż, Grieg u Taljan u l-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

III. Analiżi

A.   Ammissibbiltà

16.

Il-Gvern Taljan iqis li d-domandi preliminari jistgħu jkunu ipotetiċi u, għalhekk, inammissibbli, l-ewwel nett, peress li ma kienx hemm dubji dwar il-validità tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2006, tal-10 ta’ Lulju 2007 u tal-20 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”) u, it-tieni nett, minħabba l-assenza ta’ konnessjoni ta’ allokazzjoni bejn it-taxxa inkwistjoni u l-flejjes imħallsa skont l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

17.

Ma naqsamx it-tħassib espress mill-Gvern Taljan.

18.

Domandi relatati mad-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali tista’ tiġi rrifjutata biss meta jkun tassew ovvju li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma tkun relatata bl-ebda mod mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, meta l-problema tkun ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-materjal fattwali jew legali meħtieġ biex hija tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domandi sottomessi lilha ( 8 ).

19.

Inkwantu għal dak li jirrigwarda l-ewwel tħassib imsemmi minn dak il-gvern, il-fatt li ma nfetħet ebda kawża ta’ annullament kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma jirrendix dan il-każ ipotetiku. Anki jekk wieħed jassumi li, bl-azzjoni tagħhom, ir-rikorrenti qegħdin jippruvaw jevadu dawk id-deċiżjonijiet, il-qorti tar-rinviju ma ddubitatx mill-validità tagħhom. Dawk id-deċiżjonijiet, għalhekk jibqgħu vinkolanti ( 9 ).

20.

Inkwantu għal dak li jirrigwarda t-tieni tħassib, għalkemm huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma jidhirx li ħadet pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk id-dħul iġġenerat mit-taxxa inkwistjoni jkunx neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, dan ma jistax ikun eskluż. Għalhekk ma huwiex ovvju għalija li d-domandi preliminari huma ipotetiċi ( 10 ).

21.

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija, għalhekk, ammissibbli.

B.   Fuq l-ewwel domanda

1. Osservazzjonijiet preliminari

22.

Minkejja l-osservazzjonijiet tiegħi dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jibqa’ l-fatt li huwa possibbli li d-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat) jinftiehmu b’diversi modi.

23.

L-ewwel interpretazzjoni tal-ewwel domanda preliminari hija dwar, almenu impliċitament, il-kwistjoni preliminari jekk it-tliet taxxi jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat (iktar ’il quddiem l-“ewwel interpretazzjoni”). Tabilħaqq, filwaqt li l-qofol tal-ewwel domanda preliminari jista’, minn naħa, jidher li jikkonferma l-ħsieb li l-qorti tar-rinviju tqis li dak huwa l-każ, id-domanda 2(b), min-naħa l-oħra, tixħet dubju dwar dik il-preżunzjoni billi tiddistingwi bejn l-infiq allokat (jew, fi kliem differenti, id-dħul iġġenerat mit-taxxa) u l-infiq permess (l-għajnuna fi ħlas). F’kull każ issir prominenti l-ewwel interpretazzjoni fid-dawl tan-natura tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Dwar dan il-Gvern Franċiż u Taljan iqisu li t-tliet taxxi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli.

24.

It-tieni interpretazzjoni tal-ewwel domanda preliminari tista’ tkun li l-qorti tar-rinviju fil-fatt tqis li t-tliet taxxi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat, iżda, madankollu, għadha tixtieq tkun taf jekk żieda sinjifikattiva fid-dħul mit-taxxa intiża biex tiffinanzja skema awtorizzata ta’ għajnuna, kif imqabbla mal-istimi mogħtija fil-kuntest tan-notifikazzjoni, tammontax għal bidla lil dik l-iskema li, imbagħad, tagħti lok għall-obbligu ta’ notifikazzjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, minkejja li l-kundizzjonijiet li jirregolaw dik l-iskema ta’ għajnuna jibqgħu ma jinbidlux (iktar ’il quddiem it-“tieni interpretazzjoni”).

25.

Fl-aħħar nett, hija wkoll possibbli t-tielet interpretazzjoni tal-ewwel domanda preliminari. Skont din l-interpretazzjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li t-tliet taxxi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat. Abbażi ta’ dan hija tixtieq tkun taf jekk żieda sinjifikattiva fid-dħul mit-taxxa li tiffinanzja skema awtorizzata ta’ għajnuna, kif imqabbla mal-istimi mogħtija fil-kuntest tan-notifikazzjoni, tammontax għal bidla lil dik l-iskema li, imbagħad, tagħti lok għall-obbligu ta’ notifikazzjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, minkejja li l-kundizzjonijiet li jirregolaw dik l-iskema ta’ għajnuna jibqgħu ma jinbidlux (iktar ’il quddiem it-“tielet interpretazzjoni”).

26.

F’dan li ġej, ser nindirizza kull waħda mit-tliet interpretazzjonijiet tal-ewwel domanda msemmija f’dik l-ordni. Dwar dan, kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet fis-seduta, il-pożizzjoni li għandha tittieħed dwar it-tielet interpretazzjoni tal-ewwel domanda preliminari tippreżumi li t-tliet taxxi jaqgħu tabilħaqq fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat.

2. L-ewwel interpretazzjoni: meta taxxi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat fit-TFUE?

27.

Taxxi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar għajnuna mill-Istat sakemm ma jkunux jikkostitwixxu l-metodu ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna, biex b’hekk ikunu jifformaw parti integrali minn dik il-miżura. Biex taxxa tkun tifforma parti integrali minn miżura ta’ għajnuna hija għandha tkun relatata mal-għajnuna skont ir-regoli nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa neċessarjament jiġi allokat biex tkun iffinanzjata l-għajnuna u jkollu effett dirett fuq l-ammont tal-għajnuna u, konsegwentement, fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ dik l-għajnuna mas-suq intern ( 11 ).

28.

Pereżempju, żieda fit-taxxa li minnha jkunu eżenti ċerti impriżi tista’ ma tkunx ikkontestata skont ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat jekk id-dħul minn dik iż-żieda f’taxxa ma jkollux effett dirett fuq il-flejjes imħallsa ( 12 ). Minbarra dan, fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw diskrezzjoni, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, meta jallokaw id-dħul mit-taxxa għal diversi għanijiet, dak id-dħul ma jkollux effett dirett fuq l-ammont ta’ għajnuna peress li jista’ jintuża biex jiffinanzja miżuri oħra skont dik il-leġiżlazzjoni li ma jkunux għajnuna mill-Istat ( 13 ). B’mod simili, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali sempliċement tindika ammont li jkollu jitħallas lill-benefiċjarji bejn valur minimu u valur massimu irrispettivament mid-dħul minn taxxa li jiffinanzjah, u dak l-ammont ikun imbagħad iddeterminat individwalment mill-awtoritajiet kompetenti fuq bażi diskrezzjonali, ma jkunx hemm konnessjoni bejn id-dħul mit-taxxa u l-ammont imħallas ( 14 ). Għall-kuntrarju, l-effett dirett ta’ taxxa fuq l-ammont tal-għajnuna ma jistax jiġi eskluż fejn il-korp responsabbli għall-ħlas tiegħu ma jkollux is-setgħa jalloka l-fondi disponibbli għal għanijiet barra minn dak tal-għajnuna ( 15 ).

29.

F’dan il-kuntest, jekk it-tliet taxxi ma jkunux jifformaw parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, allura l-kwistjoni jekk żieda fi dħul tkunx tammonta għal tibdil lill-għajnuna eżistenti ssir irrilevanti.

30.

Il-Gvern Franċiż jirrikonoxxi li teżisti dispożizzjoni vinkolanti fil-liġi Franċiża li titlob li d-dħul mit-tliet taxxi jkun allokat għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ( 16 ). Madankollu, dak il-gvern ma jqisx li d-dħul magħmul minn dawk it-taxxi jkollu influwenza diretta u awtomatika fuq l-ammont ta’ għajnuna mħallsa skont dik l-iskema.

31.

Fl-ewwel lok, il-Gvern Franċiż iqis li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2006 turi li l-Kummissjoni kienet tal-istess fehma, meqjus li, inter alia, il-figuri sottomessi kienu stimi, u li l-Kummissjoni ma kinitx għamlet monitoraġġ tal-evoluzzjoni ta’ dak id-dħul minkejja li ma kinitx talbet lill-awtoritajiet Franċiżi jipproduċu rapporti annwali dwar il-flejjes imħallsa skont l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

32.

Fit-tieni lok, dak il-gvern jissottometti li d-dħul nett mit-tliet taxxi ma jiġix allokat kollu kemm hu għall-finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Skont ir-regoli Franċiżi applikabbli ( 17 ), il-Parlement (Parlament, Franza) jista’ jimmodifika jew jabolixxi l-allokazzjoni tad-dħul iġġenerat minn dawk it-taxxi liċ-CNC u jqassamhom lura fil-baġit ġenerali tal-Istat Franċiż permezz, pereżempju, ta’ limitu massimu (“écrêtement”). Minbarra dan, jekk il-baġit ibbilanċjat taċ-CNC juri li jkun hemm surplus, dak is-surplus jiddaħħal f’riżerva. Għall-kuntrarju, jekk il-baġit ikun negattiv għal sena partikolari, iċ-CNC ikun jista’ jieħu fondi minn dik ir-riżerva.

33.

Fit-tielet lok, id-dħul iġġenerat mit-tliet taxxi ma jkunx allokat esklużivament għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, peress li ċ-CNC għandu setgħa jallokah għal għanijiet oħra, inklużi spejjeż operattivi.

34.

Fir-raba’ lok, l-ammont massimu annwali ta’ għajnuna li tista’ titħallas skont l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma jiddependix mill-ammont ta’ dħul iġġenerat mit-tliet taxxi, kif muri fir-rapporti annwali sottomessi mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni. F’dak ir-rigward, dħul ieħor iservi wkoll biex jiffinanzja l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, bħal ħlasijiet għal liċenzji rċevuti miċ-CNC għall-manutenzjoni tar-reġistri ċinematografiċi u awdjoviżivi u għall-għoti ta’ liċenzja ċinematografika, tifdil professjonali u sussidji mill-Istat.

35.

Fil-ħames lok, għajnuna titħallas skont kriterji oġġettivi li ma jiddependux mid-dħul iġġenerat mit-tliet taxxi u li huma deskritti fid‑Deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2006.

36.

Dwar dak li jirrigwarda l-ewwel sottomissjoni tal-Gvern Franċiż, jekk il-Kummissjoni tqis taxxa bħala li tifforma parti integrali minn skema ta’ għajnuna ppjanata, hija għandha tqis dik it-taxxa meta tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dik l-iskema mas-suq intern. Fid-Deċiżjonijiet tat-22 ta’ Marzu 2006 u tal-10 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni ma analizzatx espliċitament l-ewwel kwistjoni, jiġifieri, jekk it-tliet taxxi kinux jifformaw parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni (u dwar dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-aħħar dwar il-kompatibbiltà, ara iktar ’il quddiem il-punti 61 sa 65). Fis-seduta hija ssottomettiet li din kienet impliċita. Madankollu, jekk dan huwiex minnu (jew adegwat) huwa, f’kull każ, ta’ ebda konsegwenza, peress li l-kwistjoni jekk taxxa tifformax parti integrali minn miżura ta’ għajnuna hija relatata mal-kunċett ta’ “għajnuna” u, għalhekk, ma tiddependix, minnha nfisha, mill-fehma tal-Kummissjoni dwarha, meta wieħed iqis li hija ma torbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja.

37.

Dwar dak li jirrigwarda r-raba’ sottomissjoni, il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tista’ wkoll tkun ikkofinanzjata minn dħul li jkun ġej minn għejun oħra ma jipprekludix li t-tliet taxxi jifformaw parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

38.

Is-sottomissjonijiet li fadal magħmula mill-Gvern Franċiż madankollu jixirqilhom jitqiesu serjament. Għalkemm il-kunċett ta’ “taxxa li tifforma parti integrali minn miżura ta’ għajnuna” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li ma jiddependix mill-pożizzjoni meħuda fid-dritt nazzjonali ( 18 ), u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, għalhekk, motu proprio, tqis u tapplika dan il-kunċett għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ( 19 ), jidhirli li, kif is-seduta dehret li kkonfermat, dawk is-sottomissjonijiet ma jistgħux ikunu kkonfermati jew invalidati mingħajr iktar analiżi u kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni legali u fattwali li hemm fi Franza. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, dan jitlob li l-qorti tar-rinviju tkun involuta. Jekk dik il-qorti tkun taqbel mad-deskrizzjoni mogħtija mill-Gvern Franċiż tat-tliet taxxi, allura ma nqisx li t-tliet taxxi jagħmlu parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ( 20 ).

39.

Dwar dan il-Kummissjoni kienet tal-fehma fis-seduta li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni li kien hemm matul il-perijodu rilevanti, ir-rabta bejn it-tliet taxxi u l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni nqatgħet f’waqt mhux magħruf fiż-żmien wara dak il-perijodu minħabba rkupri mill-awtoritajiet tal-baġit Franċiżi, ta’ dħul mit-taxxa akkumulat. Minbarra dan, il-Kummissjoni rrifjutat ir-rilevanza tal-possibbiltà li ċ-CNC tqiegħed dħul mit-taxxa fir-riżerva, minħabba li qieset li t-tqegħid ta’ tali fondi f’riżerva kien ħlas ta’ għajnuna differit li ma kienx jaffettwa r-rabta bejn it-tliet taxxi u l-iskema ta’ għajnuna.

40.

Madankollu, dawk is-sottomissjonijiet ma jwasslunix biex nemmen li t-tliet taxxi jifformaw parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Għall-kuntrarju.

41.

L-ewwel nett, jekk nitkellem b’mod ratione temporis, ikun inkonsistenti li t-tqegħid ta’ dħul mit-taxxa fir-riżerva ma jitqiesx, kif essenzjalment tagħmel il-Kummissjoni, bħala sempliċement ħlas ta’ għajnuna differit — biex b’hekk jiġi estiż de facto l-perijodu rilevanti lil hinn mill-2011 — iżda fl-istess waqt titqiegħed enfasi deċiżiva fuq il-mument wara ż-żmien rilevanti meta l-awtorità rilevanti tal-baġit Franċiża tkun bdiet tirkupra, fuq bażi regolari, dak id-dħul għall-benefiċċju tal-baġit ġenerali. Distinzjoni bejn it-tqegħid tad-dħul mit-taxxa fir-riżerva taċ-CNC u l-att li jiġi rkuprat ukoll tidher li hija artifiċjali. Ma huwiex improbabbli li dak tal-ewwel sempliċement ippreċeda lil tal-aħħar, bir-riżultat li ż-żewġ operazzjonijiet ma jkunux verament tant distinti daqskemm tixtieq il-Kummissjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex huwa rilevanti li ssir distinzjoni bejn l-eżerċizzju tas-setgħa tal-irkupru tad-dħul mit-taxxa u l-pussess tas-setgħa nnifisha.

42.

It-tieni nett, il-fatt li l-Kummissjoni osservat fis-seduta li sussegwentement kien hemm nuqqas ta’ konnessjoni bejn id-dħul iġġenerat mit-tliet taxxi u l-ammonti mħallsa skont l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni huwa konferma ta’ korrelazzjoni artifiċjali. Jekk taxxa verament tkun tifforma parti integrali minn skema partikolari ta’ għajnuna, dik il-konnessjoni ma tistax tinkiser sakemm is-sistema li tirregolha ma tinbidilx ( 21 ). Dan ma seħħx fil-każ ineżami.

43.

Fl-aħħar nett, il-kunċett propost mill-Kummissjoni fis-seduta li r-rekwiżit li jsegwi mill-ġurisprudenza li t-taxxa skrutinizzata għandu jkollha effett dirett fuq l-ammont tal-għajnuna ma għandux ikun interpretat b’mod strett, iżda pjuttost b’mod li jiggarantixxi l-effettività tiegħu, ma huwiex sostenibbli. Tabilħaqq, kif intqal iktar ’il fuq fil-punt 27, ir-regola ġenerali hija li d-dispożizzjonijiet dwar għajnuna mill-Istat ma humiex dwar taxxi. Madankollu, issir eċċezzjoni dwar taxxi li jifformaw parti integrali minn skema ta’ għajnuna. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tammonta għal interpretazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni b’mod estensiv u r-regola prinċipali b’mod strett.

44.

Għaldaqstant il-pożizzjoni tiegħi dwar l-ewwel interpretazzjoni tal-ewwel domanda preliminari hija li żieda fi dħul mit-taxxa intiża biex tiffinanzja skema ta’ għajnuna ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat fit-TFUE anki jekk dik it-taxxa, minkejja li tista’ tkun allokata għall-finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna ma jkollhiex effett dirett fuq l-ammont ta’ għajnuna mħallsa. Huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika dan fil-kawża prinċipali.

3. It-tieni interpretazzjoni: żieda sinjifikattiva fi dħul, kif imqabbla mal-istimi mogħtija man-notifikazzjoni dwar skema ta’ għajnuna, iġġenerata minn taxxa li ma tkunx parti integrali minn dik l-iskema għandha tiġi kklassifikata bħala tibdil lill-għajnuna eżistenti li tkun suġġetta għal notifikazzjoni minn qabel skont ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat?

45.

It-tieni interpretazzjoni tal-ewwel domanda preliminari għandha l-premessa li t-tliet taxxi ma jifformawx parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

46.

F’dak il-każ, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, kif maqbuda bit-tieni interpretazzjoni, għandha ssegwi direttament mill-pożizzjoni meħuda fl-ewwel interpretazzjoni.

47.

Tabilħaqq, jekk taxxa minnha nnifisha ma taqax taħt ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat, lanqas ma tkun żieda sinjifikattiva fid-dħul li hija tiġġenera, irrispettivament mill-istimi sottomessi.

4. It-tielet interpretazzjoni: żieda sinjifikattiva fid-dħul, kif imqabbla mal-istimi mogħtija man-notifikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, iġġenerata minn taxxa li tkun parti integrali minn dik l-iskema għandha tkun ikklassifikata bħala tibdil lill-għajnuna eżistenti li tkun suġġetta għal notifikazzjoni minn qabel skont ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat?

48.

It-tielet interpretazzjoni tal-ewwel domanda preliminari titlob iktar riflessjoni. Essenzjalment tirrigwarda l-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw tibdil f’miżuri eżistenti ta’ għajnuna skont l-Artikolu 108(3) TFUE, li ser nesplora iktar ’il quddiem.

a) L-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw tibdil lill-għajnuna eżistenti u li ma jġibuhomx fis-seħħ qabel ma jkunu approvati

49.

L-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jinnotifikaw miżuri u li jżommu milli jdaħħluhom fis-seħħ jirrigwarda, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, “kull proġett sabiex tiġi mogħtija jew sabiex tiġi modifikata għajnuna”. It-TFUE jipprevedi proċeduri differenti skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li skont l-Artikolu 108(3) TFUE, “kull proġett sabiex tiġi mogħtija jew sabiex tiġi modifikata għajnuna”, jew għajnuna ġdida, għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni u ma għandhomx jiġu implementati qabel ma dik il-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali, skont l-Artikolu 108(1) TFUE għajnuna eżistenti tkun tista’ tiġi implementata legalment sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat inkompatibbiltà ( 22 ).

50.

Peress li hija biss għajnuna ġdida li tagħti lok għall-obbligu li miżura tkun innotifikata u li tinżamm milli tiddaħħal fis-seħħ, huwa kruċjali li jkun magħruf jekk miżura tkunx tikkostitwixxi għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida ( 23 ). Fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kunsill iddefinixxa “għajnuna ġdida” f’termini negattivi bħala għajnuna li ma tkunx għajnuna eżistenti, u li tkun tinkludi “tibdil lill-għajnuna eżistenti”. Ma tingħata ebda kjarifika dwar x’inhuwa dan it-tibdil.

b) X’inhuma “tibdil lill-għajnuna eżistenti”?

51.

Il-Kummissjoni indikat fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 li hija tqis bidla lill-għajnuna eżistenti bħala li tfisser “xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni”. Din id-definizzjoni tidher li tieħu minn ġurisprudenza preċedenti ( 24 ). Hija wkoll iċċitata f’ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 25 ).

52.

Qabel ma l-Kummissjoni kienet adottat dik id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet hija stess indikat f’hiex kien jikkonsisti dan it-tibdil. Fil-kawża prinċipali dwar il-kwistjoni, Namur-Les assurances du crédit ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għajnuna ġdida li tfiġġ jew it-tibdil f’għajnuna eżistenti ma jistgħux ikunu evalwati skont l-iskala tal-għajnuna jew, b’mod partikolari, l-ammont tagħha f’termini finanzjarji fi kwalunkwe ħin fil-ħajja tal-impriża jekk l-għajnuna hija fornuta fl-ambitu ta’ dispożizzjonijiet statutorji li kienu jeżistu qabel u li baqgħu ma nbidlux” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet qalet li “il-kwistjoni ta’ jekk għajnuna għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida jew bħala bidla ta’ għajnuna eżistenti għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għad-dispożizzjonijiet li jipprovdu għaliha” ( 27 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

53.

F’dan il-kuntest jekk miżura partikolari tkunx tikkostitwixxi “tibdil lill-għajnuna eżistenti” ikun jiddependi mir-risposta għal tliet domandi. L-ewwel, xi tkun il-miżura nazzjonali li toħloq l-għajnuna eżistenti? Tista’ tkun statut, bħal f’Namur-Les assurances du crédit, kuntratt pubbliku ( 28 ), jew xi ħaġa oħra. It-tieni, dik il-miżura kienet ġiet emendata? It-tielet, jekk fl-affermattiv, dik il-bidla tkun purament formali jew amministrattiva?

54.

Is-soltu hija din l-aħħar domanda li hija l-iktar kontroversjali. Il-ġurisprudenza, madankollu, tagħti gwida: minn naħa, estensjonijiet għal skema ta’ għajnuna approvata, kemm jekk tkun ratione temporis ( 29 ) kif ukoll fir-rigward tal-benefiċjarji tagħha ( 30 ) dejjem tidher li taffettwa s-sustanza tal-għajnuna eżistenti u tikkostitwixxi bidla għaliha. Min-naħa l-oħra, jekk l-allegata bidla tkun kumplessa, tkun meħtieġa analiżi iktar fil-fond ( 31 ).

55.

Madankollu, fil-każijiet kollha jidher li tkun meħtieġa xi għamla ta’ intervent mill-Istat biex il-miżura ta’ għajnuna eżistenti tinbidel ( 32 ).

56.

Minħabba f’hekk, jekk miżura tammontax għal “tibdil lill-għajnuna eżistenti” ovvjament ma tistax tiġi ddeterminata mingħajr ma jitqies l-istrument legali li jawtorizza l-miżura ta’ għajnuna eżistenti. Ħlief fejn il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni tkun ta’ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattati jew tal-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat, il-punt tat-tluq biex jiġi ddeterminat jekk ċirkustanza partikolari tkunx tikkostitwixxi “tibdil lill-għajnuna eżistenti” (u, għalhekk, avveniment notifikabbli) normalment ikun id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza dik il-miżura ta’ għajnuna ( 33 ). Tabilħaqq, bħala l-għassiesa tal-għajnuniet mill-Istat, il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999, tissuġġetta l-approvazzjoni tagħha għal-ċerti kundizzjonijiet. Jekk għajnuna mħallsa skont skema ta’ għajnuna approvata ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza dik l-iskema, l-għajnuna mħallsa għandha titqies bħala għajnuna ġdida ( 34 ).

c) Il-pożizzjoni adottata

57.

Skont it-tielet interpretazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirriżolvi hija jekk żieda sinjifikattiva fi dħul mit-taxxa li tiffinanzja skema ta’ għajnuna approvata tammontax għal bidla lil dik l-iskema skont it-tifsira tal-Artikolu 108(3) TFUE, minkejja li l-bażi statutorja u regolatorja ta’ dik l-iskema ta’ għajnuna ma tinbidilx.

58.

Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni huma tal-fehma li dan huwa l-każ f’dawn il-proċeduri. Huma jibbażaw din il-fehma prinċipalment fuq l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 794/2004.

59.

Għall-kuntrarju, it-tliet gvernijiet intervenjenti huma tal-fehma opposta. Il-Gvern Grieg u l-Gvern Taljan jistrieħu, b’mod partikolari, fuq is-sentenza Namur-Les assurances.

60.

Naqbel ma’ dawk il-gvernijiet.

61.

Kif intqal qabel, il-premessa li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għall-ewwel domanda, kif relatata mat-tielet interpretazzjoni, hija li d-dħul mit-taxxa inkwistjoni, inkluża ż-żieda, jifforma parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. F’dawk iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà tqis dawk it-taxxi meta teżamina l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni wara notifikazzjoni ta’ dik l-iskema biex tieħu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ( 35 ).

62.

Il-Kummissjoni tidher li hekk għamlet din id-darba.

63.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2006, li inizjalment kienet awtorizzat l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, essenzjalment innotat li t-taxxa inkwistjoni u t-taxxa fuq servizzi televiżivi jkunu bbażati fuq dħul, filwaqt li t-taxxa fuq biljetti taċ-ċinema tkun ibbażata fuq attendenzi għaċ-ċinema u fuq in-numru ta’ attendenzi rreġistrati ( 36 ). Il-Kummissjoni approvat l-iskema minħabba l-impenn mogħti mill-awtoritajiet Franċiżi “biex jipproċedu bl-aġġustamenti li setgħu jkunu meħtieġa biex ikun hemm kompatibbiltà mal-evoluzzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat lis-settur tal-films u awdjoviżiv wara t-30 ta’ Ġunju 2007”. L-approvazzjoni kienet b’kundizzjoni li jintbagħat rapport annwali dwar il-mod li bih il-miżuri nnotifikati kellhom jiddaħħlu fis-seħħ ( 37 ).

64.

Wara li kienet ittieħdet dik id-deċiżjoni, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni emenda għat-taxxa fuq servizzi televiżivi, li żiedet l-għadd ta’ suġġetti taxxabbli u wessgħet il-bażi tat-taxxa. Il-Kummissjoni awtorizzat, skont ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat, dik l-emenda fid-Deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Lulju 2007 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). F’dik id-deċiżjoni, l-ogħla żieda annwali fi dħul allokat għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni bejn l-2009 u l-2011 iġġenerata b’dik l-emenda kienet stmata li kienet EUR 16.5 miljun ( 38 ). Il-Kummissjoni kkonkludiet li “l-alterazzjoni tal-mekkaniżmu eżistenti, b’żieda fil-baġit bħala konsegwenza, ma setgħetx tibdel il-mod kif kienet tirraġuna l-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, kif intqal fis-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2006” ( 39 ).

65.

Huwa, għalhekk, ċar li l-Kummissjoni fil-fatt qieset id-dħul prospettiv iġġenerat mit-tliet taxxi meta evalwat il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.

66.

Sussegwentement, dak id-dħul żdied b’46.3 % bejn l-2007 u l‑2011, minħabba ż-żieda notevoli fid-dħul mit-taxxa fuq is-servizzi televiżivi. Żdied minn EUR 362 miljun fl-2007 għal EUR 631 miljun fl‑2011, jiġifieri, b’madwar EUR 67.2 miljuni fis-sena jew iktar minn 300 % kull sena kif imqabbel mal-ogħla stima. Dik iż-żieda sussegwenti fi dħul tikkostitwixxi tibdil lill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kif awtorizzata mill-Kummissjoni wara d-Deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2007?

67.

Ma naħsibx.

68.

Dik iż-żieda hija manifestament bidla fiċ-ċirkustanzi fattwali, iżda mhux emenda strutturali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, minħabba li t-taxxi li jiffinanzjawha ma kinux immodifikati sussegwentement. Bla dubju, anki b’dik iż-żieda, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija konformi mat-termini stabbiliti mill-Kummissjoni fid-dispożittiv tad-Deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Lulju 2007. Wara kollox, tibdil lill-għajnuna eżistenti ma jistax jiġi evalwat skont l-iskala tal-għajnuna jew, b’mod partikolari, skont l-ammont tagħha f’termini finanzjarji jekk l-għajnuna tingħata skont dispożizzjonijiet statutorji li jibqgħu ma jinbidlux ( 40 ). Għaldaqstant, dik iż-żieda waħedha, tkun kemm tkun, ma tistax minnha nnifisha tammonta għal tibdil lill-għajnuna eżistenti.

69.

Il-Kummissjoni topponi billi tgħid li l-Istati Membri ma għandhomx iqisu b’mod leġġer l-istimi li huma jipprovdulha u dik id-data ma tistax tiċċaħħad minn kull effett legali sempliċement minħabba li jkunu stimi.

70.

Naqbel mal-Kummissjoni li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru għandhom, skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, joqogħdu attenti li l-istimi li huma jissottomettu lill-Kummissjoni jkunu korretti kemm jista’ jkun. Ksur ta’ dan l-obbligu jwassal għal proċeduri ġudizzjarji skont l-Artikolu 258 TFUE. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-fehma tagħha fuq allegat effett vinkolanti ta’ stimi: il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li skont id-definizzjoni, stimi għandhom elementi ta’ inċertezza. Fil-fatt, stimi mhux korretti sottomessi mill-Istati Membri lanqas ma jistgħu jaffettwaw il-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova għajnuna mill-Istat ( 41 ).

71.

Anzi, kif intqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni hija obbligata, meta tqis skema ta’ għajnuna ffinanzjata b’taxxa jew b’imposta li tkun tifforma parti integrali minnhom, tqis il-metodu ta’ finanzjament meta teżamina dik l-iskema. Imbagħad, il-Kummissjoni tista’ tagħmel, fid-dispożittiv stess tad-deċiżjoni tagħha jew f’anness tagħha, kundizzjoni skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999 fil-forma ta’ limitu massimu għall-iffinanzjar tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, b’mod partikolari jekk ikollha dubji li l-kwantità ta’ għajnuna mħallsa tkun tista’ taqbeż il-limiti. Il-ksur ta’ tali kundizzjoni bla dubju jkun jimplika għajnuna ġdida.

72.

Madankollu l-Kummissjoni ma għamlitx dan din id-darba. Kif il-Gvern Franċiż essenzjalment jissottometti mingħajr ma kien kontradett, f’ebda waħda mid-deċiżjonijiet li bihom tat awtorizzazzjoni l-Kummissjoni ma talbet li jsir monitoraġġ ta’ x’kien sar mid-dħul miġbur mit-tliet taxxi.

73.

Jekk, kif jidher li huwa l-każ fil-materja inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq data sottomessa minn Stat Membru li tinstab li tkun żbaljata, il-Kummissjoni għandha, minflok, ċerti mezzi għad-dispożizzjoni tagħha biex tirrimedja dik is-sitwazzjoni, bħall-ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 biex tiġi rrevokata dik id-deċiżjoni. Alternattivament, jekk tqis li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tkunx għadha kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri xierqa lill-awtoritajiet Franċiżi skont il-proċedura ta’ stħarriġ kostanti ta’ skemi ta’ għajnuna awtorizzati stabbiliti mill-Artikolu 108(1) u (2) TFUE u mill-Kapitolu V tar-Regolament Nru 659/1999. Madankollu, ma huwiex possibbli li ż-żieda fi dħul titqies bħala klassifikabbli, fiha u għaliha nnifisha, bħala bidla lill-għajnuna eżistenti.

74.

Fl-aħħar nett, ma nqisx, bħalma jagħmlu r-rikorrenti u l-Kummissjoni, li jekk miżura tammontax għal bidla lil għajnuna eżistenti għall-fini tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 sempliċement tammonta għall-mistoqsija jekk kienx hemm żieda fil-baġit ta’ skema ta’ għajnuna approvata ta’ iktar minn 20 % (iktar ’il quddiem ir-“regola tal-20 %”) skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 794/2004. Biex tkun ikklassifikata bħala bidla lil għajnuna eżistenti, tali “żieda fil-baġit” għandha neċessarjament tkun il-konsegwenza ta’ intervent mill-Istat li l-Kummissjoni ma tkunx awtorizzat. Fil-materja inkunsiderazzjoni l-finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kien approvat mill-Kummissjoni u ma nbidilx strutturalment minn dak iż-żmien ’l hawn. Jekk ikun adottat l-approċċ tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” jiġi mċaħħad minn kull tifsira jekk jiġri li għajnuna tinqala’ biss bħallikieku b’partenoġenesi, mingħajr ebda forma ta’ intervent mill-Istat. Fl-agħar ipoteżi dan ikun ifisser li jekk l-ammont nominali tal-għajnuna ma jinbidilx, iżda li l-valur reali tiegħu sussegwentement jiżdied — bħal jekk l-għajnuna titħallasx f’munita barranija li wara tiġi rrivalutata — jista’ jkun hemm lok ta’ “tibdil lill-għajnuna eżistenti”. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali tibdil u, bl-istess mod, ta’ għajnuna ma jiddependix biss mill-kuntest ekonomiku attwali. Fi kwalunkwe każ, l-iskop ta’ dan ir-regolament huwa li jiddefinixxi l-modalitajiet prattiċi u formali marbuta man-notifikazzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat u mhux li jbiddel ir-regoli sostantivi rigward il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”.

75.

Id-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tistrieħ fuqhom biex tiġġustifika l-fehma tagħha ma jwasslunix biex nieħu pożizzjoni differenti. Tabilħaqq, il-Kummissjoni tinterpreta ħażin dawk id-deċiżjonijiet.

76.

Fil-kawża Todaro Nunziatina & C ( 42 ) il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha dwar għajnuna ġdida kemm fuq żieda fil-baġit allokat għall-iskema ta’ għajnuna kkonċernata f’ammont li kien qabeż il-50 % bi ksur ta’ kundizzjoni fid-deċiżjoni li tkun awtorizzatha kif ukoll fuq estensjoni ta’ sentejn tal-perijodu li matulu kienu japplikaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dik l-għajnuna. U fil-kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni ( 43 ), il-Gvern Taljan kien innotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jalloka EUR 10 miljuni oħra għall-baġit ta’ skema ta’ għajnuna approvata preċedentement minn dik l-istituzzjoni (li kienet tikkorrispondi għal 100 % tal-iskema ta’ għajnuna). Dak il-gvern, għalhekk, xtaq b’mod pożittiv li jintervjeni u jipprovdi xi ħaġa iktar minn dak li oriġinarjament kien awtorizzat: ovvjament, dan kien jikkostitwixxi għajnuna ġdida. Xorta waħda, ebda waħda minn dawk id-deċiżjonijiet ma kienu jirrigwardaw id-domandi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha bħalissa, jiġifieri jekk taxxa partikolari tifformax parti integrali minn skema ta’ għajnuna, jew jekk żieda sinjifikattiva mit-taxxa li tiffinanzja skema ta’ għajnuna eżistenti tibdilx dik l-iskema jekk l-iskema nnifisha tibqa’ ma tinbidilx.

77.

Għaldaqstant, u minkejja l-fatt li f’dan l-istadju għandi problema nifhem ir-rabta bejn it-tliet taxxi u l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li:

żieda fi dħul mit-taxxa intiża biex tiffinanzja skema ta’ għajnuna ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat fit-TFUE jekk dik it-taxxa, minkejja li tkun allokata għall-finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna jew ma jkollhiex effett dirett fuq l-ammont ta’ għajnuna mħallsa. Huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika dan fil-kawża prinċipali.

b’interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-kundizzjonijiet li jirregolaw skema ta’ għajnuna jibqgħu ma jinbidlux, żieda sinjifikattiva fid-dħul iġġenerat minn taxxa li sservi biex tkun iffinanzjata dik l-iskema li tagħha tkun parti integrali u li tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni, kif imqabbla mal-istimi mogħtija fil-kuntest tan-notifikazzjoni ta’ dik l-iskema, ma tammontax għal bidla lil dik l-iskema li tagħti lok għall-obbligu ta’ notifikazzjoni u li żżomm milli għajnuna tiddaħħal fis-seħħ skont l-Artikolu 108(3) TFUE meta l-Kummissjoni ma tkunx stabbilixxiet kundizzjoni fl-awtorizzazzjoni tagħha ta’ dik l-iskema, li tillimita l-ammont ta’ dħul li dik it-taxxa tkun tista’ tiġġenera fil-futur jew, f’kull każ, meta dak id-dħul ma jaqbiżx dak il-limitu.

C.   Fuq id-domanda 2(a)

78.

Permezz tad-domanda 2(a), il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob tkun taf kif, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, għandu jiġi applikat l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004, partikolarment minħabba l-obbligu li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, li jinnotifikaw skemi ta’ għajnuna qabel ma jdaħħluhom fis-seħħ.

79.

Din id-domanda, li ssegwi mill-ewwel domanda, tiġi mċaħħda mill-għan tagħha jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti risposta għall-ewwel domanda preliminari bil-mod li nipproponi jiena. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ma taqbilx miegħi dwar l-ewwel domanda, il-fehma tiegħi tkun kif ġej.

80.

Meta skema ta’ għajnuna approvata ssirilha bidla fil-forma ta’ żieda sinjifikattiva kif imqabbla mal-istimi oriġinarjament innotifikati, l-unika sitwazzjoni prattika tkun, kif essenzjalment tiossottometti l-Kummissjoni, li l-obbligu ta’ notifikazzjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE jiskatta mhux iktar tard minn meta l-Istat Membru kkonċernat kien jew missu kien sar jaf li d-dħul iġġenerat mit-taxxa inkwistjoni kien manifestament mhux proporzjonat mal-istimi nnotifikati lill-Kummissjoni.

81.

Iżda ċertament, li l-Istat Membru kkonċernat ma jitħalliex jipproċedi biex jagħmel notifikazzjoni sal-mument li fih huwa jkun sar jew missu kien sar jaf biż-żieda sinjifikattiva kif imqabbla mal-istimi nnotifikati lill-Kummissjoni ma jaqbel xejn mal-kunċett innifsu ta’ notifikazzjoni minn qabel. Irrid inżid li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE proposta mir-rikorrenti li l-Kummissjoni għandha sempliċement tkun innotifika “fil-ħin” hija żbaljata: l-Artikolu 108(3) TFUE jgħid b’mod ċar li “[l]-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali”. Dan ifisser li għajnuna ġdida li tieħu l-forma ta’ miżura oriġinali jew ta’ bidla lil għajnuna eżistenti ma għandhiex tiddaħħal fis-seħħ sakemm il-Kummissjoni ma tkunx tat l-approvazzjoni tagħha. Distinzjoni bejn jekk “proġetti proposti” ikunux proġetti oriġinali jew bidla tagħhom ma hijiex prevista skont l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 u, għalhekk, hija artifiċjali ( 44 ).

82.

Minbarra dan, li ż-żmien għal notifikazzjoni jsir jiddependi minn jekk l-Istat Membru kkonċernat ikunx jaf iżid element suġġettiv mal-formulazzjoni, minkejja l-fatt li l-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” b’mod oġġettiv b’rabta mal-effetti tal-intervent tal-Istat ikkonċernat ( 45 ). Dan huwa manifestament minnu dwar il-kwistjoni ta’ meta żieda fi dħul mit-taxxa ssir “sinjifikattiva”.

83.

Fil-fatt id-diskussjoni fil-punti preċedenti sempliċement tikkonferma l-idea li, fir-rigward ta’ żidiet sinjifikattivi fi dħul mit-taxxa li jiffinanzjaw skema ta’ għajnuna awtorizzata, kuntrarju għall-istimi nnotifikati, obbligu ta’ notifikazzjoni minn qabel ma jagħmilx sens. Akkost li nirrepeti ruħi, din hija r-raġuni għaliex insostni li l-obbligu ta’ notifikazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 108(3) TFUE jidher li jsostni l-idea li tali żieda ma tikkostitwixxix ġrajja notifikabbli.

D.   Fuq id-domanda 2(b) u (c)

84.

Permezz tad-domanda 2(b) u (c) tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob li tkun taf jekk ir-regola tal-20 % skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 794/2004 għandhiex tkun ikkalkulata abbażi tal-fondi ġeneralment allokati għall-iskema ta’ għajnuna jew pjuttost għan-nefqa attwalment mogħtija lill-benefiċjarji, bl-esklużjoni ta’ somom imqiegħda fir-riżerva jew abbażi ta’ dawk meħuda mill-Istat għalih innifsu [domanda 2(b)]. Jekk dak il-limitu għandu jiġi kkalkulat abbażi tan-nefqa mħollija għall-iskema ta’ għajnuna, il-qorti tar-rinviju tistaqsi [domanda 2(c)] jekk l-evalwazzjoni għandhiex issir billi jitqabbel l-ammont massimu ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha mal-baġit totali sussegwentement allokat għad-diversi miżuri ta’ għajnuna approvati kollha, jew minflok billi jitqabbel il-limitu nnotifikat għal kull tip ta’ għajnuna identifikata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni mal-intestatura tal-baġit tal-korp ta’ allokazzjoni.

85.

Dawk id-domandi huma x’aktarx tekniċi min-natura tagħhom. Bl-istess mod fir-rigward tad-domanda 2(a), risposta għad-domnada 2(b) u (c) ukoll tidher biss meħtieġa sa fejn it-tliet taxxi jifformaw parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, u żieda sinjifikattiva fi dħul mit-taxxa fil-fatt tkun tikkostitwixxi bidla tas-sistema ta’ għajnuna approvata li, konsegwentement, tagħti lok għal obbligu min-naħa tal-Istat Membru li jinnotifika dik il-bidla lill-Kummissjoni. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li dan huwa l-każ, allura jiena noffri fil-qosor il-fehmiet tiegħi kif ġej.

86.

Inkwantu għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni mqajma mid-domanda 2(b), minkejja li din tirrigwarda, fi kliem nominali, l-interpretazzjoni tar-regola tal-20 % skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 794/2004, ikun għal darba oħra xieraq li titqies it-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. Dik id-dispożizzjoni titlob li l-Istat Membru kkonċernat ma jdaħħalx fis-seħħ il-miżuri proposti minnu qabel ma l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tkun wasslet għal deċiżjoni finali. Meqjusa l-premessa li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssejjes ir-risposta tagħha, jiġifieri li t-tliet taxxi jkunu jifformaw parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, dik il-projbizzjoni li l-miżura ta’ għajnuna tiddaħħal fis-seħħ għandha testendi mhux biss għall-ħlas effettivament magħmul lill-benefiċjarji skont l-iskema, imma wkoll għall-ġrajja upstream tal-ġbir tad-dħul li jiffinanzja l-iskema. Għalhekk, sa fejn skema ta’ għajnuna approvata tkun iffinanzjata minn taxxa li tkun tifforma parti integrali minn dik l-iskema, il-ġrajja notifikabbli ma tkunx limitata għan-nefqa attwali skont dik l-iskema, iżda tkun testendi għall-ġbir ta’ fondi biex jiffinanzjaw dik l-iskema.

87.

Tabilħaqq, jekk f’ċirkustanzi normali, impriżi ma jkunux jistgħu jistrieħu fuq ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat biex jevitaw iħallsu taxxi, il-kuntest li jkun rilevanti hawnhekk huwa dak fejn it-tliet taxxi inkwistjoni, bħala parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ikunu l-bażi diretta għall-finanzjament ta’ dik l-iskema. Meqjus dan, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li r-regoli dwar għajnuna mill-Istat ifittxu li jevitaw, isseħħ mhux biss fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna lill-benefiċjarji skont l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, imma wkoll fiż-żmien li fih jinġabru dawk it-taxxi mingħand l-impriżi li jkollhom iħallsuha jekk it-taxxi miġbura ma jibqgħux għand it-Teżor ( 46 ). Il-fatt li l-benefiċjarji jistgħu ma jkunux f’kompetizzjoni mar-rikorrenti ma hija ta’ ebda konsegwenza f’dan ir-rigward ( 47 ). L-uniku fatt li għandu jitqies huwa li min iħallas it-taxxa jkun suġġett għal taxxa li tkun parti integrali ta’ miżura implementata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE ( 48 ).

88.

Għaldaqstant, is-somom li ċ-CNC ikun qiegħed fir-riżerva jew li l-Istat Franċiż ikun ħa għalih innifsu għandhom jiġu inklużi biex jiġi kkalkolat jekk ikunx tħares il-limitu skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 794/2004.

89.

Fl-aħħar nett, dwar il-kwistjoni mqajma permezz tad-domanda 2(c), dik id-domanda tippremetti l-idea li l-kunċett ta’ “baġit” tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 794/2004 jirreferi għall-infiq attwali u mhux għad-dħul miġbur. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju mbagħad tistaqsi jekk, meta jitqies jekk il-limitu ta’ 20 % jkunx intlaħaq, il-massimu ta’ għajnuna globali approvat mill-Kummissjoni għandux jitqabbel mal-baġit globali approvat għall-għajnuna fl-intier tagħha mill-korp ta’ allokazzjoni, jew inkella, jekk il-massimu għal kull subkategorija ta’ għajnuna elenkata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jkollux jitqabbel mal-intestatura tal-baġit ta’ dak il-korp.

90.

It-tweġiba tiegħi hija “it-tnejn”.

91.

Jekk il-Kummissjoni tawtorizza skema ta’ għajnuna abbażi ta’ ammonti massimi għal għajnuna proposti minn Stat Membru, dawk l-ammonti massimi għal għajnuna jkunu jifformaw parti minn notifikazzjoni li abbażi tagħha għandha tinftiehem l-awtorizzazzjoni ( 49 ). Jekk l-ammonti massimi nnotifikati, approvati mill-Kummissjoni, ikunu jinkludu kemm ammont massimu (ogħla) orizzontali ta’ għajnuna u diversi ammonti massimi (iktar baxxi) vertikali ta’ għajnuna, allura l-limiti espressi minn kull wieħed minn dawk l-ammonti massimi għandu normalment jiġi osservat mill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni tista’, ċertament, bħala kundizzjoni għal approvazzjoni, titlob notifikazzjoni mill-ġdid mill-Istat Membru kkonċernat jekk ammont massimu jinqabeż.

92.

Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika b’rabta mar-regola tal-20 %.

93.

Meta ammonti massimi speċifiċi ta’ għajnuna jkunu ġew stabbiliti f’deċiżjoni li tawtorizza skema ta’ għajnuna, il-kwistjoni jekk kienx hemm żieda notifikabbli fil-baġit ma tkunx tista’ tiddependi biss mill-ammont globali ta’ għajnuna approvata kontra l-baġit globali tal-korp responsabbli mill-allokazzjoni tal-għajnuna. Inkella, l-Istati Membri jistgħu jitħajru jevadu l-ammonti massimi speċifiċi ta’ għajnuna li huma stess ikunu nnotifikaw.

94.

Il-fatt li meta l-ammonti massimi (vertikali) speċifiċi jinqabżu ġeneralment jiġu involuti ammonti iktar baxxi ta’ għajnuna, u, għalhekk, l-għajnuna tkun inqas intensa, milli kieku kellu jinqabeż il-limitu (orizzontali) globali, dan ikollu rabta mal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-emenda għall-iskema ta’ għajnuna u mhux mal-eżistenza ta’ (emenda għal) għajnuna (eżistenti).

95.

Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti risposta għal dan, nipproponi li r-risposta għad-domanda 2(c) tkun fis-sens li, b’interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 794/2004, meta jiġi kkunsidrat jekk il-limitu ta’ 20 % stabbilit b’dik id-dispożizzjoni jkunx intlaħaq, l-ammont massimu globali ta’ għajnuna stabbilit b’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova skema ta’ għajnuna għandu jitqabbel mal-baġit globali allokat għall-għajnuna fl-intier tagħha mill-korp ta’ allokazzjoni, u l-ammonti massimi għal kull subkategorija ta’ għajnuna elenkata f’dik id-deċiżjoni għandhom jitqabblu mal-intestatura tal-baġit ta’ dak il-korp.

E.   It-talba biex ikunu sospiżi l-effetti ratione temporis tas-sentenza

96.

Il-Gvern Franċiż talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-effetti ratione temporis tas-sentenza jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li żieda ta’ 20 % tad-dħul mit-tliet taxxi allokat għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kif imqabbla mal-istimi mogħtija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 2007, tkun bidla sostanzjali ta’ dik l-iskema li missha kienet innotifikata lill-Kummissjoni.

97.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-idea li jiena qiegħed nipproponi, allura din il-kwistjoni ssir irrilevanti. Madankollu, ser ngħid fil-qosor kif naħsibha.

98.

Huwa biss tassew eċċezzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrestrinġi l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet tagħha. Żewġ kriterji essenzjali jkollhom jiġu ssodisfatti qabel ma tkun tista’ tiġi prevista tali limitazzjoni, jiġifieri li dawk ikkonċernati jkunu aġixxew b’bona fide u li għandu jkun hemm riskju ta’ diffikultajiet serji ( 50 ).

99.

F’dak ir-rigward il-Gvern Franċiż jissottometti, l-ewwel, li l-awtoritajiet Franċiżi kienu naqsu milli jinnotifikaw it-tibdil lill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni minħabba l-inċertezza oġġettiva u estensiva dwar sa fejn kien jasal l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw, li għaliha l-Kummissjoni kkontribwixxiet ħafna. It-tieni, il-Gvern Franċiż jirreferi għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet legali stabbiliti b’bona fide li eżawrew l-effetti tagħhom fil-passat bejn l-awtoritajiet Franċiżi u, minn naħa, dawk li jħallsu t-taxxa, li jifformaw numru kbir ta’ kummerċjanti ta’ tipi differenti u, min-naħa l-oħra, il-benefiċjarji skont l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li b’rabta magħhom kienet tħallset għajnuna bejn l-2006 u l-2011 fl-ammont ta’ EUR 2101267000.

100.

Fil-kawża Régie Networks ( 51 ), li wkoll kienet dwar skema ta’ għajnuna Franċiża biex tgħin lil stazzjonijiet tar-radju lokali, il-Qorti tal-Ġustizzja limitat l-effetti tal-invalidità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni f’dik il-kawża. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja straħet parzjalment fuq kunsiderazzjonijiet relatati mas-setgħa esklużiva tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni li tawtorizza għajnuna mill-Istat u mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinvalida tali deċiżjonijiet.

101.

Fil-fatt naqbel mal-Gvern Franċiż li l-kawża prinċipali hija xhieda ta’ inċertezza legali sinjifikattiva dwar l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “tibdil lill-għajnuna eżistenti”, u li xejn ma jissuġġerixxi li l-awtoritajiet Franċiżi jew il-benefiċjarji skont l-iskema ta’ għajnuna aġixxew b’mala fide, meqjus il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex dubji dwar dik iż-żieda qabel illum. Madankollu, ma nqisx li t-talba tal-gvern għandha xi mertu.

102.

Tabilħaqq, dwar ir-riskju ta’ diffikultajiet serji, l-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minn deċiżjoni preliminari, minnhom innifishom ma jiġġustifikawx il-limitazzjoni tal-effett ratione temporis ta’ tali deċiżjoni ( 52 ). F’kull każ il-Gvern Franċiż ma spjegax kif il-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni jkollu konsegwenzi devastanti.

103.

It-tieni nett, fil-kawża Schulz u Egbringhoff ( 53 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li meta jkun hemm dubji dwar relazzjonijiet legali li jkunu eżawrew l-effetti tagħhom fil-passat dan kellu b’mod retroattiv jixħet f’konfużjoni lis-settur tal-provvista tal-elettriku u tal-gass fil-Ġermanja u, għaldaqstant, li jkun ġie stabbilit riskju ta’ diffikultajiet serji. A fortiori, għalhekk, lanqas ma jidher li hemm tali riskju din id-darba.

104.

F’dawn iċ-ċirkustanzi nirrakkomanda li tiġi rrifjutata t-talba għal-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Konklużjoni

105.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) fis-sens li:

żieda fi dħul mit-taxxa intiża biex tiffinanzja skema ta’ għajnuna ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat tat-TFUE jekk dik it-taxxa, anki jekk tista tiġi allokata għall-finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna, ma jkollhiex effett dirett fuq l-ammont ta’ għajnuna mħallsa. Huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika dan fil-kawża prinċipali;

skont interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE], meta l-kundizzjonijiet li jirregolaw skema ta’ għajnuna jibqgħu ma jinbidlux, żieda sinjifikattiva fid-dħul iġġenerat minn taxxa li sservi biex tiffinanzja dik l-iskema li tkun parti integrali minnha u li tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni, kif imqabbla mal-istimi mogħtija fil-kuntest tan-notifikazzjoni ta’ dik l-iskema, ma tammontax għal bidla lil dik l-iskema li tagħti lok għall-obbligu ta’ notifikazzjoni, u għandu jinżamm milli tiddaħħal għajnuna fis-seħħ skont l-Artikolu 108(3) TFUE meta l-Kummissjoni ma tkunx stabbilixxiet kundizzjoni, fl-awtorizzazzjoni tagħha għal dik l-iskema, billi tillimita l-ammont ta’ dħul li dik it-taxxa tista’ tiġġenera fil-futur jew, f’kull każ, meta dak id-dħul ma jkunx jaqbeż tali limitu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE), tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif emendat. Ir-Regolament Nru 659/1999 sussegwentement tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015 L 248, p. 9).

( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE), tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3), kif emendat.

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 832 finali, tat-22 ta’ Marzu 2006, dwar Għajnuna mill-Istat NN 84/2004 u N 95/2004 — Franza, skemi ta’ għajnuna għall-industrija taċ-ċinema u awdjoviżiva, p. 127.

( 5 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 3230 finali, tal-10 ta’ Lulju 2007, dwar Għajnuna mill-Istat Nru 192/2007 — Franza, emenda tal-iskema ta’ għajnuna Nru 84/2004, punt 20.

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 9430 finali, tal-20 ta’ Diċembru 2011, dwar Għajnuna mill-Istat Nru SA.33370 (2011/N) — Franza, prolongazzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna għall-industrija taċ-ċinema u awdjoviziva.

( 7 ) “Communication à la Commission des finances du Sénat: La gestion et le financement du Centre national du cinéma et de l’image animée (CNC). Exercices 2007 à 2011” (Komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-Finanzi tas-Senat: it-Tmexxija u l-Finanzjament taċ-CNC. Snin Finanzjarji 2007 sa 2011), Awwissu 2012.

( 8 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Mediaset (C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Qabbel mas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, iktar ’il quddiem “Régie Networks”, mogħtija f’sessjoni tal-Awla Manja, punti 48 sa 50), dwar il-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet tapprova skema Franċiża ta’ għajnuna għal xandir bir-radju.

( 11 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni (C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punti 6568 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, b’mod ġenerali, il-fatturi elenkati mill-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjoniet tiegħu fil-kawża Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2004:124, punt 35). Pereżempju, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse (C‑34/01 sa C‑38/01, EU:C:2003:640, punt 11), żewġ terzi tad-dħul mit-taxxi inkwistjoni kellhom jitħallsu skont ir-regoli statutorji applikabbli għall-benefiċjarju.

( 12 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2005:10, punti 2728), u tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni (C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punt 73).

( 13 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Pape (C‑175/02, EU:C:2005:11, punt 16).

( 14 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et (C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, EU:C:2005:657, punt 52).

( 15 ) Ara s-sentenza Régie Networks, punt 104.

( 16 ) Il-Gvern Franċiż jirreferi għall-Artikoli L. 115-1 sa L. 116-5 tal-Code du cinema et de l’image animée (kodiċi taċ-ċinema u l-immaġni animata).

( 17 ) Il-Gvern Farnċiż jirreferi għall-Artikolu 34 tal-Loi organique n 2010-1657, du 1er août, relative aux lois de finances (Liġi Organika Nru 2001-692 tal-1 ta’ Awwissu 2001 dwar il-Baġit, JORF Nru 177 tat-2 ta’ Awwissu 2001, p. 12480, Nru 1).

( 18 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2013 (TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑275/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:535, punt 47).

( 19 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza Régie Networks, punt 112.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni (C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punti 7071), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk eċċessi fi dħul fiskali li jiffinanzja skema ta’ għajnuna għal xandir pubbliku jiġu allokati lura lill-baġit ġenerali tal-Istat u, għall-kuntrarju, l-Istat ikun obbligat ikopri l-ispejjeż jekk dħul ma jkunx biżżejjed, il-miżuri fiskali inkwistjoni ma jkunux jifformaw parti mill-għajnuna.

( 21 ) Filwaqt li l-Kummissjoni rriferiet, fis-seduta, għat-titolu tal-Kapitolu II tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), li skontu “Le CNC a tiré profit du dynamisme de ses ressources pour étendre ses aides” (iċ-CNC ħa vantaġġ mid-dinamiżmu tar-riżorsi tiegħu biex jestendi l-għajnuna tiegħu), is-sentenza li ssegwi minnufih f’dak it-titolu taqra: “L’augmentation des recettes de l’établissement ne s’est pas traduite par une augmentation proportionnelle des aides” (iż-żieda fid-dħul taċ-CNC ma rriżultatx f’żieda proporzjonata korrispondenti fl-għajnuna).

( 22 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, Kremikovtzi (C‑262/11, EU:C:2012:760, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll Fenger, N., “The Distinction between New and Existing State Aid”, European Law Reporter No 5 [2012], p. 147.

( 23 ) Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni distinta dwar l-effett ta’ miżura ta’ għajnuna ġdida fuq għajnuna eżistenti, ara, inter alia, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑467/15 P, EU:C:2017:799, li kienet tirrigwarda skema ta’ għajnuna approvata li dwarha kien hemm qbil li l-miżura kkontestata f’dik il-kawża għandha tkun ikklassifikata bħala għajnuna ġdida. Ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni (T‑195/01 u T‑207/01, EU:T:2002:111, punt 111).

( 24 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni (T‑195/01 u T‑207/01, EU:T:2002:111, punt 111). Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1984, Heineken Brouwerijen (91/83 u 127/83, EU:C:1984:307, punt 21). Diversi Avukati Ġenerali esprimew il-fehmiet tagħhom dwar meta għajnuna eżistenti tinbidel: ara l-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali Trabucchi fil-kawża Van der Hulst (51/74, EU:C:1974:134, p. 105); Warner fil-Kawża McCarren (177/78, EU:C:1979:127, p. 2204); Rozès fil-kawża Apple and Pear Development Council (222/82, EU:C:1983:229, p. 4134); Mancini fil-kawża Heineken Brouwerijen (91/83 u 127/83, EU:C:1984:235, punt 5) u Fennelly fil-kawża L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (C‑15/98 u C‑105/99, EU:C:2000:203, punti 62 sa 65). Ara wkoll Sinnaeve, A., f’Heidenhain, M. (ed.), European State Aid Law, Beck, Munich, 2010, p. 586, punt 29.

( 25 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni (C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 90); tal-20 ta’ Marzu 2014, Rousse Industry vs Il-Kummissjoni (C‑271/13 P, mhux ippubblika, EU:C:2014:175, punti 31 sa 38) u tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI vs Il-Kummissjoni, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 4647. Ara wkoll id-digriet tat-22 ta’ Marzu 2012, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑200/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:165, punti 3031), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment biss għat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004.

( 26 ) Sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311), mogħtija mill-Awla Manja (iktar ’il quddiem is-“sentenza Namur-Les assurances du crédit”).

( 27 ) Namur-Les assurances du crédit, punti 28 sa 31 (enfasi miżjuda minni).

( 28 ) Ara, pereżemju, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat-22 ta’ Awwissu 2011, Konkurrenten.no vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, E-14/10, EFTA Ct. Rep. [2011] p. 268.

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivere et vs Il-Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 82); tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni (C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punti 9394); tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑111/10, EU:C:2013:785, punt 58); tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑121/10, EU:C:2013:784, punt 59) u tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI vs Il-Kummissjoni (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 5859). Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T‑227/01 sa T‑229/01, T‑265/01, T‑266/01 u T‑270/01, EU:T:2009:315, punti 232233) (ikkonfermata fl-appell b’sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑471/09 P sa C‑473/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:521).

( 30 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni (T‑318/00, EU:T:2005:363, punti 195232247281), u tal-11 ta’ Lulju 2014, Telefónica de España u Telefónica Móviles España vs Il-Kummissjoni (T‑151/11, EU:T:2014:631, punt 64).

( 31 ) Ara, pereżemju, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Rousse Industry vs Il-Kummissjoni (C‑271/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:175, punti 3637), fejn l-attitudni tal-awtoritajiet Bulgari rigward l-irkupru ta’ dejn tqieset li ma kinitx suffiċjenti u, għalhekk, tat lok għal bidla lill-għajnuna eżistenti. Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi vs Il-Kummissjoni (T‑462/13, EU:T:2015:902, punti 149150) (appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; ara l-Kawżi magħquda C‑66/16 P sa C‑69/16 P, Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi et vs Il-Kummissjoni), dwar il-bidla minn xandir analogu għal diġitali mar-Renju ta’ Spanja kważi kollu.

( 32 ) Ara, pereżemju, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller and Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni (T‑35/99, EU:T:2002:19, punti 6162); tal-4 ta’ Marzu 2009, Tirrenia di Navigazione et vs Il-Kummissjoni (T‑265/04, T‑292/04 u T‑504/04, mhux ippubblikata, EU:T:2009:48, punt 124) u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Pajjiżi l-Baxxi u NOS vs Il-Kummissjoni (T‑231/06 u T‑237/06, EU:T:2010:525, punt 187).

( 33 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑400/99, EU:C:2005:275, punti 6566) (dwar Regolament tal-Kunsill) u tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291, punti 28 sa 4147). Ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑467/15 P, EU:C:2017:799, punti 37 sa 44.

( 34 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑47/91, EU:C:1994:358, punt 26). Madankollu, jekk miżura partikolari tkunx tikkostitwixxi “tibdil lill-għajnuna eżistenti” ma tikkonċidix neċessarjament ma’ jekk miżura partikolari tkunx konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni għal skema ta’ għajnuna approvata. Għalkemm miżura li ma tkunx koperta minn skema ta’ għajnuna eżistenti u bidla lill-għajnuna eżistenti t-tnejn jikkostitwixxu “għajnuna ġdida”, hemm differenza: bidla lill-skema ta’ għajnuna eżistenti tibdel il-karatteristiċi ta’ dik l-iskema, filwaqt li għajnuna li ma tkunx koperta bi skema ta’ għajnuna eżistenti tkun sempliċement distinta minnha. L-effetti tagħhom fuq l-iskema ta’ għajnuna eżistenti (jekk ikun hemm) jistgħu wkoll ikunu differenti. Ara, f’dan ir-rigwarde, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑467/15 P, EU:C:2017:799, punt 47.

( 35 ) Ara Régie Networks, punt 113 u, dwar dan, id-digriet tat-22 ta’ Marzu 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑200/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:165, punt 27) u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 36 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2006, punti 24, 26 u 28.

( 37 ) Ibid., dispożittiv. Ma huwiex allegat f’dawn il-proċeduri li l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux bagħtu rapport annwali sodisfaċenti lill-Kummissjoni.

( 38 ) Punt 9 tad-Deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2007. Dwar il-kontenut tal-emenda, ara l-punti 5 sa 8.

( 39 ) Punt 20 tad-Deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2007.

( 40 ) Sentenza Namur-Les assurances du crédit, punt 28. Ħlief emenda ta’ dawk id-dispożizzjonijiet permezz tal-Artikolu 55 tal-Loi des finances (Att dwar il-Baġit) tal-2009, li jiena naqbel mal-qorti tar-rinviju hija purament formali u ta’ natura amministrattiva, ma ntqal xejn dwar xi intervent minn Stat ieħor li huwa ta’ rilevanza għal dawn il-proċeduri mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 2007 ’l hawn.

( 41 ) Ara s-sentenza Régie Networks, punti 79 sa 86, dwar żieda sussegwenti f’riżorsi allokati għal finanzjament ta’ skema ta’ għajnuna.

( 42 ) Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C (C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 47). Ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑467/15 P, EU:C:2017:799, punt 48, li tipprovdi li differiment fi ħlas ma jistax jiġi kklassifikat bħala żieda tal-baġit initzjali ta’ skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004).

( 43 ) Digriet tat-22 ta’ Marzu 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑200/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:165, punti 28 sa 31).

( 44 ) F’dak ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja toqgħod attenta li ma ċċaħħadx lill-Artikolu 108(3) TFUE mill-effettività tiegħu; ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punti 6063).

( 45 ) Ara dwar dan, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Għal opinjoni kuntrarja ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Enirisorse (C‑34/01 sa C‑38/01, EU:C:2002:643, punt 172).

( 47 ) Ara, dwar dan, is-sentenza Régie Networks, punti 91 sa 93 u s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni (C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punt 81).

( 48 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Enirisorse (C‑174/02, EU:C:2005:10, punt 19).

( 49 ) Ara, dwar dan, id-digriet tat-22 ta’ Marzu 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑200/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:165, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punti 3940 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Sentenza Régie Networks, punti 118 sa 127.

( 52 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014 (C‑359/11 u C‑400/11, EU:C:2014:2317, punti 60 sa 62)