KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl‑4 ta’ Ottubru 2018 ( 1 )

Kawża C-420/16 P

Balázs-Árpád Izsák,

Attila Dabis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Inizjattiva taċ-ċittadini ‘Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u tas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali’ li tistieden lill-Kummissjoni tissottometti proposta leġiżlattiva li tintegra r-reġjuni b’minoranzi nazzjonali fil-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni – Talba għal reġistrazzjoni – Ċaħda mill-Kummissjoni – Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 – Manifestament barra mill-kompetenza tal-Kummissjoni – Natura manifesta – Oneru tal-prova – Artikolu 174 TFUE – Artikolu 167 TFUE – Artikolu 19(1) TFUE”

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, Balázs-Árpád Izsák u Attila Dabis qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (T‑529/13, EU:T:2016:282) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 4975 finali, tal‑25 ta’ Lulju 2013, dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u tas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”, ippreżentata lill-Kummissjoni Ewropea fit‑18 ta’ Ġunju 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża” jew id-“deċiżjoni ta’ rifjut”).

2.

Il-kwistjoni ewlenija mqajma minn dan l-appell tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-raġuni li għaliha l-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tirreġistra Proposta ta’ Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Proposta ta’ IĊE”), jiġifieri li hija “manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b), tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 211/2011”) ( 2 ).

3.

Qabel kollox, naħseb li, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ ċerti aggravji xi kultant tista’ tkun ġenerali, il-biċċa l-kbira minnhom huma inammissibbli jew infondati.

4.

Madankollu, kif se nuri fl-analiżi tiegħi, inqis li huwa xieraq li jintlaqgħu l-ewwel u t-tielet aggravju, ikkunsidrati flimkien. Huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ċaħdet għal kollox l-ilmenti bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2)(c) TFUE u tal-Artikolu 174 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) ( 3 ) moqri fid-dawl tal-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, u kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża li rrifjutat li tirreġistra l-proposta. Fil-fehma tiegħi, is-sentenza appellata għandha għalhekk tiġi annullata minn dan l-aspett.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża, id-deċiżjoni kontenzjuża u s-sentenza appellata

5.

Fit‑18 ta’ Ġunju 2013, Balázs‑Árpád Izsák u Attila Dabis (iktar ’il quddiem l-“appellanti”), flimkien ma’ ħames persuni oħra, ippreżentaw lill-Kummissjoni Proposta ta’ IĊE, intitolata “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u tas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”. Il-Proposta ta’ IĊE kellha bħala għan li “l-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi tagħhom huma differenti minn dawk tar-reġjuni tal-madwar” ( 4 ).

6.

Fil‑25 ta’ Lulju 2013, wara li fakkret it-termini tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 u wettqet l-eżami, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE invokati fil-Proposta ta’ IĊE, kif ukoll “tal-bażijiet legali l-oħra kollha possibbli”, il-Kummissjoni rrifjutat li tirreġistra l-Proposta ta’ IĊE tal-appellanti għar-raġuni li kienet taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tagħha li jippermettulha tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati, konformement mal-Artikolu 4(2)(b) u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011 ( 5 ).

7.

Fis‑27 ta’ Settembru 2013, l-appellanti ppreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali. L-uniku motiv tar-rikors kien intiż għall-konstatazzjoni ta’ ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 maqsum f’diversi lmenti. L-ilmenti kienu bbażati, l-ewwel nett, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2)(c) TFUE u tal-Artikolu 174 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 1059/2003, moqri fid-dawl tal-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, it-tieni nett, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 167 TFUE, it-tielet nett, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 19(1) TFUE, ir-raba’ nett, fuq teħid inkunsiderazzjoni żbaljat ta’ informazzjoni mhux imsemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 211/2011 u, il-ħames nett, fuq użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ( 6 ).

8.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilmenti differenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-uniku motiv tagħhom qabel ma ċaħdet ir-rikors u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

9.

Fit‑28 ta’ Lulju 2016, l-appellanti ppreżentaw appell mis-sentenza appellata. Fit-talbiet tagħhom, huma jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha, tiddeċiedi fuq il-mertu u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

10.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

11.

Il-Gvern Rumen u dak Slovakk, li intervjenew fil-kawża, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell ippreżentat mill-appellanti u tikkundannahom għall-ispejjeż.

12.

Il-Gvern Ungeriż, li intervjena wkoll fil-kawża, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata u tiddeċiedi fuq il-mertu jew, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kundizzjonijiet għal dan ma humiex sodisfatti, li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.

13.

Fil-kuntest tat-talba tagħhom għal seduta, l-appellanti pproduċew ukoll tliet aggravji addizzjonali u, abbażi ta’ dawn l-aggravji, jew aggravji oħra invokati fl-appell, jitolbu l-annullament tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni wieġbet, bil-miktub, fl-osservazzjonijiet tagħha li l-aggravji addizzjonali kienu, prinċipalment, inammissibbli u, sussidjarjament, infondati.

14.

Il-partijiet, ħlief għall-Gvern Slovakk li ma kienx irrappreżentat, instemgħu waqt is-seduta li nżammet fit-3 ta’ April 2018 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. L-analiżi legali

Kunsiderazzjonijiet preliminari

15.

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti qajmu ħames aggravji kif ukoll, fit-talba tagħhom għas-seduta msemmija iktar ’il fuq, tliet aggravji addizzjonali oħra. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) u tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal‑4 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali”) ( 7 ). It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(4) TUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(c) TFUE u tal-Artikolu 174 TFUE. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 7 u 167 TFUE, tal-Artikolu 3(3) TUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “abbuż ta’ dritt” meta l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-ispejjeż. It-tliet aggravji addizzjonali huma bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, fl-aħħar nett, fuq in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni parzjali tal-Proposta ta’ IĊE.

16.

Minkejja li l-appell huwa bbażat fuq ħames aggravji u tliet aggravji addizzjonali, inqis li huwa xieraq li f’dawn il-konklużjonijiet niffoka fuq l-analiżi mit-tieni sar-raba’ aggravju. Barra minn hekk, naħseb li huwa neċessarju li l-appell jiġi organizzat mill-ġdid billi jitgħaqdu l-ewwel u t-tielet aggravju li, essenzjalment, jikkonċernaw l-oneru tal-prova, li, fis-sentenza appellata, kien sostnut mill-appellanti.

17.

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-aggravji kollha, fl-intier tagħhom, jikkonverġu madwar il-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar dak li huwa manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha.

18.

F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi nnotat li, kif jirriżulta mill-premessa 4 u mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 211/2011, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ reġistrazzjoni l-Kummissjoni għandha tipprovdi l-assistenza u l-pariri tagħha lill-organizzaturi ta’ Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (iktar ’il quddiem “IĊE” jew “Inizjattiva taċ-Ċittadini”), b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji ta’ reġistrazzjoni. Għandu jiġi enfasizzat, sussegwentement, li, kif huwa mfakkar fil-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ Proposta ta’ IĊE fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament għandha tittieħed konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut, b’mod partikolari, l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li twettaq eżami diliġenti u imparzjali li jieħu inkunsiderazzjoni, barra minn hekk, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Dawn ir-rekwiżiti, inerenti għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, japplikaw b’mod ġenerali għall-azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku u, għaldaqstant, ukoll fil-kuntest tad-dritt li tiġi sottomessa IĊE bħala strument ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni ( 8 ).

19.

Wieħed għandu jżomm f’moħħu li, skont l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dan l-istrument, hekk kif imsemmija fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 211/2011 u li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-inċentivazzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u f’li l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli, il-kundizzjoni għal reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan ir-regolament għandha tiġi interpretata u applikata mill-Kummissjoni, li quddiemha titressaq Proposta ta’ IĊE, b’mod li tiżgura aċċessibbiltà faċli għall-IĊE ( 9 ). Mill-għanijiet tal-premessa 2 tal-imsemmi regolament jirriżulta wkoll li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-IĊE għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli biex jiġu applikati u proporzjonati għan-natura tal-IĊE. Il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għandhom jilħqu bilanċ għaqli bejn id-drittijiet u l-obbligi ( 10 ).

20.

Huwa biss jekk Proposta ta’ IĊE tkun, fid-dawl tas-suġġett tagħha u tal-għanijiet tagħha, hekk kif jirriżultaw mill-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-organizzaturi b’applikazzjoni tal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, manifestament barra mill-kuntest tas-setgħat ( 11 ) li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tista’ tressaq proposta ta’ att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, li din tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-Proposta ta’ IĊE taħt l-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan ir-regolament ( 12 ).

21.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġu eżaminati l-aggravji.

A.   Fuq l-ewwel u t-tielet aggravji, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(c) TFUE, tal-Artikolu 174 TFUE u fuq it-tqassim tal-oneru tal-prova

1. Is-sentenza appellata

22.

Skont il-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti ma wrewx li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri, kienet qed thedded il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minoranza nazzjonali ( 13 ). Barra minn hekk, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellanti lanqas ma wrew li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minoranza nazzjonali jistgħu jitqiesu bħala żvantaġġ demografiku gravi u permanenti, fis-sens tal-Artikolu 174(3) TFUE.

23.

Sussegwentement, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat it-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE ( 14 ) u l-Artikolu 121(4) ( 15 ) tar-Regolament Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 ( 16 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1303/2013”), u permezz ta’ din l-analiżi hija kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludux fil-kunċett ta’ “żvantaġġ”, l-iżvantaġġi li jirriżultaw minn karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minoranza nazzjonali.

24.

Fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li, “Anki jekk jitqies li l-imsemmija karatteristiċi jistgħu jiġu analizzati bħala data demografika speċifika tar-reġjuni kkonċernati, ma huwiex stabbilit li huma jikkostitwixxu sistematikament, għall-iżvilupp ekonomiku tal-imsemmija reġjuni, żvantaġġ meta mqabbla maż-żoni tal-madwar”. Il-Qorti Ġenerali ċertament irrikonoxxiet li d-differenzi lingwistiċi jistgħu joħolqu spejjeż addizzjonali ta’ tranżazzjoni jew diffikultà sabiex jinstab impjieg. Madankollu hija qieset ukoll li jistgħu wkoll joffru ċerti vantaġġi komparattivi lir-reġjuni b’minoranza nazzjonali, bħal ċerta attrazzjoni turistika jew il-multilingwiżmu.

2. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

25.

L-ewwel aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi rriformulat peress li, essenzjalment, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, mingħajr ma indikatilhom minn qabel il-portata tal-oneru tal-prova, tat is-sentenza kif indikat preċedentement fil-punti 81 u 85 tas-sentenza appellata, u sussegwentement ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti minħabba nuqqas ta’ provi, fil-punt 89 tas-sentenza appellata. It-tielet aggravju huwa estensjoni tal-ewwel aggravju.

26.

Fl-ewwel lok, l-appellanti, essenzjalment sostnuti mill-Gvern Ungeriż, isostnu li, qabel ma tat is-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset milli tinforma lill-partijiet li huma kellhom jipproduċu l-prova tal-fatt li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri, kienet thedded il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minoranza nazzjonali (punt 81 tas-sentenza appellata) u li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali jistgħu jitqiesu bħala żvantaġġ demografiku (punt 85 tas-sentenza appellata). Konsegwentement, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq suppożizzjonijiet. Filwaqt li, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset l-enumerazzjoni li tinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 174 TFUE bħala eżawrjenti, għall-kuntrarju, hija rrikonoxxiet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, b’mod impliċitu, il-possibbiltà tal-estensjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali adottat motivazzjoni ambigwa.

27.

Fit-tieni lok, l-appellanti jallegaw, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta ( 17 ) u l-prinċipju ta’ kontradittorju, kif ukoll l-Artikolu 92(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali ( 18 ). Skont l-appellanti, li jiċċitaw b’mod partikolari s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 29) ( 19 ), sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti relatati mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom għarfien u jkollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi.

28.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni statistika ppreżentata fl-applikazzjonijiet ta’ intervent tal-Judeţul Covasna (ir-Reġjun ta’ Covasna, ir-Rumanija) u tal-Obec Debrad’ (il-Komun ta’ Debrad, is-Slovakkja) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, it-“talbiet ta’ intervent fl-ewwel istanza”) li juru li r-reġjuni b’minoranza nazzjonali jbatu minn żvantaġġ demografiku.

29.

Il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Rumen u Slovakk jiddikjaraw li l-ilmenti huma infondati. Skont il-Kummissjoni, bħala prinċipju, huwa l-obbligu tal-persuna li tallega fatti insostenn ta’ talba li għandha tipproduċi l-prova tar-realtà tagħhom.

30.

Il-Kummissjoni tosserva li fil-punti 80 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx, essenzjalment, iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 80 u 85 ta’ din is-sentenza bħala fatti, skont ir-regoli li jirregolaw l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova. Għall-kuntrarju, hija wettqet eżerċizzju ta’ interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt rilevanti sabiex tikkonkludi, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li la l-Artikolu 2 TUE, la l-Artikolu 21(1) tal-Karta, u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni intiżi kontra d-diskriminazzjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ibbażati fuq l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, ma setgħu jippermettu lill-Kummissjoni tipproponi, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, att ġuridiku tal-Unjoni li l-għan u l-kontenut tiegħu kienu jikkorrispondu għal dawk tal-att propost.

31.

F’dan il-każ il-Kummissjoni applikat l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, Costantini et vs Il‑Kummissjoni (T‑44/14, EU:T:2016:223, punti 16 sa 18). F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali essenzjalment fakkret li, skont l-Artikolu 5 TUE, il-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi u li skont l-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati. Huwa f’dan il-kuntest li għandu jidħol l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-ewwel eżami tal-elementi quddiemha sabiex tevalwa jekk il-Proposta ta’ IĊE ma taqax manifestament fl-ambitu tas-setgħat tagħha, fid-dawl tal-fatt li kif jirriżulta mill-Artikolu 10(1)(c) ta’ dan ir-regolament huwa previst li jsir eżami iktar komplet fil-każ ta’ reġistrazzjoni tal-Proposta ta’ IĊE.

3. Analiżi

32.

Fl-ewwel lok, inqis li l-ilment dwar l-ammissibbiltà ta’ provi li jinsabu fit-talbiet ta’ intervent fl-ewwel istanza huwa manifestament infondat. Għandu jiġi rrilevat li dawn il-provi jinkludu informazzjoni statistika li kienet diġà inkluża fit-talbiet għal intervent fl-ewwel istanza, li l-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ Mejju 2015, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (T‑529/13, EU:ECLI:T:2015:325, mhux ippubblikat). Dawn l-offerti ta’ prova huma mehmuża mill-ġdid bħala annessi għal dan l-appell. Issa, f’dan il-każ, billi t-talbiet għal intervent fl-ewwel istanza ġew miċħuda, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data statistika f’dawn it-talbiet fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha fuq il-mertu, jiġifieri s-sentenza appellata. Dawn il-provi lanqas ma jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-appell, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ biss il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li jirrigwardaw is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ( 20 ).

33.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi miċħud l-ilment relatat, essenzjalment, mal-ksur tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali: “Il-Qorti Ġenerali għandha, permezz ta’ digriet li jindika l-fatti li għandhom jiġu pprovati, tistabbilixxi l-miżuri [istruttorji]”. Madankollu, l-appellanti interpretaw l-Artikolu 92(1) ta’ dawn ir-regoli b’mod żbaljat, peress li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex obbligu fir-rigward tar-rikorrenti li tistedinhom jispeċifikaw il-provi li dawn għandhom jipproduċu. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tista’, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ( 21 ), tieħu l-miżuri istruttorji ex officio msemmija fl-Artikolu 91 tal-imsemmija regoli. Madankollu mill-ġurisprudenza li magħha jiena naqbel, jirriżulta li hija l-Qorti Ġenerali biss li għandha tiġġudika dwar in-neċessità eventwali li l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi li jkollha quddiemha jiġu kkompletati ( 22 ). “Barra minn hekk, il-miżuri istruttorji ordnati mill-Qorti Ġenerali, […], skont l-Artikolu 91, […], jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk, din hija libera li tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li tordna miżuri bħal dawn” ( 23 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

34.

L-ilment tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kellha titlobhom provi addizzjonali tal-allegazzjonijiet tagħhom għandu għalhekk jiġi miċħud.

35.

Min-naħa l-oħra, fit-tielet u l-aħħar lok, inqis li l-aggravju bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(c) TFUE ( 24 ), tal-Artikolu 174 TFUE u tat-tqassim tal-oneru tal-prova kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, għandu jintlaqa’.

36.

Infakkar li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni għandha tiċħad li tirreġistra l-Proposta ta’ IĊE jekk, b’mod partikolari, il-kundizzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan ir-regolament ma tkunx issodisfatta. Kif jirrilevaw ġustament l-appellanti, fil-fatt jirriżulta mill-interpretazzjoni litterali tal-imsemmi regolament li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tirreġistra l-Proposta ta’ IĊE biss minħabba l-“assenza” ta’ kompetenza fis-suġġett li tkun manifesta ( 25 ). L-avverbju“manifestament” jinduċi, qabel kollox, eżami inizjali ġenerali li jkun jippermetti li jitwarrbu l-Proposti ta’ IĊE li manifestament ma jkunu jaqgħu taħt ebda dispożizzjoni tat-Trattati li tippermettilha tibbaża l-kompetenza tal-Unjoni ( 26 ), iżda fejn għandu jiġi ppreċiżat li eżami iktar komplet huwa previst f’każ li l-proposta tiġi rreġistrata ( 27 ).

37.

Sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni negattiva li tinsab fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, l-organizzaturi għandhom jispeċifikaw fil-Proposta ta’ IĊE li din tidħol fl-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni billi jipproponu dispożizzjonijiet li huma jqisu rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u sussegwentement il-Qorti Ġenerali għandhom jivverifikaw li din il-kundizzjoni negattiva tiġi effettivament issodisfatta.

38.

Konsegwentement, dan ifisser li, l-ewwel nett, f’każ ta’ dubju dwar l-iskop u l-għanijiet tal-Proposta ta’ IĊE li potenzjalment taqa’ taħt is-setgħat tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-Proposta ta’ IĊE. It-tieni nett, jekk din il-proposta taqa’ barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni, iżda l-prova tan-natura manifesta ma tiġix prodotta mill-Kummissjoni, il-Proposta ta’ IĊE tista’ tiġi rreġistrata. It-tielet nett, il-Proposta ta’ IĊE għandha taqa’ fl-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni iżda l-organizzaturi ma jistgħux ikunu meħtieġa juru li hija taqamanifestament fl-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni.

39.

Dan premess, għandu jiġi evalwat l-istħarriġ li għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata dwar in-natura “manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni”.

40.

Inizjalment, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, fakkret ġustament li, skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami inizjali tal-elementi li jkollha sabiex tevalwa jekk il-Proposta ta’ IĊE manifestament ma taqax taħt l-ambitu tas-setgħat tagħha. Fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li hija kellha tistabbilixxi f’dan il-każ jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett il-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

41.

Dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex imqiegħda inkwistjoni mill-appellanti u għandu jiġi osservat li huma simili għal dawk żviluppati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, Costantini et vs Il‑Kummissjoni (T‑44/14, EU:T:2016:223, punti 16 sa 18) li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

42.

Għalkemm ma jista’ jingħad xejn kontra dawn il-prinċipji li għandhom jiggwidaw kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti Ġenerali, huma ma jipprovdux soluzzjoni fuq il-mertu tal-kawża, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-appell.

43.

Fit-tieni lok, fil-punti 64 sa 71 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li dwarhom l-appellanti allegaw li kien sar żball ta’ interpretazzjoni fl-ewwel istanza ( 28 ). Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi fuq il-bażi tal-qafas legali li l-Kummissjoni ġustament qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li “l-Artikoli 174 [TFUE], 176 [TFUE], 177 [TFUE] u 178 TFUE ma jistgħux jikkostitwixxu l-bażi legali għall-adozzjoni tal-att […] propost”. Fil-punti 73 sa 76 tal-imsemmija sentenza, fl-iżvilupp tal-analiżi tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali tikkonferma din id-deċiżjoni u tikkonkludi li “l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax, mingħajr ma jikser l-Artikolu 4(2) TUE ( 29 ), jadotta att[i] li […] jiddefinixxu r-reġjuni b’minoranza nazzjonali, li jaspiraw li jirċievu attenzjoni speċjali fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni abbażi ta’ kriterji awtonomi u, għaldaqstant, mingħajr ma titqies is-sitwazzjoni politika, amministrattiva u istituzzjonali eżistenti fl-Istati Membri kkonċernati”.

44.

Madankollu, fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tikkwalifika l-analiżi tagħha fil-punt 77 tas-sentenza appellata, billi tiddikjara “[f]i kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li r-reġjuni b’minoranza nazzjonali jistgħu jikkorrispondu għal unitajiet amministrattivi eżistenti fl-Istati Membri kkonċernati jew aggregati ta’ tali unitajiet, hemm lok li jiġi osservat li ż-żamma tal-karatteristiċi […] speċifiċi ta’ dawn ir-reġjuni ma hijiex għan li seta’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ att ġuridiku tal-Unjoni abbażi tal-[Artikolu 174 TFUE]”. Skont il-Qorti Ġenerali, l-għanijiet tal-Artikolu 174 TFUE ma jikkorrispondux għall-għanijiet tal-Proposta ta’ IĊE, jiġifieri ż-żamma tal-karatteristiċi ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali, peress li l-miżuri adottati fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu għandhom l-għan li jippromwovu Unjoni sħiħa armonjuża u, b’mod partikolari, inaqqsu d-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u d-dewmien fl-iżvilupp ta’ dawk ir-reġjuni li huma inqas iffavoriti billi tingħatalhom attenzjoni partikolari. Fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l-appellanti jallegaw li l-implimentazzjoni attwali tal-politika ta’ koeżjoni ma tissodisfax l-għanijiet tagħha. Madankollu, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssemmi li r-rikorrenti ma wrewx li l-karatteristiċi tar-reġjuni b’minoranza nazzjonali jistgħu jitqiesu bħala żvantaġġ gravi u permanenti, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE. Minkejja dan il-livell ta’ prova meqjus insuffiċjenti mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li kienet qed tiddeċiedi fid-dawl tal-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE u tal-Artikolu 121(4) tar-Regolament Nru 1303/2013 ( 30 ), ikkonkludiet li ma jistax jiġi dedott mid-dritt sekondarju jew mid-dispożizzjoni tat-Trattati li “l-kunċett ta’ ‘Żvantaġġi […] demografiċi gravi u permanenti’ fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE jista’ jinkludi l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali.”

45.

Fir-raba’ lok, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tindika li, “[a]nki jekk jitqies li l-imsemmija karatteristiċi jistgħu jiġu analizzati bħala data demografika speċifika tar-reġjuni kkonċernati, ma huwiex stabbilit li huma jikkostitwixxu sistematikament ( 31 ), għall-iżvilupp ekonomiku tal-imsemmija reġjuni, żvantaġġ meta mqabbla maż-żoni tal-madwar”. Il-Qorti Ġenerali ċertament tammetti li, “id-differenzi, b’mod partikolari lingwistiċi, bejn dawn ir-reġjuni u reġjuni tal-madwar jistgħu jkunu l-oriġini ta’ ċerti spejjeż addizzjonali tat-tranżazzjonijiet jew ta’ ċerti diffikultajiet fl-impjieg”. Madankollu, hija tqis li “il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn ir-reġjuni jistgħu wkoll jagħtihom ċerti vantaġġi komparattivi, bħal ċerta attrazzjoni turistika jew il-multilingwiżmu”.

46.

Fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li “[f]l-assenza ta’ kwalunkwe prova pprovduta mir-rikorrenti, ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jassumi li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali jfixklu b’mod sistematiku l-iżvilupp ekonomiku tagħhom meta mqabbla ma’ reġjuni tal-madwar, hekk li dawn il-karatteristiċi jistgħu jkunu kklassifikati bħala ‘Żvantaġġi […] demografiċi gravi u permanenti’ fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE”.

47.

L-espressjoni tar-raġunament kollu tal-Qorti Ġenerali turi, fil-fehma tiegħi, żball ta’ interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, flimkien ma’ inverżjoni tal-oneru tal-prova tal-Kummissjoni għad-detriment tal-appellanti.

48.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 174 TFUE jipprovdi li: “[s]abiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha. B’mod partikolari, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti. Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi.”

49.

Fil-fatt, kif sostnew ġustament l-appellanti, mill-kliem tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE jirriżulta li dan jelenka b’mod mhux eżawrjenti r-reġjuni kkonċernati bl-użu tal-kliem “bħal per eżempju”.

50.

Fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-lista tar-reġjuni kkonċernati kienet eżawrjenti, filwaqt li, fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, li tirreferi għad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-lista ta’ żvantaġġi kienet eżawrjenti.

51.

Issa, fir-rigward tal-lista ta’ żvantaġġi, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE jelenka żewġ tipi, jiġifieri “żvantaġġi naturali” jew “żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti”. Madankollu, in-natura eżawrjenti tat-tip ta’ żvantaġġ ma tfissirx li r-reġjuni b’minoranza nazzjonali ma jistgħux jissodisfaw it-tieni żvantaġġ imsemmi f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kif ġie indikat preċedentement, il-lista ta’ reġjuni eliġibbli ma hijiex eżawrjenti kif juri l-użu tal-kliem “bħal per eżempju”. Madankollu, billi tikkonstata n-natura eżawrjenti tal-lista tar-reġjuni msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, il-Qorti Ġenerali tneħħi kull possibbiltà għar-reġjuni b’minoranza nazzjonali li jkunu eliġibbli għal politiki li jirriżultaw mill-Artikolu 174 TFUE.

52.

Fl-assenza ta’ tali żball ta’ interpretazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li l-Proposta ta’ IĊE tinsab fl-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni. Madankollu, kif diġà enfasizzajt fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta l-Proposta ta’ IĊE taqa’ potenzjalment fl-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni, din għandha tirreġistraha.

53.

Dan l-iżball huwa ferm aktar flagranti minħabba li l-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni ta’ ċaħda, billi enfasizzat li l-Proposta ta’ IĊE kellha l-għan li tiddefinixxi mill-ġdid il-kunċett ta’ “reġjun”, mingħajr rigward għas-sitwazzjoni politika, amministrattiva u istituzzjonali prevalenti fl-Istati Membri – sitwazzjoni li l-politika ta’ koeżjoni kellha tosserva – minkejja li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE jinkludi fil-kategorija tar-reġjuni kkonċernati minn din il-politika r-“reġjuni transkonfinali”.

54.

Billi juża din it-terminoloġija, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE jista’ potenzjalment jikkostitwixxi bażi legali għat-tisħiħ tal-koeżjoni tar-reġjuni lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.

55.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 72 tas-sentenza appellata, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE jista’ jikkostitwixxi bażi legali xierqa sabiex il-Proposta ta’ IĊE tiġi rreġistrata. Fil-fatt, kif diġà semmejt fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din is-sempliċi possibbiltà hija biżżejjed sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

56.

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 81, 85, 87 u 89 tas-sentenza appellata, ma kinitx ir-responsabbiltà tal-appellanti li juru li l-karatteristiċi tar-reġjuni b’minoranza nazzjonali jistgħu jikkostitwixxu żvantaġġ demografiku gravi u permanenti, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, iżda kienet pjuttost responsabbiltà tal-Kummissjoni li tipproduċi l-prova li l-Proposta ta’ IĊE manifestament ma kinitx taqa’ fl-ambitu tas-setgħat tagħha.

57.

Il-fatt li l-Proposta ta’ IĊE tista’ potenzjalment taqa’ fl-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni huwa biżżejjed.

58.

Inżid li l-kontenut tal-Proposta ta’ IĊE huwa ta’ format relattivament qasir. Mill-Anness II għar-Regolament Nru 211/2011, intitolat “Informazzjoni meħtieġa għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini”, jirriżulta li s-suġġett tal-proposta għandu jkollu massimu ta’ 200 karattru u d-deskrizzjoni tal-għanijiet tagħha għandu jkollha massimu ta’ 500 karattru. Din l-informazzjoni hija obbligatorja. B’mod fakultattiv, l-organizzaturi jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali u jissottomettu abbozz ta’ att legali li jkun mehmuż fl-annessi.

59.

Il-Proposta ta’ IĊE hija limitata wkoll fuq il-mertu, peress li kif diġà enfasizzajt ( 32 ), il-Proposta ta’ IĊE hija organizzata minn ċittadini “mhux speċjalisti tad-dritt tal-Unjoni” li ma jistgħux ikunu esperti fl-oqsma u l-politiki kollha tal-Unjoni. Meta mqabbla mal-istituzzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali, l-organizzaturi ma għandhomx id-data, ir-riżorsi u l-mezzi kollha li setgħu jippermettulhom, f’dan il-każ, jipproduċu l-provi tal-iżvantaġġ ta’ dawn ir-reġjuni minħabba li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni kienet thedded il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minoranza nazzjonali u minħabba n-natura sistematika ta’ dan l-iżvantaġġ għall-iżvilupp ekonomiku tagħhom, sabiex jappoġġjaw bl-aħjar mod il-proposta tagħhom ta’ IĊE.

60.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ikun partikolarment irraġonevoli u sproporzjonat li r-responsabbiltà ta’ tali oneru tal-prova taqa’ fuq l-organizzaturi ( 33 ).

61.

Barra minn hekk, nistaqsi liema prova kienet meħtieġa min-naħa tal-appellanti ladarba l-Qorti Ġenerali telqet mill-premessa żbaljata li l-lista tar-reġjuni msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE kienet eżawrjenti.

62.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, l-ewwel u t-tielet aggravji tal-appell għandhom jintlaqgħu flimkien.

B.   Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(4) TUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011

63.

It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball ta’ dritt tal-Qorti Ġenerali li ddeskriviet fil-qosor b’mod żbaljat il-kontenut tal-Proposta ta’ IĊE. It-tieni parti hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali u fuq il-ksur tal-Artikolu 11(4) TUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

1. Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju dwar l-interpretazzjoni żbaljata tal-kontenut tal-Proposta ta’ IĊE

a) Ġabra tal-argumenti tal-partijiet

64.

Qabel kollox, l-appellanti jsostnu li l-kontenut u l-informazzjoni addizzjonali tal-Proposta ta’ IĊE ġew imqassra b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata. L-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali, meta laqgħet l-argument tal-Kummissjoni, attribwixxiet kontenut żbaljat lill-proposta li ma jirriżultax fil-Proposta ta’ IĊE ppreżentata mill-organizzaturi. Huwa għalhekk b’mod illegali li l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti. Fir-replika tagħhom, imressqa qabel id-digriet ta’ rettifika tal‑20 ta’ Ġunju 2017, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (T‑529/13, mhux ippubblikata, EU:T:2017:429, iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ rettifika tal‑20 ta’ Ġunju 2017”), l-appellanti jsostnu l-ilment tagħhom u dan indipendentement mill-verżjoni lingwistika tas-sentenza appellata, li għaliha tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja ( 34 ).

65.

Sussegwentement, skont l-appellanti, il-Proposta ta’ IĊE hija konformi mal-Artikolu 11(4) TUE ( 35 ) peress li hija tissodisfa l-ewwel kundizzjoni tiegħu, jiġifieri li l-inizjattiva għandha tittieħed dwar kwistjoni li fir-rigward tagħha ċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni huwa meħtieġ għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati. Il-Proposta ta’ IĊE tissodisfa wkoll it-tieni kundizzjoni, li tgħid li l-Kummissjoni għandha tiddisponi mis-setgħat li jippermettulha tissottometti proposta xierqa skont l-Artikolu 11(4) TUE u r-reġistrazzjoni mahijiex eskluża mill-Artikolu 4(2)(b), tar-Regolament Nru 211/2011 ( 36 ). Fil-fatt, l-appellanti spjegaw b’mod iddettaljat li l-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha fuq il-kunċett ta’ kompetenza kondiviża, setgħet tippreżenta proposta li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni, kif tirriżulta mit-Trattati kostituttivi, u li, fl-istess ħin, tikkorrispondi mal-Proposta ta’ IĊE ppreżentata mill-organizzaturi. L-organizzaturi ma kinux qed jistennew li l-kontenut tal-att ta’ IĊE propost jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiddefinixxu dan il-kunċett jew li jistabbilixxi l-lista tar-reġjuni. Dan lanqas ma huwa meħtieġ għaliex il-politika ta’ koeżjoni li taqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, tippermetti lill-Unjoni l-ewwel nett, li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “reġjuni b’minoranza nazzjonali” u l-linji ġenerali tal-qafas legali applikabbli għal dawn ir-reġjuni, it-tieni nett, tippermetti lill-Istati Membri jindikaw dawk l-entitajiet territorjali tagħhom li jixtiequ li jaqgħu taħt dan il-kunċett iddefinit mill-att legali inkwistjoni, billi jissupplimentawh, u, fl-aħħar nett, it-tielet nett, tippermetti li r-reġjuni meqjusa mill-Istati Membri bħala reġjuni b’minoranza nazzjonali jiġu identifikati b’isimhom fl-anness għall-att legali tal-Kummissjoni.

66.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Gvernijiet tar-Rumanija u tas-Slovakkja, issostni li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata jew fi kwalunkwe każ ineffettiva.

b) Analiżi

67.

Jidhirli li din il-parti hija parzjalment manifestament infondata u parzjalment manifestament inammissibbli.

68.

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-kontenut u l-informazzjoni addizzjonali tal-Proposta ta’ IĊE kienu ġew imqassra b’mod żbaljat fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata.

69.

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jidentifikaw ebda element tas-sentenza appellata li jista’ jissostanzja l-ilment tagħhom dwar il-punt 74 tas-sentenza appellata ( 37 ).

70.

Fir-rigward tat-tieni sentenza tal-punt 73 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li kien hemm żball fiha fil-verżjoni tas-sentenza appellata bil-lingwa tal-kawża, jiġifieri fil-lingwa Ungeriża, li ġie emendat permezz tad-Digriet ta’ rettifika tal‑20 ta’ Ġunju 2017.

71.

Qabel din ir-rettifika, il-verżjoni tas-sentenza appellata bil-lingwa Ungeriża tat-tieni sentenza tal-punt 73 kienet tgħid “[l-]-att propost għandu, b’mod partikolari, jitlob lill-Istati Membri sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom lejn il-minoranzi nazzjonali, […], jiddefinixxu l-kunċett ta’ ‘reġjun b’minoranza nazzjonali’, li jikkostitwixxi wkoll ‘reġjun’ kif iddefinit fl-Artikoli 174 [TFUE] għal 178 TFUE, u jistabbilixxi [jistabbilixxu] lista ta’ ismijiet ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali […]” ( 38 ).

72.

Il-verżjoni tas-sentenza appellata bil-lingwa Ungeriża kienet differenti mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha fuq dan il-punt peress li hija kienet tissuġġerixxi li, fl-att propost, il-Proposta ta’ IĊE kienet qed titlob mhux lill-Unjoni, iżda lill-Istati Membri jiddefinixxu l-kunċett ta’ “reġjun b’minoranza nazzjonali” u jistabbilixxu lista ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali ( 39 ).

73.

Għalkemm huwa minnu li d-digriet ta’ rettifika tal‑20 ta’ Ġunju 2017 ingħata matul il-proċedura bil-miktub li saret fil-kuntest ta’ dan l-appell, madankollu, wara l-adozzjoni ta’ dan id-digriet, l-appellanti żammew l-ilment tagħhom kontra t-tieni sentenza tal-punt 73 tas-sentenza appellata, fil-verżjoni bil-lingwa Ungeriża, meta l-iżball manifest li kien f’din il-verżjoni kien ġie rrettifikat, ġustament, mill-imsemmi digriet.

74.

Issa, peress li dan l-ilment huwa bbażat fuq sunt żbaljat tal-kontenut tal-Proposta ta’ IĊE, kif kien jidher fil-verżjoni inizjali tas-sentenza appellata bil-lingwa Ungeriża tat-tieni sentenza tal-punt 73 tas-sentenza appellata, huwa manifestament ma jistax jintlaqa’ peress li huwa bbażat fuq konstatazzjoni fattwali żbaljata.

75.

Biex nikkonkludi dwar l-ewwel punt ta’ din l-ewwel parti, nindika, għal kull finijiet utli, li l-argument tal-appellanti li l-uniformità tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-prinċipju ta’ ċertezza legali jkunu kompromessi li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti prijorità lil kwalunkwe verżjoni lingwistika oħra li ma hijiex il-lingwa tal-kawża, l-unika verżjoni awtentika, ma għandu ebda bażi fattwali peress li, fl-imsemmija lingwa, hija awtentika biss il-verżjoni tat-tieni sentenza tal-punt 73 tas-sentenza appellata, kif irrettifikata bid-digriet ta’ rettifika tal‑20 ta’ Ġunju 2017.

76.

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat, ġustament, li l-Artikoli 174 u 176 sa 178 TFUE ma jistgħux jikkostitwixxu bażijiet legali għall-adozzjoni tal-att propost, hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 11(4) TUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. Fil-fatt, minn naħa, iċ-ċittadini qiesu li jkun meħtieġ att legali. Min-naħa l-oħra, peress li l-att previst jifforma parti mill-politika ta’ koeżjoni, skont l-appellanti, dan jaqa’ wkoll taħt il-kompetenza kondiviża. Għalhekk, l-att legali propost fil-Proposta ta’ IĊE ma jobbligax lill-Istati Membri jiddefinixxu l-kunċett ta’ “reġjun b’minoranza nazzjonali” jew li jistabbilixxu l-lista tar-reġjuni.

77.

Huwa minnu li mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(4) TUE jirriżulta li l-organizzaturi jistgħu: “[jitolbu] lill-Kummissjoni […], fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali ta’ l-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati”. Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) TUE jistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ IĊE lill-Kummissjoni, billi jirreferi għar-regolament previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE – ir-Regolament Nru 211/2011 – id-determinazzjoni ta’ regolamentazzjoni sħiħa tal-proċeduri u tal-kundizzjonijiet tal-IĊE.

78.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat lill-aggravji diskussi quddiem il-qrati tal-mertu ( 40 ). L-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ dritt u għandu jkun ibbażat fuq aggravji ta’ inkompetenza tal-Qorti Ġenerali, ta’ irregolaritajiet proċedurali quddiem il-Qorti Ġenerali li jippreġudikaw l-interessi tal-appellant kif ukoll ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.

79.

Hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li ġew ippreżentati lilha, kif ukoll biex tevalwa l-provi prodotti.

80.

Kif issostni l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni kontenzjuża taqa’ taħt konstatazzjoni u evalwazzjoni fattwali bla ħsara għall-każijiet fejn ikun hemm żnaturament tal-fatti u għalhekk ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 41 ).

81.

Issa, mhux biss l-appell ma jindikax b’mod preċiż l-elementi tas-sentenza fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi b’mod ġenerali tqajjem argumenti “kuntrarjament għall-analiżi magħmula fis-sentenza appellata”, imma fuq kollox jallega li l-organizzaturi ma kinux qed jistennew li l-att propost jobbliga lill-Istati Membri jiddefinixxu l-kunċett ta’ “reġjun b’minoranza nazzjonali” jew li jistabbilixxu l-lista tar-reġjuni, mingħajr ma dan ikun biss neċessarju, minħabba li l-politika ta’ koeżjoni taqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. B’dan il-mod, l-appellanti jfittxu li jqiegħdu inkwistjoni konstatazzjoni u evalwazzjoni ta’ natura fattwali.

82.

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Konsegwentement l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

2. Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali u fuq il-ksur tal-Artikolu 11(4) TUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011

83.

It-tieni parti tirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali u l-ksur tal-Artikolu 11(4) TUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

a) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

84.

Fit-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti, sostnuti mill-Gvern Ungeriż, jallegaw, essenzjalment, li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. Fil-fatt, mill-interpretazzjoni litterali ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tiċħad li tirreġistra inizjattiva taċ-ċittadini biss minħabba l-“assenza” ta’ setgħat f’dan il-qasam li tkun manifesta.

85.

Il-formulazzjoni tar-Regolament Nru 211/2011 timplika għalhekk li l-Proposta ta’ IĊE tista’ tieħu diversi għamliet mill-perspettiva tal-kompetenzi tal-Unjoni. L-ewwel nett, li kieku kellu jkun possibbli li jiġi kkonstatat mingħajr analiżi ulterjuri li l-Proposta ta’ IĊE ma kinitx taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Unjoni, jiġifieri li ma kinitx relatata ma’ oqsma ta’ kompetenza esklużiva jew kondiviża tal-Unjoni stabbiliti fit-Trattati, il-Kummissjoni jkollha tirrifjuta r-reġistrazzjoni tagħha. It-tieni nett, fil-każ li l-Proposta ta’ IĊE ma tkunx taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Unjoni, iżda dan jista’ jiġi stabbilit biss wara analiżi fil-fond, jew inkella fejn dan ma jkunx evidenti, il-Kummissjoni għandha xorta waħda tirreġistra l-proposta. Madankollu, jekk il-firem neċessarji jkunu nġabru kollha, il-Kummissjoni jkollha tirrifjuta li tieħu azzjonijiet addizzjonali fi tmiem il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, filwaqt li tindika r-raġunijiet li jsostnu li hija ma għandhiex is-setgħat meħtieġa.

86.

Issa, skont l-appellanti, fid-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta li tirreġistra l-IĊE, il-Kummissjoni indikat li hija “ħadet id-deċiżjoni tagħha ta’ rifjut billi bbażat ruħha fuq ir-riżultati ta’ eżami fil-fond ( 42 ) tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati msemmija f’din il-proposta, u tal-bażijiet legali l-oħra kollha possibbli”. Jekk is-suġġett tal-Proposta ta’ IĊE kien “manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni, li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”, ir-rikorrenti ma jarawx x’inhi l-ħtieġa ta’ analiżi bir-reqqa, peress li l-Proposta ta’ IĊE kienet taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni.

87.

B’hekk, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 117(m) ( 43 ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sa fejn hija ma ddeċidietx dwar l-interpretazzjoni tan-natura manifesta tan-nuqqas ta’ setgħat.

88.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Gvernijiet tar-Rumanija u tas-Slovakkja, issostni li din il-parti u dan l-aggravju, ikkunsidrati flimkien, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

b) Analiżi

89.

Qabel kollox, kif imfakkar fil-punti 78 u 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ilment li jirrigwarda l-portata tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ rifjut, fid-dawl, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet rilevanti u tal-bażijiet legali possibbli l-oħra kollha u, min-naħa l-oħra, tal-portata tal-evalwazzjoni tal-Proposta ta’ IĊE meta hija manifestament barra mill-kuntest tas-setgħat tal-Kummissjoni, hija analiżi li ma tirriżultax mill-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għar-raġunijiet diskussi quddiem il-qrati li jiġġudikaw fuq l-mertu, iżda minn evalwazzjoni fattwali.

90.

Jidhirli li huwa impossibbli li jiġi evalwat dan l-ilment mingħajr ma jitqiegħdu inkwistjoni konstatazzjoni u evalwazzjoni ta’ natura fattwali. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa inammissibbli.

91.

Barra minn hekk, l-ilment prinċipali tat-tieni parti tat-tieni aggravju dwar il-portata tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jidher li huwa kemm ineffettiv kif ukoll inammissibbli.

92.

L-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 117(m) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali evalwat biss parzjalment il-Proposta ta’ IĊE bħala li taqa’ barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni, waqt li naqset milli tiddeċiedi dwar in-natura “manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat”.

93.

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu formalità sostanzjali, li jista’ jitqajjem fil-kuntest ta’ motiv li jqiegħed inkwistjoni l-insuffiċjenza jew in-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni, u l-istħarriġ tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità fuq il-mertu tal-att u tippreżupponi li l-qorti tivverifika jekk il-motivi li fuqhom l-att huwa bbażat humiex ivvizzjati minn żbalji jew le. Fil-fatt, dawn huma żewġ istanzi ta’ stħarriġ ta’ natura differenti li jagħtu lok għal evalwazzjonijiet distinti tal-Qorti Ġenerali ( 44 ).

94.

Sakemm il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jirrigwarda l-punti tas-sentenza appellata li jien qed nipproponi li jiġu annullati fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel u t-tielet aggravji, dan il-ksur huwa ineffettiv. Fil-fatt, jekk, kif ipproponejt, il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ dawn iż-żewġ aggravji, hija bilfors tkun eżaminat il-fondatezza tal-motivazzjoni marbuta mal-evalwazzjoni tan-“natura manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni adottata mill-Qorti Ġenerali”.

95.

Sa fejn din il-parti tirrigwarda l-motivi l-oħra tas-sentenza appellata, l-appellanti ma speċifikawx il-punti tas-sentenza appellata li huma affettwati minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

96.

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, it-tieni aggravju fl-intier tiegħu huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

C.   Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 7 u 167 TFUE, tal-Artikolu 3(3) TUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta kif ukoll tad-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni

1. Is-sentenza appellata

97.

Fil-punti 91 sa 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Proposta ta’ IĊE kienet taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tagħha minħabba li hija ma kinitx tikkontribwixxi għall-għanijiet li kellhom jintlaħqu mill-politika kulturali tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 167 TFUE. Wara li, fil-punti 95 sa 97 tas-sentenza appellata, fakkret id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li l-organizzaturi qiesu rilevanti u li huma ċċitati fil-Proposta ta’ IĊE, il-Qorti Ġenerali analizzat b’mod partikolari l-portata tal-Artikolu 167(2), (3) u (5) TFUE kif ukoll l-għanijiet ta’ dan l-artikolu. Fil-punti 101 sa 104 tas-sentenza appellata msemmija f’dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali analizzat u żviluppat l-argumenti li jikkonfermaw id-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 167 TFUE ma setax iservi bħala bażi għall-adozzjoni ta’ att legali tal-Unjoni li jsegwi l-għan u l-kontenut tal-Proposta ta’ IĊE. Fil-fatt, l-għan tal-Proposta ta’ IĊE ( 45 ), minn naħa imur ferm lil hinn mis-sempliċi kontribuzzjoni għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li jirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom, jew mis-sempliċi enfasi tal-wirt kulturali komuni, u, min-naħa l-oħra, ma huwiex marbut ma’ wieħed mill-għanijiet imsemmija preċiżament fl-Artikolu 167(2) TFUE. Skont il-Qorti Ġenerali, l-appellanti ammettew fir-rikors tagħhom li l-Proposta ta’ IĊE ma kellhiex bħala għan li tipproteġi d-diversità kulturali, għalkemm l-att propost seta’ kellu tali konsegwenza.

98.

Il-punti 105 sa 114 tas-sentenza appellata jirrigwardaw il-ksur tal-Artikolu 19(1) TFUE ( 46 ). Il-punti 105 sa 109 tas-sentenza appellata jispjegaw fil-qosor l-argumenti tal-partijiet u l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża. L-appellanti jikkritikaw l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 19(1) TFUE. Fil-punti 111 sa 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat il-portata tal-Artikolu 19(1) TFUE.

2. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

99.

Inizjalment, l-appellanti, sostnuti mill-Gvern Ungeriż, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli għamlet interpretazzjoni żbaljata meta aċċettat, fil-punti 101 sa 104 tas-sentenza appellata, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-leġiżlazzjoni proposta fil-Proposta ta’ IĊE ma tikkontribwixxi għall-kisba ta’ ebda wieħed mill-għanijiet tal-politika kulturali tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, fil-fehma tagħhom, il-proposta tikkontribwixxi għall-koerenza tal-politiki u tal-azzjonijiet tal-Unjoni, meħtieġa mill-Artikolu 7 TFUE ( 47 ), billi tippromwovi approċċ li jiżgura li l-politika ta’ koeżjoni tqis id-diversità kulturali meħtieġa mill-Artikolu 167 TFUE u għas-sostenibbiltà tagħha.

100.

Barra minn hekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet “analiżi in abstracto tad-dispożizzjonijiet invokati ( 48 ) f’din is-Subparti [tal-appell], barra mill-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, li hija żbaljata”.

101.

Barra minn hekk, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet, fil-punti 104 sa 114 tas-sentenza appellata, l-ilmenti bbażati fuq l-Artikolu 19(1) u fuq l-Artikolu 167 TFUE. Fil-fatt, skont l-appellanti, “il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-riskju li l-qafas regolatorju jikser dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra msemmija f’din is-Sub-parti [tal-appell]”, f’każ li fih il-korpi leġiżlattivi tal-UE ikollhom jemendaw ir-regoli adottati fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni. Fir-replika tagħhom, l-appellanti jżommu l-pożizzjoni tagħhom u jsostnu li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, imqajma mill-Kummissjoni, hija infondata. L-appellanti jfakkru wkoll li, fil-qasam tal-kultura, l-għan tal-azzjonijiet imwettqa mill-Unjoni huwa l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 167(4) TFUE, l-Unjoni għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra. L-appellanti jindikaw ukoll li dan l-obbligu huwa msaħħaħ permezz tal-Artikolu 7 TFUE, li jiddikjara rekwiżit ta’ konsistenza bejn il-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll permezz tal-Artikolu 22 tal-Karta, li jipprovdi li l-Unjoni, fl-azzjonijiet tagħha, għandha tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika. L-implimentazzjoni attwali tal-politika ta’ koeżjoni ma tikkontribwixxix għall-preżervazzjoni tad-diversità kulturali meħtieġa mill-Artikolu 167 TFUE u, għaldaqstant, ma tissodisfax l-Artikolu 7 TFUE dwar il-koeżjoni bejn il-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, is-sentenza appellata hija illegali.

102.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Gvern Rumen u Slovakk, tqis li r-raba’ aggravju huwa, prinċipalment, inammissibbli u, sussidjarjament, infondat.

3. Analiżi

103.

Bħal fil-każ tal-Gvern Rumen, Slovakk u tal-Kummissjoni, inqis li dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli, sa fejn l-appellanti ma qajmu l-ebda żball ta’ liġi, u lanqas argumenti legali preċiżi fir-rigward tar-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 101 sa 114 tas-sentenza appellata.

104.

Jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 49 ), jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-annullament tagħha jkun qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena tal-inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat ( 50 ).

105.

Għaldaqstant, il-punti 72 sa 84 tal-appell għandhom ċerti elementi tal-kuntest ġuridiku tal-kawża, iżda l-appellanti ma jiżviluppawx argument speċifiku li jidentifika l-iżball ta’ liġi li, fil-fehma tagħhom, twettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tar-regoli ta’ dritt li l-ksur tagħhom huwa allegat jew fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti fid-dawl ta’ dawn. Kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti fir-replika tagħhom, huma b’ebda mod ma spjegaw, fid-dettall, il-bażijiet legali li fuqhom il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 167 TFUE fil-punt 101 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, huma ma stabbilixxewx b’mod konkret kif is-sentenza appellata kisret id-dispożizzjonijiet li huma elenkaw fl-appell tagħhom. L-enfasi b’tipa grassa użata għal ċerti termini tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-punti 81 u 84 tal-appell, mingħajr ebda kumment dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-appellanti jagħżlu dawn id-dispożizzjonijiet b’mod partikolari, ma tistax tikkostitwixxi argument legali jew kritika tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jikkonferma d-deċiżjoni ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni tal-Proposta ta’ IĊE.

106.

L-appellanti sempliċement jindikaw, fit-tieni lment tagħhom fil-punt 89 tal-appell tagħhom, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet iċċitati fl-appell u li, konsegwentement, is-sentenza kkontestata hija illegali, mingħajr madankollu ma invokaw, fl-argumenti li jirrigwardaw ir-raba’ aggravju tal-appell, l-iċken argument legali insostenn ta’ din l-allegazzjoni. Dan l-appell jikkostitwixxi fil-verità talba għal sempliċi eżami mill-ġdid tal-ilment ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li jaqa’ barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

107.

Fil-punti 86 u 87 tal-appell, l-appellanti essenzjalment jillimitaw ruħhom għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ koerenza ta’ politika kulturali fuq billi jistrieħu fuq ċirkustanzi fattwali, mingħajr ma jidentifikaw il-motivi kkritikati tas-sentenza appellata, u sempliċiment jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-Proposta ta’ IĊE, iżda ma jiżviluppaw ebda kritika speċifika fir-rigward tar-raġunament li fuqu hija bbażata din is-sentenza.

108.

Barra minn hekk, l-appellanti jisiltu konklużjoni żbaljata mis-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punti 61 et seq.) fir-replika tagħhom. Fil-fehma tagħhom, l-appell huwa ammissibbli għar-raġuni li l-appellanti għandhom biss jippreċiżaw il-bażi ġuridika li fuqha l-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi b’mod differenti peress li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li hija awtorizzata tinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja hija l-qorti finali kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, kif ippreċiżat il-Kummissjoni, jirriżulta b’mod ċar mill-punt 62 tas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402), li l-“bażi legali” invokata f’din is-sentenza li fuqha l-Qorti Ġenerali kellha tasal għal konklużjoni differenti hija distintament differenti mid-“dispożizzjonijiet”, li l-ksur tagħhom ġie allegat quddiem il-Qorti Ġenerali ( 51 ). F’dan ir-rigward, l-appellanti kellhom jispjegaw, l-ewwel nett, f’xiex l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-portata tal-Artikolu 167 TFUE u li tidher fil-punt 101 tas-sentenza appellata kienet affettwata minn żball ta’ liġi, inkwantu ddeċidiet li r-rikonoxximent ta’ status ta’ awtonomija lir-reġjuni b’minoranza nazzjonali, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, huwa għan li jmur ferm lil hinn mis-sempliċi kontribuzzjoni għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri, fir-rispett tad-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom. It-tieni nett, l-appellanti kellhom jispjegaw ukoll kif tali rikonoxximent huwa konness, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fl-istess punt 101 tas-sentenza appellata, direttament ma’ wieħed mill-għanijiet imsemmija preċiżament fl-Artikolu 167(2) TFUE.

109.

Għalhekk, billi llimitaw ruħhom sempliċiment sabiex jiċċitaw id-dispożizzjonijiet legali allegatament miksura mill-Qorti Ġenerali, mingħajr kunsiderazzjonijiet konkreti u preċiżi rigward l-iżbalji ta’ liġi li bihom ġiet ikkritikata, l-appellanti finalment ma ressqu ebda lment ta’ illegalità.

110.

Fl-aħħar nett, it-tielet nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellanti li l-konstatazzjonijiet tal-punti 101 sa 104 tas-sentenza appellata huma r-riżultat ta’ analiżi in abstracto tad-dispożizzjonijiet l-oħra invokati “f’din is-Subparti tal-appell”, barra mill-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, huwa diffiċli għalija, qabel kollox, li nifhem għal liema dispożizzjonijiet preċiżi u għal liema subparti ( 52 ), qed jirreferu l-appellanti mingħajr ma jiżnaturaw l-għanijiet tagħhom. Fl-ipoteżi li dawn id-dispożizzjonijiet huma r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE u l-Artikolu 22 tal-Karta, li jinsabu fil-Proposta ta’ IĊE u fid-deċiżjoni kontenzjuża, iżda mhux fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, l-invokazzjoni tagħhom, fl-appell biss, testendi l-portata tas-suġġett tat-tilwima, kif kien ġie ddefinit quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, l-appellanti ma jispeċifikawx liema interpretazzjoni in abstracto tal-Qorti Ġenerali wasslet għal interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 167 TFUE u liema kellha tkun, f’dak il-każ, l-interpretazzjoni in concreto li l-Qorti Ġenerali jmissha applikat sabiex allegatament ma tiksirx dan l-artikolu. Għalhekk, l-imsemmija allegazzjoni għandha titqies bħala inammissibbli.

111.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

D.   Fuq il-ħames aggravju dwar l-ispejjeż

1. Is-sentenza appellata

112.

Mill-punt 22 tas-sentenza appellata jirriżulta li, matul is-seduta fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li l-appellanti kienu ppubblikaw, fuq is-sit internet tal-Proposta ta’ IĊE, ir-risposta li l-Kummissjoni kienet ippreżentat fil-kawża fl-ewwel istanza u li, minkejja li l-Kummissjoni talbet sabiex din titneħħa mis-sit, l-appellanti kienu rrifjutaw. Hija talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu inkunsiderazzjoni dan l-aġir abbużiv tal-appellanti fil-kuntest tat-tqassim tal-ispejjeż. L-appellanti ma kkontestawx il-fatti allegati mill-Kummissjoni, iżda sostnew li l-aġir tagħhom ma kienx jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt, fl-assenza ta’ test li jipprojbixxih. Għaldaqstant huma talbu lill-Qorti Ġenerali tapplika r-regoli ġenerali dwar l-ispejjeż.

113.

Fil-punt 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, peress li l-appellanti tilfu, huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat, f’dan ir-rigward, il-preġudizzju li r-rikorrenti ħolqu għall-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ( 53 ).

2. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

114.

L-appellanti jipproduċu elementi fattwali marbuta maċ-ċirkustanzi tal-pubblikazzjoni tan-nota tal-Kummissjoni fuq l-internet. Huma jsostnu wkoll li l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li turi li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li “il-preġudizzju li r-rikorrenti ħolqu għall-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-mezzi [opportunitajiet ugwali għall-partijiet] u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” huwa fatt stabbilit, hija żbaljata. Skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Istati Membri, ma hemm l-ebda abbuż tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-każ.

115.

Skont il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, konklużjonijiet separati dwar l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż, li kieku kellu jitqies li dawn ġew ippreżentati, huma inammissibbli. L-aggravju huwa, prinċipalment, ineffettiv u għandu, għalhekk, jiġi miċħud, u, fil-każ fejn l-aggravji l-oħra jiġu miċħuda, it-talbiet dwar l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

116.

Filwaqt li l-Gvern Ungeriż u Rumen ma esprimewx lilhom infushom fuq dan l-aggravju, il-Gvern Slovakk essenzjalment jappoġġja lill-Kummissjoni.

3. Analiżi

117.

Mill-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 129 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-aġir tal-appellanti ma serviex bħala bażi għall-parti tad-deċiżjoni relatata mal-allokazzjoni tal-ispejjeż. Fil-fatt, l-espressjoni “mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat” użata mill-Qorti Ġenerali turi li hija ma tatx deċiżjoni dwar l-effett li jista’ jkollu l-aġir tal-appellanti fl-allokazzjoni tal-ispejjeż.

118.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-argumenti indirizzati kontra motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk huma ineffettivi ( 54 ).

119.

Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

E.   Fuq l-aggravji addizzjonali dwar ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, dwar żball ta’ liġi minħabba l-assenza ta’ reġistrazzjoni parzjali u dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

120.

Permezz ta’ dawn it-tliet aggravji, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fl-ewwel lok, għall-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fit-tieni lok, dwar żball ta’ liġi relatat mal-assenza ta’ reġistrazzjoni parzjali tal-Proposta ta’ IĊE, u, fit-tielet lok, il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali li fuqhom huma jibbażaw lilhom infushom sabiex jitolbu l-annullament tas-sentenza appellata.

121.

Il-Kummissjoni ssostni li l-aggravji huma ġodda u għaldaqstant, prinċipalment, inammissibbli. Hija tqis li dawn huma, fi kwalunkwe każ, infondati.

122.

Min-naħa tiegħi, inqis li l-aggravji addizzjonali huma infondati.

123.

Preliminarjament, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat lill-aggravji diskussi quddiem il-qrati tal-mertu ( 55 ). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u mill-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli għall-appell konformement mal-Artikolu 190(1) ta’ dan ir-regolament, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

124.

F’dan il-każ, l-aggravji relatati mal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ma’ żball ta’ liġi relatat mal-assenza ta’ reġistrazzjoni parzjali u mal-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali huma bbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li ħarġu matul il-proċedura ta’ dan l-appell u li jikkonċernaw l-IĊE “Minority SafePack — one million signatures for diversity in Europe” (iktar’ il quddiem “ICE Minority SafePack”) għall-finijiet tal-ħarsien tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u l-adozzjoni ta’ regoli, fil-livell tal-Unjoni, sabiex tiġi ppreżervata d-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni, kif ukoll l-IĊE intitolata “Let us reduce the wage and economic differences that tear the EU apart!” li ġiet irreġistrata parzjalment permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/877 tas‑16 ta’ Mejju 2017, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Let us reduce the wage and economic differences that tear the EU apart!” ( 56 ).

125.

Il-Proposta ta’ IĊE Minority SafePack inizjalment kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni ( 57 ). Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59), il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni u, konsegwentement, l-IĊE Minority SafePack ġiet parzjalment irreġistrata ( 58 ). Il-Proposta ta’ IĊE tistieden “lill-Unjoni Ewropea ttejjeb il-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u ssaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni”. Mill-istess informazzjoni pprovduta bħala informazzjoni meħtieġa jirriżulta li l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-IĊE kienu jikkonsistu fi stedina lill-Unjoni Ewropea “sabiex tadotta sensiela ta’ atti leġiżlattivi sabiex titjieb il-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u tissaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika [fit-territorju tagħha]” u li “[d]awn l-atti għandhom jinkludu miżuri relattivi għal-lingwi reġjonali u minoritarji, għall-edukazzjoni u għall-kultura, għall-politika reġjonali, għall-parteċipazzjoni, għall-ugwaljanza, għall-kontenut tal-mezzi ta’ komunikazzjoni kif ukoll għas-sostenn statali mogħti mill-awtoritajiet reġjonali”. Il-Proposta ta’ IĊE tissuġġerixxi emenda tar-Regolament eżistenti abbażi tal-Artikoli 177 u 178 TFUE ( 59 ).

126.

Fl-ewwel lok, l-aggravju dwar l-iżball ta’ liġi fir-rigward tan-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ IĊE, huwa infondat.

127.

Konformement mal-allegazzjonijiet tal-appellanti bbażati fuq ir-reġistrazzjonijiet parzjali tal-IĊE msemmija fil-punti 124 u 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li seħħew wara s-sentenza appellata, il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni parzjali kienet diġà teżisti fl-2013, fiż-żmien meta ġiet irrifjutata r-reġistrazzjoni tal-Proposta ta’ IĊE. Il-fatt li d-dispożizzjonijiet kollha ċċitati u meqjusa rilevanti mill-organizzaturi ma jikkostitwixxux bażijiet legali xierqa għall-Proposta ta’ IĊE hija mingħajr effett fuq ir-reġistrazzjoni parzjali ta’ IĊE ( 60 ).

128.

Madankollu, fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tikkonstata l-illegalità ta’ sentenza u ma tistax tordna lill-Kummissjoni tadotta aġir speċifiku. Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ l-appell, hija l-Kummissjoni li għandha tislet il-konsegwenzi kollha.

129.

Fit-tieni lok, l-aggravji dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ukoll huma infondati.

130.

Fil-fatt, kif huwa mfakkar fil-premessa 10 tar-Regolament Nru 211/2011, id-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ Proposta ta’ IĊE fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament għandha tingħata skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li twettaq eżami diliġenti u imparzjali li jieħu inkunsiderazzjoni, barra minn hekk, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni ( 61 ). Madankollu, dan ma jistax iwassal għal analiżi iktar estensiva, u għalhekk huwa ineffettiv.

131.

Ċertament, l-għan tal-Proposta ta’ IĊE, li huwa wkoll il-qofol innifsu tal-Proposta ta’ IĊE, jaqbel f’ċerti punti mal-kontenut tal-IĊE Minority SafePack, iżda l-Proposta ta’ IĊE tibqa’, madankollu, ferm differenti minn dik tal-IĊE Minority SafePack kif imfakkra fil-punti 124 u 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk, ma jistax jiġi allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza għal sitwazzjonijiet li ma humiex paragunabbli. Barra minn hekk, l-aggravju dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax iwassal għal analiżi aktar estensiva, u għaldaqstant huwa ineffettiv.

132.

Nipproponi li l-aggravji addizzjonali tal-appell jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

V. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

133.

Kif ippreċiżajt fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-ewwel u t-tielet aggravji għandhom jiġu milqugħa. Is-sentenza appellata għandha għalhekk tiġi annullata minn dan l-aspett.

134.

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

135.

Inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq l-appell. Jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat, fil-fehma tiegħi, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Proposta ta’ IĊE kienet manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni u li l-kundizzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 ma kinitx issodisfatta. Għalhekk, inqis li hemm lok li d-deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata f’dan is-sens. Huwa f’idejn il-Kummissjoni li tislet il-konsegwenzi minn dan.

VI. Fuq l-ispejjeż

136.

Skont l-analiżi tiegħi, nipproponi li jintlaqgħu l-ewwel u t-tielet aggravji.

137.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tiddeċiedi definittivament il-kawża, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

138.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

139.

Peress li l-appellanti talbu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

140.

Konformement mal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

VII. Konklużjoni

141.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (T‑529/13, EU:T:2016:282) hija annullata.

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 4975 finali, tal‑25 ta’ Lulju 2013, li tirrifjuta li tirreġistra l-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u ż-żamma tal-kulturi reġjonali”, hija annullata.

3)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

4)

L-Ungerija, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2011, L 65, p. 1.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 1961.

( 4 ) Ara l-punt 2 tal-Anness II tal-Proposta ta’ IĊE.

( 5 ) Punt 9 tas-sentenza appellata.

( 6 ) Punt 39 tas-sentenza appellata.

( 7 ) ĠU 2015, L 105, p. 1, emendati fit‑13 ta’ Lulju 2016 (ĠU 2016, L 217, p. 71, 72 u 73).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni (C-589/15 P, EU:C:2017:663, punti 46 sa 48).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni (C-589/15 P, EU:C:2017:663, punt 49).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 2 tar-Regolament Nru 211/2011.

( 11 ) Korsiv miżjud minni.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 50).

( 13 ) Fil-Proposta ta’ IĊE, l-organizzaturi ddefinixxew bil-miktub ir-“reġjuni b’minoranza nazzjonali”, bħala li jkopru diversi reġjuni u żoni ġeografiċi, inklużi żoni ġeografiċi mingħajr kompetenza amministrattiva li huma distinti miż-żoni tal-madwar permezz tal-karatteristiċi nazzjonali, etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi tagħhom.

( 14 ) Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE: “Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari […] lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi”.

( 15 ) Dan l-artikolu jipprovdi li: “(4) il-kopertura ta’ żoni bi żvantaġġi naturali u demografiċi gravi u permanenti definiti kif ġej: (a) Stati Membri gżejjer eliġibbli taħt il-Fond ta’ Koeżjoni, u gżejjer oħra ħlief dawk fejn tkun tinsab il-belt kapitali ta’ Stat Membru jew li jkollhom kollegament fiss mal-kontinent. (b) żoni muntanjużi kif definiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru; (ċ) żoni b’densità ta’ popolazzjoni baxxa (jiġifieri inqas minn 50 abitant kull kilometru kwadru) u baxxa ħafna (inqas minn 8 abitanti kull kilometru kwadru); (d) l-inklużjoni tar-Reġjuni l-aktar imbiegħda msemmija fl-Artikolu 349 [TFUE].”

( 16 ) ĠU 2013, L 347, p. 320.

( 17 ) L-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jipprovdi li:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.”

( 18 ) Dan l-Artikolu jiddikjara li: “[i]l-Qorti Ġenerali għandha, permezz ta’ digriet li jindika l-fatti li għandhom jiġu pprovati, tistabbilixxi l-miżuri li hija tqis xierqa.”

( 19 ) Iċ-ċitazzjoni tidher li tirreferi għall-punt 30 tas-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88).

( 20 ) L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

( 21 ) Skont l-Artikolu 88(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Korsiv miżjud minni.

( 22 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni (C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punti 7778), u tat‑3 ta’ Frar 2005, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, (T‑139/01, EU:T:2005:32, punt 171): “l-elementi li jinsabu fl-atti u l-ispjegazzjonijiet mogħtija waqt is-seduti huma biżżejjed biex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tiddeċiedi din il-kawża.” Barra minn hekk, kif indikat fil-punt 21 tas-sentenza appellata, kif ġie rrilevat mill-Gvern Rumen fl-osservazzjonijiet tiegħu, fuq il-bażi tal-provi prodotti mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tistieden lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom bil-miktub dwar ċerti aspetti tat-tilwima.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, id-Digriet tat‑8 ta’ Frar 2018, HB et vs Il‑Kummissjoni (C‑336/17 P, EU:C:2018:74, punt 26).

( 24 ) Skont dan l-Artikolu: “2. Il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika għall-oqsma prinċipali li ġejjin: […] (c) il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; […]”.

( 25 ) Skont id-dizzjunarju Larousse l-aġġettiv “manifeste [manifest]” ifisser: li n-natura, ir-realtà, l-awtentiċità huma ovvji.

( 26 ) Ir-restrizzjoni tan-natura “manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni” iġġorr il-konsegwenza li l-proposta ta’ IĊE ma tistax tirrigwarda qasam li jmur lil hinn mis-setgħat tal-Unjoni jew għan, pereżempju l-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, li ċertament jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Unjoni iżda fejn il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa li tressaq proposta. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 17(2) TUE, il-Kummissjoni hija l-istituzzjoni li fl-aħħar mill-aħħar għandha s-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva u tieħu l-inizjattiva tal-att legali jekk il-proposta ta’ IĊE tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ reġistrazzjoni u l-kundizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 211/2011. Ara, ukoll, l-artiklu ta’ Villani, U., f’D’Alessio, M. T. Kronenbergwe, V., u Placco, V. (dir.) De Rome à Lisbonne: les juridictions de l’Union européenne à la croisée des chemins. Mélanges en l’honneur de Paolo Mengozzi, Bruylant, Brussell, 2013, p. 202.

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, Costantini et vs Il‑Kummissjoni (T‑44/14, EU:T:2016:223, punt 17) kif ukoll il-punt 60 tas-sentenza appellata.

( 28 ) Dawn huma lmenti bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2)(c) TFUE u tal-Artikolu 174 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 1059/2003, moqri fid-dawl tal-premessa 10 ta’ dan ir-regolament.

( 29 ) Dan l-Artikolu jipprovdi li: “[l]-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali. Hija għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru”.

( 30 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.

( 31 ) Korsiv miżjud minni.

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:175, punt 2).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, Organ J., “Decommissioning Direct Democracy? A Critical Analysis of Commission Decision-Making on the Legal Admissibility of European Citizens Initiatives Proposals”European Constitutional Law Review, 2014, Nru 10, p. 422–443.

( 34 ) Infakkar li mill-punt irrettifikat fil-verżjoni bil-lingwa Ungeriża tas-sentenza appellata jirriżulta li huwa effettivament l-att propost fil-proposta ta’ IĊE u mhux l-Istati Membri kif kien jippresupponi l-punt inizjali tal-verżjoni bil-lingwa Ungeriża tas-sentenza appellata, li kellu jiddefinixxi l-kunċett ta’ “reġjun b’minoranza nazzjonali” u jistabbilixxi lista ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali.

( 35 ) Dan l-artikolu jipprovdi li: “[ċ]ittadini ta’ l-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta’ għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali ta’ l-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati”.

( 36 ) Dan l-Artikolu jispeċifika li “Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, il-Kummissjoni għandha tirreġistra proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini taħt numru ta’ reġistrazzjoni uniku u tibgħat konferma lill-organizzaturi, bil-kondizzjoni li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin: […] b) l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”.

( 37 ) Fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali limitat ruħha li tiġbor fil-qosor il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom, skont il-proposta ta’ IĊE, għandhom jiġu ddefiniti r-reġjuni b’minoranza nazzjonali.

( 38 ) Korsiv miżjud minni.

( 39 ) Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-punt kontenzjuż jagħmel riferiment għall-punt 7 tas-sentenza appellata li jinkludi sunt tal-proposta ta’ IĊE li jelenka fedelment il-kontenut tagħha.

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2017, Masco et vs Il‑Kummissjoni (C-614/13 P, EU:C:2017:63, punt 32), tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnastakis vs Il-Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 55), tat‑30 ta’ April 2014, FLSmidth vs Il‑Kummissjoni (C‑238/12 P, EU:C:2014:284, punt 42), u tat‑22 ta’ Mejju 2014, ASPLA vs Il‑Kummissjoni (C‑35/12 P, EU:C:2014:348, punt 39).

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15, EU:C:2016:658, punt 72), u ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑279/16 P, EU:C:2017:461, punt 36) u tat‑3 ta’ Diċembru 2015, PP Nature‑Balance Lizenz vs Il‑Kummissjoni (C‑82/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:796, punti 2627).

( 42 ) Korsiv miżjud minni.

( 43 ) Dan l-artikolu jipprovdi li “[i]s-sentenza għandha tinkludi: […] (m) ir-raġunijiet”.

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni (C-589/15 P, EU:C:2017:663, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) L-għan tal-proposta ta’ IĊE huwa ż-żamma, permezz tal-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi ta’ tali reġjuni, jew saħansitra l-għarfien ta’ status ta’ awtonomija ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali, sabiex tiġi implimentata l-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni.

( 46 ) Dan l-Artikolu jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali.”

( 47 ) Dan l-artikolu 7 TFUE jipprovdi li “[l]-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b’kont meħud ta’ l-objettivi kollha tagħha u skond il-prinċipju ta’ l-għoti tal-kompetenzi”.

( 48 ) L-appell ma jispeċifikax għal liema “dispożizzjoni invokata” qed isir riferiment eżatt, iżda l-punti tas-sentenza appellata (101 sa 104) jiċċitaw l-Artikolu 167(1), (2) u (3), u l-Artikolu 3(3) TFUE kif ukoll l-Artikolu 22 tal-Karta.

( 49 ) ĠU 2012, L 265, p. 1.

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Dextro Energy vs Il‑Kummissjoni (C‑296/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:437, punt 60), tas‑16 ta’ Frar 2017, Brandconcern vs EUIPO u Scooters India (C‑577/14 P, EU:C:2017:122, punt 37) u tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 53).

( 51 ) Dan il-punt jgħid li: “Billi r-raba’ parti tal-aggravju tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx injorat il-proċeduri previsti fl-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr madankollu ma tippreċiża l-bażi ġuridika li fuqha l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet kisret dawn id-dispożizzjonijiet billi ma talbitx lill-Kumitat tal-Invalidità, stabbilit fl-1991 abbażi tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiddeċiedi dwar l-oriġini professjonali eventwali tal-marda tal-appellant, din għandha tkun iddikjarata inammissibbli.”

( 52 ) Fil-kuntest tar-raba’ aggravju, l-appellanti jikkwotaw l-Artikoli 7 u 10 u l-Artikolu 19(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 167(4) TFUE u l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1) u (6), ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, sussegwentement l-Artikolu 21(1) u (2), u l-Artikolu 22 tal-Karta u finalment l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1303/2013. Madankollu, fil-punti tas-sentenza appellata msemmija minn dan l-ilment, jissemmew biss l-Artikolu 3(3) TUE, l-Artikolu 167(1), (2) u (3) TFUE, u l-Artikolu 22 tal-Karta.

( 53 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 8593).

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punt 33), id-Digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2015, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (C‑575/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:443, punt 20); u tat‑13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 82) tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 79).

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2017, Masco et vs Il‑Kummissjoni (C‑614/13 P, EU:C:2017:63, punt 32); tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 55); tat‑30 ta’ April 2014, FLSmidth vs Il‑Kummissjoni (C‑238/12 P, EU:C:2014:284, punt 42), u tat‑22 ta’ Mejju 2014, ASPLA vs Il‑Kummissjoni (C‑35/12 P, EU:C:2014:348, punt 39).

( 56 ) ĠU 2017, L 134, p. 38. Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata bin-numru C(2017) 3382.

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 5969 finali, tat-13 ta’ Settembru 2013.

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/652 tad‑29 ta’ Marzu 2017, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack – One million signatures for diversity in Europe” [innotifikata bin-numru C(2017) 2200] (ĠU 2017, L 92, p. 100).

( 59 ) B’mod partikolari id-Deċiżjoni 2017/652, adottata wara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59), u li tirreġistra l-IĊE Minority SafePack, tipprovdi fir-raba’ u l-ħames inċiżi tal-Artikolu 1(2): “[j]istgħu jinġabru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, abbażi tal-fehim li jkollha l-għan li jsiru proposti mill-Kummissjoni għal:

regolament li jadatta r-regoli ġenerali applikabbli għall-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali b’tali mod li jittieħed kont tal-protezzjoni ta’ minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni;

regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li s-suġġett tiegħu jkun li jinbidel ir-regolament relatat mal-programm ‘Orizzont 2020’ sabiex titjieb ir-riċerka fuq il-valur miżjud li tista’ ġġib id-diversità kulturali u lingwistika tal-minoranzi nazzjonali lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku f’reġjuni tal-UE”.

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, id-Deċiżjoni 2017/652.

( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 47).