KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑372/16

Soha Sahyouni

vs

Raja Mamisch

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München (qorti reġjonali superjuri ta’ München, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Regolament (UE) Nru 1259/2010 – Kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1 – Rikonoxximent ta’ divorzju ta’ natura privata rreġistrat minn korp reliġjuż fi Stat terz – Artikolu 10 – Esklużjoni tal-liġi barranija applikabbli – Aċċess diskriminatorju għad-divorzju li jiddependi fuq is-sess tal-konjuġi – Eżami in abstracto tan-natura diskriminatorja – Assenza ta’ effett tal-kunsens eventwali tal-konjuġi ddiskriminat”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München (qorti reġjonali superjuri ta’ München, il-Ġermanja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali ( 2 ), strument li d-dispożizzjonijiet tiegħu għadhom qatt ma kienu s-suġġett ta’ analiżi fuq il-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja.

2.

Id-domanda preżenti taqa’ taħt il-kontinwità ta’ preċedent, li sar minn din il-qorti fil-kuntest tal-istess kawża prinċipali, li tikkonċerna proċedura ġudizzjarja intiża għall-kisba tar-rikonoxximent fil-Ġermanja ta’ deċiżjoni ta’ divorzju adottata minn korp reliġjuż fis-Sirja. Dan l-ewwel rinviju preliminari rriżulta f’digriet, li ngħata fit-12 ta’ Mejju 2016, fil-kawża Sahyouni (C‑281/15) ( 3 ), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat lilha nnifisha bħala manifestament nieqsa mill-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni ( 4 ).

3.

Il-qorti tar-rinviju tindirizza ruħha mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmlilha diversi domandi preliminari li jirrigwardaw ir-Regolament Nru 1259/2010. Qabel ma jiġu eżaminati, għandu jiġi stabbilit jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex realment ġurisdizzjoni sabiex tirrispondihom – minkejja li r-rikonoxximent ta’ divorzju li ngħata fi Stat terz, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament –, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-regoli ta’ dritt Ġermaniż rilevanti jrendu lil dan l-att tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għal tali sitwazzjonijiet.

4.

L-ewwel domanda magħmula tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1259/2010 jkoprux id-divorzji kklassifikati bħala “privati”, sa fejn dawn ma humiex ibbażati fuq deċiżjoni mogħtija minn qorti jew awtorità pubblika oħra, iżda fuq dikjarazzjoni tar-rieda tal-konjuġi, unilaterali jew reċiproka, eventwalment flimkien man-natura purament dikjarattiva ta’ awtorità barranija.

5.

Id-domandi l-oħra, magħmula sussidjarjament jirrigwardaw l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, li jippermetti li tiġi ssostitwitha l-liġi tal-forum bil-liġi li bħala prinċipju għandha tapplika, meta din tal-aħħar toħloq diskriminazzjoni bejn il-konjuġi bbażata fuq is-sess. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi mistoqsija, qabelxejn, fuq il-punt sabiex isir magħruf jekk l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali effett diskriminatorju għandhiex isseħħ in abstracto jew in concreto. Fil-każ fejn jiġi deċiż li din l-evalwazzjoni għandha titwettaq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha, sussegwentement, tiddetermina jekk il-kunsens għad-divorzju li jingħata eventwalment mill-konjuġi ddiskriminat jippermettix li tiġi applikata madankollu l-liġi barranija diskriminatorja.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.  Id-dritt tal-Unjoni

6.

Ir-Regolament Nru 1259/2010 huwa applikabbli biss fl-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali li tirriżulta minn dan l-istrument ( 5 ).

7.

Il-premessa 9 tiegħu tesponi li r-Regolament Nru°1259/2010 “għandu jipprovdi qafas legali ċar u komprensiv fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali fl-Istati Membri parteċipanti, għandu jipprovdi soluzzjonijiet xierqa għaċ-ċittadini f’termini ta’ ċertezza legali, prevedibbiltà u flessibbiltà u jipprevjeni sitwazzjoni li fiha wieħed mill-konjuġi jitlob divorzju qabel l-ieħor sabiex jiżgura li l-proċediment ikun suġġett għal liġi partikolari li hu jkun iqis bħala li l-aktar tiffavorixxi l-interessi tiegħu”.

8.

Skont it-termini tal-premessa 10 tal-imsemmi regolament, “[i]l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u t-termini preskrittivi [ta’ dan tal-aħħar] għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 [tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 ( 6 )].” Hemm miżjud li r-Regolament Nru 1259/2010 “għandu japplika biss għax-xoljiment jew għat-taħlil ta’ rbit taż-żwieġ” u li “[i]l-liġi ddeterminata bir-regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet [li jinsabu fih] għandha tapplika għar-raġunijiet għad-divorzju u s-separazzjoni legali”.

9.

Il-premessa 24 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li “[f’]’ċerti sitwazzjonijiet, bħal fejn il-liġi applikabbli ma tipprevedix id-divorzju jew fejn ma tagħtix lil wieħed mill-konjuġi aċċess indaqs għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali minħabba is-sess tagħhom, il-liġi tal-qorti li quddiemha jinġieb il-każ għandha madankollu tapplika. Madankollu, dan ma għandux jippreġudika l-klawsola tal-ordni pubbliku”.

10.

L-Artikolu 1(1) tiegħu jipprovdi li r-Regolament Nru 1259/2010 japplika “f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għad-divorzju u għas-separazzjoni legali”.

11.

Abbażi tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni universali”, “[i]l-liġi magħżula minn dan ir-Regolament għandha tapplika irrispettivament milli tkun jew ma tkunx il-liġi ta’ Stat Membru parteċipanti”.

12.

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament jiddetermina l-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet, eżerċitata b’konformità mal-Artikolu 5, billi jadotta bħala kriterji ta’ rabta li jsegwu lil xulxin, taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-residenza abitwali tal-konjuġi fil-mument li jitressaq il-każ quddiem il-qorti jew, fin-nuqqas ta’ dan, l-aħħar residenza abitwali tagħhom, jew, fin-nuqqas ta’ dan, in-nazzjonalità komuni tagħhom, jew, fin-nuqqas ta’ dan, l-Istat tal-qorti adita.

13.

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010, intitolat “Applikazzjoni tal-liġi tal-forum”, “[f]ejn il-liġi applikabbli taħt l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 8 ma tipprevedix id-divorzju jew ma tagħtix lil wieħed mill-konjuġi aċċess indaqs għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali minħabba s-sess tagħhom, għandha tapplika l-liġi tal-forum.”

14.

L-Artikolu 12 tal-istess regolament, intitolat “Ordni pubbliku” jipprevedi li, “[l]-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi magħżula permezz ta’ dan ir-Regolament tista’ tiġi miċħuda biss fejn tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forum.”

B.  Id-dritt Ġermaniż

1.  Il-FamFG

15.

Il-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit ( 7 ) (liġi dwar il-proċedura fil-qasam ta’ kawżi tal-familja u ta’ ġurisdizzjoni volontarja), iktar ’il quddiem il-“FamFG”) tistabbilixxi dak li ġej fl-Artikolu 107 tagħha, intitolat “Rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet barranin fil-qasam matrimonjali”:

“1)   Id-deċiżjonijiet barranin li permezz tagħhom żwieġ […] xolt, bi jew mingħajr ir-rabta ta’ żwieġ […] jiġu rrikonoxxuti biss jekk l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land tkun ikkonstatat li l-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent huma ssodisfatti.

[…]

6)   Jekk l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land tikkonstata li l-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent huma ssodisfatti, il-konjuġi li ma jkunx ressaq it-talba jista’ jitlob lill-Oberlandesgericht sabiex tagħti deċiżjoni. […]

7)   L-awla ċivili tal-Oberlandesgericht li fiha l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land għandha s-sede tagħha, għandha ġurisdizzjoni. […]”

16.

L-Artikolu 109 tal-FamFG, intitolat “Esklużjonijiet ta’ rikonoxximent”, jipprevedi fil-punt 4 tal-paragrafu 1 tiegħu li “[i]r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija tiġi eskluża, […] fejn [dan] ir-rikonoxximent […] jwassal għal riżultat li jkun manifestament inkompatibbli mal-prinċipji essenzjali tal-liġi Ġermaniża, speċjalment meta r-rikonoxximent tagħha jkun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali”. Abbażi tal-paragrafu 5 ta’ dan l-istess artikolu, ma jitwettaq l-ebda eżami tal-legalità tad-deċiżjoni barranija.

2.  L‑EGBGB

17.

Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat-28 ta’ Jannar 2013, l-Artikolu 17(1) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (liġi ta’ introduzzjoni tal-kodiċi ċivili, iktar ’il quddiem l-“EGBGB”), kien jipprovdi kif ġej: “[i]d-divorzju huwa suġġett għad-dritt applikabbli għall-effetti ġenerali taż-żwieġ fid-data tat-tressiq tat-talba għal divorzju. Jekk ix-xoljiment taż-żwieġ ma huwiex possibbli abbażi ta’ dan id-dritt, id-divorzju jaqa’ taħt id-dritt Ġermaniż meta l-konjuġi attur huwa Ġermaniż f’din data jew kien fid-data meta seħħ iż-żwieġ.”

18.

Wara l-emendi introdotti minn liġi tat-23 ta’ Jannar 2013 ( 8 ), ir-regola ta’ kunflitti tal-liġijiet imsemmija iktar ’il fuq ġiet irreveduta fis-sens li l-Artikolu 17(1) tal-EGBGB issa jistabbilixxi li “[i]l-konsegwenzi patrimonjali tad-divorzju, li ma humiex irregolati mid-dispożizzjonijiet l-oħra f’din it-taqsima, jaqgħu taħt id-dritt applikabbli għad-divorzju skont ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

Kif jindika d-digriet mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2016 fil-kawża Sahyouni (C-281/15) ( 9 ), Raja Mamisch u Soha Sahyouni żżewġu, fis-27 ta’ Mejju 1999, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti Iżlamika ta’ Homs (is-Sirja). It-tnejn għandhom in-nazzjonalità Sirjana, mit-twelid tagħhom, kif ukoll in-nazzjonalità Ġermaniża, miksuba permezz ta’ naturalizzazzjoni fir-rigward ta’ R. Mamisch u sussegwentement permezz taż-żwieġ fir-rigward ta’ S. Sahyouni. Wara li għexu fil-Ġermanja sas-sena 2003, marru jgħixu s-Sirja u wara marru jgħixu b’mod alternat fil-Ġermanja, fil-Kuwajt u fil-Libanu. Fil-preżent, huma qed jgħixu mill-ġdid fil-Ġermanja, f’residenzi differenti.

20.

Fid-19 ta’ Mejju 2013, R. Mamisch iddikjara li ried jiddivorzja mill-konjuġi tiegħu, billi r-rappreżentant tiegħu ppreżenta l-formula ta’ divorzju quddiem il-qorti reliġjuża tax-xarija ta’ Latakia (is-Sirja). Fl-20 ta’ Mejju 2013, din il-qorti kkonstatat id-divorzju taż-żewġ konjuġi.

21.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fit-12 ta’ Settembru 2013, S. Sahyouni għamlet dikjarazzjoni, iffirmata minnha stess, dwar ir-riċezzjoni ta’ prestazzjonijiet kumpensatorji dovuti skont il-leġiżlazzjoni reliġjuża, jiġifieri somma totali ta’ USD 20000 dollaru Amerikan (madwar EUR 15000 ( 10 )), li kienet tipprovdi kif ġej: “[…] jien irċevejt il-prestazzjonijiet kumpensatorji kollha li kienu dovuti lili abbażi tal-kuntratt ta’ żwieġ u minħabba d-divorzju li seħħ b’mod unilaterali u nirrilaxxah b’hekk minn kull obbligu fil-konfront tiegħi abbażi tal-kuntratt ta’ żwieġ u tad-digriet ta’ divorzju Nru 1276 tal-20 ta’ Mejju 2013 deċiż mill-qorti tax-xarija ta’ Latakia […]”.

22.

Fit-30 ta’ Ottubru 2013, R. Mamisch talab ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ divorzju mogħtija fis-Sirja. B’deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2013, il-President tal-Oberlandesgericht München (qorti reġjonali superjuri ta’ München) laqa’ din it-talba, billi kkonstata li l-kundizzjonijiet legali għar-rikonoxximent ta’ din id-deċiżjoni ta’ divorzju kienu ssodisfatti.

23.

Fit-18 ta’ Frar 2014, S. Sahyouni talbet l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni u li jiġi deċiż li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ divorzju inkwistjoni ma kinux issodisfatti.

24.

B’deċiżjoni tat-8 ta’ April 2014, il-President tal-Oberlandesgericht München (qorti reġjonali superjuri ta’ München) ċaħad it-talba ta’ S. Sahyouni. Fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, din il-qorti indikat li, fl-opinjoni tagħha, ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ divorzju inkwistjoni huwa rregolat mir-Regolament Nru 1259/2010, li japplika wkoll għad-divorzji privati. Fl-assenza ta’ għażla valida tal-liġi applikabbli u ta’ residenza komuni abitwali tal-konjuġi waqt is-sena preċedenti għad-divorzju, il-liġi applikabbli għandha tiġi ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(c) tal-imsemmi regolament. Meta ż-żewġ konjuġi għandhom nazzjonalità doppja, il-kriterju determinanti huwa n-nazzjonalità effettiva fis-sens tad-dritt Ġermaniż ( 11 ), li kienet, fid-data tad-divorzju inkwistjoni, in-nazzjonalità Sirjana. Fl-aħħar, hija rrilevat li l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1259/2010 ma jipprekludix ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni mogħtija fis-Sirja, peress li l-konjuġi kienet aċċettat a posteriori l-forma tad-divorzju inkwistjoni billi ddikjarat li taċċetta l-prestazzjonijiet kumpensatorji sussegwenti, u li, minkejja diskriminazzjoni possibbli, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament lanqas ma jipprekludi dan f’dawn iċ-ċirkustanzi.

25.

S. Sahyouni ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda. B’digriet tat-2 ta’ Ġunju 2015, l-Oberlandesgericht München (qorti reġjonali superjuri ta’ München) issospendiet il-proċedura u għamlet diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010.

26.

Fil-kawża Sahyouni (C-281/15), permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Mejju 2016 ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha bħala li manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi, minħabba li, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1259/2010 ma japplikax għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ divorzju li kienet diġà ġiet deċiża fi Stat terz u li l-qorti tar-rinviju ma kienet ipprovdiet l-ebda element li jista’ jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament kienu saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat. Madankollu, hija enfasizzat li din il-qorti żżomm il-fakultà sabiex tressaq talba ġdida għal deċiżjoni preliminari meta hija tkun f’pożizzjoni sabiex tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi kollha li jippermetulha sabiex tagħti deċiżjoni.

27.

Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2016, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Lulju 2016, l-Oberlandesgericht München (qorti reġjonali superjuri ta’ München) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura għat-tieni darba u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-każijiet ta’ divorzju privat, f’dan il-każ permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali ta’ wieħed mill-konjuġi quddiem qorti reliġjuża Sirjana fuq il-bażi tax-xarija, jidħlu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni previst mill-Artikolu 1 tar-[Regolament Nru 1259/2010]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: Fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010, fil-każijiet ta’ divorzji privati, [l-eżami] tal-Artikolu 10 tiegħu

a)

għandu jkun ibbażat in abstracto fuq paragun li minnu jirriżulta, fil-fatt, li l-liġi applikabbli skont l-Artikolu 8 tagħti wkoll lill-konjuġi l-ieħor aċċess għad-divorzju, iżda li, minħabba s-sess tal-konjuġi, dan id-divorzju huwa suġġett għal kundizzjonijiet proċedurali u sostantivi differenti minn dawk applikabbli għall-konjuġi l-ieħor, jew

b)

l-applikabbiltà ta’ din ir-regola tiddependi minn jekk l-applikazzjoni tad-dritt barrani, in abstracto diskriminatorja, hijiex diskriminatorja wkoll, in concreto, f’dan il-każ[?]

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għad-domanda 2(b), il-]kunsens għad-divorzju mogħti mill-konjuġi ddiskriminat — inkluż fil-forma ta’ aċċettazzjoni min-naħa tiegħu ta’ prestazzjonijiet kumpensatorji — jikkostitwixxi diġà raġuni sabiex ir-regola hawn fuq iċċitata ma tiġix applikata[?]”

28.

Fil-proċedura preżenti, osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern tal-Ġermanja, mill-Gvern tal-Belġju, mill-Gvern ta’ Franza, mill-Gvern tal-Ungerija u mill-Gvern tal-Portugall, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tal-31 ta’ Mejju 2017, R. Mamisch, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Ungeriż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

IV. Analiżi

29.

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-oġġezzjonijiet magħmula dwar dan is-suġġett, hemm lok, qabel ma ssir l-analiżi tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi eżaminat jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għalihom fil-proċedura preżenti, bil-kontra ta’ dak li ġie deċiż fir-rigward tat-talba għal deċiżjoni preliminari preċedentement imressqa mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-istess kawża prinċipali.

A.  Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

30.

Qabel kollox nindika li, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha informazzjoni suffiċjentement ċara sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq id-domandi li ġew magħmula lilha fil-proċedura preżenti, b’konformità mal-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi li l-ġurisdizzjoni tagħha tista’ tkun ibbażata fuq il-fatt li d-dritt nazzjonali jrendi applikabbli għall-kawża prinċipali d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba.

1.  Fuq it-tagħlim li għandu jinsilet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

31.

Qabel kollox, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi magħmula b’mod preliminari minn qorti nazzjonali, fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, ma tistax tiġi skartata ħlief f’każijiet eċċezzjonali ( 13 ). Iċ-ċaħda ta’ talba għal domanda preliminari tista’ tiġi ġġustifikata, b’mod partikolari, jekk huwa manifest li d-dritt tal-Unjoni ma jistax japplika, la direttament u lanqas indirettament, għaċ-ċirkustanzi tal-kawża ( 14 ).

32.

Fil-kawża preżenti, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni (C‑281/15) ( 15 ), il-kawża prinċipali tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li la r-Regolament Nru 1259/2010, la r-Regolament Nru 2201/2003, u lanqas ebda att ġuridiku tal-Unjoni ma huwa applikabbli għal tali tilwima, li għandha bħala suġġett talba għar-rikonoxximent, fi Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ divorzju li ngħatat minn awtorità reliġjuża fi Stat terz.

33.

F’dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, ir-Regolament Nru 1259/2010 ( 16 ), li d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu previsti b’mod espliċitu mit-talba għal deċiżjoni preliminari fl-imsemmija kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dan jiddetermina biss lir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet applikabbli, fl-Istati Membri parteċipanti ( 17 ), fil-qasam tad-divorzju u tas-separazzjoni legali, mingħajr ma jirregola r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ divorzju li ngħatat diġà ( 18 ).

34.

Għaldaqstant, skont il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Dzodzi ( 19 ) u rfinati fil-ġurisprudenza sussegwenti ( 20 ), huwa biss jekk il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet suffiċjentement l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1259/2010 abbażi tad-dritt tal-Istat fejn hija adita, fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima mressqa quddiem din il-qorti, li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq id-domandi magħmula minnha minkejja l-fatt li l-imsemmija tilwima ma taqax direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

35.

Dwar dan is-suġġett, infakkar ( 21 ) li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula lilha anki meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tintalab l-interpretazzjoni tagħhom ma japplikawx għall-fatti tal-kawża prinċipali, fil-każ fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet saru applikabbli b’mod dirett u inkundizzjonat permezz tad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li tipprovdi għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, ma’ dawk adottati mill-imsemmi att, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, biex jiġu evitati diverġenzi futuri fl-interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet adottati minn dan l-att jingħataw interpretazzjoni uniformi. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tivverifika jekk jeżistux indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed biex tkun tista’ tistabbilixxi dan ir-riferiment għad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta dwar dan is-suġġett mit-talba għal deċiżjoni preliminari ( 22 ).

36.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, anki jekk il-leġiżlazzjoni li tittrasponi direttiva fid-dritt nazzjonali ma tkunx irriproduċiet verbatim id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li kienu s-suġġett tad-domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha ġurisdizzjoni tiddeċiedi permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, meta d-deċiżjoni tar-rinviju taċċetta li kwalunkwe interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tkun vinkolanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ( 23 ). Jidher determinanti li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kunċetti li jinsabu fid-dritt nazzjonali għandhom effettivament jingħataw l-istess interpretazzjoni bħall-kunċetti analogi tad-dritt tal-Unjoni u li hija marbuta f’dan ir-rigward bl-interpretazzjoni tal-imsemmija kunċetti li tkun ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ).

37.

B’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tindika kif it-tilwima li hija adita biha għandha element ta’ rabta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija mit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha li jrendi l-interpretazzjoni mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima ( 25 ). Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, huma biss il-qrati tal-Istati Membri, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandhom jiddeterminaw l-iskop u l-kontenut tar-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, kif ukoll il-mod kif dawn għandhom jiġu implementati, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta mill-perspettiva espressa dwar dan mill-qorti tar-rinviju ( 26 ).

38.

B’mod partikolari, fil-każ fejn id-dritt tal-Unjoni jsir applikabbli permezz tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-portata eżatta ta’ dan ir-rinviju mad-dritt tal-Unjoni. Jekk din tikkunsidra li l-kontenut ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli, minħabba dan ir-rinviju dirett u inkundizzjonat, għas-sitwazzjoni mhux koperta mill-imsemmija dispożizzjonijiet li hija fl-oriġini tat-tilwima mressqa quddiemha, din il-qorti tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 267 TFUE ( 27 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura ruħha ġeneralment li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni, hekk kif interpretati minnha stess, saru tassew applikabbli mingħajr possibbiltà għall-qorti nazzjonali li teskludihom ( 28 ) u mingħajr ma tali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regoli ma tkun kuntrarju għar-rieda espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 29 ).

39.

Sabiex tikkonferma l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ddeċidew effettivament li japplikaw trattament identiku għas-sitwazzjonijiet mhux koperti mill-att tal-Unjoni kkonċernat u għas-sitwazzjonijiet irregolati minnu, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, iżda wkoll xi elementi supplementari, bħalma huma l-preambolu u l-espożizzjoni tal-motivi tal-leġiżlazzjoni rilevanti ( 30 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni kemm id-deċiżjoni tar-rinviju ( 31 ) kif ukoll it-totalità tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiemha, u b’mod partikolari l-perspettiva fformulata mill-Gvern tal-Istat Membru li l-ordinament ġuridiku tiegħu huwa kkonċernat, anki jekk l-evalwazzjoni finali tal-kontenut tad-dritt nazzjonali tibqa’ rriżervata għall-qorti tar-rinviju ( 32 ).

40.

Huwa fid-dawl ta’ dan it-tagħlim li għandu jiġi evalwat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddisponix minn elementi suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni fil-kawża preżenti, b’differenza minn dak li kienet iddeċidiet fir-rigward tat-talba għal deċiżjoni preliminari preċedenti, imressqa fil-kuntest tal-istess kawża prinċipali ( 33 ).

2.  Fuq l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni

41.

Il-Gvern Belġjan u l-Gvern Ungeriż isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, minħabba l-fatt li ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-ordinament ġuridiku Ġermaniż jirreferi b’mod dirett u inkundizzjonat għar-Regolament Nru 1259/2010 meta r-rikonoxximent ta’ divorzju privat mogħti barra mill-pajjiż jintalab fil-Ġermanja. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkwalifikat l-opinjoni li hija kienet ifformulat inizjalment fl-istess sens, fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Ġermaniż fil-proċedura preżenti.

42.

Kemm R. Mamisch u kemm il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Portugiż jikkunsidraw, min-naħa tagħhom, li d-dritt Ġermaniż irendi applikabbli dan ir-regolament għal tilwima bħala dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għaldaqstant ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Din hija wkoll il-fehma tiegħi.

43.

Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax liema hija r-regola tad-dritt Ġermaniż li twassal, fil-fehma tagħha, għal applikazzjoni neċessarja tar-Regolament Nru 1259/2010 waqt ir-“rikonoxximent” ta’ divorzju privat li seħħ barra mill-pajjiż, li jimplika fil-prattika stħarriġ tal-validità ta’ dan id-divorzju, fid-dawl tal-liġi identifikata bħala li għandha tirregola lil dan tal-aħħar, bil-għan li tippermettilu jipproduċi l-effetti tiegħu fil-Ġermanja ( 34 ). Madankollu, huwa stabbilit li l-qorti tal-ġustizzja hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali ( 35 ). Issa, hija tindika espressament li d-dritt Ġermaniż irendi applikabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ( 36 ), ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet stabbiliti mill-imsemmi regolament, fil-kuntest tat-tilwima mressqa quddiemha. Barra minn hekk, din l-affermazzjoni hija kkorroborata b’mod ċar mill-indikazzjonijiet li pprovda l-Gvern Ġermaniż, dwar is-suġġett tal-kuntest ġuridiku nazzjonali, fil-kawża preżenti.

44.

Fil-motivi tad-digriet tagħha, il-qorti tar-rinviju tinnota differenza, f’dak li jikkonċerna r-rikonoxximent fil-Ġermanja ta’ divorzji mogħtija barra mill-pajjiż, bejn dawk li ingħataw bl-involviment ta’ natura kostituttiva ta’ qorti jew ta’ awtorità Statali oħra u dawk, ikklassifikati bħala “divorzji privati” li huma bbażati fuq manifestazzjoni ta’ rieda unilaterali jew reċiproka tal-partijiet anki jekk seħħew eventwalment bl-assistenza ta’ awtorità barranija iżda ta’ natura purament dikjaratorja, pereżempju bħala riżultat tar-reġistrazzjoni tad-divorzju ( 37 ).

45.

Hija tesponi li, abbażi tal-prassi legali Ġermaniża, ir-regoli ta’ natura proċedurali li jinsabu fl-Artikolu 107 tal-FamFG ( 38 ) huma applikabbli għar-rikonoxximent ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ divorzju. Bil-kontra, fir-rigward tar-regoli sostantivi, huwa komunement ammess, anki jekk ma hijiex opinjoni unanima, li l-eżami tad-divorzji privati li r-rikonoxximent tagħhom huwa mitlub għandu jitwettaq, mill-qrati Ġermaniżi, mhux abbażi tar-rekwiżiti tal-Artikolu 109 tal-FamFG ( 39 ), bħalma huwa l-każ għad-divorzji li jingħataw minn awtorità pubblika, iżda b’konformità mar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 1259/2010 ( 40 ).

46.

Skont il-qorti tar-rinviju, din it-teżi hija eżatta, peress li ma jkunx konċepibbli li tingħata deċiżjoni dwar id-divorzju ta’ ċittadini ta’ Stat terz fil-Ġermanja, skont dispożizzjonijiet differenti minn dawk applikabbli għar-rikonoxximent ta’ divorzju li diġà ngħata barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, jekk l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010 fir-rigward tad-divorzji privati tiġi eskluża, tkun teżisti lakuna legali fid-dritt Ġermaniż, mhux mixtieqa mil-leġiżlatur Ġermaniż, li ħassar fl-2013 ir-regola l-antika dwar il-kunflitti tal-liġijiet applikabbli, b’mod partikolari, fir-rikonoxximent tad-divorzji privati mogħtija barra mill-pajjiż ( 41 ), li kienet tidher fl-Artikolu 17(1) tal-EGBGB ( 42 ), peress li dan il-leġiżlatur qies li kienet saret obsoleta preċiżament minħabba l-eżistenza tal-imsemmi regolament.

47.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż jispjega li r-rikonoxximent fil-Ġermanja ta’ divorzji li jirriżultaw minn deċiżjoni, ta’ natura kostituttiva minn qorti jew minn awtorità Statali barranija ma huwiex suġġett għall-eżami tal-legalità ta’ tali deċiżjoni ( 43 ), iżda huwa limitat għall-verifika ta’ natura proċedurali ( 44 ) tal-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 109 tal-FamFG ( 45 ). Bil-kontra, ir-rikonoxximent ta’ divorzji privati ( 46 ) ma huwiex ammess fil-Ġermanja, ħlief wara eżami tal-validità ta’ dawn tal-aħħar ( 47 ), li għandu jitwettaq fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv tal-Istat indikat mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet rilevanti ( 48 ), jiġifieri llum dawk tar-Regolament Nru 1259/2010.

48.

Dan il-Gvern jippreċiża li l-leġiżlatur Ġermaniż, effettivament, ħassar r-regola ta’ kunflitti tal-liġijiet prevista fl-ex Artikolu 17(1) tal-EGBGB, peress li qies li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1259/2010, il-liġi applikabbli għax-xoljiment taż-żwieġ kellha tiġi ddeterminata esklużivament fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, minħabba l-effett universali previst fl-Artikolu 4 tiegħu. Barra minn hekk, kif jindikaw b’mod ċar il-ħidmiet parlamentari ċċitati fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż ( 49 ), il-leġiżlatur nazzjonali beda mill-prinċipju li r-Regolament Nru 1259/2010 japplika wkoll għad-divorzji ta’ natura privata. Minn dawn is-suppożizzjonijiet jirriżulta li ma għadhiex teżisti, fid-dritt Ġermaniż, regola awtonoma ta’ kunflitti tal-liġijiet sabiex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli għal divorzju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49.

Għaldaqstant, huwa direttament minħabba t-tħassir intenzjonat tar-regola tal-kunflitt Ġermaniża li ppermettiet li tiġi identifikata l-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni tal-validità ta’ divorzji privati mogħtija barra mill-pajjiż ( 50 ) li, minn naħa, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010 fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ proċeduri saret neċessarja fid-dritt Ġermaniż, b’konformità mal-intenzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali kif ukoll abbażi ta’ prassi apparentement mifruxa sew tal-qrati nazzjonali ( 51 ) u li, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni vinkolanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament hija effettivament indispensabbli, skont l-evalwazzjoni li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

50.

Qabel kollox, nenfasizza li, l-ipoteżi magħmula mil-leġiżlatur Ġermaniż, li tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi regolament, ma hijiex kuntrarja b’mod evidenti għal rieda espressa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, bħalma dan kien il-każ f’kawżi oħra ( 52 ). Anki jekk din l-ipoteżi hija infondata fir-realtà, fl-opinjoni tiegħi ( 53 ), dan l-iżball ma huwiex importanti f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, evalwazzjoni li għaliha huwa suffiċjenti li riferiment għad-dritt tal-Unjoni mid-dritt nazzjonali jeżisti taħt il-kundizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq.

51.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ma huwa manifest bl-ebda mod ( 54 ) li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom intalbet l-interpretazzjoni ma jistgħux japplikaw, f’dan il-każ indirettament ( 55 ), fil-kuntest tat-tilwima li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju. Peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ( 56 ) huma ssodisfatti fl-opinjoni tiegħi, nikkunsidra li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija fondata fil-proċedura preżenti.

B.  Fuq l-inklużjoni eventwali ta’ divorzji ta’ natura privata fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010 (l-ewwel domanda)

52.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, sabiex tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk id-divorzji li fihom l-ebda deċiżjoni b’effett kostituttiv ma ngħatat minn awtorità pubblika – qorti jew korp ieħor tal-Istat – jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru°1259/2010.

53.

Fl-ewwel lok, ninnota li huwa possibbli li jsiru mistoqsijiet dwar ir-rilevanza ta’ din id-domanda preliminari, peress li, minħabba r-raġunijiet indikati iktar ’il fuq ( 57 ), id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1259/2010 ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali ħlief bl-effett tar-riferiment dirett għal dan ir-regolament li jsir mid-dritt Ġermaniż sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji li jirrigwardaw ir-rikonoxximent ta’ divorzji privati li jingħataw barra mill-pajjiż. Għaldaqstant, jista’ jiġi kkunsidrat li t-teħid ta’ pożizzjoni mitlub lill-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament ma huwiex neċessarju sabiex tiġi deċiża din it-tilwima, peress li d-dritt Ġermaniż jimponi li tali proċeduri jkunu, fi kwalunkwe każ, irregolati minn dan ir-regolament.

54.

Madankollu, jeżisti fl-opinjoni tiegħi interess reali sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domanda magħmula, sabiex tiżgura, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ( 58 ), interpretazzjoni univoka tal-kunċett ta’ “divorzju” fis-sens tar-Regolament Nru 1259/2010 u, għaldaqstant, applikazzjoni uniformi tiegħu fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membru parteċipanti kollha. F’dan il-każ, f’sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għaliha fin-negattiv, kif għandi l-intenzjoni li nirrakkomanda, l-awtoritajiet Ġermaniżi jkunu, konkretament, persważi sabiex jadattaw sa fejn huwa neċessarju r-regoli ta’ dritt nazzjonali, bħalma ammetta l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta.

55.

Il-problema tal-kopertura possibbli ta’ tali taħlil ta’ natura privata mill-imsemmi regolament titqajjem, fil-kawża preżenti, fir-rigward ta’ sistema ġuridika ta’ ispirazzjoni Musulmana, dik tas-Sirja, li taċċetta li r-rabtiet taż-żwieġ jiġu xolti minn att ta’ rieda tal-konjuġi segwit minn sempliċi reġistrazzjoni jew minn deċiżjoni b’effett unikament dikjaratorju maħruġa minn awtorita reliġjuża. Madankollu, din il-problema tirriżulta ġeneralment l-iktar fir-rigward ta’ kull tip ta’ divorzju li jeżisti li jinkiseb mingħajr il-parteċipazzjoni kostituttiva ta’ awtorità pubblika, kemm jekk jirriżulta minn manifestazzjoni ta’ rieda unilaterali jew minn manifestazzjoni komuni tal-partijiet.

56.

Fl-osservazzjonijiet tagħhom, R. Mamisch kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Franċiż jikkunsidraw li d-divorzji privati għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1259/2010, tal-inqas f’ċirkustanzi bħal dawk tal-proċedura fil-kawża prinċipali ( 59 ). Bil-kontra, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu l-kontra, u naqbel magħhom, minħabba r-raġunijiet li ġejjin.

57.

Qabel kollox, jista’ jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1259/2010, u b’mod partikolari dik tal-Artikolu 1 tiegħu li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument, ma tipprovdix indikazzjonijiet utli sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, peress li l-kunċett ta’ “divorzju” ma huwa ddefinit bl-ebda mod.

58.

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilità tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, meta att tal-Unjoni ma jagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri għad-definizzjoni ta’ kunċett partikolari, bħalma huwa l-każ hawnhekk, dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma, li l-Qorti tal-Ġustizzja tfittex billi tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali, għanijiet u l-oriġini tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 60 ).

59.

Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1259/2010, R. Mamisch u l-Gvern Ġermaniż jallegaw li ċ-ċaħda tad-divorzji privati mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu ma tirriżultax mill-perspettiva tat-totalità sistematika tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Ma naqbilx mal-analiżi tagħhom.

60.

Dawn it-tipi ta’ divorzju, ma humiex, ċertament, esklużi b’mod espliċitu mill-imsemmi kamp, bid-differenza ta’ forma oħra ta’ firda tar-rabta konjugali bħal ma huwa l-annullament taż-żwieġ ( 61 ). Madankollu, diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1259/2010 jagħtu post ċentrali għall-intervent ta’ “qorti”, hekk kif iddefinita b’mod flessibbli fl-Artikolu 3(2) tiegħu ( 62 ), u għall-eżistenza ta’ “proċedimenti”, għall-finijiet tax-xoljiment jew tat-taħlil ta’ rbit taż-żwieġ ( 63 ). Fl-opinjoni tiegħi, dan jimplika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux intenzjoni sabiex ikopri d-“divorzji” fis-sens tal-imsemmi regolament ħlief fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn awtoritajiet ta’ natura pubblika li huma kompetenti fil-qasam ( 64 ).

61.

F’dan ir-rigward, nippreċiża li ma huwiex determinanti l-fatt li dan il-leġiżlatur daħħal, fir-Regolament Nru 1259/2010, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 10 tiegħu, li jippermettu lill-qorti adita li tiskarta l-applikazzjoni ta’ liġi barranija diskriminatorja sa fejn tipprevedi aċċess għad-divorzju li jvarja bejn il-konjuġi abbażi tas-sess tagħhom ( 65 ). Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li tali liġi hija intiża li tapplika fil-kuntest ta’ divorzju ta’ natura pubblika u mhux ta’ natura privata bħalma huwa l-każ preżenti.

62.

Fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-Regolament Nru 1259/2010, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Franċiż isostnu li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għandu jiġi kkonċepit b’mod wiesa’, minħabba l-fatt li, minħabba n-natura universali tiegħu, dan l-istrument għandu t-tendenza li jirregola s-sitwazzjonijiet ta’ divorzju prevedibbli kollha, skont id-drittijiet materjali potenzjalment applikabbli. Huwa minnu li, skont l-Artikolu 4 tiegħu, il-liġijiet ta’ kwalunkwe ordinament ġuridiku – u mhux biss il-liġijiet tal-Istati Membri parteċipanti – huma intiżi sabiex japplikaw skont dan ir-regolament ( 66 ) u li ċerti ordinamenti ġuridiċi ta’ Stati mhux membri tal-Unjoni jirrikonoxxu d-divorzju privat taħt forom diversi. Madankollu, inqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex determinanti f’dak li jikkonċerna l-portata tat-tipi ta’ divorzju koperti mir-Regolament Nru 1259/2010, b’teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-argumenti li ser jiġu ppreżentati iktar ’il quddiem, iżda wkoll ta’ elementi addizzjonali, marbuta mal-oriġini tiegħu.

63.

Bħall-Gvern Belġjan, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni, inqis li l-kontenut tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jeżistu storikament bejn dawn iż-żewġ atti ( 67 ), anki jekk wieħed jirrigwarda l-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni, filwaqt li l-ieħor jirrigwarda l-kunflitti tal-liġijiet. Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-premessa 10 tar-Regolament Nru 1259/2010, “[i]l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u t-termini preskrittivi [tiegħu] għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament [Nru 2201/2003]” u dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-ewwel regolament jevokaw espressament ir-relazzjoniet ma’ dan tal-aħħar ( 68 )”.

64.

Issa, hekk kif ġie ammess mill-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, it-terminu “divorzju” li jintuża fir-Regolament Nru 2201/2003 ma jinkludix id-divorzji privati, peress li tfakkar li dan jirregola biss il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri ( 69 ) kif ukoll ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija minn dawn tal-aħħar, b’mod partikolari fir-rigward tad-divorzju ( 70 ). It-terminu identiku li jinsab fir-Regolament Nru 1259/2010 għandu fl-opinjoni tiegħi jiġi interpretat fl-istess sens, sabiex tiġi żgurata l-koerenza ma’ dan l-att relatat li kienet mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod li d-deċiżjonjijiet mogħtija minn awtoritajiet mhux Statali ma jistgħux jiġu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti.

65.

Konsultazzjoni tax-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010 ma twassalx direttament għal indikazzjonijiet konklużivi fil-kawża preżenti, peress li ma sibt l-ebda traċċa li turi li l-kwistjoni tad-divorzji privati kienet ġiet evokata espressament. Madankollu, dan is-silenzju jidhirli li jiżvela li, hekk kif isostnu kemm il-Gvern Ungeriż u kemm il-Kummissjoni, waqt l-adozzjoni tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu f’moħħu biss is-sitwazzjonijiet li fihom divorzju jingħata minn qorti Statali jew minn awtorità pubblika oħra. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li, hekk kif josserva barra minn hekk il-Parlament Ġermaniż ( 71 ), f’dak iż-żmien, fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri parteċipanti fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli dwar iż-żwieġ ( 72 ), kienu biss il-korpi ta’ natura pubblika li setgħu jadottaw deċiżjonijiet li għandhom valur legali fil-qasam ( 73 ).

66.

Sa fejn l-inklużjoni possibbli tad-divorzji ta’ natura privata apparentement ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjoni waqt negozjati li ppreċedew l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010 u minħabba kunsiderazzjonijiet oħra esposti iktar ’il fuq ( 74 ), fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi f’sens li tinkludi lil dawn it-tipi ta’ divorzji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Id-deċiżjoni sabiex isseħħ tali inklużjoni hija tal-leġiżlatur tal-Unjoni biss, jekk iqis li jkun opportun, wara dibattitu formali u analiżi fil-fond tal-implikazzjonijiet konkreti li din l-operazzjoni tista’ jkollha, fir-rigward tas-sistemi legali differenti tal-Istati Membri parteċipanti ( 75 ) u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-forom possibbli differenti ta’ divorzji privati.

67.

Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, ir-Regolament Nru 1259/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-divorzji ta’ natura privata, jiġifieri dawk li jingħataw mingħajr l-involviment ta’ natura kostituttiva ta’ qorti jew awtorità pubblika, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

C.  Fuq il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 fil-każ ta’ inugwaljanza fl-aċċess għad-divorzju (it-tieni u t-tielet domandi)

68.

Id-domandi li ġejjin ġew magħmula sussidjarjament u għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati b’dan il-mod biss. Kemm it-tieni domanda, li hija maqsuma f’żewġ partijiet, kemm it-tielet domanda, li hija espressament marbuta mal-aħħar minn dawn il-partijiet, jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010, li jippermetti li tiġi applikata l-liġi tal-forum bħala deroga, meta l-liġi barranija li tkun bħala prinċipju applikabbli, abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament, kemm ma tippermetti l-ebda divorzju ( 76 ), u kemm tipprevedi li l-aċċess għas-separazzjoni legali jew għad-divorzju, bħala fil-kawża prinċipali, ivarja skont is-sess tal-konjuġi ( 77 ).

69.

Dawn iż-żewġ domandi jikkonċernaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10, minn naħa, taħt il-perspettiva – astratta jew konkreta – li taħtha għandha tiġi eżaminata d-diskriminazzjoni kkawżata mill-imsemmija liġi barranija u, min-naħa l-oħra taħt il-perspettiva tal-pożizzjoni li għandha tingħata lill-kunsens eventwali tal-konjuġi ddiskriminat fir-rigward tad-divorzju inugwali.

1.  Fuq l-eżami in abstracto tan-natura diskriminatorja tal-aċċess għad-divorzju abbażi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010

70.

It-tieni domanda preliminari ssir biss fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda, u b’hekk, tiddeċiedi li d-divorzji privati, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1259/2010. Fid-dawl tar-risposta negattiva li qed nirrakkomanda li tingħata għad-domanda preċedenti, nikkunsidra li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda ( 78 ). Madankollu, ser nippreżenta osservazzjonijiet fuq dan is-suġġett, sabiex inkun ikkunsidrajt kollox.

71.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tal-liġi tal-forum li jipprevedi għandhiex isseħħ peress li l-liġi barranija li tkun applikabbli abbażi tal-Artikoli 5 jew 8 ta’ dan ir-regolament ( 79 ) topera diskriminazzjoni bejn il-konjuġi in abstracto – fir-rigward tal-kontenut ta’ din il-liġi tal-aħħar – indipendentement mill-fatt jekk din hijiex jew le diskriminatorja in concreto – fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti ( 80 ).

72.

Il-Gvern Ġermaniż jipproponi li dan l-Artikolu 10 jiġi interpretat b’mod li, waqt l-eżami tal-validità ta’ divorzju privat li jingħata barra mill-pajjiż, id-dritt tal-qorti li tipproċedi għal dan l-eżami ma japplikax ħlief jekk, fil-każ konkret, tiġi kkawżata diskriminazzjoni, bi ħsara għal wieħed mill-konjuġi, mil-liġi barranija applikabbli. R. Mamisch huwa tal-istess opinjoni.

73.

Bil-kontra, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li huwa suffiċjenti li l-eżami tan-natura diskriminatorja tal-liġi barranija, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10, titwettaq in abstracto, mingħajr ma tintrabat mal-ispeċifikazzjonijiet tas-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati, li hija l-opinjoni tiegħi wkoll, minħabba r-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq.

74.

Fl-ewwel lok, inqis li tali interpretazzjoni tosserva l-formulazzjoni kemm tal-Artikolu 10 kif ukoll tal-premessa 24 tar-Regolament Nru 1259/2010.

75.

Ċertament, l-imsemmi Artikolu 10 ma jagħtix indikazzjonijiet espliċiti li jikkonċernaw il-mod kif għandu jiġi evalwat jekk il-liġi barranija li hija applikabbli bħala prinċipju tqiegħedx fi żvantaġġ lil wieħed mill-konjuġi minħabba s-sess tiegħu jew tagħha. Madankollu, l-imsemmi artikolu ma fih l-ebda riferiment li minnu jirriżulta li l-liġi tal-forum tista’ teskludi liġi li tipprevedi aċċess inugwali għad-divorzju fl-uniku każ fejn din il-liġi tal-aħħar tipproduċi effetti diskriminatorji fil-każ preżenti, kif tikkontempla l-qorti tar-rinviju. Bil-kontra, hekk kif jenfasizza l-Gvern Franċiż, bil-kuntrarju, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li huwa suffiċjenti li l-liġi barranija applikabbli tkun diskriminatorja minħabba l-kontenut tagħha sabiex tiġi skartata minn qorti tal-Istat Membru parteċipanti.

76.

Inqis li t-teżi sostnuta mill-qorti tar-rinviju kif ukoll minn R. Mamisch u mill-Gvern Ġermaniż ma hijiex barra minn hekk sostnuta fir-rigward tal-kontenut tal-premessa 24 tar-Regolament Nru 1259/2010. Huwa possibbli li l-formulazzjoni tal-imsemmija premessa fil-verżjoni tagħha fil-lingwa Ġermaniża tista’ twassal għal konfużjoni, sa fejn il-frażi introduttorja “F’ċerti sitwazzjonijiet”, hija direttament segwita minn termini li jfissru “li fihom il-liġi applikabbli […] ma tagħtix […] ugwaljanza fl-aċċess għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali” ( 81 ). Il-kliem konness li enfasizzajt jista’ jwassal sabiex jinftiehem li għandhom jiġu eżaminati l-effetti konkreti ta’ din il-liġi fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tal-konjuġi inkwistjoni ( 82 ).

77.

Madankollu, il-formulazzjoni adottata f’verżjonijiet lingwistiċi oħra hija nieqsa minn tali sors ta’ ambigwità ( 83 ). Fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar, kif ukoll b’teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1259/2010 ( 84 ), jidhirli li l-użu tal-imsemmija espressjoni introduttorja jirreferi sempliċement għas-sitwazzjonijiet li huma deskritti fl-Artikolu 10 sabiex jiġu ddefiniti s-sitwazzjonijiet koperti minnu, hekk kif tafferma l-Kummissjoni, u ma jistax jinftiehem bħala li jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur sabiex jillimita l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għas-separazzjonijiet biss li fihom id-diskriminazzjoni intiża sseħħ in concreto.

78.

Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi l-oħra. Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ applikazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni teskludi li dan jiġi kkunsidrat waħdu, f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, il-portata tad-dispożizzjoni kkonċernata għandha tiġi evalwata skont l-istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element ( 85 ).

79.

Issa, l-interpretazzjoni li qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tadotta hija fl-opinjoni tiegħi kkonfermata, fit-tieni lok, mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1259/2010. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 12 tiegħu, li jippermetti li titwarrab dispożizzjoni tal-liġi applikabbli abbażi ta’ dan l-istrument, meta l-applikazzjoni tagħha tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forom, kif ukoll fid-dawl tal-premessa 25 tiegħu, li tirrigwarda l-kontenut ta’ dan l-Artikolu 12 ( 86 ).

80.

F’dan ir-rigward, R. Mamisch u l-Gvern Ġermaniż jallegaw li, sa fejn jikkostitwixxi deroga fil-konfront tar-regoli li jindikaw il-liġi applikabbli bħala prinċipju u espressjoni partikolari tal-eċċezzjoni ġenerali ta’ ordni pubbliku msemmija iktar ’il fuq, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 għandu jiġi interpretat b’mod strett, li minnu jirriżulta li l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni għandha titfittex każ b’każ, tal-inqas fil-kuntest tal-eżami tal-validità ta’ divorzju li diġà seħħ barra mill-pajjiz ( 87 ).

81.

Min-naħa tiegħi, bħall-Gvern Ungeriż u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni, inqis li ma huwiex adattat li ssir interpretazzjoni restrittiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010, permezz ta’ “tnaqqis teleoloġiku”, skont it-termini użati mill-qorti tar-rinviju, li jwassal sabiex jiġi meħtieġ li l-liġi barranija tkun diskriminatorja mhux biss minħabba l-kontenut tagħha iżda wkoll fir-rigward tal-effetti konkreti tagħha.

82.

Paragun kemm tal-formulazzjoni kif ukoll tal-ispirtu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet juri li l-Artikolu 10 ma jistax jitqies bħala sempliċi deklinazzjoni tar-riżerva tal-ordni pubbliku stabbilita fl-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament ( 88 ), anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma komplementari ( 89 ). Fil-fatt, l-Artikolu 10 huwa fformulat b’termini iktar wiesgħa, peress li jippermetti li titbiegħed il-liġi barranija fit-totalità tagħha, u mhux biss biex jostakola “dispożizzjoni” iżolata li titqies inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forum, kif jipprevedi l-Artikolu 12. Barra minn hekk, bil-kontra tal-Artikolu 12, li jħalli lill-qrati nazzjonali l-libertà li jevalwaw b’mod diskrezzjonali l-eżistenza ta’ ksur tal-ordni pubbliku, l-Artikolu 10 ma jinkludix tali marġni ta’ evalwazzjoni ( 90 ), iżda huwa intiż sabiex japplika b’mod kważi awtomatiku, hekk kif il-qorti adita tikkonstata li l-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi ġew effettivament issodisfatti ( 91 ).

83.

Il-preambolu tar-Regolament Nru 1259/2010 jikkorrobora din l-analiżi, peress li l-premessa 25 tippreċiża li l-qorti adita tista’ tagħmel użu mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 12 sabiex “jwarrbu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi barranija f’każ partikolari fejn hi tmur manifestament kontra l-politika pubblika tal-forum” ( 92 ), għaldaqstant fir-rigward tal-effetti konkreti ta’ din il-liġi fil-każ preżenti, filwaqt li ma hemmx espressjoni ekwivalenti fil-premessa 24 li hija relatata mal-Artikolu 10 ( 93 ).

84.

Fit-tielet lok u qabel kollox, it-teżi li nsostni jien tirrispondi, fl-opinjoni tiegħi, kompletament mal-iskop speċifiku tad-dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba. Jidhirli li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 huwa intiż sabiex jipproteġi dritt, jiġifieri d-dritt għal divorzju b’kundizzjonijiet ugwali bejn irġiel u nisa, li tant huwa fundamentali, li ma huwiex possibbli li jiġi ristrett, lanqas abbażi tal-liġi li bħala prinċipju hija applikabbli għat-taħlil, indipendentement mill-fatt li din il-liġi ntgħażlet abbażi tar-rieda tal-persuni kkonċernati jew minħabba l-effett tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi regolament ( 94 ). Id-dritt għal trattament nieqes minn kull diskriminazzjoni, b’mod partikolari bbażata fuq is-sess, jikkostitwixxi effettivament, hekk kif enfasizza l-Gvern Portugiż, wieħed mid-drittijiet fundamentali stabbiliti kemm mit-Trattati, kif ukoll mill-Artikolu 21 tal-Karta ( 95 ).

85.

Fid-dawl tal-premessa 30 tar-Regolament Nru 1259/2010 ( 96 ) u tax-xogħol li wassal għall-adozzjoni ta’ dan l-istrument ( 97 ), naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Ungeriż u tal-Kummissjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li d-diskriminazzjoni prevista mill-Artikolu 10 tiegħu, jiġifieri dik ibbażata fuq is-sess tal-konjuġi, tant hija gravi li għandha twassal għaċ-ċaħda totali, mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ eċċezzjoni skont il-każ, tat-totalità tal-liġi li kienet kieku tiġi applikata ( 98 ). Dan l-iskop ma jistax jintlaħaq jekk ikun permess li liġi barranija diskriminatorja tipproduċi l-effetti tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti, minħabba l-fatt li l-konjuġi ddiskriminat in abstracto ma ġiex ppreġudikat in concreto.

86.

F’tali każ, fir-raba’ lok, it-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 jikkostitwixxi element minnha, ikun, fl-opinjoni tiegħi, kompromess. Fil-fatt, mill-premessi 9, 21, 22 u 29 jirriżulta li l-imsemmi regolament għandu bħala għan li jsiru unformi r-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet, fil-qasam tad-divorzju u tas-separazzjoni legali, sabiex tissaħħah iċ-ċertezza legali, il-prevedibbiltà u l-flessibbiltà, filwaqt li jiġi prekluż ir-riskju ta’ forum shopping, fil-proċeduri ta’ taħlil ta’ natura internazzjonali, u, għaldaqstant, li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-persuni ġewwa l-Unjoni ( 99 ). Issa, jekk l-użu tad-deroga prevista f’dan l-Artikolu 10 kellha tiddependi fuq evalwazzjoni mwettqa in concreto mill-qrati nazzjonali kompetenti, l-għanijiet ġenerali msemmija iktar ’il fuq ma jiġux ippreġudikati, peress li l-liġi finalment applikabbli tiġi ddeterminata wara analiżi każwistika, u mhux b’mod sistematiku għaldaqstant sigur u prevedibbli.

87.

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni li qiegħed nirrakkomanda tissodisfa kunsiderazzjonijiet ta’ natura funzjonali. F’dan ir-rigward, infakkar li r-Regolament Nru 1259/2010 għandu normalment bħala għan li jindika l-liġi applikabbli għad-divorzju fis-sitwazzjonijiet li jinkludu element extraterritorjali, meta qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri parteċipanti tiġi adita b’talba għall-finijiet ta’ divorzju ( 100 ), u mhux talba għall-finijiet ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ divorzju diġà mogħtija, bħalma jirriżulta fil-kawża preżenti permezz tal-implementazzjoni tar-regoli tad-dritt Ġermaniż. Issa, hekk kif jirrileva l-Gvern Franċiż, fil-kuntest normali ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument, id-divorzju jkun għadu, bħala ipoteżi, ma ġiex deċiż jew ikkonstatat u għaldaqstant, ikun fil-parti l-kbira taż-żmien diffiċli jekk mhux impossibbli sabiex jiġi ddeterminat, f’din il-fażi preliminari, jekk l-applikazzjoni tal-liġi indikata abbażi tal-Artikoli 5 u 8 ta’ dan ir-regolament ikollhiex in concreto effett diskriminatorju, abbażi tas-sess ta’ wieħed mill-konjuġi, f’dak li jikkonċerna l-aċċess għad-divorzju.

88.

Sabiex tiġi rregolata din il-problema, inqis li huwa impossibbli li tiġi segwita l-alternattiva, li hija ssuġġerita mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Ġermaniż li tipprovdi li approċċ speċifiku jista’ jiġi adottat “minn tal-inqas”, meta l-qorti għandha, bħal fil-kawża prinċipali, teżamina l-validità ta’ divorzju diġà deċiż barra mill-pajjiż u li għaldaqstant tista’ tagħti perspettiva retrospettiva dwar is-sitwazzjoni konkreta. Fl-opinjoni tiegħi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa li tiġi interpretata din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’mod oġġettiv, ġenerali u uniformi ( 101 ), ma jistax jiġi ammess li tiġi varjata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 skont jekk l-każ jirrigwarda talba għal divorzju, każ normali ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li fih huwa suffiċjenti li teżisti diskriminazzjoni astratta, jew ukoll ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ divorzju, fejn l-applikazzjoni tiegħu tirrizulta mid-dritt Ġermaniż li fiha jkun neċessarju li tiġi kkonstatata diskriminazzjoni konkreta.

89.

Bħala konklużjoni, għandha, fl-opinjoni tiegħi, tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi tal-forum għandha tapplika meta l-liġi barranija li tkun applikabbli abbażi tal-Artikoli 5 jew 8 ta’ dan ir-regolament twassal għal diskriminazzjoni in abstracto, fir-rigward tal-kontenut tagħha, u mhux biss meta din tal-aħħar tikkawża diskriminazzjoni in concreto, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti.

2.  Fuq l-assenza ta’ effett tal-kunsens eventwali tal-konjuġi ddiskriminat abbażi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010

90.

It-tielet domanda hija magħmula biss fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, b’risposta għat-tieni domanda, li t-tieni alternattiva prevista fiha għandha tiġi adottata, jiġifieri li l-intervent derogatorju tal-lex fori abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 li jallega li l-applikazzjoni tal-liġi barranija bħala prinċipju indikata hija diskriminatorja, għal wieħed mill-konjuġi, fil-kawża preżenti. Peress li qed nipproponi li tingħata r-risposta bil-kontra lit-tieni domanda, inqis li ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tielet domanda. Madankollu ser nippreżenta xi osservazzjonijiet li jikkonċernawha, sussidjarjament.

91.

Permezz tal-aħħar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk il-fatt li l-konjuġi ddiskrimata kienet tat il-kunsens għad-divorzju, inkluż fil-forma ta’ aċċettazzjoni ta’ prestazzjonijiet kumpensatorji, jippermettix li ma tiġix applikata, f’dan il-każ, ir-regola prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010. Din il-qorti tindika li, fil-preżenza ta’ kunsens debitament ikkonstatat tal-konjuġi teoretikament leża ( 102 ), hija jkollha t-tendenza li ma tapplikax l-imsemmija regola, b’mod li tkun il-liġi indikata mill-Artikolu 5 jew mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament li tibqa’ applikabbli. Hija żżid, billi tiċċita l-ġurisprudenza Ġermaniża f’dan is-sens, li fil-każ ta’ applikazzjoni tal-liġi Sirjana, din għandha tiġi evalwata, fil-każ konkret, fid-dawl tal-ordni pubbliku Ġermaniż.

92.

Il-Gvern Ġermaniż jaqbel ma’ din l-analiżi, peress li jikkunsidra li huwa possibbli, każ b’każ, li ma tkunx teżisti diskriminazzjoni, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 10, meta l-konjuġi li huwa ddiskriminat in abstracto mil-liġi applikabbli abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1259/2010 jkun iddikjara l-kunsens tiegħu għad-divorzju, taħt il-kundizzjoni li dan il-kunsens ikun ingħata liberament u b’mod li jista’ jiġi kkonstatat mingħajr dubju, ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti ( 103 ). R. Mamisch esprima opinjoni simili waqt is-seduta ( 104 ).

93.

Bil-kontra, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu t-teżi kuntrarja, li hija l-pożizzjoni tiegħi wkoll, minħabba r-raġunijiet li ġejjin.

94.

Fl-ewwel lok, nenfasizza, bħall-Kummissjoni, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 ma fiha l-ebda riżerva li tippermetti, lill-qrati tal-Istati Membri parteċipanti sabiex jiskartaw l-eċċezzjoni stabbilità f’din id-dispożizzjoni fil-każijiet fejn l-implementazzjoni tal-liġi barranija applikabbli bħala prinċipju, li bħala ipoteżi hija intrinsikament diskriminatorja, ma twassal fil-prattika għal ebda preġudizzja lill-konjuġi ddiskriminat.

95.

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10, bħal fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 1259/2010, jirriżulta li l-fattur ta’ diskriminazzjoni li jiġġustifika l-applikazzjoni derogratorja tal-lex fori huwa assenza ta’ “aċċess indaqs għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali” ( 105 ). Il-Gvern Franċiż jenfasizza, ġustament, li ma għandhiex issir konfużjoni bejn l-aċċettazzjoni minn konjuġi tal-konsegwenzi ta’ proċedura ta’ divorzju, minn naħa, u l-aċċettazzjoni minn dan l-istess konjuġi tal-prinċipju ta’ divorzju, min-naħa l-oħra ( 106 ). Issa, nikkunsidra li huwa biss dan l-eżempju tal-aħħar li jikkorrispondi mal-espressjoni li tintuża fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Din l-analiżi jidhirli li hija kkorroborata mill-fatt li l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex ikopri biss ix-xoljiment taż-żwieġ fih innifsu, bil-konoxxenza li jeskludi b’mod espress mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-kwistjonijiet legali li jippreżentaw ruħhom mhux fil-bidu, iżda pjuttost matul jew wara t-tmiem ta’ proċedura ta’ divorzju, bħall-effetti patrimonjali jew l-obbligi alimentari ( 107 ).

96.

B’hekk, jidhirli li t-tielet domanda preliminari hija bbażata fuq premessa żbaljata, sa fejn tevoka l-“kunsens għad-divorzju mogħti mill-konjuġi ddiskriminat — inkluż fil-forma ta’ aċċettazzjoni min-naħa tiegħu ta’ prestazzjonijiet kumpensatorji” ( 108 ). Fil-fatt, din il-formulazzjoni tassimila, inġustament fl-opinjoni tiegħi, l-aċċettazzjoni pprovata ta’ wieħed mill-effetti tad-divorzju ( 109 ) mal-aċċettazzjoni allegata tal-prinċipju ta’ divorzju fih innifsu ( 110 ), filwaqt li ż-żewġ avvenimenti ċċitatati seħħew fi fażijiet tassew differenti tal-proċedura ta’ divorzju ( 111 ).

97.

F’dan ir-rigward, fil-kawża prinċipali, il-fatt li S. Sahyouni opponiet id-deċiżjoni li tammetti r-rikonoxximent fil-Ġermanja ta’ divorzju li ngħata fis-Sirja ( 112 ) jidhirli li juri li, minkejja l-kliem li bihom iddikjarat li taċċetta l-prestazzjonijiet kumpensatorji mħallsa mir-raġel tagħha, hija ma kellha l-ebda rieda li tagħti l-kunsens tagħha għad-divorzju fih innifsu.

98.

Ċertament, bħala prinċipju, hija biss il-qorti li quddiemha tressqet din it-tilwima li għandha tiddeċiedi dwar l-evalwazzjoni ta’ elementi ta’ natura fattwali li jikkostitwixxu l-eżistenza u l-portata ta’ kunsens mogħti eventwalment minn parti. Madankollu, inqis li huwa neċessarju li din il-qorti tingħata xi kjarifiki dwar l-elementi li għandha tieħu inkunsiderazzjoni waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 li hija ser ikollha tagħmel ( 113 ).

99.

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-kunsens għad-divorzju tal-konjuġi li ġie ddiskriminat jitqies bħala miksub minn din il-qorti, tali konstatazzjoni ma tistax twassal sabiex ir-regola ta’ dritt stabbilita fl-imsemmi artikolu tiġi skartata.

100.

Fil-fatt, l-approċċ previst mill-qorti tar-rinviju fl-aħħar domanda preliminari tagħha ma huwiex konformi, fit-tieni lok, mal-għanijiet previsti mir-Regolament Nru 1259/2010, u b’mod iktar partikolari mill-Artikolu 10 tiegħu.

101.

Fuq dan is-suġġett, il-Kummissjoni tafferma, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, li r-regola li tinsab f’dan l-Artikolu 10 tissodisfa funzjoni ta’ protezzjoni għall-benefiċċju tal-konjuġi ddiskriminat, peress li din hija l-parti li tinsab f’pożizzjoni dgħajfa, u li din il-funzjoni tkun kompromessa jekk l-imsemmija regola jkollha natura fakultattiva. Fil-fatt, ikun hemm riskju li din il-parti taċċetta li tirrinunzja għall-applikazzjoni tal-liġi tal-forum, possibbilment mingħajr lanqas biss ma tkun taf li din tkun l-iktar favorevoli għaliha ( 114 ).

102.

Mix-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010 jirriżulta li l-prinċipju tal-awtonomija tar-rieda tal-partijiet, li ġie stabbilit minn dan l-istrument, ifassal, permezz tal-istabbiliment ta’ garanziji speċjali, kemm sabiex jiġu osservati l-“valuri komuni tal-Unjoni Ewropea” ( 115 ) kemm sabiex tiġi protetta l-iktar parti dgħajfa bejn il-konjuġi ( 116 ). Issa, id-dispożittiv derogatorju, previst fl-Artikolu 10 tiegħu jkun nieqes minn effett utli, u għaldaqstant l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jintlaħqux, jekk il-konjuġi ddiskriminat seta’ aċċetta li jitlef il-benefiċċju tiegħu, billi jikkunsenta sabiex ikun is-suġġett ta’ divorzju inugwali, kemm jekk dan ikun minħabba ġegħil imwettaq mill-konjuġi l-ieħor, minnħabba r-rieda personali tiegħu sabiex joħroġ minn sitwazzjoni ta’ kunflitt, jew minħabba sempliċi injoranza tad-drittijiet tiegħu.

103.

Fit-tielet lok, studju tas-sistema li fiha jaqa’ l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 jsostni l-interpretazzjoni kemm letterali u kemm teleoloġika li qed nipproponi li tiġi adottata. Fil-fatt, dan l-artikolu jiżgura s-supremazija tar-rekwiżiti li għandu kemm fuq il-liġi magħżula mill-konjuġi abbażi tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, u kemm fuq il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla eżerċitata minnhom, abbażi tal-Artikolu 8 tiegħu. Hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, l-Artikolu 10 japplika mill-mument li fih il-kundizzjonijiet oġġettivi tal-applikazzjoni tiegħu jiġu ssodisfatti u jippermetti li jingħata privileġġ lil-liġi tal-forum anki meta l-liġi diskriminatorja kienet ġiet indikata espessament mill-partijiet. Minn dan jiġi dedott li r-regola prevista fl-imsemmi artikolu, li hija bbażata fuq l-osservanza tal-valuri kkunsidrati bħala fundamentali, għandha natura imperattiva u għaldaqstant tqegħdet, minħabba r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, barra mill-isfera ta’ dispożizzjoni libera tad-drittijiet tagħhom mill-persuni kkonċernati ( 117 ).

104.

Konsegwentement, inqis li jekk ikun minnu li l-konjuġi li ssubixxa diskriminazzjoni minħabba s-sess, – permezz tal-effett tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 5 jew skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1259/2010 – ikkunsenta għad-divorzju, dan il-kunsens ma jistax iwassal sabiex jiġi skartat l-intervent tal-liġi tal-forum abbażi tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, meta l-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu tal-aħħar jiġu ssodisfatti. Fi kliem ieħor, fl-opinjoni tiegħi, għandha tingħata risposta negattiva għat-tielet domanda preliminari, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq din id-domanda sussidjarja.

V. Konklużjoni

105.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht München (qorti reġjonali superjuri ta’ München, il-Ġermanja) bil-mod kif ġej:

1)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament id-divorzji mogħtija mingħajr deċiżjoni b’effett kostituttiv ta’ qorti jew ta’ awtorità pubblika oħra, bħal divorzju li jirriżulta mid-dikjarazzjoni unilaterali ta’ konjuġi rreġistrata minn qorti reliġjuża.

2)

Sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tali divorzji ta’ natura privata jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010, l-Artikolu 10 tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li l-liġi tal-forum għandha tapplika meta l-liġi barranija indikata abbażi tal-Artikoli 5 jew 8 ta’ dan ir-regolament toħloq in abstracto diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess tal-konjuġi u, min-naħa l-oħra, li ċ-ċirkustanza li l-konjuġi ddiskriminat kien eventwalment ta l-kunsens tiegħu għad-divorzju ma għandu ebda effett fuq l-applikabbiltà tal-imsemmi artikolu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Franċiż.

( 2 ) ĠU 2010, L 343, p. 10. Normalment dan l-att jissejjaħ ir-“Regolament Rome III”.

( 3 ) EU:C:2016:343.

( 4 ) Hemm sunt tal-motivi prinċipali ta’ din id-deċiżjoni fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Dan ir-regolament, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Diċembru 2010, japplika mill-21 ta’ Ġunju 2012, fl-Istati Membri li pparteċipaw f’din il-kooperazzjoni mill-bidu, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-preżent, huwa applikabbli fil-Belġju, fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, fl-Ungerija, f’Malta, fl-Awstrija, fil-Portugall, fir-Rumanija u fis-Slovenja. Ser ikun applikabbli fl-Estonja wkoll mill-11 ta’ Frar 2018 [ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1366, tal-10 ta’ Awwissu 2016, li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Estonja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali, ĠU2016, L 216, p. 23].

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243.

( 7 ) Test aċċessibbli, fil-lingwa Ġermaniża u Ingliża, fl-indirizz internet li ġej: http://www.gesetze-im-internet.de/famfg/index.html.

( 8 ) Jiġifieri l-Gesetz zur Anpassung der Vorschriften des Internationalen Privatrechts an die Verordnung (EU) Nr. 1259/2010 und zur Änderung anderer Vorschriften des Internationalen Privatrechts (liġi li tadatta ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat mar-Regolament Nru 1259/2010 u li temenda dispożizzjonijiet oħra tad-dritt internazzjonali privat), tat-23 ta’ Jannar 2013 (BGBl. 2013 I, p. 101), li daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 2013.

( 9 ) EU:C:2016:343, punti 9 sa 14.

( 10 ) B’rata tal-kambju ta’ madwar 0.75 EUR għal kull 1 USD fid-data tat-12 ta’ Settembru 2013.

( 11 ) B’mod iktar preċiż, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-EGBGB.

( 12 ) EU:C:2016:343, punti 18 sa 33.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2017, Lounani (C‑573/14, EU:C:2017:71, punt 56) u tal-14 ta’ Ġunju 2017, Menini u Rampanelli (C‑75/16, EU:C:2017:457, punt 28).

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-16 ta’ April 2008, Club Náutico de Gran Canaria (C‑186/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:227, punt 19), u s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 28).

( 15 ) EU:C:2016:343.

( 16 ) Ara l-punt 19 tad-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni (C‑281/15, EU:C:2016:343).

( 17 ) Li l-lista tagħhom tidher fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Fir-rigward tar-Regolament Nru 2201/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri l-oħra (ara l-punti 20 sa 22 tad-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sayhouni, C‑281/15, EU:C:2016:343).

( 19 ) Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990 (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 36 u 37).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet iċċitati fil-punti 24 sa 29 tad-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni (C‑281/15, EU:C:2016:343).

( 21 ) Ara, wkoll, il-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Europamur Alimentación (C‑295/16, EU:C:2017:506, punti 43 u 44).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638, punti 45 et seq.); tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo (C‑313/12, EU:C:2013:718, punti 21 et seq.); digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni (C‑281/15, EU:C:2016:343, punti 27 et seq.); sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 53 et seq.), kif ukoll tal-5 ta’ April 2017, Borta (C‑298/15, EU:C:2017:266, punti 33 u 34).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO (C‑306/99, EU:C:2003:3, punti 90 et seq).

( 24 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 23).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-30 ta’ Jannar 2014, C. (C‑122/13, EU:C:2014:59, punt 15), kif ukoll is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 54 u 55).

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2011, Wamo (C‑288/10, EU:C:2011:443, punti 26 et seq); sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2013, Kostov (C‑62/12, EU:C:2013:391, punti 24 u 25); tal-21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt (C‑221/15, EU:C:2016:704, punt 15), kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2017, HanseYachts (C‑29/16, EU:C:2017:343, punt 34).

( 27 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 41 u 42), kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 33).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C-28/95, EU:C:1997:369, punti 28 et seq); 18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 51), kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo (C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 33); digrieti tat-3 ta’ Settembru 2015, Orrego Arias (C‑456/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:550, punti 23 sa 25), u tat-28 ta’ Ġunju 2016, Italsempione – Spedizioni Internazionali (C‑450/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:508, punti 22 u 23).

( 29 ) B’hekk, fis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638, punti 53 sa 57), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni minħabba li “l-att tal-Unjoni [kkonċernat] [kien] jipprevedi espressament każ ta’ esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu” fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u li “ma jistax jiġi ddikjarat jew preżunt li jeżisti interess min-naħa tal-Unjoni sabiex, f’qasam eskluż mil-leġiżlatur tal-Unjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-att li huwa adotta, tingħata interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att”.

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 21).

( 31 ) Fost oħrajn, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts et (C‑542/14, EU:C:2016:578, punt 18).

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo (C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 25); tal-14 ta’ Jannar 2016, Ostas celtnieks (C‑234/14, EU:C:2016:6, punti 19 sa 21), kif ukoll tal-5 ta’ April 2017, Borta (C‑298/15, EU:C:2017:266, punt 32).

( 33 ) Fil-punt 30 tad-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni (C‑281/15, EU:C:2016:343), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrilevat li l-qorti tar-rinviju kienet illimitat ruħha, fl-imsemmija talba, sabiex tafferma li l-“President tal-Oberlandesgericht München [qorti reġjonali superjuri ta’ München] espona li n-natura rikonoxxibbli tad-deċiżjoni kkontestata hija rregolata mir-Regolament [Nru 1259/2010] li japplika wkoll għad-‘divorzji privati’”.

( 34 ) Nenfasizza li t-terminu “rikonoxximent” li ntuża f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni tar-rinviju għandu jiġi estiż, fis-sens tad-dritt Ġermaniż, kif jipprevedi l-eżami tal-legalità ta’ divorzju privat mogħti barra mill-pajjiż – analiżi li tirrekjedi r-riżoluzzjoni ta’ kunflitt tal-liġi minn qabel sabiex tiġi ddeterminata s-sistema legali li hija applikabbli għal dan id-divorzju – u mhux bħala li għandha l-istess tifsira tal-kunċett li jintuża fir-Regolament Nru 2201/2003 fir-rigward tar-riċezzjoni fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor.

( 35 ) Ara l-punti 37 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Ara l-punti 34 sa 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li d-dritt Sirjan kien jirrikonoxxi lil tali kunsens kif ukoll awtorizzazzjoni ta’ natura dikjaratorja minn qorti, billi tirreferi għall-Artikoli 85 et seq tal-liġi Sirjana Nru 59 tas-17 ta’ Settembru 1953, kif emendata bil-liġi Nru 34 tal-31 ta’ Diċembru 1975, dwar l-istatus ċivili, li huma riprodotti f’Bergmann, A., Ferid, M., et Henrich, D., Internationales Ehe- und Kindschaftsrecht, Verlag für Standesamtswesen, Francfort, 1981, vol 7, parti “Sirja”, p. 11 et seq.

( 38 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li hija taqbel mal-opinjoni dominanti, billi tippreċiża li parti mill-kummentarji u l-ġurisprudenza Ġermaniża jqisu li r-Regolament Nru 1259/2010 huwa intiż li japplika biss meta qorti ta’ Stat Membru parteċipanti tiddeċiedi hija stess fuq talba għal divorzju u mhux fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikonoxximent ta’ divorzju li diġà mogħti barra mill-pajjiż.

( 41 ) Ara s-sentenza tal-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), tat-28 ta’ Mejju 2008 (XII ZR 61/06, punt 36), aċċessibbli fuq l-indirizz internet li ġej: http://juris.bundesgerichtshof.de/cgi‑bin/rechtsprechung/document.py?Gericht=bgh&Art=en&nr=44298&pos=0&anz=1.

( 42 ) Ara l-punti 17 u 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Reviżjoni fuq il-mertu hija kkunsidrata bħala inutli f’dan il-każ, minħabba li qorti jew amministrazzjoni barranija ma tagħtix divorzju ħlief wara li hija stess tkun eżaminat il-kundizzjonijiet ta’ dritt meħtieġa għal dan.

( 44 ) Dan il-metodu ta’ pproċessar tad-divorzji mogħtija barra mill-pajjiż ta’ natura Statali huwa kklassifikat bħala “rikonoxximent proċedurali (“verfahrensrechtliche Anerkennung” fil-lingwa Ġermaniża).

( 45 ) Il-qrati Ġermaniżi ma jwettqu l-ebda eżami li jmur lil hinn mill-ostakoli għar-rikonoxximent elenkati minn dan l-artikolu, fejn fosthom jidher il-preġudizzju għall-ordni pubbliku Ġermaniż.

( 46 ) Hekk kif iddefiniti fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Verifika iktar stretta, li tmur lil hinn mill-eżami tal-motivi ta’ rifjut iddeterminati, hija ġġustifikata, mill-perspettiva tad-dritt Ġermaniż, fir-rigward ta’ tali divorzji, peress li ma teżistix garanzija ta’ fondatezza ekwivalenti għal dik li tirriżulta mill-parteċipazzjoni kostituttiva ta’ awtorità pubblika.

( 48 ) Dan il-metodu ta’ trattament tad-divorzji mogħtija barra ta’ natura privata huwa kklassifikat bħala “rikonoxximent fuq il-bażi ta’ regoli dwar il-kunflitti tal-liġijiet ” (“kollisionsrechtliche Anerkennung” fil-lingwa Ġermaniża), anki jekk l-użu tat-terminu “rikonoxximent” huwa, fl-opinjoni tiegħi, xi ftit qarrieqi (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 49 ) Skont it-termini tas-sunt tal-motivi ta’ abbozz ta’ liġi tat-23 ta’ Jannar 2013, evokat fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet “[h]ija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tista’ tagħti interpretazzjoni vinkolanti tar-Regolament [Nru 1259/2010]. Hija għaldaqstant din l-istituzzjoni li għandha fl-ewwel lok tikkjarifika lill-punti li ma humiex ċari. Madankollu għandha tinġibed l-attenzjoni fuq ċerti punti li jistgħu jkunu ta’ importanza għal interpretazzjoni tal-att ġuridiku fil-Ġermanja [.] Ir-Regolament [Nru 1259/2010] japplika wkoll għad-divorzji privati. Id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jirregolawx ċertament b’mod espress dan il-qasam ta’ applikazzjoni estiż, iżda abbażi tal-premessa 9 tiegħu, huwa intiż sabiex joħloq kuntest ġuridiku komplet fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali. Id-divorzju privat ma jidhirx fost l-oqsma li ma japplikax għalihom ir-regolament abbażi tal-Artikolu 1(2) tiegħu. L-Artikolu 4 li jipprevedi l-applikazzjoni universali tal-imsemmi regolament ma jinkludi l-ebda limitazzjoni f’dak li jikkonċerna l-ordinamenti ġuridiċi li jawtorizzaw id-divorzju privat. Dan huwa biss minħabba l-fatt li – sa fejn jiġi osservat – id-divorzju privat ma huwiex magħruf fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri parteċipanti li r-Regolament [Nru 1259/2010] huwa orjentat, f’ċerti partijiet, fil-konfront ta’ sitwazzjoni “normali” ta’ divorzju u ta’ separazzjoni mogħtija minn qorti” (ara Bundestag Drucksache Nru 17/11049, tas-17 ta’ Ottubru 2012, p. 8, aċċessibbli fis-sit Internet li ġej: http://dip21.bundestag.de/dip21/btd/17/110/1711049.pdf).

( 50 ) Anki jekk ċerti awturi jissuġġerixxu xi soluzzjonijiet sabiex jirrimedjaw il-“lakuna ġuridika”, li inħolqot minn dan it-tħassir skont il-qorti tar-rinviju (jiġifieri applikazzjoni b’analoġija kemm tal-Artikoli 14 u 17 tal-verżjoni antika tal-EGBGB, kemm tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1259/2010), xorta jibqa’ l-fatt li inċertezzi ġuridiċi b’saħħithom jirriżultaw minnu, jidhirli, fid-dritt Ġermaniż (ara, b’mod partikolari, Helms, T., “Reform des internationales Scheidungsrechts durch die Rom III-Verordnung », FamRZ, 2011, Nru 22, p. 1765 et seq, kif ukoll Pika, M., u Weller, M..-P., “Privatscheidungen zwischen Europäischem Kollisions- und Zivilprozessrecht”, IPRax, 2017, no 1, p. 65 et seq).

( 51 ) Għaldaqstant, nenfasizza li dan jirrigwarda regola ta’ dritt ta’ oriġini ġurispruenzjali, u mhux prassi sempliċi preżunta ta’ awtorità amministrattiva, bħal dik li wasslet lil Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad li hija għandha ġurisdizzjoni fid-digriet tat-28 ta’ Ġunju 2016, Italsempione – Spedizioni Internazionali (C‑450/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:508, punti 22 u 23), minħabba l-fatt li “id-deskrizzjoni ta’ prassi nazzjonali tal-Awtorità tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala riferiment dirett u inkundizzjonat għad-dritt tal-Unjoni”.

( 52 ) Dan kien il-każ, b’mod partikolari, fil-kawża msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Minħabba l-motivi li ser ikunu indikati fil-punt 52 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Konformement mal-ġurisprudenza evokata fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Filwaqt li għandu jitfakkar li huwa stabbilit li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1259/2010 ma humiex applikabbli direttament fil-kawża preżenti (ara l-punti 32 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 56 ) Ara l-punti 34 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Ara l-punti 32 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Din it-teżi hija difiża wkoll minn parti tal-kummentarji Ġermaniżi, iżda li jidher li ma hijiex fil-maġġoranza (ara, b’mod partikolari, Wiese, V., “Article 1 [Rome III], Scope”, f’Rome Regulations, Commentary, taħt id-direzzjoni ta’ G.-P. Calliess, Kluwer Law International, Alphen aan den Rijn, it-tieni edizzjoni, 2015, p. 861, punt 12, kif ukoll il-kummentarju tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/2010 minn Corneloup, S., fi Droit européen du divorce, Xogħol taċ-Ċentru għar-riċerka fuq id-dritt tas-swieq u tal-investimenti internazzjonali, Vol 39, LexisNexis, Paris, 2013, p. 497 sa 499, punti 9 u 10).

( 60 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2016, Wathelet (C‑149/15, EU:C:2016:840, punt 28), kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 42).

( 61 ) Ara l-Artikolu 1(2)(c) u t-tieni sentenza tal-premessa 10 tal-imsemmi regolament.

( 62 ) Jiġifieri, “tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri parteċipanti b’ġurisdizzjoni fil-materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament”. Skont il-premessa 13 tiegħu, ir-Regolament Nru 1259/2010 “għandu japplika irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal li quddiemu jinġieb il-każ”.

( 63 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 5(2) u (3); l-Artikoli 8 u 13 kif ukoll l-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament.

( 64 ) Skont ċerti awturi, “kemm il-qrati fis-sens strett, u kemm l-awtoritajiet amministrattivi, jiġifieri n-nutara jkollhom japplikaw ir-regoli l-ġodda, li jkopru permezz tal-istess forom varjati ta’ divorzju, li jvarjaw minn proċedura ġudizzjarja għal att privat awtentikat li sempliċiment ġie ċċertifikat, jekk ma huwiex divorzju purament privat. Dak li jgħodd huwa s-suġġett tal-proċedura, mhux il-modalitajiet tagħha. Madankollu, jibqgħu esklużi a priori mill-qasam tat-test il-proċeduri purament reliġjużi, peress li l-awtorità ma tintervjenix f’dan il-każ, f’isem l-Istat Membru parteċipanti, ħlief sa fejn tiġi stabbilita minnha (ara Hammje, P., “Le nouveau règlement [no 1259/2010]”, Revue critique de droit international privé, 2011, p. 291 et seq, punt 7).

( 65 ) L-imsemmi Artikolu 10 kien is-suġġett ta’ domandi oħra, magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, fejn ser niddedika iktar żviluppi dwarhom (ara l-punti 68 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 66 ) Suġġett għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 10 u 12 tar-Regolament Nru 1259/2010 (fuq il-mekkaniżmi previsti f’dawn l-artikoli, ara l-punti 79 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 67 ) Infakkar li kien taħt il-forma ta’ riformulazzjoni ta’ dan l-istrument li x-xogħol leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010 inbeda oriġinalment [ara l-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda lir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni u jistabbilixxi r-regoli dwar il-liġi applikabbli fil-qasam taż-żwieġ, COM(2006) 399].

( 68 ) Ara l-premessa 13 tar-Regolament Nru 1259/2010 (“[f]ejn applikabbli, qorti għandha titqies bħala qorti li quddiemha nġieb il-każ skont ir-Regolament […] Nru 2201/2003”) u l-Artikolu 2 tiegħu (li jipprovdi li r-Regolament Nru 1259/2010 “ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament […] Nru 2201/2003]”).

( 69 ) Hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 (“l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1”) fi kliem ekwivalenti għal dak li intuża fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1259/2010 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet). F’dan ir-rigward ninnota li fil-kuntest tax-xogħol għaddej fuq ir-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, li jikkonċerna prinċipalment id-dispożizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà parentali, huwa previst li jiġi ppreċiżat il-kunċett ta’ “qorti” ta’ Stat Membru, fis-sens ta’ dan ir-regolament, b’mod li issa jagħmel riferiment iktar ċar għal “awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva” ta’ Stat Membru [ara l-emendi tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 li ġew irrakkomandati mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal Regolament tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 2016, COM(2016) 411 final, p. 35].

( 70 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 1(1)(a)); l-Artikolu 2(1) u (4); l-Artikolu 19(2) u (3), kif ukoll l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 71 ) Ara l-aħħar sentenza tal-estratt tad-dokument parlamentari ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 72 ) Il-lista tal-Istati Membri li inizjalment ipparteċipaw f’din il-kooperazzjoni msaħħa mill-bidu hija mniżżla fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 1259/2010.

( 73 ) Hemm lok li ma ssirx konfużjoni bejn il-każijiet ta’ divorzji privati, bħal ma kien dak fil-kawża prinċipali, u l-każijiet ta’ divorzji mhux ġudizzjarji li fihom il-qorti tinbidel b’awtorità pubblika oħra (dwar dan is-suġġett, ara l-kontribuzzjonijiet ta’ Bernand, Y., u Ferrand, F., f’La rupture du mariage en droit comparé, taħt id-direzzjoni ta’ F. Ferrand u H. Fulchiron, Vol. 19 mill-kollezzjoni Droit comparé et européen, Société de législation comparée, Pariġi, 2015, p. 49 u p. 76 sa 78).

( 74 ) Fil-punti 59 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 75 ) Il-prudenza hija iktar u iktar neċessarja meta approċċi differenti ħafna ġew ikkonstatati fl-Istati Membri parteċipanti, fir-rigward tar-riċezzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija barra mill-pajjiż li jikkonsistu f’ċaħda (ara l-kontribuzzjoni ta’ Bidaud-Garon, C., f’La rupture du mariage en droit comparé, op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 244 u 245).

( 76 ) Dan l-ewwel eżempju rarament iseħħ fil-prattika, peress li huma ftit l-Istati li jipprojbixxu d-divorzju (ara dawk iċċitati minn Devers, A., u Farge, M., “Le nouveau droit international privé du divorceÀ propos du règlement Rome III sur la loi applicable au divorce ”, Droit de la famille, 2012, Nru 6, studju 13, punt 28), u dan ma huwiex is-suġġett ta’ din il-kawża prinċipali, iżda madankollu għandha tinżamm fil-memorja waqt l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10 fil-kawża preżenti.

( 77 ) Billi tagħmel riferiment għall-Artikoli 85 u 105 tal-liġi Sirjana msemmija iktar ’il fuq (nota f’qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-qorti tar-rinviju tindika li, sa fejn id-dritt Sirjan huwa applikabbli fil-kawża preżenti, dan ma jagħtix lil konjuġi ugwaljanza fl-aċċess għad-divorzju, anki jekk jirrikonoxxi, fid-divorzju b’kunsens reċiproku, divorzju ġudizzjarju fuq inizjattiva tal-mara, xorta jibqa’ l-fatt li dan id-divorzju huwa espressament suġġett għal azzjoni ġudizzjarja u għal kundizzjonijiet oħra – jiġifieri marda jew kundizzjoni tal-konjuġi tagħha – filwaqt li tiftaħ għar-raġel id-dritt illimitat li jiddivorzja unilateralment.

( 78 ) B’hekk, il-Gvern Belġjan astjena milli janalizza t-tieni u t-tielet domandi preliminari b’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta li huwa qed jipproponi li tingħata għall-ewwel domanda magħmula.

( 79 ) Infakkar li l-liġi indikata mir-Regolament Nru 1259/2010 għandha tapplika anki jekk hija dik ta’ Stat Membru li ma jipparteċipax għall-kooperazzjoni msaħħa jew dik ta’ Stat terz.

( 80 ) Din il-problematika hija differenti minn dik sabiex isir magħruf jekk l-evalwazzjoni tan-natura diskriminatorja tal-liġi barranija għandhiex titwettaq b’mod formali, billi tipprevedi ugwaljanza stretta bejn id-drittijiet tal-konjuġi fir-rigward tal-aċċess għad-divorzju, jew pjuttost sostanzjali, billi tfittex ugwaljanza sempliċi ta’ dawn id-drittijiet.

( 81 ) “In bestimmten Situationen, in denen das anzuwendende Recht […]” (enfasi miżjuda minni). Formulazzjoni ekwivalenti tidher, b’mod partikolari, fil-verżjoni fil-lingwa Daniża: “I visse situationer, hvor den valgte lov […]” (enfasi miżjuda minni).

( 82 ) Fuq din il-problematika, ara Lein, E., “Article 10 [Rome III], Application of the Law to the Forum”, f’Rome Regulations, Commentary, op. iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, punt 11 u n-nota 24.

( 83 ) Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola: “En algunas situaciones es oportuno, […] por ejemplo cuando la ley aplicable […]”; fil-lingwa Ingliża: “In certain situations, such as where the applicable law […]”; fil-lingwa Franċiża: “Dans certaines situations, […] comme lorsque la loi applicable […]”; fil-lingwa Portugiża: “Em certas situações, […] quando a lei aplicável […]” u fil-lingwa Svediża: “I vissa situationer, till exempel när tillämplig lag […]” (enfasi miżjuda minni).

( 84 ) Oriġinalment, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament kien ġie kkonċepit b’rabta diretta mad-dispożizzjonijiet li jindikaw il-liġi applikabbli bħala prinċipju għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali, u b’mod iktar preċiż, mar-regola stabbilità fl-Artikolu 8 tiegħu (dwar il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet), fejn jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 9 preżenti (dwar il-konverżjoni minn separazzjoni legali f’divorzju) ma jidhirx fil-verżjoni inizjali. L-istess, il-premessa 24 tal-imsemmi regolament (li tirrigwarda l-imsemmi Artikolu 10), kienet tinsab eżatt wara l-premessa 21 preżenti (li tirrigwarda l-imsemmi Artikolu 8) u huwa, fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl ta’ din il-pożizzjoni antika li għandha tinftiehem l-espressjoni “F’ċerti sitwazzjonijiet”, li tidher fil-bidu tagħha, bħala limitu fil-konfront tal-prinċipji li kienu jippreċeduha, peress li din l-analizi hija kkorroborata mit-terminu “[madankollu]”, li nżamm fil-premessa 24 (ara l-premessi 19 u 20 kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tal-proposta għal regolament ippreżentata mill-Kummissjoni fit-24 ta’ Marzu 2010 [COM(2010) 105 final], dokument irrevedut fis-16 ta’ April 2010; Lein, E., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 82, punt 11 in fine).

( 85 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punti 30 sa 32); tas-26 ta’ April 2017, Popescu (C‑632/15, EU:C:2017:303, punt 35), kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2017, Sharda Europe (C‑293/16, EU:C:2017:430, punt 21).

( 86 ) Skont it-termini tal-imsemmija premessa 25, “[f]’ċirkustanzi eċċezzjonali, xi konsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku għandhom jagħtu lill-qrati tal-Istati Membri l-possibilità li jwarrbu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi barranija f’każ partikolari fejn hi tmur manifestament kontra l-politika pubblika tal-forum. Madankollu, il-qrati ma għandhomx ikunu jistgħu japplikaw l-eċċezzjoni tal-politika pubblika sabiex iwarrbu dispożizzjoni tal-liġi ta’ Stat ieħor meta dan ikun kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”] u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni”.

( 87 ) Il-Gvern Ġermaniż isostni li, f’dan il-każ partikolari, ma teżisti l-ebda ħtieġa li tiġi applikata kompletament il-liġi tal-forum bill issir deroga mil-liġi barranija tad-divorzju kif jipprevedi l-imsemmi Artikolu 10, li huwa fformulat għall-każ ġenerali ta’ divorzju li jingħata b’effett kostituttiv minn deċiżjoni ġudizzjarja, meta d-diskriminazzjoni astratta operatta mill-istess liġi ma jkollha l-ebda effett konkret fil-każ preżenti.

( 88 ) Wara li ġie osservat li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma separati minn ieħor, l-Artikolu 11, li jirrigwarda l-esklużjoni tar-riferiment għar-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Istat li fih il-liġi hija indikata bħala applikabbli.

( 89 ) L-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku prevista fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1259/2010 tista’ tkun applikabbli meta l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tiegħu ma humiex issodisfatti (b’mod partikolari, meta d-diskriminazzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq kriterju ieħor barra s-sess tal-konjuġi).

( 90 ) F’dan is-sens, ara Devers, A., u Farge, M., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 76, punt 28.

( 91 ) Dan il-metodu ta’ applikazzjoni, in abstracto, tal-imsemmi Artikolu 10 ma jfissirx li l-qrati nazzjonali huma nieqsa mis-setgħa, jew pjuttost eżentati mid-dover, li jivverifikaw li l-liġi indikata bħala applikabbli abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1259/2010 hijiex realment diskriminatorja minħabba l-kontenut tagħha. B’hekk ma jistax jiġi preżunt li l-leġiżlazzjonijiet ta’ ispirazzjoni Musulmana għandhom bħala regola ġenerali jiġu skartati fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu (f’dan ir-rigward, ara Möller, L.-M., “No Fear of Talâq: Reconsideration of Muslim Divorce Laws in Light of the Rome III Regulation”, Journal of Private International Law, 2014, Vol. 10, Nru 3, p. 461 sa 487).

( 92 ) Enfasi miżjuda minni.

( 93 ) F’dan is-sens, ara Lein, E., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 82, punt 25 u l-kummentarji ċċitati mill-awtur. Din l-aħħar frażi li tidher fl-imsemmija premessa 24 (“[m]adankollu, dan ma għandux jippreġudika l-klawsola tal-ordni pubbliku”) issaħħah, fl-opinjoni tiegħu, id-distinzjoni mwettqa bejn ir-regola li hija prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 u l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku li tidher fl-Artikolu 12 tiegħu.

( 94 ) Mill-ġustifikazzjoni tal-proposta inizjali li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan l-Artikolu 10, jirriżulta li l-għan inizjali tal-leġiżlatur kien li “jsolvi l-problemi li jiltaqgħu magħhom ċerti nisa barranin li jitolbu separazzjoni jew divorzju f’ċerti Stati Membri”, billi jippermettilhom li jkollhom aċċess għalihom minkejja l-applikabbiltà tal-liġi tal-Istat li tiegħu għandhom ċittadinanza [ara l-emendi 25 u 30 proposti fir-rapport tal-Parlament Ewropew, tal-21 ta’ Ottubru 2008, A6-2008/361, fuq il-proposta għal regolament COM(2006) 399, op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 67].

( 95 ) Valuri li huma barra minn hekk komuni fi Stati Ewropej oħra, peress li l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-konjuġi waqt ix-xoljiment taż-żwieġ huwa ddikjarat fl-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 7 anness mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li ġiet iffirmata fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropea fit-22 ta’ Novembru 1984.

( 96 ) Skont it-termini tal-premessa 30, ir-Regolament Nru 1259/2010 “jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-[Karta] u b’mod partikolari mill-Artikolu 21 tagħha li jafferma li kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess […] għandha tiġi pprojbita” u li huwa“ għandu jiġi applikat mill-qrati tal-Istati Membri parteċipanti fl-osservanza ta’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji”.

( 97 ) Ara l-proposta għal Regolament COM(2010) 105 final, punti 5.3 u 6 tas-sunt tal-motivi (speċjalment il-kummentarji tal-Artikoli 2, 3, u 5); il-premessi 14, 20 u 24, kif ukoll l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5. B’mod partikolari, jissemma espliċitament, fil-kummentarju tal-Artikolu 2 ta’ din il-proposta, li “[ġ]ew introdotti klawżoli ta’ salvagwardja sabiex liġijiet barranin fuq id-divorzju jew is-separazzjoni legali li jkunu inkompatibbli mal-valuri komuni tal-Unjoni Ewropea ma jiġux applikati” (enfasi mizjuda minni).

( 98 ) Fuq it-tħassib imsemmi, b’mod partikolari mill-Istati Membri Skandinavi, fl-oriġini ta’ dan l-artikolu u l-konsegwenzi li għandhom jinftehmu għall-interpretazzjoni tiegħu ara Möller, L.-M., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 91, p. 467 sa 470.

( 99 ) Ara wkoll il-proposta għal regolament COM(2010) 105 final, punti 2 u 5.3 tal-espożizzjoni tal-motivi, fejn huwa rrilevat li s-semplifikazzjoni kkawżata tibbenefika kemm lill-konjuġi kif ukoll lill-prattikanti.

( 100 ) Huwa minnu li s-sostituzzjoni kompleta ta’ liġi barranija diskriminatorja bil-liġi tal-forum, abbażi tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, tista’ toħloq problema sa fejn toħloq ir-riskju li jkollha bħala konsegwenza li toħloq ostakolu għar-rikonoxximent, fi Stat terz, li miegħu l-partijiet għandhom rabtiet l-iktar stretti, ta’ deċiżjoni ta’ divorzju li tingħata fi Stat Membru parteċipanti (fuq dan is-suġġett, ara, b’mod partikolari, Lein, E., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 82, punt 27 u l-kummentarji ċċitati). Madankollu, il-Kummissjoni tindika ġustament li s-soluzzjoni għal din il-problema għandha tingħata mil-leġiżlatur u li ma tistax tiġi rrimedjata billi jiġi evitat il-kliem ċar tal-Artikolu 10, billi dan tal-aħħar jintrabat mal-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament.

( 101 ) Dan jissopponi li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hija valida jkunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi proprji fil-kawża prinċipali, peress li l- ispeċifikazzjonijiet tas-sitwazzjoni legali prevista jew l-ispeċifikazzjonijiet tad-dritt tal-Istat Membru fejn għandha s-sede tagħha l-qorti adita. F’dan ir-rigward infakkar li, skont il-premessa 9 tiegħu, ir-Regolament Nru 1259/2010 huwa intiż sabiex “jipprovdi qafas legali ċar u komprensiv” fil-qasam tal-applikazzjoni tiegħu, u li l-Kapitolu II tiegħu, li fih jidher l-Artikolu 10 huwa intitolat “Regoli uniformi dwar il-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali” (enfasi miżjuda minni).

( 102 ) Skont il-qorti tar-rinviju, fil-kawża preżenti, il-fatt li l-konjuġi ddikjarat, f’dokument bil-miktub iffirmat, li kienet irċeviet xi prestazzjonijiet finanzjarji u li ħelset lir-raġel tagħha mill-obbligi tiegħu abbażi tal-kuntratt taż-żwieġ, jista’ jiġi pperċepit bħala kunsens tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-divorzju li seħħ.

( 103 ) Il-Gvern Ġermaniż jippreċiża li, fl-opinjoni tiegħu, libertà suffiċjenti tista’ tkun nieqsa meta l-konjuġi vantaġġat mil-liġi applikabbli, billi uża l-pożizzjoni b’saħħitha tiegħu, wettaq forza fuq il-konjuġi l-ieħor sabiex jaċċetta l-prestazzjonijiet kumpensatorji, u kemm meta l-konjuġi astrattament iddiskriminat ikkunsenta mingħajr ma kellu konoxxenza sħiħa tal-portata tad-deċiżjoni tiegħu jew fuq bażi ta’ informazzjoni insuffiċjenti, li hija l-qorti adita li għandha teżamina.

( 104 ) R. Mamisch sostna li l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10 ma għandhiex isseħħ għad-dannu tal-persuna li tibbenefika minn protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet, li jkun il-każ, fl-opinjoni tiegħu, jekk tali ċaħda ma setgħetx tiġi rrikonoxxuta anki meta l-konjuġi kkonċernat ikun liberament aċċetta tali taħlil, peress li huwa jkun jixtieq jiżżewweġ mill-ġdid.

( 105 ) Enfasi miżjuda minni.

( 106 ) Minn dan il-Gvern Franċiż jiddeduċi li ċ-ċirkustanza fejn il-konjuġi ddiskriminat aċċetta li jirċievi prestazzjoni kumpensatorja ma jikkostitwixxix element li jista’ jkun attestazzjoni tar-rieda ta’ dan tal-aħħar sabiex jagħti kunsens għad-divorzju u għaldaqstant għall-eżistenza ta’ proċedura ta’ divorzju rispettuża tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-konjuġi fis-sens tal-Artikolu 10.

( 107 ) Ara l-Artikolu 1(2)(e) u [g], tal-imsemmi regolament kif ukoll il-premessa 10.

( 108 ) Enfasi miżjuda minni.

( 109 ) Fil-kawża preżenti, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju, seħħ fit-12 ta’ Settembru 2013.

( 110 ) Divorzju li seħħ, f’dan il-każ, permezz ta’ ċaħda ddikjarta mir-raġel u wara rreġistrata minn korp reliġjuż fid-19 u fl-20 ta’ Mejju 2013.

( 111 ) L-assimilazzjoni mwettqa mill-qorti tar-rinviju tista’ tiġi spjegata possibbilment mill-fatt li, skont ir-regoli Ġermaniżi fuq il-kunflitt tal-liġijiet, tali ħlas ta’ flus jista’ jiġi rregolat mil-liġi applikabbli għad-divorzju innifsu, u mhux dik għall-effetti legali tiegħu, jekk jiġi eżaminat bħala kumpens, u mhux bħala manteniment tal-konjuġi wara d-divorzju (ara, f’dan is-sens, Möller, L.-M., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 91, p. 476 u n-nota 53).

( 112 ) Deċiżjoni evokata fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 113 ) Huwa mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti l-indikazzjonijiet kollha, ibbażat kemm fuq il-proċess tal-kawża prinċipali, kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet ippreżentati lilha, li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, I, C‑255/13, EU:C:2014:1291, punt 55).

( 114 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni stabbilixxiet analoġija ma’ oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumatur), fejn tali regoli huma imperattivi, preċiżament sabiex jiġi evitat li l-parti l-iktar dgħajfa, li tista’ probabbilment titqiegħed taħt pressjoni mill-parti l-iktar b’saħħitha, tirrinunzja għad-drittijiet li huma żgurati għaliha u titlef għaldaqstant il-protezzjoni li d-dritt tal-Unjoni għandu l-intenzjoni li jagħtiha,

( 115 ) Ara wkoll il-punti 84 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 116 ) Ara, b’mod partikolari, il-proposta għal regolament COM(2010) 105 finali [punti 2.2, 2.3 in fine, 5.3 kif ukoll il-punt 6 (speċjalment il-kummentarji tal-Artikoli 2, 3, u 5) tal-espożizzjoni tal-motivi; premessi 14, 20 u 24; Artikolu 3(1), u l-Artikolu 5], kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta’ April 2010 (JO 2011, C 44, p. 167, punti 3.3 u 3.4).

( 117 ) Taħt l-istess perspettiva, is-sentenza tal-Qorti EDB, tat-22 ta’ Marzu 2012, Konstantin Markin vs Ir‑Russja (ECLI:CE:ECHR:2012:0322JUD003007806, § 150) li jenfasizza li “fid-dawl tal-importanza fundamentali li tgawdi l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ma tistax tiġi ammessa l-possibbiltà ta’ rinunzja tad-dritt li wieħed ma jkunx is-suġġett ta’ tali diskriminazzjoni, peress li rinunzja simili tkun f’kunflitt ma’ interess pubbliku importanti”.