KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fid-9 ta’ Novembru 2017 ( 1 )

Kawża C-359/16

Ömer Altun,

Abubekir Altun,

Sedrettin Maksutogullari,

Yunus Altun,

Absa NV,

M. Sedat BVBA,

Alnur BVBA

vs

Openbaar Ministerie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni, il-Belġju)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(1)(a) – Ħaddiema kkollokati – Regolament (KEE) Nru 574/72 – Artikolu 11(1) – Ċertifikat E 101 – Natura vinkolanti – Ċertifikat akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti”

I. Introduzzjoni

1.

“Id-dritt jispiċċa fejn jibda l-abbuż”. Din il-frażi użata mill-professur tad-dritt Franċiż, Marcel Ferdinand Planiol ( 2 ), tidentifika tajjeb il-problema li tiffaċċja l-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni, il-Belġju) f’din il-kawża, li tidħol f’sensiela li tat lok għal ġurisprudenza llum stabbilita sewwa dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, li jattesta l-affiljazzjoni fis-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-istituzzjoni li toħorġu, ta’ ħaddiem li jiċċaqlaq ġewwa l-Unjoni Ewropea ( 3 ).

2.

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu, iċ-ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 ( 4 ) li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 ( 5 ), huwa obbligatorju fis-sistema ġuridika interna tal-Istat Membru li fih il-ħaddiem imur sabiex jaħdem u, għaldaqstant, jorbot lill-istituzzjonijiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru. Minn dan jirriżulta li qorti tal-Istat Membru ospitanti ma tistax tivverifika l-validità ta’ ċertifikat E 101 fir-rigward tal-elementi li abbażi tagħhom dan ikun inħareġ ( 6 ).

3.

Bit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, fuq l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza fl-ipoteżi li jiġi kkonstatat minn qorti tal-Istat Membru ospitanti li ċ-ċertifikat E 101 ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti ( 7 ).

4.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega l-motivi għalfejn nikkunsidra li ċ-ċertifikat E 101 ma jimponix ruħu fuq qorti tal-Istat Membru ospitanti, meta din tikkonstata li dak iċ-ċertifikat kien ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti, u li, f’dan il-każ, dik il-qorti tista’ ma tapplikax iċ-ċertifikat E 101 ( 8 ).

II. Id-dritt tal-Unjoni

A.  Ir-Regolament Nru 1408/71

5.

Inserit bħala parti mit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli”, l-Artikolu 13, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu (1) u (2)(a) tiegħu:

“1.   Il-ħaddiem li għalih japplika dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tiġi stabbilita bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 14 sa 17:

a)

ħaddiem impjegat fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri għandu jkun soġġett għal-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat saħansitra jekk ikun jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew l-uffiċċju reġistrat jew tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegawh jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”.

6.

L-Artikolu 14 li jinsab fl-istess titolu tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas”, jipprovdi, fil-paragrafu (1)(a) tiegħu:

“L-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

1)

a)

Persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru minn impriża li magħha normalment ikollu x’jaqsam li tkun ippostjata minn dik l-impriża fit-territorju ta’ Stat ieħor biex twettaq xogħol hemm minn dik l-impriża tkompli tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, basta li t-tul antiċipat ta’ dak ix-xogħol ma jkunx jaqbeż tnax-il xahar u li ma tkunx intbagħtet hemm biex tieħu post persuna oħra li tkun temmet iż-żmien tal-postazzjoni tagħha”.

7.

Ir-Regolament Nru 1408/71 ġie rrevokat u ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010 ( 9 ).

B.  Ir-Regolament Nru 574/72

8.

Inserit fit-Titolu III tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament sabiex tiġi stabbilita l-leġislazzjoni applikabbli”, l-Artikolu 11, intitolat “Formalitajiet fil-każ ta’ ppostjar f’post ieħor ta’ persuna impjegata insegwitu ta’ l-Artikoli 14(1) u 14b(1) tar-Regolament u fil-każ talftehim konklużi taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament”, jipprovdi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“L-istituzzjonijiet nnominati mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu trid tibqa’ applikabbli joħroġ ċertifikat li jgħid li persuna impjegata tibqa’ suġġetta għal dik il-leġislazzjoni sa data speċifikata:

a)

fuq it-talba ta’ persuna impjegata jew ta’ min jimpjegaha fil-każijiet li hemm riferenza għalihom fl-Artikoli 14(1) u 14b(1) tar-Regolament”.

9.

Ir-Regolament Nru 574/72 ġie rrevokat u ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 987/2009 b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010 ( 10 ).

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.

Is-Sociale Inspectie (spezzjoni soċjali, il-Belġju) wettqet investigazzjoni fuq l-impjieg tal-persunal ta’ Absa NV, impriża tad-dritt Belġjan attiva fis-settur tal-kostruzzjoni fil-Belġju. Din l-investigazzjoni stabbilixxiet li mill-2008, Absa ma kienet prattikament timpjega l-ebda persunal u kienet tafda l-intier tal-kompiti manwali lil impriżi Bulgari bħala subkuntratturi. Dawn l-impriżi Bulgari ma kellhom, biex ngħid hekk, l-ebda attività fil-Bulgarija u kienu jikkollokaw ħaddiema sabiex iwettqu xogħol ta’ subkuntratturi fil-Belġju għal Absa, parzjalment bl-intervent u l-kooperazzjoni ta’ kumpanniji Belġjani oħra. L-użu tal-ħaddiema kkonċernati ma kienx iddikjarat mal-istituzzjoni Belġjana inkarigata mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali, peress li dawn kienu jgawdu minn ċertifikati E 101 maħruġa mill-istituzzjoni Bulgara kompetenti, li jattestaw l-affiljazzjoni tagħhom mas-sistema ta’ sigurtà soċjali Bulgara.

11.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-awtoritajiet Belġjani ressqu talba motivata għall-irtirar ta’ dawn iċ-ċertifikati E 101 quddiem l-istituzzjoni Bulgara kompetenti, iżda din kienet astjeniet milli tiddeċiedi fuq din it-talba. F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan ippreċiża li t-talba ta’ rtirar taċ-ċertifikati E 101 kienet intbagħtet lill-istituzzjoni Bulgara kompetenti fit-12 ta’ Novembru 2012 u li, fid-9 ta’ April 2013, din l-istituzzjoni kienet ipprovdiet risposta li kienet tinkludi “sempliċament rikapitulazzjoni taċ-ċertifikati E 101 maħruġa, it-tul ta’ validità tagħhom u n-notifika li l-kundizzjonijiet ta’ kollokazzjoni kienu sodisfatti amministrattivament dakinhar tat-talba għaċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni mid-diversi impriżi Bulgari, mingħajr eżami jew teħid inkonsiderazzjoni tal-fatti kkonstati u stabbiliti fil-Belġju”.

12.

L-awtoritajiet Belġjani ħarrku lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Ömer Altun, Abubekir Altun, Sedrettin Maksutogullari, Yunus Altun, Absa, Sedat BVBA u Alnur BVBA (iktar ’il quddiem, flimkien, “Altun et”), fil-kwalità tagħhom ta’ persuna li timpjega, prepost, jew mandatarji, l-ewwel nett talli ġiegħlu jew ippermettew jaħdmu lil ċittadini ta’ pajjiżi barranin li ma kinux permessi jew awtorizzati sabiex jgħixu iktar minn tliet xhur fil-Belġju jew sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk, mingħajr ma qabel kienu akkwistaw awtorizzazzjoni ta’ impjieg f’dan ir-rigward, it-tieni nett, talli naqsu, meta ġew ingaġġati l-ħaddiema, milli jippreżentaw lill-istituzzjoni inkarigata mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali d-dikjarazzjoni rikjesta mil-liġi, u t-tielet nett, talli naqsu milli jaffiljaw lill-ħaddiema mal-Uffiċċju nazzjonali tas-sigurtà soċjali (il-Belġju).

13.

B’deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014, il-correctionele rechtbank Limburg, afdeling Hasselt (qorti kriminali ta’ Limbourg, sezzjoni ta’ Hasselt, il-Belġju) illiberat lil Altun et. Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Belġjan jirriżulta li l-ħelsien tal-persuni interessati kien ibbażat fuq il-konstatazzjoni li tgħid li “l-impjieg tal-ħaddiema Bulgari kien kompletament kopert bil-formoli E 101/A1, f’dak iż-żmien maħruġa regolarment u legalment”. L-Uffiċċju tal-Prosekutur ippreżenta appell kontra din id-deċiżjoni.

14.

Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, il-Hof van beroep Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerp, il-Belġju) sabet lill-interessati ħatja. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-imħallfin tal-appell ikkonstataw li “ċ-ċertifikati E 101 kienu ġew akkwistati b’mod frawdolenti permezz ta’ preżentazzjoni tal-fatti li ma tikkorrispondix mar-realtà, intiża sabiex tevadi l-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni Komunitarja tissuġġetta l-kollokazzjoni, u sabiex takkwista benefiċċju li ma kienx ikun permess mingħajr din is-sitwazzjoni frawdolenti”.

15.

Ir-rikorrenti ressqu appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Hof van Cassatie (qorti tal-kassazzjoni) li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Qorti minbarra dik tal-Istat Membru li jakkredita jew li jibgħat tista’ tannulla jew ma tiħux inkunsiderazzjoni Ċertifikat E 101 maħruġ skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament […] Nru 574/72 […], fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel ma tħassar bl-Artikolu 96(1) tar-Regolament […] [Nru] 987/2009 […], jekk il-fatti ppreżentati għall-evalwazzjoni tagħha jippermettu li jiġi kkonstatat li l-imsemmi ċertifikat inkiseb jew ġie invokat b’mod frawdolenti?”

16.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Altun et, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Irlandiż, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Ungeriż, u mill-Gvern Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta li nżammet fl-20 ta’ Ġunju 2017, l-istess partijiet u interessati ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

IV. Analiżi

A.  Fuq is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati

17.

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72, “fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel ma tħassar bl-Artikolu 96(1) tar-Regolament […] [Nru] 987/2009 […]”.

18.

Madankollu, il-Gvern Belġjan jargumenta li d-domanda preliminari għandha tiġi estiża għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll ratione temporis, għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, għaliex il-fatti li dwarhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew akkużati kienu parzjalment seħħew wara l-1 ta’ Mejju 2010, jiġifieri d-data li fiha dak ir-Regolament ġie rrevokat u ssostitwit bir-Regolament Nru 574/72 ( 11 ).

19.

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma tindikax il-perijodu preċiż li fih seħħew il-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dawn il-kundizzjonijiet, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha elementi fattwali suffiċjenti sabiex testendi r-risposta tagħha għal dispożizzjonijiet oħra b’żieda ma’ dawk imsemmija fid-domanda preliminari ( 12 ). F’dawn il-konklużjonijiet, għalhekk, ser nillimita ruħi sabiex ninterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1408/71 u 574/72.

20.

Madankollu għandi nirrileva li, fil-fehma tiegħi, ir-risposta li nipproponi li tingħata, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72, hija kompletament trasponibbli għall-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 u għall-Artikolu 5(1) u għall-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, taħt ir-reġim tar-regolamenti l-ġodda, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ssostitwixxa, essenzjalment, l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ssostitwixxa, essenzjalment, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72 ( 13 ). Min-naħa l-oħra, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 987/2009, attwalment fis-seħħ, ikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi stabbilixxa b’mod partikolari, in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 u l-kompetenza esklużiva tal-istituzzjoni li toħorġu dwar l-evalwazzjoni tal-validità ta’ dak iċ-ċertifikat ( 14 ). Fil-fatt, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Valur legali tad-dokumenti u l-evidenza ta’ sostenn maħruġa fi Stat Membru ieħor”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, kif ukoll l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu.

21.

Barra minn hekk, inħoss li jkun utli li niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-proċedura leġiżlattiva pendenti intiża sabiex temenda r-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 abbażi ta’ proposta mressqa mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Diċembru 2016 ( 15 ). Fost l-emendi proposti mill-Kummissjoni hemm, b’mod partikolari, l-inklużjoni, fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 987/2009, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “frodi” ( 16 ) kif ukoll, fl-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dak ir-regolament, ta’ termini preċiżi għar-rieżami mill-istituzzjoni ta’ ħruġ tal-fondatezza tal-ħruġ taċ-ċertifikat E 101 u, jekk ikun il-każ, l-irtirar jew ir-rettifika ta’ dak iċ-ċertifikat, fuq it-talba ta’ istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor ( 17 ). Għalkemm dawn ix-xogħlijiet leġiżlattivi ma għandhomx effett dirett fuq l-analiżi li għandha ssir f’din il-kawża li tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, illum irrevokati, fil-fehma tiegħi, huma jidħlu fl-istess kuntest legali ta’ din il-kawża.

22.

Fl-aħħar nett, nemmen li jkun utli li nifformula xi rimarki dwar il-proposta ta’ “soluzzjoni alternattiva”, imressqa mill-Kummissjoni waqt is-seduta, f’dak li jikkonċerna l-problema li tqajjem din il-kawża. Fil-fatt, din tikkunsidra li d-domanda preliminari li saret mill-qorti tar-rinviju ma hijiex l-iktar waħda rilevanti u li jkun ippreferut li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jevidenzjawx “kollokazzjoni vera” fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u, għaldaqstant, jekk iċ-ċertifikati E 101 ikkonċernati kinux inħarġu korrettament mill-istituzzjoni Bulgara kompetenti ( 18 ). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi fin-negattiv, l-istituzzjonijiet Belġjani kompetenti ser ikunu jistgħu jitolbu, abbażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-istituzzjoni Bulgara kompetenti li tirtira ċ-ċertifikati E 101 jew tiddikjarahom nulli, u li, jekk ikun il-każ, dik l-istituzzjoni ser tkun obbligata taġixxi. Min-naħa l-oħra, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonferma r-regolarità ta’ dawn iċ-ċertifikati, il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tispiċċa.

23.

Is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni ma tikkonvinċinix, u dan għall-motivi li ġejjin.

24.

Fl-ewwel lok, nikkunsidra li din is-soluzzjoni ma hijiex konformi mal-Artikolu 267 TFUE. Biex infakkar, skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, din hija kompetenti biss sabiex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ att tal-Unjoni, abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali u li, min-naħa l-oħra, għandha tkun din tal-aħħar li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ konkret. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi l-fatti fil-kawża prinċipali jew sabiex tapplika għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali r-regoli tal-Unjoni li tagħhom hija tat l-interpretazzjoni, billi dawn il-kwistjonijiet jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali ( 19 ). Issa, fil-fehma tiegħi, l-approċċ propost mill-Kummissjoni jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja tgħaddi għal klassifikazzjoni legali tad-data fattwali tal-każ partikolari, ħaġa li ma taqax taħt il-kompetenza tagħha ( 20 ).

25.

Fit-tieni lok, inqis li s-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni twassal, fil-verità, sabiex temenda s-suġġett u n-natura ta’ din il-kawża. Fil-fatt, filwaqt li d-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kompetenza li għandha l-qorti tal-Istat Membru ospitanti sabiex tħalli inapplikat ċertifikat E 101 f’każ ta’ frodi, il-Kummissjoni tissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għal domanda għalkollox differenti, jiġifieri dik tar-regolarità tal-ħruġ taċ-ċertifikati E 101 ikkonċernati. Issa, din id-domanda jkollha pjuttost tiġi indirizzata fil-kuntest ta’ proċedura għal ksur ta’ twettiq ta’ obbligu, mibdija skont l-Artikoli 258 jew 259 TFUE.

26.

Fit-tielet lok, anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-kundizzjonijiet ta’ kollokazzjoni previsti fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma humiex sodisfatti f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tibqa’ obbligata, kif barra minn hekk tammetti l-Kummissjoni, li tieħu kont taċ-ċertifikati E 101, sakemm l-istituzzjoni Bulgara kompetenti ma tkunx annullathom jew irtirathom. Għalhekk, is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni ma tistax tirregola s-sitwazzjoni li qiegħda tiffaċċja l-qorti tar-rinviju.

27.

Għalhekk, nikkunsidra li ma hemmx ħtieġa li d-domanda preliminari tiġi riformulata.

B.  Fuq id-domanda preliminari

28.

Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk qorti tal-Istat Membru ospitanti tistax tannulla jew tinjora ċertifikat E 101 maħruġ skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72, jekk il-fatti suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha jippermettu li jiġi kkonstatat li ċ-ċertifikat imsemmi kien ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk l-effett vinkolanti li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja normalment tagħti lil ċertifikat E 101, jorbotx lil qorti tal-Istat Membru ospitanti fl-ipoteżi ta’ frodi kkonstatata minn dik il-qorti ( 21 ).

29.

Il-Gvern Belġjan u l-Gvern Franċiż jikkunsidraw, f’dan ir-rigward, li għandha tiġi rrikonoxxuta l-possibbiltà għal qorti tal-Istat Membru ospitanti li tħalli inapplikat iċ-ċertifikat E 101 f’każ ta’ frodi. Min-naħa l-oħra, Altun et, il-Gvern Irlandiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni, jargumentaw, essenzjalment, li ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jorbot lil qorti tal-Istat Membru ospitanti, anki jekk hija tikkonstata li dak iċ-ċertifikat kien ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti.

30.

Qabel ma neżamina d-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju, nemmen li jkun utli li nfakkar fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 kif ukoll il-prinċipji li jsostnu din il-ġurisprudenza (l-ewwel sezzjoni).

31.

Sussegwentement ser neżamina d-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju. L-ewwel nett, ser nispjega l-motivi li għalihom nikkunsidra li l-ġurisprudenza dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 ma għandhiex tkun applikabbli, meta jiġi kkonstatat minn qorti tal-Istat Membru ospitanti li ċ-ċertifikat E 101 ikun ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti u li, f’din l-ipoteżi, dik il-qorti tista’ tħalli lil dan iċ-ċertifikat inapplikat (it-tieni sezzjoni). It-tieni nett, sejjer nesponi xi kunsiderazzjonijiet dwar il-konstatazzjoni ta’ frodi minn qorti tal-Istat Membru ospitanti (it-tielet sezzjoni). Fl-aħħar nett, sejjer nindirizza l-argumenti invokati f’din il-kawża kontra s-soluzzjoni li nipproponi li tiġi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja (ir-raba’ sezzjoni).

1. Fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101

32.

In-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, sakemm ma jkunx ġie rtirat jew iddikjarat null, iċ-ċertifikat E 101 japplika fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li fih il-ħaddiem jittrasferixxi ruħu sabiex jaħdem u, għaldaqstant, jorbot lill-istituzzjonijiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru ( 22 ). Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih il-ħaddiem iwettaq ix-xogħol għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan huwa diġà suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża li timpjegah u din l-istituzzjoni ma tistax, għaldaqstant, tissuġġetta lill-ħaddiem inkwistjoni għas-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħha stess. Min-naħa l-oħra, qorti tal-Istat Membru ospitanti ma tistax tivverifika l-validità ta’ ċertifikat E 101 fir-rigward tal-elementi li abbażi tagħhom dan ikun inħareġ ( 23 ).

33.

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jimponi fuq l-istituzzjoni li toħroġ il-formola A1 li tipproċedi għal evalwazzjoni korretta tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli relattivi għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali u, għalhekk, li tiggarantixxi l-eżattezza tal-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat E 101. F’dan il-kuntest, dik l-istituzzjoni għandha tikkunsidra mill-ġdid il-korrettezza tal-ħruġ taċ-ċertifikat E 101 u, jekk ikun il-każ, tirtira ċ-ċertifikat meta l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tesprimi dubji dwar l-eżattezza tal-fatti li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi ċertifikat u, għalhekk, tal-indikazzjonijiet li jidhru fuqu, b’mod partikolari għar-raġuni li dawn ma jikkorrispondux mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 li taħtu jkun inħareġ dak iċ-ċertifikat ( 24 ).

34.

Fl-ipoteżi fejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati ma jiftehmux fuq id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-każ inkwistjoni, huma jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-kummissjoni amministrattiva. Jekk dik il-kummissjoni ma jirnexxilhiex tirrikonċilja l-perspettivi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, tibqa’ l-possibbiltà, bla ħsara għall-eventwali rimedji ta’ natura ġuridika li jeżistu fl-Istat Membru li taħtu taqa’ l-istituzzjoni emittenti, li tinbeda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 259 TFUE ( 25 ).

35.

Kif esponejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A‑Rosa Flussschiff, iċ-ċertifikat E 101 għandu l-għan li jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, stabbilit bl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, intiż sabiex jevita, f’każijiet preċiżi, l-emerġenza ta’ kunflitti ta’ ġurisdizzjoni riżultanti minn evalwazzjoni diverġenti tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli ( 26 ). F’dan ir-rigward, iċ-ċertifikat E 101 jgħin sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali tal-ħaddiema li jiċċaqilqu fl-Unjoni u, għalhekk, sabiex jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni, li huwa l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1408/71.

36.

Fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli jistabbilixxu mhux biss sistema ta’ kunflitt tal-liġijiet, iżda jistabbilixxu wkoll sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri, fis-sens li hija biss l-istituzzjoni emittenti taċ-ċertifikat E 101 li hija kompetenti sabiex tevalwa l-validità tal-imsemmi ċertifikat u sabiex tiddetermina, kemm fuq inizjattiva tagħha stess, kif ukoll b’risposta għal talba mressqa mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, jekk, fid-dawl tal-informazzjoni miġbura dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat, għandux jiġi rtirat jew annullat dak iċ-ċertifikat, li jwassal sabiex dan iċ-ċertifikat ma jkunx iktar obbligatorju fuq l-istituzzjonijiet kompetenti u fuq il-qrati tal-Istati Membri l-oħra ( 27 ). Is-soluzzjoni opposta tkun timplika r-riskju li jkun hemm deċiżjonijiet kontradittorji dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli f’każ partikolari u, għaldaqstant, ir-riskju ta’ kopertura doppja ta’ sigurtà soċjali, bil-konsegwenzi kollha riżultanti, b’mod partikolari l-impożizzjoni ta’ kontribuzzjonijiet doppji fuq il-ħaddiem ( 28 ).

37.

In-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 tistrieħ, barra minn hekk, fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit bl-Artikolu 4(3) TUE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-obbligi ta’ kooperazzjoni riżultanti minn din id-dispożizzjoni ma jkunux qegħdin jiġu osservati jekk l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tikkunsidra li ma hijiex marbuta bil-partikolaritajiet taċ-ċertifikat E 101 ( 29 ).

38.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza A‑Rosa Flussschiff ( 30 ), il-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza) staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, fuq l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza tagħha dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 għal sitwazzjonijiet fejn ġie deċiż li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiem ikkonċernat ovvjament ma kinux jidħlu fil-kamp tal-applikazzjoni materjali tad-dispożizzjoni li taħtha kien inħareġ iċ-ċertifikat E 101. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal din id-domanda fl-affermattiv. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li l-fatt li l-ħaddiema kkonċernati ovvjament ma kinux jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 ma kien jemenda bl-ebda mod il-kunsiderazzjonijiet sottostanti għall-ġurisprudenza tagħha dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 ( 31 ).

39.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal din il-kawża, fil-kawża A‑Rosa Flussschiff ( 32 ), il-cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza) ma kienet ipprovdiet l-ebda indikazzjoni, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, fis-sens li l-fatti li dwarhom hija kienet indirizzata kienu jixhdu l-eżistenza ta’ frodi. Dan kien jikkostitwixxi fattur determinanti għall-analiżi tiegħi tal-kawża. Għalhekk tlaqt mill-premessa li d-domanda preliminari li saret minn dik il-qorti ma kinitx intiża sabiex takkwista preċiżazzjonijiet dwar l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-effett vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 f’każ ta’ frodi ( 33 ). Hekk ukoll, fis-sentenza mogħtija wara dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx din il-kwistjoni, iżda llimitat ruħha sabiex tippronunzja ruħha fuq is-sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiem ikkonċernat ovvjament ma kinux jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 li taħtha kien inħareġ iċ-ċertifikat E 101.

40.

Id-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża hija għalhekk inedita. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk il-kunsiderazzjonijiet sottostanti l-ġurisprudenza tagħha dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 japplikawx ukoll fl-ipoteżi ta’ frodi kkonstatata mill-qorti tal-Istat Membru ospitanti.

41.

Hawnhekk nixtieq ngħid li fil-fehma tiegħi din id-domanda titlob risposta negattiva. Fil-fatt, inqis li għall-motivi esposti iktar ’il quddiem, il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ġie kkonstatat minn qorti tal-Istat Membru ospitanti li dak iċ-ċertifikat kien ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti, u li għandha tiġi rrikonoxxuta lil dik il-qorti l-possibbiltà, f’sitwazzjoni bħal din, li ma tapplikax iċ-ċertifikat E 101.

2. Fuq l-imperattiv tal-ġlieda kontra l-frodi

42.

Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-partijiet fil-kawża ma jistgħux b’mod frawdolenti jew abbużivament jibbenefikaw minn regoli tad-dritt tal-Unjoni u li l-qrati nazzjonali jistgħu, minn każ għal każ, billi jibbażaw ruħhom fuq elementi oġġettivi, jieħdu inkunsiderazzjoni l-imġiba abbużiva jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati sabiex, jekk ikun il-każ, jiċħdulhom il-benefiċċju ta’ dak id-dritt, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija bid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni ( 34 ). Fil-fehma tiegħi, dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 35 ) li huwa obbligatorju irrispettivament minn kull implementazzjoni fil-leġiżlazzjoni Ewropea jew nazzjonali ( 36 ). Fil-fehma tiegħi, minn dan il-prinċipju jirriżulta li qorti nazzjonali li hija kkonfrontata minn użu frawdolenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom mhux biss id-dritt, iżda wkoll huma obbligati, bħala qorti tal-Unjoni, li jiġġieldu kontra l-frodi, billi jirrifjutaw lill-interessati l-benefiċċju ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ( 37 ).

43.

Fil-fehma tiegħi, isegwi li, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ġie kkonstatat minn qorti tal-Istat Membru ospitanti li ċ-ċertifikat E 101 ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti, huwa obbligatorju għal dik il-qorti li tirrifjuta lill-interessati l-benefiċċju riżultanti minn dak iċ-ċertifikat u, għaldaqstant, tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li taħtu dak iċ-ċertifikat ikun inħareġ, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71. Dan jimplika li, f’tali sitwazzjoni, l-interessati ma jistgħux jibbenefikaw mill-eċċezzjoni prevista f’dik id-dispożizzjoni u li r-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament, li l-ħaddiem huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu huwa jwettaq ix-xogħol tiegħu (lex loci laboris), hija applikabbli ( 38 ).

44.

Is-soluzzjoni kuntrarja twassal, fil-fehma tiegħi, għal riżultat inaċċettabbli. Fil-fatt, iż-żamma tan-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, fl-ipoteżi ta’ frodi kkonstatata minn qorti tal-Istat Membru ospitanti, timplika, minn naħa, li l-persuni responsabbli tal-frodi jistgħu jieħdu benefiċċju mill-imġiba frawdolenti tagħhom u, min-naħa l-oħra, li dik il-qorti jkollha, f’ċerti każijiet, tittollera, jew tipproteġi l-frodi.

45.

F’dan il-kuntest, infakkar li fil-kawża FTS, l-Avukat Ġenerali Jacobs kien irrimarka li, jekk l-Istat Membru ospitanti “jista’ juri li ċ-ċertifikat ġie akkwistat b’mod frawdolenti, l-awtorità emittenti ma għandux ikollha problema sabiex tirtira ċ-ċertifikat tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 39 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, sakemm l-istituzzjoni emittenti tipproċedi għall-annullament jew għall-irtirar taċ-ċertifikat E 101 abbażi tal-elementi ppreżentati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jevidenzjaw l-eżistenza ta’ frodi, il-proċeduri quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ospitanti jkunu effettivament superfluwi. Issa, kif turi din il-kawża, jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn l-istituzzjoni emittenti taċ-ċertifikat E 101 tastjeni, għal xi raġuni, milli tannulla jew tirtira dan iċ-ċertifikat, għalkemm l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti jippreżentawlha elementi li jipprovaw l-eżistenza ta’ frodi ( 40 ). Li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, qorti tal-Istat Membru ospitanti tkun obbligata tieħu kont taċ-ċertifikat E 101 minkejja l-konstatazzjoni li ċ-ċertifikat ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti, ikun ekwivalenti għal obbligu fuq dik il-qorti li tagħlaq għajnejha fuq il-frodi. F’kull każ, inqis li l-possibbiltà eventwali li l-istituzzjoni emittenti tista’ tgħaddi għall-annullament jew għall-irtirar taċ-ċertifikat E 101 ma jistax ikollha effett fuq il-ġurisdizzjoni li tgawdi qorti tal-Istat Membru ospitanti sabiex tħalli inapplikat iċ-ċertifikat E 101, meta din ikollha provi suffiċjenti sabiex tikkonstata li dak iċ-ċertifikat ikun ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti ( 41 ).

46.

Barra minn hekk, kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjoekonomika jimmilitaw ukoll sabiex tingħata prijorità għall-ġlieda kontra l-frodi, f’sitwazzjoni bħal din. Fil-fatt, fil-kuntest tas-sistema ta’ kunflitt tal-liġijiet stabbilita bid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, il-frodi marbuta mal-ħruġ taċ-ċertifikati E 101 tirrappreżenta theddida għall-koerenza tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri ( 42 ). F’dan ir-rigward, inqis li l-Istati Membri għandhom interess leġittimu sabiex jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom u jiżguraw il-bilanċ finanzjarju tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom ( 43 ). Barra minn hekk, l-użu taċ-ċertifikati E 101 akkwistati jew invokati b’mod frawdolenti jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, forma ta’ kompetizzjoni żleali u jipperikola l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq is-swieq tax-xogħol nazzjonali.

47.

Madankollu għandu jiġi enfasizzat li r-rifjut, minn qorti tal-Istat Membru ospitanti, sabiex jingħata l-benefiċċju riżultanti minn ċertifikat E 101 u, għalhekk, tad-dispożizzjoni li taħtha jkun inħareġ dak iċ-ċertifikat, jista’ jseħħ biss f’każ ta’ frodi debitament stabbilita. Fil-fatt, huwa imperattiv li jiġi evitat li s-soluzzjoni li nipproponi tkun distorta b’mod li tipperikola s-sistema ta’ kunflitt tal-liġijiet kollha stabbilita bid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71. Fi kliem ieħor, inqis li l-ġlieda kontra l-frodi tista’ tqiegħed fid-dubju n-natura vinkolanti ta’ ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72, biss f’ċirkustanzi partikolari ħafna li ser jiġu deskritti iktar ’il quddiem.

3. Fuq il-konstatazzjoni ta’ frodi

48.

Għandu jiġi kkonstatat li r-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 ma fihomx definizzjoni tal-“frodi” għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti ( 44 ). Fl-assenza ta’ din id-definizzjoni, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddelimita l-każijiet ta’ frodi li fihom qorti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tħalli inapplikat ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

49.

Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjoni ta’ frodi tirrikjedi l-koeżistenza ta’ element oġġettiv u ta’ element suġġettiv. L-element oġġettiv jikkonsisti fil-fatt li l-kundizzjonijiet rikjesti għall-għan tal-akkwist tal-vantaġġ imfittex, jiġifieri, fil-kuntest attwali, il-kundizzjonijiet previsti bid-dispożizzjoni tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 li taħtha nħareġ iċ-ċertifikat E 101, ma jkunux, fil-verità, ġew sodisfatti ( 45 ).

50.

Madankollu, din il-konstatazzjoni ma għandhiex tkun suffiċjenti sabiex jiġi deċiż li teżisti frodi li tippermetti lil qorti tal-Istat Membru ospitanti li tħalli inapplikat iċ-ċertifikat E 101. Fil-fatt, infakkar li fis-sentenza A‑Rosa Flussschiff, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ċ-ċertifikat E 101 huwa obbligatorju fuq l-istituzzjonijiet u l-qrati tal-Istat Membru ospitanti, saħansitra jekk jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiem ikkonċernat ovvjament ma jidħlux fil-kamp tal-applikazzjoni materjali tad-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 li taħtu ċ-ċertifikat E 101 ikun inħareġ ( 46 ). Fil-fatt, din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta minn (sempliċi) żball, ta’ natura fattwali jew legali, waqt il-ħruġ taċ-ċertifikat E 101, jew ta’ tibdil fis-sitwazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat ( 47 ).

51.

Sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ frodi, huwa meħtieġ ukoll, fil-fehma tiegħi, li jkun stabbilit li l-persuni interessati kellhom l-intenzjoni li jaħbu l-fatt li, fil-verità, il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ taċ-ċertifikat E 101 ma kinux sodisfatti sabiex jakkwistaw il-vantaġġ riżultanti minn dak iċ-ċertifikat ( 48 ). Fil-fehma tiegħi, din l-intenzjoni frawdolenti tikkostitwixxi l-element suġġettiv, li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-frodi u s-sempliċi konstatazzjoni li tgħid li l-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjoni tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 li taħtha nħareġ iċ-ċertifikat E 101, ma humiex sodisfatti. Il-prova tal-eżistenza ta’ tali intenzjoni frawdolenti tista’ tikkonsisti f’azzjoni volontarja, b’mod partikolari preżentazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni reali tal-ħaddiem ikkollokat jew tal-impriża li tikkolloka lil dak il-ħaddiem, jew ommissjoni volontarja, bħalma huwa n-nuqqas li tiġi żvelata informazzjoni rilevanti.

52.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, f’dan il-każ, l-ispezzjoni soċjali Belġjana stabbilixxiet li l-impriżi Bulgari kkonċernati li jikkollokaw lill-ħaddiema fil-Belġju ma kellhom, biex ngħidu hekk, l-ebda attività fil-Bulgarija ( 49 ). Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss impriża li teżerċita abitwalment attivitajiet sinjifikattivi fuq it-territorju tal-Istat Membru ta’ stabbiliment li tista’ tibbenefika mill-vantaġġ offrut bl-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ( 50 ). Għalhekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti nazzjonali, jidher li waħda mill-kundizzjonijiet previsti bl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li taħtha nħarġu ċ-ċertifikati E 101 ikkonċernati, ma kinitx sodisfatta ( 51 ).

53.

Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qrati tal-appell ikkonstataw li “ċ-ċertifikati E 101 kienu nkisbu b’mod frawdolenti permezz ta’ preżentazzjoni tal-fatti li ma tikkorrispondix għall-verità intiża sabiex tevadi l-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni Komunitarja tissuġġetta l-kollokazzjoni, u sabiex b’hekk takkwista vantaġġ li ma kienx ikun konsentit mingħajr dik il-preżentazzjoni frawdolenti” ( 52 ). F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, il-Gvern Belġjan ippreċiża li f’dan il-każ il-frodi kienet tikkonsisti fil-ħolqien fil-Bulgarija ta’ impriżi “letter-boxes” li kellhom ftit jew xejn attività, sabiex, fl-ewwel lok, ikunu jistgħu jintalbu ċertifikati E 101, u mbagħad, jiġu kkollokati l-ħaddiema fil-Belġju, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jibqgħu jitħallsu fil-Bulgarija.

54.

Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk, f’dan il-każ, l-element oġġettiv u suġġettiv rikjesti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ frodi humiex sodisfatti. F’dan ir-rigward, din għandha tieħu kont taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż l-informazzjoni eventwalment ipprovduta mill-istituzzjoni emittenti taċ-ċertifikat E 101 ( 53 ).

55.

Inħoss li għandi nippreċiża li l-frodi għandha tiġi stabbilita fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja akkumpanjata minn garanziji legali għall-persuni interessati u fl-osservanza tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, għandhom ikunu l-awtoritajiet kompetenti li jressqu l-prova tal-eżistenza ta’ frodi, jiġifieri jistabbilixxu suffiċjentement skont id-dritt, minn naħa, li l-kundizzjonijiet previsti bid-dispożizzjoni tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li taħtha nħareġ iċ-ċertifikat E 101, ma humiex sodisfatti f’dan il-każ (element oġġettiv) u, min-naħa l-oħra, li l-persuni interessati kienu intenzjonalment ħbew il-fatt li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux sodisfatti (element suġġettiv). Huwa biss f’dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi li qorti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tikkonkludi li teżisti frodi, li tippermetti lil dik il-qorti li tħalli inapplikat iċ-ċertifikat E 101.

56.

Inħoss li għandi nerġa’ nippreċiża l-konsegwenzi legali tal-konstatazzjoni ta’ frodi minn qorti tal-Istat Membru ospitanti. L-ewwel nett, billi ċ-ċertifikat E 101 jikkostitwixxi dokument maħruġ minn istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, inqis li qorti tal-Istat Membru ospitanti ma tistax, saħansitra f’każ ta’ frodi, tassumi l-kompetenza li tannulla jew tiddikjara invalidu dan iċ-ċertifikat. Il-kompetenza tagħha hija limitata sabiex tħalli dan iċ-ċertifikat inapplikat. It-tieni nett, jidhirli li huwa evidenti li l-konstatazzjoni ta’ frodi minn qorti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tipproduċi effetti biss fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru.

Konklużjoni intermedja

57.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jien tal-fehma li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huwa kkonstatat minn qorti tal-Istat Membru ospitanti li ċertifikat E 101 maħruġ taħt l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1408/71, kien ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti, dik il-qorti tista’ tħalli inapplikat dak iċ-ċertifikat. Sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ frodi, li tiġġustifika li ċertifikat E 101 jitħalla inapplikat, għandu jiġi stabbilit, minn naħa, li l-kundizzjonijiet previsti bid-dispożizzjoni tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li taħtha nħareġ iċ-ċertifikat E 101, ma humiex sodisfatti f’dan il-każ (element oġġettiv) u, min-naħa l-oħra, li l-persuni interessati intenzjonalment ħbew il-fatt li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux ġew sodisfatti (element suġġettiv).

58.

Fil-fehma tiegħi, din il-kundizzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti invokati kontriha mill-partijiet u l-persuni interessati li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ser nindirizza dawn l-argumenti iktar ’il quddiem.

4. Fuq l-argumenti kuntrarji invokati

59.

F’din il-kawża, ġew invokati diversi argumenti kontra s-soluzzjoni li nipproponi li tadotta l-Qorti tal-Ġustizzja.

60.

Fl-ewwel lok, il-Gvern Irlandiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Pollakk invokaw il-kodifikazzjoni, fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 ( 54 ), billi jargumentaw, essenzjalment, li din iċ-ċirkustanza għandha żżomm lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tgħaddi sabiex twettaq bidla f’dik il-ġurisprudenza.

61.

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

62.

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 987/2009, il-kwistjoni tal-frodi ma ġietx indirizzata, u wisq inqas deċiża, mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 55 ). Fil-fehma tiegħi, fl-assenza ta’ kull indikazzjoni kuntrarja fit-test tar-Regolament, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried sempliċement jikkodifika l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 ( 56 ). Issa, kif diġà esponejt iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tippronunzja ruħha fuq l-effett vinkolanti ta’ ċertifikat E 101 f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ikun ġie kkonstatat minn qorti tal-Istat Membru ospitanti li dak iċ-ċertifikat kien ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti ( 57 ). Għalhekk, is-soluzzjoni li nippreferi ma timplika l-ebda emenda fil-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ikkodifikata bir-Regolament Nru 987/2009, iżda hija limitata sabiex tippreċiża l-portata ta’ din il-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, l-applikabbiltà tagħha f’konfigurazzjoni inedita, jiġifieri dik ta’ frodi kkonstatata minn qorti tal-Istat Membru ospitanti. Għalhekk il-kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, fir-Regolament Nru 987/2009, ma tipprekludix li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-possibbiltà għal qorti tal-Istat Membru ospitanti li tħalli inapplikat iċ-ċertifikat E 101, meta jiġi kkonstatat minn din il-qorti li dak iċ-ċertifikat kien ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti.

63.

Fit-tieni lok, il-Gvern Irlandiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni jinvokaw il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, stabbilit fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, u, f’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 58 ).

64.

F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, stabbilit fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi rrikonoxxut li s-soluzzjoni li nippreferi timplika, fil-prinċipju, il-possibbiltà ta’ applikazzjoni simultanja, tal-inqas temporanjament, ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn qorti tal-Istat Membru ospitanti tikkonkludi li teżisti frodi, konformement mal-prinċipji esposti fil-punti 48 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u tħalli inapplikat iċ-ċertifikat E 101, mingħajr ma l-istituzzjoni emittenti tipproċedi, b’mod parallel, għall-annullament jew għall-irtirar ta’ dak iċ-ċertifikat, il-ħaddiem ikkonċernat u l-persuna li tħaddmu jinsabu f’riskju li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ kopertura doppja tas-sigurtà soċjali ( 59 ). Nikkunsidra madankollu li dan ir-riskju huwa inerenti għall-konstatazzjoni ta’ frodi. Fi kliem ieħor, nikkunsidra li, f’din l-ipoteżi, l-imperattiv li jiġi żgurat li l-persuni interessati ma jieħdu l-ebda benefiċċju mill-imġiba frawdolenti għandu neċessarjament jipprevali fuq il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali ( 60 ).

65.

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tkun l-istituzzjoni emittenti taċ-ċertifikat E 101, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li tikkunsidra mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ ta’ dak iċ-ċertifikat u, jekk ikun il-każ, li tirtirah meta l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tesprimi dubji dwar il-korrettezza tal-fatti li fuqhom huwa bbażat dan iċ-ċertifikat u, għaldaqstant, tal-partikolaritajiet li jissemmew fih, b’mod partikolari għaliex dawn ma jikkorrispondux mar-rekwiżiti previsti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 li taħtha jkun inħareġ dak iċ-ċertifikat ( 61 ). Nikkunsidra li dan japplika b’iktar saħħa fl-ipoteżi fejn ikun ikkonstatat minn qorti tal-Istat Membru ospitanti li ċ-ċertifikat E 101 kien ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti ( 62 ). Issa, fl-ipoteżi fejn l-istituzzjoni emittenti taċ-ċertifikat E 101 tipproċedi għall-annullament jew għall-irtirar ta’ dan iċ-ċertifikat, l-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali tkun żgurata (mill-ġdid).

66.

F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, nikkunsidra li, fl-ipoteżi fejn ikun ġie kkonstatat minn qorti tal-Istat Membru ospitanti li ċ-ċertifikat E 101 kien ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti, l-awturi u/jew il-benefiċjarji tal-frodi ma jistgħux jibbenefikaw mill-prinċipju tal-protezzjoni taċ-ċertezza legali sabiex jopponu r-rifjut tal-għoti tal-benefiċċju ta’ dak iċ-ċertifikat u tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ( 63 ). F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rifjut ma għandux iservi sabiex jimponi ex nihilo obbligu fuq l-individwu kkonċernat, iżda dan huwa biss is-sempliċi konsegwenza tal-konstatazzjoni li tgħid li l-kundizzjonijiet oġġettivi rikjesti għall-għan tal-akkwist tal-vantaġġ imfittex ma humiex, fil-verità, sodisfatti ( 64 ).

67.

Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, Altun et, il-Gvern Irlandiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni jinvokaw il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit bl-Artikolu 4(3) TUE, u l-eżistenza ta’ proċedura partikolari sabiex tirregola t-tilwim dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, f’każ partikolari ( 65 ), billi, essenzjalment, jargumentaw li l-possibbiltà għal qorti tal-Istat Membru li tħalli inapplikat iċ-ċertifikat E 101 f’każ ta’ frodi għandha tkun irrikonċiljabbli mal-osservanza ta’ dak il-prinċipju u ta’ dik il-proċedura.

68.

Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

69.

Kif diġà esponejt, nikkunsidra li, fl-ipoteżi ta’ frodi kkonstatata minn qorti tal-Istat Membru ospitanti, dik il-qorti hija obbligata, bħala qorti tal-Unjoni, li tirrifjuta l-benefiċċju riżultanti miċ-ċertifikat E 101 ( 66 ). F’dan ir-rigward, il-kapaċità tagħha li tissodisfa dan id-dmir ma tistax tiddependi la fuq il-volontà tal-istituzzjoni emittenti li tipproċedi għall-annullament jew għall-irtirar ta’ dak iċ-ċertifikat u lanqas fuq l-iżvolġiment ta’ proċedura partikolari li, fl-aħħar mill-aħħar, jidhirli li ġiet maħsuba sabiex tittratta sitwazzjonijiet differenti ħafna ( 67 ). Fil-fatt, dan ikun iwassal għal riżultati inaċċettabbli ( 68 ).

70.

Infakkar, f’dan il-kuntest, li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi fuq l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza tagħha dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 jew dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi riżolt it-tilwim dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, fl-ipoteżi ta’ frodi kkonstatata minn qorti tal-Istat Membru ospitanti ( 69 ). F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, għandu jitqies li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ma huwiex ta’ natura assoluta u li jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dan il-prinċipju f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ frodi ( 70 ). Fil-fatt, għandu jkun imperattiv li jiġi evitat li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri ma jiġix ittrasformat f’fiduċja għamja li tiffaċilita mġiba frawdolenti.

71.

Madankollu, nikkunsidra li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit bl-Artikolu 4(3) TUE, jimponi fuq l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti li, qabel kollox, jindirizzaw lill-istituzzjoni emittenti taċ-ċertifikat E 101, meta huma jkollhom elementi li juru l-eżistenza ta’ frodi, li għandu jippermetti lil dik l-istituzzjoni li tikkunsidra mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ taċ-ċertifikat E 101 u li tiddetermina jekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemmx lok li tirtira jew tannulla dak iċ-ċertifikat. Din il-konsultazzjoni għandha tippermetti, fil-prattika, li telimina l-possibbli dubji dwar iċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni ( 71 ). Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn l-istituzzjoni emittenti tipproċedi għall-annullament jew għall-irtirar taċ-ċertifikat E 101, wara dik il-konsultazzjoni, il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Istat Membru ospitanti jkunu effettivament superfluwi ( 72 ). F’dan ir-rigward, il-konsultazzjoni tal-istituzzjoni emittenti tista’ tiżgura ekonomija tal-proċedura. Madankollu, inħoss li għandi nenfasizza li din il-konsultazzjoni ma tistax taffettwa l-kompetenza li tgawdi qorti tal-Istat Membru ospitanti sabiex tħalli inapplikat iċ-ċertifikat E 101, meta hija jkollha elementi suffiċjenti sabiex tikkonstata li dak iċ-ċertifikat kien ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti ( 73 ).

V. Konklużjoni

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod segwenti għad-domanda preliminari li saret mill-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni, il-Belġju):

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3795/81, tat-8 ta’ Diċembru 1981, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tħalli inapplikat ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni maħtura mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, taħt l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1390/81, tat-12 ta’ Mejju 1981, meta jiġi kkonstatat minn dik il-qorti li dak iċ-ċertifikat kien ġie akkwistat jew invokat b’mod frawdolenti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Planiol, M., Traité elementaire de droit civil, It-Tieni Volum, 9 Edizzjoni, Librairie générale de droit & de jurisprudence, Pariġi, 1923, p. 287.

( 3 ) Iċ-ċertifikat E 101, intitolat “attestazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli”, jikkorrispondi għal formola tipika redatta mill-kummissjoni amministrattiva għas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti (iktar ’il quddiem il-“kummissjoni amministrattiva”). Ara d-Deċiżjoni Nru 202 tal-kummissjoni amministrattiva tas-17 ta’ Marzu 2005, dwar il-mudelli ta’ formoli neċessarji għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 tal-Kunsill (E 001, E 101, E 102, E 103, E 104, E 106, E 107, E 108, E 109, E 112, E 115, E 116, E 117, E 118, E 120, E 121, E 123, E 124, E 125, E 126, E 127) (2006/203/KE) (ĠU 2006, L 77, p. 1). B’effett mill-1 ta’ Mejju 2010, iċ-ċertifikat E 101 sar id-dokument portabbli A1, taħt ir-reġim tar-Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nri 883/2004 tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Vol. 5, Kap. 5, p. 72) u 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5, Vol. 1, p. 83), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3795/81, tat-8 ta’ Diċembru 1981 (ĠU 1981, L 378, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”).

( 5 ) Regolament tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5, Vol. 1, p. 35), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1390/81, tat-12 ta’ Mejju 1981 (ĠU 1981, L 143, p. 1), u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5, Vol. 3, p. 308) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

( 6 ) Ara, reċentement, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punti 4849). Fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, ara l-punti 32 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) Din il-kwistjoni hija wkoll is-suġġett tal-kawża pendenti CRPNPAC (C‑370/17).

( 8 ) Fuq il-konstatazzjoni ta’ frodi, ara l-punti 48 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Ara l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolament Nru 883/2004. Ara l-punti 17 sa 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati f’din il-kawża.

( 10 ) Ara l-Artikoli 96 u 97 tar-Regolament Nru 987/2009. Ara l-punti 17 sa 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati f’din il-kawża.

( 11 ) Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Biex infakkar, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza biss sabiex tippronunzja ruħha fuq att tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Ara d-digriet tal-4 ta’ Mejju 2017, Svobodová (C‑653/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:371, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004, persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f’isem il-persuna li timpjegaha, liema persuna li timpjega normalment twettaq l-attivitajiet tagħha hemmhekk, u li tintbagħat mill-persuna li timpjegaha fi Stat Membru ieħor biex taħdem f’isem il-persuna li timpjega għandha tibqa’ suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru sakemm mhux maħsub li x-xogħol idum iktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna oħra. L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa ċċitat fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, fuq talba tal-persuna kkonċernata jew ta’ min iħaddimha, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-leġiżlazzjoni hija applikabbli taħt it-Titolu II tar-Regolament bażiku (jiġifieri r-Regolament Nru 883/2004) għandha tipprovdi attestazzjoni li tali leġiżlazzjoni hija applikabbli u għandha tindika, fejn ikun il-każ, sa liema data u taħt liema kondizzjonijiet. L-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 huwa ċċitat fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 59).

( 15 ) Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 [COM(2016) 815 finali].

( 16 ) Skont id-definizzjoni proposta mill-Kummissjoni, għall-għanijiet tar-Regolament Nru 987/2009, “‘frodi’ tfisser kwalunkwe att jew ommissjoni intenzjonali biex tittieħed azzjoni, sabiex wieħed jikseb jew jirċievi benefiċċji tas-sigurtà soċjali jew biex jevita l-obbligu li jħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, kuntrarju għal-liġi ta’ Stat Membru”. Ara l-Artikolu 2(4) tal-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2016, imsemmija iktar ’il fuq, u l-ispjegazzjonijiet relattivi fl-espożizzjoni tal-motivi, Sezzjoni 5.

( 17 ) Ara l-Artikolu 2(7) tal-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2016, imsemmija iktar ’il fuq, u l-ispjegazzjonijiet li jirreferu għaliha fl-espożizzjoni tal-motivi, Sezzjoni 5. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tipproponi li, meta l-istituzzjoni emittenti tikkonstata każ ta’ frodi inkonfutabbli mwettaq mill-applikant għad-dokument, din għandha tirtira jew tirrettifika dan id-dokument immedjatament u b’effett retroattiv. Ara, fir-rigward tar-rieżami mill-istituzzjoni emittenti, il-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) L-applikabbiltà tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-kwistjoni, minn naħa, jekk teżistix rabta organika bejn il-ħaddiem u l-impriża li tikkolloka l-ħaddiem u, min-naħa l-oħra, jekk dik l-impriża teżerċitax normalment attivitajiet sinjifikanti fuq it-territorju tal-Istat Membru ta’ stabbiliment. Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punti 2440 sa 45); tad-9 ta’ Novembru 2000, Plum (C‑404/98, EU:C:2000:607, punti 2122), u tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C‑2/05, EU:C:2006:69, punt 19). Ara, ukoll, l-ewwel parti, punti 2 sa 4, tal-gwida prattika tal-kummissjoni amministrattiva, ta’ Diċembru 2013, fuq il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Unjoni Ewropea (UE), fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fl-Isvizzera. Ara, barra minn hekk, il-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, CEPSA (C‑279/06, EU:C:2008:485, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, din il-kawża hija differenti minn dik li wasslet għas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564). Biex infakkar, fil-punti 43 sa 51 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ċertifikat maħruġ, taħt forma ta’ ċertifikat E 101, fir-rigward ta’ baħħara tax-xmara Rhein ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, ma setax jitqies bħala ċertifikat E 101 u għalhekk ma setax jipproduċi l-effetti speċifiċi ta’ dan iċ-ċertifikat, fosthom l-effett vinkolanti fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri barra dak li taħthom taqa’ l-istituzzjoni li tkun ħarġet dak iċ-ċertifikat. F’dik il-kawża, għalhekk, il-kwistjoni ma kinitx dik li tiġi deċiża l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 fil-każ inkwistjoni, iżda pjuttost dik li jiġu ppreċiżati l-effetti ta’ ċertifikat maħruġ fir-rigward tal-persuni li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, fil-punt 36 tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan ma kienx jinvolvi xi evalwazzjoni fuq il-klassifika tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala baħħara fuq ix-xmara Rhein lanqas fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet applikabbli għalihom.

( 21 ) Fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, ara l-punti 32 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Ara, reċentement, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, reċentement, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punti 4349). Inħoss li għandi ninnota li n-natura, ċivili jew kriminali, tal-proċedura mressqa ma għandha l-ebda effett fuq in-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101, billi dan jorbot lill-qrati kollha tal-Istati Membri. Ara d-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2017, Belu Dienstleistung u Nikless (C‑474/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:812, punt 17).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punti 3944, u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, wkoll, il-punt 7(a) u (c) tad-Deċiżjoni Nru 181 tal-kummissjoni amministrattiva, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14(1) 14a(1) u 14b(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 (2001/891/KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 181 tal-kummissjoni amministrattiva”). Ara, fl-aħħar nett, l-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regolament Nru 987/2009. Biex infakkar, l-aħħar artikolu ma huwiex applikabbli ratione temporis, f’dan il-każ.

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punti 4546, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, l-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, inserit bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 dwar l-allinjament tad-drittijiet u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 10). Ara, barra minn hekk, il-punt 9 tad-Deċiżjoni Nru 181 tal-kummissjoni amministrattiva, imsemmija iktar ’il fuq. Ara, fl-aħħar nett, l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 987/2009. Fuq il-kompożizzjoni, il-metodi tax-xogħol u x-xogħlijiet tal-kummissjoni amministrattiva, ara d-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tar-Regolament Nru 1408/71.

( 26 ) Konklużjonijiet fil-kawża A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:12, punt 47). Ara, barra minn hekk, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Hoogstad (C‑269/15, EU:C:2016:802, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa ċċitat fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:12, punt 49) u, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 59).

( 28 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:12, punt 50) u, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara, reċentement, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309).

( 31 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 52).

( 32 ) Sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309).

( 33 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:12, punt 36).

( 34 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-21 ta’ Lulju 2011, Oguz (C‑186/10, EU:C:2011:509, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 38), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, Schoenimport Italmoda Mariano Previti et (C‑131/13, C‑163/13 u C‑164/13, EU:C:2014:2455, punti 43 u 46). Ara, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawża Centros (C‑212/97, EU:C:1998:380, punt 20) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Halifax et (C‑255/02, EU:C:2005:200, punt 64).

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Schoenimport Italmoda Mariano Previti et (C‑131/13, C‑163/13 u C‑164/13, EU:C:2014:2455, punt 59).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Fini H (C‑32/03, EU:C:2005:128, punt 34), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, Schoenimport Italmoda Mariano Previti et (C‑131/13, C‑163/13 u C‑164/13, EU:C:2014:2455, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), minn fejn jirriżulta li huwa obbligu tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali li jirrifjutaw il-benefiċċju tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud previst mis-sitt direttiva, jekk, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, jiġi stabbilit li dan ġie invokat b’mod frawdolenti jew abbużivament.

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Calle Grenzshop Andresen (C‑425/93, EU:C:1995:12, punt 63), li jirrilevaw li, fl-ipoteżi ta’ ċertifikat E 101 akkwistat b’mod frawdolenti, ma jistax jiġi ammess li dan għandu l-prijorità fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71. Ara, f’sens analogu fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ ċertifikazzjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża van de Bijl (130/88, mhux ippubblikata, EU:C:1989:157, punt 17), il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Paletta (C‑45/90, mhux ippubblikata, EU:C:1991:234, punt 34) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Paletta (C‑206/94, EU:C:1996:20, punt 51). L-Artikolu 13(2)(a) u l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 huma ċċitati fil-punti 5 u 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża FTS (C‑202/97, EU:C:1999:33, punt 58).

( 40 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, fir-rigward tal-obbligu tal-istituzzjoni emittenti li tikkunsidra mill-ġdid il-mertu tal-ħruġ ta’ ċertifikat E 101 u, jekk meħtieġ, tirtirah, il-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Gvern Bulgaru ma ppreżentax osservazzjonijiet, orali jew bil-miktub, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

( 41 ) Ara, ukoll, il-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż jindika li, skont evalwazzjoni li saret mill-Qorti tal-Awdituri Franċiża, il-frodi marbuta mal-ħaddiema kkollokati mhux iddikjarati twassal, għas-sistema tas-sigurtà soċjali Franċiża waħedha, għal telf ta’ kontribuzzjonijiet soċjali ta’ EUR 380 miljuni. Ara, fuq il-problema ta’ dokumenti portabbli A1 miksuba b’mod frawdolenti, Y. Jorens, J.‑P. Lhernould, Procedures related to the granting of Portable Document A1: an overview of country practices, punt 3.3.3, rapport elaborat fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, f’Mejju 2014.

( 43 ) Ara, f’sens analogu fir-rigward tal-qasam tal-VAT, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, (C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, inħoss li għandi nfakkar li, fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġlieda kontra l-frodi, b’mod partikolari dik soċjali, u l-prevenzjoni tal-abbuż, b’mod partikolari l-ġlieda kontra x-xogħol moħbi, huma fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni fuq dawk il-libertajiet, billi dan l-għan jista’ b’mod partikolari jkun marbut mal-għan tal-protezzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, De Clercq et (C‑315/13, EU:C:2014:2408, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 45).

( 44 ) Dan japplika wkoll għar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 li ssostitwew ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72. Min-naħa l-oħra, il-proposta tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Diċembru 2016, imsemmija iktar ’il fuq, hija intiża sabiex tintroduċi, fir-Regolament Nru 987/2009, definizzjoni tal-“frodi”. Ara l-punt 21 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) F’dan ir-rigward, il-frodi hija differenti mill-abbuż tad-dritt. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prova ta’ prattika abbużiva tirrikjedi, minn naħa, l-intier ta’ ċirkustanzi oġġettivi minn fejn jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma kienx intlaħaq u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv konsistenti fil-volontà li jiġi akkwistat vantaġġ riżultanti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet rikjesti għall-akkwist tiegħu. Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2012, L-Ungerija vs Is-Slovakkja (C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-frodi u l-abbuż tad-dritt, A. Bouveresse, “La fraude dans l’abus de droit”, La fraude et le droit de l’Union européenne, Bruylant, Bruxelles, 2017, p. 18.

( 46 ) Sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309). Ara wkoll il-punti 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Calle Grenzshop Andresen (C‑425/93, EU:C:1995:12, punt 51). Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, billi, bħala regola ġenerali, iċ-ċertifikat E 101 jintalab li jinħareġ qabel il-bidu tal-perijodu li huwa jkopri, l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali ta’ sikwit issir, f’dak iż-żmien, abbażi tas-sitwazzjoni tax-xogħol prevista mill-ħaddiem ikkonċernat. Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe (C‑115/11, EU:C:2012:606, punt 43).

( 48 ) Insib konferma ta’ din is-suppożizzjoni fil-leġiżlazzjoni Ewropea. Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, stabbilita bl-att tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi l-konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropew [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1995, C 316, p. 48) (“kwalunkwe att jew ommissjoni intenzjonali”). Ara, barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2017, dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29). Ara, fl-aħħar nett, id-definizzjoni tal-“frodi” proposta mill-Kummissjoni fil-proposta tat-13 ta’ Diċembru 2016, imsemmija iktar ’il fuq.

( 49 ) Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 40), u tad-9 ta’ Novembru 2000, Plum (C‑404/98, EU:C:2000:607, punti 2122). Ara, barra minn hekk, in-nota ta’ qiegħ-il paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Biex infakkar, konformement mal-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, iċ-ċertifikat E 101 jinħareġ fuq it-talba tal-ħaddiem jew tal-persuna li timpjega, b’mod partikolari, “fil-każijiet li jissemmew fl-Artikolu 14(1) [tar-Regolament Nru 1408/71]”. L-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 huwa ċċitat fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 52 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Fuq is-suġġett tal-obbligu li l-istituzzjoni emittenti tiġi informata bil-konstatazzjoni ta’ frodi, ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara, fir-rigward ta’ din il-kodifikazzjoni, il-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-frodi hija s-suġġett tal-proċess leġiżlattiv pendenti intiż sabiex jemenda l-qafas leġiżlattiv eżistenti abbażi ta’ proposta mressqa mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Diċembru 2016 (ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 56 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 12 tar-Regolament Nru 987/2009, fejn issir referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, barra minn hekk, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 59).

( 57 ) Ara l-punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa ċċitat fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara, fir-rigward tal-prinċipju ġenerali tal-ġlieda kontra l-frodi, il-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Fir-rigward tal-obbligu li tiġi informata l-istituzzjoni emittenti bil-konstatazzjoni ta’ frodi, ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 63 ) Ara, f’sens analogu fir-rigward tad-drittijiet tat-tnaqqis, tal-eżenzjoni u tar-rimbors tal-VAT, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Schoenimport Italmoda Mariano Previti et (C‑131/13, C‑163/13 u C‑164/13, EU:C:2014:2455, punt 60), minn fejn jirriżulta li persuna taxxabbli li tkun ħolqot il-kundizzjonijiet relattivi għall-akkwist ta’ dritt biss billi tkun ipparteċipat f’operazzjonijiet frawdolenti ovvjament ma għandhiex dritt tipprevalixxi ruħha mill-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jew ta’ ċertezza legali sabiex topponi r-rifjut tal-għoti tad-dritt ikkonċernat.

( 64 ) Ara, f’sens analogu fir-rigward tal-qasam tal-VAT, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Schoenimport Italmoda Mariano Previti et (C‑131/13, C‑163/13 u C‑164/13, EU:C:2014:2455, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 65 ) Ara, fir-rigward ta’ din il-proċedura, l-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 u s-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punti 44 sa 46, u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, barra minn hekk, il-punti 7 u 9 tad-Deċiżjoni Nru 181 tal-kummissjoni amministrattiva, imsemmija iktar ’il fuq. Taħt ir-reġim tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, din il-proċedura ġiet żviluppata sew fid-Deċiżjoni A1 tal-kummissjoni amministrattiva, tat-12 ta’ Ġunju 2009, dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni dwar il-validità tad-dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-provvista ta’ servizzi taħt ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2010, C 106, p. 1). Ara, ukoll, l-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 5(2) sa (4) tar-Regolament Nru 987/2009, li ma humiex applikabbli ratione temporis, għal dan il-każ. Ara, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:12, punti 59 sa 66).

( 66 ) Ara l-punti 42 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fuq il-konstatazzjoni ta’ frodi, ara l-punti 48 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 ) Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, din il-proċedura hija maħsuba b’mod partikolari lejn żewġ sitwazzjonijiet. Minn naħa, dik fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom dubji dwar il-validità taċ-ċertifikat E 101 jew dwar il-korrettezza tal-elementi ġustifikattivi jew tal-fatti li abbażi tagħhom ikun inħareġ dak iċ-ċertifikat u, min-naħa l-oħra, dik fejn l-Istati Membri kkonċernati ma jaqblux dwar id-determinazzjoni, f’każ partikolari, tal-leġiżlazzjoni applikabbli, taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71. Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71; il-punt 7(c) u l-punt 9 tad-Deċiżjoni Nru 181 tal-kummissjoni amministrattiva, imsemmija iktar ’il fuq, u s-sentenza tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309, punti 44 sa 46, u l-ġurisprudenza ċċitata), Ara, barra minn hekk, l-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikolu 5(2) sa (4) tar-Regolament Nru 987/2009, kif ukoll il-punt 1 tad-Deċiżjoni A1 tal-kummissjoni amministrattiva, imsemmija iktar ’il fuq. Biex infakkar, ir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 kif ukoll id-Deċiżjoni A1 ma humiex applikabbli ratione temporis, f’dan il-każ.

( 68 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 69 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Ara, f’sens analogu fir-rigward tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata), minn fejn jirriżulta li jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri “f’ċirkustanzi eċċezzjonali”. Ara, barra minn hekk, K. Lenaerts, “La vie après l’avis: Exploring the principle of mutual (yet not blind) trust”, Common Market Law Review, Vol. 54, Nru 3, Ġunju 2017, p. 805 sa 840.

( 71 ) Fil-fatt, jidhirli li l-konstatazzjoni ta’ frodi dwar il-ħruġ ta’ ċertifikat E 101 sikwit tirrikjedi evalwazzjoni tal-elementi fattwali fl-Istat Membru li fih ikun inħareġ dak iċ-ċertifikat. Issa, għandu jitqies li l-istituzzjoni emittenti taċ-ċertifikat E 101 hija, bħala regola ġenerali, l-aħjar post sabiex jiġu evalwati dawn l-elementi.

( 72 ) Ara, ukoll, il-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Nikkunsidra li ma huwiex utli li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-konsegwenzi legali jew il-konsegwenzi finanzjarji possibbli, għall-persuni interessati, tal-annullament jew tal-irtirar, mill-istituzzjoni emittenti, taċ-ċertifikat E 101, fl-ipoteżi ta’ frodi. Fil-fatt, dawn il-kwistjonijiet ma jqumux fil-kawża prinċipali. Ara, madankollu, f’dan ir-rigward, l-ewwel parti tal-punt 7 tal-gwida prattika tal-kummissjoni amministrattiva, imsemmija iktar ’il fuq, minn fejn jirriżulta li, f’każ ta’ frodi, l-irtirar tad-dokument portabbli A1 (is-suċċessur taċ-ċertifikat E 101) jista’ jitwettaq anki b’effett retroattiv.

( 73 ) Fuq il-konstatazzjoni ta’ frodi, ara l-punti 48 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.