KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-13 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

Kawża C‑194/16

Bolagsupplysningen OÜ

Ingrid Ilsjan

vs

Svensk Handel AB

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (qorti suprema, l-Estonja)]

“Regolament Nru 1215/2012 — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ delitt jew kważi delitt — Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-internet — Drittijiet tal-personalità ta’ persuni ġuridiċi — Ċentru tal-interessi — Ordni biex l-informazzjoni titħassar jew tiġi kkoreġuta fi Stat Membru differenti — Talba għad-danni”

Werrej

 

I. Introduzzjoni

 

II. Dritt applikabbli

 

1. Regolament Nru 1215/2012

 

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

 

IV. Evalwazzjoni

 

A. Applikabbiltà għall-persuni ġuridiċi tal-ġurisdizzjoni taċ-“ċentru tal-interessi”

 

1. Introduzzjoni: l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza (kif l-eċċezzjoni saret ir-regola)

 

2. Drittijiet tal-personalità ta’ persuni ġuridiċi

 

a) Risposta bbażata fuq il-prinċipju

 

b) Risposta prammatika

 

c) Trattament differenti għall-persuni ġuridiċi skont ir-Regolament Nru 1215/2012?

 

B. Ġurisdizzjoni internazzjonali għal talbiet li jikkonċernaw dannu għad-drittijiet tal-personalità kkawżat minn informazzjoni ppubblikata online

 

1. Id-diffikultajiet fiż-żamma ta’ approċċ “mużajk” għal talbiet delittwali relatati mal-internet

 

2. L-alternattiva iktar stretta

 

a) It-test iddefinit mill-ġdid

 

b) Id-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi

 

c) Konklużjoni provviżorja

 

C. Ġurisdizzjoni għal ordni għar-rettifika u għat-tneħħija ta’ informazzjoni allegatament dannuża

 

V. Konklużjoni

I. Introduzzjoni

1.

Kumpannija Estonjana li topera fl-Isvezja tniżżlet bħala pprojbita minħabba l-prassi kummerċjali allegatament dubjużi tagħha fuq is-sit internet tal-federazzjoni Svediża ta’ min iħaddem. Bħalma jiġri inevitabbilment fl-era tal-qlubija anonima fuq l-internet, universalment magħrufa għall-istil ġentili, il-fehim sottili, u l-moderazzjoni, is-sit elettroniku attira numru ta’ kummenti ostili mill-qarrejja tiegħu.

2.

Il-kumpannija Estonjana ppreżentat rikors quddiem il-qrati Estonjani kontra l-federazzjoni Svediża. Hija lmentat li l-informazzjoni ppubblikata affettwat b’mod negattiv l-unur, ir-reputazzjoni u l-isem tajjeb tagħha. Hija talbet lill-qrati Estonjani jordnaw li l-federazzjoni Svediża tirrettifika l-informazzjoni u tneħħi l-kummenti mis-sit internet tagħha. Hija talbet ukoll kumpens għad-dannu allegatament imġarrab bħala riżultat tal-informazzjoni u tal-kummenti li ġew ippubblikati online.

3.

Ir-Riigikohus (qorti suprema, l-Estonja) għandha dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Estonjani f’din il-kawża. Hija għalhekk tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment tliet domandi: l-ewwel, il-qrati Estonjani jistgħu jasserixxu ġurisdizzjoni sabiex jiġi ppreżentat dan ir-rikors fuq il-bażi taċ-“ċentru tal-interessi” tar-rikorrenti, raġuni speċjali ta’ ġurisdizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat preċedentement għal persuni fiżiċi, iżda sa issa mhux għal persuni ġuridiċi? Jekk jistgħu, imbagħad it-tieni, kif għandu jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna ġuridika? It-tielet, jekk il-ġurisdizzjoni tal-qrati Estonjani kellha tkun limitata għal sitwazzjonijiet li fihom id-dannu seħħ fl-Estonja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija tistax tordna lill-federazzjoni Svediża tirrettifika u tneħħi l-informazzjoni inkwistjoni.

4.

Hemm żewġ elementi ġodda li jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu ħarsa ġdida u forsi iktar kritika lejn il-ġurisprudenza preċedenti tagħha: persuna ġuridika (mhux waħda fiżika) qiegħda titlob primarjament rettifika u tneħħija ta’ informazzjoni magħmula aċċessibbli fuq l-internet (u sussidjarjament biss għal kumpens għall-allegat dannu magħmul lir-reputazzjoni tagħha). Din il-kompożizzjoni fattwali twassal għall-mistoqsija dwar kemm ir-regoli li jidhru pjuttost ġenerużi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali stabbiliti preċedentement fis-sentenza Shevill ( 2 ) fir-rigward ta’ libell mill-media stampata, u mbagħad estiżi ulterjorment f’eDate ( 3 ) għad-dannu kkawżat lir-reputazzjoni ta’ persuna fiżika permezz ta’ informazzjoni ppubblikata fuq l-internet, jista’ jkun li jeħtieġu aġġornament.

II. Dritt applikabbli

1.  Regolament Nru 1215/2012

5.

Skont il-premessa 15 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 4 ), ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu “prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut”.

6.

B’żieda għall-premessa 16, “[b]arra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama”.

7.

Ir-regola ġenerali li tirregola l-ġurisdizzjoni internazzjonali tinsab fl-Artikolu 4(1), li skontu “persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

8.

Skont l-Artikolu 5(1) tal-istess regolament, tista’ tingħata deroga mir-regola tal-aħħar biss fil-każijiet previsti għat-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II.

9.

Ir-regola fl-Artikolu 7(2) (li tinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012) hija rilevanti għal din il-kawża. Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ delitt jew kważi delitt, persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor quddiem “[il]-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

10.

Bolagsupplysningen OÜ (“ir-rikorrenti”) hija kumpannija stabbilita f’Talinn, l-Estonja li apparentement twettaq il-parti l-kbira tan-negozju tagħha fl-Isvezja. Ingrid Ilsjan hija impjegata tar-rikorrenti.

11.

Svensk Handel AB hija federazzjoni tal-kummerċ Svediża (iktar ’il quddiem “il-konvenuta”).

12.

Il-konvenuta qiegħdet lir-rikorrenti fuq lista ta’ kumpanniji pprojbiti ppubblikata fis-sit internet tagħha, fejn sostniet li din “twettaq kummerċ fil-gideb u l-qerq” [traduzzjoni libera]. Forum tal-internet fuq is-sit internet ġabar madwar 1000 kumment bħala tweġiba għall-projbizzjoni, inklużi sejħiet għal atti ta’ vjolenza kontra r-rikorrenti u l-impjegati tagħha.

13.

Fid-29 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti u I. Ilsjan ippreżentaw rikors kontra l-konvenuta quddiem il-Harju Maakohus (qorti distrettwali, Harju, l-Estonja) (iktar ’il quddiem il-“qorti tal-prim’istanza”). Ir-rikorrenti u I. Ilsjan talbu li l-konvenuta tiġi ordnata li tirrettifika l-informazzjoni ppubblikata dwar ir-rikorrenti u li tneħħi l-kummenti mis-sit internet tagħha. Ir-rikorrenti talbet ukoll kumpens għad-dannu materjali subit, b’mod partikolari għat-telf ta’ profitt, fl-ammont ta’ EUR 56 634.99. I. Ilsjan talbet kumpens għad-danni morali, li għandu jiġu evalwat mill-qorti. Ir-rikorrenti u I. Ilsjan sostnew li huma ġarrbu dannu bħala riżultat tal-azzjonijiet tal-konvenuta. Huma sostnew li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni inkorretta rvinat in-negozju fl-Isvezja tar-rikorrenti.

14.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2015, il-qorti tal-prim’istanza ċaħdet ir-rikors. Hija ddeċidiet li ma kienx ġie pprovat li d-dannu inkwistjoni ġie subit fl-Estonja. Għalhekk, hija ma setgħetx tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012. L-informazzjoni u l-kummenti kienu miktuba bl-Isvediż, lingwa li ma tinftiehemx mill-kelliema Estonjani mingħajr traduzzjoni. Barra minn hekk, it-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ kien fil-munita Svediża, li kien indikattiv tal-fatt li d-dannu fil-fatt kien subit fl-Isvezja. Is-sempliċi fatt li seta’ jsir aċċess għas-sit internet fl-Estonja ma setax jistabbilixxi awtomatikament il-ġurisdizzjoni tal-qrati Estonjani.

15.

Ir-rikorrenti u I. Ilsjan ikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem it-Tallinna Ringkonnakohus (qorti tal-appell, Talinn, l‑Estonja). Fid-9 ta’ Novembru 2015 din il-qorti ċaħdet ir-rikors, filwaqt li kkonfermat l-assenza ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Estonjani.

16.

Ġie ppreżentat appell ieħor minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Riigikohus (qorti suprema, l-Estonja).

17.

Quddiem il-qorti suprema, ir-rikorrenti targumenta li l-qrati Estonjani għandhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu l-kawża minħabba li ċ-ċentru tal-interessi tagħha huwa fl-Estonja. Il-kontenut online li kien ippubblikat f’dan il-każ kiser id-dritt tar-rikorrenti biex twettaq attività ta’ negozju. It-tmexxija, attività ekonomika, kontabbiltà, żvilupp kummerċjali u d-dipartimenti tal-persunal jinsabu fl-Estonja. Id-dħul tagħha huwa ttrasferit mill-Isvezja lejn l-Estonja. Hija ma għandhiex rappreżentant barrani jew fergħa barra mill-pajjiż. B’hekk, l-effetti tal-att delittwali nħassu fl-Estonja.

18.

Il-konvenuta tqis li ma hemmx konnessjoni mill-qrib bejn is-suġġett tat-talba u l-qrati Estonjani. Il-ġurisdizzjoni internazzjonali b’hekk għandha tiġi ddeterminata abbażi tar-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Is-sede tal-konvenuta tinsab fl-Isvezja. Il-qrati Svediżi għalhekk għandhom ġurisdizzjoni fuq il-kawża prinċipali.

19.

Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissepara r-rikorsi tar-rikorrenti u ta’ I. Ilsjan. Ir-rikors ta’ din tal-aħħar intbagħat lura lill-qorti tal-prim’istanza għal kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-ammissibbiltà tiegħu. Fir-rigward tar-rikors tar-rikorrenti, il-qorti tar-rinviju tqis li l-qrati Estonjani għandhom ġurisdizzjoni fuq it-talba tagħha għal kumpens għad-dannu possibbilment imġarrab fl-Estonja. Madankollu, hija tiddubita jekk għandhiex ġurisdizzjoni dwar l-aspetti l-oħra tat-talba tar-rikorrenti.

20.

Huwa f’dan il-kuntest li r-Riigikohus (qorti suprema, l-Estonja) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

L-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li d-drittijiet tagħha allegatament inkisru minħabba l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ data żbaljata dwarha u minħabba l-ommissjoni ta’ tneħħija ta’ kummenti dwarha tista’ tippreżenta rikors quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu hija, jew kienet, aċċessibbli l-informazzjoni ppubblikata fuq l-internet għad-danni kkawżati fl-imsemmi Stat Membru, sabiex tikseb ir-rettifika tad-data żbaljata kif ukoll it-tneħħija tal-kummenti li jippreġudikaw id-drittijiet tagħha?

(2)

L-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika li d-drittijiet tagħha allegatament inkisru minħabba l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ data żbaljata dwarha u minħabba l-ommissjoni ta’ tneħħija ta’ kummenti dwarha tista’ tinvoka d-dritt għar-rettifika tal-indikazzjonijiet, għall-obbligu ta’ tneħħija tal-kummenti u għall-kumpens tad-dannu materjali kollu subit minħabba l-pubblikazzjoni tad-data żbaljata fuq l-internet, quddiem il-qrati tal-Istat li fih jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha?

(3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għandu jitqies li ċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna ġuridika u, għaldaqstant, il-post fejn seħħ id-dannu li hija subit jinsab fl-Istat Membru fejn din għandha s-sede tagħha jew

fid-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi tal-persuna ġuridika u, għaldaqstant, tal-post fejn seħħ id-dannu li hija subit, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ speċifiku, pereżempju s-sede u l-istabbilimenti tal-persuna ġuridika, is-sede tal-klijenti tagħha u l-modi kif hija tikkonkludi l-operazzjonijiet tagħha?”

21.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-Gvern tal-Estonja, mill-Gvern tal-Portugall u mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrenti, il-Gvern tal-Estonja u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-20 ta’ Marzu 2017.

IV. Evalwazzjoni

22.

Id-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jikkonċernaw, essenzjalment, tliet kwistjonijiet. Il-qofol tal-kwistjoni jinsab, fil-fehma tiegħi, fit-tieni domanda: il-motiv ta’ ġurisdizzjoni bbażat fuq iċ-ċentru tal-interessi żviluppat f’eDate ( 5 ) fir-rigward ta’ persuni fiżiċi huwa applikabbli wkoll għall-persuni ġuridiċi? Għalhekk jien nibda billi nindirizza din il-kwistjoni (A). Fil-każ ta’ risposta pożittiva għal din id-domanda jeħtieġ li tiġi indirizzata t-tielet domanda magħmula mill-qorti nazzjonali: f’dak il-każ xi jkun it-test għall-istabbiliment taċ-ċentru tal-interessi għall-persuni ġuridiċi? (B)? Finalment, l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-azzjoni reċiproka bejn l-approċċ “mużajk” żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Shevill, ( 6 ) li permezz tiegħu l-ġurisdizzjoni tal-qorti tiġi limitata għad-danni mġarrba fi ħdan it-territorju nazzjonali rispettiv, u n-natura (unitarja) indiviżibbli tar-rimedju mfittex mir-rikorrenti (C).

23.

Fil-qosor, l-ewwel nett, f’dawn il-konklużjonijiet, qed tiġi evalwata l-portata personali tar-regoli rilevanti dwar il-ġurisdizzjoni (A), imbagħad it-test li għandu jitħaddem (B), u finalment il-kwistjoni ta’ rimedji (C). Is-sustanza tal-argument hija kif ġej: għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali f’każijiet ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali għal dannu kkawżat fil-konfront tar-reputazzjoni ta’ parti, ma nara l-ebda raġuni valida biex tibda ssir distinzjoni bejn persuni fiżiċi u ġuridiċi. Is-suġġeriment tiegħi huwa li f’termini ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, dawn għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Madankollu, b’kunsiderazzjoni tan-natura speċifika tal-internet u tal-informazzjoni kkomunikata online, nipproponi wkoll li jitnaqqsu l-possibbiltajiet tal-approċċ preċedenti mħaddan mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward tal-kontenut magħmul aċċessibbli fl-internet, ftit li xejn nara l-iskop għaliex għandha tinżamm il-ġurisdizzjoni “mużajk” stabbilita fis-sentenza Shevill b’mod speċifiku għad-distribuzzjoni ta’ media stampata. Jekk jitħaddan tali restrinġiment tar-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali għal-libell ibbażat fuq l-internet, imbagħad lanqas biss tqum il-kwistjoni ta’ rimedji disponibbli f’ġurisdizzjoni “mużajk” territorjalment limitata bħal fis-sentenza Shevill.

A. Applikabbiltà għall-persuni ġuridiċi tal-ġurisdizzjoni taċ-“ċentru tal-interessi”

1. Introduzzjoni: l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza (kif l-eċċezzjoni saret ir-regola)

24.

Din il-kawża tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-regola fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 li tistabbilixxi ġurisdizzjoni internazzjonali għal talbiet relatati ma’ delitt. Skont din ir-regola, fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ delitt jew kważi delitt, persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor “fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

25.

Din hija regola speċjali ta’ ġurisdizzjoni. Din tippermetti li ma tintużax ir-regola ġenerali, li tinsab fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li skontha il-konvenut għandu jiġi mħarrek fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu ( 7 ).

26.

Ir-regola fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 hija, skont ġurisprudenza stabbilita, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn it-tilwima u qrati fi Stat Membru ieħor li ma humiex dawk tad-domiċilju tal-konvenut. Din hija ġġustifikata minħabba raġunijiet relatati mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mat-tmexxija effettiva tal-proċeduri ( 8 ).

27.

L-espressjoni l-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 (u l-predeċessuri tiegħu ( 9 )) kienet ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, sa mis-sentenza Bier ( 10 ), bħala li tkopri kemm il-post fejn immaterjalizza d-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment li minnu joriġina d-dannu. B’hekk ir-rikorrent jista’ jagħżel li jħarrek lill-konvenut quddiem il-qrati ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ postijiet ( 11 ).

28.

Fis-sentenza Shevill, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li meta libell jirriżulta minn artikolu ppubblikat f’gazzetta, li titqassam f’diversi Stati Membri, ir-rikorrent jista’ jagħżel li jippreżenta rikors għad-danni (bl-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali) quddiem il-qrati ta’ żewġ postijiet. Jistgħu jiġu aditi l-qrati tal-Istat Membru li fih oriġina l-avveniment dannuż ( 12 ), li jikkorrispondi mal-post tal-istabbiliment tal-pubblikatur, jew il-qrati ta’ kull Stat Membru fejn il-pubblikazzjoni inkwistjoni tqassmet u fejn il-vittma tallega li ġarrbet dannu għar-reputazzjoni tagħha. Il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-aħħar se tkun limitata biss għad-dannu kkawżat f’dak l-Istat Membru ( 13 ). Dan it-tieni tip ta’ ġurisdizzjoni speċjali li jirriżulta f’ġurisdizzjoni territorjalment limitata maħluqa fis-sentenza Shevill sar riferiment għalih bħala l-approċċ “mużajk” ( 14 ).

29.

F’eDate, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ikkonfermat l-applikabbiltà ta’ din ir-raġuni ġurisdizzjonali għal talbiet li jikkonċernaw ksur tad-drittijiet tal-personalità kkawżat minn informazzjoni ppubblikata fl-internet. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li talba għad-danni tista’ titressaq quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu kontenut imqiegħed online huwa jew kien aċċessibbli. Il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati tibqa’ territorjalment limitata ( 15 ).

30.

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu żiedet element ieħor ta’ ġurisdizzjoni f’eDate: li tali talba tista’ titressaq ukoll quddiem il-qrati tal-post taċ-ċentru tal-interessi tar-rikorrent. Dan il-post jikkorrispondi mal-Istat Membru fejn ir-rikorrent għandu r-residenza abitwali tiegħu fih jew għal Stat Membru ieħor li miegħu tista’ tiġi stabbilita rabta partikolarment stretta, bħal fejn ir-rikorrent iwettaq attività professjonali ( 16 ).

31.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat dan it-tielet element speċjali ta’ ġurisdizzjoni għal talbiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 billi qieset il-“gravità tal-ħsara” u l-aċċessibbiltà madwar id-dinja tal-informazzjoni li allegatament tikkawżaha ( 17 ). Dawn huma karatteristiċi speċifiċi għall-internet li, bħala mezz, kien pjuttost marġinali meta ttieħdet deċiżjoni dwar is-sentenza Shevill ( 18 ).

32.

Fi ftit kliem: il-qari flimkien tas-sentenza Shevill u tas-sentenza eDate jfisser li f’każ ta’ allegat dannu għar-reputazzjoni kkawżat minn informazzjoni fuq l-internet illum, jekk ir-rikorrent ikun persuna fiżika, hemm għażla ta’ erba’ tipi ta’ fora. Tlieta minnhom huma fora “sħaħ”: fejn jistgħu jintalbu d-danni kollha. Ir-raba’, element huma d-danni “parzjali”: fejn il-kumpens li jista’ jintalab ikun limitat għad-dannu mġarrab fit-territorju ta’ dak l-Istat. Il-fora sħaħ jinkludu forum wieħed, li huwa ġenerali (id-domiċilju tal-konvenut) u żewġ fora speċjali (fejn oriġina d-dannu, li fil-parti l-kbira tal-każijiet x’aktarx li jkun l-istess bħall-forum ġenerali; u fejn ir-rikorrent għandu ċ-ċentru tal-interessi tiegħu). Barra minn hekk, l-Istati Membri l-oħra kollha x’aktarx li jikkostitwixxu fora parzjali, peress li l-informazzjoni fuq l-internet hija aċċessibbli fl-Istati Membri kollha.

33.

Din il-kawża tikkonċerna ġurisdizzjoni internazzjonali għal talba għad-danni li toriġina minn allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti hija persuna ġuridika. Intalbet ordni biex il-konvenuta tikkoreġi u tneħħi l-informazzjoni u l-kummenti mis-sit internet tal-konvenuta. Bħalma ġie kkonfermat fis-seduta, l-iskop primarju tar-rikors tar-rikorrenti ma huwiex il-kumpens għad-dannu materjali mġarrab iżda pjuttost ir-rettifika u t-tħassir tal-kontenut allegatament dannuż online. Il-kumpens huwa mitlub biss fuq bażi sekondarja.

34.

Bħalma sar allużjoni fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn iż-żewġ elementi, meħuda flimkien, jistgħu jitqiesu bħala li jestendu l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja xi ftit iżżejjed, għal sferi ta’ attivitajiet li jista’ jkun li oriġinarjament ma kinux imfassla għalihom. Madankollu, l-estensjoni għal-limiti esterni ta’ struttura intellettwali hija utli wkoll: din tippermetti evalwazzjoni kritika mill-ġdid tal-pedamenti stess ta’ din l-istruttura.

35.

Madankollu, qabel ma jkun jista’ jitwettaq dan l-eżerċizzju, jeħtieġ li tiġi indirizzata kwistjoni preliminari: fir-rigward tad-dannu għad-drittijiet tal-personalità kkawżat permezz tal-internet, huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn persuni fiżiċi u ġuridiċi?

2. Drittijiet tal-personalità ta’ persuni ġuridiċi

36.

Minkejja li ma tissemmiex b’mod espliċitu fis-sentenza, jidher li l-idea li fuqha huwa bbażat bil-qawwa l-ħolqien ta’ element speċjali addizzjonali ta’ ġurisdizzjoni f’eDate kienet il-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali. Din l-idea kienet artikolata b’mod ċar fir-raġunament tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’dik il-kawża ( 19 ).

37.

Minkejja dan, il-kwistjoni ta’ jekk il-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità qua drittijiet fundamentali tistax tiġi estiża wkoll għall-persuni ġuridiċi jew le kienet ċertament is-suġġett ta’ diskussjoni estensiva f’din il-kawża. Il-persuni ġuridiċi għandhom drittijiet tal-personalità? Il-fehmiet tal-partijiet f’din il-kawża kienu differenti.

38.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, il-Gvern Estonjan iddikjara li d-drittijiet tal-personalità protetti skont is-sentenza eDate jistgħu, intrinsikament, ikunu biss għal persuni fiżiċi. L-Estonja targumenta li dan huwa minħabba n-natura u l-effetti tagħhom (bħal uġigħ u tbatija). Bl-istess mod, ir-Renju Unit enfasizza fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li l-kumpens imfittex b’reazzjoni għall-informazzjoni dannuża ppubblikata fuq l-internet jikkorrispondi fir-realtà mat-telf kummerċjali għal entitajiet ġuridiċi. Dan iqajjem kwistjonijiet differenti minn dawk li jqumu għal persuna fiżika li r-reputazzjoni tagħha tkun affettwata.

39.

Il-Kummissjoni tammetti li d-drittijiet tal-personalità huma protetti f’ċerti Stati Membri iżda ssostni li l-forum actoris ibbażat fuq iċ-ċentru tal-interessi ma għandux jiġi estiż għall-persuni ġuridiċi. Tali estensjoni ma tikkorrispondix mal-bilanċ tal-interessi inkwistjoni.

40.

Ma nistax nissottoskrivi ma’ dawn il-pożizzjonijiet. L-ewwel nett, fil-livell ta’ prinċipju, huwa diffiċli biex wieħed jara għaliex persuni ġuridiċi ma jistgħux jingħataw, sa fejn din l-analoġija tippermetti b’mod raġonevoli, drittijiet tal-personalità (a). It-tieni nett, x’aktarx jeħtieġ li jiġi enfasizzat li f’livell iktar prammatiku, il-kwistjoni ta’ jekk persuni ġuridiċi jgawdux minn ċerti drittijiet fundamentali tal-personalità hija rilevanti b’mod pjuttost limitat għall-iskop ta’ din il-kawża. Ma hemm l-ebda dubju li fil-liġijiet ta’ numru ta’ Stati Membri, persuni ġuridiċi jgawdu minn protezzjoni tar-reputazzjoni jew tal-isem tajjeb tagħhom bħala parti mid-drittijiet statutorji tagħhom. Dawn jeżistu u trid tittieħed deċiżjoni dwarhom b’mod ġenerali irrispettivament minn (nuqqas ta’) eżistenza ta’ xi drittijiet fundamentali ta’ persuni ġuridiċi. Dawn it-talbiet, jekk ta’ natura transkonfinali, x’aktarx li jinvolvu “dannu” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, iżda diskussjoni potenzjalment intensa dwar il-portata tad-drittijiet fundamentali ta’ kumpanniji fir-realtà ma hijiex l-element ewlieni ta’ din il-kawża (b). Dawk il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għall-konklużjoni li ma hemm ebda raġuni sabiex persuni fiżiċi u ġuridiċi jiġu ttrattati b’mod differenti meta jiġi applikat element speċjali ta’ ġurisdizzjoni (c).

a) Risposta bbażata fuq il-prinċipju

41.

Fi ħdan is-sistema tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), fil-bidu, kien biss l-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 għall-KEDB dwar id-dritt għall-proprjetà li ppreveda b’mod espliċitu għall-applikazzjoni tiegħu għall-persuni ġuridiċi. Madankollu, sussegwentement, kemm il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja estendew gradwalment il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għall-persuni ġuridiċi fejn tali approċċ deher xieraq fir-rigward tad-dritt fundamentali speċifiku inkwistjoni.

42.

Fil-ġurisprudenza tal-QEDB għalhekk, estensjoni gradwali matul is-snin żiedet, pereżempju, il-libertà ta’ espressjoni ( 20 ); id-dritt għar-rispett tad-dar u tal-korrispondenza ( 21 ); u d-dritt għal smigħ xieraq ( 22 ). Fl-istess ħin, madankollu, il-QEDB ammettiet ukoll li fir-rigward tal-limitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali, il-partijiet firmatarji igawdu minn diskrezzjoni ikbar f’każijiet li jikkonċernaw attivitajiet professjonali tal-persuni involuti ( 23 ).

43.

B’mod simili, fi ħdan is-sistema tad-dritt tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-persuni ġuridiċi ma jgawdux biss mid-dritt għall-proprjetà ( 24 ); iżda wkoll mill-libertà ta’ intrapriża ( 25 ); id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv ( 26 ); u wkoll b’mod iktar speċifiku, mid-dritt għal għajnuna legali bla ħlas ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li persuni ġuridiċi jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza u mid-drittijiet tad-difiża ( 28 ).

44.

B’mod ġenerali, jidher li fiż-żewġ sistemi, ħlief għal xi eċċezzjonijiet ( 29 ), l-estensjoni tad-drittijiet fundamentali għal persuni ġuridiċi seħħet gradwalment, u b’mod pjuttost naturali u spontanju, mingħajr riflessjonijiet filosofiċi iktar profondi dwar in-natura jew il-funzjoni ta’ drittijiet fundamentali ( 30 ). Il-kunsiderazzjonijiet sottostanti jidhru li huma ta’ natura iktar funzjonali: id-dritt fundamentali inkwistjoni, b’analoġija raġonevoli, jista’ jiġi applikat għal persuna ġuridika? Jekk iva, dan id-dritt għandu t-tendenza li jiġi estiż u applikat għal persuni ġuridiċi, forsi b’lok għal iktar limitazzjonijiet u restrizzjonijiet ( 31 ).

45.

B’mod iktar speċifiku, sa fejn huma kkonċernati d-drittijiet tal-personalità tal-persuni ġuridiċi, ir-rikonoxximent indirett tagħhom jista’ jinsab f’Fayed vs Ir-Renju Unit ( 32 ). Il-QEDB iddikjarat li għad-dritt għal reputazzjoni tajba, il-limiti ta’ kritika aċċettabbli huma iktar wiesgħa fir-rigward tal-persuni tan-negozju involuti f’kumpanniji pubbliċi kbar milli għall-individwi privati ( 33 ). Barra minn hekk, il-QEDB iddeċidiet li l-fatt li parti partikolari kienet kumpannija multinazzjonali kbira ma għandux iċaħħadha minn dritt li tiddefendi lilha nnifisha kontra allegazzjonijiet difamatorji. Dan il-fatt lanqas ma kien ifisser li r-rikorrenti (persuni fiżiċi) ma kellhomx ikunu meħtieġa jipproduċu prova tan-natura korretta tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni ( 34 ).

46.

Madankollu, huwa xieraq li wieħed jammetti li l-ġurisprudenza tal-QEDB dwar din il-kwistjoni forsi ma hijiex konklużiva għalkollox, b’mod partikolari minħabba żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, in-natura tad-drittijiet tal-personalità ta’ persuni ġuridiċi tista’ tkun kemxejn differenti minn dawk ta’ persuni fiżiċi skont id-dritt partikolari, fil-kuntest ta’ liema huwa invokat – l-Artikolu 8, l-Artikolu 10, jew forsi l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll, jew saħansitra fi ħdan kwalunkwe wieħed mid-drittijiet proċedurali. It-tieni nett, f’każijiet konkreti, l-QEDB ħafna drabi tissuġġetta ruħha għall-evalwazzjoni diġà magħmula mill-qorti nazzjonali fir-rigward ta’ (nuqqas ta’) eżistenza tal-ksur tal-personalità ta’ persuna ġuridika ( 35 ).

47.

Hemm żewġ modi kif il-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità ta’ persuni ġuridiċi bħala drittijiet fundamentali jistgħu jiġu indirizzati: intrinsiku u strumentali.

48.

Id-drittijiet tal-personalità bħala valur intrinsiku jfisser li dawn fihom infushom jistħoqqilhom protezzjoni. Id-drittijiet tal-personalità jistgħu jitqiesu bħala emanazzjoni tad-dinjità tal-bniedem. Is-sempliċi fatt li wieħed ikun bniedem jistħoqqlu fih innifsu u minnu nnifsu protezzjoni. Jekk jitħaddan dan il-kunċett ta’ drittijiet tal-personalità, imbagħad fil-fatt jista’ tassew ikun hemm ċerta diffikultà intellettwali biex dan l-istatus jiġi attribwit lil persuna ġuridika.

49.

Id-drittijiet tal-personalità, madankollu, jistgħu jitqiesu wkoll bħala strumentali għall-protezzjoni effettiva ta’ drittijiet fundamentali oħra iktar milli bħala skop fihom infushom. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità ta’ persuni ġuridiċi twassal għal (jew hija t-twettiq neċessarju ta’) drittijiet oħra li dawn il-persuni jgawdu minnhom, bħad-dritt għall-proprjetà (Artikolu 17 tal-Karta) jew il-libertà ta’ intrapriża (Artikolu 16 tal-Karta). Bl-applikazzjoni ta’ din il-loġika, il-ksur tad-drittijiet tal-personalità ta’ kumpannija li jikkonsisti f’dannu għall-isem tajjeb u għar-reputazzjoni tagħhom se jiġi rifless direttament fi ksur tad-drittijiet ekonomiċi tagħhom. B’hekk, il-protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet ekonomiċi (li l-persuni ġuridiċi ċertament igawdu minnhom) teħtieġ ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità tagħhom.

50.

Il-ġustifikazzjoni tal-aħħar tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità ta’ persuni ġuridiċi tagħmel dawn id-drittijiet inferjuri, jew saħansitra mhux eżistenti? Diversi osservazzjonijiet ippreżentati matul din il-kawża donnhom jagħmlu dak l-argument morali, li jimplika essenzjalment li “jekk tikkonċerna l-flus, ma jistħoqqilhiex protezzjoni tad-drittijiet fundamentali”.

51.

Jien ma nikkondividix din il-fehma, għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, hemm numru ta’ drittijiet essenzjalment proċedurali oħra, li l-protezzjoni tagħhom ma tistax titqies bħala skop fih innifsu, iżda pjuttost strumentali għall-ħarsien ta’ drittijiet jew valuri oħra. Minħabba dan, dawn id-drittijiet huma għalhekk “inferjuri”? It-tieni nett, x’jiġri fil-każ ta’ drittijiet sostantivi oħra li huma relatati mal-protezzjoni ta’, pereżempju, id-dritt għall-proprjetà jew id-dritt għax-xogħol, jew il-libertà ta’ intrapriża? Dawn id-drittijiet huma wkoll “moralment inferjuri”? It-tielet nett, anki jekk kellha titħaddan tali pożizzjoni morali, quid non, din teskludi persuni ġuridiċi li jiġġeneraw profitt mill-benefiċċju ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Iżda x’jiġri fil-każ ta’ dawk li ma joperawx fuq bażi ta’ profitt? Fil-każ ta’ persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru, li jistgħu diskutibbilment ikollhom għanijiet iktar “nobbli”?

b) Risposta prammatika

52.

Ma nara l-ebda raġuni għaliex persuni ġuridiċi ma jistgħux igawdu mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità tagħhom bħala dritt fundamentali, bil-kundizzjoni li, skont il-loġika kumplessiva spjegata fit-taqsima preċedenti, dan ikun xieraq fil-kuntest tal-każ individwali.

53.

Madankollu, ma naħsibx li fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li tindirizza din il-kwistjoni sabiex tittratta din il-kawża.

54.

B’ħarsa lil hinn mis-saff “obbligatorju” tad-diskors dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taż-żminijiet attwali ( 36 ), għandu jitfakkar li din il-kawża tikkonċerna d-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għal responsabbiltà mhux kuntrattwali għal dannu kkawżat lir-reputazzjoni ta’ parti.

55.

Madankollu, ir-responsabbiltà għal tali tip ta’ dannu ma hijiex limitata għal dak li huwa protett minn drittijiet fundamentali ggarantiti kostituzzjonalment. Pjuttost għall-kuntrarju – fil-liġijiet tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet iktar iddettaljati dwar il-protezzjoni tal-personalità u tar-reputazzjoni jinsabu fil-livell statutorju, f’kodiċijiet ċivili nazzjonali jew f’regoli dwar delitti. Dawn ir-regoli sussegwentement, inevitabbilment, huma applikabbli għat-tnejn: il-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi.

56.

Fid-dritt Ġermaniż, pereżempju, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità ġenerali għandha għeruq kostituzzjonali. Kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi huma protetti. Il-persuni ġuridiċi jgawdu minn tali protezzjoni sakemm din tikkonċerna l-funzjoni partikolari tagħhom, pereżempju bħala aġent ekonomiku jew persuna li tħaddem ( 37 ). Id-dritt tal-personalità tal-impriża jipproteġi r-reputazzjoni tal-impriża u l-libertà ta’ intrapriża tagħha ggarantita kostituzzjonalment ( 38 ). Il-portata tal-protezzjoni tad-dritt tal-personalità tal-impriża hija interpretata b’mod relattivament wiesa’ ( 39 ). Fi Franza, il-ġurisprudenza tidher li aċċettat li persuni ġuridiċi jgawdu minn ċerti drittijiet tal-personalità, b’mod partikolari meta l-unur jew ir-reputazzjoni tagħhom ikunu f’riskju ( 40 ). Fid-dritt Ingliż, il-kunċetti ta’ libell u gideb malizzjużi jidhru li jipproteġu r-reputazzjoni u l-interess ekonomiku tal-entitajiet legali ( 41 ).

57.

B’hekk, minkejja d-differenzi fit-tip u fil-portata, id-drittijiet tal-personalità ta’ persuni ġuridiċi li jipproteġu l-isem tajjeb u r-reputazzjoni ma humiex fenomenu rari fl-Istati Membri. Jekk għalhekk titnieda tali talba bbażata b’mod statutorju fi Stat Membru kontra entità minn Stat Membru ieħor, id-deċiżjoni dwar tali azzjoni naturalment se teħtieġ ukoll deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012.

58.

Fi kliem ieħor, l-Artikolu 7(2) huwa dispożizzjoni b’diversi saffi fis-sens li r-regoli ġurisdizzjonali li jinsabu fih se jkunu applikabbli irrispettivament mill-bażi legali nazzjonali preċiża għat-talba, kemm jekk il-protezzjoni sostantiva ta’ drittijiet tal-personalità hija mogħtija minn dritt fundamentali protett kostituzzjonalment, minn protezzjoni statutorja jew ibbażata fuq il-ġurisprudenza, jew it-tnejn.

59.

Fl-istess ħin, anki jekk għandu diversi saffi fir-rigward tal-bażi sostantiva tat-talba skont id-dritt nazzjonali, l-Artikolu 7(2) għandu jkun unitarju fl-eżitu tiegħu. Fi kliem ieħor, id-differenzi possibbli fir-rigward tal-bażi tat-talba skont id-dritt nazzjonali ma jistgħux jaffettwaw l-evalwazzjoni tar-regoli ġurisdizzjonali, naturalment bil-kundizzjoni li n-natura tat-talba xorta jkollha x’taqsam ma’ delitt jew kważi delitt.

60.

Fil-qosor, il-protezzjoni ta’ mill-inqas ċerti drittijiet tal-personalità ta’ persuni ġuridiċi normalment ma tingħatax biss fil-livell tad-drittijiet fundamentali, iżda wkoll (jew saħansitra b’mod iktar frekwenti) fil-livell statutorju. Għalhekk irid ikun hemm regoli ġurisdizzjonali ekwivalenti taħt id-dritt tal-UE li jippermettu d-determinazzjoni ta’ qorti li jkollha ġurisdizzjoni li tisma’ talba bħal dik fil-kawża prinċipali.

c) Trattament differenti għall-persuni ġuridiċi skont ir-Regolament Nru 1215/2012?

61.

Ladarba jiġi stabbilit li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 japplikaw għal talba delittwali ta’ persuna ġuridika li tallega ksur tad-drittijiet tal-personalità tagħha (irrispettivament minn jekk il-bażi ta’ tali talba tkunx protezzjoni ggarantita kostituzzjonalment jew statutorjament), loġikament tqum mistoqsija oħra. Hemm xi raġuni valida biex issir distinzjoni bejn persuni fiżiċi u ġuridiċi għall-iskop tal-applikazzjoni ta’ element speċjali ta’ ġurisdizzjoni bbażat fuq iċ-ċentru tal-interessi? Jekk iva, kif tista’ tiġi ġġustifikata tali distinzjoni?

62.

L-unika ġustifikazzjoni sostnuta f’dawn il-proċeduri, minbarra ċ-ċaħda, diskussa iktar ’il fuq, tad-drittijiet tal-personalità ta’ persuni ġuridiċi kienet ir-raġunament tal-“parti l-iktar dgħajfa”. Dan l-argument jiżvolġi kif ġej: persuni fiżiċi huma fin-natura “iktar dgħajfa” quddiem persuni ġuridiċi, bħalma kien il-każ fiż-żewġ kawżi magħquda f’eDate. Id-dannu serju li jista’ jiġi kkawżat mill-ewwel bil-pubblikazzjoni online ta’ informazzjoni jiġġustifika l-interpretazzjoni ta’ regoli ġurisdizzjonali favur tagħhom. Madankollu, l-istess protezzjoni speċjali ma hijiex meħtieġa fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, peress li dawn ma humiex intrinsikament “dgħajfa”.

63.

Jien ma naqbilx, għal erba’ raġunijiet.

64.

L-ewwel nett, bl-istess mod bħal dak iddikjarat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, ninnota li r-regola ġurisdizzjonali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma għandhiex l-għan li tipproteġi l-parti l-iktar dgħajfa. Nirrikonoxxi li elementi oħra ta’ ġurisdizzjoni speċjali pprovduti mir-Regolament Nru 1215/2012 jagħmlu dan. Dan huwa l-każ għal protezzjoni ġurisdizzjonali mogħtija lil konsumaturi, impjegati, u lil persuni speċifikati f’oqsma relatati mal-assigurazzjoni ( 42 ). Madankollu, huwa ċar li r-raġunament tal-“parti l-iktar dgħajfa” ma jinsabx fi ħdan ir-regola ġurisdizzjonali speċjali għal kwistjonijiet delittwali. Dan it-tip ta’ ġurisdizzjoni minflok jibbaża fuq il-konnessjoni mill-qrib bejn it-talba u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwarha ( 43 ).

65.

It-tieni nett, anki jekk jiġi aċċettat li r-raġunament tal-parti l-iktar dgħajfa għandu jitqies f’dan il-kuntest lil hinn mill-formulazzjoni ċara tar-Regolament Nru 1215/2012, quod non, nistaqsi kif tali regola, applikata b’mod awtomatiku, tkun tassew xierqa u tiġġenera riżultati korretti fil-parti l-kbira tal-każijiet individwali. Il-persuni fiżiċi huma intrinsikament dejjem dgħajfa, u l-persuni ġuridiċi dejjem b’saħħithom, indipendentement mir-“rapport des forces” konkret f’tilwima partikolari? X’jiġri fil-każ ta’ persuni ġuridiċi li, fil-fatt, ikunu żgħar u pjuttost dgħajfa? X’jiġri fil-każ ta’ każijiet partikolari, bħal kumpanniji b’persuna waħda, professjonijiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, jew, min-naħa l-oħra, individwi li huma setgħana u sinjuri? Barra minn hekk, għandu jkun rilevanti f’dan il-kuntest jekk persuna ġuridika tkunx organizzazzjoni bla skop ta’ lukru jew bi skop ta’ profitt?

66.

It-tielet nett, meta tingħata ħarsa b’mod speċifiku lejn id-dannu potenzjali kkawżat permezz ta’ informazzjoni fuq l-internet, ikun utli li wieħed iżomm f’moħħu li mhux talli x’aktarx li jkun hemm xi diversità min-naħa tar-rikorrent, iżda wkoll min-naħa tal-konvenut potenzjali. Meta ttieħdet deċiżjoni dwar is-sentenza Shevill, x’aktarx li d-difamazzjoni kienet ikkawżata mill-media stampata. Fil-parti l-kbira tal-każijiet (ċertament mhux kollha), x’aktarx li l-pubblikaturi konvenuti kienu jkunu persuni ġuridiċi.

67.

L-internet biddel kompletament, għall-aħjar jew għall-agħar, ir-regoli tal-logħba: iddemokratizza l-pubblikazzjoni. Fl-era tas-siti internet privati, il-posts mingħajr links diretti, il-bloggs, u n-netwerks soċjali, il-persuni fiżiċi, b’mod faċli ħafna, jistgħu jqassmu informazzjoni dwar kwalunkwe persuna oħra, kemm jekk tkun persuna fiżika jew ġuridika, jew awtorità pubblika. Fi ħdan tali ambjenti tekniċi, l-idea inizjali li setgħet irregolat ir-regoli bikrija dwar id-dannu kkawżat minn pubblikazzjonijiet difamatorji, u li assumiet li r-rikorrent x’aktarx li jkun individwu dgħajjef filwaqt li l-konvenut ikun pubblikatur (professjonali), titkisser għalkollox.

68.

Finalment, anki jekk wieħed kellu jħaddan il-loġika ta’ evalwazzjoni individwali ta’ rapport de forces reċiproċi f’każijiet konkreti, tali approċċ ħafna drabi, fir-rigward tat-twettiq prattiku tiegħu, imur kontra l-għan tal-“prevedibbiltà kbira” tar-regoli ġurisdizzjonali mfittex mir-Regolament Nru 1215/2012 ( 44 ). Imbagħad x’ikunu eżattament il-kriterji? Il-flus? Id-daqs tad-dipartimenti legali rispettivi ta’ kull entità? Jekk l-entità inkwistjoni tippubblika b’mod professjonali? Għal darba oħra, tali eżami bir-reqqa b’riżultat inċert forsi ma huwiex l-aħjar approċċ biex tittieħed deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali, li għandha tkun veloċi u faċli kemm jista’ jkun ( 45 ).

69.

Fil-qosor, ma nara l-ebda raġuni valida għaliex ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali li jinsabu fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinkludu element ta’ ġurisdizzjoni bbażat fuq iċ-ċentru tal-interessi, għandhom ikunu differenti skont jekk ir-rikorrent ikunx persuna fiżika jew ġuridika.

B. Ġurisdizzjoni internazzjonali għal talbiet li jikkonċernaw dannu għad-drittijiet tal-personalità kkawżat minn informazzjoni ppubblikata online

70.

Għar-raġunijiet spjegati fit-taqsima preċedenti, ma nistax insib argumenti konvinċenti li jirrikjedu distinzjoni bejn persuni fiżiċi u ġuridiċi għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali għal talbiet delittwali li jikkonċernaw allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità tagħhom.

71.

Madankollu, għar-raġunijiet li se jiġu diskussi f’din it-taqsima, nara argumenti pjuttost konvinċenti biex nerġa’ lura għar-regoli ferm wiesgħa dwar ġurisdizzjoni speċjali li żviluppaw fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja matul is-snin. Fl-elaborazzjoni ta’ dawn ir-regoli, għandha tingħata attenzjoni dovuta għall-fatt li l-internet huwa sempliċement mezz differenti ħafna ( 46 ).

72.

Il-proposta mfassla f’din it-taqsima għalhekk hija: għal dikjarazzjonijiet potenzjalment difamatorji ppubblikati fuq l-internet, għandu jkun hemm disponibbli żewġ ġurisdizzjonijiet speċjali (u sħaħ) biss. Raġuni iktar stretta għal ġurisdizzjoni speċjali għandha mbagħad tkun applikabbli kemm għall-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi, mingħajr distinzjoni.

1. Id-diffikultajiet fiż-żamma ta’ approċċ “mużajk” għal talbiet delittwali relatati mal-internet

73.

Għandu jitfakkar ( 47 ) li fis-sentenza Shevill, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li talba għal kumpens għad-dannu fir-reputazzjoni kkawżat minn gazzetta tista’ titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-pubblikatur kif ukoll tal-post ta’ tqassim tal-ġurnal.

74.

F’eDate, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tielet element ta’ ġurisdizzjoni speċjali: iċ-ċentru tal-interessi tar-rikorrent. B’mod importanti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll l-applikabbiltà tal-element ta’ ġurisdizzjoni bbażat fuq it-tqassim fis-sentenza Shevill għal talbiet li joriġinaw fil-kuntest ta’ dannu li allegatament ġie kkawżat permezz tal-internet. Bħal fis-sentenza Shevill, din il-ġurisdizzjoni internazzjonali tibqa’ limitata għad-dannu li jseħħ fit-territorju nazzjonali inkwistjoni.

75.

Madankollu, fis-sentenza Shevill, dan l-approċċ “mużajk” inbena fuq il-bażi ta’, intrinsikament, tqassim limitat ta’ kopji stampati ta’ ġurnal speċifiku f’ċertu Stat Membru. L-idea ta’ tqassim territorjali tidher għalhekk li taqbel mal-ġurisdizzjoni internazzjonali territorjalment limitata fuq it-talba għad-danni inkwistjoni.

76.

Il-problema b’dan l-element partikolari ta’ ġurisdizzjoni speċjali hija sempliċement li l-internet jopera b’mod differenti ħafna. Informazzjoni ppubblikata online hija aċċessibbli mill-ewwel u kullimkien. Fil-prinċipju, ma hemmx konfini ġeografiċi ( 48 ). Ċertament, wieħed jista’ jibda jagħmel argumenti dwar l-aċċess u l-lingwa tal-informazzjoni, filwaqt li jiġi evalwat jekk fil-kompożizzjoni ta’ każ individwali l-informazzjoni setgħetx tinftiehem b’mod raġonevoli. Madankollu, bl-iżvilupp tat-traduzzjoni awtomatika u bl-informazzjoni li hija ppubblikata fil-lingwi mitkellma b’mod mifrux iktar minn qatt qabel, dan it-tħassib forsi ma għadux sinjifikattiv daqskemm kien.

77.

Fl-opinjoni tiegħi, l-għerq tal-problema attwali huwa l-estensjoni awtomatika tal-approċċ “mużajk” tas-sentenza Shevill għat-talbiet relatati mal-internet f’eDate, li forsi ma qisitx għalkollox id-differenzi kunsiderevoli bejn iż-żewġ tipi ta’ mezzi. Dan jirrifletti f’numru ta’ problemi strutturali u operazzjonali. Jien se nispjega tlieta.

78.

L-ewwel nett, li s-“sentenza Shevill titqiegħed online” essenzjalment ifisser li jingħata l-forum lil numru kbir ta’ ġurisdizzjonijiet simultanjament, 28 fi ħdan l-Unjoni Ewropea biss. L-informazzjoni hija aċċessibbli mill-ewwel fl-Istati Membri kollha. Kif osservat mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-konklużjonijiet ta’ eDate, filwaqt li n-numru u l-oriġini ta’ “żjarat” ta’ sit internet partikolari jistgħu jindikaw impatt fi ħdan territorju speċifiku, dan ma jikkostitwixxix kriterju affidabbli għall-kejl tat-tqassim tal-informazzjoni speċifika fuq l-internet ( 49 ). Għalhekk, anki żjara waħda biss twassal għall-konklużjoni li jseħħ “tqassim” fis-sens tas-sentenza Shevill u tagħmel il-forum disponibbli għar-rikorrent.

79.

Tali multipliċità ta’ fora li toriġina mill-kriterju ta’ distribuzzjoni hija diffiċli ħafna biex tiġi rrikonċiljata mal-għan ta’ prevedibbiltà tar-regoli ġurisdizzjonali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja mfassla fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 50 ).

80.

It-tieni nett, minbarra l-multipliċità ta’ fora, hemm ukoll frammentazzjoni kunsiderevoli tat-talbiet fi ħdan dawn il-fora: kull wieħed mit-28 forum possibbli se jkollu ġurisdizzjoni għall-kumpens għad-danni limitata għat-territorju nazzjonali kkonċernat. Tali tqassim tad-dannu, fid-dawl tal-mezz speċifiku tal-internet, huwa diffiċli jekk mhux impossibbli biex jiġi eżerċitat ( 51 ).

81.

Huwa diffiċli wkoll li wieħed jara kif tali talbiet multipli jistgħu jiġu kkoordinati ma’ xulxin u kif jirrelataw ma’ mekkaniżmi oħra previsti mir-Regolament Nru 1215/2012 li għandhom l-għan ta’ razzjonalizzazzjoni tat-tmexxija tal-proċeduri, bħal lis pendens ( 52 ), jew il-konsolidazzjoni ( 53 ) ta’ talbiet marbuta mill-qrib (jew mal-prinċipju ta’ res judicata).

82.

Fir-rigward tar-regola ta’ lis pendens, l-effett tagħha possibbilment ta’ esklużjoni jiġi attivat bejn żewġ (u sa 28) talbiet territorjalment limitati minħabba li huma relatati mal-istess informazzjoni dannuża li t-tħassir tagħha jitfittex flimkien mal-għoti ta’ kumpens? It-tħaddim ta’ din ir-regola jiddependi mit-tip ta’ rimedju mfittex? U kif topera fil-preżenza ta’ talba territorjalment limitata “sħiħa” u diversi “parzjali”? Wieħed jistaqsi wkoll x’ikun l-effett ta’ res judicata marbut ma’ sentenza maħruġa dwar it-totalità tad-dannu ddikjarat mill-qorti, pereżempju, fiċ-ċentru tal-interessi tar-rikorrent, fir-rigward ta’ talba għad-danni sussegwenti possibbli għal kumpens taħt waħda jew iktar mill-ġurisdizzjonijiet parzjali?

83.

Ċertament, din il-kawża ma hijiex ikkonċernata b’dawn l-elementi speċifiċi. Madankollu, l-implikazzjonijiet (mhux) prattiċi potenzjali tagħhom għandhom jitqiesu fil-kunsiderazzjoni tat-tħaddim ta’ regola ġurisdizzjonali li essenzjalment tagħti ġurisdizzjoni lil 28 qorti differenti tal-Istati Membri.

84.

It-tielet nett, hemm ukoll l-azzjoni reċiproka bejn il-portata tal-ġurisdizzjoni u t-tip ta’ rimedju mitlub, li hija indirizzata b’mod speċifiku f’din il-kawża. Il-ġurisprudenza tas-sentenzi Shevill-eDate għamlitha ċara li l-ġurisdizzjoni tista’ tkun “sħiħa” (meta bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi jew stabbiliment/domiċilju tal-konvenut) jew “territorjalment limitata” (ibbażata fuq id-distribuzzjoni). Madankollu, din il-flessibbiltà fir-rigward tal-portata tal-ġurisdizzjoni nġiebet b’mod espliċitu biss fir-rigward tat-talbiet għad-danni. Tali talbiet, fin-natura, huma kwantitattivament aġġustabbli. Dan, madankollu, jista’ ma jkunx il-każ għal rimedji mitluba oħra, bħal ordni għar-rettifika jew tħassir ta’ informazzjoni. Dak ir-rimedju huwa min-natura tiegħu indiviżibbli. Din il-kwistjoni tinsab fil-qalba tat-tielet domanda magħmula mill-qorti nazzjonali. Jien se ndur għaliha f’iktar dettall iktar ’il quddiem, fit-Taqsima C ta’ dawn il-konklużjonijiet.

85.

Fil-qosor, it-tħaddim prattiku tal-verżjoni “online” tas-sentenza Shevill jidher problematiku. F’dan l-istadju, madankollu, forsi huwa xieraq li wieħed jagħmel pass lura u ma jħarisx lejn id-dettalji prattiċi, iżda x’inhuma diskutibbilment il-valuri ta’ gwida u l-interessi involuti. L-interessi ta’ min tali proliferazzjoni ta’ elementi speċjali ta’ ġurisdizzjoni taqdi? Għal min kienu intiżi?

86.

Huwa diskutibbli dwar jekk dik l-abbundanza ta’ fora hijiex fl-interess tat-tħaddim prevedibbli tas-sistema fih innifsu. Għandu jitfakkar li l-element ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa espressjoni tal-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja minħabba li jagħti ġurisdizzjoni f’qorti li għandha konnessjoni mill-qrib mat-talba speċifika ( 54 ). Kif diġà spjegat ( 55 ), dan l-element ta’ ġurisdizzjoni ma huwiex maħsub biex jipproteġi lill-parti iktar dgħajfa. Għalhekk, kemm l-interessi tar-rikorrent kif ukoll tal-konvenut għandhom jitqiesu bl-istess mod.

87.

Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li tali multipliċità ta’ ġurisdizzjonijiet kellha tipproteġi lir-rikorrent, l-interessi tar-rikorrent jistgħu jitqiesu bħala protetti tajjeb minħabba l-għażla ta’ fora multipli, inkluż numru kbir ta’ fora parzjali?

88.

Ma naħsibx hekk. Is-sitwazzjoni tar-rikorrent diġà saret pjuttost komda permezz tal-possibbiltà li l-konvenut jitressaq quddiem il-forum proprju tar-rikorrent, ibbażat fuq iċ-ċentru tal-interessi tiegħu, kif miġjub f’eDate ( 56 ). Jekk, fi ħdan dan il-forum tiegħu, ir-rikorrent jista’ jitlob it-totalità tal-kumpens għad-dannu allegat, ikun hemm xi inċentiv raġonevoli biex imur u jfittex il-ġbir ta’ kumpens “parzjali” f’numru ta’ Stati oħra? Ma nistax nara kif id-disponibbiltà ta’ 27 ġurisdizzjoni oħra tgħin lil waħda mill-partijiet, lil hinn mill-potenzjal manifest offrut lir-rikorrent biex jagħti fastidju lill-konvenut b’talbiet oppressivi f’ġurisdizzjonijiet paralleli. Ir-riskju ta’ fastidju kien diġà ġie nnotat fir-rigward tas-sentenza Shevill ( 57 ). Iżda dan fil-fatt isir pjuttost evidenti fl-era tal-internet.

89.

B’hekk, filwaqt li l-multipliċità ta’ fora attwali, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tista’ titqies bħala li tiffavorixxi lir-rikorrent, huwa diffiċli li jiġi sostnut li din fir-realtà sservi li xi parti. Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq, din tista’ tqajjem kwistjonijiet proċedurali diffiċli għaż-żewġ partijiet. Il-konvenut b’mod partikolari jitlef kull possibbiltà li jipprevedi f’liema Stat Membru jew Stati Membri se jiġi mħarrek.

90.

Fil-qosor, l-estensjoni tal-approċċ “mużajk” tas-sentenza Shevill għad-dikjarazzjonijiet allegatament difamatorji ppubblikati fuq l-internet toħloq multiplikazzjoni ta’ fora li ma taqdix l-interess leġittimu ta’ xi parti u tmur kontra l-għanijiet ta’ prevedibbiltà u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

2. L-alternattiva iktar stretta

91.

Is-suġġeriment f’din it-taqsima huwa li jinġiebu lura r-regoli ġurisdizzjonali għal dikjarazzjonijiet difamatorji bbażati fuq l-internet u diskutibbilment eqreb lejn l-għeruq tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali/delittwali tar-Regolament Nru 1215/2012 innifsu, li jillimitaw ġurisdizzjoni speċjali għal żewġ xenarji: fejn immaterjalizza ruħu d-dannu u fejn seħħ id-dannu. L-element ta’ ġurisdizzjoni tal-aħħar jiġi ddefinit bħala fejn ir-reputazzjoni tar-rikorrent ġiet affettwata bl-iktar mod qawwi. Jiġifieri l-post taċ-ċentru tal-interessi tiegħu.

a) It-test iddefinit mill-ġdid

92.

Skont ir-regola fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-ġurisdizzjoni tingħata lill-“qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”. Dan ikopri kemm (i) il-post ta’ fejn immaterjalizza ruħu d-dannu kif ukoll (ii) il-post fejn seħħ id-dannu ( 58 ). Kif jiġu aċċertati dawn iż-żewġ elementi ta’ ġurisdizzjoni speċjali fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet difamatorji ppubblikati fuq l-internet?

93.

L-ewwel possibbiltà tikkonċerna l-post minn fejn toħroġ l-informazzjoni (“fejn immaterjalizza ruħu d-dannu”). Bħalma nnotat il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-possibbiltà ħafna drabi se tirkeb ir-regola ġurisdizzjonali ġenerali tad-domiċilju tal-konvenut li tinsab fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 59 ). Loġikament, il-konvenut huwa l-iktar probabbli li jirrilaxxa u anki jikkontrolla l-informazzjoni minn fejn huwa ddomiċiljat. Dan huwa wkoll il-post fejn jista’ jitwettaq l-infurzar legali biex jiġi kkoreġut jew imħassar il-kontenut online dannuż.

94.

B’hekk, “fejn immaterjalizza ruħu” jikkonċerna l-post tal-persuna jew tal-persuni li jikkontrollaw l-informazzjoni, mhux dwar fejn inħoloq effettivament is-sottostrat fiżiku/jew virtwali tal-informazzjoni. Fis-sentenza Shevill, il-Qorti tal-Ġustizzja b’implikazzjoni ma qisitx il-post fejn ġiet stampata fiżikament il-gazzetta bħala l-post fejn “immaterjalizza ruħu d-dannu”. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja ffokat fuq id-domiċilju tal-pubblikatur. Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa parallel mas-sentenza Shevill li jista’ jinżamm: ma għandux jimporta l-post fiżiku tas-server(s) rispettiv/i fejn hija maħżuna l-informazzjoni. L-element ewlieni huwa min jista’ jkollu aċċess għall-kontenut, jiġifieri min normalment ( 60 ) ikun inkarigat mill-pubblikazzjoni u mit-tibdil tal-kontenut tal-informazzjoni online ( 61 ).

95.

It-tieni possibbiltà tikkonċerna l-post fejn seħħ id-dannu. Din il-kawża tikkonċerna dannu allegatament ikkawżat lir-reputazzjoni ta’ persuna ġuridika. Dan id-dannu x’aktarx li ġġarrab fil-post fejn din il-persuna twettaq negozju jew hija attiva mod ieħor professjonalment.

96.

Li kieku kellu jiġi injorat l-approċċ “mużajk” tas-sentenza Shevill ( 62 ), il-post fejn seħħ id-dannu jkun limitat għal ġurisdizzjoni waħda. Hekk kif f’dan il-każ hija protetta r-reputazzjoni tar-rikorrent, dan il-post għandu jkun fejn din ir-reputazzjoni protetta ġiet affettwata l-iktar. Dan min-naħa l-oħra x’aktarx li jkun il-post fejn din il-persuna, kemm jekk fiżika jew ġuridika, ikollha ċ-ċentru tal-interessi tagħha. Tali post imbagħad jirrappreżenta l-post taċ-ċentru veru tat-tilwima, li għalih għandha korrettament twassal raġuni speċjali ta’ ġurisdizzjoni, ibbażata fuq l-eqreb rabta.

97.

B’hekk ikun hemm żewġ fora possibbli miftuħa għar-rikorrent. L-ewwel waħda tkun id-domiċilju tal-konvenut bħala r-regola ġenerali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li tikkorrispondi wkoll mal-post tal-oriġini tad-dannu. It-tieni waħda tkun iċ-ċentru tal-interessi tar-rikorrent li tikkorrispondi mal-post fejn seħħ id-dannu. Iż-żewġ fora jagħtu lill-qorti kompetenti ġurisdizzjoni sħiħa biex tiddeċiedi dwar it-totalità tal-kumpens mitlub u r-rimedji kollha disponibbli skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi, inkluż il-ħruġ ta’ ordni possibbli jekk dan jintalab.

98.

Din il-limitazzjoni ssuġġerita għandha żewġ skopijiet. L-ewwel nett, din tirrikonoxxi u tipprevedi s-sitwazzjoni tal-persuna li ġarrbet dannu, li tista’ tressaq lill-attur ta’ reat quddiem il-forum tagħha u tħarrku għat-totalità tad-dannu mġarrab. It-tieni nett, din tippromwovi l-għan tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dan minħabba li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru fejn hemm l-eqreb rabta maċ-ċentru tal-interessi tar-rikorrent, u li għandhom l-aħjar għarfien dwar is-sitwazzjoni ta’ dan ir-rikorrent. Għalhekk, dawn ikunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw l-impatt kumplessiv tad-dannu kollu kkawżat.

b) Id-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi

99.

Id-domanda ewlenija li jifdal hija kif imbagħad għandu jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi għal persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi?

100.

Id-determinazzjoni ta’ dan il-post min-natura tagħha stess se tkun dipendenti fuq il-ġurisprudenza, b’iffokar b’mod partikolari fuq żewġ elementi: is-sitwazzjoni fattwali u soċjali tar-rikorrent meqjusa fil-kuntest ta’ n-natura tad-dikjarazzjoni partikolari inkwistjoni. L-ewwel element iħares lejn is-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrent. It-tieni wieħed jagħti ħarsa lejn kif din is-sitwazzjoni setgħet jew ma setgħetx tiġi affettwata mid-dikjarazzjoni kontenzjuża.

101.

Din l-evalwazzjoni doppja se jkollha titwettaq neċessarjament fir-rigward ta’ kull talba konkreta. Intrinsikament, tali evalwazzjoni ma tistax titwettaq in abstracto, indipendentement mit-tip u min-natura tat-talba speċifika inkwistjoni ( 63 ). Din se jkollha l-għan li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti li se tkun tinsab fiċ-ċentru tal-gravità tat-tilwima speċifika. Din il-qorti b’hekk se jkollha l-iktar għarfien sħiħ dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrent kif ukoll tal-effetti li jistgħu raġonevolment iqumu fi ħdan dak l-Istat Membru speċifiku u potenzjalment lil hinn minnu.

102.

Meta fittxet li tipprevedi b’mod ġenerali fejn l-impatt ta’ dikjarazzjoni difamatorja x’aktarx li jinħass minn persuni fiżiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’eDate li ċ-ċentru tal-interessi tar-rikorrent jikkorrispondi mal-Istat Membru ta’ residenza abitwali. Hija ddeċidiet li dan jista’ jkun ukoll Stat Membru ieħor li miegħu tista’ tiġi stabbilita rabta partikolarment stretta permezz ta’ fatturi oħra bħall-eżerċizzju ta’ attività professjonali ( 64 ). Skont is-sitwazzjoni speċifika ta’ rikorrent partikolari, dan b’hekk jista’ jkun post ieħor, bħall-post fejn ir-rikorrent għandu ċ-ċirku ta’ ħbieb tiegħu, familja, eċċ.

103.

Il-kriterju ta’ residenza abitwali jista’ ċertament jintuża bħala punt ta’ tluq tajjeb għal evalwazzjoni fattwali fir-rigward taċ-ċentru tal-interessi ta’ persuni fiżiċi. Madankollu, dan il-punt ta’ tluq jeħtieġ li jiġi vverifikat fid-dawl tad-dikjarazzjoni konkreta inkwistjoni, peress li naturalment ċerta informazzjoni tista’ ma jkollhiex l-istess effett fuq il-ħajja professjonali u personali ta’ parti, li tista’ ma tkunx ristretta għal Stat Membru wieħed.

104.

Fir-rigward taċ-ċentru tal-interessi għal persuni ġuridiċi, id-dannu tipikament x’aktarx li jseħħ fir-rigward tal-attività professjonali tagħhom. Fil-każ ta’ persuna ġuridika bi skop ta’ profitt, jiġifieri, kumpannija, il-ġurisdizzjoni x’aktarx li tikkorrispondi mal-Istat Membru fejn hija tikseb l-ogħla dħul mill-bejgħ. Fil-każ ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, x’aktarx li l-post ikun fejn tinsab il-parti l-kbira tal-“klijenti” tagħha (fl-iktar sens wiesa’ tal-kelma). Fiż-żewġ każijiet, tali Stat Membru x’aktarx li jkun wieħed fejn id-dannu għar-reputazzjoni u għalhekk għall-eżistenza professjonali tiegħu se jinħass l-iktar.

105.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna ġuridika għandhiex tqis fejn hija stabbilita din il-persuna ( 65 ). Dan is-suġġeriment jidher li huwa ispirat minn analoġija għall-post ta’ residenza għal persuni fiżiċi msemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja f’eDate.

106.

Meta jitfittxu paralleli fir-rigward ta’ fejn il-post ta’ stabbiliment għandu rwol fl-għoti ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, l-analoġija (jew, fil-fatt, pjuttost kuntrast) tista’ tinsilet bil-kunċett taċ-“ċentru tal-interessi prinċipali” (ĊIP), li huwa fil-fatt l-element ewlieni tar-regoli ġurisdizzjonali previsti fir-Regolament dwar l-Insolvenza ( 66 ).

107.

Fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, iċ-ĊIP jikkorrispondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li jista’ jiġi aċċertat minn terzi. Fil-każ ta’ persuna ġuridika, iċ-ĊIP huwa preżunt li jikkorrispondi mal-uffiċċju rreġistrat. Fil-każ ta’ individwu, dan huwa l-post prinċipali tan-negozju tiegħu (jekk dan l-individwu jeżerċita attività ekonomika indipendenti) jew ir-residenza abitwali tiegħu (fil-każijiet kollha fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja u suġġett għall-kundizzjoni li l-uffiċċju rreġistrat, il-post prinċipali tan-negozju jew ir-residenza abitwali ma jkunux ġew ittrasferiti lejn Stat Membru ieħor f’perijodu ta’ 3 xhur jew 6 xhur qabel it-talba għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza).

108.

Iċ-ĊIP tad-debitur imbagħad jiddetermina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li tniedi l-hekk imsejħa proċeduri prinċipali ta’ insolvenza. Iċ-ĊIP b’hekk huwa ddefinit b’riferiment għad-debitur li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza, huwa ekwivalenti għall-konvenut.

109.

Għalhekk, il-fatt li l-uffiċċju rreġistrat jittieħed bħala l-punt ta’ tluq biex jiġi ddeterminat iċ-ĊIP ta’ persuna ġuridika (u għalhekk li l-qorti jkollha ġurisdizzjoni biex tniedi l-hekk imsejħa proċeduri “prinċipali” ta’ insolvenza) ma jirrappreżenta l-ebda tluq sinjifikattiv mir-regola ġurisdizzjonali awtomatika klassika stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012.

110.

B’kuntrast, iċ-ċentru tal-interessi żviluppat f’eDate jirreferi għar-rikorrent. Bħalma osservat fil-prinċipju l-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, dan idawwar il-loġika prinċipali li jibbażaw fuqha r-regoli ġurisdizzjonali. Dan minħabba li dan jipprovdi lir-rikorrent bil-forum actoris tiegħu ( 67 ), irriżervat mod ieħor fir-Regolament għal “partijiet iktar dgħajfa” ( 68 ).

111.

Għalhekk, fil-kuntest li tittieħed deċiżjoni dwar iċ-ċentru tal-interessi għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-post ta’ stabbiliment jew id-domiċilju ta’ persuna ġuridika jistgħu jitqiesu bħala wieħed mill-elementi fattwali. Madankollu dan ċertament ma huwiex wieħed deċiżiv.

112.

Bħalma ġie nnotat diġà, id-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi hija fattwali u kuntestwali, li għandha l-għan li tidentifika l-post fejn id-dannu lir-reputazzjoni kkawżat lil persuna ġuridika jinħass l-iktar. Dan se jikkorrispondi mad-domiċilju tal-persuna ġuridika biss jekk l-attivitajiet professjonali prinċipali tagħha jinsabu wkoll f’dak l-Istat Membru. Jekk, madankollu, ma titwettaq l-ebda attività professjonali f’dak l-Istat Membru u jekk ir-rikorrent ma jipproduċi l-ebda dħul mill-bejgħ hemmhekk, dan ma jistax iwassal għad-determinazzjoni li ċ-ċentru tal-interessi jinsab hemmhekk.

113.

B’hekk, biex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi ta’ persuni ġuridiċi, il-fatturi rilevanti x’aktarx li jkunu l-attivitajiet kummerċjali prinċipali jew professjonali oħra, li min-naħa l-oħra se jkunu ddeterminati bl-iktar mod preċiż b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ jew bin-numru ta’ klijenti jew kuntatti professjonali oħra. Is-sede tista’ titqies bħala wieħed mill-elementi fattwali, iżda mhux iżolament. Għall-kuntrarju tal-persuni fiżiċi, ma huwiex rari li l-entitajiet legali jistabbilixxu uffiċċji rreġistrati mingħajr ma jkun hemm xi rabta sostantiva mat-territorju.

114.

Li r-residenza tittieħed bħala l-kriterju rilevanti jidher li huwa ġġustifikat bis-sħiħ għar-rikorrenti li huma persuni fiżiċi u li r-reputazzjoni tagħhom ġiet affettwata, mingħajr l-ebda rabta partikolari mal-attività tan-negozju tagħhom. L-Istat Membru tar-residenza ta’ tali persuna fil-fatt x’aktarx li jkun il-post fejn teżisti l-istruttura soċjali u professjonali tagħha.

115.

Lil hinn minn dan ix-xenarju, wieħed lanqas ma jista’ jeskludi li persuna fiżika jista’ jkollha wkoll residenza abitwali stabbilita fi Stat Membru, filwaqt li l-ħajja ġenwina tagħha (professjonali, personali, jew saħansitra t-tnejn) tista’ tkun fi Stat Membru ieħor.

116.

Dan iwassalni għall-osservazzjoni finali li ġejja: għandu jiġi rrikonoxxut b’mod ċar li kemm għal persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi, jista’ jkun hemm iktar minn ċentru ta’ interessi wieħed fir-rigward ta’ talba speċifika. Wara li jsiru l-evalwazzjonijiet (fattwali u kuntestwali) kollha, jista’ sempliċiment ikun hemm iktar ċentri ta’ interessi fir-rigward ta’ talba partikolari.

117.

F’tali każ, se jkun ir-rikorrent li jagħmel għażla u jadixxi lill-qrati ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri. Madankollu, peress li ġurisdizzjoni bbażata fuq iċ-ċentru ta’ interessi hija ġurisdizzjoni “sħiħa”, bl-eżerċitar ta’ din l-għażla, se jiġi attivat il-mekkaniżmu ta’ lis pendens, li jeskludi l-possibbiltà ta’ taħrika xi mkien ieħor filwaqt li l-ewwel rikors ikun pendenti.

c) Konklużjoni provviżorja

118.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-tieni u għat-tielet domandi preliminari: l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha nkisru bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-internet tista’, fir-rigward tad-dannu kollu mġarrab, tniedi proċeduri quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi ta’ dik il-persuna ġuridika.

Ċentru tal-interessi ta’ persuna ġuridika jinsab fl-Istat Membru fejn dik il-persuna twettaq l-attivitajiet professjonali prinċipali tagħha bil-kundizzjoni li l-informazzjoni allegatament dannuża tkun kapaċi taffettwa s-sitwazzjoni professjonali tagħha.

C. Ġurisdizzjoni għal ordni għar-rettifika u għat-tneħħija ta’ informazzjoni allegatament dannuża

119.

Fil-parti finali ta’ dawn il-konklużjonijiet se ndur għall-kwistjoni mqajma mill-ewwel domanda preliminari: jekk jinżamm l-approċċ “mużajk” tas-sentenza Shevill għall-ġurisdizzjoni internazzjonali għal dannu territorjalment limitat, dan jagħti lill-qorti nazzjonali l-ġurisdizzjoni biex toħroġ ordni transkonfinali, bħal dik mitluba fil-kawża prinċipali? Fi kliem ieħor, jekk il-ġurisdizzjoni tal-qrati Estonjani tkun limitata għad-dannu kkawżat lir-rikorrenti fit-territorju Estonjan, dawn jistgħu joħorġu ordni sabiex il-konvenuta fl-Isvezja tikkoreġi u tħassar l-informazzjoni dannuża fl-intier tagħha?

120.

Bħala punt preliminari, għandu jiġi nnotat li ma huwiex għalkollox ċar jekk ir-rimedju mfittex mir-rikorrenti jikkostitwixxix miżura provviżorja jew ordni maħruġa bħala parti mid-deċiżjoni dwar il-merti. Filwaqt li l-ewwel waħda hija intiża għal soluzzjoni provviżorja skont l-eżitu tal-proċeduri dwar il-merti, dik tal-aħħar hija parti mid-deċiżjoni finali dwar il-merti.

121.

Din id-distinzjoni għandha konsegwenzi għat-test li jrid jitwettaq biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali ( 69 ) kif ukoll għas-sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ( 70 ).

122.

Madankollu, kif iċċarat waqt is-seduta, jidher li l-ordni mitluba hija mfittxija bħala parti mid-deċiżjoni dwar il-merti. Għalhekk jien se nassumi li dan huwa l-każ.

123.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi s-suġġeriment tiegħi magħmul fir-rigward tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari ssir superfluwa. Peress li ma jkun hemm l-ebda limitazzjoni territorjali ulterjuri tal-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-kumpens mitlub bħal fis-sentenza Shevill, lanqas ma jkun hemm xi kwistjoni ta’ dissonanza bejn il-portata tal-ġurisdizzjoni u r-rimedji mfittxija. Fi kliem ieħor, il-qorti meqjusa bħala li għandha ġurisdizzjoni għat-talba sħiħa li tikkonċerna d-danni se jkollha ġurisdizzjoni wkoll biex tħaddem l-iskala sħiħa ta’ rimedji individwali miftuħa għaliha skont id-dritt nazzjonali, inklużi ordnijiet.

124.

Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq li jinżamm l-approċċ “mużajk” tas-sentenza Shevill, l-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tibqa’ rilevanti ħafna. Sabiex nassisti bis-sħiħ lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, jien se nagħti risposta konċiża għal din id-domanda.

125.

L-approċċ “mużajk” tas-sentenza Shevill iqajjem il-kwistjoni ta’ kif għandha tiġi adattata l-ġurisdizzjoni territorjalment limitata fuq it-talba għad-danni għar-rimedju mitlub li huwa unitarju u min-natura tiegħu indiviżibbli. Ikun possibbli li l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tiġi limitata fir-rigward tat-tipi ta’ rimedji li tista’ tagħti ladarba tkun ġiet stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha li tiġi adita b’talba delittwali? Jew jekk le, ikun possibbli li, b’xi mod, tiġi limitata l-portata jew il-punt ta’ tali rimedju?

126.

Ma nista’ nara l-ebda possibbiltà jew bażi legali biex isir dan. Jekk jiġi stabbilit, ipotetikament, li t-talba tar-rikorrenti hija fondata sew u li l-qrati Estonjani għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali għad-dannu kkawżat lir-rikorrenti fl-Estonja, jien tal-fehma li din il-qorti se jkollha ġurisdizzjoni wkoll biex tagħti r-rimedju mitlub, bil-kundizzjoni li tali rimedju jeżisti taħt id-dritt nazzjonali. Dan minħabba n-natura unitarja tas-sors tad-dannu allegat f’din il-kawża. Hemm sit internet wieħed biss. Dan ma jistax jiġi sempliċement irrettifikat jew imħassar “b’mod proporzjonali” biss mad-dannu mġarrab f’territorju partikolari.

127.

Biex nispjega aħjar dan il-punt, wieħed jista’ jieħu l-eżempju ta’ tilwima fil-viċinat. Immaġina li t-tank tal-ilma mormi tal-ġar tiegħi qiegħed inixxi. L-ilma mormi minn dan it-tank jaffettwa numru ta’ residenti fir-raħal. L-ilma mormi jiskula wkoll fil-ġnien tiegħi, fejn jinfetta u b’hekk jeqred il-ħxejjex bijoloġiċi li tant għandi għal qalbi u li kkultivajt b’attenzjoni kbira, iżda pjuttost b’suċċess. Jekk jien jew xi ħadd ieħor mill-ġirien affettwati nkunu obbligati li fl-aħħar nitilgħu l-qorti, minħabba li d-diskussjonijiet mal-ġar ma jaslu mkien, aħna naturalment x’aktarx li nitolbu li l-ġar jiġi ordnat isewwi t-tank tal-ilma mormi tiegħu u jwaqqaf it-tnixxija. Dan imbagħad se jseħħ madankollu, intrinsikament, għall-benefiċċju ta’ kulħadd. Huwa diffiċli biex wieħed jimmaġina li l-ġar jiġi obbligat iwaqqaf it-tnixxija biss għal dak li l-perċentwali li jikkorrispondi matematikament mal-porzjon tad-dannu kkawżat lill-ħxejjex bijoloġiċi tiegħi jista’ jirrappreżenta fid-dannu kumplessiv ikkawżat lir-residenti kollha tar-raħal tiegħi.

128.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, fil-każ li jiġi stabbilit li r-rikorrenti tista’ tressaq it-talba tagħha quddiem il-qrati Estonjani fir-rigward tad-dannu li seħħ fl-Estonja, il-mistoqsija mbagħad issir: il-ġurisdizzjoni parzjali ta’ dawn il-qrati tiġi, u tista’ tiġi, riflessa wkoll fil-livell tal-ġurisdizzjoni parzjali biex tinħareġ ordni? Il-konvenuta tista’ tintalab raġonevolment biex tikkoreġi parti proporzjonali tal-informazzjoni u tal-kummenti allegatament dannużi? Jekk iva, kif tiġi ddeterminata dik il-parti? Il-konvenuta tintalab tħassar biss segment proporzjonali tal-informazzjoni? Jew sempliċement porzjon tal-kummenti?

129.

Tali kunsiderazzjonijiet pjuttost assurdi jindikaw b’mod ċar risposta waħda biss possibbli: sakemm qorti ta’ Stat Membru jkollha ġurisdizzjoni biex tisma’ rikors mhux kuntrattwali/delittwali għad-danni, hija għandha tkun intitolata wkoll tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet tar-rimedji kollha li huma disponibbli skont id-dritt nazzjonali ( 71 ). Dan, madankollu, iwassal għal tip differenti ta’ problema: jekk it-28 qorti kollha li potenzjalment ikollhom ġurisdizzjoni, ikollhom ġurisdizzjoni wkoll biex joħorġu ordnijiet, imbagħad x’aktarx li jinħarġu ordnijiet multipli fformulati b’mod differenti u x’aktarx jiġu indirizzati lill-konvenut dwar l-istess aġir li huwa jkollu jwettaq jew iżomm lura milli jwettaq.

130.

Bħalma jidher ċar mid-diskussjoni fit-Taqsima B ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma dawn u kwistjonijiet prattiċi oħra li jwasslu għar-rakkomandazzjoni tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tillimita l-ġurisdizzjoni internazzjonali fuq talbiet delittwali relatati mal-internet għal żewġ elementi ta’ ġurisdizzjoni speċjali. Il-qrati nazzjonali li jkollhom ġurisdizzjoni skont dawn iż-żewġ elementi ta’ ġurisdizzjoni mbagħad ikollhom ġurisdizzjoni sħiħa kemm għad-determinazzjoni kif ukoll għall-għoti tal-kumpens għad-danni u kwalunkwe rimedju ieħor disponibbli għalihom skont id-dritt nazzjonali, inklużi ordnijiet.

V. Konklużjoni

131.

Fid-dawl ta’ dak iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni u għat-tielet domandi preliminari magħmula mir-Riigikohus (qorti suprema, l-Estonja) kif ġej:

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni), għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha nkisru bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-internet tista’, fir-rigward tad-dannu kollu mġarrab, tniedi proċeduri quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha.

Ċentru tal-interessi ta’ persuna ġuridika jinsab fl-Istat Membru fejn dik il-persuna twettaq l-attivitajiet professjonali prinċipali tagħha bil-kundizzjoni li l-informazzjoni allegatament dannuża tkun kapaċi taffettwa l-attivitajiet professjonali tagħha f’dak l-Istat Membru.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l‑Ingliż.

( 2 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61).

( 3 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685).

( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU 2012 L 351, p. 1).

( 5 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685).

( 6 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61).

( 7 ) Għal dikjarazzjoni reċenti, ara pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13 EU:C:2015:28, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Din ġiet stabbilita fis-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punt 11). Ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635 punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13 EU:C:2015:28, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Concurrence (C‑618/15, EU:C:2016:976, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 9 ) Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) hija identika għall-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Din hija wkoll kważi identika għall-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1978 L 304, p. 36).

( 10 ) Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punt 19).

( 11 ) Għal dikjarazzjoni reċenti, ara pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Dan jikkorrispondi wkoll mar-regola ġenerali tas-sede tal-konvenut. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61, punt 26).

( 13 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61, punti 30 sa 31).

( 14 ) Ara, pereżempju, Mankowski, P., Kommentar zum Art. 5 EuGVVO, f’EwiR 2011, p. 743 sa 744. Is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Shevill hija ġeneralment meqjusa bħala li ġiet imfassla biex tirrifletti l-fatt li in casu, maġġoranza kbira tal-istampa kienet imqassra fi Franza filwaqt li porzjon żgħir biss minnha ġie ċċirkulat fl-Ingilterra, fejn kienu jirrisjedu l-persuni affettwati mill-informazzjoni ppubblikata. Ara, pereżempju, Briggs, A., “The Brussels Convention”, Yearbook of European Law, 1995, Vol. 15, ħarġa 1, p. 487 sa 514.

( 15 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punti 5152).

( 16 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 49).

( 17 ) Ibid., punt 47.

( 18 ) Għal evalwazzjoni kritika fil-letteratura legali, fejn jiġu osservati ċ-ċaqliqa lejn forum actoris u n-nuqqas ta’ prevedibbiltà, u r-riskju ta’ forum shopping ta’ tali approċċ, ara pereżempju, Bollée, S., u Haftel, B., “Les nouveaux (dés) équilibres de la compétence internationale en matière de cyber délits après l’arrêt eDate Advertising et Martinez”, Recueil Le Dalloz, 2012, Nru 20, p. 1285 sa 1293; Kuipers, J.-J., “Joined Cases C‑509/09 & 161/10, eDate Advertising v. X and Olivier Martinez and Robert Martinez v. MGN Limited, Judgment of the Court of Justice (Grand Chamber) of 25 October 2011”, Common Market Law Review 2012, p. 1211 sa 1231; Thiede, T., “Bier, Shevill und eDate – Aegrescit medendo?”, Zeitschrift für das Privatrecht der Europäischen Union, 4/2012, p. 219 sa 222.

( 19 ) Li nnota, inter alia, li d-drittijiet fundamentali għall-ħajja privata u għal-libertà tal-informazzjoni, minquxa fl-Artikoli 7 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) “jaffermaw il-protezzjoni speċjali li l-informazzjoni jistħoqqilha f’soċjetà demokratika, filwaqt li jenfasizzaw ukoll l-importanza tal-isfera privata, li tinkludi wkoll l-immaġni ta’ persuna”, konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawżi magħquda eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:192, punt 52).

( 20 ) Stipulata fl-Artikolu 10 tal-KEDB. Sentenza tal-QEDB tas-26 ta’ April 1979, Sunday Times vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1979:0426JUD000653874).

( 21 ) Stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB. Il-QEDB estendiet il-kunċett ta’ “dar” għall-uffiċċji tal-kumpannija. Sentenza tal-QEDB tas-16 ta’ April 2002, Société Colas Est et vs Franza (CE:ECHR:2002:0416JUD003797197, punti 40 sa 42).

( 22 ) Previst fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Sentenza tal-QEDB tal-20 ta’ Settembru 2011, Oao Neftyanaya Kompaniya Yukos vs Ir-Russja (CE:ECHR:2011:0920JUD001490204, punti 536 sa 551). Kien ġie nnotat li ma kien hemm l-ebda raġuni biex il-persuni ġuridiċi jiġu ttrattati b’mod differenti minħabba li r-rispett tad-d-dritt għal smigħ xieraq huwa prerekwiżit għall-possibbiltà li jiġu inforzati drittijiet sostantivi rispettivi. Ara Oliver, P., “Companies and their Fundamental Rights: a comparative perspective”, International and Comparative Law Quarterly, 2015, Vol. 64, ħarġa 3, p. 678.

( 23 ) Ara s-sentenza tal-QEDB tas-16 ta’ Diċembru 1992, Niemietz vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1992:1216JUD001371088), li fiha l-QEDB iddeċidiet li tfittxija tal-pulizija fl-uffiċċji ta’ avukat li jaħdem għal rasu fejn dan tal-aħħar kien jgħix ikkostitwixxiet indħil mad-“dar” tiegħu. Madankollu, il-QEDB żiedet li l-intitolament tal-Istat li jindaħal skont l-Artikolu 8(2) tal-KEDB jista’ jinkiseb iktar “meta attivitajiet jew bini professjonali jew tan-negozju jkunu involuti milli jkun il-każ f’sitwazzjoni oħra” (punt 31) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 24 ) Stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punti 89 sa 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Previst fl-Artikolu 16 tal-Karta. Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punti 66 sa 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund SA (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 48).

( 27 ) Previst fl-Artikolu 47 tal-Karta. Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punti 44 sa 59).

( 28 ) Stabbilit fl-Artikolu 48 tal-Karta. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne SA vs Il‑Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 29 et seq), u tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 92).

( 29 ) Waħda minn dawn tkun is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-għajnuna legali hija disponibbli wkoll għall-persuni ġuridiċi. B’hekk (punt 38), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat fuq argument lingwistiku (it-terminu “persuna” fid-dispożizzjoni kkonċernata ma eskludiex lill-persuni ġuridiċi), flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet sistemiċi (il-pożizzjoni tal-kapitolu rilevanti fi ħdan il-Karta).

( 30 ) Ara wkoll pereżempju Oliver, P., “Companies and their Fundamental Rights: a comparative perspective”, International and Comparative Law Quarterly, 2015, Vol. 64, ħarġa 3, p. 661 sa 696.

( 31 ) Jista’ jingħad ukoll li diskussjonijiet simili u estensjonijiet potenzjali tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għall-persuni ġuridiċi ma humiex limitati għaż-żewġ sistemi Ewropej. Għal eżempji min-naħa l-oħra tal-Atlantiku ara, pereżempju, Citizens United vs Federal Election Commission 558 U.S. 310 (2010), li tittratta l-libertà ta’ diskors politiku ta’ persuni ġuridiċi, u, iktar reċentement, Burwell vs Hobby Lobby Stores 573 U.S. (2014), fejn il-U.S. Supreme Court (qorti suprema, l-Istati Uniti) rrikonoxxiet li korporazzjonijiet maħluqa bi skop ta’ profitt strett jista’ jkollhom twemmin reliġjuż.

( 32 ) Sentenza tal-QEDB tal-21 ta’ Settembru 1990, Fayed vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1994:0921JUD001710190).

( 33 ) Sentenzi tal-QEDB tal-15 ta’ Mejju 2005, Steel u Morris vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2005:0215JUD006841601, punt 94), u tal-20 ta’ Novembru 1989, Markt intern Verlag GmbH u Klaus Beermann vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1989:1120JUD001057283, punti 33 sa 38).

( 34 ) Sentenza tal-QEDB tal-15 ta’ Mejju 2005, Steel u Morris vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2005:0215JUD006841601, punt 94).

( 35 ) Ara s-sentenza reċenti tal-QEDB tat-2 ta’ Frar 2016, Magyar Tartalomszolgáltatók Egyesülete u Index.hu Zrt vs L‑Ungerija, (CE:ECHR:2016:0202JUD002294713, punt 66).

( 36 ) B’mod retrospettiv, huwa xieraq li jiġi nnotat li fis-sentenza Shevill, tlieta mill-erba’ rikorrenti kienu fil-fatt persuni ġuridiċi. Dan il-fatt, madankollu, ma wassal għal ebda dubju dwar l-applikabbiltà tal-istess regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. L-istess fatt madankollu jista’ jitqies ukoll bħala evidenza indiretta ta’ kemm id-diskors tad-dritt tal-UE nbidel u ġie ffokat mill-ġdid matul l-aħħar deċennju. Persuna xettika tista’ żżid li dan ma huwiex neċessarjament dejjem għall-aħjar fis-sens tad-diskors dwar id-drittijiet fundamentali li jipprovdi xi għodod analitiċi aħjar jew iktar ċari għall-interpretazzjoni, pereżempju, tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali.

( 37 ) Ara, pereżempju, Bundesgerichtshof (qorti suprema federali Ġermaniża), sentenza tat-18 ta’ Mejju 1971 – VI ZR 220/69, NJW 1971, 1665; sentenza tat-8 ta’ Lulju 1980 – VI ZR 177/78, NJW 1980, 2807; sentenza tad-19 ta’ April 2005 – X ZR 15/04, NJW 2005, 2766; sentenza tat-23 ta’ Settembru 2014 – VI ZR 358/13, NJW 2015, 489; kif ukoll is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2015 – VI ZR 340/14, NJW 2016, 56. Ara wkoll Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali Ġermaniża), digriet tal-24 ta’ Mejju 2006 - 1 BvR 49/00, NJW 2006, 3771.

( 38 ) Koreng, A., Das „Unternehmenspersönlichkeitsrecht“ als Element des gewerblichen Reputationsschutzes, fi: GRUR 2010, p. 1065 et seq.

( 39 ) Din il-protezzjoni ma tinkludix biss dikjarazzjonijiet li jwasslu lil konsumaturi biex ma jibqgħux jitolbu iktar il-prodotti u s-servizzi ta’ impriża, iżda wkoll li reġistrazzjonijiet tal-films mhux awtorizzati fil-bini tal-kumpannija jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-personalità ta’ impriża. Ara, pereżempju, Landgericht Stuttgart (qorti reġjonali, Stuttgart), sentenza bid-data ta’ 9.10.2014 – 11 O 15/14.

( 40 ) Ara, pereżempju, Dumoulin, L., “Les droits de la personnalité des personnes morales”, Revue des sociétés 2006, ħarġa 1, punt 19.

( 41 ) Ara pereżempju Tesla Motors Ltd vs BBC [2013] EWCA Civ 152 jew Marathon Mutual Ltd vs Waters [2009] EWHC 1931 (QB).

( 42 ) Ara l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1215/2012: “B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali”. Dawn ir-regoli jinsabu fit-Taqsimiet 3 sa 5 tal-Kapitolu II tal-istess regolament.

( 43 ) Ara r-riferiment għall-ġurisprudenza kkwotata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

( 44 ) Premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 45 ) Għal illustrazzjoni tad-diffikultajiet prattiċi li joħloq l-eżami individwali ta’ “rapport des forces” fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’MMA IARD (C‑340/16, EU:C:2017:396, b’mod partikolari punti 61 sa 62).

( 46 ) Fil-livell ta’ prinċipju astratt, nikkondividi għalkollox ix-xewqa għal kriterji ġurisdizzjonali li huma teknoloġikament newtrali, kif mogħtija b’mod elokwenti mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:192, punti 53 sa 54). Madankollu, fil-livell tat-twettiq prattika tagħha, bħalma se jiġi diskuss f’din it-taqsima, nara diffikultajiet biex sitwazzjonijiet li huma oġġettivament differenti ħafna, jiġu ttrattati l-istess.

( 47 ) Iktar ’il fuq, punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Għal fehim simili u ispirazzjoni komparattiva ara, pereżempju, Dow Jones and Company Inc vs Gutnick [2002] HCA 56, punt 113 [High Court of Australia (qorti superjuri, l-Awstralja)]. Ara wkoll is-sentenza tal-qorti suprema federali tal-Ġermanja tat-2 ta’ Marzu 2010 f’VI ZR 23/09.

( 49 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawżi magħquda eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:192, punt 50).

( 50 ) F’dan is-sens ara, pereżempju, Garber, T., “Die internationale Zuständigkeit für Klagen aufgrund einer Persönlichkeitsrechtsverletzung im Internet”, ÖJZ, 2012, p. 108 et seq. Għall-pożizzjoni opposta ara, pereżempju, Mankowski, P., Kommentar zu Art. 5 EuGVVO, f’EWiR 2011, p. 743 sa 744.

( 51 ) Id-diskussjoni akkademika li żviluppat b’reazzjoni għas-sentenza eDate rrikonoxxiet, inter alia, diffikultajiet bil-“qsim matematiku tal-insulti f’partijiet territorjali” kif stabbilit fis-sentenza Shevill. Ara Pichler, P., “Forum-Shopping für Opfer von Persönlichkeitseingriffen im Internet? Das EuGH-Urteil eDate Advertising gegen X und Martinez gegen MGN (C‑509/09 und C‑161/10)”, MR 2011, p. 365 et seq.

( 52 ) Jiġifieri, rikorsi li jinvolvu l-istess kawża li huma bejn l-istess partijiet iżda fil-qrati ta’ Stati Membri differenti. Ara t-Taqsima 9 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 53 ) Ara l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 54 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.

( 55 ) Ara l-punt 64 iktar ’il fuq.

( 56 ) Parti mid-duttrina ssuġġerixxiet li dan il-forum actoris diġà jiffavorixxi b’mod mhux dovut lir-rikorrent. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq.

( 57 ) Briggs, A., “The Brussels Convention”, Yearbook of European Law, 1995, Vol. 15, ħarġa 1, p. 487 sa 514.

( 58 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.

( 59 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et vs Presse Alliance (C‑68/93, EU:C:1995:61, punt 26) li tirreferi għall-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-predeċessur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 60 ) B’hekk, min hu primarjament responsabbli għall-kontenut tal-informazzjoni, mingħajr ma titqies il-possibbiltà potenzjali li l-amministratur tas-server (jekk huwa distint mill-pubblikatur) jew il-fornitur tas-servizz tal-internet jiġu obbligati jneħħu l-attivazzjoni tal-aċċess għal din l-informazzjoni.

( 61 ) Anki peress li l-pubblikazzjoni ta’ kontenut online ħafna drabi titwettaq fuq servers multipli, li jinsabu f’postijiet differenti jew saħansitra f’ġurisdizzjonijiet differenti.

( 62 ) Għar-raġunijiet mogħtija fid-dettall iktar ’il fuq, il-punti 77 sa 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 63 ) B’hekk tipprevedi sitwazzjonijiet fejn iċ-ċentru tal-interessi (oġġettiv) ta’ rikorrent ikun fl-Istat Membru X, iżda n-natura tat-talba tkun ta’ natura speċifika ħafna, relatata mas-sitwazzjoni konkreta jew unika ħafna fl-Istat Membru Y, u sempliċement ma tkunx kapaċi tikkawża dannu lir-reputazzjoni tar-rikorrent fl-Istat Membru X.

( 64 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 49).

( 65 ) Jista’ jitfakkar li l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkollha d-domiċilju fil-post fejn hi jkollha: (a) is-sede statutorja; (b) iċ-ċentru amministrattiv; jew (c) il-post prinċipali tan-negozju tagħha”.

( 66 ) Ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2015, dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015 L 141, p. 19). Ara l-Artikolu 3(1) preċedenti u simili iżda inqas sfumat tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 1, p. 191).

( 67 ) It-tħassib li r-rikorrent fi kwistjonijiet mhux kuntrattwali/delittwali jiġi pprovdut b’forum actoris kien tqajjem diġà wara s-sentenza Shevill. Ara Briggs, A., “The Brussels Convention”, Yearbook of European Law, 1995, Vol. 15, ħarġa 1, p. 487 sa 514. Dan ġie diskuss ulterjorment b’reazzjoni għas-sentenza eDate. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq.

( 68 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 69 ) Ara l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012. Din id-dispożizzjoni tikkonferma l-possibbiltà (eżistenti preċedentement) għal qorti li tadotta miżuri interim anki jekk din il-qorti ma jkollhiex il-ġurisdizzjoni għall-merti tal-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan il-kuntest li l-qrati jistgħu jagħtu ordnijiet interim bil-kundizzjoni li jkun hemm “rabta vera bejn is-suġġett tal-miżuri mfittxija u l-ġurisdizzjoni territorjali […] tal-qorti li dawn il-miżuri huma mfittxija quddiemha”. Sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Van Uden (C‑391/95, EU:C:1998:543, punt 40). B’hekk l-Artikolu 35 jikkostitwixxi element ta’ ġurisdizzjoni speċifiku addizzjonali li jeżisti b’mod parallel ma’ regoli oħra tal-istess regolament. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawżaSolvay (C‑616/10, EU:C:2012:193, punt 46).

( 70 ) Ara l-premessa 33 u l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 1215/2012. Ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler (125/79, EU:C:1980:130, punti 16 sa 18).

( 71 ) Sakemm naturalment ma jiġix iddikjarat li l-ġurisdizzjoni “mużajk” bħal fis-sentenza Shevill intitolat lil qorti nazzjonali biex toħroġ deċiżjoni biss u esklużivament dwar it-talbiet għad-danni (jiġifieri kumpens pekunjarju), iżda xejn iżjed. Madankollu, ikun diffiċli biex wieħed jara x’tista’ tkun il-bażi legali għal tali limitazzjoni drammatika tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, kif ukoll dwar kif il-qrati nazzjonali jistgħu jwettqu proċeduri li fihom il-ġurisdizzjoni tagħhom li jagħmlu dan tkun effettivament imnaqqsa sa tali punt.