22.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 22/14


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Novembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Sofia-grad – il-Bulgarija) – Entertainment Bulgaria System EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia

(Kawża C-507/16) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tassazzjoni - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 168(a) u Artikolu 169(a), Artikolu 214(1)(d) u (e) u Artikoli 289 u 290 - Tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input dovuta jew imħallsa - Tranżazzjonijiet tal-output fi Stati Membri oħra - Skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fl-Istat Membru li fih jiġi eżerċitat id-dritt ta’ tnaqqis)

(2018/C 022/18)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Entertainment Bulgaria System EOOD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia

Dispożittiv

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi persuna taxxabbli, stabbilita fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li jnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input dovuta jew imħallsa f’dan l-Istat Membru għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli, peress li din tkun identifikata għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud skont wieħed jew l-ieħor minn żewġ każijiet imsemmija fl-Artikolu 214(1)(d) u(e) tad-Direttiva 2006/112 kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 169(a) tad-Direttiva 2006/112 kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tipprojbixxi lil persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru milli tibbenefika minn skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa milli teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma humiex l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna taxxabbli.


(1)  ĠU C 441, 28.11.2016.