22.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-30 ta’ Marzu 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Općinski sud u Velikoj Gorici – il-Kroazja) – VG Čistoća d.o.o. vs Đuro Vladika, Ljubica Vladika

(Kawża C-335/16) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Skart - Direttiva 2008/98/KE - Irkupru tal-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart - Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas - Kunċett ta’ detenturi ta’ skart - Prezz mitlub għall-immaniġġjar tal-iskart - Tariffa speċifika intiża li tiffinanzja l-investiment kapitali meħtieġ))

(2017/C 161/06)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Općinski sud u Velikoj Gorici

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: VG Čistoća d.o.o.

Konvenuti: Đuro Vladika, Ljubica Vladika

Dispożittiv

L-Artikolu 14 u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti direttivi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għall-finijiet tal-finanzjament ta’ servizz ta’ mmaniġġjar u ta’ tneħħija tal-iskart urban, prezz kkalkolat abbażi ta’ evalwazzjoni tal-volum ta’ skart prodott mill-utenti ta’ dan is-servizz u mhux abbażi tal-kwantità ta’ skart li dawn effettivament pproduċew u qiegħdu għall-ġbir, kif ukoll tariffa speċjali li hija intiża sabiex tiffinanzja investimenti ddestinati għall-ipproċessar u għar-riċiklaġġ tal-iskart. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, abbażi tal-provi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew prodotti quddiemha, jekk din ma twassalx għall-impożizzjoni fuq ċerti “detenturi” ta’ spejjeż manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-volumi jew għan-natura tal-iskart li huma jipproduċu. Għal dan il-għan, b’mod partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji marbuta mat-tip ta’ beni immobbli li jokkupaw l-utenti, mas-superfiċji u mal-allokazzjoni ta’ dawn il-beni, mal-kapaċità produttiva tad-“detenturi”, mal-volum tal-kontenituri mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-utenti, kif ukoll mal-frekwenza ta’ ġbir, sa fejn dawn il-parametri jinfluwenzaw direttament l-ammont tal-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart.


(1)  ĠU C 296, 16.08.2016.