18.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 437/9


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Ottubru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof – l-Awstrija) – Majid Shiri, magħruf ukoll bħala Madzhdi Shiri

(Kawża C-201/16) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Regolament (UE) Nruo604/2013 - Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz - Artikolu 27 - Rimedju ġudizzjarju - Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju - Artikolu 29 - Terminu sabiex isir it-trasferiment - Assenza ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment fit-terminu stabbilit - Obbligi tal-Istat Membru responsabbli - Trasferiment ta’ responsabbiltà - Rekwiżit ta’ deċiżjoni tal-Istat Membru responsabbli))

(2017/C 437/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Majid Shiri, magħruf ukoll bħala Madzhdi Shiri

fil-preżenza ta’: Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk it-trasferiment ma jiġix eżegwit fit-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ir-responsabbiltà tiġi ttrasferita ipso iure lill-Istat Membru rikjedent, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Istat Membru responsabbli jirrifjuta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata.

2)

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament li seħħet sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Id-dritt li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrikonoxxi lil tali applikant li jinvoka ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ appell minnha, jissodisfa dan l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu.


(1)  ĠU C 260, 18.7.2016.