4.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 293/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Szolnoki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság – l-Ungerija) – Túrkevei Tejtermelő Kft. vs Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség

(Kawża C-129/16) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Artikoli 19 u 193 TFUE - Direttiva 2004/35/KE - Applikabbiltà ratione materiae - Tniġġis tal-arja minħabba inċinerazzjoni illegali ta’ skart - Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi responsabbiltà in solidum tal-proprjetarju tal-art li fuqha seħħ it-tniġġis u ta’ min iniġġes))

(2017/C 293/08)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Szolnoki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Túrkevei Tejtermelő Kft.

Konvenuta: Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség

Dispożittiv

1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali moqrija fid-dawl tal-Artikoli 191 u 193 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sakemm is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/35, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, tidentifika, minbarra l-operaturi tal-artijiet li fuqhom twettaq tniġġis illegali, kategorija oħra ta’ persuni responsabbli in solidum ta’ tali dannu ambjentali, jiġifieri l-proprjetarji tal-artijiet, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-proprjetarji u t-tniġġis ikkonstatat, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ma’ kull dispożizzjoni rilevanti tat-Trattati tal-UE u tal-FUE u ta’ atti sekondarji tal-Unjoni.

2)

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/35 u l-Artikolu 193 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sakemm is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/35, huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-proprjetarji tal-artijiet li fuqhom twettaq tniġġis illegali mhux biss jinżammu responsabbli in solidum flimkien mal-operaturi ta’ dawn l-artijiet, għal tali dannu ambjentali, iżda jistgħu wkoll jiġu imposti multa mill-awtorità nazzjonali kompetenti, bil-kundizzjoni li tali leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan tal-protezzjoni msaħħa u li l-modalitajiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


(1)  ĠU C 211, 13.6.2016