15.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 59/49


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2015 – Fiat Chrysler Finance Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-759/15)

(2016/C 059/57)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fiat Chrysler Finance Europe (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: J. Rodriguez, Solicitor, M. Engel u G. Maisto, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;

tannulla l-Artikoli 1-4 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ottubru 2015, indirizzata lil Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-Każ SA.38375 (2914/C ex 2014 NN) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”);

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Kummissjoni applikat ħażin il-kunċett ta’ “vantaġġ selettiv” u naqset milli turi li l-ftehim minn qabel dwar prezzijiet jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 296(2) TFEU u l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni peress li naqset milli tispjega kif iddeduċiet il-pinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa mid-dritt tal-Unjoni, jew ukoll x’inhu l-prinċipju, u tat deskrizzjoni superfiċjali tal-effett tal-ftehim minn qabel dwar prezzijiet fuq il-kompetizzjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn il-formulazzjoni ġdida mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa tintroduċi inċertezza sħiħa u konfużjoni dwar meta ftehim minn qabel dwar prezzijiet u, fil-fatt, kwalunkwe analiżi tal-prezzijiet ta’ trasferimenti jistgħu jiksru r-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ aspettativi leġittimi sa fejn il-Kummissjoni ħolqot aspettattivi leġittimi li għall-finijiet tal-għajnuna mill-Istat hija tevalwa arranġamenti dwar prezzijiet ta’ trasferimenti fuq il-bażi tal-Linji Gwida tal-OECD u t-tluq tagħha, f’daqqa waħda, minn dan kiser il-prinċipju ta’ aspettativi leġittimi.