30.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 398/69


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2015 – Fondazione Casamica vs Il-Kummissjoni u EASME

(Kawża T-569/15)

(2015/C 398/83)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Fondazione Casamica (Salerno, l-Italja) (rappreżentant: M. Lamberti, avukat)

Konvenuti: L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME), Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-att ikkontestat: Results of the evaluation – Ineligible proposal. Proposal: A4A, 699442, Deċiżjoni bir-referenza Ares (2015)3187639 adottata mill-Kummissjoni Ewropea, Easme Executive Agency for Small and Medium-Sized Enterprises, sa fejn huwa illegali għar-raġunijiet indikati;

tiddikjara li l-proposta ta’ parteċipazzjoni nru: A4A, 699442, akronimu A4A, titolu: Archeology 4 All hija ammissibbli u tippermetti lir-rikorrenti u lis-sieħba tagħha jipparteċipaw fis-sejħa fil-kuntest tal-korsorzju li ġie fformat għal dan l-għan.

Motivi u argumenti prinċipali

Is-sejħa għal proposta li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors għandha l-għan li toħloq, tistruttura u tiżviluppa mudell ta’ turiżmu aċċessibbli li, wara li jidentifika d-diffikultajiet marbuta mad-diżabbiltajiet tat-turisti, jegħlibhom permezz ta’ prototip li jkun soluzzjoni applikabbli u li mbagħad ikun jista’ jiġi propost mill-ġdid f’kull sit ta’ interess kulturali u arkeoloġiku.

Il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà sabiex jiġi ppreżentat proġett kienu jipprevedu, minbarra esperjenza speċjalizzata u kkonsolidata fiż-żmien fis-settur ikkonċernat, u l-parteċipazzjoni ta’ persuna ġuridika marbuta fil-qrib mal-għanijiet tal-proposta, il-preżenza ta’ awtorità tal-amministrazzjoni pubblika nazzjonali, reġjonali jew lokali.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, rigward l-ammissibbiltà tal-proposta

Is-Supraintendenza arkeoloġika ta’ Campania (Soprintendenza Archeologia della Campania) huwa korp irrikonoxxut li jagħmel parti mill-awtorità tal-amministrazzjoni pubblika inkwantu direttorat lokali tal-ministeru tal-beni u tal-attivitajiet kulturali u tat-turiżmu (Ministero dei Beni e delle Attività Culturali e del Turismo).

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq in-natura ġuridika tas-sieħeb Supraintendenza

Skont l-organizzazzjoni tad-direttorati ġenerali tal-ministeru, prevista permezz tad-digriet tal-president tal-Kunsill tal-ministri Nru 171, tad-29 ta’ Awwissu 2014, is-supraintendenzi huma direttorati lokali li n-natura, il-forma ġuridika u l-funzjoni tagħhom jitnisslu u huma parti instrinsika mill-istruttura ġuridika u amministrattiva tal-ministeru: huma ma humiex iddelegati mill-ministeru u ma jistgħux jitqiesu li huma korpi li jaġixxu b’delega ta’ awtorità amministrattiva.