Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Lulju 2019 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tad-disk drives ottiċi – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Ftehimiet kollużorji li jirrigwardaw sejħiet għal offerti għal disk drives ottiċi għal laptops u kompjuters – Ksur minħabba l-għan – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Multi – Ksur uniku u kontinwu – Linji Gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi”

Fil-Kawża T‑762/15,

Sony Corporation, stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun),

Sony Electronics, Inc., stabbilita f’San Diego, California (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn R. Snelders, avukat, N. Levy u E. Kelly, solicitors,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. Farley, A. Biolan, C. Giolito, F. van Schaik u L. Wildpanner, sussegwentement minn Farley, van Schaik, Wildpanner u A. Dawes, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 7135 finali tal‑21 ta’ Ottubru 2015 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39639 – Disk drives ottiċi), u, sussidjarjament għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Skont id-Deċiżjoni C(2015) 7135 finali dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39639 – Disk drives ottiċi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), dwar ftehimiet kollużorji li jirrigwardaw sejħiet għal offerti għal disk drives ottiċi għal laptops u kompjuters, organizzati minn żewġ manifatturi tal-kompjuters, il-grupp Sony jimmanifattura prodotti fl-oqsma tal-awdjo, vidjo, komunikazzjonijiet u teknoloġiji tal-informazzjoni għas-swieq tal-konsum u s-swieq professjonali u huwa fornitur ta’ kontenut, ta’ prodotti u ta’ servizzi ta’ divertiment.

2        L-ewwel rikorrenti, Sony Corporation, li hija kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt Ġappuniż, tmexxi l-grupp. It-tieni rikorrenti, Sony Electronics, Inc., hija kumpannija sussidjarja 100 % miżmuma indirettament minn Sony Corporation u stabbilita fl-Istati Uniti. Sony Electronics, li hija kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Delaware (l-Istati Uniti), tmexxi attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp, ta’ konċepiment, ta’ inġinerija, ta’ bejgħ, ta’ kummerċjalizzazzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ servizzi lill-klijenti.

3        Sony Corporation u Sony Electronics (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien “ir-rikorrenti” jew “Sony”), konġuntament jissemmew bħala “Sony” fid-deċiżjoni kkontestata.

4        Sony Electronics kienet, flimkien ma’ Sony Corporation, l-entità ġuridika li pparteċipat f’isem Sony fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti organizzati minn Dell u kompliet tagħmel dan sal‑1 ta’ April 2007.

5        Sony Optiarc Inc., hija kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt Ġappuniżi. Hija nħolqot fit‑3 ta’ April 2006 bħala impriża konġunta ta’ Sony Corporation u ta’ NEC Corporation, bl-isem Sony NEC Optiarc Inc. Iż-żewġ kumpanniji parent ikkontribwixxew l-attivitajiet rispettivi tagħhom fis-settur tad-disk drives ottiċi (iktar ’il quddiem id-“DDO”) lil Sony NEC Optiarc. Sony Corporation akkwistat 55 % tal-ishma mogħnija bi dritt tal-vot ta’ din l-impriża konġunta, u NEC Corporation, il-45 % li kien jifdal.

6        Bejn Mejju 2003 u Marzu 2007, Lite‑On kienet tikkonċepixxi prodotti DDO, li eventwalment kienu jinbiegħu taħt it-trade mark Sony fuq il-bażi ta’ ftehimiet ta’ qsim tad-dħul. Bis-saħħa ta’ dawn il-ftehimiet, Sony ġeneralment kienet inkarigata mill-bejgħ, filwaqt li Lite‑On kienet responsabbli għall-kwistjonijiet relatati mal-kwalità u mal-inġinerija.

7        Il-ksur inkwistjoni jirrigwarda DDO użati f’kompjuters personali (kompjuters desktop u laptops) (iktar ’il quddiem il-“PCs”) prodotti minn Dell u Hewlett Packard (iktar ’il quddiem “HP”). Id-DDO jintużaw ukoll f’ħafna apparat ieħor għall-użu tal-konsumaturi, bħal letturi ta’ compact discs (iktar ’il quddiem is-“CDs”) jew ta’ diski ottiċi diġitali (iktar ’il quddiem id-“DVDs”), il-consoles tal-logħob u tagħmir elettroniku periferiku ieħor.

8        Id-DDO użati fil-PCs ivajraw skont id-daqs tagħhom, il-mekkaniżmi tagħhom ta’ tagħbija (xaqq jew tray) u t-tipi ta’ diski li dawn jistgħu jaqraw jew jirreġistraw. Id-DDO jistgħu jinqasmu f’żewġ gruppi: il-letturi ta’ tul medju (half‑height, iktar ’il quddiem “HH”) għal desktop kompjuters u l-letturi rqaq għal laptops. Il-grupp tal-letturi rqaq jiġbor fih letturi ta’ dimensjonijiet differenti. Hemm tipi differenti ta’ letturi HH u ta’ letturi rqaq skont il-funzjonalità teknika tagħhom.

9        Dell u HP huma ż-żewġ manifatturi prinċipali ta’ prodotti ta’ oriġini fis-suq globali tal-PCs. Dell u HP jużaw proċeduri ta’ sejħiet għal offerti klassiċi fuq skala globali li jinvolvu, b’mod partikolari, negozjati kull trimestru fuq prezz fuq livell globali u fuq volumi ta’ xiri globali b’numru żgħir ta’ fornituri preselezzjonati ta’ DDO. Bħala regola ġenerali, il-kwistjonijiet reġjonali ma kellhom ebda rwol fis-sejħiet għal offerti għal DDO minbarra dawk marbuta mad-domanda prevista għal reġunijiet li jinfluwenzaw il-volumi ta’ xiri globali.

10      Il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti kienu jinkludu talbiet għal kwotazzjonijiet, talbiet għal kwotazzjonijiet elettroniċi, negozjati online, irkanti elettroniċi u negozjati bilaterali (offline). Mal-għeluq ta’ sejħa għal offerti, il-klijenti kienu jallokaw volumi lill-fornituri ta’ DDO parteċipanti (għal kulħadd jew tal-inqas għal ħafna minnhom, ħlief jekk kien hemm mekkaniżmu ta’ esklużjoni) skont il-prezzijiet li kienu joffru. Pereżempju, l-offerta rebbieħa kienet tirċievi minn 35 sa 45 % tal-allokazzjoni totali tas-suq għat-trimestru inkwistjoni, it-tieni l-aqwa offerta minn 25 sa 30 %, it-tielet 20 % etc. Dawn il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti klassiċi kienu jintużaw mit-timijiet tal-klijenti inkarigati mis-sejħiet għal offerti bil-għan li jwettqu sejħa għal offerti effikaċi bi prezzijiet kompetittivi. Għal dan il-għan, huma kienu jużaw il-prattiki kollha possibbli sabiex jistimolaw il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet bejn il-fornituri ta’ DDO.

11      Fir-rigward ta’ Dell, hija wettqet is-sejħiet għall-offerti prinċipalment permezz tan-negozjar online. Dan seta’ jkollu terminu determinat jew jintemm wara perijodu ddefinit, pereżempju għaxar minuti wara l-aħħar offerta, meta ebda fornitur ta’ DDO ma’ kien iressaq offerta ġdida. F’ċerti każijiet, in-negozjar online seta’ jdum diversi sigħat jekk is-sejħa għal offerti kienet iktar animata jew jekk it-terminu tan-negozjar online kien jiġi estiż sabiex il-fornituri ta’ DDO jiġu mħeġġa jkomplu jagħmlu offerti. Għall-kuntrarju, anki meta l-perijodu ta’ negozjar online kien indeterminat u kien jiddependi fuq l-offerta finali, f’ċertu mument Dell setgħet tħabbar l-għeluq tan-negozjati online. Dell setgħet tiddeċiedi li tgħaddi minn proċedura ta’ “klassifikazzjoni biss” għal proċedura “indiskriminata”. Barra minn hekk, hija kellha l-possibbiltà li tannulla n-negozjar online jekk is-sejħa għall-offerti jew ir-riżultat tagħha kienu jitqiesu li ma kinux sodisfaċenti u setgħet, minflok, tmexxi negozjati bilaterali. Il-proċess ta’ negozjar online kien issorveljat mill-amministraturi globali tal-akkwisti inkarigati minn dawn it-tranżazzjonijiet fi ħdan Dell.

12      Fir-rigward ta’ HP, il-proċeduri prinċipali ta’ sejħiet għal offerti użati kienu t-talbiet għal kwotazzjonijiet u t-talbiet għal kwotazzjonijiet elettroniċi. Iż-żewġ proċeduri saru online billi ntużat l-istess pjattaforma. Minn naħa, fir-rigward tat-talbiet għal kwotazzjonijiet, dawn kienu trimestrali. Dawn kienu jinkludu negozjati online u negozjati bilaterali offline mifruxa fuq ċertu perijodu ta’ żmien, ġeneralment ġimagħtejn. Il-fornituri ta’ DDO kienu mistiedna għal sessjoni ta’ sejħa għal offerti miftuħa matul perijodu determinat sabiex jissottomettu l-kwotazzjonijiet tagħhom fuq pjattaforma online jew permezz tal-posta elettronika. Wara tmiem l-ewwel sessjoni ta’ offerti bi rkant, HP kienet tiltaqa’ ma’ kull parteċipant u kienet tibda negozjati fuq il-bażi tal-offerta tal-fornitur ta’ DDO sabiex tikseb l-aħjar offerta ta’ kull fornitur mingħajr ma tiżvela l-identità jew l-offerta mressqa mill-fornituri l-oħra ta’ DDO. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talbiet għal kwotazzjonijiet elettroniċi, dawn kienu normalment organizzati fil-forma ta’ sejħa għal offerti inversa. L-offerenti kienu għalhekk jikkonnettu ruħhom mal-pjattaforma online fil-ħin speċifikat u l-bejgħ bi rkant kien jibda bil-prezz stabbilit minn HP. L-offerenti li kienu jressqu offerti progressivament ridotti kienu jiġu informati dwar il-klassifikazzjoni tagħhom kull darba li kienet titressaq offerta ġdida. Fi tmiem it-terminu mogħti, il-fornitur ta’ DDO li kien iressaq l-iktar offerta baxxa kien jirbaħ il-bejgħ bi rkant u l-fornituri l-oħra kienu jiġu jitqiegħdu fi klassifikazzjoni ta’ tieni u tielet post skont l-offerti tagħhom.

 Il-proċedura amministrattiva

13      Fl‑14 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni rċeviet talba għal immunità bis-saħħa tal-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Immunità minn Multi u Tnaqqis f’Multi f’Każijiet ta’ Kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-klemenza”) imressqa minn Philips. Fid‑29 ta’ Jannar u t‑2 ta’ Marzu 2009, din it-talba ġiet ikkompletata sabiex tkun tinkludi, flimkien ma’ Philips, il-kumpannija Lite‑On u l-impriża komuni tagħhom Philips & Lite-On Digital Solutions Corporation (iktar ’il quddiem “PLDS”).

14      Fid‑29 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil impriżi attivi fil-qasam tad-DDO.

15      Fit‑30 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni tat immunità kundizzjonali lil Philips, lil Lite‑On IT u lil PLDS.

16      Fit‑18 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil tlettax‑il fornitur ta’ DDO, fosthom ir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”). Hija indikat li dawn il-kumpanniji kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), billi pparteċipaw f’akkordju dwar id-DDO mifrux mill‑5 ta’ Frar 2004 sad‑29 ta’ Ġunju 2009, li kien jikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-imġiba tagħhom fir-rigward tas-sejħiet għal offerti organizzati minn żewġ manifatturi tal-kompjuters, Dell u HP.

17      Fit‑29 ta’ Ottubru 2012, bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub.

18      Fit‑23 ta’ Novembru 2012, Dell wieġebt it-talba għal informazzjoni li kienet ġiet indirizzata lilha mill-Kummissjoni.

19      Fid‑29 u fit‑30 ta’ Novembru 2012 inżammet seduta orali li fiha pparteċipaw id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

20      Fl‑14 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni talbet lill-partijiet kollha sabiex jipprovdu d-dokumenti rilevanti rċevuti minn Dell u minn HP. Il-partijiet kollha wieġbu dawn it-talbiet u kull waħda minnhom kellha aċċess għat-tweġibiet ipprovduti mill-fornituri l-oħra ta’ DDO.

21      Fil‑21 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2015) 7135 finali dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39639 – Disk drives ottiċi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), dwar ftehimiet kollużorji relatati ma’ sejħiet għal offerti li jirrigwardaw disk drives ottiċi għal laptops u kompjuters, organizzati minn żewġ manifatturi ta’ kompjuters.

 Id-deċiżjoni kkontestata

22      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipanti fl-akkordju kienu kkoordinaw l-aġir kompetittiv tagħhom, mill-inqas mit‑23 ta’ Ġunju 2004 sal‑25 ta’ Novembru 2008. Hija ppreċiżat li din il-koordinazzjoni kienet saret permezz ta’ netwerk ta’ kuntatti bilaterali paralleli. Hija indikat li l-parteċipanti fl-akkordju kienu jfittxu li jadattaw il-volumi tagħhom fis-suq u kienu jiżguraw li l-prezzijiet jibqgħu f’livelli ogħla minn dak li kienu jkunu fl-assenza ta’ tali kuntatti bilaterali.

23      Il-Kummissjoni ppreċiżat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-koordinazzjoni bejn il-parteċipanti fl-akkordju kienet tirrigwarda l-kontijiet tal-klijenti ta’ Dell u ta’ HP, l-iktar żewġ manifatturi importanti ta’ prodotti ta’ oriġini fis-suq globali tal-PCs. Skont il-Kummissjoni, minbarra n-negozjati bilaterali mal-fornituri tagħhom ta’ DDO, Dell u HP kienu japplikaw proċeduri standard ta’ sejħa għal offerti, li kienu jseħħu ta’ mill-inqas kull trimestru. Hija osservat li l-membri fl-akkordju kienu jużaw in-netwerk ta’ kuntatti bilaterali tagħhom sabiex jimmanipulaw dawn il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, fejn b’hekk kienu jwaqqfu t-tentattivi tal-klijenti tagħhom li jistimolaw il-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet.

24      Skont il-Kummissjoni, l-iskambju regolari ta’ informazzjoni b’mod partikolari ppermetta lill-membri tal-akkordju jkollhom għarfien fin ħafna tal-intenzjonijiet tal-kompetituri tagħhom saħansitra qabel ma jimpenjaw lilhom infushom fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, u konsegwentement li jipprevedu l-istrateġija kompetittiva tagħhom.

25      Il-Kummissjoni żiedet li, f’intervalli regolari, il-membri tal-akkordju kienu jiskambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet fir-rigward tal-kontijiet privati tal-klijenti kif ukoll informazzjoni mhux relatata mal-prezz, bħall-produzzjoni eżistenti u l-kapaċità ta’ provvista, il-qagħda tal-ħażna, is-sitwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni, il-mument tal-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda jew titjib. Hija osservat li, barra minn hekk, il-fornituri ta’ DDO kienu qed jissorveljaw ir-riżultati finali ta’ proċeduri ta’ offerti magħluqa, jiġifieri l-klassifikazzjoni, il-prezz u l-volum miksub.

26      Il-Kummissjoni indikat ukoll li, filwaqt li kellhom f’moħħhom li l-membri tal-akkordju kellhom iżommu l-kuntatti tagħhom sigrieti fil-konfront tal-klijenti, il-fornituri kienu jużaw, sabiex jikkuntattjaw lil xulxin, il-mezzi li kienu jqisu li huma suffiċjentement adattati sabiex jinkiseb ir-riżultat mixtieq. Hija ppreċiżat li, barra minn hekk, tentattiv li tiġi msejħa laqgħa ta’ tnedija sabiex jiġu organizzati laqgħat multilaterali regolari bejn il-fornituri ta’ DDO falla fl-2003 wara li dan ġie żvelat lil klijent. Skont il-Kummissjoni, minflok, kien hemm kuntatti bilaterali, essenzjalment taħt forma ta’ telefonati u, kultant permezz ta’ messaġġi elettroniċi, inklużi fuq indirizzi tal-posta elettronika privati (hotmail) u fuq servizzi ta’ messaġġi istantanei, jew waqt laqgħat, l-aktar fuq il-livell ta’ amministraturi ta’ kontijiet globali.

27      Il-Kummissjoni kkonstatat li l-parteċipanti fl-akkordju kienu jikkuntattjaw lil xulxin b’mod regolari u li l-kuntatti, prinċipalment permezz tat-telefon, kienu qed isiru iktar frekwenti waqt il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, fejn matulhom kien hemm diversi telefonati kuljum bejn ċerti binomi ta’ parteċipanti fl-akkordju. Hija ppreċiżat li, ġeneralment, il-kuntatti bejn ċerti binomi ta’ parteċipanti fl-akkordju kienu kunsiderevolment ogħla milli fost oħrajn.

28      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti bis-saħħa tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi”).

29      Qabel kollox, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tad-differenzi kunsiderevoli fit-tul ta’ parteċipazzjoni tal-fornituri u sabiex jiġi rifless aħjar l-impatt reali tal-akkordju, kien xieraq li tintuża medja annwali kkalkolata fuq il-bażi tal-valur reali tal-bejgħ magħmul mill-impriżi matul ix-xhur kalendarji sħaħ tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fil-ksur.

30      B’hekk il-Kummissjoni spjegat li l-valur tal-bejgħ ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-bejgħ ta’ DDO għal-laptops u għall-kompjuters iffatturat lill-entitajiet ta’ HP u ta’ Dell li jinsabu fiż-ŻEE.

31      Barra minn hekk il-Kummissjoni kkunsidrat, peress li l-aġir antikompetittiv fir-rigward ta’ HP kien beda iktar tard u sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-akkordju, li l-valur tal-bejgħ rilevanti jiġi kkalkolat b’mod separat għal HP u għal Dell, u li żewġ koeffiċjenti moltiplikaturi skont it-tul ta’ żmien jiġu applikati.

32      Fir-rigward tar-rikorrenti, peress li l-parteċipazzjoni ta’ Sony fil-kuntatti fil-konfront ta’ HP ma ġietx stabbilita, il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tagħhom biss għall-koordinazzjoni tagħhom fil-konfront ta’ Dell.

33      Sussegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li, peress li l-ftehimiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet kienu, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar ksur gravi tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u li l-akkordju kien mifrux mill-inqas fiż-ŻEE, il-perċentwali applikata abbażi tal-gravità f’dan il-każ tkun ta’ 16 % għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata.

34      Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kienet iddeċidiet li jiġi miżjud ammont ta’ 16 % għal finijiet dissważivi.

35      Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti bi 3 % sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma ma kinux jafu dwar il-parti tal-ksur uniku u kontinwu relatat ma’ HP, fejn b’hekk hija riflessa b’mod xieraq u suffiċjenti n-natura inqas gravi tal-aġir tagħhom.

36      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li, peress li Sony kellha dħul mill-bejgħ globali ta’ EUR 59 252 000 000 matul is-sena finanzjarja li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien xieraq li jiġi applikat għall-ammont bażiku koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.2.

37      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrenti, jipprevedi kif ġej:

“Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ksur uniku u kontinwu li jinkludi diversi ksur separati, fis-settur tad-disk drives ottiċi li jkopri ż-ŻEE kollha, li kien jikkonsisti fi ftehim ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet:

[...]

(f)      [ir-rikorrenti] mit‑23 ta’ Awwissu 2004 sal‑15 ta’ Settembru 2006, għall-koordinazzjoni tagħhom fil-konfront ta’ Dell.

[...]

Artikolu 2

Il-multi li ġejjin huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

[...]

(f)      [ir-rikorrenti], responsabbli in solidum: EUR 21 024 3000.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

38      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

39      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fil‑25 ta’ Mejju 2016.

40      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lir-rikorrenti jipproduċu ċerti dokumenti relatati ma’ dikjarazzjonijiet kunfidenzjali. Il-Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx tipproduċi t-traskrizzjonijiet ta’ tali dikjarazzjonijiet kunfidenzjali prodotti fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza tagħha.

41      Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ April 2018, adottat skont, minn naħa, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b) u l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi t-traskrizzjonijiet imsemmija. Dawn it-traskrizzjonijiet setgħu jiġu kkonsultati mill-avukati tar-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali qabel is-seduta.

42      Il-Kummissjoni pproduċiet dawn it-traskrizzjonijiet fl‑24 ta’ April 2018 u r-rappreżentanti tar-rikorrenti kkonsultawhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ April 2018.

43      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑2 ta’ Mejju 2018.

44      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernahom;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

46      Ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi insostenn ta’ dan ir-rikors, l-ewwel wieħed, essenzjalment, dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u, it-tieni wieħed, imqajjem sussidjarjament, dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta.

[omissis]

 Fuq it-tieni motiv, ifformulat sussidjarjament, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw l-iffissar tal-ammont tal-multa kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti

[omissis]

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-impożizzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ dissważjoni lil Sony biss

[omissis]

292    Jeħtieġ li jitfakkar li l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti tirrikjedi li l-ammont tagħha jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt imfittex fuq l-impriża li fuqha din hija imposta, u dan sabiex l-ammont tal-multa ma jsirx mingħajr effett, jew għall-kuntrarju eċċessiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, konformement mar-rekwiżiti misluta, minn naħa, mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, mill-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2011, General Technic‑Otis et vs Il‑Kummissjoni, T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07, EU:T:2011:363, punt 239 u l-ġurisprudenza ċċitata).

293    Id-daqs u r-riżorsi globali ta’ impriża huma l-kriterji rilevanti fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri li tiġi ggarantita l-effettività tal-multa billi l-ammont tagħha jiġi adattat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ir-riżorsi globali tal-impriża u l-kapaċità tagħha li timmobilizza l-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-imsemmija multa. Fil-fatt, l-iffissar tar-rata ta’ żieda tal-ammont inizjali sabiex jiġi żgurat effett suffiċjentement dissważiv tal-multa huwa intiż iktar sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-multa milli sabiex tiġi indikata l-ħsara tal-ksur għall-andament normali tal-kompetizzjoni u, għaldaqsant, tal-gravità tal-imsemmi ksur (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2011, General Technic‑Otis et vs Il‑Kummissjoni, T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07, EU:T:2011:363, punt 241 u l-ġurisprudenza ċċitata).

294     F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-ammont, indikat fil-premessa 567 tad-deċiżjoni kkontestata, tad-dħul mill-bejgħ globali magħmul minn Sony matul is-sena finanzjarja tal-kumpannija li tippreċedi l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri EUR 59 252 000 000.

295    L-uniku argument tar-rikorrenti huwa li d-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji parent ta’ wħud mid-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata huwa paragunabbli jew ogħla minn dak ta’ Sony, li barra minn hekk irreġistrat telf importanti fl‑2014, perijodu li matulu l-kumpanniji parent, bħal Samsung, kumpannija parent ta’ TSST, u Hitachi, kumpannija parent ta’ HLDS, kienu rreġistraw profitti sinjifikanti.

296    Issa, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, filwaqt li Sony Corporation ġiet attribwita l-ksur tas-sussidjarja tagħha, Sony Electronics (premessi 507 u 569 tad-deċiżjoni kkontestata), fejn il-Kummissjoni saħansitra tirreferi għalihom b’mod konġunt bħala “Sony” fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), il-ksur li fih ipparteċipaw TSST u HLDS ma ġiex attribwit rispettivament lil Samsung u lil Hitachi (premessi 11 sa 14 u 569 tad-deċiżjoni kkontestata).

297    Għaldaqstant, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ dissważjoni lir-rikorrenti filwaqt li ma żiditx l-ammont tal-multi imposti lil TSST u lil HLDS fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ u tal-profitti magħmula minn Samsung u Hitachi.

298    Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud dan l-argument tar-rikorrenti u t-tieni motiv kollu kemm hu.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Sony Corporation u Sony Electronics, Inc. għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.