SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

22 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti li jirrigwardaw proċedura leġiżlattiva pendenti – Trilogi – Tabelli b’erba’ kolonni li jikkonċernaw il-proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Europol u li jħassar id-Deċiżjonijiet 2009/371/ĠAI u 2005/681/ĠAI – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Assenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għat-tabelli b’erba’ kolonni stabbiliti fil-kuntest tat-trilogi”

Fil-Kawża T‑540/15,

Emilio De Capitani, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn O. Brouwer, J. Wolfhagen u E. Raedts, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat inizjalment minn N. Görlitz, A. Troupiotis u C. Burgos, sussegwentement minn N. Görlitz, C. Burgos u I. Anagnostopoulou, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Rebasti, B. Driessen u J.-B. Laignelot, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni A(2015) 4931 tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2015 li tirrifjuta lir-rikorrent l-aċċess sħiħ għad-dokumenti LIBE-2013-0091-02 u LIBE-2013-0091-03,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn M. Van der Woude, li qed jaġixxi bħala President, V. Tomljenović, E. Bieliūnas, A. Marcoulli u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2015, ir-rikorrent, Emilio De Capitani, ippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), talba għal aċċess għad-dokumenti mħejjija mill-Parlament jew li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu u li fihom l-informazzjoni li ġejja: “ġustifikazzjonijiet sabiex jitfittex li jintlaħqu ftehimiet bikrin fuq il-proċeduri ta’ kodeċiżjoni pendenti proposti fil-kumitati kollha; tabelli b’diversi kolonni (li jiddeskrivu l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, il-pożizzjoni tal-kumitat parlamentari, l-emendi proposti mill-korpi interni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, skont il-każ, l-abbozzi ta’ kompromessi proposti) ippreżentati lit-trilogi għall-proċeduri ta’ kodeċiżjoni pendenti” (iktar ’il quddiem it-“talba inizjali”).

2

Fit-3 ta’ Ġunju 2015, il-Parlament wieġeb lir-rikorrenti li, minħabba n-numru kbir ħafna ta’ dokumenti msemmija fit-talba inizjali, li kieku din tal-aħħar kellha tintlaqa’ din toħloq ammont eċċessiv ta’ xogħol amministrattiv, raġuni għalfejn l-imsemmija talba kellha tiġi miċħuda.

3

B’ittra tad-19 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrent ippreżenta lill-Parlament talba taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li permezz tagħha huwa llimita d-dokumenti msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq għat-tabelli b’diversi kolonni stabbiliti fil-kuntest ta’ trilogi pendenti fid-data tat-talba inizjali, li jirrigwardaw il-proċeduri leġiżlattivi ordinarji li għandhom bħala bażi legali it-Titolu V tat-Trattat FUE (“L-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja”) u l-Artikolu 16 TFUE, dwar il-protezzjoni tad-data personali (iktar ’il quddiem it-“talba konfermatorja”).

4

Fid-deciżjoni tiegħu A(2015) 4931, tat-8 ta’ Lulju 2015, il-Parlament indika lir-rikorrent li huwa identifika seba’ tabelli b’diversi kolonni li jirrigwardaw it-talba konfermatorja. Il-Parlament ta aċċess sħiħ għal ħamsa minnhom. Għall-kuntrarju, fir-rigward taż-żewġ tabelli l-oħra, jiġifieri dawk inklużi fid-dokumenti LIBE-2013-0091-02 u LIBE-2013-0091-03 (iktar ’il quddiem id-“dokumenti inkwistjoni”), il-Parlament ta aċċess għall-ewwel tliet kolonni biss tal-imsemmija tabelli, b’tali mod li rrifjuta li jiżvela r-raba’ kolonna tagħhom. Ir-rikorrent jikkontesta dan ir-rifjut ta’ aċċess sħiħ għad-dokumenti inkwistjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

5

It-tabelli inklużi fid-dokumenti inkwistjoni jinkludu erba’ kolonni, fejn l-ewwel waħda fiha t-test tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni, it-tieni waħda fiha l-pożizzjoni tal-Parlament u l-emendi proposti minnu, it-tielet waħda l-pożizzjoni tal-Kunsill u r-raba’ waħda t-test tal-kompromess provviżorju (dokument LIBE-2013-0091-02) jew il-pożizzjoni preliminari tal-Presidenza tal-Kunsill fir-rigward tal-emendi proposti mill-Parlament (dokument LIBE-2013-0091-03).

6

Il-Parlament ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn, l-ewwel nett, ir-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni tinkludi testi ta’ kompromess provviżorji u l-proposti preliminari tal-Presidenza tal-Kunsill li l-iżvelar tagħhom jikkawża preġudizzju reali, speċifiku u gravi lill-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni kif ukoll lill-proċess deċiżjonali interistituzzjonali fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva pendenti u, it-tieni nett, ma ġie identifikat, f’dan il-każ, l-ebda interess pubbliku superjuri għal dak tal-effettività tal-imsemmija proċedura.

7

Fir-rigward tal-preġudizzju gravi allegat lill-proċess deċiżjonali, il-Parlament ibbaża ruħu fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

il-proċess deċiżjonali jkun realment, speċifikament u serjament affettwat mill-iżvelar tar-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni;

il-qasam li taħtu jaqgħu d-dokumenti inkwistjoni, dak tal-kooperazzjoni tal-pulizija, huwa qasam sensittiv ħafna u l-iżvelar tar-raba’ kolonna tagħhom jippreġudika l-fiduċja bejn l-Istati Membri u bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, il-kooperazzjoni tajba bejniethom, kif ukoll il-proċess deċiżjonali intern tal-Parlament;

żvelar meta n-negozjati jkunu għadhom pendenti x’aktarx iwassal għall-eżerċizzju ta’ pressjoni pubblika fuq ir-relatur, ir-relaturi fittizji u l-gruppi politiċi, peress li n-negozjati jikkonċernaw il-kwistjonijiet sensittivi ħafna tal-protezzjoni tad-data u tal-Kunsill Amministrattiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u t-Taħriġ (Europol);

l-għoti ta’ aċċess għar-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni tirrendi lill-Presidenza tal-Kunsill iktar eżitanti taqsam informazzjoni u tikkoopera mat-tim ta’ negozjati tal-Parlament u, b’mod partikolari, mar-relatur; barra minn hekk, minħabba l-pressjoni ikbar tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-gruppi ta’ interess, din tal-aħħar ikollha tagħmel b’mod prematur għażliet strateġiċi li jikkonsistu f’li jiġi ddeterminat f’liema każ għandha ċċedi għall-Kunsill u f’liema każ għandha titlob iktar mill-presidenza tagħha, fatt dan li “iwassal għal kumplikazzjonijiet kbar fil-possibbiltà li jintlaħaq ftehim fuq linja komuni”;

il-prinċipju li “ma hemm qbil fuq xejn qabel ma jintlaħaq qbil fuq kollox” huwa importanti ħafna għall-funzjonament tajjeb tal-proċedura leġiżlattiva u, għaldaqstant, l-iżvelar qabel it-tmiem tan-negozjati ta’ element, anki jekk ma huwiex intrinsikament sensittiv, jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq il-partijiet kollha l-oħra tal-fajl; barra minn hekk, l-iżvelar ta’ pożizzjonijiet li ma jkunux għadhom saru definittivi jista’ jagħti idea mhux preċiża tal-pożizzjonijiet reali tal-istituzzjonijiet;

għaldaqstant, l-aċċess għar-raba’ kolonna kollha għandu jiġi rrifjutat sakemm it-test li huwa s-suġġett ta’ ftehim ma jkunx ġie approvat mill-koleġiżlaturi.

8

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali interess pubbliku superjuri, il-Parlament jiddikjara li l-prinċipju ta’ transparenza u r-rekwiżiti superjuri tad-demokrazija ma jikkostitwixxux, u ma jistgħux jikkostitwixxu, fihom infushom, interess pubbliku superjuri.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrent ressaq din il-kawża.

10

B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill u l-Kummissjoni talbu jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Parlament. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, la r-rikorrent u lanqas il-Parlament ma qajmu oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ dawn l-interventi.

11

Fid-9 ta’ Frar 2016, il-Parlament ippreżenta r-risposta tiegħu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

12

B’deċiżjoni tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill u l-Kummissjoni ġew ammessi jintervjenu f’din il-kawża.

13

Ir-replika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ April 2016.

14

Fit-13 u fis-17 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni u l-Kunsill ippreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali n-nota ta’ intervent rispettiva tagħhom.

15

Fis-17 ta’ Mejju 2016 ġiet ippreżentata wkoll fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-kontroreplika.

16

Ir-rikorrent ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-noti ta’ intervent fis-6 ta’ Lulju 2016.

17

Peress li nbidlet il-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet allokata lis-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali u lil Imħallef Relatur ieħor.

18

Fil-5 ta’ April 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirrinvija l-kawża quddiem is-Seba’ Awla Estiża.

19

Minħabba l-impediment ta’ membru tal-awla, bis-saħħa tal-Artikolu 17(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali sabiex jikkompleta l-awla.

20

B’digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, is-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ordnat lill-Parlament, bħala miżuri struttorji, jagħtiha kopja tad-dokumenti inkwistjoni, filwaqt li din il-kopja ma ġietx trażmessa lir-rikorrent skont l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura.

21

Fit-23 ta’ Mejju 2017, is-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali għamlet lill-partijiet domandi sabiex iweġbuhom bil-miktub, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

22

Fl-14 ta’ Ġunju 2017, il-Parlament ikkonforma ruħu mal-miżuri struttorji.

23

Fl-istess ġurnata, ir-rikorrent, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali r-risposti għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

24

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

25

Il-Parlament, sostnut mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-interess ġuridiku

26

Fir-risposta tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2017 għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Parlament indika li, fit-23 ta’ Ottubru 2016, irċieva talba għal aċċess fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dokumenti inkwistjoni u li ta segwitu għaliha billi għamilhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru tad-dokumenti tal-Parlament, peress li l-proċedura leġiżlattiva li dawn id-dokumenti kienu jirrigwardaw kienet ingħalqet. Il-Parlament indika, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru. 3, il-link web li jagħti aċċess għalihom.

27

Waqt is-seduta, il-Kunsill u l-Kummissjoni sostnew, essenzjalment, li r-rikorrent kien għalhekk kiseb sodisfazzjon u b’hekk tilef l-interess ġuridiku tiegħu, u li, konsegwentement, ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni.

28

Ir-rikorrent jikkontesta li tilef l-interess ġuridiku tiegħu kollu.

29

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511, punt 41; id-digrieti tad-9 ta’ Novembru 2011, ClientEarth et vs Il-Kummissjoni, T‑120/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:646, punt 46, u tat-30 ta’ April 2015, EEB vs Il-Kummissjoni, T‑250/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:274, punt 14).

30

L-interess ġuridiku tar-rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun jeżisti fil-mument tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà u jippersisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, u dan jippreżupponi li r-rikors jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511, punti 42 u 43; id-digrieti tad-9 ta’ Novembru 2011, ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni, T‑120/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:646, punti 47 u 49, u tat-30 ta’ April 2015, EEB vs Il-Kummissjoni, T‑250/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:274, punti 15 u 17).

31

Għandu jiġi eżaminat għalhekk jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tad-dokumenti inkwistjoni fir-reġistru elettroniku tad-dokumenti tal-Parlament, wara t-tmiem tal-proċedura leġiżlattiva li kienu relatati magħha, iċaħħadx l-għan tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

32

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta rikorrent għandu interess sabiex jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni sabiex jiġi evitat li l-illegalità allegata tiegħu ma terġax isseħħ fil-futur. Tali interess ġuridiku jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jipprovdi li l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie ddikjarat null għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan l-interess ġuridiku jista’ madankollu jeżisti biss jekk l-illegalità allegata tkun tista’ terġa’ sseħħ fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għar-rikors ippreżentat mir-rikorrent (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 50 sa 52, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-illegalità allegata mir-rikorrent hija bbażata fuq interpretazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nu 1049/2001 li l-Parlament probabbilment jirrepeti fil-każ ta’ talba ġdida, iktar u iktar minħabba li parti mill-motivi tar-rifjut ta’ aċċess invokati fid-deċiżjoni kkontestata jistgħu japplikaw b’mod trasversali għal kull talba għal aċċess għax-xogħlijiet tat-trilogi pendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 35).

33

Barra minn hekk, kemm it-talba inizjali kif ukoll it-talba konfermatorja tar-rikorrent kienu intiżi espliċitament sabiex huwa jingħata ċertu numru ta’ dokumenti li jirrigwardaw proċeduri leġiżlattivi pendenti. Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan tat-talbiet tar-rikorrent, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tad-dokumenti inkwistjoni wara t-tmiem tal-proċedura leġiżlattiva li dawn id-dokumenti jirrigwardaw ma tissodisfax kompletament it-talba tar-rikorrent u għalhekk huwa jżomm interess ġuridiku sabiex jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq il-mertu

34

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu l-ewwel isir eżami tal-ewwel motiv.

35

Dan il-motiv jinkludi tliet partijiet. Skont l-ewwel parti, il-Parlament naqas milli juri suffiċjentement skont il-liġi, sabiex jirrifjuta l-aċċess sħiħ għad-dokumenti inkwistjoni, li l-aċċess għall-imsemmija dokumenti jippreġudika serjament, b’mod konkret, effettiv u mhux ipotetiku, il-proċess leġiżlattiv. It-tieni parti tirrigwarda l-ksur tal-prinċipju tal-iktar aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti leġiżlattivi tal-Unjoni. Skont it-tielet parti, il-Parlament irrifjuta b’mod żbaljat li jirrikonoxxi, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-aċċess sħiħ għad-dokumenti inkwistjoni. Għandhom jiġu eżaminati qabelxejn u flimkien l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv.

L-argumenti tal-partijiet

36

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-aċċess għar-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni seta’ jiġi rrifjutat lilu biss li kieku l-Parlament kien wera li r-riskju ta’ preġudizzju gravi għall-proċess deċiżjonali kien raġonevolment previdibbli u mhux sempliċement ipotetiku, u b’liema mod l-aċċess sħiħ għaż-żewġ dokumenti inkwistjoni seta’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett. Huwa jenfasizza l-importanza tal-aċċess għar-raba’ kolonna tal-imsemmija dokumenti fil-kuntest ta’ demokrazija rappreżentattiva, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jitolbu lir-rappreżentanti tagħhom jagħtu rendikont tal-għażliet li jkunu wettqu u, skont il-każ, jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, kif jidhrilhom xieraq, fuq il-ftehimiet milħuqa waqt it-trilogi kkonċernati.

37

L-ewwel nett, huwa jsostni li l-Parlament ma speċifikax għalfejn il-proposta leġiżlattiva inkwistjoni, minħabba l-fatt biss li taqa’ fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija, kellha tiġi kkunsidrata bħala sensittiva ħafna u ma ġġustifikax għaliex l-iżvelar tal-kompromess inkluż fir-raba’ kolonna taż-żewġ dokumenti inkwistjoni kien jippreġudika l-fiduċja bejn l-Istati Membri jew bejn l-istituzzjonijiet. Huwa jispeċifika li l-fatt li minn proposta leġiżlattiva jistgħu jirriżultaw jew effettivament jirriżultaw diskussjonijiet intensi ma jimplika bl-ebda mod li kwistjoni tkun daqshekk sensittiva li jkun iġġustifikat li tinżamm sigrieta.

38

It-tieni nett, ir-rikorrent jikkontesta l-motiv ta’ rifjut ippreżentat mill-Parlament fid-deċiżjoni kkontestata, li l-iżvelar tar-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni jwassal għall-pressjoni pubblika ikbar, sa fejn il-proposti tad-diversi istituzzjonijiet, bl-eċċezzjoni tat-test tal-kompromess, huma diġà magħrufa u fejn il-proċess leġiżlattiv għandu, bħala prinċipju, iseħħ pubblikament u b’mod trasparenti. In-natura provviżorja tal-informazzjoni inkluża fir-raba’ kolonna tat-tabelli bħal dawk inklużi fid-dokumenti inkwistjoni (iktar ’il quddiem it-“tabelli tat-trilogi”), li l-pubbliku huwa perfettament kapaċi li jaċċedi għaliha, tenfasizza għall-kuntrarju l-importanza li jingħata aċċess għaliha, sabiex l-imsemmi pubbliku jingħata idea tal-mod kif in-negozjati leġiżlattivi jitwettqu kif ukoll stampa tad-diversi proposti li jkunu qegħdin jiġu jew li jkunu ġew diskussi.

39

It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li l-Parlament naqas milli jagħti raġunijiet li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-prinċipju li “ma hemm qbil fuq xejn qabel ma jintlaħaq qbil fuq kollox” jiġġustifika n-nuqqas ta’ żvelar tar-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi u li jinftiehem kif dan il-prinċipju huwa marbut ma’ preġudizzju gravi għall-proċess deċiżjonali. Huwa jżid li l-effettività tal-proċess leġiżlattiv bħala tali ma huwiex għan iċċitat jew imsemmi fl-Artikolu 294 TFUE.

40

Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-Parlament naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li, f’dan il-każ, huwa kien qiegħed jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ koleġiżlatur u li, f’din l-ipoteżi, bħala prinċipju, l-aċċess kellu jkun l-iktar wiesa’ possibbli, fid-dawl tan-natura partikolari tal-proċess leġiżlattiv irrikonoxxut fil-premessa 6 u fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa jsostni, barra minn hekk, li, skont il-ġurisprudenza, il-marġni diskrezzjonali mogħti lill-istituzzjonijiet sabiex ma jiżvelawx dokumenti li jagħmlu parti mill-iżvolġiment normali tal-proċess leġiżlattiv huwa limitat ħafna, jekk mhux ineżistenti (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 63). Konklużjoni oħra tkun timplika li, permezz tal-użu tat-trilogi waqt l-ewwel qari, il-proċedura leġiżlattiva prevista mit-Trattat tiġi evitata u ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu impediti milli jkollhom aċċess għad-dokumenti li altrimenti kien ikollhom aċċess għalihom.

41

B’mod iktar ġenerali, huwa jfakkar li l-mudell demokratiku adottat mill-Unjoni jinkludi żewġ dimensjonijiet, l-ewwel waħda relatata mal-eżistenza ta’ demokrazija rappreżentattiva, kif imfakkar fl-Artikolu 10(1) u (2) TUE, li timplika li r-rappreżentanti jistgħu jinżammu responsabbli fir-rigward taċ-ċittadini għad-deċiżjonijiet leġiżlattivi li jieħdu, u t-tieni waħda relatata mal-eżistenza ta’ demokrazija parteċipattiva, stabbilita kemm fl-Artikolu 10(3) TUE kif ukoll fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, li tawtorizza liċ-ċittadini tal-Unjoni jipparteċipaw fil-proċess deċiżjonali. Il-kunċett ta’ trasparenza huwa rilevanti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ dimensjonijiet, filwaqt li l-Parlament ikkunsidra biss l-ewwel waħda minnhom.

42

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti relatati max-xogħlijiet tat-trilogi, bħal dik proposti mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, ir-rikorrent, fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-noti ta’ intervent, oġġezzjona għall-fatt li l-imsemmija preżunzjoni tmur kontra s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 77 u 78). B’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk it-tabelli tat-trilogi kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex jaqgħu taħt tali preżunzjoni, huwa rrisponda fin-negattiv, billi enfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet tali preżunzjonijiet ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar biss fir-rigward ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji pendenti. Issa, it-tabelli tat-trilogi ma jifformawx parti minn tali proċeduri, iżda mill-proċess leġiżlattiv. Anki fl-ipoteżi li tali preżunzjoni tista’ tapplika fil-qasam leġiżlattiv, din ma tistax testendi għat-tabelli tat-trilogi, peress li dawn jikkostitwixxu attwalment il-fażi l-iktar kruċjali tal-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni.

43

L-ewwel nett, il-Parlament, sostnut mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, joġġezzjona, b’mod partikolari, li l-kwistjoni tal-organizzazzjoni tal-forzi tal-pulizija tikkonċerna waħda mill-kompetenzi fundamentali tal-Istati Membri u li uħud minnhom jistgħu jikkunsidraw li l-kooperazzjoni f’dan il-qasam jaffettwa s-sovranità tagħhom. In-natura sensittiva tal-qasam ikkonċernat u tal-proposta leġiżlattiva inkwistjoni tidher ukoll mid-diskussjonijiet twal li saru matul in-negozjati fuq ċerti aspetti ta’ din l-istess proposta, bħall-organizzazzjoni tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ Europol jew il-protezzjoni tad-data. F’tali kuntest, isir fundamentali li jiġi żgurat nuqqas ta’ żvelar limitat fiż-żmien tar-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi.

44

Huwa jżid li, fir-rigward tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ aġenzija reċentement maħluqa, il-kompożizzjoni u l-kompetenzi tagħha dejjem jagħtu lok għal diskussjonijiet intensivi bejn l-istituzzjonijiet. Bl-istess mod, differenzi kbar jikkaratterizzaw il-pożizzjonijiet inizjali rispettivi tal-istituzzjonijiet fil-qasam ta’ protezzjoni u ta’ pproċessar tad-data miżmuma mill-Europol. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-aspett ċentrali ta’ dawn is-suġġetti matul il-proċedura ta’ trilogu, li huma biss eżempji tal-partijiet tal-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni li kienu, skont il-Parlament, oġġettivament sensittivi, peress li d-deċiżjoni kkontestata, li hija intiża tħares, matul tul ta’ żmien qasir ħafna, l-aspett kunfidenzjali tar-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi, kienet tkun iġġustifikata fid-dawl tal-isforzi tal-istituzzjonijiet sabiex jilħqu kompromess sodisfaċjenti.

45

Il-prinċipju li “ma hemm qbil fuq xejn qabel ma jintlaħaq qbil fuq kollox” huwa għalhekk sempliċi mezz li bih tiġi żgurata l-koerenza interna u esterna tat-test ta’ kompromess finali. L-iżvelar prematur tal-proposti inizjali tal-istituzzjonijiet jikkomprometti sew is-serjetà u l-kredibbiltà tal-proċess leġiżlattiv u tal-koleġiżlaturi stess, li jkollhom jagħtu rendikont dwar test li ma jirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tagħhom f’dan l-istadju.

46

Peress li r-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi tinkludi biss abbozzi provviżorji ta’ test imressqa waqt ix-xogħol tal-imsemmija trilogi u peress li ma hijiex ta’ natura vinkolanti għall-istituzzjonijiet, hija lanqas ma tista’ tiġi kklassifikata bħala dokument preparatorju. Trasparenza sħiħa matul il-proċess leġiżlattiv u, b’mod partikolari, matul it-trilogi, mhux biss tiċħad l-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 mill-għan tagħha, iżda tikkomprometti wkoll l-“għanijiet ta’ governanza tajba u ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili previsti fl-Artikolu 15(1) TFUE”.

47

Il-Parlament josserva, barra minn hekk, li l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura leġiżlattiva prevista fl-Artikolu 294 TFUE jibbenefika mill-protezzjoni tat-Trattat u jista’, wara eżami individwali ta’ kull każ, “jiġġustifika l-invokazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3)” tar-Regolament Nru 1049/2001, li tagħmel ukoll “riferiment għall-funzjonament tajjeb u, għaldaqstant, għall-effettività tal-proċess deċiżjonali”.

48

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu, b’mod partikolari, li d-dikjarazzjoni tar-rikorrent li l-effettività tal-proċess leġiżlattiv bħala tali ma hijiex għan iċċitat jew imsemmi fl-Artikolu 294 TFUE hija manifestament żbaljata.

49

It-tieni nett, il-Parlament, sostnut mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, iqis, fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni differenti minn dik tar-rikorrent tal-istess kuntest ġuridiku u ġurisprudenzjali, li l-kunċetti ta’ “aktar aċċess [aċċess iktar wiesa’]” u, b’mod iktar speċifiku, ta’ “l-akbar aċċess għal dokumenti [aċċess l-iktar wiesa’ possibbli]”, kif previsti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għal “aċċess assolut”. Huwa jsostni li, fir-rigward tat-tabelli tat-trilogi, huwa għandu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, li l-limitu tiegħu huwa ddefinit mill-ipperikolar tal-funzjonament tajjeb tal-proċess leġiżlattiv, kif previst fl-Artikolu 294 TFUE u speċifikat mill-istituzzjonijiet.

50

Barra minn hekk, il-Parlament huwa tal-opinjoni li teżisti, f’dan il-każ, differenza mal-fatti li jikkaratterizzaw il-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe (C‑280/11 P, EU:C:2013:671), li tikkonsisti b’mod partikolari fil-fatt li l-mandati ta’ negozjazzjoni u l-kompożizzjoni tat-tims ta’ negozjazzjoni huma vvutati fil-pubbliku, b’tali mod li l-pożizzjoni tal-istituzzjoni tiġi adottata bi trasparenza sħiħa. Huwa biss fi stadju ulterjuri tal-proċedura, waqt l-iżvolġiment tan-negozjati leġiżlattivi u fl-istabbiliment ta’ bilanċ politiku delikat, li l-Parlament iqis li r-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi għandha tkun temporanjament, għal perijodu ta’ żmien limitat ħafna, protetta minn kull żvelar.

51

It-tielet nett, fin-noti ta’ intervent tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproponew lill-Qorti Ġenerali l-istabbiliment ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tar-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi sakemm il-proċedura ta’ trilogu tkun pendenti. Din il-preżunzjoni hija meħtieġa min-neċessità li tiġi ppreżervata l-integrità tal-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura billi tiġi limitata l-interferenza ta’ terzi u sabiex l-istituzzjonijiet jitqiegħdu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv waħda mis-setgħat mogħtija lilhom mit-Trattati. B’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq, il-Kunsill żied li, indipendentement mis-suġġett trattat u tkun xi tkun il-forma ta’ dawn it-tabelli, għandha tiġi applikata preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tar-raba’ kolonna tal-imsemmija tabelli bl-għan li tiġi ppreżervata l-vijabbiltà ta’ kompromess potenzjali bejn istituzzjonijiet kif ukoll il-klima ta’ fiduċja u ta’ rieda ta’ dawn tal-aħħar sabiex jesploraw il-possibbiltà li jitwettqu konċessjonijiet reċiproċi. Fl-opinjoni tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni anki jekk din ma kinitx imsemmija fl-att ikkontestat, kif jirriżulta mis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 50).

52

B’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq, il-Parlament iddikjara li jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ aċċess għar-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi pendenti kellha tiġi rrikonoxxuta, u dan sabiex tiġi ppreżervata l-effettività tal-proċedura f’dan l-istadju delikat ħafna tan-negozjati interistituzzjonali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

53

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament irrifjuta li jagħti aċċess għar-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni fuq il-bażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li sostna li l-iżvelar tagħha jikkawża preġudizzju reali, speċifiku u gravi lill-proċess deċiżjonali inkwistjoni.

54

Ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata peress li, essenzjalment, il-motivi mqajma insostenn tagħha huma ta’ natura ġenerali u ipotetika u ma jistgħux jistabbilixxu l-eżistenza ta’ riskju ta’ preġudizzju gravi lill-proċess deċiżjonali inkwistjoni.

55

Min-naħa tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jistiednu lill-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar li abbażi tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tirrifjuta l-aċċess għar-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi pendenti. Il-Parlament, mingħajr ma invoka tali preżunzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, madankollu jappoġġja din il-proposta.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis neċessarju li titfakkar, qabelxejn, il-ġurisprudenza relatata mal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, sussegwentement il-karatteristiċi prinċipali tat-trilogi, qabel ma jiġi ddeterminat, konsegwentement, jekk għandhiex tiġi stabbilita jew le l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li abbażi tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tirrifjuta l-aċċess għar-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi pendenti. Fl-aħħar nett, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tikkonkludi dwar l-assenza ta’ tali preżunzjoni, hija teżamina jekk l-iżvelar sħiħ tad-dokumenti inkwistjoni jippreġudikax serjament il-proċess deċiżjonali inkwistjoni fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

– Kunsiderazzjonijiet preliminari

57

Skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jirrifletti r-rieda li tinħoloq unjoni li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar rispett possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u b’mod li kemm jista’ jkun ikun qrib iċ-ċittadini. Kif tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 34, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 27).

58

Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 61; tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 69, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 28).

59

Dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 62). B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar ikun jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 7071; tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 74, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 29).

60

L-eċċezzjonijiet għal dan l-aċċess jinkludu dik imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jgħid li “[a]ċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

61

Peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-iktar aċċess wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 63; tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 36, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 30).

62

Skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument mitlub lilha, hija għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet dwar b’liema mod l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett minn eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li din l-istituzzjoni tinvoka. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku (sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 76; tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 31, u tal-15 ta’ Settembru 2016, Herbert Smith Freehills vs Il-Kunsill, T‑710/14, EU:T:2016:494, punt 33). Is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenzi tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 69, u tas-7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 29 u tal-15 ta’ Settembru 2016, Herbert Smith Freehills vs Il-Kunsill, T‑710/14, EU:T:2016:494, punt 32).

63

Għalhekk, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tippreżupponi li jintwera li l-aċċess għad-dokumenti mitluba seta’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni u li dan ir-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il-Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Skont il-ġurisprudenza, il-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa “gravi” meta, b’mod partikolari, l-iżvelar tad-dokumenti msemmija jkollu impatt sinjifikattiv fuq il-proċess deċiżjonali. L-evalwazzjoni tal-gravità tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari fuq l-effetti negattivi fuq il-proċess deċiżjonali invokati mill-istituzzjoni fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti msemmija (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il‑Kummissjoni, T‑144/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:596, punt 75; tas-7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il-Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 71, u tad-9 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑516/11, EU:T:2014:759, punt 62).

65

Din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi interpretata fis-sens li teżiġi li l-istituzzjonijiet jipproduċu provi intiżi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali riskju. Huwa suffiċjenti, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi elementi tanġibbli li minnhom jista’ jiġi konkluż li r-riskju ta’ preġudizzju għall-proċess deċiżjonali kien, fid-data tal-adozzjoni tagħha, raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku, u li tintwera l-eżistenza, f’tali data, ta’ raġunijiet oġġettivi li abbażi tagħhom jista’ jiġi raġonevolment previst li tali preġudizzju jseħħ fil-każ ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il-Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punti 78 u 79).

66

Madankollu, skont il-ġurisprudenza, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, u dan minħabba li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar li jikkonċernaw dokumenti tal-istess natura (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 50; tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 54 u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 72).

67

F’tali każ, hija madankollu l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tispeċifika l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali li fuqhom tkun qiegħda tibbaża l-preżunzjoni li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti ser jippreġudika wieħed mill-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet inkwistjoni, f’dan il-każ dik prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u dan mingħajr ma tkun meħtieġa twettaq evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76 u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 73).

– Fuq in-natura tat-trilogi

68

Peress li din it-tilwima tirrigwarda l-aċċess għar-raba’ kolonna tat-tabelli stabbiliti fil-kuntest ta’ trilogi pendenti, il-Qorti Ġenerali tqis neċessarju tfakkar il-karatteristiċi essenzjali ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li trilogu jikkonsisti f’laqgħa informali bejn tliet partijiet li fiha jipparteċipaw rappreżentanti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. L-għan ta’ dawn il-kuntatti huwa li jintlaħaq ftehim f’qasir żmien fuq għadd ta’ emendi aċċettabbli għall-Parlament u għall-Kunsill, liema ftehim għandu, konsegwentement, jiġi approvat minn dawn l-istituzzjonijiet skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom. Id-diskussjonijiet leġiżlattivi mwettqa waqt trilogu jistgħu jirrigwardaw kemm kwistjonijiet politiċi kif ukoll kwistjonijiet ġuridiċi tekniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Herbert Smith Freehills vs Il-Kunsill, T‑710/14, EU:T:2016:494, punt 56).

69

Għalhekk, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 TFUE tinvolvi tliet stadji (l-ewwel qari, it-tieni qari u t-tielet qari bil-konċiljazzjoni), iżda din tista’ tingħalaq f’kull wieħed minn dawn l-istadji jekk jintlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill. Minkejja li l-proċedura tista’ tirrikjedi sa tliet istanzi ta’ qari, l-użu miżjud tat-trilogi juri li ħafna drabi jintlaħaq ftehim waqt l-ewwel qari (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Herbert Smith Freehills vs Il‑Kunsill, T‑710/14, EU:T:2016:494, punt 57).

70

Il-laqgħat tat-trilogi jikkostitwixxu għalhekk “prattika stabbilita sew għall-adozzjoni tal-parti l-kbira tat-testi leġiżlattivi” u huma għalhekk ikkunsidrati, mill-Parlament stess, bħala “fażijiet deċiżivi tal-proċess leġiżlattiv” (ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-28 ta’ April 2016 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, punti 22 u 26). Waqt is-seduta, il-Parlament indika li llum bejn 70 u 80 % tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni huma adottati wara trilogu.

71

Għandu jiġi għalhekk irrikonoxxut li l-użu tat-trilogi, matul is-snin, kien utli u flessibbli, sa fejn ikkontribwixxa għall-espansjoni kunsiderevoli tal-possibiltajiet ta’ ftehim fl-istadji differenti tal-proċedura leġiżlattiva.

72

Huwa, barra minn hekk, paċifiku li l-laqgħat tat-trilogi jinżammu fil-magħluq u li l-ftehimiet li jintlaħqu fihom, li huma indikati fir-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi, huma, konsegwentement, adottati, ġeneralment mingħajr emendi sostanzjali, mill-koleġiżlaturi, kif ikkonfermat mill-Parlament fir-risposta tiegħu u waqt is-seduta.

73

Ir-regolament intern tal-Parlament, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għad-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jipprevedi f’dan ir-rigward ċerti regoli li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Parlament fit-trilogi. Dawn ir-regoli jinsabu fl-Artikoli 73 u 74 tal-Kapitolu 6, intitolat “Konklużjoni tal-proċedura leġiżlattiva”, tal-imsemmi regolament u fl-Annessi XIX u XX tiegħu, li juri b’mod ċar li, skont ir-regolament intern tal-Parlament, it-trilogi jifformaw parti, fil-fatt, mill-proċedura leġiżlattiva.

74

Barra minn hekk, mill-punt 27 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament tat-28 ta’ April 2016 (ara l-punt 70 iktar ’il fuq) jirriżulta li d-dokumenti tat-trilogi “huma relatati mal-proċeduri leġiżlattivi [u] ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu ttrattati b’mod differenti mid-dokumenti leġiżlattivi l-oħra”.

75

Għaldaqstant u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill fil-punt 43 tan-nota ta’ intervent tiegħu, għandu jiġi konkluż li t-tabelli tat-trilogi jifformaw parti mill-proċedura leġiżlattiva.

– Fuq l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tar-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi pendenti

76

Issa għandu jiġi ddeterminat jekk, minkejja l-fatt li d-dokumenti inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jifformaw parti mill-proċedura leġiżlattiva, għandhiex tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tar-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi pendenti.

77

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt primarju tal-Unjoni jistabbilixxi relazzjoni ta’ prinċipju stretta bejn il-proċeduri leġiżlattivi u l-prinċipji ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:325, punti 3940). B’mod partikolari, l-Artikolu 15(2) TFUE jgħid li “[i]l-Parlament Ewropew, kif ukoll il-Kunsill meta jkun qiegħed jikkunsidra u jivvota dwar abbozz ta’ att leġislattiv, għandhom jiltaqgħu fil-pubbliku”.

78

Barra minn hekk, hija speċifikament it-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv li, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn opinjonijiet diversi jiġu diskussi fil-miftuħ, tikkontribwixxi sabiex l-istituzzjonijiet jingħataw leġittimità dejjem ikbar f’għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u sabiex tiżdied il-fiduċja tagħhom. Fil-fatt, huwa pjuttost in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ dibattitu li jista’ jqajjem dubji f’moħħ iċ-ċittadini, mhux biss fir-rigward tal-legalità ta’ att iżolat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess deċiżjonali fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 59).

79

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tenfasizza li, fil-kuntest tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-kunċetti ta’ “deċiżjoni” u ta’ “proċess deċiżjonali” tal-istituzzjoni kkonċernata jippreżentaw ruħhom f’ottika partikolari meta din tal-aħħar taġixxi fil-kwalità ta’ leġiżlatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 46 u tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 57).

80

Fil-fatt, għalkemm, bħala regola ġenerali, il-protezzjoni tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku, imfakkra fil-punt 58 iktar ’il fuq, jimplika d-dritt tiegħu li jiġi żvelat lilu l-kontenut kollu tad-dokumenti mitluba, peress li dan id-dritt jista’ jiġi limitat biss permezz tal-applikazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001, dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom, evidentement, rilevanza partikolari ħafna meta dawn id-dokumenti jifformaw parti mill-azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, li tipprovdi li aċċess iktar wiesa’ għad-dokumenti għandu jingħata speċifikament f’tali każ. It-trasparenza f’dan ir-rigward tikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jikkontrollaw l-informazzjoni kollha li kienet ikkostitwixxiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv. Fil-fatt, il-possibbiltà għaċ-ċittadini li jkunu jafu l-bażijiet tal-azzjonijiet leġiżlattivi hija kundizzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 46; tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 33 u tal-15 ta’ Settembru 2016, Herbert Smith Freehills vs Il-Kunsill, T‑710/14, EU:T:2016:494, punt 35).

81

Il-prinċipji ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza huma għalhekk inerenti għall-proċeduri leġiżlattivi tal-Unjoni.

82

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar biss fir-rigward ta’ dokumenti evidentement limitati mill-appartenenza komuni tagħhom għal fajl relatat ma’ proċedura amministrattiva jew ġuridika miftuħa (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 77 u 78), iżda qatt, sal-ġurnata tal-lum, fil-qasam ta’ proċedura leġiżlattiva. Barra minn hekk, anki fil-qasam amministrattiv, il-preżunzjonijiet aċċettati mill-qorti tal-Unjoni huma relatati ma’ proċeduri speċifiċi (ara, fir-rigward tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punti 54 u 55; fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 123, u, fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205), sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 93), filwaqt li x-xogħlijiet tat-trilogi jinkludu, permezz tad-definizzjoni stess, l-attività leġiżlattiva kollha.

83

Fl-aħħar nett, għalkemm il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-effettività u l-integrità tal-proċess leġiżlattiv, kif stabbilit fl-Artikolu 13(1) TUE u fl-Artikolu 294 TFUE, jippermettu lill-istituzzjonijiet li jibbażaw ruħhom fuq preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tar-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi pendenti, għandu jiġi rrilevat li l-ebda wieħed minn dawn l-artikoli ma jistabbilixxi tali preżunzjoni u li ma hemm xejn fil-formulazzjoni tagħhom li jissuġġerixxi l-interpretazzjoni mogħtija mill-istituzzjonijiet intervenjenti, iktar u iktar peress li l-effettività u l-integrità tal-proċess leġiżlattiv ma jistgħux idgħajfu l-prinċipji ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza li huma sottostanti għall-imsemmi proċess.

84

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li ma tista’ tiġi aċċettata l-ebda preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar fir-rigward tar-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi li huma relatati ma’ proċedura leġiżlattiva pendenti.

– Fuq l-eżistenza ta’ preġudizzju gravi għall-proċess deċiżjonali

85

Peress li l-Parlament ma jistax jibbaża r-rifjut ta’ aċċess kontenzjuż fuq preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar, għandu jiġi eżaminat jekk din l-istituzzjoni kkonformatx ruħha mal-obbligu tagħha li tipprovdi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 62 u 63 iktar ’il fuq, spjegazzjonijiet dwar b’liema mod l-aċċess sħiħ għad-dokumenti inkwistjoni jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi r-riskju ta’ tali preġudizzju jrid ikun raġonevolment previdibbli u mhux sempliċement ipotetiku.

86

Qabelxejn, għandu jiġi speċifikat li dan ir-rikors ma għandux l-għan li jiġi rrikonoxxut aċċess dirett għax-xogħlijiet tat-trilogi pendenti fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-uniku għan ta’ din it-tilwima huwa l-aċċess għar-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni, liema aċċess jista’ jingħata biss fuq talba preċiża, imressqa fuq il-bażi tal-imsemmi regolament.

87

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament indika, b’mod partikolari, li t-tabelli inkwistjoni kienu ġew stabbiliti fil-kuntest ta’ trilogi pendenti, fir-rigward ta’ suġġett fejn id-deċiżjoni finali ma kinitx għadha ġiet adottata la minnu u lanqas mill-koleġiżlaturi l-oħra, b’tali mod li l-proċess deċiżjonali kellu jiġi kkunsidrat bħala pendenti. Skont il-Parlament, l-imsemmi proċess ikun, “fil-fatt, speċifikament u serjament” affettwat mill-iżvelar tar-raba’ kolonna tat-tabelli inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li l-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija, li għalih dawn tal-aħħar kienu jagħmlu riferiment, kien sensittiv ħafna, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data u l-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ Europol. Il-Parlament indika wkoll ir-riskju prevedibbli li l-iżvelar tal-pożizzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill qabel it-tmiem tan-negozjati jippreġudika l-kooperazzjoni tajba bejn l-istituzzjonijiet u jaffettwa l-proċess ta’ negozjazzjoni, bil-prospett ta’ telf ta’ fiduċja reċiproka u reviżjoni tal-metodi tax-xogħol, peress li dan ir-riskju seta’ jiġi evitat biss wara li jkun intlaħaq ftehim fuq it-testi kollha. Huwa indika, barra minn hekk, li l-komunikazzjoni tar-raba’ kolonna tat-tabelli inkwistjoni twassal wisq probabbli għal pressjoni pubblika ikbar fuq il-persuni involuti fin-negozjati, li tirrendi l-adozzjoni ta’ linja komuni impossibbli jew, għall-inqas, ħafna iktar diffiċli. Huwa invoka wkoll il-prinċipju “ma hemm qbil fuq xejn qabel ma jintlaħaq qbil fuq kollox” sabiex juri li l-iżvelar ta’ element wieħed biss, anki jekk ma jkunx sensittiv, jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq l-elementi l-oħra tal-fajl. Il-Parlament ikkonkluda minn dan li l-aċċess għar-raba’ kolonna tat-tabelli inkwistjoni fl-intier tagħha kellu jiġi rrifjutat “sakemm it-test miftiehem ma jkunx ġie approvat miż-żewġ partijiet”.

88

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, il-Parlament ibbaża ruħu fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi relatati mal-proċedura leġiżlattiva pendenti li tirrigwarda n-natura sensittiva ħafna tal-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u, b’mod iktar partikolari, tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni kif ukoll tal-kompożizzjoni tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ Europol. Min-naħa l-oħra, il-Parlament ibbaża ruħu wkoll fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali bbażati, essenzjalment, fuq in-natura provviżorja tal-informazzjoni li tinsab fir-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi, il-klima ta’ fiduċja matul id-diskussjonijiet tat-trilogi, ir-riskju ta’ pressjoni esterna li tista’ taffettwa l-iżvolġiment tad-diskussjonijiet pendenti, il-preżervazzjoni tal-ispazju ta’ riflessjoni tiegħu kif ukoll in-natura provviżorja tar-rifjut ta’ aċċess.

89

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunsiderazzjonijiet partikolari relatati mal-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-fatt, invokat fiha, li d-dokumenti inkwistjoni jirrigwardaw il-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex tintwera n-natura partikolarment sensittiva tagħhom. Fil-fatt, is-soluzzjoni kuntrarja jkollha bħala konsegwenza l-esklużjoni ta’ qasam sħiħ tad-dritt tal-Unjoni mir-rekwiżiti ta’ trasparenza tal-proċess leġiżlattiv relattiv.

90

It-tieni nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li l-politika ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni tad-data miżmuma mill-Europol għandha natura partikolarment sensittiva, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti inkwistjoni jirrigwardaw abbozz ta’ regolament, ta’ portata ġenerali, vinkolanti fl-aspetti kollha tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, li jikkonċerna naturalment iċ-ċittadini, iktar u iktar peress li dan jirrigwarda proposta leġiżlattiva li għandha impatt dirett fuq id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari fuq id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 77), li jimplika li ma setax jiġi kkunsidrat sensittiv fid-dawl ta’ kwalunkwe kriterju ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 63).

91

It-tielet nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li d-dibattiti relatati mal-kompożizzjoni tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ Europol huma ta’ natura sensittiva ħafna, għandu jiġi rrilevat li din il-kwistjoni hija iktar ta’ natura istituzzjonali jew organizzazzjonali. Għalkemm tali kwistjoni tista’ tkun delikata, jew saħansitra diffiċli, fid-dawl tal-interessi u tal-kwistjonijiet preżenti, hija ma tistax, għall-kuntrarju, tiġi kkunsidrata bħala partikolarment sensittiva fl-assenza ta’ elementi konkreti li jissostanzjaw tali dikjarazzjoni.

92

Fir-raba’ lok, mill-verżjoni sħiħa tad-dokumenti inkwistjoni, li issa tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Parlament (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), jirriżulta li l-proposti jew il-ftehimiet provviżorji inklużi fir-raba’ kolonna tal-imsemmija dokumenti kienu jirrigwardaw kwistjonijiet astratti u ġenerali mingħajr l-ebda riferiment għal informazzjoni sensittiva relatata, pereżempju, mal-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-kriminalità organizzata jew dwar, fi kwalunkwe mod, data tal-pulizija li tirrigwarda persuni, operazzjonijiet jew proġetti konkreti.

93

Jirriżulta, b’mod partikolari, mid-dokument LIBE-2013-0091-02 li t-testi inklużi fir-raba’ kolonna tiegħu jirriflettu xogħol leġiżlattiv klassiku li jikkonċerna l-organizzazzjoni ta’ aġenzija, f’dan il-każ Europol, id-definizzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali u l-missjonijiet tagħha, il-kompożizzjoni tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tagħha, eċċ. Din il-kolonna tinkludi preskrizzjonijiet ta’ natura ġenerali, b’indikazzjoni tal-emendi fl-abbozzar li ntlaħaq qbil dwarhom, indikazzjonijiet tal-punti li fuqhom id-diskussjoni ġiet posposta jew li ser ikunu s-suġġett ta’ iktar dibattiti, indikati f’ċerti postijiet bil-kelma “idem”, kif ukoll xi kaxxi vojta.

94

Fir-rigward tad-dokument LIBE-2013-0091-03, lanqas mill-qari tar-raba’ kolonna tiegħu ma jirriżulta ebda element sensittiv, iżda numru limitat ta’ preskrizzjonijiet ta’ natura ġenerali kif ukoll diversi indikazzjonijiet bħal-“il-Parlament huwa mistieden jeżamina din l-emenda mill-ġdid”, “dawn l-emendi tal-Parlament jistgħu jiġu kkunsidrati” jew inkella “l-emenda tal-Parlament tista’ eventwalment tiġi riflessa fi premessa”, kif ukoll diversi kaxxi vojta.

95

Barra minn hekk, l-informazzjoni inkluża fir-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni ma tidhirx li hija, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, iktar intrinsikament “sensittiva” minn dik inkluża fl-ewwel tliet kolonni li għalihom ingħata l-aċċess ir-rikorrent fid-deċiżjoni kkontestata.

96

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi proċedura speċjali fl-Artikolu 9 tiegħu meta d-dokument li tiegħu jiġi mitlub l-aċċess jista’ jiġi ddefinit bħala “dokument sensittiv” (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 78), liema proċedura ma ġietx madankollu applikata mill-Parlament f’dan il-każ.

97

Konsegwentement, għalkemm jagħmlu riferiment għal suġġetti ta’ ċertu importanza, ikkaratterizzati, ċertament, mid-diffikultà tagħhom kemm politika kif ukoll ġuridika, il-kontenut tar-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni ma jidhirx li huwa ta’ natura partikolarment sensittiva fis-sens li interess fundamentali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri jiddaħħal inkwistjoni fil-każ ta’ żvelar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 78).

98

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali indikati fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li l-aċċess, matul it-trilogu, għar-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni jżid il-pressjoni pubblika fuq ir-relatur, ir-relaturi fittizji u l-gruppi politiċi, f’sistema bbażata fuq il-prinċipju ta’ leġittimità demokratika, il-koleġiżlaturi għandhom iwieġbu għall-atti tagħhom fil-konfront tal-pubbliku. L-eżerċizzju miċ-ċittadini tad-drittijiet demokratiċi tagħhom, jippreżupponi l-possibbiltà tagħhom li jsegwu fid-dettall il-proċess deċiżjonali fi ħdan l-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fil-proċeduri leġiżlattivi u li jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 69). Barra minn hekk, l-Artikolu 10(3) TUE jgħid li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadini. Għalhekk, l-espressjoni tal-opinjoni pubblika fir-rigward ta’ tali jew tali proposta jew ftehim leġiżlattiv provviżorju miftiehem fil-kuntest ta’ trilogu u inkluż fir-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi tifforma parti integrali mill-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini tal-Unjoni, iktar u iktar peress li, kif irrilevat fil-punt 72 iktar ’il fuq, l-imsemmija ftehimiet huma ġeneralment, sussegwentement, adottati mill-koleġiżlaturi mingħajr emendi sostanzjali.

99

Għalkemm il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li r-riskju ta’ pressjoni esterna jista’ jikkostitwixxi raġuni leġittima sabiex l-aċċess għad-dokumenti marbuta mal-proċess deċiżjonali jiġi ristrett, huwa madankollu neċessarju li r-realtà ta’ tali pressjoni esterna tiġi stabbilita b’ċertezza, u li jiġu prodotti provi li juru li jeżisti r-riskju li d-deċiżjoni li għandha tittieħed tiġi affettwata b’mod sostanzjali huwa raġonevolment prevedibbli minħabba dik il-pressjoni esterna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il-Kummissjoni, T‑144/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:596, punt 86). Issa, l-ebda element tanġibbli tal-fajl ma jippermetti li jiġi stabbilit, fil-każ ta’ żvelar tar-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni, ir-realtà ta’ tali pressjoni esterna. Għaldaqstant, ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali li jissuġġerixxi li, fir-rigward tal-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni, il-Parlament seta’ raġonevolment jistenna reazzjoni ikbar minn dik li tista’ tiġi mistennija b’mod raġonevoli mill-pubbliku minn kwalunkwe membru ta’ korp leġiżlattiv li jippreżenta emenda għal abbozz ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 74).

100

It-tieni nett, fir-rigward tan-natura provviżorja tal-informazzjoni inkluża fir-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi, fis-sens li l-kontenut tagħha jista’ jiġi żviluppat fuq bażi kontinwa tul il-progress tax-xogħlijiet ta’ dawn tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat li n-natura preliminari ta’ din l-informazzjoni ma tippermettix li tiġi ġġustifikata, bħala tali, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni abbażi tal-istat ta’ progress tad-diskussjonijiet. Din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod ġenerali d-dokumenti li jirrigwardaw kwistjoni “fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx” mill-istituzzjoni kkonċernata, għall-kuntrarju tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi l-każ fejn l-istituzzjoni kkonċernata tkun ħadet deciżjoni. F’dan il-każ, in-natura preliminari tad-diskussjonijiet pendenti, bħall-fatt li dawn il-proposti għadhom ma kinux is-suġġett ta’ ftehim jew ta’ kompromess ma jippermettux għaldaqstant li jiġi kkaratterizzat preġudizzju gravi lill-proċess deċiżjonali (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 76).

101

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li d-dokumenti inkwistjoni jkunu ġew imħejjija jew irċevuti fi stadju prekoċi, avvanzat jew finali tal-proċess deċiżjonali. Bl-istess mod, il-fatt li dan seħħ f’kuntest formali jew informali huwa irrilevanti għall-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Herbert Smith Freehills vs Il-Kunsill, T‑710/14, EU:T:2016:494, punt 48).

102

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tirrileva li proposta hija, min-natura tagħha stess, magħmula sabiex tiġi diskussa u ma hijiex intiża titħalla kif inhi wara din id-diskussjoni. L-opinjoni pubblika għandha l-kapaċitajiet kollha sabiex tifhem li l-awtur ta’ proposta jista’ jemenda l-kontenut tagħha iktar tard (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 69). Preċiżament għall-istess raġunijiet, l-awtur ta’ talba għal aċċess għal dokumenti ta’ trilogu pendenti jkun konxju sew min-natura provviżorja ta’ din l-informazzjoni. Bl-istess mod, huwa jkun kapaċi jifhem perfettament li, skont il-prinċipju li “ma hemm qbil fuq xejn qabel ma jintlaħaq qbil fuq kollox”, l-informazzjoni inkluża fir-raba’ kolonna tista’ tinbidel matul il-proċess kollu tad-diskussjonijiet tat-trilogi sakemm jintlaħaq ftehim fuq it-test kollu.

103

It-tielet nett, fir-rigward tal-motiv relatat mal-possibbiltà ta’ telf ta’ fiduċja bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-deterjorazzjoni probabbli tal-kooperazzjoni bejniethom u, b’mod individwali, mal-Presidenza tal-Kunsill, għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom josservaw it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE li tgħid li “[l]-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali” (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 64). Din il-kooperazzjoni għandha importanza partikolari għall-attività leġiżlattiva tal-Unjoni, li teżiġi proċess ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati. Għalhekk, meta l-implementazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva tal-Unjoni hija fdata lil diversi istituzzjonijiet, dawn għandhom, skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali msemmi wkoll fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, jaġixxu u jikkooperaw b’tali mod li l-imsemmija proċedura tkun tista’ tiġi applikata b’mod effettiv, li jimplika li kwalunkwe deterjorazzjoni tal-fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-istituzzjonijiet tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq tal-imsemmi obbligu.

104

Issa, għandu jiġi osservat li, minn naħa, huwa preċiżament bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li, f’dan il-każ, il-Parlament ikkonsulta, kif huwa indika waqt is-seduta, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda li, min-naħa l-oħra, insostenn tad-dikjarazzjoni tal-prinċipju mfakkar fil-punt 103 iktar ’il fuq, il-Parlament ma pproduċa l-ebda element tanġibbli, li jimplika li r-riskju allegat kien ipotetiku fl-assenza ta’ kwalunkwe element konkret li jista’ juri li, fir-rigward tal-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni, l-aċċess għar-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni jippreġudika l-kooperazzjoni leali li għandu jkun hemm bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati. Minbarra dan, sa fejn l-istituzzjonijiet, fil-kuntest tat-trilogi, jindikaw il-pożizzjoni rispettiva tagħhom fuq proposta leġiżlattiva partikolari u fuq l-evoluzzjoni li huma jaċċettaw li jkollha, il-fatt li dawn l-elementi sussegwentement ikunu, fuq talba, ikkomunikati ma jistax, fih innifsu, jostakola l-kooperazzjoni leali li l-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom skont l-Artikolu 13 TUE.

105

Ir-raba’ nett, fir-rigward tan-neċessità, imsemmija mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din it-tilwima, li jkollhom spazju ta’ riflessjoni (space to think), għandu jiġi enfasizzat li t-trilogi jifformaw parti mill-proċedura leġiżlattiva, kif ġie rrilevat fil-punt 75 iktar ’il fuq, u li dawn tal-aħħar jirrappreżentaw, skont il-proposti tal-Parlament stess “fażi sostanzjali tal-proċedura leġiżlattiva, u mhux ‘spazju għall-ħsieb’ separat” (riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, punt 29).

106

Barra minn hekk, kif indika l-Parlament waqt is-seduta, qabel l-inklużjoni ta’ testi ta’ kompromess fir-raba’ kolonna tat-tabelli tat-trilogi, diskussjonijiet għal dan il-għan jistgħu jitwettqu waqt laqgħat intiżi għat-tħejjija tal-imsemmija testi bejn id-differenti atturi, b’tali mod li l-possibbiltà ta’ skambju liberu ma titqegħidx f’dubju, iktar u iktar peress li, kif irrilevat fil-punt 86, din it-tilwima ma tikkonċernax il-kwistjoni tal-aċċess dirett għax-xogħlijiet tat-trilogi, iżda tikkonċerna biss dik tal-aċċess għad-dokumenti mħejjija fil-kuntest tagħhom wara talba għal aċċess.

107

Il-ħames nett, f’dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat fuq in-natura provviżorja tar-rifjut, minħabba l-fatt li, wara l-konklużjoni tax-xogħlijiet tat-trilogi, jista’ jingħata, skont il-każ, l-aċċess sħiħ għat-tabelli tat-trilogi, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li x-xogħlijiet tat-trilogi jistgħu jestendu fuq tul ta’ żmien sinjifikattiv. Ir-rikorrent għalhekk indika waqt is-seduta, mingħajr ma kien kontradett, li t-tul tagħhom kien bejn seba’ u tnax-il xahar. Dan jista’ jkun għalhekk tul ta’ żmien sinjifikattiv li matulu x-xogħlijiet tat-trilogi jibqgħu sigrieti fil-konfront tal-pubbliku. Barra minn hekk, it-tul ta’ dawn ix-xogħlijiet jibqa’ ma jistax jiġi ddeterminat sa fejn dan ivarja skont kull proċedura leġiżlattiva.

108

Sussegwentement, ir-rendikonti li t-tim ta’ negozjati tal-Parlament li jipparteċipaw għat-trilogi għandu jistabbilixxi waqt il-laqgħa sussegwenti tal-kumitat parlamentari responsabbli, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(4) tar-regolament intern tal-Parlament, ma jservux ta’ rimedju għan-nuqqas ta’ trasparenza tax-xogħlijiet tat-trilogi matul dan it-tul ta’ żmien. Fil-fatt, b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Parlament spjega li dawn ir-rendikonti kienu kkaratterizzati minn “flessibbiltà kbira fil-forma tagħhom” u li “ma kien[et] teżisti l-ebda prattika uniformi f’dak li jirrigwarda l-forma u l-pubbliċità tar-rendikonti bejn id-differenti kumitati parlamentari”. L-imsemmija rendikonti jistgħu għalhekk jieħdu l-forma ta’ komunikazzjoni tal-president tal-kumitat ikkonċernat jew tar-relatur, indirizzata lill-membri kollha tiegħu jew sempliċement fil-laqgħa tal-koordinaturi, li normalment titwettaq bil-magħluq, jew komunikazzjoni verbali, jew anki informazzjoni fil-qosor fil-bullettini ta’ informazzjoni tal-imsemmi kumitat. L-assenza ta’ rendikonti ddettaljati u uniformi kif ukoll il-pubbliċità varjabbli tagħhom ma joffrux għalhekk rimedju għan-nuqqas ta’ trasparenza tax-xogħlijiet tat-trilogi pendenti.

109

Fl-aħħar nett, kif ġie rrilevat fil-punt 70 iktar ’il fuq, ix-xogħlijiet tat-trilogi jikkostitwixxu fażi deċiżiva fil-proċedura leġiżlattiva, sa fejn il-ftehim milħuq fit-tmiem tagħhom huwa intiż li jiġi adottat, fil-maġġor parti mingħajr emendi sostanzjali, mill-koleġiżlaturi (ara l-punt 72 iktar ’il fuq). Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rifjut ta’ aċċess kontenzjuż ma jistax ikun validament iġġustifikat minħabba n-natura provviżorja tiegħu, mingħajr lok għal eċċezzjoni u mingħajr distinzjoni. Fil-fatt, tali ġustifikazzjoni globali, li tista’ tiġi applikata għat-trilogi kollha, tipproduċi de facto l-istess effetti bħal preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar, li l-invokazzjoni tagħha ġiet madankollu miċħuda (ara l-punti 76 sa 84 iktar ’il fuq).

110

Il-Qorti Ġenerali tosserva, barra minn hekk, li fir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lilu stess sabiex “jiżguraw trasparenza ikbar tat-trilogi informali, billi jorganizzaw il-laqgħat fil-pubbliku, jippubblikaw id-dokumentazzjoni inklużi l-kalendarji, l-aġendi, il-minuti, id-dokumenti eżaminati, l-emendi, id-deċiżjonijiet meħuda, l-informazzjoni dwar id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri u l-pożizzjonijiet u l-minuti tagħhom, f’ambjent standardizzat u aċċessibbli faċilment fuq l-internet, awtomatikament u mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001”.

111

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ebda wieħed mill-motivi invokati mill-Parlament, meħud individwalment jew kollettivament, ma juri li l-aċċess sħiħ għad-dokumenti inkwistjoni seta’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv, b’mod raġonevolment previdibbli u mhux sempliċement ipotetiku, il-proċess deċiżjonali inkwistjoni, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

112

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li d-dikjarazzjoni tar-rikorrent li l-Parlament ma għandu l-ebda setgħa diskrezzjonali sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mħejjija fil-kuntest tat-trilogi pendenti ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, din l-ipoteżi twassal sabiex iċċaħħad lill-istituzzjonijiet mill-possibbiltà li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi fuq il-bażi tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li din ma teskludix il-proċess leġiżlattiv mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal ċerti dokumenti ta’ natura leġiżlattiva f’każijiet debitament iġġustifikati, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

113

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Parlament kiser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi rrifjuta, fid-deċiżjoni kkontestata, li jiżvela, matul il-proċedura, ir-raba’ kolonna tad-dokumenti inkwistjoni minħabba li minn dan jirriżulta preġudizzju gravi għall-proċess deċiżjonali tiegħu.

114

Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma hemm lok li tiġi eżaminata la l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni u lanqas it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punt 85).

Fuq l-ispejjeż

115

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament tilef il-kawża, huwa għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu u dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

116

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti għall-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż relattivi tagħhom. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ibatu għalhekk l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni A(2015) 4931 tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2015 hija annullata sa fejn din tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess sħiħ lil Emilio De Capitani għad-dokumenti LIBE-2013-0091-02 u LIBE-2013-0091-03.

 

2)

Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn E. De Capitani.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Van der Woude

Tomljenović

Bieliūnas

Marcoulli

Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Marzu 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.