SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

10 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur ta’ prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen – Deċiżjoni li tikkonstata sitt okkorrenzi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Manipulazzjoni tar-rati ta’ riferiment interbankarji JPY LIBOR u Euroyen TIBOR – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni bis-suġġett – Parteċipazzjoni ta’ broker fil-ksur – Proċedura ‘ibrida’ ta’ tranżazzjoni – Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Multi – Ammont bażiku – Adattament eċċezzjonali – Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T-180/15,

Icap plc, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

Icap Management Services Ltd, stabbilita f’Londra,

Icap New Zealand Ltd, stabbilita f’Wellington (New Zealand),

irrappreżentati minn C. Riis-Madsen u S. Frank, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka, B. Mongin u J. Norris-Usher, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 432 finali, tal-4 ta’ Frar 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39861 – Prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen), u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti fl-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn M. Prek (Relatur), President, E. Buttigieg, F. Schalin, B. Berke u J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-10 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Icap plc, Icap Management Services Ltd u Icap New Zealand Ltd, jagħmlu parti minn impriża ta’ servizzi ta’ brokerage permezz ta’ netwerks vokali u elettroniċi li hija wkoll fornitur ta’ servizzi ta’ wara n-negozju (iktar ’il quddiem “Icap”).

2

Bid-Deċiżjoni C(2015) 432 finali tagħha, tal-4 ta’ Frar 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39861 – Prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li Icap kienet ipparteċipat fit-twettiq ta’ sitt okkorrenzi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE dwar il-manipulazzjoni tar-rati ta’ riferiment interbankarji London Interbank Offered Rate (LIBOR, rata interbankarja pprattikata f’Londra) u Tokyo Interbank Offered Rate (TIBOR, rata interbankarja pprattikata f’Tokyo) fis-suq ta’ prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż, li kienu kkonstatati qabel bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8602 finali, tal-4 ta’ Diċembru 2013, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39861 – Prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2013”).

3

Fis-17 ta’ Diċembru 2010, UBS AG u UBS Securities Japan (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien “UBS”) ressqu applikazzjoni sabiex jingħataw marker skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Kooperazzjoni”), filwaqt li informawha bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż.

4

Fl-24 ta’ April 2011, fit-18 ta’ Novembru 2011, fit-28 ta’ Settembru 2012 u fit-3 ta’ Diċembru 2012, Citigroup Inc. u Citigroup Global Markets Japan Inc. (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Citi”), Deutsche Bank Aktiengesellschaft (iktar ’il quddiem “DB”), R. P. Martin Holdings u Martin Brokers (UK) Ltd kif ukoll The Royal Bank of Scotland (iktar ’il quddiem “RBS”) rispettivament ressqu applikazzjonijiet skont l-Avviż dwar il-Kooperazzjoni (premessi 47 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-29 ta’ Ġunju 2011 u fit-12 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni tat lil UBS u lil Citi immunità kkundizzjonata skont il-paragrafu 8(b) tal-imsemmi avviż (premessi 45 u 47 tal-imsemmija deċiżjoni).

5

Fit-12 ta’ Frar 2013, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ ksur kontra UBS, RBS, DB, Citi, R. P. Martin Holdings u Martin Brokers (UK) kif ukoll JP Morgan Chase & Co., JP Morgan Chase Bank, National Association u J. P. Morgan Europe Ltd (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

6

Fid-29 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

7

Skont il-proċedura ta’ tranżazzjoni msemmija fl-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu [101 TFUE] sa [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008, tat-30 ta’ Ġunju 2008 (ĠU 2008, L 171, p. 3), il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-2013, li permezz tagħha hija kkonkludiet li l-kumpanniji msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq kienu kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 ŻEE, sa fejn ipparteċipaw f’akkordji jew prattiki miftiehma intiżi sabiex jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen.

A.   Il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata

8

Fid-29 ta’ Ottubru 2013, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ ksur kontra r-rikorrenti (premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

9

Fil-31 ta’ Ottubru 2013, inżammet laqgħa intiża sabiex twassal għal tranżazzjoni fis-sens tal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 773/2004, li matulha l-Kummissjoni ppreżentat lir-rikorrenti l-oġġezzjonijiet li hija kienet tipprevedi li ssostni kontra Icap kif ukoll il-provi prinċipali fil-pussess tagħha li jsostnuhom (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

10

Fit-12 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jagħżlux proċedura ta’ tranżazzjoni (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

11

Fis-6 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dawn tal-aħħar irrispondew fl-14 ta’ Awwissu 2014 kif ukoll waqt is-seduta li nżammet fit-12 ta’ Settembru 2014 (premessi 58 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata).

12

Fl-4 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, fejn ikkritikat lil Icap li “ffaċilitat” sitt okkorrenzi ta’ ksur u imponiet fuqha sitt multi f’ammont totali ta’ EUR 14960000.

B.   Id-deċiżjoni kkontestata

1.   Il-prodotti inkwistjoni

13

Il-ksur inkwistjoni jirrigwarda prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen indiċjati fil-JPY LIBOR jew fl-Euroyen TIBOR. Il-JPY LIBOR hija ġabra ta’ rati ta’ interessi ta’ riferiment applikata f’Londra (ir-Renju Unit) li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienet stabbilita u ppubblikata mill-British Bankers Association (BBA, assoċjazzjoni ta’ bankiera Brittaniċi) u użata minn diversi prodotti finanzjarji ddenominati fil-yen Ġappuniż. Din hija kkalkolata fuq il-bażi ta’ offerti ta’ prezzijiet ippreżentati kuljum minn penil ta’ banek membri tal-imsemmija assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem il-“penil JPY LIBOR”). L-imsemmija offerti jippermettu li tiġi stabbilita r-rata “medja” li minnha kull bank, membru tal-imsemmi penil, jista’ jissellef fondi billi jitlob u jaċċetta offerti interbankarji ta’ volum raġonevoli. Fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-imsemmija banek u bl-esklużjoni tal-ogħla erba’ referenzi u l-erba’ referenzi l-inqas għolja, il-BBA tistabbilixxi b’dan il-mod ir-rati ta’ kuljum tal-JPY LIBOR. L-Euroyen TIBOR hija ġabra ta’ rati ta’ interessi ta’ riferiment applikata f’Tokyo (il-Ġappun) li taqdi funzjoni ekwivalenti, iżda hija kkalkolata mill-Japanese Banker Association (JBA, assoċjazzjoni ta’ bankiera Ġappuniżi) fuq il-bażi ta’ offerti minn penil tal-membri tal-imsemmija assoċjazzjoni u bl-esklużjoni tal-ogħla żewġ referenzi u ż-żewġ referenzi l-inqas għolja. Il-Kummissjoni kkonstatat li r-rati tal-JPY LIBOR u tal-Euroyen TIBOR jikkostitwixxu komponent tal-prezzijiet tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen. Dawn jistgħu jaffettwaw il-livell ta’ flus li bank ikollu jħallas jew jirċievi mal-iskadenza tat-terminu tal-kontraparti tiegħu jew fl-intervalli speċifiċi. L-iktar prodotti dderivati frekwenti huma l-kuntratti ta’ garanzija tar-rata, l-iswaps tar-rati tal-interessi, l-għażliet ta’ rata ta’ interessi u l-kuntratti b’terminu ta’ rata ta’ interessi (ara l-premessi 9 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.   L-aġir ikkritikat ta’ Icap

14

L-aġir ikkritikat ta’ Icap jikkonsisti fil-“faċilitazzjoni” ta’ sitt okkorrenzi ta’ ksur, jiġifieri:

il-“ksur UBS/RBS tal-2007”, bejn l-14 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Novembru 2007;

il-“ksur UBS/RBS tal-2008”, bejn it-28 ta’ Awwissu u t-3 ta’ Novembru 2008;

il-“ksur UBS/DB”, bejn it-22 ta’ Mejju u l-10 ta’ Awwissu 2009;

il-“ksur Citi/RBS”, bejn it-3 ta’ Marzu u t-22 ta’ Ġunju 2010;

il-“ksur Citi/DB”, bejn is-7 ta’ April u s-7 ta’ Ġunju 2010;

il-“ksur Citi/UBS”, bejn it-28 ta’ April u t-2 ta’ Ġunju 2010.

15

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod partikolari, li Icap kienet attiva bħala broker fis-suq tad-depożiti ta’ flus fil-yen Ġappuniż, bl-intervent tal-uffiċċju tagħha “Cash/Money Market desk”, ibbażat f’Londra. Fil-kuntest ta’ din l-attività, hija tipprovdi stimi lill-atturi tal-imsemmi suq kemm dwar il-volumi disponibbli kif ukoll dwar il-prezzijiet, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-konklużjoni ta’ akkordji bejn dawn l-atturi. Fir-rigward senjatament tal-istimi pprovduti minn Icap lill-imsemmija atturi, il-Kummissjoni rrilevat, essenzjalment, li dawn kienu jinkludu stimi dwar ir-rati tal-JPY LIBOR tal-jum, fil-forma ta’ rendikont mibgħut lil stabbilimenti finanzjarji, fosthom ċerti membri tal-penil JPY LIBOR. Hija qieset l-imsemmi rendikont bħala li għandu influwenza sinjifikattiva fuq l-aġir tal-banek meta jiġu biex joħorġu l-offerti ta’ rati tagħhom (premessi 98 sa 101 tad-deċiżjoni kkontestata).

16

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni rrilevat li Icap kienet ukoll broker fis-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż, b’dan ir-rwol eżerċitat minn uffiċċju partikolari. Hija qieset li xi wħud mill-operaturi li joperaw fi ħdan dan l-uffiċċju, minbarra tranżazzjonijiet leġittimi ma’ H., operatur ta’ UBS sussegwentement ta’ Citi, ipprovaw, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, jaffettwaw ir-rati tal-JPY LIBOR permezz ta’ emenda tar-rendikont inkwistjoni jew bl-użu tal-kuntatti ta’ Icap ma’ ċerti banek tal-penil JPY LIBOR (premessi 102 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

17

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qieset li dan wassal lil Icap sabiex tiffaċilita li jsiru is-sitt okkorrenzi ta’ ksur ikkonstatati fid-Deċiżjoni tal-2013 (premessi 165 sa 171 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ksur UBS/RBS tal-2007, UBS/RBS tal-2008 u UBS/DB, hija rrilevat li operatur ta’ UBS kien uża s-servizzi ta’ Icap sabiex jinfluwenza l-offerti ta’ ċerti banek membri tal-penil JPY LIBOR li ma pparteċipawx f’dawn it-tliet akkordji. F’dan ir-rigward, hija kkritikat lil Icap li użat il-kuntatti tagħha mal-banek membri tal-imsemmi penil fis-sens imfittex minn UBS u li xerrdet informazzjoni żbaljata relatata mar-rati futuri tal-JPY LIBOR [premessa 77(a) u (b) u l-premessi 106 sa 141 tal-imsemmija deċiżjoni]. Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ksur Citi/UBS u Citi/DB, hija kkonstatat li operatur ta’ Citi kien uża s-servizzi ta’ Icap sabiex jinfluwenza l-offerti ta’ ċerti banek membri ta’ dan il-penil li ma pparteċipawx f’dawn iż-żewġ akkordji. F’dan il-kuntest, hija kkritikat ukoll lil Icap li użat il-kuntatti tagħha mal-banek membri tal-istess penil u li xerrdet informazzjoni żbaljata [premessa 83(a) u (b) u l-premessi 154 sa 164 ta’ din id-deċiżjoni]. Fir-rigward, it-tielet nett, tal-ksur Citi/RBS, hija kkritikat lil Icap li serviet bħala mezz ta’ komunikazzjoni bejn operatur ta’ Citi u operatur ta’ RBS sabiex tiffaċilita r-realizzazzjoni tiegħu (premessi 84 u 142 sa 153 tal-istess deċiżjoni).

3.   Il-kalkolu tal-multa

18

Il-Kummissjoni fakkret b’mod preliminari li, skont il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi Imposti Skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2006”), l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-kuntest li fih twettaq il-ksur kif ukoll, b’mod partikolari, fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur u li r-rwol ta’ kull wieħed mill-parteċipanti għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni individwali li tirrifletti ċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jista’ jkun hemm (premessa 284 tad-deċiżjoni kkontestata).

19

Il-Kummissjoni osservat li l-Linji Gwida tal-2006 pprovdew biss ftit gwida dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multa għall-faċilitaturi. Ladarba Icap kienet operatur attiv fis-swieq tas-servizzi ta’ brokerage, u mhux f’dak tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi, hija qieset li ma setgħetx tissostitwixxi l-ispejjeż tal-prezzijiet tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi fil-yen Ġappuniż b’dawk tal-brokerage, sabiex tistabbilixxi d-dħul mill-bejgħ u tiffissa l-ammont tal-multa, peress li tali sostituzzjoni ma tirriflettix il-gravità u n-natura tal-ksur. Minn dan hija ddeduċiet, essenzjalment, li kien jeħtieġ li jiġi applikat il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida tal‑2006, li jippermetti li dawn il-linji gwida jiġu injorati fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa (premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata).

20

Fid-dawl tal-gravità tal-aġir inkwistjoni u tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Icap f’kull waħda mis-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni ffissat, għal kull ksur, ammont bażiku tal-multa, jiġifieri EUR 1040000 għall-ksur UBS/RBS tal‑2007, EUR 1950000 għall-ksur UBS/RBS tal-2008, EUR 8170000 għall-ksur UBS/DB, EUR 1930000 għall-ksur Citi/RBS, EUR 1150000 għall-ksur Citi/DB u EUR 720000 għall-ksur Citi/UBS (premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata).

21

Fir-rigward tal-iffissar tal-ammont definittiv tal-multa, il-Kummissjoni ma sabet li kien hemm ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti u ħadet nota tal-fatt li l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali ma kienx inqabeż (premessa 299 tad-deċiżjoni kkontestata). L-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata timponi, għalhekk, fuq ir-rikorrenti multi li l-ammont definittiv tagħhom huwa ekwivalenti għal dak tal-ammont bażiku tagħhom.

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru fl-14 ta’ April 2015, ir-rikorrenti ressqu din l-azzjoni.

23

Fil-15 ta’ Frar 2016, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), fuq il-bażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, imsemmija fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lir-rikorrenti jwieġbu għal mistoqsija relatata mat-tieni motiv tagħhom, wara li ngħatat is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (C-194/14 P, EU:C:2015:717).

24

Fid-29 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti wieġbu għall-mistoqsija li saret mill-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrinunzjaw għal parti mit-tieni motiv tagħhom.

25

Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

26

Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

27

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbet lill-Kummissjoni tipproduċi l-applikazzjonijiet għal tranżazzjoni mressqa minn UBS fir-rigward tal-ksur UBS/RBS tal-2007 u tal-ksur UBS/RBS tal-2008.

28

Fit-30 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni rrifjutat li tottempora ruħha mat-talba ta’ produzzjoni ta’ dokumenti. B’digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipprovdilha dawn iż-żewġ dokumenti. Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura tar-Regoli tal-Proċedura u sabiex jirrikonċilja, minn naħa, il-prinċipju ta’ kontradittorju u, min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi tal-proċedura ta’ tranżazzjoni, id-digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016 illimita l-konsultazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dokumenti biss għar-rappreżentanti tal-partijiet fir-Reġistru, mingħajr ma jistgħu jsiru kopji tagħhom. Fis-7 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ottemporat ruħha mal-miżura istruttorja.

29

Fit-8 u fid-9 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni wieġbu, rispettivament, għall-mistoqsijiet li saru mill-Qorti Ġenerali. Fil-31 ta’ Diċembru 2016 u fil-5 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw, rispettivament, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-tweġibiet ippreżentati mill-parti l-oħra.

30

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2017.

31

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla kompletament jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multi imposti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża u spejjeż oħra sostnuti fil-kuntest ta’ din it-tilwima;

tordna kull miżura li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa.

32

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.   Fuq l-ammissibbiltà ta’ dokument u kap tat-talbiet

33

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrenti kif ukoll l-ammissibbiltà ta’ ittra mibgħuta lill-Qorti Ġenerali.

1.   Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrenti

34

Bir-raba’ kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali “tordna kull miżura li [hija] tqis xierqa”.

35

Sa fejn tali kap tat-talbiet għandu jiġi interpretat bħala talba sabiex il-Qorti Ġenerali tagħmel ordnijiet lill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni Ewropea li tagħmel ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew li tissostitwixxihom fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita. Hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi eżegwita sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Omnis Group vs Il-Kummissjoni, T-74/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:283, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Ir-raba’ kap tat-talbiet, sa fejn dan jinkludi talba għal ordni, għandu, għaldaqstant, jiġi ddikjarat inammissibbli.

2.   Fuq il-kontestazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ ittra tar-rikorrenti

37

Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni li ittra tar-rikorrenti mibgħuta lill-Qorti Ġenerali u li tagħha ntbagħtet kopja lilhom direttament mir-rikorrenti għandha tiġi ddikjarata inammissibbli peress li din ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura.

38

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi enfasizzat li, b’deċiżjoni datata t-2 ta’ Marzu 2016, ġie deċiż li din l-ittra ma tiddaħħalx fil-proċess. Il-kontestazzjoni ta’ ammissibbiltà tal-Kummissjoni hija, għalhekk, nieqsa mis-suġġett.

B.   Fuq it-talbiet għal annullament

39

Insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jressqu sitt motivi. L-ewwel erba’ motivi, li jirrigwardaw rispettivament, l-ewwel wieħed, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni “bħala għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, it-tieni wieħed, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “faċilitazzjoni” għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, it-tielet wieħed, it-tul tas-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni u, ir-raba’ wieħed, ksur tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ amministrazzjoni tajba, jikkonċernaw il-legalità tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, relatat mal-eżistenza tal-imsemmija okkorrenzi ta’ ksur. Il-ħames u s-sitt motiv, relatati, rispettivament, mad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi u mal-ksur tal-prinċipju ne bis in idem, jikkonċernaw il-legalità tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, relatat mal-multi imposti mill-Kummissjoni għal kull ksur.

1.   Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni “bħala għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE

40

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan applikata għall-aġir inkriminat mill-Kummissjoni, sa fejn dan ma jistax ikollu effett fuq il-kompetizzjoni, u minn dan jiddeduċu li Icap ma tistax tinżamm responsabbli għall-“faċilitazzjoni” ta’ kwalunkwe ksur.

41

Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

42

Sa fejn il-kwistjoni tirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan applikata mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, sabiex jaqgħu taħt il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma għandu jkollhom “bħala għan jew riżultat tagħhom” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

43

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jiżvelaw grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni sabiex jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C-67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 49, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 113; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C-32/11, EU:C:2013:160, punt 34).

44

Fil-fatt, ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-andament normali tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 50, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 114; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C-32/11, EU:C:2013:160, punt 35).

45

B’hekk, huwa preżunt li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet permezz ta’ kartelli, jista’ jitqies bħala li tant jista’ jkollu effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità jew il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jintwera li dan għandu effetti konkreti fuq is-suq. Fil-fatt, l-esperjenza turi li tali aġir jinvolvi tnaqqis fil-produzzjoni u żidiet fil-prezzijiet, u jwassal għal allokazzjoni ħażina tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C-67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 115).

46

Fil-każ li l-analiżi ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma turix grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, ikun meħtieġ, mill-banda l-oħra, li jiġu eżaminati l-effetti u, sabiex dan jiġi pprojbit, li jiġu ssodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li kien hemm, fil-fatt, prevenzjoni jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sostanzjali (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C-32/11, EU:C:2013:160, punt 34; tal-11 ta’ Settembru 2014, ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CB vs Il-Kummissjoni, C-67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 52, tad-19 ta’ Marzu 2015, kif ukoll Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 116).

47

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ ħsara sabiex jitqies li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni “bħala għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, wieħed għandu jiffoka fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, fuq l-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fl-ambitu tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-beni jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew swieq inkwistjoni (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C-67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 117; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C-32/11, EU:C:2013:160, punt 36).

48

Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju għad-determinazzjoni tan-natura restrittiva ta’ ftehim bejn impriżi, xejn ma jżomm lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli jieħduha inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C-32/11, EU:C:2013:160, punt 37; tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C-67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 54, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 118).

49

Fir-rigward, senjatament, tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri, għandu jitfakkar li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu prattika miftiehma għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-interpretazzjoni inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-kompetizzjoni, li skontha kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa jintendi li jsegwi fis-suq komuni (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C-8/08, EU:C:2009:343, punt 32, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 119).

50

Minkejja li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi milli jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew mistenni tal-kompetituri tagħhom, huwa madankollu jipprekludi b’mod rigoruż kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li ġie deċiż li għandu jsir fis-suq jew li ġie previst li jiġi adottat fih, meta tali kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jwasslu għal kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-kobor u tan-numru ta’ impriżi u tal-volum tal-imsemmi suq (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C-8/08, EU:C:2009:343, punt 33, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 120).

51

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri seta’ jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni peress li dan jattenwa jew ineħħi l-livell ta’ inċertezza fil-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil-konsegwenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, EU:C:2003:527, punt 89; tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C-8/08, EU:C:2009:343, punt 35, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 121).

52

B’mod partikolari, għandu jitqies li għandu għan antikompetittiv skambju ta’ informazzjoni li jista’ jelimina inċertezzi f’moħħ il-persuni kkonċernati fir-rigward tad-data, tal-kobor u tal-modalitajiet tal-adattament tal-aġir fis-suq li l-impriżi kkonċernati jkunu se jimplementaw (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 122; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C-8/08, EU:C:2009:343, punt 41).

53

Barra minn hekk, prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv anki jekk ma jkollhiex rabta diretta mal-prezzijiet għall-konsumaturi. Fil-fatt, il-kliem tal-Artikolu 101(1) TFUE ma jippermettix li jitqies li huma pprojbiti biss il-prattiki miftiehma li għandhom effett dirett fuq il-prezz imħallas mill-konsumaturi finali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 123; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C-8/08, EU:C:2009:343, punt 36).

54

Għall-kuntrarju, mill-imsemmi Artikolu 101(1)(a) TFUE jirriżulta li prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv jekk din tkun tikkonsisti fl-“iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju” (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 37, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 124).

55

Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 101 TFUE, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, huwa intiż sabiex jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda wkoll l-istruttura tas-suq u, b’dan il-mod, il-kompetizzjoni bħala tali. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma ma tistax tkun suġġetta għal dik ta’ rabta diretta tagħha mal-prezzijiet għall-konsumaturi (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C-8/08, EU:C:2009:343, punti 3839, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 125).

56

Finalment, għandu jitfakkar li mil-kliem stess tal-Artikolu 101(1) TFUE jirriżulta li l-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fis-suq li jsegwi dan il-ftehim u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C-8/08, EU:C:2009:343, punt 51, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 126).

57

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien hemm lok li jiġi preżunt, bla ħsara għal prova kuntrarja li hija l-oneru tal-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali prattika miftiehma kienet taqa’ taħt l-Artikolu 101(1) TFUE anki fl-assenza ta’ effetti antikompetittivi fuq l-imsemmi suq (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C-8/08, EU:C:2009:343, punt 51, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 127).

58

F’dan il-każ, fil-premessi 77 u 78 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li s-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni kienu jinkludu l-forom kollha ta’ aġir, jiġifieri, minn naħa, id-diskussjoni tas-sottomissjonijiet minn tal-inqas wieħed mill-banek sabiex tiġi influwenzata d-direzzjoni ta’ din is-sottomissjoni u, minn naħa l-oħra, il-komunikazzjoni jew ir-riċezzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar pożizzjonijiet ta’ negozjati jew ta’ sottomissjonijiet futuri ta’ mill-inqas wieħed mill-banek rispettivi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ksur UBS/DB, hija rrilevat ukoll, fil-premessa 78 tal-imsemmija deċiżjoni, l-esplorazzjoni mill-banek tal-possibbiltà li jiġu konklużi tranżazzjonijiet intiżi sabiex irendu f’linja waħda l-interessi kummerċjali tagħhom fil-qasam tal-prodotti dderivati u l-eventwali konklużjoni, f’okkażjonijiet rari, ta’ tali tranżazzjonijiet.

59

Il-Kummissjoni kkonstatat li l-aġir kontenzjuż kellu l-għan ta’ manipulazzjoni tar-rati tal-JPY LIBOR, li kienet tippermetti titjib tal-pożizzjoni tal-banek li jipparteċipaw fis-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż.

60

Fil-premessi 13 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-prodotti dderivati u b’mod partikolari l-kuntratti ta’ garanzija tar-rata u l-iswaps tar-rati tal-interessi kellhom żewġ “saqajn” jew “riġlejn”, waħda tikkorrispondi għal fluss tal-ħlas, l-oħra għal fluss tad-dħul. Waħda kkostitwita minn rata fissa, l-oħra minn rata li tvarja. Parti tħallas lill-oħra ammont ikkalkolat fuq il-bażi tar-rata li tvarja u tirċievi pagament iddeterminat fuq il-bażi tar-rata fissa ddeterminata fil-mument tal-konklużjoni, u l-invers.

61

Il-Kummissjoni rrilevat li l-manipulazzjoni tar-rati tal-JPY LIBOR kellha effett dirett fuq id-dħul tal-flus (cash-flow) irċevuti jew imħallsa fuq il-bażi tas-sieq “varjabbli” tal-kuntratti msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq (premessi 199 u 201 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li dawn kienu kkalkolati direttament b’riferiment għal dawn ir-rati.

62

Il-Kummissjoni qieset li l-manipulazzjoni tar-rati tal-JPY LIBOR kellha effett ukoll fuq is-sieq “fissa” tal-kuntratti msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq, sa fejn il-livell attwali tal-imsemmija rati kien indirettament rifless fir-rata fissa tal-kuntratti futuri, peress li, essenzjalment, dawn kienu jikkostitwixxu stima ta’ dawn ir-rati fil-futur (premessi 200 u 201 tad-deċiżjoni kkontestata).

63

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-koordinazzjoni tas-sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn il-banek parteċipanti kienu jikkorrispondu għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni li normalment għandu jkun hemm bejniethom, li wasslet għal distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-benefiċċju tagħhom u għad-detriment tal-banek li ma pparteċipawx. B’hekk, dan ippermetta l-ħolqien ta’ sitwazzjoni ta’ “informazzjoni asimmetrika” għall-benefiċċju biss tal-banek parteċipanti, billi setgħu jipproponu kuntratti f’kundizzjonijiet aħjar mill-banek l-oħra li joperaw fis-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż (premessi 202 sa 204 tal-imsemmija deċiżjoni). B’hekk, l-aġir kontenzjuż ħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-banek parteċipanti u għad-detriment tal-atturi l-oħra tal-imsemmi suq. Minn dan, il-Kummissjoni ddeduċiet li s-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni kellhom grad suffiċjenti ta’ ħsara sabiex jitqiesu li jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan (premessi 219 u 220 ta’ din id-deċiżjoni).

64

Kontra din l-analiżi, ir-rikorrenti jressqu d-definizzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ ksur bħala għan skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huma jsostnu li l-aġir inkwistjoni ma għandux grad ta’ ħsara għall-andament normali tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż li jiġġustifika l-klassifikazzjoni tiegħu ta’ ksur bħala għan. Huma jżidu li l-iskambji ta’ informazzjoni kkritikati ma jikkostitwixxux aġir li għandu “bħala għan” ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-andament tal-kompetizzjoni. Huma jenfasizzaw ukoll li ċerti elementi rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan tressqu għall-ewwel darba fil-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata. Finalment, huma jqisu li, fir-rigward tal-ksur UBS/DB, il-Kummissjoni ma wrietx il-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet bejn il-banek sabiex irendu f’linja waħda l-interessi kummerċjali tagħhom fil-qasam tal-prodotti dderivati u ma kklassifikatx dan l-aġir bħala li jikkostitwixxi skambju ta’ informazzjoni.

65

Sa fejn, għas-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza kemm ta’ koordinazzjoni ta’ sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR kif ukoll ta’ skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali, huwa suffiċjenti li jiġi vverifikat jekk xi aġir minn dawn it-tnejn għandux għan antikompetittiv.

66

Fir-rigward tal-ewwel aġir komuni għas-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni, jiġifieri l-koordinazzjoni tas-sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonstatat li l-pagamenti dovuti minn stabbiliment finanzjarju lil ieħor, fuq il-bażi ta’ prodott idderivat, kienu direttament jew altrimenti indirettament marbuta mal-livelli tar-rati tal-JPY LIBOR.

67

B’hekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-pagamenti dovuti fuq il-bażi tal-kuntratti pendenti, l-effett tar-rati tal-JPY LIBOR jista’ jitqies li huwa evidenti. Dan jikkonċerna l-pagamenti dovuti fuq il-bażi tas-sieq “varjabbli” tal-kuntratti msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq, li huma direttament ibbażati fuq l-imsemmija rati. B’hekk, fir-rigward tagħhom, koordinazzjoni tas-sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR setgħet twassal sabiex tinfluwenza l-livell ta’ dawn ir-rati f’sens favorevoli għall-interessi tal-banek li oriġinaw l-imsemmija koordinazzjoni, kif essenzjalment ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessi 199 u 201 tad-deċiżjoni kkontestata.

68

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-pagamenti dovuti fuq il-bażi tal-kuntratti futuri, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet korretta wkoll meta kkonstatat li l-koordinazzjoni tas-sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR kellha effett fuq il-pagamenti dovuti fuq il-bażi tas-sieq “fissa” tal-kuntratti msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq.

69

Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li fil-premessi 34 sa 44 u 200 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom il-livell tar-rati tal-JPY LIBOR kellu effett fuq is-sieq “fissa” tal-kuntratti msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq. Essenzjalment, hija rrilevat li d-determinazzjoni tar-rati fissi kienet evalwata fuq proġezzjoni, ibbażata fuq formola matematika, tal-kurva ta’ rendiment attwali tal-prodotti dderivati, li hi stess hija funzjoni tal-livelli attwali tar-rati tal-JPY LIBOR.

70

Min-naħa l-oħra u bħala konsegwenza, jista’ jitqies li koordinazzjoni tas-sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR ippermettiet lill-banek li jipparteċipaw fiha li jnaqqsu ferm l-inċertezza fir-rigward tal-livelli li fihom ikunu jinsabu r-rati tal-JPY LIBOR u, għalhekk, tathom vantaġġ kompetittiv fl-okkażjoni tan-negozjati u tal-offerta ta’ prodotti dderivati b’paragun mal-banek li ma pparteċipawx f’din il-koordinazzjoni, kif ġustament ġie rrilevat mill-Kummissjoni fil-premessi 201 sa 204 tad-deċiżjoni kkontestata.

71

Mill-premess jirriżulta li l-koordinazzjoni tas-sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR hija rilevanti għall-pagamenti dovuti fuq il-bażi tal-kuntratti msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq kemm fir-rigward tas-sieq “varjabbli” tagħhom kif ukoll fir-rigward tas-sieq “fissa” tagħhom.

72

Għandu jiġi kkonstatat li tali koordinazzjoni tas-sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR, sa fejn din hija intiża sabiex tinfluwenza l-estent tal-pagamenti dovuti mill-banek ikkonċernati, jew li għandhom jitħallsu lilhom, tinvolvi b’mod ċar għan antikompetittiv.

73

Sa fejn is-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni jinkludu lkoll koordinazzjoni tas-sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR, li hija ta’ natura li tiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan ikkonstatata mill-Kummissjoni, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-aġir l-ieħor komuni għall-imsemmija ksur, jiġifieri l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali, huwiex ukoll ta’ natura li jiġġustifika tali klassifikazzjoni.

74

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sa fejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma, waħedhom, ta’ natura li jiġġustifikawha b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-vizzji li jista’ jkollhom motivi oħra tal-att, fi kwalunkwe każ, ma jaffettwawx id-dispożittiv tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1, C-302/99 P u C-308/99 P, EU:C:2001:408, punt 27, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, T-155/04, EU:T:2006:387, punt 47).

75

F’kull każ, fid-dawl tal-importanza tal-effett tal-livell tar-rati tal-JPY LIBOR fuq l-ammont tal-pagamenti li saru fuq il-bażi kemm tas-sieq “varjabbli” kif ukoll tas-sieq “fissa” tal-kuntratti msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni biss ta’ informazzjoni dwar is-sottomissjonijiet futuri ta’ bank membru tal-penil JPY LIBOR setgħet tipprovdi vantaġġ lill-banek ikkonċernati, billi tbegħidhom mill-applikazzjoni tal-andament normali tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż b’mod li dan l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jitqies li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 49 sa 52 iktar ’il fuq. L-istess raġunament japplika għall-aġir li jirrigwarda l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-sottomissjonijiet futuri relatati mal-Euroyen TIBOR, ikkonstatat mill-Kummissjoni fil-kuntest biss tal-ksur Citi/UBS.

76

Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li s-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni bl-għan tagħhom.

77

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mid-diversi argumenti mressqa mir-rikorrenti.

78

Dan huwa l-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-konfutazzjoni mir-rikorrenti tal-ħsara għall-andament normali tal-kompetizzjoni mill-aġir kontenzjuż.

79

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma humiex korretti meta jsostnu li ma hemmx relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-banek fis-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi fil-yen Ġappuniż. Billi l-konklużjoni ta’ kuntratti fl-imsemmi suq jimplikaw negozjati dwar dawn il-prodotti, u senjatament dwar ir-rata fissa applikabbli, hemm neċessarjament proċess ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-offerta ta’ dawn il-prodotti bejn id-diversi banek attivi f’dan is-suq.

80

It-tieni nett, u bħala konsegwenza, lanqas ma tista’ tiġi segwita l-affermazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq allegata kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-possibbiltà għall-banek ikkonċernati li jipproponu kundizzjonijiet aħjar minn dawk tal-kompetituri tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan. Għall-kuntrarju, din il-possibbiltà iktar tikkostitwixxi l-manifestazzjoni tal-alterazzjoni tal-proċess kompetittiv fis-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż għall-benefiċċju tal-banek li pparteċipaw fil-kollużjoni.

81

It-tielet nett, huwa irrilevanti l-argument sostnut mir-rikorrenti li l-banek jikkonkludu numru kbir ta’ tranżazzjonijiet li fihom huma jadottaw pożizzjonijiet opposti. Fil-fatt, wieħed mill-interessi ta’ manipulazzjoni tar-rati tal-JPY LIBOR, fir-rigward senjatament tal-kuntratti pendenti, huwa li jkun permess li din tirrifletti bl-aħjar mod possibbli l-interessi tal-banek ikkonċernati, jiġifieri rata għolja fil-każ ta’ pożizzjoni nett ta’ kreditu u rata baxxa fil-każ ta’ pożizzjoni nett ta’ debitu.

82

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn ċerti elementi rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan tressqu għall-ewwel darba fil-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata.

83

Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża teżiġi li l-impriża kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li tagħti b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti meqjusa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T-111/08, EU:T:2012:260, punt 265 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju, sa fejn huwa jipprevedi li għandha tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li, b’mod ċar, għandha tinformahom bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu b’mod effettiv l-aġir li l-Kummissjoni qiegħda takkużahom bih u sabiex huma jkunu jistgħu jsostnu b’mod utli d-difiża tagħhom qabel ma din tadotta deċiżjoni definittiva. Dan ir-rekwiżit huwa osservat peress li l-imsemmija deċiżjoni ma takkużax lill-persuni kkonċernati bi ksur differenti minn dawk imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss fatti li fir-rigward tagħhom il-persuni kkonċernati kellhom l-okkażjoni jispjegaw ruħhom (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T-111/08, EU:T:2012:260, punt 266 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ tingħata b’mod sommarju u d-deċiżjoni finali ma għandhiex għalfejn tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tiegħu għandhom natura purament provviżorja. B’hekk, huma ammissibbli żidiet mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jkunu saru fid-dawl tar-risposta tal-partijiet, li l-argumenti tagħhom juru li huma setgħu fil-fatt jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija fformulat (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T-111/08, EU:T:2012:260, punt 267 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Għalhekk, il-komunikazzjoni lill-persuni kkonċernati ta’ oġġezzjonijiet addizzjonali hija neċessarja biss fil-każ fejn ir-riżultat tal-verifiki jwassal lill-Kummissjoni sabiex takkuża lil impriżi b’atti ġodda jew sabiex temenda b’mod sinjifikattiv il-provi tal-ksur ikkontestat (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 268 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Finalment, għandu wkoll jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti l-possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mwettqa minnha tkun setgħet wasslet għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur kien seħħ meta hija turi b’mod suffiċjenti mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda li hija setgħet tiżgura b’mod aħjar id-difiża tagħha fl-assenza tal-irregolarità, pereżempju minħabba l-fatt li, għad-difiża tagħha, hija setgħet użat dokumenti li l-aċċess tagħha għalihom ġie rrifjutat matul il-proċedura amministrattiva (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 269 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-riferiment għal fissazzjoni indiretta tal-prezzijiet fil-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ta’ natura ġdida kif allegat mir-rikorrenti. Ċertament, il-punti 137 u 175 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għalihom il-Kummissjoni tirreferi ma jistgħux jitqiesu li huma spjegazzjoni ta’ oġġezzjoni bbażata fuq fissazzjoni indiretta tal-prezzijiet billi dawn jikkostitwixxu tfakkira sempliċi tal-prinċipji ġuridiċi li jirregolaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Madankollu, mill-qari tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li s-sustanza tal-argumenti li jinsabu fiha kienet l-istess bħal dik ippreżentata fl-imsemmija deċiżjoni, u b’mod partikolari fil-premessa 200 tagħha, jiġifieri l-effett tal-livell tal-JPY LIBOR fuq il-livell ġdid tar-rati applikabbli għall-kuntratti futuri (ara, b’mod partikolari, il-punt 157 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Ir-rikorrenti kienu, għalhekk, f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-oġġezzjoni matul il-proċedura amministrattiva.

89

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegazzjoni bbażata fuq in-natura ġdida tar-riferiment, fil-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-fatt li l-manipulazzjoni tal-JPY LIBOR tikkostitwixxi wkoll fissazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE, għandu jiġi osservat li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 66 sa 76 iktar ’il fuq, l-effetti ta’ din il-manipulazzjoni fuq il-livell tal-pagamenti dovuti fuq il-bażi ta’ prodotti dderivati huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan ikkonstatat mill-Kummissjoni. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-eventwali assenza ta’ possibbiltà għar-rikorrenti li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-oġġezzjoni bbażata fuq fissazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-tranżazzjoni pprekludiethom milli jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 87 iktar ’il fuq.

90

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti kontra l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ aġir li jikkonsisti fl-esplorazzjoni mill-banek tal-possibbiltà li jikkonkludu tranżazzjonijiet intiżi sabiex irendu f’linja waħda l-interessi kummerċjali tagħhom fil-qasam tal-prodotti dderivati u tal-eventwali konklużjoni, f’okkażjonijiet rari, ta’ tali tranżazzjonijiet, li tikkonċerna biss il-ksur UBS/DB, jirriżulta mill-qari tal-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata li l-imsemmi aġir kien previst mill-Kummissjoni biss bħala li huwa intiż sabiex jiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ sottomissjonijiet futuri quddiem il-penil JPY LIBOR. Sa fejn dan l-aġir ma jidhirx li huwa ta’ natura awtonoma meta mqabbel ma’ dak tal-imsemmija koordinazzjoni li l-għan antikompetittiv tagħha ntwera suffiċjentement skont il-liġi, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal dan l-aspett tal-argumenti tar-rikorrenti.

91

Fid-dawl tal-premess, l-ewwel motiv għandu jiġi rrifjutat.

2.   Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “faċilitazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-ġurisprudenza

92

Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat li Icap kienet iffaċilitat is-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni. Wara li ngħatat is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (C-194/14 P, EU:C:2015:717), huma rrinunzjaw għal parti mill-argumenti tagħhom, b’mod li dan il-motiv huwa issa kkostitwit minn tliet partijiet.

93

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, li ma tikkonċernax il-ksur Citi/RBS, iżda biss il-ħames okkorrenzi oħra ta’ ksur inkwistjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-kriterju “faċilitazzjoni” applikat għall-Icap huwa wiesa’ ħafna, ġdid u jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi motiv, li tikkonċerna l-istess ħames okkorrenzi ta’ ksur, huma jsostnu li r-rwol ta’ Icap ma jirriflettix il-kriterji tal-ġurisprudenza tal-“faċilitazzjoni”. Finalment, permezz tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, li tikkonċerna biss il-ksur UBS/RBS tal-2007, Citi/UBS u Citi/DB, huma jikkontestaw il-fondatezza tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata meħuda mill-użu minn Icap tal-kuntatti tagħha ma’ diversi banek sabiex tinfluwenza is-sottomissjonijiet tagħhom quddiem il-penil JPY LIBOR.

94

Il-Qorti Ġenerali tqis li, qabelxejn, għandhom jiġu analizzati t-tieni u t-tielet partijiet ta’ dan il-motiv, sa fejn dawn jikkonċernaw, essenzjalment, in-natura ta’ ksur tal-aġir li Icap ġiet ikkritikata bih, u, sussegwentement, il-kontestazzjoni tal-konformità mal-prinċipju ta’ ċertezza legali tan-natura ta’ ksur ikkonstatata, li tinsab fl-ewwel parti tal-imsemmi motiv.

a) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tal-kriterji ġurisprudenzjali tal-“faċilitazzjoni”

95

Ir-rikorrenti, fil-kuntest ta’ din il-parti, isostnu, essenzjalment, li l-konklużjoni bbażata fuq il-premessa li l-aġir ta’ Icap jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE hija żbaljata.

96

Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

97

Għandu jitfakkar li ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 101(1) TFUE li jindika li l-projbizzjoni stipulata fih tipprevedi biss il-partijiet għall-ftehimiet jew prattiki miftiehma li huma attivi fis-swieq affettwati minnhom (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 27).

98

Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ “ftehim” hija bbażata fuq l-espressjoni tal-volontà konkordanti ta’ żewġ partijiet mill-inqas, filwaqt li l-forma li biha timmanifesta ruħha din il-konkordanza ma hijiex determinanti fiha nnifisha (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “prattika miftiehma”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 101(1) TFUE jiddistingwi dan il-kunċett b’mod partikolari minn dak ta’ “ftehim” u dak ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” bl-iskop biss li jinkludi forom differenti ta’ kollużjoni bejn impriżi li, mill-perspettiva suġġettiva, huma tal-istess natura u jiddistingwu ruħhom biss mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw ruħhom (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Barra minn hekk, meta inkwistjoni jkun hemm ftehimiet u prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni għandha turi, sabiex tkun tista’ tikkonkludi li impriża ħadet sehem fi ksur u li hija responsabbli għall-elementi kollha tiegħu, li l-impriża kkonċernata riedet tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha riedu jilħqu u li hija kellha għarfien tal-aġir materjali previst jew imwettaq minn impriżi oħrajn fit-tħaddin ta’ dawn l-għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih jew li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju tiegħu. (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-metodi passivi ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, bħall-preżenza ta’ impriża f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet b’għan antikompetittiv, mingħajr ma tkun manifestament opposta għal dan, tammonta għal kompliċità li hija ta’ natura li tinvolvi r-responsabbiltà tagħha fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) TFUE, peress li l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illeċita, mingħajr ma tbiegħed ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tirrapporta dan lill-entitajiet amministrattivi, għandha l-effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u li tikkomprometti s-sejba tiegħu (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li “ftehim” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE jipprevedi l-espressjoni tal-volontà konkordanti tal-partijiet li jġibu ruħhom fis-suq b’mod determinat u li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu “prattika miftiehma”, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, kellhom jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-kompetizzjoni, li skontu kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa jkun bi ħsiebu jsegwi fis-suq komuni, ma jirriżultax minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma jippreżupponu limitazzjoni reċiproka tal-libertà ta’ azzjoni fl-istess suq li fih ikun hemm il-partijiet kollha (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punti 3233).

103

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 101(1) TFUE jikkonċerna biss jew l-impriżi attivi fis-suq affettwat bir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, jew anki fis-swieq upstream, downstream jew qrib tal-imsemmi suq, jew l-impriżi li jillimitaw l-awtonomija tal-aġir tagħhom f’suq partikolari minħabba ftehim jew prattika miftiehma. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-test tal-Artikolu 101(1) TFUE jirreferi b’mod ġenerali għall-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kollha li, fir-rapporti kemm orizzontali kif ukoll vertikali, iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, indipendentement mis-suq li l-partijiet huma attivi fih, bħall-fatt li huwa biss l-aġir kummerċjali ta’ waħda minnhom li huwa affettwat bil-kliem tal-arranġamenti inkwistjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punti 3435 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-għan prinċipali tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE huwa li tiġi żgurata ż-żamma ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fi ħdan is-suq komuni u li l-effikaċità sħiħa tagħha timplika li għandha tinqabad il-kontribuzzjoni attiva ta’ impriża f’restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk din il-kontribuzzjoni ma tikkonċernax attività ekonomika li taqa’ fi ħdan is-suq rilevanti li fih tali restrizzjoni sseħħ jew tkun intiża li sseħħ (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ ksur awtonomu bejn Icap u UBS, imbagħad Icap u Citi, li l-għan tiegħu kien li jimmanipula l-livell tas-sottomissjonijiet tal-banek f’sens konformi mal-interessi ta’ UBS, imbagħad ta’ Citi, permezz tal-propagazzjoni minn Icap ta’ informazzjoni żbaljata. Fid-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà ta’ Icap hija stabbilita fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tagħha fl-aġir antikompetittiv irrilevat mill-Kummissjoni, li din tal-aħħar ikklassifikat bħala “faċilitazzjoni”.

106

Fid-dawl tar-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi vverifikat jekk il-parteċipazzjoni ta’ Icap tissodisfax il-kriterji enfasizzati mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq, u huwa biss il-fatt li dawn ikunu ssodisfatti li huwa ta’ natura li jiġġustifika r-responsabbiltà tagħha fuq il-bażi tal-ksur imwettaq mill-banek ikkonċernati.

107

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jikkontestaw li dawn il-kriterji huma ssodisfatti fil-kuntest tat-tliet ilmenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma wrietx, l-ewwel nett, għarfien minn Icap tal-eżistenza ta’ kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati fil-kuntest ta’ xi wħud mis-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni (l-ewwel ilment), it-tieni nett, l-eżistenza ta’ volontà min-naħa ta’ Icap sabiex tikkontribwixxi għall-għan komuni għall-banek ikkonċernati (it-tieni lment) u, it-tielet nett, li Icap ikkontribwixxiet għar-realizzazzjoni tal-għanijiet komuni għall-banek ikkonċernati (it-tielet ilment). Il-Qorti Ġenerali tqis li, qabelxejn, għandu jiġi eżaminat l-ewwel ilment, imbagħad it-tielet ilment u, finalment, it-tieni lment.

1) Fuq l-ewwel ilment, relatat mal-assenza ta’ prova tal-għarfien minn Icap tal-eżistenza ta’ kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati fil-kuntest ta’ xi wħud mis-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni

108

Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza ta’ għarfien minn Icap ta’ kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati fil-kuntest tal-ksur UBS/RBS tal-2007, tal-ksur UBS/RBS tal-2008, tal-ksur Citi/DB u Citi/UBS, iżda biss, skont il-każ, tentattivi unilaterali ta’ operatur ekonomiku sabiex jimmanipula r-rati tal-JPY LIBOR.

109

Għalhekk, dan l-ilment jikkonċerna biss erbgħa mis-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni.

110

Ir-rikorrenti jsostnu li l-messaġġi qosra użati bħala prova mill-Kummissjoni jistgħu juru biss li operatur ekonomiku ta’ wieħed mill-banek ikkonċernati kien jaf bis-sottomissjonijiet futuri ta’ bank ieħor. F’kuntest ikkaratterizzat, b’mod partikolari, mill-eżistenza ta’ kuntatti leċiti bejn l-imsemmija banek, ma jistax jiġi dedott li Icap kellha għarfien tal-volontà komuni ta’ dawn il-banek li jikkoordinaw is-sottomissjonijiet tagħhom quddiem il-penil JPY LIBOR. Dan japplika għall-ksur UBS/RBS tal-2007, għall-ksur UBS/RBS tal-2008, għall-ksur Citi/DB u Citi/UBS.

111

Ir-rikorrenti jsostnu li l-istruttura tas-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż, li timplika negozjati kontinwi bejn il-banek ikkonċernati, tista’ tispjega l-għarfien minn bank partikolari tad-direzzjoni tas-sottomissjonijiet ta’ bank ieħor, mingħajr ma dan l-għarfien ikun il-prodott ta’ skambju ta’ informazzjoni. Minn dan huma jiddeduċu li Icap setgħet raġonevolment tqis li r-riferimenti għall-pożizzjoni futura ta’ bank ieħor inklużi fil-komunikazzjonijiet ta’ operatur ekonomiku ma kinitx il-konsegwenza ta’ akkordju illegali. Huma jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni din l-interpretazzjoni possibbli tal-provi, kemm għall-ksur UBS/RBS tal-2007 kif ukoll għall-ksur UBS/RBS tal-2008. Fir-rigward tar-riferiment mill-Kummissjoni għar-rikonoxximent minn UBS tar-rwol ta’ faċilitatur ta’ Icap fit-talba tagħhom għal tranżazzjoni, huma jsostnu, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni tenfasizza b’mod espliċitu li l-fatti aċċettati mill-partijiet ma jistgħu jistabbilixxu ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ Icap. Fir-rigward tal-ksur Citi/DB u l-ksur Citi/UBS, huma jtennu li l-provi mressqa ma jurux l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati matul il-perijodu ta’ ksur ikkonstatat.

112

Il-Kummissjoni ssostni li l-premessi 214 sa 221 tad-deċiżjoni kkontestata juru suffiċjentement skont il-liġi li Icap kellha għarfien jew missha kellha għarfien li l-azzjonijiet tagħha kienu jikkontribwixxu għal ksur li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għal kull waħda mis-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni, Icap kienet informata minn UBS, imbagħad minn Citi, bl-identità tal-bank l-ieħor tal-penil JPY LIBOR li miegħu huma kellhom kuntatti antikompetittivi. Dan huwa l-każ kemm għall-ksur UBS/RBS tal-2007 kif ukoll għall-ksur UBS/RBS tal-2008. Fir-rigward ta’ dawn l-okkorrenzi ta’ ksur tal-aħħar, il-Kummissjoni tosserva li l-prova tal-għarfien minn Icap tal-kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati tistrieħ ukoll fuq ir-rikonoxximent minn UBS fit-talba tagħhom ta’ tranżazzjoni tar-rwol ta’ faċilitatur ta’ Icap, li jidher fil-premessi 115 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata, rikonoxximent li ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti. Hija tirreferi wkoll għall-għarfien tas-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż minn Icap u l-kwalità tagħha ta’ broker prinċipali f’dan is-suq sabiex tenfasizza n-natura antikompetittiva ta’ din il-kollużjoni ma setgħetx tiġi injorata. Fir-rigward tal-ksur Citi/DB u l-ksur Citi/UBS, hija ssostni li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-għarfien minn Icap tal-kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati, iżda biss il-portata ratione temporis tal-istess. Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li d-data tal-bidu ta’ ksur hija dik tal-kollużjoni u mhux dik tal-implementazzjoni tiegħu.

113

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li għandha turi li Icap kienet taf bl-aġir materjali previst jew implementat minn kull wieħed mill-banek ikkonċernati jew li setgħet raġonevolment tipprevedih.

114

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li għandha tistabbilixxi l-provi xierqa li juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115

Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi serji, preċiżi u konkordanti. Madankollu, ma huwiex neċessarju li kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tkun għall-benefiċċju tal-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Fil-fatt, il-preżunzjoni tal-innoċenza tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum il-ġurnata huwa stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C-89/11 P, EU:C:2012:738, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza japplika għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multi jew pagamenti ta’ penalità (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C-89/11 P, EU:C:2012:738, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-fattibbiltà tal-informazzjoni inkluża fih u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tal-elaborazzjoni tiegħu, id-destinatarju tiegħu, sabiex jiġi eżaminat jekk, skont il-kontenut tiegħu, dan jidhirx li huwa sensibbli u affidabbli (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni, T-461/07, EU:T:2011:181, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk, għal kull waħda mill-erba’ okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni wrietx suffiċjentement skont il-liġi li Icap kellha għarfien jew setgħet raġonevolment tipprevedi li t-talbiet li sarulha minn UBS, imbagħad minn Citi, ma kinux saru fl-interess esklużiv tal-interlokutur tagħha, iżda kienu l-frott ta’ kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati.

120

F’dan ir-rigward, minkejja li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet validament turi alternattivament, minn naħa, l-għarfien minn Icap tal-parteċipazzjoni tal-bank ikkonċernat l-ieħor għal kull waħda mill-okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni jew, min-naħa l-oħra, li Icap setgħet raġonevolment tipprevedi tali parteċipazzjoni, għandu jiġi rrilevat li din it-tieni possibbiltà għandha tiġi eżaminata filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jaqgħu l-iskambji bejn UBS, imbagħad Citi, u Icap.

121

Fil-fatt, kif essenzjalment isostnu r-rikorrenti, it-talbiet mibgħuta minn UBS, imbagħad minn Citi, lil Icap intiżi sabiex jimmanipulaw ir-rati tal-JPY LIBOR ma kinux jimplikaw, min-natura tagħhom, l-eżistenza ta’ konċertazzjoni upstream ma’ bank ieħor. Tali talbiet setgħu leġittimament ikunu interpretati minn din tal-aħħar bħala li saru minn UBS, imbagħad minn Citi, sabiex jimmanipulaw l-imsemmija rati fl-interess tagħhom biss. Għandu jiġi kkonstatat li tali ċirkustanza trendi iktar diffiċli l-prova tal-Kummissjoni li Icap kellha raġonevolment tiddeduċi mit-talbiet ta’ UBS, u mbagħad ta’ Citi, li dawn kienu jaqgħu fl-ambitu ta’ kollużjoni ma’ bank ieħor.

i) Fuq il-prova mill-Kummissjoni tal-għarfien minn Icap tar-rwol ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2007

122

L-elementi materjali li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ aġir ta’ ksur minn Icap huma, fir-rigward tal-ksur UBS/RBS tal-2007, esposti fil-punt 5.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata.

123

Il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, ibbażat ruħha fuq ir-riferiment, f’konverżazzjoni bejn M. H, dak iż-żmien operatur ta’ UBS, u M. R., membru tal-persunal ta’ Icap, fl-14 ta’ Awwissu 2007 (iktar ’il quddiem il-“konverżazzjoni tal-14 ta’ Awwissu 2007”), għall-fatt li “RBS u UBS imorru fl-għoli għal sitt xhur”, sabiex tqis li, sa minn din id-diskussjoni, “[Icap] kienet taf jew, tal-inqas, kellha tkun taf li [UBS] kienet qed tikkoordina s-sottomissjonijiet futuri tar-rati JPY LIBOR ma’ RBS u li l-għajnuna mogħtija lil UBS wara din il-konverżazzjoni kienet tiffaċilita jew setgħet tiffaċilita l-prattiki antikompetittivi bejn UBS u RBS” (premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

124

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni enfasizzat diversi komunikazzjonijiet bejn M. H. u M. R. jew bejn din il-persuna tal-aħħar u membri oħra tal-persunal ta’ Icap li seħħew fil-15 ta’ Awwissu 2007 u l-1 ta’ Novembru 2007, sabiex turi r-rwol ta’ Icap fil-manipulazzjoni tar-rati tal-JPY LIBOR (premessi 107 sa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

125

Finalment, fit-tielet lok, il-Kummissjoni rreferiet għar-rikonoxximent minn UBS, fit-talba tagħhom għal tranżazzjoni, tal-użu tas-servizzi ta’ Icap sabiex jinfluwenzaw is-sottomissjonijiet futuri tar-rati tal-JPY LIBOR ta’ ċerti banek tal-penil JPY LIBOR. Hija kkonstatat li RBS ma kienx jaf bir-rwol ta’ Icap (premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

126

B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi biss żewġ provi li eventwalment jistgħu juru l-għarfien minn Icap tal-parteċipazzjoni minn RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2007, jiġifieri, minn naħa, il-konverżazzjoni tal-14 ta’ Awwissu 2007 u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjonijiet ta’ UBS fit-talba tagħhom għal tranżazzjoni. Fil-fatt, huwa stabbiliti bejn il-partijiet li l-iskambji li saru bejn Icap u UBS wara l-14 ta’ Awwissu 2017 ma kellhom ebda riferiment għal RBS.

127

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ UBS fit-talba tagħhom għal tranżazzjoni, mill-eżami ta’ dan id-dokument ma jirriżultax li UBS jirrikonoxxu fih li kienu informaw lil Icap bil-parteċipazzjoni ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2007, billi UBS sempliċement enfasizzaw li kienu għamlu użu mis-servizzi ta’ Icap.

128

Minn dan jirriżulta li l-unika prova li tista’ turi l-eżistenza ta’ għarfien minn Icap tar-rwol ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2007 tinsab fil-parti mill-konverżazzjoni tal-14 ta’ Awwissu 2017, li fih M. H. jinforma lil M. R. li “RBS u UBS imorru fl-għoli għal sitt xhur”. Fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni interpretat din is-sentenza bħala li timplika li M. H., li dak iż-żmien kien operatur ta’ UBS, kien informa lil M. R., membru tal-persunal ta’ Icap, bid-diskussjonijiet tiegħu pendenti dwar is-sottomissjonijiet futuri tar-rati JPY LIBOR ma’ RBS.

129

Bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet intalbu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-interpretazzjoni ta’ din il-frażi fid-dawl tas-segwitu tal-konverżazzjoni: “[Icap:] tajjeb, dan ser ikun utli:); [UBS:] will jagħmilli pjaċir; [Icap:] huwa [għandu]”, kif ukoll li jippreċiżaw jekk il-kelma “will” tirreferix għal impjegat ta’ RBS. Minn dan irriżulta li l-imsemmija konverżazzjoni kienet tinvolvi lil W. H., operatur ta’ RBS, li l-iskambji tiegħu ma’ M. H. ittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-ksur UBS/RBS tal-2007.

130

Minn dan għandu jiġi dedott li, wara din il-konverżazzjoni, M. R., membru tal-persunal ta’ Icap, ġie informat f’termini mhux ambigwi minn M. H., li dak iż-żmien kien operatur ta’ UBS, li huwa kien ftiehem ma’ W. H., operatur ta’ RBS, dwar żieda fis-sottomissjonijiet tagħhom relatati mar-rati ta’ interessi ta’ maturità ta’ sitt xhur. Sa fejn din il-prova hija kkostitwita minn konverżazzjoni li fiha M. R. ipparteċipa direttament u fid-dawl tal-kontenut tagħha, din għandha tingħata, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 118 iktar ’il fuq, saħħa probatorja ta’ livell għoli.

131

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fiha nnifisha, il-konverżazzjoni tal-14 ta’ Awwissu 2017 tippermetti li jintwera l-għarfien minn Icap tar-rwol ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2007.

132

Għaldaqstant, l-ewwel ilment, sa fejn dan jirrigwarda l-ksur UBS/RBS tal-2007, għandu jiġi miċħud.

ii) Fuq il-prova mill-Kummissjoni tal-għarfien minn Icap tar-rwol ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2008

133

Fil-punt 5.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Faċilitazzjoni minn Icap għall-ksur UBS/RBS tal-2008”, il-Kummissjoni rreferiet, fl-ewwel lok, għal konverżazzjoni datata t-28 ta’ Awwissu 2008 li fiha M. H., dak iż-żmien operatur ta’ UBS, żvela lil M. R., membru tal-persunal ta’ Icap, id-direzzjoni tas-sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR ta’ RBS, jiġifieri sottomissjonijiet “baxxi fuq il-linja kollha” (iktar ’il quddiem il-“konverżazzjoni tat-28 ta’ Awwissu 2008”) (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

134

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni enfasizzat diversi komunikazzjonijiet bejn M. H. u M. R. jew bejn din il-persuna tal-aħħar u membri oħra tal-persunal ta’ Icap li seħħew fit-28 ta’ Awwissu 2008 u t-3 ta’ Novembru 2008, sabiex turi r-rwol ta’ Icap fil-manipulazzjoni tar-rati tal-JPY LIBOR (premessi 117 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata). Fost dawn il-provi hemm posta elettronika interna għal Icap datata l-5 ta’ Settembru 2008, li fiha kien hemm miktub li UBS u RBS kellhom interess partikolari għal rata dgħajfa għall-JPY LIBOR għal tliet xhur.

135

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni rreferiet għar-rikonoxximent minn UBS, fit-talba tagħhom għal tranżazzjoni, tal-użu tas-servizzi ta’ Icap sabiex jinfluwenzaw is-sottomissjonijiet futuri tar-rati quddiem il-penil JPY LIBOR. Hija kkonstatat li RBS ma kienx jaf bir-rwol ta’ Icap (premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata).

136

B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi tliet provi li possibbilment jistgħu juru l-għarfien minn Icap tar-rwol ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2008, jiġifieri, qabelxejn, il-konverżazzjoni tat-28 ta’ Awwissu 2008, imbagħad, il-posta elettronika interna għal Icap tal-5 ta’ Settembru 2008 (ara l-punt 134 iktar ’il fuq) u, finalment, id-dikjarazzjonijiet ta’ UBS fit-talba tagħhom għal tranżazzjoni.

137

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dikjarazzjonijiet ta’ UBS fit-talba tagħhom għal tranżazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, anki fir-rigward ta’ dan il-ksur, l-eżami ta’ dan id-dokument juri biss li UBS jirrikonoxxu li għamlu użu mis-servizzi ta’ Icap, mingħajr ma jsostnu li informaw lil Icap bil-parteċipazzjoni ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2008.

138

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-konverżazzjoni tat-28 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni tqis li r-riferiment ta’ M. H., dak iż-żmien operatur ta’ UBS, għall-fatt li s-sottomissjonijiet ta’ RBS huma “baxxi fuq il-linja kollha” kellu jwassal lil M. R., membru tal-persunal ta’ Icap, sabiex jikkonkludi li kien hemm kuntatti bejn UBS u RBS u li l-għajnuna mogħtija minn dak il-mument lil M. H. sabiex jinbidlu r-rati tal-JPY LIBOR kienet jew setgħet ukoll tkun għajnuna għall-prattiki antikompetittivi bejn UBS u RBS (premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

139

Għandu jiġi kkonstatat li l-parti mill-konverżazzjoni tat-28 ta’ Awwissu 2008 enfasizzata mill-Kummissjoni ma hijiex univoka, u din setgħet biss twassal lil Icap sabiex tissuspetta li UBS kienu rċevew informazzjoni kunfidenzjali dwar il-livell ta’ sottomissjonijiet futuri ta’ RBS quddiem il-penil JPY LIBOR. Din setgħet ukoll tiġi interpretata bħala l-manifestazzjoni ta’ analiżi jew ta’ opinjoni ta’ M. H. fuq il-pożizzjonijiet futuri probabbli ta’ wieħed mill-kompetituri tagħhom.

140

Barra minn hekk, l-eżami tal-parti mill-konverżazzjoni tat-28 ta’ Awwissu 2008 enfasizzata mill-Kummissjoni ma jippermettix, fil-kuntest iktar ġenerali tal-imsemmija konverżazzjoni, li jiġi ċċarat is-sens tagħha. Minkejja li minnha tirriżulta l-intenzjoni konġunta ta’ UBS u ta’ Icap li jibdlu d-direzzjoni normali tal-iffissar tar-rati tal-JPY LIBOR, ma ġiet ipprovduta ebda prova oħra dwar parteċipazzjoni li seta’ kien hemm minn naħa ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2008.

141

Għaldaqstant, din il-prova ma tippermettix, waħedha, li jiġi pprovat l-għarfien minn Icap tar-rwol ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2008. Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk, flimkien mal-provi l-oħra, din tistax tikkostitwixxi sensiela ta’ indizji fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq.

142

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-posta elettronika skambjata bejn żewġ membri tal-persunal ta’ Icap, hemm miktub fiha li “UBS u RBS għandhom interess partikolari li l-[JPY LIBOR] tkun dgħajfa għal tliet xhur” (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni ffavorita mill-Kummissjoni, jiġifieri li din il-posta elettronika tikkostitwixxi l-manifestazzjoni tal-għarfien minn Icap tal-eżistenza ta’ ksur bejn RBS u UBS, ma hijiex l-unika waħda possibbli. Fil-fatt, sa fejn Icap, permezz tal-funzjonijiet tagħha, hija f’kuntatt permanenti mal-banek ikkonċernati, ma jistax jiġi eskluż li hija tibni l-opinjoni tagħha fuq l-interessi ta’ kull wieħed mill-banek attivi fis-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż. Il-probabbiltà ta’ din l-interpretazzjoni alternattiva tista’ tidher imsaħħa fid-dawl tal-fatt li l-kwotazzjoni użata mill-Kummissjoni hija mneħħija mill-kuntest tagħha, enfasizzat mir-rikorrenti, billi r-redazzjoni eżatta tal-posta elettronika, jiġifieri “[jiena] naħseb li [UBS] u [RBS] għandhom interess manifest li [r-rati] jkunu baxxi”, iktar taqa’ fl-ambitu ta’ espressjoni ta’ opinjoni personali.

143

Għandu jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ elementi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala provi serji, preċiżi u konkordanti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, l-ambigwità tat-termini li jinkludu timplika neċessarjament dubju fir-rigward ta’ għarfien minn Icap tar-rwol ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2008, li għandu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, jibbenefika lilha.

144

Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punt 121 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi konkluż li Icap kellha tissuspetta li t-talbiet ta’ UBS kienu parti mill-implementazzjoni ta’ kollużjoni ma’ bank ieħor, peress li tali talbiet setgħu saru minn M H. fl-interess biss ta’ UBS.

145

Fid-dawl tal-premess, l-ewwel ilment, sa fejn jikkonċerna l-ksur UBS/RBS tal-2008, għandu jintlaqa’, u l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Icap f’dan il-ksur, għandu jiġi annullat.

iii) Fuq il-prova tal-għarfien minn Icap tar-rwol ta’ DB u UBS fil-ksur Citi/DB u Citi/UBS

146

Fil-punt 5.3.6 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Faċilitazzjoni minn Icap tal-ksur Citi/DB”, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-riferiment għal konverżazzjoni bejn M. H., illum operatur ta’ Citi, u M. R, membru tal-persunal ta’ Icap, li seħħet fis-7 ta’ April 2010, relatata ma’ tnaqqis miftiehem futur tar-rati sottomessi minn Citi, UBS u DB lill-penil JPY LIBOR wara x-xahar ta’ Ġunju 2010 (iktar ’il quddiem il-“konverżazzjoni tas-7 ta’ April 2010”). Hija enfasizzat ukoll żewġ talbiet ta’ M. H. lil M. R fit-18 ta’ Mejju 2010, waħda dwar ir-rati baxxi għal sena u l-oħra b’mod ġenerali dwar ir-rati baxxi tal-JPY LIBOR sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju, kif ukoll talba tat-23 ta’ Mejju 2010 dwar rati baxxi għar-rata tal-JPY LIBOR b’maturità ta’ sena u dwar rata għolja għal dik b’maturità ta’ tliet snin (premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata).

147

Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq komunikazzjoni bejn M. R. u M. G., membri tal-persunal ta’ Icap, intiża għal aġġustament tar-rendikont imsemmi fil-punt 15 iktar ’il fuq datat l-1 ta’ Ġunju 2010 (premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll fuq konverżazzjoni tat-2 ta’ Ġunju 2010 li fiha M. R. informa lil M. H., illum operatur ta’ Citi, li M. G. wettaq it-tibdil mixtieq (premessa 156 tal-imsemmija deċiżjoni).

148

Finalment, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi konverżazzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2010 li fiha M. H., illum operatur ta’ Citi, talab lil M. R., membru tal-persunal ta’ Icap, rati dgħajfa għal dak ix-xahar (premessa 158) (iktar ’il quddiem il-“konverżazzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2010”). Għandu jiġi rrilevat li, f’dik il-konverżazzjoni, Icap tirreferi b’mod ċar għall-eżistenza ta’ kollużjoni bejn Citi, DB u UBS.

149

Fil-punt 5.3.7 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Faċilitazzjoni minn Icap tal-ksur Citi/UBS”, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq l-elementi msemmija fil-punti 146 u 147 iktar ’il fuq (premessi 161 sa 163), billi l-konverżazzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2010 ma tressqitx bħala prova fir-rigward ta’ dan il-ksur.

150

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-element ċentrali li fuqu tistrieħ il-prova tal-għarfien minn Icap tar-rwol ta’ DB u UBS fil-ksur Citi/DB fil-ksur Citi/UBS huwa l-kontenut tal-konverżazzjoni tas-7 ta’ April 2010.

151

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ din il-konverżazzjoni, M. H., illum operatur ta’ Citi, jispjega lil M. R., membru tal-persunal ta’ Icap, f’termini li ma humiex ambigwi, li kien ftiehem ma’ żewġ operaturi oħra ta’ DB u ta’ RBS sabiex jiksbu tnaqqis fir-rati sottomessi minn Citi, UBS u DB lill-penil JPY LIBOR wara Ġunju 2010.

152

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-portata antikompetittiva tal-konverżazzjoni tas-7 ta’ April 2010, iżda l-valur probatorju tagħha fir-rigward tal-ksur Citi/UBS u tal-ksur Citi/DB, peress li l-Kummissjoni kkonstatat bħala data ta’ tmiem ta’ dawn il-ksur it-2 ta’ Ġunju 2010 u s-7 ta’ Ġunju 2010, rispettivament, jiġifieri qabel it-tnaqqis tar-rati previsti fil-konverżazzjoni tas-7 ta’ April 2010, li kienet tirrigwarda l-perijodu ta’ wara Ġunju 2010.

153

Jekk stess huwa korrett, kif essenzjalment tenfasizza l-Kummissjoni, li l-konverżazzjoni tas-7 ta’ April 2010 hija suffiċjenti sabiex turi l-għarfien minn Icap ta’ ftehim sabiex jinbidlu r-rati tal-JPY LIBOR u, konsegwentement, l-eżistenza ta’ aġir ta’ ksur bejn Citi, DB u UBS, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan l-aġir jipprevedi perijodu ta’ ksur differenti minn dawk ikkonstatati mill-Kummissjoni għall-ksur Citi/DB u għall-ksur Citi/UBS li Icap hija kkritikata li ffavorixxiet.

154

Issa, skont il-ġurisprudenza, it-tul ta’ ksur jikkostitwixxi element li jifforma parti integrali minnu u, bħala tali, inseparabbli minn kull konstatazzjoni ta’ ksur (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T-120/04, EU:T:2006:350, punt 21).

155

Għaldaqstant, għandu jiġi dedott li l-konverżazzjoni tas-7 ta’ April 2010 kienet tikkonċerna ksur differenti mill-ksur Citi/DB u mill-ksur Citi/UBS li Icap hija kkritikata li ffaċilitat u li, fiha nnifisha, hija ma tistax turi l-għarfien tagħha ta’ dawn il-ksur tal-aħħar.

156

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-provi l-oħra enfasizzati fid-deċiżjoni kkontestata, għandha ssir distinzjoni bejn il-ksur Citi/DB u l-ksur Citi/UBS.

157

Fir-rigward tal-ksur Citi/DB, sa fejn il-Kummissjoni tinvoka, bħala prova, il-konverżazzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2010, li fiha Icap tirreferi hija stess għal intervent miftiehem ta’ Citi, ta’ UBS u ta’ DB, jirriżulta neċessarjament li l-għarfien minn Icap tal-eżistenza ta’ kollużjoni bejn Citi u DB intwera suffiċjentement skont il-liġi.

158

Fir-rigward tal-ksur Citi/UBS, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni stabbilixxiet id-data tat-tmiem tiegħu bħala t-2 ta’ Ġunju 2010 u ma tinvokax, għalhekk, bħala prova, il-konverżazzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2010.

159

Minn dan wieħed jiddeduċi li, fir-rigward tal-ksur Citi/UBS, il-Kummissjoni ma tressaq ebda prova li turi għarfien minn Icap tal-kollużjoni bejn Citi u UBS.

160

Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk Icap, informata permezz tal-konverżazzjoni tas-7 ta’ April 2010 b’manuvri futuri miftiehma ta’ Citi, UBS u DB, setgħetx “raġonevolment tipprevedi”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq, li xi wħud mit-talbiet ta’ Citi mibgħuta lilha mit-18 ta’ Mejju 2010 kienu jaqgħu fl-ambitu tal-implementazzjoni ta’ kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati.

161

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qari tal-konverżazzjoni tas-7 ta’ April 2010, fl-intier tagħha, tagħti l-impressjoni li l-għan ta’ Citi, ta’ UBS u ta’ DB, li bih saret taf Icap, kien tnaqqis ta’ ċerti rati tal-JPY LIBOR sa Diċembru, segwit bi tkabbir tal-istess rati, tal-inqas dawk b’maturità ta’ tliet xhur.

162

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat jekk ċerti talbiet ta’ M. H., illum operatur ta’ Citi, lil M. R., membru tal-persunal ta’ Icap, matul il-perijodu ta’ ksur kellhomx raġonevolment iwasslu lil Icap sabiex tqis li dawn kienu jaqgħu fl-ambitu tal-preparazzjoni tal-kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati evokata fil-konverżazzjoni tas-7 ta’ April 2010.

163

Għandu jiġi kkonstatat li mill-premessi 161 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, bl-eċċezzjoni ta’ riferiment għal rati b’maturità ta’ tliet snin għolja, it-talbiet mibgħuta minn M. H., illum operatur ta’ Citi, lil Icap fit-18 ta’ Mejju 2010 u fit-23 ta’ Mejju 2010 kienu intiżi sabiex ir-rati jinżammu baxxi. Għaldaqstant, Icap setgħet raġonevolment tipprevedi li t-talbiet għal tnaqqis jew stabbilizzazzjoni tar-rati tal-JPY LIBOR mibgħuta fix-xhur ta’ April u ta’ Mejju kienu jaqgħu fl-ambitu tal-preparazzjoni tal-kollużjoni bejn Citi, DB u UBS, li dwarha kellha għarfien fis-7 ta’ April 2010.

164

Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud sa fejn dan jikkonċerna l-ksur Citi/DB u l-ksur Citi/UBS.

2) Fuq it-tielet ilment, li jikkontesta l-kontribuzzjoni ta’ Icap għall-għanijiet komuni tal-banek ikkonċernati

165

Permezz tat-tielet ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir ikkritikat ta’ Icap fil-kuntest tal-ħames okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni huwa differenti ħafna minn dak ikkonstatat fir-rigward tal-banek ikkonċernati sa fejn huwa konkluż li hemm għanijiet komuni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq. Billi d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur UBS/RBS tal-2008 hija suġġetta għall-annullament tagħha għar-raġunijiet spjegati fil-punti 133 sa 145 iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti li dan l-ilment jiġi eżaminat fir-rigward tal-ksur UBS/RBS tal-2007, tal-ksur UBS/DB, tal-ksur Citi/DB u tal-ksur Citi/UBS.

166

Essenzjalment, ir-rikorrenti jqisu li, għal kull waħda mill-erbgħa okkorrenzi ta’ ksur imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-aġir taż-żewġ banek ikkonċernati b’kull waħda mill-okkorrenzi ta’ ksur, li jikkonċerna l-manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet tagħhom lill-penil JPY LIBOR, u, min-naħa l-oħra, l-aġir ikkritikat ta’ Icap, li jinvolvi tentattiv ta’ manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet ta’ banek oħra lil dan il-penil. Huma jfakkru, barra minn hekk, li, f’kull waħda minn dawn l-okkorrenzi ta’ ksur, wieħed miż-żewġ banek ikkonċernati ma kienx jaf bir-rwol ta’ Icap.

167

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kinitx korretta meta qieset li ż-żewġ komportamenti msemmija fil-punt 166 iktar ’il fuq jagħmlu parti mill-istess ksur. B’hekk, ir-riferimenti għal għan komuni ta’ restrizzjoni u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż jew ta’ modifikazzjoni tal-JPY LIBOR huma vagi, żbaljati u mhux sostnuti. Ir-rikorrenti jżidu li l-fatt li, bl-eċċezzjoni ta’ M. H., dawn iż-żewġ komportamenti ma nvolvewx l-istess parteċipanti jikkostitwixxi motiv oġġettiv sabiex jitqies li dawn jikkostitwixxu avvenimenti separati. Bl-istess mod, huma jqisu li l-metodi użati f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ komportamenti huma radikalment differenti, u dan jipprekludi li dawn jitqiesu li jaqgħu taħt l-istess ksur.

168

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni impenjat ruħha, matul laqgħa miżmuma fil-proċedura amministrattiva, li ma tibbażax ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-oġġezzjoni ta’ amplifikazzjoni minn Icap tal-effetti tal-ksur inkwistjoni. Fir-replika, huma jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma stabbilixxietx il-minuti ta’ din il-laqgħa u talbu li din tipprovdi lill-Qorti Ġenerali bin-noti li hija kienet ppreparat għal din il-laqgħa, u jqisu, essenzjalment, li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali impenn jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

169

Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

170

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, għall-erba’ okkorrenzi ta’ ksur imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkritikat lil Icap li influwenzat, b’mod partikolari permezz ta’ tibdil fir-rendikont imsemmi fil-punt 15 iktar ’il fuq, il-livell tal-offerti tar-rati ta’ ċerti banek membri tal-penil JPY LIBOR (ara l-punti 15 sa 17 iktar ’il fuq) u li l-materjalità ta’ dan l-aġir ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

171

Fit-tieni lok, huwa manifest li hemm relazzjoni ta’ komplementarjetà bejn l-aġir li bih ġiet ikkritikata Icap u dak li bih ġew ikkritikati l-banek ikkonċernati, peress li r-rati tal-JPY LIBOR huma kkalkolati fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet tal-banek membri tal-penil JPY LIBOR. Għalhekk, it-tibdil ta’ dawn ir-rati kien ikollu probabbiltà ta’ suċċess ferm inqas kieku l-erba’ okkorrenzi ta’ ksur imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq kienu jistrieħu biss fuq l-allinjament tas-sottomissjonijiet taż-żewġ banek ikkonċernati minn kull ksur. Minn dan jirriżulta li Icap kellha rwol ċentrali fl-implementazzjoni ta’ dawn l-okkorrenzi ta’ ksur billi influwenzat xi wħud mis-sottomissjonijiet quddiem l-imsemmi penil fis-sens imfittex mill-banek ikkonċernati.

172

Għalhekk, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet li l-aġir li bih hija kkritikata Icap ikkontribwixxa għall-għanijiet komuni tal-banek ikkonċernati minn kull waħda mill-erba’ okkorrenzi ta’ ksur imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq.

173

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-aspettattivi leġittimi tagħhom minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma tinvokax, fid-deċiżjoni kkontestata, l-amplifikazzjoni tal-effetti tal-manipulazzjonijiet tal-JPY LIBOR minn Icap.

174

Tali argumenti huma bbażati fuq l-eżistenza ta’ assigurazzjonijiet li ġew ipprovduti lir-rappreżentanti ta’ Icap minn uffiċjali tal-Kummissjoni f’laqgħa li segwiet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

175

Madankollu, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk assigurazzjonijiet ipprovduti fil-kuntest informali ta’ laqgħa tal-Kummissjoni humiex ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi għar-rikorrenti, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li tali argumenti huma bbażati fuq premessa żbaljata fil-fatt. Mill-Anness C.1, ipprovdut mir-rikorrenti u kkostitwit min-noti miktuba bl-id tar-rappreżentanti tagħhom matul din il-laqgħa, jirriżulta li tali assigurazzjonijiet ngħataw mill-Kummissjoni biss fir-rigward tal-kalkolu tal-multa u mhux fil-kuntest tar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ ksur. Fil-fatt, kull waħda mit-tliet serji ta’ noti turi li din il-kwistjoni ġiet ittrattata fid-diskussjoni dwar l-ammont tal-multa u b’reazzjoni għat-termini użati fil-punt 248 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jikkonċerna l-imsemmi kalkolu.

176

Għalhekk, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi applikata l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti.

3) Fuq it-tieni lment, li jikkontesta l-eżistenza ta’ intenzjoni min-naħa ta’ Icap li tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni tal-banek ikkonċernati

177

Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma wrietx li kien hemm rieda min-naħa ta’ Icap li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-banek ikkonċernati fil-kuntest tal-ħames okkorrenzi ta’ ksur. Għall-istess raġunijiet esposti fil-punt 165 iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti li dan l-ilment jiġi eżaminat fid-dawl tal-ksur UBS/RBS tal-2007, tal-ksur UBS/DB, tal-ksur Citi/DB u tal-ksur Citi/UBS.

178

Mill-provi tirriżulta biss ir-rieda ta’ Icap li tissodisfa x-xewqat ta’ operatur li huwa l-klijent uniku ta’ wieħed mill-brokers tagħha. Ir-rikorrenti jsostnu li l-argumenti tal-Kummissjoni jqiegħdu f’dubju l-kriterju tal-intenzjoni li jinsab fil-ġurisprudenza rilevanti.

179

Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

180

Peress li, minn naħa, għall-erba’ okkorrenzi ta’ ksur li jibqgħu inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkonstatat li Icap kellha għarfien dwar l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, ġie kkonstatat li kien hemm komplementarjetà kbira ħafna bejn l-aġir tal-banek ikkonċernati u dak ta’ Icap, minn dan għandu jiġi neċessarjament dedott li kien hemm intenzjoni min-naħa tagħha li tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni tal-imsemmija banek.

181

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti jistrieħu fuq konfużjoni bejn il-mobbli ta’ Icap, li setgħu fil-fatt jikkonsistu fix-xewqa li t-talbiet ta’ operatur ikunu ssodisfatti, u l-għarfien li l-aġir tagħha kellu l-għan li jiffaċilita l-manipulazzjoni tar-rati tal-JPY LIBOR billi jinfluwenza s-sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR fis-sens mixtieq mill-banek ikkonċernati mill-ksur.

182

Għaldaqstant it-tieni lment jistħoqqlu li jiġi miċħud.

b) Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura żbaljata tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata relatati mal-użu minn Icap tal-kuntatti tagħha sabiex tinfluwenza s-sottomissjonijiet ta’ ċerti banek

183

Permezz ta’ din il-parti, li tikkonċerna biss il-ksur UBS/RBS tal-2007, il-ksur Citi/UBS u l-ksur Citi/DB, ir-rikorrenti jikkontestaw l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ċerti komunikazzjonijiet ta’ Icap mal-klijenti tagħha. Minn naħa, il-Kummissjoni ma tispjegax kif il-komunikazzjonijiet ikkunsidrati bħala provi huma rilevanti għall-ksur ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, hija injorat is-sens tal-imsemmija komunikazzjonijiet, li ma jurux intenzjoni ta’ manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet ta’ banek oħra quddiem il-penil JPY LIBOR.

184

Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

185

Fil-kuntest tal-ksur UBS/RBS tal-2007, il-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 79(a) tad-deċiżjoni kkontestata li, fl-24 ta’ Ottubru 2007, Icap kienet użat il-kuntatti tagħha sabiex tipprova tinfluwenza l-aġir ta’ bank tal-penil. Fil-kuntest tal-ksur Citi/UBS u tal-ksur Citi/DB, hija rrilevat, fil-premessa 83(a) tal-imsemmija deċiżjoni, aġir ekwivalenti fit-30 ta’ April 2010.

186

F’dan il-każ, huwa suffiċjenti li jiġi enfasizzat, minn naħa, li mill-premessa 79(b) u mill-premessa 83(b) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex limitata sabiex tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Icap f’dawn it-tliet okkorrenzi ta’ ksur fuq il-bażi biss tal-użu tal-kuntatti tagħha, iżda bbażata wkoll fuq il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni qarrieqa lill-banek tal-penil JPY LIBOR permezz tar-rendikont imsemmi fil-punt 15 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma jikkontestawx dan l-aspett tar-raġunament tal-Kummissjoni.

187

B’hekk, sa fejn il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni żbaljata hija, fiha nnifisha, ta’ natura li turi l-parteċipazzjoni ta’ Icap f’dawn it-tliet okkorrenzi ta’ ksur, din il-parti tal-motiv għandha, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 74 iktar ’il fuq, tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

c) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

188

Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-kriterju ta’ “faċilitazzjoni” applikat għal Icap huwa wisq wiesa’, ġdid u jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Il-klassifikazzjoni ta’ “faċilitatur” applikata għal Icap ma setgħetx raġonevolment tiġi dedotta mis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T-99/04, EU:T:2008:256), u tmur, għalhekk, kontra kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

189

Ir-rikorrenti jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ “faċilitazzjoni” huwa riċenti u ftit żviluppat. Huma jżidu li s-sitwazzjoni ta’ Icap kjarament tiddistingwi ruħha mir-rwol ta’ AC-Treuhand kemm fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T-99/04, EU:T:2008:256), kif ukoll f’dik li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T-27/10, EU:T:2014:59). Filwaqt li AC-Treuhand irrendiet il-kollużjoni possibbli, Icap hija kkritikata biss bil-fatt li hija aġixxiet għas-servizz tal-kollużjoni jew li kkontribwixxiet għaliha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li, f’dan il-każ, il-kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati kienet teżisti anki fl-assenza ta’ kull intervent minn Icap.

190

Iktar milli “faċilitazzjoni” ta’ ftehim orizzontali, ir-rwol ta’ Icap huwa limitat għal restrizzjoni vertikali ma’ operatur, li la toħloq restrizzjoni u lanqas distorsjoni tal-kompetizzjoni fiha nnifisha. Ir-rikorrenti jżidu li, f’ħames mis-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni, il-bank l-ieħor parti fil-kollużjoni injora l-involviment ta’ Icap. Huma jqisu li l-applikazzjoni ta’ kriterju daqshekk wiesa’ bħall-kunċett ta’ “faċilitazzjoni” għandha effetti partikolarment tqal għal impriżi terzi għall-kollużjoni.

191

Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

192

Billi d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur UBS/RBS tal-2008 hija suġġetta għall-annullament tagħha għar-raġunijiet spjegati fil-punti 133 sa 145 iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti li din il-parti tal-motiv tiġi eżaminata fir-rigward tal-ksur UBS/RBS tal-2007, tal-ksur UBS/DB, tal-ksur Citi/RBS, tal-ksur Citi/DB u tal-ksur Citi/UBS.

193

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, inter alia, li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, X-Steuerberatungsgesellschaft, C-342/14, EU:C:2015:827, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

194

Fil-qasam tad-dritt kriminali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jsib l-espressjoni partikolari tiegħu fil-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, iggarantit mill-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, EU:C:2008:312, punt 70), li jimplika li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jirreprimuhom, u din il-kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jagħraf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk hemm bżonn bl-għajnuna tal-interpretazzjoni mogħtija mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet iwasslu għar-responsabbiltà kriminali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

195

B’hekk, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja minn kawża għall-oħra, sakemm ir-riżultat ikun raġonevolment prevedibbli meta jitwettaq ir-reat, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija f’dak iż-żmien mill-ġurisprudenza relatata mad-dispożizzjoni legali inkwistjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

196

Il-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi kunsiderevolment mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tasal sabiex tirrikorri għal konsulenza esperta sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att speċifiku. Dan huwa applikabbli speċjalment għal professjonisti, li huma mdorrijin jeżerċitaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Wieħed jista’ jistenna wkoll li huma jagħtu attenzjoni partikolari fl-evalwazzjoni tar-riskji li dan jinkludi (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197

Fil-każ ineżami, hemm lok li jitqies li Icap kellha tistenna, jekk hemm bżonn wara li tkun irrikorriet għal konsulenza esperta, li l-aġir tagħha jista’ jkun iddikjarat inkompatibbli mar-regoli ta’ kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-portata wiesgħa tal-kunċetti ta’ “ftehim” u ta’ “prattika miftiehma” li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

198

Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jimminimizzaw ir-rwol ta’ Icap fil-ksur inkwistjoni billi jqabbluh ma’ dak ta’ AC-Treuhand fil-kartelli kkunsidrati fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T-99/04, EU:T:2008:256), u għas-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T-27/10, EU:T:2014:59), għandha, għall-kuntrarju, tiġi enfasizzata l-importanza ta’ din il-parteċipazzjoni għal xi wħud minn dawn il-ksur. Fil-fatt, sa fejn ir-rati tal-JPY LIBOR huma kkalkolati fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet tal-membri tal-penil, l-influwenza eżerċitata minn Icap fuq il-klijenti tagħha membri tal-imsemmi penil permezz tar-rendikont imsemmi fil-punt 15 iktar ’il fuq ippermettiet li l-manipulazzjonijiet tal-imsemmija rati jkollhom portata ikbar milli kieku dawn baqgħu limitati biss għas-sottomissjonijiet taż-żewġ banek ikkonċernati minn kull wieħed minn dawn il-ksur.

199

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

200

Fid-dawl tal-premess, hemm lok li dan il-motiv jintlaqa’ fir-rigward tal-ksur UBS/RBS tal-2008 u jiġi miċħud fir-rigward tal-kumplament.

3.   Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-natura żbaljata tat-tul tal-ksur inkwistjoni

201

Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma ġabitx provi li jiġġustifikaw l-għażla tat-tul tal-okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni. Skonthom, il-Kummissjoni ma turix, minn naħa, li l-parteċipazzjoni ta’ Icap f’dawn il-ksur kellha tul ekwivalenti għal dak tal-banek ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, li din il-parteċipazzjoni baqgħet issir mingħajr waqfien bejn id-dati li għalihom hija tqis li għandha provi. Senjatament, il-Kummissjoni għandha turi għarfien kontinwu minn Icap tal-aġir ta’ ksur tal-banek ikkonċernati għall-perijodu kollu kkonstatat għal kull wieħed minn dawn il-ksur.

202

Dan huwa iktar u iktar neċessarju minħabba kemm in-natura ta’ kuljum tal-kalkolu tad-determinazzjoni tar-rati tal-interessi kif ukoll l-ammissjoni tal-Kummissjoni li Icap ma kinitx taf bil-miżuri kollha adottati mill-banek ikkonċernati. Barra minn hekk, essenzjalment, ir-rikorrenti jenfasizzaw id-diversità tal-kontenut, jiġifieri n-natura kontradittorja, tat-talbiet unilaterali ta’ UBS, imbagħad ta’ Citi, sabiex jenfasizzaw li kien raġonevoli għal Icap li tikkunsidrahom bħala li ma kinux jaqgħu fl-ambitu tal-aġir ta’ ksur tal-banek ikkonċernati.

203

Il-Kummissjoni ssostni li l-provi mressqa fid-deċiżjoni kkontestata huma rilevanti kemm fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tat-tul tagħhom. Minnhom tirriżulta l-eżistenza ta’ kuntatti regolari li seħħew f’perijodi intermittenti skont il-ħtiġijiet tal-banek ikkonċernati. Huwa, għalhekk, artifiċjali li taqsam serje ta’ okkorrenzi marbuta mill-qrib ma’ każijiet individwali ta’ tul ta’ xi jiem sempliċement minħabba li r-rati tal-JPY LIBOR huma ddeterminati fuq bażi ta’ kuljum. Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-argumenti li jinsabu fil-premessa 234(c) tad-deċiżjoni kkontestata u tfakkar li l-adeżjoni intenzjonali ta’ Icap mal-għanijiet komuni tal-ksur ikkonċernat intweriet.

204

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li, għal kull ksur inkwistjoni, il-banek ikkonċernati ammettew ilkoll l-istess tul ikkonstatat kontra Icap u li għal kull ksur wieħed mill-banek ikkonċernati rrikonoxxa r-rwol ta’ Icap. Dan irendi irrilevanti l-argumenti bbażati fuq il-premessa li Icap setgħet taħseb li kull ksur intemm wara perijodu qasir inizjali.

205

Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, meta wieħed jew iktar minn dawn l-elementi ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda weħedhom, ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C-293/13 P u C-294/13 P, EU:C:2015:416, punt 156 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206

Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir li kien speċifiku għaliha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li jkollhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur fl-intier tiegħu, tista’ tkun responsabbli wkoll għal aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir illegali previst jew implementat minn impriżi oħra fil-kisba tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C-293/13 P u C-294/13 P, EU:C:2015:416, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata).

207

Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa fil-konfront tagħha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu u, għalhekk, ta’ dan il-ksur kollu kemm hu. Jista’ jkun ukoll li impriża tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, iżda kellha għarfien tal-aġir l-ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur ippjanat jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedi dan l-aġir u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha wkoll dritt li timputa fuq din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, konsegwentement, tal-ksur fl-intier tiegħu (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208

Min-naħa l-oħra, jekk impriża pparteċipat direttament f’wieħed jew iktar mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, hija riedet tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kienet taf bil-komponenti illegali kollha l-oħra previsti jew implementati minn dawn il-parteċipanti fit-tfittxija li jintlaħqu dawn l-għanijiet komuni jew li raġonevolment setgħat tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta r-riskju li joħolqu, il-Kummissjoni tista’ biss tattribwixxilha r-responsabbiltà ta’ dak l-aġir li fih kienet ipparteċipat direttament u tal-aġir previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fit-tfittxija sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija minnha u li tagħhom hemm il-prova li hija kellha għarfien jew setgħet raġonevolment ipprevediethom u kienet lesta li taċċetta r-riskju (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C-293/13 P u C-294/13 P, EU:C:2015:416, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata).

209

F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat it-tul tal-okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-klassifikazzjoni tagħhom bħala ksur uniku u kontinwu, kif jirriżulta mil-premessi 210 sa 217 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-premessa 234(c) tal-imsemmija deċiżjoni, hija qieset li l-provi miġjuba juru l-eżistenza ta’ kuntatti regolari li seħħew f’perijodi intermittenti skont il-ħtiġijiet tad-diversi parteċipanti u ddeduċiet li jkun artifiċjali li dawn jinqasmu f’każijiet individwali ta’ tul ta’ xi jiem, minħabba li l-proċess ta’ ffissar tar-rati tal-JPY LIBOR għandu frekwenza ta’ kuljum. Fil-premessa 234(d) ta’ din id-deċiżjoni, hija kkunsidrat li l-għarfien tal-kuntatti bejn UBS, imbagħad Citi, u l-bank l-ieħor ikkonċernat kien jimplika li Icap kienet f’pożizzjoni li tippreżupponi li l-azzjonijiet ordinarji kollha tagħha favur UBS imbagħad Citi setgħu wkoll isostnu mekkaniżmu bejn dawn il-banek u l-banek l-oħra kkonċernati mill-imsemmija ksur.

210

L-argumenti tar-rikorrenti jistgħu jinqasmu f’żewġ ilmenti. Huma jikkontestaw, minn naħa, ir-rilevanza ta’ ċertu aġir ta’ Icap li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-inklużjoni fil-perijodi ta’ ksur ta’ intervalli li għalihom ma ġiet ipprovduta ebda prova ta’ parteċipazzjoni ta’ Icap.

211

Billi d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur UBS/RBS tal-2008 hija suġġetta għall-annullament tagħha għar-raġunijiet esposti fil-punti 133 sa 145 iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti li dan il-motiv jiġi eżaminat fir-rigward tal-ksur UBS/RBS tal-2007, tal-ksur UBS/DB, tal-ksur Citi/RBS, tal-ksur Citi/DB u tal-ksur Citi/UBS.

212

Żewġ osservazzjonijiet huma meħtieġa qabel ma tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ kull wieħed mill-perijodi ta’ ksur ikkonstatati mill-Kummissjoni.

213

Fir-rigward tal-ewwel ilment, għandha titfakkar il-konstatazzjoni li saret fil-punt 105 iktar ’il fuq ibbażata fuq li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ ksur awtonomu bejn Icap u UBS, imbagħad bejn Icap u Citi, bl-għan li jiġu mmanipulati r-rati tal-JPY LIBOR inkwistjoni f’direzzjoni konformi mal-interessi ta’ UBS, imbagħad ta’ Citi, permezz tal-propagazzjoni minn Icap ta’ informazzjoni żbaljata. Hija bbażat ruħha fuq l-implementazzjoni minn Icap ta’ okkorrenzi ta’ ksur deċiżi kull darba bejn żewġ banek. Għaldaqstant, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 119 sa 121 iktar ’il fuq, huma biss il-provi li jippermettu li jintwera li Icap kienet taf jew setgħet raġonevolment tipprevedi li t-talbiet li ntbagħtulha minn UBS, imbagħad minn Citi, kienu jaqgħu fl-ambitu tat-tfittxija ta’ għanijiet komuni għaż-żewġ banek ikkonċernati minn kull ksur li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala prova tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija ksur.

214

Fir-rigward tat-tieni lment, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti huma essenzjalment ibbażati fuq il-fatt li r-rati tal-JPY LIBOR huma adottati fuq bażi ta’ kuljum u li, għaldaqstant, il-manipulazzjoni kellha issir kuljum sabiex jibqa’ jkollha effett.

215

Għandu jiġi kkonstatat li tali argumenti huma ekwivalenti għal kontestazzjoni tal-fondatezza tan-natura kontinwa tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur inkwistjoni kkonstatata mill-Kummissjoni.

216

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont iċ-ċirkustanzi, ksur uniku jista’ jkun kontinwu jew ripetut.

217

Fil-fatt, minkejja li l-kunċett ta’ ksur uniku jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku waħdieni intiż sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoni jew fi ksur individwali marbuta flimkien mill-istess għan u l-istess suġġetti, il-modalitajiet li skonthom il-ksur ikun twettaq jippermettu li l-ksur uniku jiġi kklassifikat jew bħala wieħed kontinwu, jew bħala wieħed ripetut (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T-147/09 u T-148/09, EU:T:2013:259, punti 8586, u tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T-655/11, EU:T:2015:383, punt 484).

218

Fir-rigward ta’ ksur kontinwu, il-kunċett ta’ pjan sħiħ jippermetti lill-Kummissjoni li tippreżumi li t-twettiq ta’ ksur ma ġiex interrott anki jekk, għal ċertu perijodu, hija ma tiddisponix minn prova tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata f’dan il-ksur, sa fejn din ipparteċipat fil-ksur qabel u wara dan il-perijodu u sa fejn ma jeżistux provi jew indikazzjonijiet li jistgħu jissuġġerixxu li l-ksur ġie interrott fejn jikkonċernaha. F’dan il-każ, hija tista’ timponi multa għall-perijodu kollu tal-ksur, inkluż il-perijodu li għalih hija ma għandhiex prova tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T-147/09 u T-148/09, EU:T:2013:259, punt 87, u tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T-655/11, EU:T:2015:383, punt 481).

219

Madankollu, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li, fl-assenza ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tinvoka, minn tal-inqas, provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien suffiċjentement qrib, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ b’mod mhux interrott bejn żewġ dati speċifiċi (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T-655/11, EU:T:2015:383, punt 482 u l-ġurisprudenza ċċitata).

220

Għalkemm il-perijodu bejn żewġ manifestazzjonijiet ta’ aġir ta’ ksur huwa kriterju rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura kontinwa ta’ ksur, xorta jibqa’ l-fatt illi l-kwistjoni jekk l-imsemmi perijodu huwiex twil biżżejjed sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur ma għandhiex tiġi eżaminata fl-astratt. Għall-kuntrarju, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tħaddim tal-akkordju inkwistjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T-655/11, EU:T:2015:383, punt 483 u l-ġurisprudenza ċċitata).

221

Finalment, fejn jista’ jiġi kkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur ġiet interrotta u li l-impriża pparteċipat fil-ksur qabel u wara din l-interruzzjoni, dan il-ksur jista’ jiġi kklassifikat bħala ripetut jekk — bħal fil-każ tal-ksur kontinwu — jeżisti għan uniku mħaddan minn din qabel u wara l-interruzzjoni, li jista’ jiġi dedott mill-identiċità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, tal-prodotti kkonċernati, tal-impriżi li pparteċipaw fil-kollużjoni, tal-metodi prinċipali tal-implementazzjoni tagħha, tal-persuni fiżiċi implikati f’isem l-impriżi u, fl-aħħar nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-imsemmija prattiki. Għalhekk, il-ksur ikun uniku u ripetut u, għalkemm il-Kummissjoni tista’ timponi multa għall-perijodu ta’ ksur kollu, hija ma tistax tagħmel dan, min-naħa l-oħra, għall-perijodu li matulu l-ksur kien ġie interrott (sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T-147/09 u T-148/09, EU:T:2013:259, punt 88, u tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T-655/11, EU:T:2015:383, punt 484).

222

F’dan il-każ, fuq il-bażi tal-kuntest tal-funzjonament tal-ksur inkwistjoni, li huwa rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-perijodu li jissepara żewġ manifestazzjonijiet ta’ aġir ta’ ksur jimplikax l-eżistenza ta’ interruzzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ impriża skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 220 iktar ’il fuq, għandha effettivament tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura ta’ kuljum tal-iffissar tar-rati tal-JPY LIBOR. Minn dan jirriżulta neċessarjament li manipulazzjoni tal-imsemmija rati jkollha l-effetti tagħha limitati ratione temporis u teħtieġ li tiġi mtennija sabiex dawn l-effetti jkomplu.

223

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fiċ-ċirkustanzi fejn it-tkomplija ta’ ftehim jew ta’ prattiki miftiehma teżiġi miżuri pożittivi partikolari, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi t-tkomplija tal-akkordju fl-assenza ta’ prova tal-adozzjoni tal-imsemmija miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, EU:T:2000:77, punti 28032804).

224

Minn dan jirriżulta li l-prova tal-parteċipazzjoni ta’ Icap f’okkorrenzi ta’ ksur uniċi u kontinwi u, għaldaqstant, tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tagħha għall-perijodi ta’ ksur kollha kienet timplika min-naħa tal-Kummissjoni l-enfasi ta’ miżuri pożittivi adottati minn Icap fuq bażi, jekk mhux ta’ kuljum, tal-inqas suffiċjentement limitata ratione temporis. Fil-każ kuntrarju, il-Kummissjoni kellha tikkonstata l-eżistenza ta’ okkorrenzi ta’ ksur uniċi u ripetuti u ma tinkludix fil-perijodi ta’ ksur ikkonstatati kontra Icap l-intervalli li għalihom hija ma għandhiex provi tal-parteċipazzjoni tagħha.

225

Għal kull ksur inkwistjoni, għandu jsir eżami konġunt taż-żewġ ilmenti mressqa mir-rikorrenti.

a) Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur UBS/RBS tal-2007

226

Fir-rigward tal-perijodu ta’ ksur ikkonstatat fir-rigward ta’ Icap għall-ksur UBS/RBS tal-2007, kif diġà ġie spjegat fil-punti 128 sa 131 iktar ’il fuq, l-għarfien minn Icap tal-għanijiet komuni għal UBS u għal RBS huwa bbażat biss fuq il-konverżazzjoni tal-14 ta’ Awwissu 2007, imsemmija fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, minkejja li din il-konverżazzjoni kienet tippermetti lil Icap li tifhem l-eżistenza ta’ ksur bejn UBS u RBS, jibqa’ l-fatt li l-informazzjoni li tinsab fiha kienet doppjament limitata. Minn naħa, din kienet tikkonċerna biss manipulazzjonijiet li jirrigwardaw ir-rata tal-JPY LIBOR għal sitt xhur. Min-naħa l-oħra, din kienet tipprevedi biss manipulazzjoni ta’ din ir-rata sabiex togħla.

227

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li huma enfasizzati fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata talbiet ta’ M. H., dak iż-żmien operatur ta’ UBS, lil M. R., membru tal-persunal ta’ Icap, mibgħuta fil-15, fis-16 u fis-17 ta’ Awwissu 2007 u li jipprevedu rati għolja għal sitt xhur. Għandu jiġi kkonstatat li tali talbiet huma konformi mas-sens tal-konverżazzjoni tal-14 ta’ Awwissu 2007 u jaqgħu lkoll f’intervall ta’ żmien qasir. Minn dan jirriżulta neċessarjament li dawn jistgħu jipprovaw il-parteċipazzjoni ta’ Icap fi ksur uniku u kontinwu sa din id-data.

228

Fit-tieni lok, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-provi sussegwenti meqjusa mill-Kummissjoni kontra Icap jirrigwardaw maturitajiet ta’ rati differenti minn dawk imsemmija fil-konverżazzjoni tal-14 ta’ Awwissu 2007 jew manipulazzjonijiet ta’ rati li jmorru f’direzzjoni opposta għall-kontenut tal-imsemmija konverżazzjoni.

229

B’hekk, it-talba ta’ M. H., dak iż-żmien operatur ta’ UBS, lil M. R., membru tal-persunal ta’ Icap, datata l-20 ta’ Awwissu 2007, imsemmija fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet tipprevedi rati għolja għall-JPY LIBOR għal tliet xhur, filwaqt li Icap kienet informata biss bi ftehim bejn UBS u RBS dwar żieda fir-rati għal sitt xhur. Iktar minn hekk, it-talba ta’ M. H. lil M. R. tat-22 ta’ Awwissu 2007, imsemmija fil-premessa 108 tal-imsemmija deċiżjoni, tissolleċita rati baxxi għall-JPY LIBOR għal sitt xhur, jiġifieri l-kuntrarju tal-kontenut tal-ftehim bejn UBS u RBS, kif ġie mressaq għall-attenzjoni ta’ Icap.

230

B’hekk, tal-inqas b’effett mit-22 ta’ Awwissu 2007, Icap setgħet raġonevolment tqis li l-ksur UBS/RBS kien intemm. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ informazzjoni sussegwenti miġjuba għall-attenzjoni ta’ Icap fir-rigward ta’ kontinwazzjoni jew tennija tal-kollużjoni bejn UBS u RBS, hija ma tistax tiġi kkritikata li pparteċipat f’dan il-ksur b’effett minn dik id-data.

231

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jintlaqa’ sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur UBS/RBS tal-2007 wara t-22 ta’ Awwissu 2007.

b) Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur Citi/RBS

232

Fir-rigward tal-perijodu ta’ ksur ikkonstatat fir-rigward ta’ Icap għall-ksur Citi/RBS, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-parteċipazzjoni ta’ Icap fl-imsemmi ksur għad-dati li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tressaq provi. L-argumenti tagħhom huma intiżi biss sabiex jikkontestaw in-natura kontinwa ta’ din il-parteċipazzjoni għall-perijodu ta’ ksur kollu kkonstatat, jiġifieri mit-3 ta’ Marzu sat-22 ta’ Ġunju 2010.

233

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-punt 5.3.5 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-“faċilitazzjoni” minn Icap tal-ksur Citi/RBS, jirriżulta li l-Kummissjoni ressqet biss prova fir-rigward tad-dati li ġejjin: it-3 u l-4 ta’ Marzu 2010 (premessi 142 sa 144), it-28 u d-29 ta’ April 2010 (premessi 146 u 147), l-4 ta’ Mejju 2010 (premessa 149), it-12 ta’ Mejju 2010 (premessa 148), it-13 ta’ Mejju 2010 (premessa 149), il-25 ta’ Mejju 2010 (premessa 150), l-15 ta’ Ġunju 2010 (premessa 151) u t-22 ta’ Ġunju 2010 (premessa 152).

234

Fl-ewwel lok, billi l-aġir kollu kkritikat lil Icap kien jikkonsisti f’li tikseb, fuq it-talba ta’ M. H., illum operatur ta’ Citi, informazzjoni minn RBS dwar il-livell tas-sottomissjonijiet futuri tiegħu quddiem il-penil JPY LIBOR kif ukoll li, xi drabi, tinfluwenzahom, minn dan jirriżulta neċessarjament li dawn jaqgħu fl-ambitu ta’ ksur uniku.

235

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ ksur kontinwu applikata għall-ksur inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li, b’effett mit-28 ta’ April u sat-22 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni tressaq il-prova ta’ intervent regolari ta’ Icap u b’intervalli relattivament frekwenti, ebda prova ma hija pprovduta fir-rigward tal-perijodu bejn il-5 ta’ Marzu u s-27 ta’ April 2010, jiġifieri perijodu ta’ iktar minn seba’ ġimgħat.

236

Barra minn hekk, minkejja li l-provi dwar it-3 u l-4 ta’ Marzu 2010 juru b’mod ċar intervent ta’ Icap fuq it-talba ta’ M. H., illum operatur ta’ Citi, sabiex jinkiseb tnaqqis tas-sottomissjonijiet ta’ RBS quddiem il-penil JPY LIBOR, jirriżulta wkoll li M. H. fittex tnaqqis puntwali tal-JPY LIBOR għal tliet xhur sabiex jitjiebu l-pożizzjonijiet tiegħu fit-3 ta’ Marzu 2010. Minn dan ma jistax jiġi dedott li kien hemm ftehim-qafas li permezz tiegħu RBS aċċetta li jibdel għal perijodu itwal is-sottomissjonijiet tiegħu fis-sens mixtieq minn M. H.

237

Minn dan jirriżulta li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 222 sa 224 iktar ’il fuq u fid-dawl b’mod partikolari tan-natura ta’ kuljum tal-iffissar tar-rati tal-JPY LIBOR, l-assenza ta’ provi ta’ intervent minn Icap għal perijodu daqshekk twil kellha twassal lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li kien hemm interruzzjoni fil-parteċipazzjoni tagħha bejn il-5 ta’ Marzu u s-27 ta’ April 2010.

238

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jintlaqa’ sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kkonstatat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur Citi/RBS bejn il-5 ta’ Marzu u s-27 ta’ April 2010.

c) Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur Citi/DB u l-ksur Citi/UBS

239

Fir-rigward tal-legalità tal-perijodi ta’ ksur miżmuma kontra Icap għall-ksur Citi/DB u Citi/UBS, ir-rikorrenti jikkontestaw kemm ir-rilevanza tal-provi kkonstatati kontra Icap kif ukoll in-natura kontinwa tal-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-ksur.

240

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rilevanza tal-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ksur Citi/UBS u tal-ksur Citi/DB, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

241

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-konverżazzjoni tas-7 ta’ April 2010 msemmija fil-premessi 154 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 152 sa 155 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li din kienet tirrigwarda ksur differenti minn dawk ikkonstatati mill-Kummissjoni. B’hekk, bl-istess mod li ġie kkunsidrat li l-imsemmija konverżazzjoni ma setgħetx fiha nnifisha turi l-għarfien minn Icap tal-ksur inkwistjoni, għandu jiġi dedott li din ma tistax tikkostitwixxi prova tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur Citi/DB.

242

Fir-rigward, it-tieni nett, tat-talbiet ta’ M. H., illum operatur ta’ Citi, lil M. R., membru tal-persunal ta’ Icap, bid-data tat-18 ta’ Mejju u tat-23 ta’ Mejju 2010 imsemmija fil-premessi 155 u 161 tad-deċiżjoni kkontestata, għal raġunijiet analogi għal dawk spjegati fil-punt 163 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li Icap setgħet raġonevolment tipprevedi li dawn kienu jaqgħu fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ kollużjoni bejn Citi, DB u RBS. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet korretta meta ħadithom inkunsiderazzjoni.

243

L-istess japplika, it-tielet nett, għall-komunikazzjoni bejn M. R. u M. G., membri tal-persunal ta’ Icap, intiża għal aġġustament tar-rendikont imsemmi fil-punt 15 iktar ’il fuq fid-data tal-1 ta’ Ġunju 2010, imsemmija fil-premessi 157 u 163 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din il-komunikazzjoni saret wara t-talbiet imsemmija fil-punt 242 iktar ’il fuq u tista’, għalhekk, tidher bħala l-implementazzjoni tagħhom. Dan huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-konverżazzjoni tal-għada, it-2 ta’ Ġunju 2010, bejn M. R. u M. H., illum operatur ta’ Citi, imsemmija fil-premessi 156 u 162 tal-imsemmija deċiżjoni, li fiha M. R. jinforma lil M. H. li M. G. wettaq it-tibdil mixtieq.

244

Finalment, ir-raba’ nett, u fir-rigward tal-ksur Citi/DB, il-Kummissjoni kienet korretta wkoll meta ħadet inkunsiderazzjoni l-konverżazzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2010, imsemmija fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, billi, għar-raġunijiet esposti il-punt 157 iktar ’il fuq, il-kontenut tagħha juri b’mod ċar l-għarfien minn Icap tal-eżistenza ta’ kollużjoni bejn Citi u DB.

245

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżami tal-fondatezza tal-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tan-natura kontinwa tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur Citi/DB bejn is-7 ta’ April u s-7 ta’ Ġunju 2010, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma hija bbażata fuq ebda prova ta’ xi talba mibgħuta lil Icap favur manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet quddiem il-penil JPY LIBOR qabel it-18 ta’ Mejju 2010. Mill-banda l-oħra, wara din id-data, mill-punti 242 sa 244 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġġib il-prova ta’ intervent regolari minn Icap u f’intervalli relattivament frekwenti sas-7 ta’ Ġunju 2010.

246

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni żbaljat meta ffissat bħala punt ta’ tluq tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur Citi/DB is-7 ta’ April 2010, meta hija setgħet turi tali parteċipazzjoni biss b’effett mit-18 ta’ Mejju 2010.

247

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jintlaqa’ sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kkonstatat parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur Citi/DB bejn is-7 ta’ April u t-18 ta’ Mejju 2010.

248

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-eżami tal-fondatezza tal-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tan-natura kontinwa tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur Citi/UBS bejn it-28 ta’ April u t-2 ta’ Ġunju 2010, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-istess provi li ġew enfasizzati fil-kuntest tal-ksur Citi/DB. Minn dan, wieħed neċessarjament jiddeduċi li l-Kummissjoni żbaljat meta stabbilixxiet il-punt ta’ tluq tal-imsemmija parteċipazzjoni bħala t-28 ta’ April 2010, meta hija tista’ turi tali parteċipazzjoni biss b’effett mit-18 ta’ Mejju 2010.

249

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jintlaqa’ sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kkonstatat parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur Citi/UBS bejn it-28 ta’ April u t-18 ta’ Mejju 2010.

d) Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur UBS/DB

250

Fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-perijodu ta’ ksur ikkonstatat kontra Icap għall-ksur UBS/DB, jiġifieri mit-22 ta’ Mejju sal-10 ta’ Awwissu 2009, għandu, fl-ewwel lok, jiġi osservat li r-rikorrenti ma jikkontestawx ir-rilevanza tal-provi kkonstatati kontra Icap.

251

Fit-tieni lok, mill-punt 5.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata u senjatament mill-premessi 129 sa 139 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ġġib il-prova ta’ intervent regolari ta’ Icap, f’intervalli frekwenti ħafna u fil-perijodu ta’ ksur kollu kkonstatat. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkonstatat parteċipazzjoni kontinwa ta’ Icap fil-ksur UBS/DB mit-22 ta’ Mejju sal-10 ta’ Awwissu 2009.

252

Fid-dawl tal-premess, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u għandhom jiġu annullati l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur UBS/RBS tal-2007 wara t-22 ta’ Awwissu 2007, l-Artikolu 1(d) tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn dan jikkonstata l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur Citi/RBS bejn il-5 ta’ Marzu u s-27 ta’ April 2010 u l-Artikolu 1(e) u (f) ta’ din id-deċiżjoni sa fejn dan jikkonstata l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur Citi/DB u Citi/UBS qabel it-18 ta’ Mejju 2010.

4.   Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ amministrazzjoni tajba

253

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba riferimenti li jinsabu fid-deċiżjoni tal-2013 għall-aġir ta’ Icap u jressqu żewġ ilmenti bbażati fuq ksur, minn naħa, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

254

Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

255

Billi d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur UBS/RBS tal-2008, hija suġġetta għall-annullament tagħha għar-raġunijiet esposti fil-punti 133 sa 145 iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti li dan il-motiv jiġi eżaminat fir-rigward tal-ksur UBS/RBS tal-2007, il-ksur UBS/DB, il-ksur Citi/RBS, il-ksur Citi/DB u l-ksur Citi/UBS.

256

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-premessa li d-deċiżjoni tal-2013 ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, għandu jitfakkar li l-imsemmi prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stipulat illum fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li japplika għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew pagamenti ta’ penalità (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C-89/11 P, EU:C:2012:738, punti 7273 u l-ġurisprudenza ċċitata).

257

Il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza jimplika li kull persuna akkużata għandha titqies innoċenti sakemm ma tiġix pprovata l-ħtija tagħha skont il-liġi. B’hekk, din timpedixxi kwalunkwe konstatazzjoni formali kif ukoll kwalunkwe allużjoni għar-responsabbiltà ta’ persuna akkużata għal ksur partikolari f’deċiżjoni li ttemm l-azzjoni, mingħajr ma din il-persuna tkun ingħatat l-opportunità sabiex tibbenefika mill-garanziji kollha li huma inerenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedimenti li jkunu qed jissoktaw b’mod normali u li jwasslu għal deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-kontestazzjoni (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-22/02 u T-23/02, EU:T:2005:349, punt 106; tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, T-474/04, EU:T:2007:306, punt 76, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Villeroy & Boch Austria vs Il-Kummissjoni, T-373/10 u T-374/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:455, punt 158).

258

F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-parti tad-deċiżjoni tal-2013 intitolata “Deskrizzjoni tal-fatti”, il-Kummissjoni tispjega, b’mod partikolari fil-premessi 43, 45, 46, 49, 50, 54, 56, 59, 60, 62 u 64, kif Icap “iffaċilitat” il-ksur inkwistjoni imputat lill-banek li pparteċipaw fil-proċedura ta’ tranżazzjoni.

259

Għandu jiġi kkonstatat li dawn is-siltiet, minkejja li jinsabu fil-parti tad-deċiżjoni tal-2013 relatata mal-fatti u ma jinkludux bħala tali klassifikazzjoni ġuridika fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE, xorta waħda juru b’mod ċar ħafna l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fl-aġir ta’ ksur ikkonstatat fir-rigward tal-banek ikkonċernati. F’dan ir-rigward, il-qari tal-premessa 45 tal-imsemmija deċiżjoni huwa partikolarment indikattiv tal-eżistenza ta’ pożizzjoni deċiża mill-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni, sa fejn hija tipprovdi dan li ġej:

“[…] Icap ipprovat tinfluwenza s-sottomissjoni tagħha tar-rati JPY LIBOR billi torjentaha fid-direzzjoni mixtieqa mill-operatur ta’ UBS; […] f’ċerti okkażjonijiet, bil-komunikazzjoni ta’ informazzjoni qarrieqa lil ċerti banek tal-penil permezz ta’ rendikonti […], imressqa bħala ‘predizzjonijiet’ jew ‘perspettivi’ fir-rigward tal-livell li fih ir-rati JPY LIBOR se jkunu fissi[; din] l-informazzjoni qarrieqa kellha l-għan li tinfluwenza lil ċerti banek tal-penil li ma pparteċipawx fil-ksur sabiex dawn jissottomettu rati JPY LIBOR konformi mal-‘predizzjonijiet’ jew ‘perspettivi’ aġġustati.”

260

It-tieni nett, minkejja li l-premessa 51 tad-deċiżjoni tal-2013 tispeċifika li l-imsemmija deċiżjoni ma tikkonċernax il-klassifikazzjoni ġuridika tal-aġir ta’ Icap, u lanqas ir-responsabbiltà tagħha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-aġir ta’ Icap kif ukoll tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tagħha fir-rigward tas-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni setgħet faċilment tiġi dedotta mill-qari ta’ din id-deċiżjoni.

261

Fil-fatt, minn naħa, fil-premessa 69 tad-deċiżjoni tal-2013, il-Kummissjoni tirriproduċi l-kontenut tal-punt 130 tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T-99/04, EU:T:2008:256), li għalih hija tirreferi, fejn il-Qorti Ġenerali spjegat l-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ impriża fuq il-bażi ta’ dak li hija tikklassifika bħala “faċilitazzjoni” ta’ ksur. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni tirreferi, b’mod partikolari, fit-titoli tal-punti tagħha 4.1.2.1, 4.1.2.3, 4.1.2.4 u 4.1.3, għall-“faċilitazzjoni” tal-ksur ikkonċernat minn Icap.

262

It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tal-2013 tikkostitwixxi deċiżjoni definittiva, “li ttemm l-azzjoni” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 257 iktar ’il fuq.

263

F’dan ir-rigward, il-parallel li sar mill-Kummissjoni fis-seduta bejn l-espressjoni ta’ pożizzjoni dwar il-legalità tal-aġir ta’ Icap fid-deċiżjoni tal-2013 u dik li tista’ tidher f’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa irrilevanti. Fil-fatt, f’din it-tieni konfigurazzjoni, l-impriża kkonċernata hija f’pożizzjoni li ssostni utilment id-difiża tagħha qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva. Billi ddeċidew li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ tranżazzjoni, ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jsostnu l-perspettiva tagħhom qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Bl-istess mod, il-possibbiltà għar-rikorrenti li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom fl-ambitu tar-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata ma tnaqqas xejn mill-fatt li, f’deċiżjoni definittiva preċedenti għal din id-deċiżjoni tal-aħħar, il-Kummissjoni kienet diġà għamlet konstatazzjoni formali dwar il-parteċipazzjoni ta’ Icap fis-sitt okkorrenzi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

264

Finalment, ir-raba’ nett, din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti tal-Kummissjoni bbażati, essenzjalment, fuq il-premessa li r-riferimenti għall-parteċipazzjoni ta’ terzi jistgħu jkunu neċessarji għall-evalwazzjoni tal-ħtija ta’ dawk li jipparteċipaw fi proċedura ta’ tranżazzjoni. Il-Kummissjoni tfakkar li t-tfittxija ta’ rapidità u effettività ikbar tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tal-proċedura ta’ tranżazzjoni u minn dan tiddeduċi li jkun kontra r-realizzazzjoni ta’ dawn l-għanijiet jekk parti li ma tkunx tixtieq tittranżiġi titħalla ddewwem l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni fir-rigward tal-partijiet l-oħra.

265

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja li l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza huwa inkluż fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li għandha skont l-Artikolu 6 TUE l-istess valur bħat-Trattati, il-proċedura ta’ tranżazzjoni toriġina f’regolament adottat biss mill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri r-Regolament Nru 622/2008, u li din hija ta’ natura fakultattiva kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-impriżi kkonċernati.

266

Għaldaqstant, ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza ma jistgħux jiġu ssostitwiti minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ħarsien tal-għanijiet ta’ rapidità u ta’ effettività tal-proċedura ta’ tranżazzjoni, huma kemm huma importanti. Għall-kuntrarju, hija l-Kummissjoni li għandha tapplika l-proċedura ta’ tranżazzjoni tagħha b’mod li din tkun kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

267

Ċertament, kif il-Qorti Ġenerali fakkret fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni (T-456/10, EU:T:2015:296, punt 71), meta t-tranżazzjoni ma tinvolvix lill-parteċipanti kollha fi ksur, il-Kummissjoni tista’ tadotta, minn naħa, wara proċedura ssimplifikata, deċiżjoni li għandha bħala destinatarji l-parteċipanti fil-ksur li ddeċidew li jittranżiġu u li għal kull wieħed minnhom tirrifletti l-impenn tagħhom u, min-naħa l-oħra, skont proċedura ordinarja, deċiżjoni indirizzata lill-parteċipanti fil-ksur li ddeċidew li ma jittranżiġux.

268

Madankollu, l-implementazzjoni ta’ tali proċedura ta’ tranżazzjoni “ibrida” għandha ssir fl-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-impriża li ddeċidiet li ma tittranżiġix. Għaldaqstant, f’ċirkustanzi fejn il-Kummissjoni tqis li hija ma tkunx f’pożizzjoni li tippronunzja ruħha fuq ir-responsabbiltà tal-impriżi li jipparteċipaw fit-tranżazzjoni mingħajr ma tippronunzja ruħha wkoll fuq il-parteċipazzjoni fil-ksur tal-impriża li ddeċidiet li ma tittranżiġix, hija għandha tieħu l-miżuri neċessarji – fosthom l-eventwali adozzjoni fl-istess data tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-impriżi kollha involuti fil-kartell, kif għamlet fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni (T-456/10, EU:T:2015:296) – li jippermettulha tħares l-imsemmija preżunzjoni ta’ innoċenza.

269

Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma osservatx il-preżunzjoni ta’ innoċenza ta’ Icap meta adottat id-deċiżjoni tal-2013. Ċertament, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan il-ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza minn naħa tagħha meta adottat id-deċiżjoni tal-2013 ma jistax ikollu effett dirett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tan-natura distinta u awtonoma tal-proċeduri li taw lok għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

270

Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk tali konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur inkwistjoni qabel id-deċiżjoni kkontestata tistax tivvizzjaha b’nuqqas ta’ imparzjalità min-naħa tagħha u, għaldaqstant, bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba pprovdut fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ir-rikorrenti jsostnu fil-kuntest tat-tieni lment tagħhom.

271

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni hija marbuta tosserva matul proċedura amministrattiva fil-qasam tal-akkordji d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stipulat fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C-439/11 P, EU:C:2013:513, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata).

272

Skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C-439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

273

Huwa biss il-kunċett ta’ imparzjalità oġġettiva li huwa s-suġġett ta’ dan il-motiv. Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li hemm dubji leġittimi fir-rigward tal-imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni, billi din kellha tippronunzja ruħha fuq il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tagħha stess.

274

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li lment bħal dan ma jistax fih innifsu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma eżerċitat ebda marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tal-ksur inkwistjoni jew tal-eżami tal-parteċipazzjoni ta’ Icap li seta’ kien ivvizzjat minn nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva, hekk kif jikkonferma l-istħarriġ sħiħ applikat mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi.

275

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kritika tar-rikorrenti tirrigwarda l-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan stabbilita mill-Kummissjoni (l-ewwel motiv) kif ukoll konstatazzjonijiet tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fl-imsemmija ksur (it-tieni u t-tielet motivi).

276

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur inkwistjoni, il-kwistjoni ta’ jekk nuqqas possibbli ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni setax kellu effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata tingħaqad mal-kwistjoni ta’ jekk il-konstatazzjonijiet li saru fl-imsemmija deċiżjoni humiex debitament sostnuti mill-provi li l-Kummissjoni pproduċiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, EU:T:2000:180, punt 270, u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Bavaria vs Il-Kummissjoni, T-235/07, EU:T:2011:283, punt 226), studjata fil-kuntest tal-eżami tat-tieni u t-tielet motiv.

277

B’hekk, jekk jitqies li nuqqas possibbli ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni seta’ wassalha sabiex tikkonstata b’mod żbaljat il-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur UBS/RBS tal-2008 jew għal ċerti perijodi tal-ksur UBS/RBS tal-2007, tal-ksur Citi/RBS, tal-ksur Citi/DB u tal-ksur Citi/UBS, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata hija diġà suġġetta għall-annullament tagħha f’dan ir-rigward.

278

Fir-rigward tal-konstatazzjonijiet l-oħra li sar fid-deċiżjoni kkontestata, l-irregolarità marbuta ma nuqqas possibbli ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni tista’ twassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni biss jekk ikun ġie stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din id-deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, EU:T:2000:180, punt 283). Issa, f’dan il-każ, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ sħiħ ta’ din id-deċiżjoni, ġie kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tal-aspetti msemmija fil-punt 277 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni stabbilixxiet suffiċjentement skont il-liġi l-parteċipazzjoni ta’ Icap f’ħames mis-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni.

279

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala għan ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li, b’mod parallel, jiġi konkluż li l-irregolarità marbuta ma’ nuqqas possibbli ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni ma setgħetx ikollha effett fuq il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni, peress li, bi tweġiba għall-ewwel motiv, ġie konkluż li l-applikazzjoni ta’ tali klassifikazzjoni għall-ksur inkwistjoni ma kienet ivvizzjata minn ebda żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni.

280

Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

5.   Fuq il-ħames motiv, dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi

281

Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw l-ammont tal-multi li l-ħlas tagħhom ġie impost fuqhom. F’dan il-kuntest, huma jressqu diversi lmenti fosthom dak ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

282

Il-Qorti Ġenerali tqis li l-ewwel nett għandu jiġi eżaminat dan l-ilment tal-aħħar.

283

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet marbuta bil-Linji Gwida tal-2006 tagħha u li l-applikazzjoni tal-paragrafu 37 tal-imsemmija linji gwida kienet timplika li hija tiġġustifika r-raġunijiet li għalihom hija tinjora l-metodoloġija ġenerali tagħha. Huma jqisu li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix ġustifikazzjoni xierqa f’dan ir-rigward u li l-multi kellhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi tal-kummissjonijiet ta’ brokerage li Icap irċeviet. Huma jżidu li l-Kummissjoni lanqas ma tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti. Huma jqisu li l-metodoloġija spjegata mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha jew f’laqgħa li nżammet matul il-proċedura amministrattiva hija ta’ natura wisq kumplessa, arbitrarja u inadatta.

284

Il-Kummissjoni twieġeb, għall-allegazzjoni bbażata fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-għażla li ma tikkalkolax il-multa fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-brokerage, li r-raġunijiet tagħha huma spjegati b’mod ċar fil-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata.

285

Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi applikat, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti, matul il-proċedura amministrattiva, kienu informati bil-metodu li kien ser jiġi applikat. Hija żżid li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata suffiċjentement skont il-liġi, sa fejn sar riferiment għall-gravità, għat-tul u kif ukoll għan-natura tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur inkwistjoni. Filwaqt li tenfasizza li ma hijiex marbuta tagħmel dan, hija tipprovdi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha spjegazzjonijiet addizzjonali dwar il-metodoloġija li hija segwiet fl-imsemmija deċiżjoni.

286

Għandu jitfakkar li, fil-punt 9.3 tad-deċiżjoni kkontestata, relatata mal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, enfasizzat li hija applikat il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida tal-2006 tagħha, li jispeċifika li l-karatteristiċi ta’ każ partikolari jew in-neċessità li jintlaħaq livell dissważiv f’kawża partikolari jistgħu jiġġustifikaw li hija tinjora l-metodoloġija li tinsab fl-imsemmija linji gwida (premessi 286 sa 288). It-tieni nett, hija speċifikat li applikat tnaqqis xieraq fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa għall-ksur Citi/UBS u għall-ksur Citi/DB, li għalihom hija tippreżupponi li Icap adottat l-istess aġir, sabiex tevita livell ta’ sanzjonijiet sproporzjonat, mingħajr ma speċifikat il-livell tal-imsemmi tnaqqis (premessa 289). It-tielet nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, hija indikat li ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni ta’ Icap, mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet fir-rigward tal-effett ta’ dawn l-elementi fuq l-ammonti bażiċi stabbiliti (premessi 290 sa 296). Ir-raba’ nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multi, fl-assenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti jew ta’ qbiż tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, dan ġie ffissat fl-istess livell tal-ammont bażiku (premessi 297 sa 300).

287

Kif ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, billi din tal-aħħar tikkonċerna l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. F’din il-perspettiva, il-motivazzjoni rikjesta għandha tkun adegwata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament segwit mill-istituzzjoni, li tkun adottat l-att, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura adottata u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali, l-għan tal-obbligu li tali deċiżjonijiet jiġu mmotivati għalhekk huwa, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk id-deċiżjoni tistax tkun ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 146 sa 148 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 114115, u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 44).

288

Barra minn dan, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150; tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C-439/11 P, EU:C:2013:513, punt 116, u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni, T-95/15, EU:T:2016:722, punt 45).

289

Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tinjora l-metodoloġija ġenerali esposta fil-Linji Gwida tal-2006, li permezz tagħhom hija llimitat lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi, billi tibbaża ruħha, bħal f’dan il-każ, fuq il-paragrafu 37 ta’ dawn il-linji gwida, dawn ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni jsiru iktar rigorużi (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs il-Kummissjoni, T-95/15, EU:T:2016:722, punt 48). F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li rrikonoxxiet li l-Linji Gwida jistipulaw regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi segwita li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C-70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 53, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C-439/11 P, EU:C:2013:513, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-motivazzjoni għandha tkun saħansitra iktar speċifika peress li l-paragrafu 37 tal-Linji Gwida jagħmel biss riferiment vag għall-“partikolaritajiet ta’ każ partikolari” u għalhekk iħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Kummissjoni biex tagħmel aġġustament eċċezzjonali tal-ammonti bażiċi tal-multi tal-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, f’tali każ, l-osservanza mill-Kummissjoni tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, fosthom l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha importanza saħansitra iktar fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, EU:C:1991:438, punt 14).

290

Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-motivazzjoni, bħala prinċipju, għandha għalhekk tiġi kkomunikata lill-persuna interessata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. L-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna interessata ssir taf bir-raġunijiet tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem l-istanzi tal-Unjoni (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 149; tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni, C-628/10 P u C-14/11 P, EU:C:2012:479, punt 74, u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni, T-95/15, EU:T:2016:722, punt 46).

291

Fir-rigward ta’ deċiżjoni li timponi multa, il-Kummissjoni hija marbuta tipprovdi motivazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta u fir-rigward tal-metodu magħżul f’dan ir-rigward (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T-43/02, EU:T:2006:270, punt 91). Hija għandha tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li jkunu ppermettewlha tevalwa l-gravità u t-tul tal-ksur, mingħajr ma hija obbligata tagħti spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri marbuta mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, T-138/07, EU:T:2011:362, punt 243). Madankollu, hija għandha tispjega l-valutazzjoni u l-evalwazzjoni li hija tkun għamlet tal-provi kkunsidrati (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C-386/10 P, EU:C:2011:815, punt 61).

292

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet tinjora l-metodoloġija li tinsab fil-Linji Gwida tal-2006, billi applikat il-paragrafu 37 tagħhom, jistgħu jiġu dedotti mill-qari tal-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn jirriżultaw mill-fatt li Icap ma kinitx attiva fis-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż u li, għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ, jiġifieri l-ispejjeż ta’ brokerage sostnuti, ma jippermettix li l-gravità u n-natura tal-ksur inkwistjoni jiġu riflessi.

293

Fit-tieni lok, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix dettalji dwar il-metodu alternattiv ippreferut mill-Kummissjoni, iżda tirreferi biss għall-assigurazzjoni ġenerali li l-ammonti bażiċi jirriflettu l-gravità, it-tul u n-natura tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur inkwistjoni u għan-neċessità li jiġi ggarantit li l-multi jkollhom effett suffiċjentement dissważiv.

294

Redatta b’dan il-mod, il-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix la li r-rikorrenti jifhmu l-fondatezza tal-metodoloġija ppreferuta mill-Kummissjoni u lanqas li l-Qorti Ġenerali tivverifika l-istess. Din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tinsab ukoll fil-premessi 290 sa 296 tal-imsemmija deċiżjoni, li ma jipprovdux informazzjoni minima li setgħet tippermetti li wieħed jifhem u jivverifika r-rilevanza u l-valutazzjoni tal-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multi, u dan b’mod li jmur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 291 iktar ’il fuq.

295

Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet jirriżulta li l-kwistjoni tal-metodoloġija li l-Kummissjoni pprevediet li tuża sabiex tikkalkola l-ammont tal-multi ġiet ittrattata f’diskussjoni mar-rappreżentanti tar-rikorrenti, matul l-proċedura amministrattiva. Minkejja li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni ta’ att ikkontestat għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tiegħu, ma jistax jitqies li l-kontenut ta’ tali diskussjonijiet esplorattivi u informali jista’ jiddispensa lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tispjega, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodoloġija li hija applikat sabiex tiddetermina l-ammonti tal-multi imposti.

296

Fil-punt 176 tar-risposta, il-Kummissjoni tenfasizza l-eżistenza ta’ test f’ħames passi ddestinati għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi. Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 290 iktar ’il fuq, tali spjegazzjoni pprovduta fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

297

Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-multi imposti fuq Icap għall-ksur inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

298

Il-ħames motiv għandu, għaldaqstant, jintlaqa’ u l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra ta’ dan il-motiv jew dawk tas-sitt motiv, li jirrigwarda biss il-legalità tal-imsemmi artikolu.

299

Barra minn hekk, billi l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa annullat fl-intier tiegħu, ma huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati t-talbiet għal riforma, ippreżentati sussidjarjament mir-rikorrenti.

Fuq l-ispejjeż

300

Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

301

F’dan il-każ, ir-rikorrenti kisbu sodisfazzjoni għal parti sostanzjali mit-talbiet tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tkun evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u tliet kwarti ta’ dawk tar-rikorrenti.

302

Finalment, sa fejn ir-rikorrenti jitolbu l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż u “spejjeż oħra sostnuti fil-kuntest ta’ din it-tilwima”, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 140(b) tar-Regoli tal-Proċedura, huma meqjusa spejjeż rekuperabbli l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 432 finali, tal-4 ta’ Frar 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39861 – Prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen), huwa annullat sa fejn dan ikopri l-perijodu wara t-22 ta’ Awwissu 2007.

 

2)

L-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni C(2015) 432 finali huwa annullat.

 

3)

L-Artikolu 1(d) tad-Deċiżjoni C(2015) 432 finali huwa annullat sa fejn dan ikopri l-perijodu bejn il-5 ta’ Marzu u s-27 ta’ April 2010.

 

4)

L-Artikolu 1(e) tad-Deċiżjoni C(2015) 432 finali huwa annullat sa fejn dan ikopri l-perijodu wara t-18 ta’ Mejju 2010.

 

5)

L-Artikolu 1(f) tad-Deċiżjoni C(2015) 432 finali huwa annullat sa fejn dan ikopri l-perijodu wara t-18 ta’ Mejju 2010.

 

6)

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2015) 432 finali huwa annullat.

 

7)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

8)

Icap plc, Icap Management Services Ltd u Icap New Zealand Ltd huma kkundannati jbatu kwart tal-ispejjeż tagħhom stess.

 

9)

Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż ta’ Icap, ta’ Icap Management Services u ta’ Icap New Zealand.

 

Prek

Buttigieg

Schalin

Berke

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Novembru 2017.

Firem

Werrej

 

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

A. Il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata

 

B. Id-deċiżjoni kkontestata

 

1. Il-prodotti inkwistjoni

 

2. L-aġir ikkritikat ta’ Icap

 

3. Il-kalkolu tal-multa

 

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

III. Id-dritt

 

A. Fuq l-ammissibbiltà ta’ dokument u kap tat-talbiet

 

1. Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrenti

 

2. Fuq il-kontestazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ ittra tar-rikorrenti

 

B. Fuq it-talbiet għal annullament

 

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni “bħala għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE

 

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “faċilitazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-ġurisprudenza

 

a) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tal-kriterji ġurisprudenzjali tal-“faċilitazzjoni”

 

1) Fuq l-ewwel ilment, relatat mal-assenza ta’ prova tal-għarfien minn Icap tal-eżistenza ta’ kollużjoni bejn il-banek ikkonċernati fil-kuntest ta’ xi wħud mis-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni

 

i) Fuq il-prova mill-Kummissjoni tal-għarfien minn Icap tar-rwol ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2007

 

ii) Fuq il-prova mill-Kummissjoni tal-għarfien minn Icap tar-rwol ta’ RBS fil-ksur UBS/RBS tal-2008

 

iii) Fuq il-prova tal-għarfien minn Icap tar-rwol ta’ DB u UBS fil-ksur Citi/DB u Citi/UBS

 

2) Fuq it-tielet ilment, li jikkontesta l-kontribuzzjoni ta’ Icap għall-għanijiet komuni tal-banek ikkonċernati

 

3) Fuq it-tieni lment, li jikkontesta l-eżistenza ta’ intenzjoni min-naħa ta’ Icap li tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni tal-banek ikkonċernati

 

b) Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura żbaljata tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata relatati mal-użu minn Icap tal-kuntatti tagħha sabiex tinfluwenza s-sottomissjonijiet ta’ ċerti banek

 

c) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

 

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-natura żbaljata tat-tul tal-ksur inkwistjoni

 

a) Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur UBS/RBS tal-2007

 

b) Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur Citi/RBS

 

c) Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur Citi/DB u l-ksur Citi/UBS

 

d) Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Icap fil-ksur UBS/DB

 

4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ amministrazzjoni tajba

 

5. Fuq il-ħames motiv, dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.