DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/JAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Artikoli 2(4) u 4(1) — Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni — Liġi kriminali nazzjonali li tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minbarra għall-kriminalità doppja, għall-kundizzjoni li l-fatt inkriminat ikun punibbli b’piena jew b’miżura li tneħħi l-libertà b’massimu ta’ mill-inqas tnax-il xahar fid-dawl tal-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni”

Fil-Kawża C‑463/15 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam (tribunal ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

Openbaar Ministerie

vs

A.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President ta’ Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(4) u 4(1) tad-Deċiżjoni kwadra [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/JAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-procureur des Konings bij de Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (prokuratur tar-Rè mal-qorti tal-prim’istanza ta’ Brussell, il-Belġju) kontra A.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5 sa 7 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprovdu:

“(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

(7)

Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 [UE] u l-Artikolu 5 [KE]. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

[...]

(10)

Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jipprovdi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprovdi kif ġej:

“1.   Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

2.   Ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti, għandhom, skond it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta’ l-att, iwasslu għall-konsenja skond mandat ta’ arrest Ewropew:

[...]

4.   Għal reati barra minn dawk koperti mill-paragrafu 2, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-atti li għalihom inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, irrespettivament mill-elementi kostitwenti jew ta’ kif inhu deskritt.”

6

Il-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-istess Deċiżjoni Qafas, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprovdi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

1)

jekk, f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), l-att li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jikkostitwix reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni; madankollu, fir-rigward ta’ taxxi jew dazji, regoli doganali u ta’ kambju, l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew m’għandux ikun rrifjutat għar-raġuni li l-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta’ taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta’ regoli fir-rigward ta’ taxxi, dazji u regoli doganali u ta’ kambju bħal-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat;

[...]”

Il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi

7

L-Artikolu 7(1) tal-liġi dwar il-konsenja (Overleveringswet) jipprovdi:

“1.   Il-konsenja tista’ tiġi awtorizzata biss fl-interess:

a)

ta’ investigazzjoni ġudizzjarja miftuħa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-ħruġ fuq il-preżunzjoni li, skont l-awtorità ġudizzjarja tal-ħruġ, il-persuna mitluba wettqet:

1

reat ikkwalifikat bħala tali fil-liġi tal-Istat Membru tal-ħruġ, li jidher ukoll fil-lista inkluża fl-Anness 1 ta’ din il-liġi, punibbli, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-ħruġ b’piena li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tliet snin; jew

2

reat ieħor punibbli b’sanzjoni kriminali kemm konformement mal-liġi tal-Istat Membru tal-ħruġ kif ukoll konformement mal-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi, li għalih tapplika piena li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tnax-il xahar;

b)

tal-eżekuzzjoni mill-persuna mitluba, fit-territorju tal-Istat Membru tal-ħruġ, ta’ piena li tneħħi l-libertà ta’ erba’ xhur jew ta’ perijodu itwal, imposta għal reat imsemmi fil-punt 1 u 2.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Ir-Rechtbank Amsterdam ġiet adita mill-prosekutur pubbliku assenjat ma’ din il-qorti b’talba intiża għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis-6 ta’ Novembru 2014 mill-procureur des Konings bij de rechtbank van eerste aanleg te Brussel u intiża għall-arrest kif ukoll għall-konsenja ta’ A., attwalment arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi b’eżekuzzjoni ta’ piena li tneħħi l-libertà definittiva mogħtija mill-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi, fid-dawl tal-eżekuzzjoni ta’ piena li tneħħi l-libertà oħra ta’ terminu ta’ ħames snin li A. ġie kkundannat għaliha fil-Belġju.

9

Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew isemmi sentenza adottata fis-7 ta’ Ottubru 2014 mit-43 awla kriminali tar-Rechtbank van eerste aanleg van Brussel (qorti tal-prim’istanza ta’ Brussell).

10

Fil-qosor, id-deskrizzjoni tal-fatti li A. ġie kkundannat għalihom, li tinsab fil-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija s-segwenti. Fit-2 ta’ Marzu 2013, fi Brussell, A. kisser ħġieġa, niżel għarkupptejh fuq il-konjuġi tiegħu u beda jgħallaqha b’id waħda, filwaqt li bl-id l-oħra beda jagħtiha daqqiet f’rasha, f’għonqha u fid-driegħ tax-xellug tagħha bil-ħġieġa mkissra. Eżami mediku tal-konjuġi ppermetta li jiġu kkonstatati tliet ġrieħi kkawżati minn oġġett jaqta’ u bil-ponta. Qabel dan, matul il-perijodu mit-28 ta’ Frar 2013 sat-2 ta’ Marzu 2013, A. kien ta xi daqqiet lill-konjuġi tiegħu.

11

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatti li, fil-liġi Belġjana, jirċievu l-kwalifika kriminali ta’ “daqqiet u ġrieħi volontarji lejn il-konjuġi li kkawżaw inkapaċità personali għax-xogħol” u ta’ “daqqiet u ġrieħi volontarji lejn il-konjuġi” huma, fid-dawl tal-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi, punibbli, fiż-żewġ każijiet, b’piena li tneħħi l-libertà li l-massimu tagħha hu ta’ mill-inqas tnax-il xahar. Min-naħa l-oħra, it-tielet akkuża lil A., jiġifieri l-ġarr ta’ arma pprojbita, huwa punibbli biss, fil-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’multa tat-tielet kategorija.

12

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-possibbiltà li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni għal dan it-tielet fatt, fid-dawl tal-Artikolu 7(1) tal-liġi dwar il-konsenja li, skont din il-qorti, jeżiġi li l-fatti akkużati lill-persuna mitluba jkunu kriminalment sanzjonati fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati u li l-massimu tal-piena li tneħħi l-libertà applikabbli għall-fatti msemmija jkun, ukoll f’dawn iż-żewġ Stati Membri, ta’ mill-inqas tnax-il xahar. Madankollu tqum il-kwistjoni jekk rifjut ibbażat fuq tali interpretazzjoni huwiex konformi mal-Artikoli 2(4) u 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikoli 2(4) u 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jawtorizzaw lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jittrasponi dawn id-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali tiegħu b’tali mod li dan jista’ jimponi r-rekwiżit mhux biss li l-fatt jikkostitwixxi reat fil-liġi tiegħu stess, iżda li jkun ukoll punibbli b’piena li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tnax-il xahar?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

14

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

15

Din il-qorti mmotivat it-talba tagħha billi enfasizzat b’mod partikolari li t-tneħħija tal-libertà ta’ A. b’eżekuzzjoni tal-piena imposta mill-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi tispiċċa fl-1 ta’ Jannar 2016. Madankollu, mis-17 ta’ Settembru 2015, l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena tkun tista’ tiġi interrotta bil-kundizzjoni li dan ikun fl-istess ħin imkeċċi mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

16

Fl-aħħar tas-seduta li nżammet quddiem il-qorti tar-rinviju fl-24 ta’ Lulju 2015, din ordnat l-arrest ta’ A. mill-mument meta tkun intemmet id-detenzjoni tiegħu għal raġunijiet oħra. Fis-seduta tat-18 ta’ Awwissu 2015, il-prosekutur pubbliku informa li kien ser jeżegwixxi dan l-ordni jekk ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew fil-mument meta tintemm l-eżekuzzjoni tal-piena ppronunzjata mill-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi.

17

Skont il-qorti tar-rinviju, li tindika li t-termini tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li huma stabbiliti fl-Artikolu 17(3) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kellhom jiskadu fil-21 ta’ Settembru 2015, risposta fil-pront mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari jkollha impatt dirett u determinanti fuq it-tul tad-detenzjoni penali ta’ A. fil-Pajjiżi l-Baxxi. Finalment, A. stess talab li jiġi ttrasferit malajr kemm jista’ jkun lill-awtoritajiet Belġjani.

18

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jaqa’ fid-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għalhekk dan jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

19

Fit-tieni lok, A. huwa fil-preżent imċaħħad mil-libertà, iżda jista’ jibbenefika, mis-17 ta’ Settembru 2015, minn interruzzjoni fil-piena tiegħu bil-kundizzjoni li jitkeċċa mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Din it-tkeċċija tkun konkretizzata, konformement max-xewqat ta’ A., bit-trasferiment tiegħu lill-awtoritajiet Belġjani b’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Mingħajr deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest imsemmi qabel l-1 ta’ Jannar 2016, A. jinżamm, fil-prinċipju, f’detenzjoni sakemm tittieħed din id-deċiżjoni.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-10 ta’ Settembru 2015, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza.

Fuq id-domanda preliminari

21

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, meta domanda preliminari magħmula tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

22

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

23

Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2(4) u 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-konsenja abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tkun issuġġettata, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, mhux biss għall-kundizzjoni li l-fatt li għalih ikun inħareġ dan il-mandat ta’ arrest ikun jikkostitwixxi reat fid-dawl tal-liġi ta’ dan l-Istat Membru, iżda wkoll għall-kundizzjoni li dan ikun, fid-dawl tal-istess liġi, punibbli b’piena li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tnax-il xahar.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew jekk, f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, il-fatt li wassal għall-mandat ta’ arrest Ewropew ma jikkostitwixxix reat fid-dawl tal-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. L-imsemmi Artikolu 2(4) jippreċiża li din il-fakultà tirrigwarda r-reati differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, ikunu liema jkunu l-elementi kostituttivi jew il-kwalifika.

25

L-imsemmija fakultà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni hija, għaldaqstant, limitata għall-każ li fih mandat ta’ arrest Ewropew ikun jikkonċerna fatt li ma huwiex inkluż fil-lista li tinsab fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u ma tikkostitwixxix ksur fid-dawl tal-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

26

Peress li madankollu, il-ġarr ta’ arma pprojbita, li huwa wieħed mill-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi, skont il-qorti tar-rinviju, reat taħt il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi, għandu jiġi kkonstatat li r-rifjut li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew relatat miegħu ma huwiex kopert mill-ipoteżi espliċitament imsemmija fl-Artikoli 2(4) u 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

27

Qabel kollox, la l-Artikoli 2(4) u 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tagħha ma jipprevedu l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jirrigwarda fatt li, filwaqt li jkun jikkostitwixxi reat fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, ma jkunx punibbli hemmhekk b’piena li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tnax-il xahar.

28

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura ġenerali tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mill-għanijiet imfittxija minnha.

29

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 2 tagħha, din id-Deċiżjoni Qafas tiffoka, f’dak li jikkonċerna l-ksur li jista’ jkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fuq il-livell tal-pieni applikabbli fl-Istat Membru tal-ħruġ tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 52). Dan huwa dovut għall-fatt li l-kawżi kriminali fejn l-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li tneħħi l-libertà li fid-dawl tagħha jinħareġ tali mandat ta’ arrest isiru konformement mar-regoli ta’ dan l-Istat Membru.

30

Kuntrarjament għas-sistema tal-estradizzjoni li neħħiet u ssostitwiet b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tiħux iktar inkunsiderazzjoni l-livelli tal-pieni applikabbli fl-Istati Membri ta’ eżekuzzjoni. Dan jikkorrispondi għall-għan primordjali mfittex minn din id-Deċiżjoni Qafas, stabbilit fil-premessa 5 tagħha, li tiġi żgurata ċirkolazzjoni libera tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali, fl-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.

31

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikoli 2(4) u 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-konsenja abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tkun issuġġettata, fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, mhux biss għall-kundizzjoni li l-fatt li għalih inħareġ dan il-mandat ikun jikkostitwixxi reat fid-dawl tal-liġi ta’ dan l-Istat Membru, iżda wkoll għall-kundizzjoni li dan ikun, fid-dawl ta’ din l-aħħar liġi, punibbli b’piena li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tnax-il xahar.

Fuq l-ispejjeż

32

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 2(4) u 4(1) tad-Deċiżjoni kwadra [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/JAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-konsenja abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tkun issuġġettata, fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, mhux biss għall-kundizzjoni li l-fatt li għalih inħareġ dan il-mandat ikun jikkostitwixxi reat fid-dawl tal-liġi ta’ dan l-Istat Membru, iżda wkoll għall-kundizzjoni li dan ikun, fid-dawl ta’ din l-aħħar liġi, punibbli b’piena li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tnax-il xahar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.