7.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/31


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-11 ta’ Ġunju 2015 – X, parti oħra: Staatssecretaris van Financiën

(Kawża C-283/15)

(2015/C 294/38)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: Staatssecretaris van Financiën

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu li jinsabu fit-TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Spanja u li d-dħul mix-xogħol tiegħu huwa ntaxxat għal madwar 60 % mill-Pajjiżi l-Baxxi u għal madwar 40 % mill-Isvizzera ma jistax inaqqas id-dħul negattiv tiegħu miksub fir-rigward tal-proprjetà tiegħu fi Spanja, li hija għall-użu personali tiegħu, mid-dħul tiegħu mix-xogħol li huwa ntaxxat mill-Pajjiżi l-Baxxi, anki jekk jirċievi dħul tant baxx fi Spanja, li huwa l-Istat ta’ residenza tiegħu, li d-dħul negattiv imsemmi hawn fuq fis-sena inkwistjoni ma setax iwassal għal tnaqqis fiskali fl-Istat ta’ residenza?

2)

a)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: għandu kull Stat Membru li fih ċittadin tal-Unjoni jaqla’ parti mid-dħul tiegħu jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont totali tad-dħul negattiv imsemmi hawn fuq? Jew inkella dan l-obbligu jgħodd biss għal wieħed mill-Istati li fih jitwettaq xogħol, u f’dak il-każ, għal liema wieħed? Jew għandu kull wieħed mill-Istati li fih jitwettaq xogħol (minbarra l-Istat ta’ residenza) jippermetti t-tnaqqis ta’ parti minn dan id-dħul negattiv? F’dan il-każ imsemmi l-aħħar, kif għandha tiġi stabbilita dik il-parti li tista’ titnaqqas?

b)

F’dan ir-rigward, x’inhuwa deċiżiv: l-Istat Membru li fih ix-xogħol effettivament jitwettaq, jew inkella liema Stat Membru għandu s-setgħa jintaxxa d-dħul miksub b’tali xogħol?

3)

Ir-risposta għaż-żewġ domandi fformulati fin-numru 2 tkun differenti jekk wieħed mill-Istati fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni jaqla’ d-dħul tiegħu ikun l-Isvizzera, li ma hijiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u lanqas ma tagħmel parti miż-Żona Ekonomika Ewropea?

4)

Sa fejn huwa rilevanti, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tal-persuna taxxabbli (f’dan il-każ, Spanja) tipprovdi l-possibbiltà li jitnaqqsu interessi ipotekarji tar-residenza proprja tal-persuna taxxabbli, u l-possibbiltà li jiġi kkumpensat it-telf fiskali li jirriżulta minn dan fis-sena inkwistjoni b’eventwali dħul f’dak il-pajjiż fi snin sussegwenti?