27.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 245/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fit-28 ta’ Mejju 2015 – Wind 1014 GmbH, Kurt Daell vs Skatteministeriet

(Kawża C-249/15)

(2015/C 245/16)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Wind 1014 GmbH, Kurt Daell

Konvenut: Skatteministeriet

Domandi preliminari

1)

Huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 56 TFUE, li vettura li tkun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ leasing bejn kumpannija leasing iddomiċiljata fi Stat Membru u kerrej iddomiċiljat jew stabbilit fi Stat Membru ieħor (ara t-tieni domanda iktar ’il quddiem) essenzjalment ma tistax tintuża fit-toroq ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar filwaqt li l-awtoritajiet ikunu qiegħdin jipproċessaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni pro rata fir-rigward ta’ din il-vettura għall-perijodu ta’ użu mixtieq tal-vettura f’dan l-Istat Membru?

2)

Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 56 TFUE, li miżura nazzjonali tissuġġetta għall-awtorizzazzjoni preliminari r-reġistrazzjoni/il-ħlas tat-taxxa pro rata fir-rigward tal-vettura biss għal użu temporanju, u mhux għal użu permanenti, jew li tali miżura timplika

(i)

li l-awtoritajiet jissuġġettaw l-użu immedjat tal-vettura għall-ħlas sħiħ tat-taxxa tar-reġistrazzjoni Daniża, u li d-differenza bejn l-ammont tat-taxxa sħiħ u l-ammont tat-taxxa pro rata li jkun ġie kkalkolat tiġi rrimborsata, flimkien mal-interessi, jekk l-awtorizzazzjoni tingħata sussegwentement u/jew

(ii)

li l-awtoritajiet jissuġġettaw l-użu immedjat tal-vettura għall-ħlas sħiħ tar-reġistrazzjoni tat-taxxa, u li din ma tkunx aġġustata, u li l-kumplament ma jiġix irrimborsat meta jintemm l-użu temporanju, fil-każ li ma tingħatax l-awtorizzazzjoni?