13.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/7


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Mejju 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-220/15)

(2015/C 228/09)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Kukovec, A. C. Becker, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23/KE (1), sa fejn fl-Ewwel Ordinanza tal-Att dwar l-Isplussivi (1. SprengV) hija stipulat, lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva, li minkejja evalwazzjoni ta’ konformità preċedenti ta’ oġġetti pirotekniċi, għandha tiġi segwita l-proċedura pprovduta fl-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV qabel ma dawn jitqiegħdu fis-suq, u li, skont il-ħames sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV, il-Bundesanstalt für Materialforschung und -prüfung [Istitut Federali għar-riċerka u għall-ittestjar ta’ materjali] jista’ jeżamina l-istruzzjonijiet tal-oġġetti pirotekniċi kollha u, jekk meħtieġ, jemendahom.

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jirrigwarda l-kwistjoni ta’ sa fejn l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-manifatturi u l-importaturi ta’ oġġetti pirotekniċi fis-sens tad-Direttiva 2007/23/KE u kif wkoll dawk il-prodotti li, kif jindikaw bil-marka CE fuqhom, jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva, rekwiżiti nazzjonali addizzjonali għat-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi. F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni kkontestata mill-Kummissjoni ma tinkludi ebda rekwiżiti ta’ kontenut għal dawn il-prodotti, iżda sempliċement tipprovdi għal proċedura addizzjonali li għandha ssir qabel ma dawn il-prodotti jidħlu fis-suq fi ħdan it-territorju tal-konvenuta.

Minkejja l-provi ta’ konformità, il-konvenuta tirrikjedi li l-oġġetti pirotekniċi kollha fis-sens tad-Direttiva 2007/23/KE għandhom jiġu ssottomessi quddiem Istitut Federali stabbilit mil-liġi, li bħala prova ta’ din is-sottomissjoni jingħata numru ta’ identifikazzjoni. Meta l-proċedura tieħu żmien twil, tali proċedura tista’ inter alia tinvoli wkoll il-ħlas ta’ imposta amministrattiva u l-provvista ta’ kampjuni tat-testijiet. Il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit ta’ tali proċedura jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2007/23/KE li jiżgura l-moviment liberu tal-oġġetti pirotekniċi kollha li jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva.

Din is-sitwazzjoni ma nbidlitx bl-adozzjoni tad-Direttiva 2013/29/UE (2), li permezz tagħha tħassret id-Direttiva 2007/23/KE b’effett mill-1 ta’ Lulju 2015. Dan għaliex, fl-ewwel lok, iż-żmien li huwa rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu huwa l-iskadenza tat-terminu indikat fl-opinjoni motivata (f’dan il-każ is-27 ta’ Marzu 2014). Fit-tieni lok, fl-Artikolu 4(1) tagħha, id-Direttiva 2013/29/UE tinkludi dispożizzjoni li hija identika għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23/KE, intiża sabiex tiżgura l-moviment liberu tal-oġġetti pirotekniċi kollha li jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE.

Għalhekk, il-ksur tal-konvenuta, allegat f’dan il-każ, jikkonsisti, essenzjalment, f’kundizzjoni proċedurali għat-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, hija inammissibbli u tmur lil hinn mir-rekwiżiti armonizzati tad-dritt tal-UE. Bħala rekwiżit proċedurali, il-leġiżlazzjoni kkontestata tista’ prima facie tagħti l-impressjoni li din sempliċement tikkawża, fi ftit każijiet, dewmien raġonevoli tat-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti. Madankollu, l-effetti reali ta’ din il-leġiżlazzjoni ma għandhomx jiġu ssottovalutati. F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitqies il-fatt li l-konvenuta hija waħda mill-ikbar swieq tal-bejgħ, jekk mhux l-ikbar suq tal-bejgħ, ta’ oġġetti pirotekniċi fis-suq intern. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li ċerti oġġetti pirotekniċi fi ħdan it-territorju tal-konvenuta jinbigħu lill-konsumaturi biss darba f’sena, u biss għal perijodu ta’ żmien qasir, u għalhekk id-dimensjoni taż-żmien ta’ dan l-aċċess għas-suq tassumi importanza ikbar. F’dan ir-rigward, finalment, il-fatt li, taħt id-dritt nazzjonali, il-leġiżlazzjoni kkontestata f’dan il-każ hija implementata mill-istess awtorità li hija awtorizzata wkoll li tagħmel l-evalwazzjoni ta’ konformità bħala l-korp innotifikat fis-sens tad-Direttiva 2007/23/KE jimmerita wkoll li jittieħed inkunsiderazzjoni. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ proċedura addizzjonali fid-dritt nazzjonali tal-konvenuta jagħti lil din l-awtorità vantaġġ kompetittiv fuq il-korpi nnotifikati ta’ Stati Membri oħra. Fid-dawl ta’ dawn l-effetti prattiċi tal-leġiżlazzjoni kkontestata, dan il-każ bl-ebda mod ma jinvolvi biss l-evalwazzjoni legali, fuq il-bażi ta’ prinċipju, ta’ ostakolu lill-operaturi ekonomiċi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkunu diġà ġew evalwati minn korp innotifikat minbarra dak Ġermaniż u misjuba konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE.


(1)  Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Mejju 2007, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi, ĠU L 154, p. 1.

(2)  Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 2013, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (Riformulazzjoni), ĠU L 178, p. 27.