22.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/21


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nacka tingsrätt, Mark- och miljödomstolen (l-Isvezja) fil-21 ta’ April 2015 – Borealis Ab et vs Naturvårdsverket

(Kawża C-180/15)

(2015/C 205/30)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Nacka tingsrätt, Mark- och miljödomstolen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Borealis AB, Kubikenborg Aluminium AB, Yara AB, SSAB EMEA AB, Lulekraft AB, Värmevärden i Nynäshamn AB, Cementa AB, Höganäs Sweden AB

Konvenuta: Naturvårdsverket

Domandi preliminari

1)

Fil-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali għas-settur industrijali, huwa kompatibbli mal-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti (1) li wieħed jattribwixxi l-emissjonijiet kollha minn inċinerazzjoni ta’ gass residwu għall-produzzjoni tal-elettriku lil-lott għall-irkant u mhux lill-Industritaket [(il-limitu massimu għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti; “limitu massimu tal-industrija”)], minkejja l-fatt li emissjonijiet minn gass residwu huma eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti taħt l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti?

2)

Fil-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali għas-settur industrijali, huwa kompatibbli mal-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti li wieħed jattribwixxi l-emissjonijiet kollha prodotti fil-produzzjoni tas-sħana f’installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni għal kunsinna lil installazzjonijiet [koperti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (“Installazzjonijiet ETS”)] lil-lott għall-irkant u mhux lil-limitu massimu tal-industrija, minkejja l-fatt li l-emissjonijiet mill-produzzjoni tas-sħana huma eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti taħt l-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti?

3)

Jekk ir-risposti għall-ewwel u t-tieni domanda jkunu fin-negattiv, il-kalkolu, f’dak il-każ, tas-sehem tal-industriji (34,78 %) tal-emissjonijiet kollha fil-perijodu ta’ riferenza, huwa korrett?

4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/EU (2) hija invalida u inkompatibbli mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti, peress li l-kalkolu tal-Kummissjoni tal-limitu massimu tal-industrija jfisser li fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali għandu jiġi applikat dejjem minflok ma jkun applikat “jekk meħtieġ”?

5)

Il-parametru referenzjarju ta’ prodott għal metall jaħraq ġie stabbilit skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti fuq il-bażi tal-fatt li, fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment ex ante, il-punt ta’ tluq għandu jkun ir-rendiment medju tal-installazzjonijiet li jikkostitwixxu l-10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effikaċi fis-settur rilevanti?

6)

Fir-rigward tal-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti għall-esportazzjoni ta’ tisħin lil unitajiet domestiċi privati, huwa kompatibbli mal-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti li ma tingħatax allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas fir-rigward ta’ tisħin li huwa esportat lil unitajiet domestiċi privati?

7)

B’konnessjoni ma’ applikazzjonijiet għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti, huwa kompatibbli mal-Anness IV tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (3), bħalma għamlet in-Naturvårdsverket (aġenzija Svediża għall-ħarsien tan-natura), li ma jiġux indikati l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kollha li jirriżultaw mill-produzzjoni ta’ tisħin li huwa esportat lil unitajiet domestiċi privati?

8)

Fl-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas għall-esportazzjoni tat-tisħin lil unitajiet domestiċi privati, huwa kompatibbli mal-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti u mal-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE li ma tingħatax allokazzjoni ta’ kwoti żejda mingħajr ħlas fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ karburanti fossili li jeċċedu l-kwota mogħtija għat-tisħin esportat lil unitajiet domestiċi privati?

9)

B’konnessjoni mal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas, huwa kompatibbli mal-Anness IV tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, bħalma għamlet in-Naturvårdsverket, li jiġu aġġustati l-figuri f’applikazzjoni sabiex l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra attribwibbli għall-inċinerazzjoni ta’ gass residwu jiġu ekwiparati ma’ dawk attribwibbli għall-inċinerazzjoni ta’ gass naturali?

10)

L-Artikolu 10(8) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE jfisser li operatur ma jistax jikseb l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas fir-rigward ta’ konsum tas-sħana f’subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ sħana prodotta f’subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil differenti?

11)

Jekk ir-risposta għall-għaxar domanda hija fl-affermattiv, l-Artikolu 10(8) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE imur kontra l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti?

12)

Fl-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas fir-rigward ta’ konsum tas-sħana, huwa kompatibbli mad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti u mad-Dokumenti ta’ Gwida Nri 2 u 6 li wieħed iqis, fil-valutazzjoni, is-sors tas-sħana li jipproduċi s-sħana kkunsmata?

13)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE hija invalida u inkompatibbli mal-Artikolu 290 TFUE u mal-Artikolu 10a(1) u (5) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti minħabba li tbiddel il-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti billi teskludi mill-bażi tal-kalkolu emissjonijiet li huma kkawżati mill-inċinerazzjoni ta’ gass residwu u l-produzzjoni ta’ elettriku u sħana fl-istess ħin, minkejja l-fatt li l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti hija permessa f’dak ir-rigward skont l-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ kwoti u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE?

14)

Sħana li tista’ titkejjel fil-forma ta’ fwar minn Installazzjoni ETS, li tintbagħat lil netwerk ta’ fwar b’ ħafna konsumaturi tal-fwar, li mill-anqas wieħed minnhom ma huwiex Installazzjoni ETS, għandha titqies li tikkostitwixxi subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ sħana taħt l-Artikolu 3(ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/EU?

15)

Huwa rilevanti għar-risposta għall-erbatax-il-domanda:

a)

il-fatt li n-netwerk ta’ fwar ikun il-proprjetà tal-ikbar konsumatur tal-fwar fin-netwerk u dak il-konsumatur ikun Installazzjoni ETS,

b)

liema sehem tal-kunsinna totali tas-sħana għan-netwerk tal-fwar jintuża mill-ikbar konsumatur,

c)

kemm hemm fornituri u konsumaturi tal-fwar fin-netwerk tal-fwar,

d)

jekk hemmx inċertezza fir-rigward ta’ min ipproduċa s-sħana li titkejjel li jakkwistaw il-konsumaturi rispettivi tal-fwar, u

e)

jekk l-allokazzjoni tal-użu tal-fwar fi ħdan in-netwerk tistax tinbidel b’mod li numru ta’ konsumaturi tal-fwar li ma humiex Installazzjonijiet ETS isiru parti minnha jew jiżdied l-użu tal-Installazzjonijiet li ma humiex ETS eżistenti?

16)

Jekk ir-risposta għall-erbatax-il-domanda tiddependi fuq il-fatti tal-każ speċifiku, għal-liema fatti għandha tingħata importanza partikolari?


(1)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2013) 5666) (ĠU L 240, p. 27).

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tar-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2772) (ĠU 2011 L 130, p. 1).