SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 1(9) – Kunċett ta’ ‘awtorità kontraenti’ – Kumpannija li l-kapital tagħha huwa miżmum minn awtorità kontraenti – Tranżazzjonijiet interni tal-grupp”

Fil-Kawża C‑567/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

“LitSpecMet” UAB

vs

“Vilniaus lokomotyvų remonto depas” UAB,

fil-preżenza ta’:

“Plienmetas” UAB

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, E. Juhász (Relatur), C. Vajda u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “LitSpecMet” UAB, minn C. Maczkovics, R. Martens u V. Ostrovskis, avukati,

għal “Vilniaus lokomotyvų remonto depas” UAB, minn D. Soloveičik, avukat, u G. Jokubauskas, rappreżentant tal-kumpannija,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, D. Stepanienė u R. Butvydytė, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u F. Batista, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár, A. Steiblytė u J. Jokubauskaitè, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2011, tat-30 ta’ Novembru 2011 (ĠU L 319, p. 43), (iktar 'il quddiem id-“Direttiva 2004/18”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn “LitSpecMet” UAB u “Vilniaus lokomotyvų remonto depas” UAB (iktar ’il quddiem “VLRD”) dwar kuntratt għall-provvista ta’ vireg tal-ħadid mogħtija parzjalment minn din tal-aħħar lil LitSpecMet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2004/18 ġiet imħassra u ssostitwita b’effett mit-18 ta’ April 2016 permezz tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, p. 65).

4

L-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2004/18 kien jiddefinixxi l-“kuntratti għal provvisti pubbliċi” bħala kuntratti pubbliċi barra dawk il-kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan tagħhom il-bejgħ, il-kera, flus li jiddaħħlu mill-kera jew ħlas bin-nifs, bil- jew mingħajr l-għażla li tixtri, tal-prodotti.

5

L-Artikolu 1(9) ta’ din id-direttiva kien jiddisponi:

“Awtoritajiet ‘kuntrattwali’ tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika.

‘Korpi rregolati bil-liġi pubblika’ tfisser kull korp:

(a)

stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

(b)

li għandhom personalità legali; u

(c)

ffinanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għas-supervizjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika.

[…]”

6

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Limiti massimi għal kuntratti pubbliċi”, kien jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti publiċi li mhumiex esklużi skond l-eċċezzjonijiet provduti fl-Artikoli 10 u 11 u l-Artikoli 12 sa 18 u li għandhom valur esklussiv ta’ valur addizzjonali ta’ taxxa (VAT) stmat li hu ugwali jew akbar minn dawn il-limiti massimi li ġejjin:

[…]

(b)

EUR 200000:

għal kuntratti ta’ forniment pubbliku u ta’ servizz mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti barra dawk elenkati fl-Anness IV,

[…]”

Id-dritt Litwan

7

Il-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi), li ttrasponiet id-Direttiva 2004/18 fid-dritt Litwan, tipprevedi fl-Artikolu 4 tagħha intitolat “Awtoritajiet kontraenti”:

“1.   Awtorità kontraenti tfisser:

(1)

awtorità tal-Istat jew lokali;

(2)

persuna ġuridika stabbilita taħt id-dritt pubbliku jew privat li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu;

(3)

assoċjazzjoni tal-awtoritajiet imsemmija fin-numru 1 ta’ dan il-paragrafu u/jew persuni ġuridiċi stabbiliti taħt id-dritt pubbliku jew privat imsemmija fin-numru 2 ta’ dan il-paragrafu;

(4)

il-kumpanniji kontraenti li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport jew is-servizzi postali elenkati fil-punti 2 sa 4 tal-Artikolu 70(1) ta’ din il-liġi.

2.   Persuna ġuridika stabbilita taħt id-dritt pubbliku jew privat (differenti mill-awtoritajiet nazzjonali jew lokali) maħluqa sabiex tissodisfa speċifikament bżonnijiet fl-interess ġenerali li ma għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali u li tissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

iktar minn 50 % tal-attività tagħha hija ffinanzjata mill-baġit tal-Istat jew tal-entitajiet lokali jew minn riżorsi oħrajn tal-Istat jew tal-entitajiet lokali jew minn fondi ta’ persuni ġuridiċi oħrajn stabbiliti taħt id-dritt pubbliku jew privat imsemmija f’dan il-paragrafu;

(2)

hija kkontrollata (immexxija) mill-awtorità nazzjonali jew lokali jew minn persuni ġuridiċi oħrajn stabbiliti taħt id-dritt pubbliku jew privat imsemmija f’dan il-paragrafu;

(3)

iktar minn nofs il-membri tal-bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju huma maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali jew lokali jew minn persuni ġuridiċi stabbiliti taħt id-dritt pubbliku jew privat imsemmija f’dan il-paragrafu. […]”

8

L-Artikolu 10(5) tal-liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi jiddisponi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din il-liġi ma japplikawx meta l-awtorità kontraenti tikkonkludi kuntratt ma’ entità ġuridikament distinta li fuqha hija teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq is-servizzi u l-korpi tagħha u li żżomm b’mod esklużiv (jew li fir-rigward tagħha teżerċita d-drittijiet u l-obbligi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali bħala assoċjat uniku), u meta l-entità kkontrollata tkun wettqet mill-inqas 90 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha tas-sena finanzjarja preċedenti (jew tal-perijodu li jkun għadda mill-ħolqien tagħha jekk tkun ilha teżerċita l-attività tagħha għal inqas minn sena finanzjarja waħda), permezz ta’ attivitajiet maħsuba sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti jew sabiex jippermettu li din twettaq il-funzjonijiet tagħha.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

VLRD hija kumpannija kummerċjali li ġiet maħluqa matul is-sena 2003, wara r-ristrutturar tal-“Lietuvos geležinkeliai” AB (iktar ’il quddiem il-“kumpannija ferrovjarja Litwana”) fejn l-għan soċjali jirrigwarda b’mod partikolari l-produzzjoni u l-manutenzjoni ta’ lokomottivi, ta’ vaguni kif ukoll vetturi bil-mutur elettriku u magni bil-mutur.

10

VLRD hija sussidjarja tal-kumpannija ferrovjarja Litwana, li hija l-unika sieħba tagħha. Din tal-aħħar kienet, fiż-żmien rilevanti, il-klijenta prinċipali ta’ VLRD, bl-ordnijiet tagħha kienu jirrappreżentaw 90 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ VLRD.

11

Matul is-sena 2013, VLRD ippubblikat avviż ta’ kuntratt issemplifikat għax-xiri ta’ vireg tal-ħadid, avviż li għalih wieġbet LitSpecMet qabel ma ġiet iddikjarata bħala offerent rebbieħ għal parti biss mill-offerta tagħha.

12

LitSpecMet talbet l-annullament tal-imsemmi kuntratt kif ukoll il-publikazzjoni ta’ avviż ġdid li jirrispetta l-liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi, għar-raġuni li, fil-fehma tagħha, VLRD kienet awtorità kontraenti fis-sens tal-liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi.

13

F’dan ir-rigward, LitSpecMet sostniet, essenzjalment, minn naħa, li VLRD kienet inħolqot sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-kumpannija ferrovjarja Litwana, impriża ffinanzjata mill-Istat u fdata b’missjoni ta’ servizz pubbliku, u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet tal-provvisti u l-bejgħ imwettqa għall-benefiċċju tal-kumpannija omm ma kinux jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni. LitSpecMet ikkonkludiet li dawn l-elementi kienu suffiċjenti sabiex jitqies li l-attività ta’ VLRD kellha bħala għan li tissodisfa bżonnijiet ta’ interess ġenerali mhux ta’ natura industrijali jew kummerċjali u, għaldaqstant, sabiex jiġi kkunsidrat li din il-kumpannija kienet awtorità kontraenti suġġetta għar-regoli tal-kuntratti pubbliċi.

14

Il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) ċaħdet it-talbiet ta’ LitSpecMet. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mil-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja).

15

Sabiex tikkonferma d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja) irrilevat b’mod partikolari li VLRD ġiet stabbilita sabiex teżerċita attività kummerċjali u sabiex tagħmel il-qligħ, dan ġie vverifikat mill-fatt li hija kienet issostni waħedha r-riskji tal-attività tagħha, mingħajr ma l-Istat kien ikopri t-telf. Barra minn hekk, il-qorti tal-appell qieset li l-attività ta’ VLRD ma setgħetx tiġi kkunsidrata li kienet maħsuba sabiex tissodisfa l-bżonn ta’ interess ġenerali taċ-ċittadini kollha, peress li ġie muri li VLRD evolviet f’ambjent kompetittiv u li, jekk, fiż-żmien rilevanti, il-kważi-totalità tal-bejgħ konkluż minn din tal-aħħar kien mal-kumpannija ferrovjarja Litwana, il-projezzjonijiet imwettqa kienu juru li, fl-2016, l-imsemmija bejgħ ma kinux jirrappreżentaw iktar minn 15 % tat-tranżazzjonijiet kummerċjali ta’ VLRD.

16

Il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) annullat id-deċiżjoni tal-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja).

17

F’dan ir-rigward, Il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) telqet mill-premessa li biha r-riżoluzzjoni tal-kawża li kellha quddiemha kienet tiddependi fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-espressjoni “korp stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali” użata fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 u stabbilita fl-Artikolu 4 tal-liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi.

18

F’dan ir-rigward, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) enfasizzat li l-approċċ funzjonali għall-kunċett ta’ “organu rregolat mid-dritt pubbliku” adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja, iwassal biex jitqiesu diversi elementi ta’ analiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna kinitx awtorità kontraenti, bħall-eżistenza jew le ta’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis-suq li fih din tal-aħħar tintervjeni, iċ-ċirkustanzi li fihom l-entità kkunsidrata kienet imwaqqfa, il-possibbiltà jew le li tissostitwixxi l-imsemmija entità ma’ intervenjenti oħra jew ukoll il-kwistjoni dwar jekk din l-entità ssostni jew le r-riskji ġġenerati mill-attività tagħha.

19

Il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) irrilevat, essenzjalment, li kemm il-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll dik tal-appell kienu naqsu milli jeżaminaw l-ispeċifiċitajiet tal-attivitajiet ekonomiċi mwettqa minn VLRD, b’mod partikolari fir-rigward tal-intensità tal-kompetizzjoni prevalenti fis-settur ekonomiku li fih din il-kumpannija evolviet. Hija qieset li dawn il-qrati kienu taw importanza kbira wisq lill-forma soċjali ta’ VLRD, f’dan il-każ, kumpannija kummerċjali, sabiex iqisu li VLRD ma kinitx awtorità kontraenti.

20

Barra minn hekk, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) irrilevat li VLRD kienet twettaq medja ta’ ħmistax-il tranżazzjoni interna kull sena għall-benefiċċju tal-kumpannija omm, liema, għal din it-tip ta’ tranżazzjoni, kienet eżentata milli ssegwi r-regoli tal-kuntratti pubbliċi. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li, fl-ipoteżi fejn il-kumpannija omm wettqet hija stess l-attivitajiet imwettqa mis-sussidjarja tagħha, hija kienet tkun suġġetta għall-imsemmija regoli fir-rigward tal-akkwist ta’ vetturi, ta’ materjal u ta’ provvisti oħra neċessarji għall-manutenzjoni ta’ lokomottivi u vetturi ferrovjarji jew xogħlijiet oħra, konformement mal-liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi. Hija semmiet li, f’sitwazzjoni bħal din, kien hemm lok li jiġi analizzat jekk il-fatt li kumpannija omm tirrikorri għas-servizzi ta’ sussidjarja sabiex twettaq tranżazzjonijiet ekonomiċi li huma ta’ interess ġenerali ma kienx ta’ natura li jippermetti l-evażjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kunratti pubbliċi.

21

Il-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja), li, wara li annullat id-deċiżjoni mogħtija mill-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnjus), bagħtet il-kawża lura lil din il-qorti.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnjus) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija, li:

ġiet stabbilita minn awtorità kontraenti li teżerċità l-attività tagħha fil-qasam tat-trasport ferrovjarju: ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika, trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija;

b’mod awtonomu, teżerċità attività kummerċjali, tistabbilixxi l-istrateġija ta’ attività tagħha, tadotta deċiżjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tal-attività tagħha, (suq ta’ prodotti, segmentazzjoni tal-klijentela, eċċ), tipparteċipa fis-suq kompetittiv fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea u barra mill-Unjoni Ewropea billi toffri servizzi ta’ produzzjoni u ta’ manutenzjoni ta’ vetturi ferrovjarji, u tipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti marbuta ma’ din l-attività sabiex tikseb ordnijiet mingħand terzi (li ma humiex il-kumpannija parent tagħha);

tipprovdi servizzi ta’ manutenzjoni ta’ vetturi ferrovjarji lill-kumpannija fundatriċi tagħha fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet interni, bil-valur ta’ dawn is-servizzi jkun jirrappreżenta 90 % tal-attività kollha tagħha;

is-servizzi pprovduti lill-kumpannija fundatriċi tagħha huma intiżi li jippermettulha teżerċita l-attività tagħha ta’ trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija;

ma għandhiex titqies bħala awtorità kontraenti?

2)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, fiċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq, kumpannija għandha tikkwalifika bħala awtorità kontraenti, l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li din il-kumpannija titlef l-istatus ta’ awtorità kontraenti meta l-valur tas-servizzi ta’ manutenzjoni ta’ vetturi ferrovjarji pprovduti fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet interni għall-awtorità kontraenti li hija l-fundatriċi tal-kumpannija inkwistjoni tnaqqas u tkun tirrappreżenta inqas minn 90 % jew parti mhux essenzjali mid-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tad-domandi tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpannija li minn naħa, hija miżmuma kompletament minn awtorità kontraenti fejn l-attività hija li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali u li, min-naħa l-oħra, twettaq kemm tranżazzjonijiet għal din l-awtorità kontraenti kif ukoll tranżazzjonijiet fuq is-suq kompetittiv tista’ tiġi kklassifikata bħala “organu rregolat mid-dritt pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u x’inhu, skont il-każ, l-impatt tal-fatt li l-valur tat-tranżazzjonijiet interni jista’ fil-futur jirrappreżenta inqas minn 90 % jew parti mhux essenzjali, tad-dħul mill-bejgħ globali tal-kumpannija.

24

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju f’dan il-każ ma tagħti ebda speċifikazzjoni fir-rigward tal-ammont tal-kuntratt fil-kawża prinċipali, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk il-valur ta’ dan il-kuntratt jeċċedi jew le l-limitu stabbilit fl-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18 u, konsegwentement, jekk waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva hijiex issodisfatta jew le fil-kawża prinċipali.

25

Minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ tali konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx għall-inammissibbiltà tat-talba jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, jidhrilha li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi elementi rilevanti suffiċjenti għall-evalwazzjoni li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ att tad-dritt sekondarju jistgħu jiġu ssodisfatti. Madankollu, it-tweġiba pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja hija suġġetta biss għall-konstatazzjoni mill-qorti tar-rinviju li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 48).

26

Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjoni tal-limitu ta’ EUR 200000, kif prevista fl-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18 hija ssodisfatta.

27

Huwa stabbilit li l-attività tal-kumpannija ferrovjarja Litwana li tinkludi l-provvista tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri hija kkunsidrata li titwettaq sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali u li din il-kumpannija għandha tiġi kklassifikata bħala “organu rregolat mid-dritt pubbliku” u, għaldaqstant, bħala “awtorità kontraenti”.

28

Għalhekk l-ewwel domanda hija intiża sabiex tikkjarifika jekk VLRD għandha wkoll tiġi kklassifikata bħala “organu rregolat mid-dritt pubbliku”.

29

Skont il-punti (a) u (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, jikkostitwixxi “organu rregolat mid-dritt pubbliku” kull organu li, l-ewwel nett, ġie stabbilit speċifikament sabiex jaqdi bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma humiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali, it-tieni nett, organu li għandu personalità legali u li, it-tielet nett, jew l-attivitajiet tiegħu huma ffinanzjati prinċipalment mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku, jew inkella organu li t-tmexxija tiegħu hija suġġetta għall-kontroll minn dawn ta’ l-aħħar, jew fejn iktar minn nofs il-membri li jikkomponu l-bord amministrattiv, tad-diretturi jew ta’ sorveljanza huma maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku.

30

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’manjiera kostanti, il-kundizzjonijiet iddikjarati f’dan l-artikolu għandhom natura kumulattiva b’tali mod li fin-nuqqas ta’ wieħed biss minn dawn il-kundizzjonijiet, organu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “organu rregolat mid-dritt pubbliku” u, għaldaqstant, bħala awtorità kontraenti fis-sens tad-Direttiva 2004/18 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et, C‑18/01, EU:C:2003:300, punt 32, kif ukoll tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner, C‑393/06, EU:C:2008:213, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Il-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” u inkluż dak ta’ “organu rregolat mid-dritt pubbliku”, huma, fid-dawl tal-għanijiet tad-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, intiżi sabiex jiġu esklużi kemm ir-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti jew kandidati nazzjonali meta jingħata xi kuntratt mill-awtoritajiet kontraenti kif ukoll il-possibbiltà li xi organu ffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, minn awtoritajiet reġjonali jew minn organi oħrajn rregolati mid-dritt pubbliku jkunu ggwidati minn kunsiderazzjonijiet oħrajn għajr dawk ta’ natura ekonomika, jingħataw interpretazzjoni funzjonali u wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑214/00, EU:C:2003:276, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Għandu jiġi rrilevat li VLRD tidher li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punti (b) u (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18. Fil-fatt, huwa stabbilit li hija mgħonija b’personalità ġuridika. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li VLRD hija sussidjarja 100 % tal-kumpannija ferrovjarja Litwana u li hija “kkontrollata” minn din il-kumpannija tal-aħħar.

33

L-unika kwistjoni li għandha tiġi analizzata hija, konsegwentement, rigward jekk VLRD tikkostitwixxix “korp stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali” fis-sens tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.

34

Mill-formulazzjoni tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 jirriżulta li r-rekwiżit mitlub irid jiġi ssodisfatt mill-entità li l-klassifikazzjoni tagħha qed tiġi eżaminata u mhux minn entità oħra, anki jekk din tal-aħħar hija l-kumpannija omm tal-ewwel entità li kienet tipprovdilha merkanzija jew servizzi. Għalhekk ma huwiex suffiċjenti li impriża ġiet maħluqa minn awtorità kontraenti jew li l-attivitajiet tagħha huma ffinanzjati minn mezzi finanzjarji ġejjin minn attivitajiet eżerċitati minn awtorità kontraenti sabiex hija stess tiġi kkunsidrata bħala awtorità kontraenti (sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et, C‑44/96, EU:C:1998:4, punt 39).

35

Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-użu tal-kelma “speċifikament” turi l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissuġġetta għar-regoli restrittivi tal-kuntratti pubbliċi biss entitajiet maħluqa bil-għan speċifiku li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ interess ġenerali ta’ natura mhux industrijali jew kummerċjali fejn l-attività tissodisfa tali bżonnijiet.

36

Għalhekk, qabel kollox, għandu jiġi ddeterminat jekk VLRD kienet ġiet maħluqa bil-għan speċifiku li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali u jekk l-attivitajiet tagħha kinux effettivament jissodisfaw dawn il-bżonnijiet, qabel, skont il-każ, ma jiġi eżaminat jekk tali bżonnijiet kellhomx jew le natura industrijali jew kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et, C‑18/01, EU:C:2003:300, punt 40).

37

F’dan il-każ, mill-kliem tal-ewwel domanda jirriżulta li VLRD ipprovdiet merkanzija u servizzi sabiex “tippermetti [lill-kumpannija omm] teżerċita l-attività tagħha ta’ trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija”.

38

Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li VLRD kienet ġiet maħluqa wara r-ristrutturar tal-kumpannija ferrovjarja Litwana u li “kemm il-ħolqien ta’ [VLRD] kif ukoll l-attività tagħħha huma dejjem maħsuba sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-kumpannija omm, jiġifieri tal-bżonnijiet ta’ interess ġenerali”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, l-attività ta’ VLRD, b’mod partikolari l-produzzjoni u l-manutenzjoni tal-lokomottivi u tal-vetturi kif ukoll il-provvista ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi lill-kumpannija ferrovjarja Litwana, kienet tidher neċessarja sabiex din tal-aħħar setgħet teżerċita l-attività tagħha intiża sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali.

39

Għalhekk kien jidher li VLRD kienet ġiet maħluqa bl-għan speċifiku li tissodisfa l-bżonnijiet tal-kumpannija omm peress li l-bżonnijiet li VLRD kienet ġiet inkarigata li tissodisfa jikkostitwixxu kundizzjoni neċessarja għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ interess ġenerali tal-kumpannija omm, li madankollu għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifikah.

40

Għandu jiġi irrilevat li huwa irrelevanti li, minbarra l-attivitajiet intiżi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ interess ġenerali, l-entità inkwistjoni twettaq ukoll attivitajiet oħra bi skop ta’ qligħ fuq is-suq kompetittiv (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et, C‑44/96, EU:C:1998:4, punt 25, kif ukoll tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner, C‑393/06, EU:C:2008:213, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għalhekk, il-fatt li VLRD ma teżerċitax biss attivitajiet li huma intiżi li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ interess ġenerali permezz ta’ tranżazzjonijiet interni mal-kumpannija nazzjonali ferrovjarja Litwana, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita l-attività tagħha ta’ trasport, iżda wkoll ta’ attivitajiet oħra bi skop ta’ qligħ u mingħajr rilevanza f’dan ir-rigward.

42

Sabiex jiġi evalwat jekk organu jaqax fil-kunċett ta’ “organu rregolat mid-dritt pubbliku” fis-sens tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, huwa wkoll neċessarju li dan tal-aħħar jissodisfa l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali li huma ta’ natura mhux industrijali jew kummerċjali.

43

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni ta’ din in-natura għandha tiġi magħmula filwaqt li jiġu kkunsidrati l-elementi ġuridiċi u fattwali kollha rilevanti, bħalma huma ċ-ċirkustanzi li seħħew qabel il-ħolqien tal-organu kkonċernat u l-kundizzjonijiet li fihom jeżerċita l-attivitajiet maħsuba sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ interess ġenerali, inkluż, b’mod partikolari, il-fatt li l-għan prinċipali tiegħu ma huwiex li jagħmel qligħ, in-nuqqas ta’ teħid ta’ riskji marbuta ma’ dawn l-attivitajiet kif ukoll il-finanzjament pubbliku eventwali tal-attivitajiet inkwistjoni.

44

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk, fir-rigward ta’ attivitajiet maħsuba sabiex jissodisfaw bżonnijiet ta’ interess ġenerali, l-organu inkwistjoni jopera taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, għandu għan li jagħmel qligħ u huwa responsabbli għat-telf li jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, huwa improbabbli li l-bżonnijiet li jrid jissodisfa huma ta’ natura mhux industrijali jew kummerċjali (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑283/00, EU:C:2003:544, punti 81 u 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni żviluppata ma tippermettix, waħedha, li jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ bżonn ta’ interess ġenerali li għandu karattru industrijali jew kummerċjali.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, abbażi tal-elementi kollha ġuridiċi u fattwali tal-każ, jekk, fil-mument tal-għoti tal-kuntratt fil-kawża prinċipali, l-attivitajiet eżerċitati minn VLRD maħsuba għas-sodisfazzjoni tal-bżonnijiet ta’ interess ġenerali, kinux imwettqa f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, u b’mod partikolari jekk VLRD setgħetx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, tiġi ggwidata minn kunsiderazzjonijiet mhux ekonomiċi.

47

Madankollu hija irrilevanti, f’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza mqajma mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju, li biha l-importanza tat-tranżazzjonijiet interni mwettqa mal-kumpannija ferrovjarja Litwana fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ VLRD tista’ tonqos fil-futur, peress li hija din il-qorti li għandha teżamina s-sitwazzjoni ta’ din il-kumpannija fil-mument tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

48

Konsegwentement, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija li, minn naħa, hija miżmuma kompletament minn awtorità kontraenti fejn l-attività hija li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali u li, min-naħa l-oħra, twettaq kemm tranżazzjonijiet għal din l-awtorità kontraenti kif ukoll tranżazzjonijiet fuq is-suq kompetittiv, għandha tiġi kklassifikata bħala “organu rregolat mid-dritt pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija huma neċessarji sabiex l-imsemmija awtorità kontraenti tista’ teżerċita l-attività tagħha u li, sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali, l-imsemmija kumpannija tiġi ggwidata minn kunsiderazzjonijiet mhux ekonomiċi, li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifikah. Ma għandu l-ebda impatt, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-valur tat-tranżazzjonijiet interni jista’ fil-futur jirrappreżenta inqas minn 90 % jew parti mhux essenzjali, tad-dħul mill-bejgħ globali tal-kumpannija.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] kif emendat bir-Regolament (UE) tal-Kummissjoni Nru 1251/2011, tat-30 ta’ Novembru 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija, li, minn naħa, hija miżmuma kompletament minn awtorità kontraenti fejn l-attività hija li tissodisfa l-bżonnijiet tal-interess ġenerali u li, min-naħa l-oħra, twettaq kemm tranżazzjonijiet għal din l-awtorità kontraenti kif ukoll tranżazzjonijiet fuq is-suq kompetittiv għandha tiġi kklassifikata bħala “organu rregolat mid-dritt pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija huma neċessarji sabiex l-imsemmija awtorità kontraenti tista’ teżerċita l-attività tagħha u li, sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali, l-imsemmija kumpannija tiġi ggwidata minn kunsiderazzjonijiet mhux ekonomiċi, li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifikah. Ma għandu l-ebda impatt, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-valur tat-tranżazzjonijiet interni jista’ fil-futur jirrappreżenta inqas minn 90 % jew parti mhux essenzjali, tad-dħul mill-bejgħ globali tal-kumpannija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.