SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Marzu 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (UE) Nru 1215/2012 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u ratione materiae — Materji ċivili u kummerċjali — Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata intiża għall-irkupru ta’ debitu mhux imħallas għal ipparkjar pubbliku — Inklużjoni — Kunċett ta’ ‘qorti’ — Nutar li ħareġ mandat ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ ‘dokument awtentiku’”

Fil-Kawża C-551/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Općinski sud u Puli-Pola (qorti muniċipali ta’ Pula, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura

Pula Parking d.o.o.

vs

Sven Klaus Tederahn,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pula Parking d.o.o., minn M. Kuzmanović u S. L. Pacheco‑Vinković, odvjetnici,

għal S. K. Tederahn, minn E. Zadravec, odvjetnik,

għall-Gvern Kroat, minn A. Metelko‑Zgombić, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Svizzeru, minn M. Schöll, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u S. Ječmenica, kif ukoll minn M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bejn Pula Parking d.o.o. u Sven Klaus Tederahn, dwar talba għall-irkupru ta’ debitu mhux imħallas għal ipparkjar pubbliku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-Regolament Nru 1215/2012 huwa legalment ibbażat fuq l-Artikolu 67(4) u fuq l-Artikolu 81(2)(a), (ċ) u (e) TFUE.

4

Il-premessi 3, 4, 10, 26 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 huma fformulati kif ġej:

“(3)

L-Unjoni stabbilixxiet għaliha nfisha l-għan li tmantni u tiżviluppa żona ta’ ħelsien, sigurtà u ġustizzja, inter alia billi tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili. […]

(4)

Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

[…]

(10)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew […]

[…]

(26)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni tiġġustifika l-prinċipju li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtieġa għal proċedura speċjali. Barra minn hekk, l-għan li t-tilwim transkonfinali jirriżulta f’inqas ħela ta’ ħin u spejjeż jiġġustifika l-abolizzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà qabel l-eżekuzzjoni fl-Istat Membru indirizzat. Bħala riżultat, sentenza li tingħata mill-qrati ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata daqs li kieku kienet ingħatat fl-Istat Membru indirizzat.

[…]

(34)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)], ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 44/2001[, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali] u r-Regolamenti li jissostitwixx[u]ha.”

5

Il-Kapitolu I tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”. Dan jinkludi l-Artikolu 1(1) li jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

6

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)

‘sentenza’ tfisser kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentement minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-infiq jew l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti..

[…]”

7

L-Artikolu 3 ta’ dan ir- regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘qorti’ tinkludi l-awtoritajiet li ġejjin sakemm dawn ikollhom ġurisdizzjoni fuq kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

(a)

fl-Ungerija, fi proċedimenti sommarji dwar ordnijiet għall-ħlas (fizetési meghagyásos eljárás), in-nutar (közjegyző);

(b)

fl-Isvezja, fi proċedimenti sommarji dwar ordnijiet għall-ħlas (betalningsföreläggande) u assistenza (handräckning), l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten).”

8

L-Artikolu 66(1) u (2) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi imfassla jew irreġistrati formalment u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fid-data jew wara l-10 ta’ Jannar 2015.

2.   Minkejja l-Artikolu 80, ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandu jkompli japplika għal sentenzi mogħtija fi proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi formalment imfassla jew irreġistrati u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi qabel l-10 ta’ Jannar 2015 u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.”

Id-dritt Kroat

9

L-Artikolu 31 tal-Ovršni zakon (liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata, Narodne novine, br. 112/12, 25/13 u 93/14) jipprevedi:

“1)   Bis-saħħa ta’ din il-liġi, dokument awtentiku huwa fattura, […] estratt minn kotba ta’ kontabbiltà, dokument privat legalizzat u kull dokument meqjus bħala dokument uffiċjali bis-saħħa ta’ liġijiet speċifiċi. Il-kalkolu tal-imgħaxijiet huwa wkoll meqjus bħala fattura.

2)   Dokument awtentiku għandu jkun eżekuttiv jekk jinkludi l-identità tal-kreditur u tad-debitur, kif ukoll is-suġġett, in-natura, il-portata u d-data tal-eżiġibbiltà tal-obbligu pekunjarju.

3)   B’żieda mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, fattura maħruġa lil persuna fiżika li ma teżerċitax attività rreġistrata għandha tindika lid-debitur li, f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu pekunjarju li jkun sar eżiġibbli, il-kreditur ikun jista’ jitlob l-eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku.

[…]”

10

Skont l-Artikolu 278 tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata, in-nutara għandhom jiddeċiedu fuq it-talbiet għal ftuħ ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni bbażati fuq dokumenti awtentiċi.

11

Skont l-Artikolu 279(1) u (3) ta’ din il-liġi, in-nutar li territorjalment għandu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi fil-qasam ta’ eżekuzzjoni huwa dak li fiż-żona tiegħu jinstab id-domiċilju jew l-uffiċċju rreġistrat tal-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Skont l-Artikolu 38 tal-istess liġi, din il-ġurisdizzjoni territorjali hija esklussiva. Talba għal eżekuzzjoni mressqa quddiem nutar li ma jkollux ġurisdizzjoni territorjali għandha tiġi miċħuda mill-qorti.

12

Skont l-Artikolu 282(3) ta’ din il-liġi, in-nutar li quddiemu titressaq oppożizzjoni ammissibbli, motivata u mressqa fil-ħin kontra l-mandat maħruġ minnu għandu jittrasferixxi l-fajl, għall-finijiet tal-proċedura ta’ oppożizzjoni, lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni, li għandha tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni skont l-Artikoli 57 u 58 ta’ din il-liġi.

13

L-Artikolu 283(1) tal-istess liġi jipprovdi li n-nutar għandu jehmeż, fuq talba tal-persuna li ressqet it-talba, il-formola eżekuttiva ma’ kopja tal-mandat ta’ eżekuzzjoni li huwa jkun ħareġ jekk, f’terminu ta’ tmint ijiem mill-iskadenza tat-terminu għat-tressiq tal-oppożizzjoni din ma tkunx tressqet.

14

Skont l-Artikolu 58(3) tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata, il-qorti li lilha jkun ġie ttrasferit il-fajl tal-mandat li fir-rigward tiegħu tkun tressqet oppożizzjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tinvalida dan il-mandat ta’ eżekuzzjoni sa fejn dan jordna l-eżekuzzjoni u sabiex tannulla l-miżuri adottati, filwaqt li l-proċedura għandha tkompli skont ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Pula Parking, kumpannija li hija l-proprjetà tal-belt ta’ Pula (il-Kroazja), tiżgura, bis-saħħa ta’ deċiżjoni tas-sindku ta’ din il-belt, tas-16 ta’ Diċembru 2009, kif emendata fil-11 ta’ Frar 2015, il-ġestjoni, is-superviżjoni, il-manutenzjoni u t-tindif tal-postijiet pubbliċi bil-ħlas għall-ipparkjar ta’ din il-belt, il-ġbir tal-ħlas għall-ipparkjar kif ukoll operazzjonijiet oħra konnessi.

16

Fit-8 ta’ Settembru 2010, S. K. Tederahn, li huwa ddomiċiljat fil-Ġermanja, ipparkja l-vettura tiegħu f’post pubbliku bil-ħlas għall-ipparkjar tal-belt ta’ Pula. Pula Parking ħarġet biljett tal-ipparkjar lil S. K. Tederahn.

17

Abbażi tal-kuntratt ta’ pparkjar li s-sottoskrizzjoni għalih irriżultat mill-ħruġ ta’ dan il-biljett, S. K. Tederahn kellu l-obbligu jħallas dan il-biljett f’terminu ta’ tmint ijiem mid-data tal-ħruġ tiegħu, terminu li fit-tmiem tiegħu jibdew jinġemgħu l-imgħaxijiet għad-dewmien.

18

Peress li S. K. Tederahn ma ħallasx is-somom dovuti fit-terminu mogħti, fis-27 ta’ Frar 2015, Pula Parking ressqet quddiem nutar li l-uffiċċju tiegħu jinstab f’Pula, talba għal eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku” bis-saħħa tal-Artikolu 278 tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata.

19

Id-“dokument awtentiku” prodott minn Pula Parking kien estratt iċċertifikat mill-kontijiet tagħha li juri li, fid-dawl tal-fattura tat-8 ta’ Settembru 2010, fis-16 ta’ Settembru 2010 kien dovut ammont ta’ HRK 100 (madwar EUR 13).

20

Fil-25 ta’ Marzu 2015 in-nutar ħareġ mandat ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ dan id-dokument.

21

Peress li fil-21 ta’ April 2015 S. K. Tederahn ressaq oppożizzjoni kontra dan il-mandat, il-kawża tressqet quddiem l-Općinski sud u Puli-Pola (qorti muniċipali ta’ Pula, il-Kroazja) skont l-Artikolu 282(3) tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata.

22

Fil-kuntest tal-oppożizzjoni tiegħu, S. K. Tederahn ressaq motiv wieħed ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ratione materiae u territorjali tan-nutar li ħareġ il-mandat ta’ eżekuzzjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 minħabba li huwa ma kellux ġurisdizzjoni joħroġ tali mandat abbażi ta’ “dokument awtentiku” tal-2010, kontra ċittadin Ġermaniż jew ċittadin ta’ kull Stat Membru ieħor tal-Unjoni.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Općinski sud u Puli-Pola (qorti muniċipali ta’ Pula) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari sussegwenti:

“1)

Fid-dawl tan-natura ġuridika tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet fit-tilwima, ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, huwa applikabbli għall-każ inkwistjoni?

2)

Ir-Regolament […] Nru 1215/2012 jirreferi għall-ġurisdizzjoni tan-nutara fir-Repubblika tal-Kroazja?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-kamp ta ’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 1215/2012

24

Peress li S. K. Tederahn eċċepixxa l-inapplikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 1215/2012 minħabba l-konklużjoni tal-kuntratt dwar l-użu tal-post għall-ipparkjar f’data preċedenti għall-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, jiġifieri l-1 ta’ Lulju 2013, hemm lok li jitfakkar li l-Att ta’ Adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid huwa essenzjalment ibbażat fuq il-prinċipju ġenerali tal-applikazzjoni immedjata u sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ dan l-Istat, filwaqt li derogi huma ammessi biss sa fejn dawn jiġu espressament previsti mid-dispożizzjonijiet tranżitorji (sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C-420/07, EU:C:2009:271, punt 33).

25

Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 66(1) tiegħu, dan ir-regolament japplika biss għall-proċeduri ġudizzjarji mressqa, għall-atti awtentiċi redatti jew irreġistrati formalment u għat-tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi mill-10 ta’ Jannar 2015.

26

F’dan il-każ, għalkemm il-każ fil-kawża prinċipali jirrigwarda l-irkupru ta’ debitu mhux imħallas għal ipparkjar, dovut bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata nbdiet fis-27 ta’ Frar 2015, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1215/2012, u l-qorti tar-rinviju ġiet adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali fil-21 ta’ April 2015, b’mod li azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

27

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa barra minn hekk normali li l-irkupru forzat ta’ debiti dovuti jaqa’ taħt ir-regoli proċedurali fis-seħħ fil-mument li fih tinbeda l-azzjoni, u mhux taħt dawk applikabbli meta l-kuntratt inizjali jkun ġie konkluż.

28

Il-konklużjoni li tinsab fil-punt 26 ta’ din is-sentenza hija wkoll ikkorraborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija meta l-Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kienet fis-seħħ, li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandha tiġi żgurata l-kontinwità tagħha f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 66(1) ta’ dan ir-regolament, li abbażi tiegħu l-unika kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti sabiex l-iskema ta’ dan ir-regolament tapplika fir-rigward ta’ tilwimiet dwar relazzjonijiet juridiċi mnissla qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu hija li l-azzjoni ġudizzjarja tkun inbdiet wara din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1979, Sanicentral, 25/79, EU:C:1979:255, punt 6).

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija minn kumpannija li hija l-proprjetà ta’ kollettività territorjali kontra persuna fiżika ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-irkupru ta’ debitu mhux imħallas għal ipparkjar f’parkeġġ pubbliku, li t-tmexxija tiegħu ġiet iddelegata lil din il-kumpannija minn din il-kollettività, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

30

Pula Parking, il-Gvern Kroat u dak Svizzeru, u l-Kummissjoni Ewropea essenzjalment jaqblu li r-relazzjoni ġuridika fil-kawża prinċipali hija ta’ natura ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

31

L-ewwel nett, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 issa jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament japplikaw ukoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C-417/15, EU:C:2016:881, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 jirrigwarda “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu żgurati, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jeħtieġ li l-kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” ma jiġix interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ wieħed jew ieħor mill-Istati kkonċernati. L-imsemmi kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għall-istruttura ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements, C-523/14, EU:C:2015:722, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Sabiex jiġi ddeterminat jekk materja taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, hemm lok li tiġi identifikata r-relazzjoni ġuridika eżistenti bejn il-partijiet fit-tilwima u li jiġu eżaminati l-bażi tal-azzjoni u l-modalitajiet għat-tressiq tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sapir et, C-645/11, EU:C:2013:228, punt 34, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2013, Sunico et, C-49/12, EU:C:2013:545, punt 35).

35

F’dan il-każ, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tmexxija tal-ipparkjar pubbliku u l-ġbir tal-ħlasijiet għall-ipparkjar jikkostitwixxu funzjoni ta’ interess lokali, żgurata minn Pula Parking, impriża li hija l-proprjetà tal-belt ta’ Pula. Madankollu, għalkemm is-setgħat ta’ Pula Parking ingħatawlha permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika, la d-determinazzjoni tad-debitu mhux imħallas għall-ipparkjar, ta’ natura kuntrattwali, u lanqas l-azzjoni għall-irkupru tiegħu, li hija intiża għall-ħarsien ta’ interessi privati u li hija rregolata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt nazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, ma jidhru li jeħtieġu li l-belt ta’ Pula jew li Pula Parking jeżerċitaw setgħat pubbliċi.

36

F’dan ir-rigward, mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li d-debitu għall-ipparkjar mitlub minn Pula Parking ma huwiex suġġett għal penalitajiet li jistgħu jitqiesu bħala li jirriżultaw minn att ta’ awtorità pubblika tagħha u ma huwiex ta’ natura punittiva, iżda jikkostitwixxi, għaldaqstant, is-sempliċi korrispettiv ta’ servizz ipprovdut.

37

Barra minn hekk, lanqas ma jidher li, billi toħroġ biljett tal-ipparkjar lill-persuni kkonċernati, Pula Parking tkun qiegħda tagħti lilha nnifisha titolu eżekuttiv, b’deroga mir-regoli tad-dritt nazzjonali, peress li sussegwentement għal tali ħruġ, Pula Parking tkun sempliċement tinstab f’pożizzjoni, bħal persuna li toħroġ fattura, li tibbaża ruħha fuq dokument awtentiku ta’ natura li jippermettilha tibda proċedura skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Sunico et, C-49/12, EU:C:2013:545, punt 39).

38

Minn dan jirriżulta li r-relazzjoni ġuridika eżistenti bejn Pula Parking u S. K. Tederahn għandha, bħala prinċipju, tiġi kklassifikata bħala relazzjoni ġuridika tad-dritt privat u, minħabba dan, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija minn kumpannija li hija l-proprjetà ta’ kollettività territorjali kontra persuna fiżika ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-irkupru ta’ debitu mhux imħallas għal ipparkjar f’parkeġġ pubbliku, li t-tmexxija tiegħu ġiet iddelegata lil din il-kumpannija minn din il-kollettività, li bl-ebda mod ma huwa ta’ natura punittiva iżda sempliċement jikkostitwixxi korrispettiv tas-servizz ipprovdut, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1215/2015 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-Kroazja, in-nutara, li jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku”, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament.

41

Pula Parking u l-Gvern Kroat iqisu li, għall-finijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, il-kelma “qorti” għandha tiġi interpretata f’sens wiesa’, li jippermetti li jiġu koperti mhux biss il-qrati, fis-sens strett, li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll in-nutara. Il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-persuni l-oħra kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ppreżentaw osservazzjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Svizzeru li ma jesprimix ruħu fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, iqisu li, bla ħsara għal emenda ta’ dan ir-regolament, in-nutara fil-Kroazja ma jistgħux jiġu assimilati ma’ qorti, fis-sens tiegħu, għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ “dokument awtentiku”.

42

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali, l-għanijiet u l-oriġini ta’ dan l-istrument tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Hőszig, C‑222/15, EU:C:2016:525, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1215/2012, hemm lok li jiġi osservat li, f’diversi drabi, dan ir-regolament jirreferi għall-kunċetti ta’ “qorti”, ta’ “ġurisdizzjoni” jew ta’ “proċedimenti legali” mingħajr madankollu ma jiddefinixxihom.

44

Għaldaqstant, it-titolu tar-Regolament Nru 1215/2012 jirreferi għall-“ġurisdizzjoni” u l-Artikolu 66 tiegħu, li jirrigwarda l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament, jippreċiża, fil-paragrafu (1) tiegħu, li dan ir-regolament għandu japplika biss għall-“proċedimenti legali” mibdija mill-10 ta’ Jannar 2015.

45

Fil-Kapitolu I tiegħu, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali, irrispettivament min-natura tal-qorti. L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sentenza” bħala li jkopri kull sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, irrispettivament mill-isem mogħti lil tali sentenza.

46

L-Artikolu 3 tal-istess regolament jindika awtoritajiet li, sa fejn għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiġu aditi b’materji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, huma meqjusa bħala qrati, jiġifieri, fl-Ungerija, fil-proċeduri sommarji li jirrigwardaw l-ordnijiet ta’ ħlas, in-nutara u, fl-Isvizzera, fil-proċeduri sommarji li jirrigwardaw dan l-ordnijiet u l-assistenza, l-awtoritajiet responsabbli għall-ġbir forzat. Peress li dan l-artikolu jirrigwarda speċifikament l-awtoritajiet li huwa jelenka, in-nutara fil-Kroazja ma jaqgħux taħtu. F’dan ir-rigward huwa irrilevanti li r-Regolament Nru 1215/2012 kien ġie adottat fit-12 ta’ Diċembru 2012, qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, u li l-adattamenti tekniċi tal-acquis tal-Unjoni kienu kkonċernaw biss l-atti ġuridiċi tal-Unjoni adottati u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel l-1 ta’ Lulju 2012.

47

Barra minn hekk, fir-rigward tal-funzjonijiet tan-nutara, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, b’mod kostanti, l-eżistenza ta’ differenzi fundamentali bejn il-funzjonijiet ġudizzjarji u dawk notarili (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑53/08, EU:C:2011:338, punt 103; tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 47, kif ukoll tal-1 ta’ Frar 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑392/15, EU:C:2017:73, punt 111).

48

Hemm ukoll lok li jiġi kkonstatat li, bid-differenza, pereżempju, tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107), li l-Artikolu 3(2) tiegħu jippreċiża li l-kelma “qorti”, fis-sens ta’ dak ir-regolament, tinkludi mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda wkoll kull awtorità kompetenti oħra f’dan il-qasam li teżerċità funzjonijiet ġudizzjarji u li tissodisfa ċertu kundizzjonjiet li din l-istess dispożizzjoni telenka, ir-Regolament Nru 805/2004 ma jinkludi ebda dispożizzjoni ġenerali li għandha tali effett..

49

Għaldaqstant, hekk kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi analizzat, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-kunċett ta’ “qorti” fid-dawl tal-għanijiet li r-Regolament Nru 1215/2012 irid jilħaq, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju.

50

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, huwa indispensabbli li jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali sabiex jiġu ggarantiti r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ malajr u sempliċi tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru. Hekk kif tfakkar il-premessa 26 tal-istess regolament, dan il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa, qabel kollox, iġġustifikat mill-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni.

51

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, huma, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ importanza fundamentali, peress li dawn jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ żona mingħajr fruntieri interni (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fl-iskema tar-Regolament Nru 1215/2012 dawn il-prinċipji jirriżultaw fit-trattament u fl-eżekuzzjoni tas-sentenzi ġudizzjarji tal-qrati ta’ Stat Membru daqslikieku dawn kienu ngħataw fl-Istat Membru li fih l-eżekuzzjoni hija mitluba.

53

Ir-Regolament Nru 1215/2012, li l-bażi legali tiegħu huwa l-Artikolu 67(4) TFUE li huwa intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, jipprova b’hekk isaħħaħ, fil-qasam tal-kooperazjoni f’materji ċivili u kummerċjali, is-sistema ssimplifikata u effikaċja tar-regoli ta’ kunflitt, ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi ġudizzjarji, stabbilita permezz tal-istrumenti ġuridiċi li fil-kontinwità tagħhom dan jinstab, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (ara, b’analoġija, fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 32).

54

Għaldaqstant, fid-dawl tal-għanijiet li r-Regolament Nru 1215/2012 irid jilħaq, il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità li l-qrati nazzjonali tal-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw is-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra u jipproċedu, bil-ħeffa meħtieġa minn dan ir-regolament, għall-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi. Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri tal-Unjoni li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tippresupponi, b’mod partikolari, li s-sentenzi li l-eżekuzzjoni tagħhom hija mitluba fi Stat Membru ieħor ikunu ngħataw fi proċeduri ġudizzjarji li joffru garanzija ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità kif ukoll l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

55

Din il-konklużjoni hija kkorraborata mill-oriġini tar-Regolament Nru 1215/2012. F’dan ir-rigward, il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali [COM(2010) 748 finali], dwar ir-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, kienet tipprevedi l-inklużjoni, fil-Kapitolu I tar-Regolament Nru 1215/2012, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “qorti” b’mod li dan jinkludi “kull awtorità indikata minn Stat Membru bħala li għandha ġurisdizzjoni fuq kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta[…]r-Regolament”. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma segwiex dan l-approċċ.

56

F’dan il-każ, hekk kif sostna l-Gvern Kroat waqt is-seduta, fil-Kroazja, in-nutara jifformaw parti mis-servizz pubbliku notarali, li huwa separat mis-sistema ġudizzjarja. Skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata, in-nutara għandhom is-setgħa jiddeċiedu permezz ta’ mandat fuq it-talbiet għal ftuħ ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument awtentiku. Ladarba l-mandat jiġi nnotifikat lill-konvenut, huwa jista’ jressaq oppożizzjoni. In-nutar li quddiemu titressaq oppożizzjoni ammissibbli, motivata u mressqa fil-ħin kontra l-mandat li huwa jkun ħareġ għandu jibgħat il-fajl, għall-finijiet tal-proċedura ta’ oppożizzjoni, lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni, li għandha tiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni.

57

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-mandat ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ “dokument awtentiku”, maħruġ min-nutar, huwa nnotifikat lid-debitur biss wara li jkun inħareġ, mingħajr ma t-talba li tkun tressqet quddiem in-nutar ma tkun ġiet ikkomunikata lil dan id-debitur.

58

Għalkemm huwa veru li d-debitur għandu l-possibbiltà li jressaq oppożizzjoni kontra l-mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ min-nutar u għalkemm jidher li n-nutar jeżerċità r-responsabbiltajiet mogħtija lilu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku” taħt il-kontroll ta’ qorti, li lilha n-nutar għandu jibgħat il-kontestazzjonijiet eventwali, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżami, min-nutar, fil-Kroazja, tat-talba għal ħruġ ta’ mandat ta’ eżekuzzjoni fuq tali bażi ma huwiex kontradittorju.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonjiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li r-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-Kroazja, in-nutara, li jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku”, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija minn kumpannija li hija l-proprjetà ta’ kollettività territorjali kontra persuna fiżika ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-irkupru ta’ debitu mhux imħallas għal ipparkjar f’parkeġġ pubbliku, li t-tmexxija tiegħu ġiet iddelegata lil din il-kumpannija minn din il-kollettività, li bl-ebda mod ma huwa ta’ natura punittiva iżda sempliċement jikkostitwixxi korrispettiv tas-servizz ipprovdut, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

 

2)

Ir-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-Kroazja, in-nutara, li jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku”, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Kroat.