SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

10 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikoli 2, 3 u 6 — Kamp ta’ applikazzjoni — Differenza fit-trattament bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ taħriġ sostnuti wara ċerta età — Aċċess għat-taħriġ professjonali”

Fil-Kawża C‑548/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura

J. J. de Lange

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur),u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn E. Creedon u J. Quaney kif ukoll minn D. Fennelly u A. Joyce, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren kif ukoll minn E. Karlsson u L. Swedenborg, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età kif ukoll tal-Artikolu 3(1)(ċ) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J. J. De Lange u Staatssecretaris van Financiën (segretarju tal-Istat għall-finanzi, il-Pajjiż l-Baxxi) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jakkordalu dritt għal tnaqqis komplet tal-ispejjeż ta’ taħriġ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew […]

[…]”

5

L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċci, f’dak li jirrigwarda:

[…]

b)

l-aċċess għat-tipi kollha u għall-livelli kollha ta’ gwida professjonali, formazzjoni professjonali, formazzjoni u riformazzjoni professjonali iktar avvanzata, inkluż taħriġ ta’ xogħol prattiku;

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

6

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

[…]”

7

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-konformità”, jipprovdi:

L-Istati Membri għandhom jieħdu il-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

a)

kwalunkwe liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

[…]”

Id-dritt Olandiż

8

L-Artikolu 6.30 tad-de la wet inkomstenbelasting 2001 (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-2001), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul”), jipprovdi:

“1.   L-ispejjeż ta’ taħriġ jagħtu lok għal tnaqqis sakemm l-ammont tagħhom huwa ta’ iktar minn EUR 500 u, barra minn hekk, [għat-taħriġ segwit] barra mill-perijodu ordinarju ta’ studju, sa ammont totali li ma jaqbiżx il-EUR 15000.

[…]

3.   Il-perijodu ordinarju ta’ studju huwa l-perijodu li għandu jiġi indikat mill-persuna suġġetta għat-taxxa, li ma jeċċedix 16-il trimestru ċivili, li fihom il-persuna taxxabbli, wara li tkun laħqet l-età ta’ 18-il sena iżda qabel ma tilħaq l-età ta’ 30 sena, tiddedika l-parti l-kbira taż-żmien li kieku tista’ tiddedika għax-xogħol għal taħriġ li jimplika oneru totali ta’ studju ta’ tali portata li l-ebda impjieg komplet, minbarra [t-taħriġ], ma jkun possibbli”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Matul is-sena 2008, meta kellu 32 sena, J. J. De Lange beda taħriġ ta’ pilota ta’ linja. Fid-dikjarazzjoni tiegħu abbażi tat-taxxa fuq id-dħul u tal-kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali għas-sena 2009, huwa inkluda, bħala tnaqqis ta’ natura personali, ammont ta’ EUR 44057 li jikkorrispondi għall-ispejjeż li jirriżultaw minn dan it-taħriġ.

10

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-persuni li ma jkunux laħqu l-età ta’ 30 sena, li jnaqqsu l-ispejjeż ta’ taħriġ professjonali kollha mid-dħul taxxabbli. Min-naħa l-oħra, dan id-dritt ta’ tnaqqis huwa llimitat għal EUR 15000 għall-persuni li jkunu laħqu din l-età.

11

L-amministrazzjoni fiskali Olandiża għalhekk irrikonoxxiet lill-persuna kkonċernata, abbażi tal-Artikolu 6.30 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, dritt għal tnaqqis ta’ somma f’daqqa għal EUR 15000 biss.

12

Peress li r-rikors ippreżentat minn J. J. De Lange kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fl-ewwel istanza u fl-appell, huwa ppreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

13

Din il-qorti tistaqsi dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 u dik tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età għal sistema fiskali li tirrigwarda t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-istudju. Skont il-każ, hija tistaqsi jekk id-differenza fit-trattament li twassal għaliha tali sistema u li tikkonsisti fl-għoti jew le ta’ dritt ta’ tnaqqis integrali abbażi, b’mod partikolari, tal-kriterju tal-età, tistax tkun iġġustifikata.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill [2000/78] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għal vantaġġ fiskali li jinsab fil-leġiżlazzjoni fiskali li fuq il-bażi tagħha spejjeż tal-istudji jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva:

2)

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-[Unjoni], għandu jiġi applikat għal vantaġġ fiskali li fuq il-bażi tiegħu spejjeż ta’ taħriġ jitnaqqsu biss taħt ċerti ċirkustanzi, anki meta dak il-vantaġġ fiskali [jaqa’] lil hinn mill-kamp [ta’ applikazzjoni] materjali tad-Direttiva [2000/78] u meta dak l-arranġament ma jimplemetax id-dritt tal-[Unjoni]?

Jekk ir-risposta għall-ewwel jew it-tieni domanda magħmula tkun pożittiva:

3)

a)

Jistgħu differenzi fit-trattament li jmorru kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-[Unjoni] jiġu ġġustifikati bil-mod ipprovdut fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78/KE?

b)

Jekk le, liema kriterji huma applikabbli għall-applikazzjoni ta’ dak il-prinċipju jew għall-ġustifikazzjoni ta’ distinzjoni bbażata fuq l-età?

4)

a)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78/KE u/jew il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jiġġustifikaw differenza fit-trattament bbażata fuq l-età jekk ir-raġuni għal dik id-differenza tirrigwarda biss xi wħud mill-każijiet affettwati minn din id-distinzjoni?

b)

Tista’ distinzjoni bbażata fuq l-età tiġi ġġustifikata mill-perspettiva tal-leġiżlatur li, lil hinn minn ċerta età, vantaġġ fiskali ma għandux bżonn ikun disponibbli għaliex hija ‘responsabbiltà [finanzjarja] personali’ tal-persuna li titolbu sabiex tikseb l-għan imfittex minn dan il-vantaġġ fiskali?”

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ewwel domanda

15

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li t-trattament fiskali tal-ispejjeż ta’ taħriġ professjonali sostnuti minn persuna jvarja abbażi tal-età tagħha, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din id-direttiva.

16

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u l-għan tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi kuntest ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, billi toffri protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm l-età (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2013, Dansk Jurist- og Økonomforbund, C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, C, C‑122/15, EU:C:2016:391, punt 19).

17

B’mod partikolari, l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi b’mod partikolari li din tal-aħħar tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni, għall-persuni kollha fir-rigward tal-aċċess għal kull tip u kull livell ta’ orjentazzjoni professjonali, ta’ taħriġ professjonali, ta’ perfezzjonament u ta’ taħriġ ta’ riforma, inkluż l-akkwist ta’ esperjenza prattika.

18

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, li għalkemm l-eżistenza u l-portata ta’ dritt għal tnaqqis, bħal dak previst fl-Artikolu 6.30 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, ma jikkondizzjonawx, bħala tali, l-aċċess għat-taħriġ professjonali, xorta jibqa’ l-fatt li l-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw minnhom jista’ jkollhom effett fuq l-aċċessibbiltà effettiva għal tali taħriġ.

19

Il-Gvern Olandiż isostni li l-vantaġġ fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa intiż sabiex jiffavorixxi l-aċċess taż-żgħażagħ għat-taħriġ u s-sitwazzjoni tagħhom fuq is-suq tax-xogħol. Id-dritt għal tnaqqis previst mill-Artikolu 6.30 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul huwa intiż fil-fatt sabiex jgħin liż-żgħażagħ billi joffrilhom, matul perijodu ordinarju ta’ studji partikolari, vantaġġi fiskali li jippermettilhom li jsegwu iktar faċilment l-istudju matul dan il-perijodu u, b’hekk, jiksbu sitwazzjoni solida fuq is-suq tax-xogħol.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sistema fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkonċerna l-aċċess għat-taħriġ professjonali, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2000/78.

21

Hekk, u moqri fid-dawl tal-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2000/78, li permezz tiegħu l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jitħassru l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kuntrarji għall-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament, l-Artikolu 3(1)(b) ta’ din id-direttiva għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi wkoll dispożizzjoni fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata bil-għan li tiffavorixxi l-aċċess għat-taħriġ taż-żgħażagħ u, għaldaqstant, is-sitwazzjoni tagħhom fuq is-suq tax-xogħol (ara, b’analoġija, sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Vergani, C-207/04, ECLI:EU:C:2005:495, punt 26).

22

Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li t-trattament fiskali tal-ispejjeż ta’ taħriġ professjonali sostnuti minn persuna jvarja skont l-età tagħha, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din id-direttiva sa fejn hija intiża li tiffavorixxi l-aċċess għat-taħriġ taż-żgħażagħ.

Fuq it-tieni domanda

23

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda, peress li din saret biss fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-Direttiva 2000/78 ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

Fuq it-tielet u r-raba ’ domanda

24

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi skema ta’ taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-persuni li ma laħqux l-età ta’ 30 sena li jnaqqsu kompletament, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-ispejjeż ta’ taħriġ professjonali mid-dħul taxxabbli tagħhom meta dan id-dritt għal tnaqqis huwa limitat għall-persuni li laħqu din l-età.

25

Skont din id-dispożizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età bejn persuni li jsegwu tali taħriġ hijiex oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu, jekk il-miżuri implementati biex dan jitwettaq humiex xierqa u jekk jaqbżux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit mil-leġiżlatur nazzjonali.

26

L-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi barra minn hekk li dawn id-differenzi fit-trattament jistgħux b’mod partikolari jinkludu t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kundizzjonijiet speċjali ta’ aċċess għall-impjieg u għat-taħriġ professjonali, ta’ impjieg u ta’ xogħol, inkluż il-kundizzjonijiet ta’ sensji u ta’ remunerazzjoni, għaż-żgħażagħ, sabiex sabiex tiġi ffavorizzata l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom.

27

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-għan intiż li jiffavorixxi s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fuq is-suq tax-xogħol sabiex jippromwovi l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom jista’ jiġi kkunsidrat bħala leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

28

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet humiex xierqa u neċessarji.

29

F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, in-natura xierqa ta’ skema ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li tali skema hija ta’ natura li tiffavorixxi s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fuq is-suq tax-xogħol sa fejn tikkostitwixxi għalihom miżura ta’ inkoraġġiment għat-taħriġ professjonali. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan huwa effettivament il-każ.

30

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-natura strettament neċessarja tal-iskema ta’ taxxa inkwistjoni.

31

F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż josserva li għalkemm din l-iskema tirriżerva d-dritt li jitnaqqsu kompletament l-ispejjeż ta’ taħriġ mid-dħul taxxabbli tagħhom għall-persuni ta’ inqas minn 30 sena biss, il-persuni ta’ iktar minn 30 sena ma humiex daqstant żvantaġġati mill-imsemmija skema. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jibbenefikaw, kull sena, minn dritt għal tnaqqis tal-ispejjeż ta’ taħriġ għall-ammont ta’ EUR 15000, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż sostnuti jikkonċernawx l-ewwel ċiklu ta’ studju jew ċiklu ta’ studju ulterjuri.

32

Il-Gvern Olandiż iżid li tali dritt għal tnaqqis jista’ jiġi eżerċitat mingħajr limitu fiż-żmien, filwaqt li l-possibbiltà, għall-persuni ta’ inqas minn 30 sena, li jnaqqsu l-ammont kollu tal-ispejjeż ta’ formazzjoni tagħhom huwa limitat għal perijodu ordinarju ta’ studju ta’ sittax-il trimestru skont il-kalendarju. Fl-aħħar nett, dan l-istess gvern jenfasizza li l-ispejjeż ta’ taħriġ jammontaw bħala medja għal EUR 15000 fis-sena.

33

Fl-aħħar nett fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk huwiex iġġustifikat li jiġu esklużi l-persuni li għandhom iktar minn 30 sena mid-dritt għal tnaqqis tal-ispejjeż kollha ta’ taħriġ, il-Gvern Olandiż isostni li dawn il-persuni ġeneralment kellhom l-opportunità li jsegwu taħriġ preċedenti kif ukoll li jeżerċitaw attività professjonali, b’tali mod li, peress li jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja aħjar minn dik taż-żgħażagħ li jkunu ħarġu ftit ilu mill-iskola, huma f’pożizzjoni li jassumu tal-inqas parzjalment l-oneru finanzjarju ta’ taħriġ ġdid.

34

Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, li Stat Membru li jadotta skema ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż li jiffavorixxi s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fuq is-suq tax-xogħol.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema ta’ taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-persuni li ma laħqux l-età ta’ 30 sena li jnaqqsu kompletament, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-ispejjeż ta’ taħriġ professjonali mid-dħul taxxabbli tagħhom meta dan id-dritt ta’ tnaqqis huwa limitat għall-persuni li laħqu din l-età, sa fejn minn naħa, din is-sistema hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu relatat mal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, il-mezzi sabiex jintlaħaq dan il-għan huma xierqa u neċessarji. Hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li t-trattament fiskali tal-ispejjeż ta’ taħriġ professjonali sostnuti minn persuna jvarja skont l-età tagħha, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din id-direttiva sa fejn hija intiża li tiffavorixxi l-aċċess għat-taħriġ taż-żgħażagħ.

 

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema ta’ taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-persuni li ma laħqux l-età ta’ 30 sena li jnaqqsu kompletament, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-ispejjeż ta’ taħriġ professjonali mid-dħul taxxabbli tagħhom meta dan id-dritt ta’ tnaqqis huwa limitat għall-persuni li laħqu din l-età, sa fejn minn naħa, din is-sistema hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu relatat mal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, il-mezzi sabiex jintlaħaq dan il-għan huma xierqa u neċessarji. Hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.