SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Novembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 23(a) — Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenzi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri — Ordni pubbliku”

Fil-Kawża C‑455/15 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varbergs tingsrätt (qorti tal-ewwel istanza ta’ Varberg, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura

P

vs

Q,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal P, minn A. Heurlin, avukat, u M. Hellner,

għal Q, minn K. Gerbauskas u H. Mackevičius, avukati,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, U. Persson u C. Meyer-Seitz kif ukoll L. Swedenborg, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u J. Nasutavičienė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent, assistit minn S. Samuelsson u M. Johansson, avukati,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), u b’mod partikolari tal-Artikoli 23(a) u 24 tiegħu.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn P, residenti fl-Isvezja, u Q, residenti fil-Litwanja, dwar id-dritt ta’ kustodja tat-tfal tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta ’ Den Haag tal-1980

3

L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal, konkluża f’Den Haag fil-25 ta’ Ottubru 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”), jgħid:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ma hijiex marbuta li tordna r-ritorn tal-wild jekk il-persuna, istituzzjoni jew enti oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li:

a)

il-persuna, l-istituzzjoni jew l-entità oħra li jkunu vestiti bil-kura tal-persuna tal-wild ma kinux attwalment qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tal-kustodja fiż-żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il-wild jew li taw il-kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għat-tneħħija jew iż-żamma tal-wild; jew

b)

jkun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-wild se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill-wild f’sitwazzjoni intollerabbli.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r-ritorn tal-wild jekk issib li l-wild joġġezzjona għar-ritorn tiegħu u jkun laħaq età u livell ta’ maturità li jkun tajjeb li wieħed jagħti każ tal-fehmiet tiegħu.

[...]”

4

Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1983. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma partijiet kontraenti tal-imsemmija konvenzjoni.

Id-dritt tal-Unjoni

5

Il-premessa 21 tar-Regolament Nru 2201/2003 tiddikjara li:

6

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri [ulied] li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.”

7

L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ir-Ritorn ta’ l-minuri [ulied]”, jipprevedi:

“1.   Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi [abbażi] [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament [illegalment] imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali], għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

[...]

6.   Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha, kopja tal-ordni tal-qorti dwar l- [iż-żamma]sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta’ l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn.

7.   Kemm-il darba il-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġew diġà fil-pussess ta’ wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skont il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni tal-kustodja tal-minuri.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu.

8.   Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn tal-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament għandha tkun infurzabbli [...] ħalli jiġi assigurat ir-ritorn tal-minuri.”

8

Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post aħjar sabiex jinstema’ l-każ”:

“1.   B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri [wild] għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

a)

twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

b)

titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skont il-paragrafu 5.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika:

a)

malli ssir l-applikazzjoni minn parti waħda; jew

b)

fuq mozzjoni proprja ta’ l-qorti: jew

ċ)

mal-applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l- minuri għandu konnessjoni partikolari, skont il-paragrafu 3.

Trasferiment magħmul fuq mozzjoni ta’ l-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill-inqas minn wieħed mill-partijiet.

3.   Il-minuri għandhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru

a)

ikun sar ir-residenza abitwali ta’ l-minuri wara li l-qorti msemmija fil paragrafu 1 tkun ħadet il-pussess; jew

b)

hija r-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri; jew

c)

huwa l-post taċ-ċittadinanza ta’ l-minuri; jew

d)

huwa r-residenza abitwali tad-detentur tar-responsabilità bejn il-ġenituri; jew

e)

huwa l-post fejn tinstab proprjetà ta’ l-minuri u l-każ jikkonċerna miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew ħelsien ta’ din il-proprjetà.

4.   Il-qrati tal-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza tal-kwistjoni għandhom jiffissaw żmien limitat f’liema l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skont il-paragrafu 1.

Jekk il-qrati ma jkunux ħadu pussess f’dak iż-żmien, il-qorti li kellha l-pussess għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 8 sa 14.

5.   Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi tal-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skont il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 8 sa 14.

[...]”

9

L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ir-Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenzi dwar ir-responsabbiltà ta’ l-ġenituri”, jipprevedi:

“Sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

a)

Jekk l-imsemmi rikonoxximent jidħer ċar li huwa kuntrarju għall-politika pubblika ta’ l-Istat Membru li fih r-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub wara li jiġu kkunsidrati l-aħjar interessi ta’ l-minuri;

[...]”

10

L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ reviżjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-qrati ta’ l-oriġini”, jgħid:

“Il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova tal-politika pubblika imsemmija [...] fl-Artikolu 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni imsemmija fl-Artikoli 3 sa 14.”

11

Skont l-Artikolu 26 tal-istess regolament, intitolat “In-nuqqas ta’ reviżjoni nkwantu għas-sustanza”:

“Taħt l-ebda ċirkustanzi m’għandha sentenza tiġi riveduta nkwantu għas-sustanza tagħha.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li P u Q flimkien kellhom l-ulied V imwieled fl-2000, u S, imwieled fl-2009. Il-koppja bdiet fl-1997. P u Q għexu flimkien sal-2003, is-sena tas-separazzjoni tagħhom. Is-Šilutės rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šiluté, il-Litwanja) iddikjarat id-divorzju tagħhom fis-6 ta’ Jannar 2003. Fl-2006, din il-qorti temmet il-ftehim dwar l-effetti legali taż-żwieġ. Skont din l-aħħar sentenza, ir-residenza ta’ V ġiet stabbilita fid-dar ta’ Q, l-omm, iżda l-kustodja ġiet maqsuma bejn iż-żewġ ġenituri. Il-familja, madankollu, telqet mil-Litwanja fl-2005 sabiex tistabbilixxi ruħha fl-Isvezja, fejn ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-popolazzjoni fl-2006. S twieled fl-Isvezja. Iż-żewġ ulied jitkellmu l-Isvediż u kienu jattendu l-iskola f’Falkenberg (l-Isvezja), fejn huma residenti l-parti l-kbira ta’ dawk li huma jiffrekwentaw.

13

Fis-27 ta’ Novembru 2013, P skopra li Q u ż-żewġ ulied kienu għebu. Deher li Q kienet ikkuntattjat is-servizzi soċjali tal-muniċipalità ta’ Falkenberg, li fetħet investigazzjoni wara li Q allegat li hija stess u uliedha kienu sfaw vittmi ta’ reati mwettqa minn P. Ir-reati inkwistjoni ġew irrapportati lill-pulizija u Q u l-ulied tqiegħdu f’dar ta’ kenn. Xi ftit xhur iktar tard, l-investigazzjoni preliminari kontra P twaqqfet. Madankollu, P ġie interdett milli jagħmel kuntatt ma’ Q u wliedha.

14

Fid-29 ta’ Marzu 2014, Q ħadet liż-żewġ uliedha fil-Litwanja. F’dak iż-żmien il-ġenituri kellhom il-kustodja maqsuma taż-żewġ ulied. Dawn ġew irreġistrati fir-reġistru tal-popolazzjoni tal-municipalità ta’ Šilutė (il-Litwanja).

15

Fit-8 ta’ April 2014, Q ippreżentat rikors kontra P quddiem is-Šilutės rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šilutė) li bih talbet li din il-qorti tieħu deċiżjoni provviżorja dwar ir-residenza u l-kustodja ta’ S kif ukoll deċiżjoni li tagħtiha allowance għall-manteniment għaż-żewġ ulied.

16

Fil-11 ta’ April 2014, P adixxa lill-qorti tar-rinviju b’rikors kontra Q sabiex tingħatalu l-kustodja esklużiva taż-żewġ uliedu.

17

Fl-istess jum, is-Šilutės rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šilutė) stabbilixxiet provviżorjament ir-residenza ta’ S fid-dar tal-omm.

18

Fix-xahar ta’ Ġunju 2014, P ippreżenta fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin (Utrikesdepartementet) tar-Renju tal-Isvezja talba għar-ritorn tal-ulied fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

19

Fl-4 ta’ Settembru 2014 il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja) ċaħdet it-talba għar-ritorn tal-wild ppreżentata minn P u, fil-21 ta’ Ottubru 2014, il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja) ikkonfermat din id-deċiżjoni, li kienet ibbażata fuq l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

20

Fit-18 ta’ Ottubru 2014, wara istruttorja mwettqa matul is-seduta fl-assenza ta’ Q, il-qorti tar-rinviju assenjat provviżorjament lil P il-kustodja esklużiva ta’ S.

21

Wara r-rikors tat-8 ta’ April 2014, is-Šilutės rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šilutė), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2015, stabbilixxiet ir-residenza ta’ S fid-dar ta’ Q u kkundannat lil P għall-ħlas ta’ allowance ta’ manteniment għaż-żewġ ulied.

22

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisdizzjoni tagħha hija bbażata fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, peress li, fil-mument tal-preżentata tar-rikorsi quddiem is-Šilutės rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šilutė), fit-8 ta’ April 2014, u quddiemha stess, fil-11 ta’ April 2014, iż-żewġ ulied kienu abitwalment residenti fl-Isvezja fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

23

Quddiem il-qorti tar-rinviju, P issostni li, sabiex din tal-aħħar tibqa’ adita bil-proċedura fil-kawża prinċipali, is-sentenza mogħtija mis-Šilutės rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šilutė), fit-18 ta’ Frar 2015, ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta. Dan ir-rifjut ta’ rikonoxximent, skont huwa, huwa bbażat fuq l-Artikolu 23(a) tar-Regolament Nru 2201/2003.

24

P jirrikonoxxi li, skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, huwa normalment ipprojbit li jsir stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini. Skont huwa, din id-dispożizzjoni madankollu ma tirreferix għall-artikolu 15 tal-imsemmi regolament, li fuqu s-Šilutės rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šilutė) ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha. Madankollu din il-qorti injorat l-Artikolu 15, u żammet il-ġurisdizzjoni tagħha mingħajr ma ntalbet tagħmel hekk mill-qorti tar-rinviju.

25

Dejjem skont P, is-Šilutės rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šilutė), barra minn hekk, iddeduċiet minn dan li l-qorti Litwana rrifjutat li tordna r-ritorn tal-wild fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 li r-residenza abitwali ta’ dan il-wild kien issa fil-Litwanja.

26

Filwaqt li ammetta li l-klawżola ta’ ordni pubbliku għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, P isostni li għad hemm ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’każijiet ta’ żball gravi mill-qorti barranija. Skont huwa, is-Šilutės rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šilutė) wettqet ksur li bih, jew intenzjonalment jew mingħajr ma taf, hija kisret mhux biss l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, iżda wkoll il-prinċipju fundamentali li jgħid li, fil-qasam ta’ trobbija tal-wild, huma, fl-aħħar stadju, il-qrati tal-pajjiż ta’ residenza oriġinali tal-wild li għandhom jaqtgħu l-kawża.

27

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Q issostni li l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament jipprojbixxi l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru. L-uniku każ li fih is-sentenza mogħtija mis-Šilutės rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šilutė), fit-18 ta’ Frar 2015, tista’ ma tiġix irrikonoxxuta huwa meta tmur kontra l-ordni pubbliku. Skont Q, dan ma huwiex il-każ peress li jidher b’mod ċar li P ma ssodisfax l-obbligi ta’ missier b’mod adegwat u li S għandu għalhekk jibqa’ mal-omm. Dan ġie kkonstatat f’erba’ proċeduri differenti. Barra minn hekk, l-ulied ser jattendu l-iskola fil-Litwanja, fejn ma hemm l-ebda riskju għas-saħħa jew l-iżvilupp tagħhom u l-ebda regola tad-dritt ma nkisret. Il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius) u l-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja) sabu li ż-żewġ ulied ittieħdu legalment fil-Litwanja minn ommhom. Il-qorti tar-rinviju ma kellha l-ebda raġuni biex tiddubita l-evalwazzjoni magħmula minn dawn il-qrati u l-awtoritajiet Litwani.

28

Q tirrileva wkoll li, sat-18 ta’ Frar 2015, P kien ħa sehem attiv fil-proċeduri li nżammu quddiem il-qrati Litwani. Huwa wkoll kelli l-mezzi proċedurali sabiex jaġixxi kontra d-deċiżjonijiet meħuda. Barra minn hekk, huwa kien abbanduna minn rajh it-talba intiża li r-residenza ta’ V tiġi stabbilita f’daru u kien b’hekk aċċetta li dan il-wild jgħix ma’ ommu fil-Litwanja. Għaldaqstant, bit-talba tal-kustodja ta’ S, P ikun qed jikser id-drittijiet u l-interessi leġittimi taż-żewġ ulied.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varbergs tingsrätt (qorti tal-ewwel istanza ta’ Varberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

30

Il-Varbergs tingsrätt (qorti tal-ewwel istanza ta’ Varberg) talbet li r-rinviju preliminari preżenti jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tispjega li, wara t-tluq ta’ S ma’ ommu fid-29 ta’ Marzu 2014, P għad ma kellux l-opportunità li jiltaqa’ miegħu. Jekk il-proċedura tittawwal iktar, dan il-fatt jippreġudika l-interessi ta’ dan il-wild u jaffettwa r-relazzjoni tiegħu ma’ missieru.

31

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 li ġie adottat, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, illum l-Artikolu 67 TFUE, li jinsab fit-Titolu V tal-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, b’mod li l-imsemmi rinviju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ddefinita fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura.

32

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li dan il-każ jirrigwarda wild ta’ sitt snin, li ilu separat minn missieru għal iktar minn sena, u li, skont il-qorti tar-rinviju, dan tal-aħħar ma għandux iktar l-opportunità li jiltaqa’ miegħu. Minn dan isegwi li l-estensjoni tas-sitwazzjoni attwali tista’ taffettwa serjament ir-relazzjoni futura tal-wild ma’ missieru.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 108 tar-Regoli tal-Proċedura, iddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju intiża li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi sottomess għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id-domanda preliminari

34

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni tippermetti lil qorti ta’ Stat Membru, li tqis li jkollha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni dwar il-kustodja ta’ wild, li tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li kienet iddeċidiet fuq il-kustodja ta’ dan il-wild.

35

Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 21 tal-imsemmi regolament, dan huwa bbażat fuq il-kunċett li r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka u li r-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent għandhom jinżammu għall-minimu neċessarju.

36

F’din is-sistema, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jistabbilixxi r-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati kontra r-rikonoxximent ta’ sentenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, għandu jiġi interpretat b’mod strett peress li jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament, kif imfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

37

Għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, hija madankollu għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrikorri għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 42).

38

Barra minn hekk, b’differenza mill-klawżola ta’ ordni pubbliku li tinsab fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) li kienet is-suġġett tal-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 23(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jeżiġi li d-deċiżjoni dwar rifjut ta’ rikonoxximent possibbli tittieħed fid-dawl tal-aħjar interessi tal-wild.

39

Għalhekk, l-użu tal-klawżola ta’ ordni pubbliku fl-Artikolu 23(a) tal-imsemmi regolament, għandu jkun possibbli biss fil-każ li, wara li jitqiesu l-aħjar interessi tal-wild, ir-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tmur b’mod inaċċettabbli kontra l-ordinament ġuridiku tal-Istat rikjest, inkwantu tippreġudika prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tal-istħarriġ fil-mertu tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, prevista fl-Artikolu 26 tal-istess regolament, il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest, fid-dawl tal-aħjar interessi tal-wild, ta’ regola tad-dritt meqjusa li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat rikjest jew ta’ dritt irrikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (ara b’analoġija, is-sentenza Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 44).

40

Madankollu, fir-rigward tal-kawża prinċipali, ma huwiex ċar mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li teżisti regola ta’ dritt bħal din, meqjusa li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tar-Renju tal-Isvezja, fejn tali dritt, irrikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku, jiddgħajjef jekk is-sentenza ta’ Šilutés rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šiluté) tiġi rrikonoxxuta.

41

P, madankollu, isostni li l-imsemmija sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta bis-saħħa tal-Artikolu 23(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, peress li l-imsemmija qorti ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni bi ksur tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jipprojbixxi kull stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini u jippreċiża espliċitament li l-Artikolu 23(a) tal-istess regolament ma jistax jiġi invokat sabiex isir tali stħarriġ.

43

Huwa ċertament minnu, kif osservat minn P, li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirreferi biss għall-Artikoli 3 sa 14 ta’ dan ir-regolament, u mhux għall-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament.

44

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jidher fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jikkompleta r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 14 tal-imsemmi kapitolu permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni li jippermetti lill-qorti ta’ Stat Membru, li jkollha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawża bis-saħħa ta’ wieħed minn dawn ir-regoli, li tibgħat il-kawża, eċċezzjonalment, lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, liema qorti tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-kawża.

45

Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-opinjoni tiegħu, allegat ksur tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament mill-qorti ta’ Stat Membru ma jippermettix lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor li tistħarreġ il-ġurisdizzjoni ta’ din l-ewwel qorti, minkejja l-fatt li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 24 tar-regolament ma jkun fih l-ebda riferiment espliċitu għall-Artikolu 15.

46

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tal-Istat fejn issir it-talba ma tistax, taħt piena li tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003, tirrifjuta r-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor minħabba s-sempliċi raġuni li hija tqis li, f’din is-sentenza, id-dritt nazzjonali jew id-dritt Komunitarju ġie applikat b’mod żbaljat.

47

P iqis ukoll li, ħlief fejn idgħajjef l-istess prinċipji sottostanti tas-sistema applikabbli għat-trasferiment illegali ta’ wlied, previst mill-istess regolament, għandu jkun possibbli li din is-sentenza ma tiġix irrikonoxxuta.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 2201/2003 fih, fl-Artikolu 11 tiegħu, dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-ritorn ta’ wild li jkunu tneħħew inġustament jew inżammu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru fejn il-wild kien abitwalment residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma inġusta.

49

Barra minn hekk, dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 8 tiegħu, proċedura awtonoma sabiex tindirizza l-problema potenzjali tad-deċiżjonijiet konfliġġenti dwar il-kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rinau, C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 63, u Povse, C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 56).

50

Għalhekk, anki jekk wieħed iqis li hemm diffikultà fir-rigward taż-żamma illegali ta’ wild fil-kawża prinċipali, tali problema għandha tiġi solvuta, mhux b’rifjut ta’ rikonoxximent, abbażi tal-Artikolu 23(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, ta’ sentenza bħal dik tas-Šilutés rajono apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Šiluté) tat-18 ta’ Frar 2015, iżda, jekk ikun il-każ, billi tiġi invokata l-proċedura prevista fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament.

51

L-imsemmija proċedura tippermetti lill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-wild qabel it-tneħħija jew iż-żamma inġusta tiegħu li tieħu deċiżjoni ulterjuri sabiex jiġi żgurat ir-ritorn tal-wild fl-Istat Membru fejn kien abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma inġusta.

52

Madankollu, għandu jitfakkar li l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha tieħu inkunsiderazzoni r-raġunijiet u l-provi li fuqhom ingħatat is-sentenza taż-żamma (sentenza Povse, C‑211/10 PPU EU:C:2010:400, punt 59).

53

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li għandha tingħata r-risposta lid-domanda magħmula li l-Artikolu 23(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ ksur ċar, fid-dawl tal-aħjar interessi tal-wild, ta’ regola tad-dritt li titqies li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jew ta’ dritt irrikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku, din id-dispożizzjoni ma tippermettix lill-qorti ta’ dan l-Istat Membru, li tqis li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kustodja ta’ wild, li tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li tat deċiżjoni fuq il-kustodja ta’ dan il-wild.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 23(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ ksur ċar, fid-dawl tal-aħjar interessi tal-wild, ta’ regola tad-dritt li titqies li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jew ta’ dritt irrikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku, din id-dispożizzjoni ma tippermettix lill-qorti ta’ dan l-Istat Membru, li tqis li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kustodja ta’ wild, li tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li tat deċiżjoni fuq il-kustodja ta’ dan il-wild.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.