SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili marbuta mal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 90/232/KEE – Artikolu 1 – Responsabbiltà fil-każ ta’ danni korporali kkawżati lill-passiġġieri kollha ħlief is-sewwieq – Assigurazzjoni obbligatorja – Effett dirett – Direttiva 84/5/KEE – Artikolu 1(4) – Organu responsabbli sabiex jikkumpensa d-danni materjali jew korporali kkawżati minn vettura mhux identifikata jew mhux assigurata – Invokabbiltà ta’ direttiva fil-konfront ta’ Stat – Kundizzjonijiet li fihom organu rregolat mid-dritt privat jista’ jitqies li huwa emanazzjoni tal-Istat u li fihom jistgħu jiġu invokati fil-konfront tiegħu d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett”

Fil-Kawża C‑413/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Elaine Farrell

vs

Alan Whitty,

Minister for the Environment,

Ireland,

Attorney General,

Motor Insurers Bureau of Ireland (MIBI),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet (Relatur), D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: T. Millett, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Minister for the Environment, għal Ireland u għall-Attorney General, minn E. Creedon u S. Purcell, bħala aġenti, assistiti minn J. Connolly, SC, u C. Toland, BL,

għall-Motor Insurers Bureau of Ireland (MIBI), minn J. Walsh, solicitor, u B. Murray, barrister, kif ukoll minn L. Reidy u B. Kennedy, SC,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u C. David, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u K.-Ph. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk fil-konfront ta’ organu rregolat mid-dritt privat li jkun ġie fdat minn Stat Membru bil-missjoni prevista fl-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), kif emendata bit-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249) (iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”), jistgħux jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jista’ jkollhom effett dirett.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima li, fl-ewwel istanza, kienet bejn, minn naħa, Elaine Farrell u, min-naħa l-oħra, Alan Whitty, il-Minister for the Environment (il-Ministru għall-Ambjent, l-Irlanda), Ireland (l-Irlanda), l-Attorney General kif ukoll il-Motor Insurers Bureau of Ireland (MIBI), dwar il-kumpens għad-danni korporali mġarrba minn E. Farrell fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”), jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

4

L-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva jipprovdi:

“1.   L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri b’obbligu kemm il-ħsara lill-proprjetà u kemm il-korrimenti personali.

[…]

4.   Kull Stat Membru għandu jistabilixxi jew jawtorizza korp li jkollu d-dover li jipprovdi kumpens, mill-anqas sal-limiti ta’ l-obbligu ta’ l-assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew korrimenti personali ikkaġunati minn vettura mhux identifikata jew minn vettura li l-obbligu ta’ asigurazzjoni tagħha previst fil-paragrafu 1 ma jkunx ġie sodisfatt. Din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ kumpens minn dak il-korp bħala sussidjarju jew non-sussidjarju u għad-dritt ta’ provvediment għas-sodisfazzjon ta’ pretensjonijiet bejn dak il-korp u l-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident u assiguraturi oħrajn jew korpi ta’ sigurtà soċjali meħtieġa biex jikkumpensaw il-vittma fir-rigward ta’ l-istess inċident. B’dankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korp li jagħmel pagament ta’ kumpens bil-kondizzjoni [ma jistgħux jippermettu li l-korp jissuġġetta l-pagament ta’ kumpens għall-kundizzjoni] li l-vittma tistabbilixxi bi kwalunkwe mod li l-persuna responsabbli ma tkunx tista’ jew tirrifjuta li tħallas.

[…]”

5

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull dispożizzjoni statutorja jew kull klawsola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assigurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva], li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan, jew

persuni li ma jkollhomx liċenzja li tippermettilhom isuqu l-vettura kkonċernata, jew

persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura kkonċernata, għandha

għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva], titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident.”

6

Skont it-tieni sal-ħames premessi tat-Tielet Direttiva 90/232 (iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”):

“Billi l-Artikolu 3 [tal-Ewwel Direttiva] jenħtieġ li kull Stat Membru jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu jkun kopert b’assigurazzjoni; billi sal-limitu tar-responsabbiltà koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-koperta ta’ l-assigurazzjoni għandha tkun iddeterminata fuq il-bażi ta’ dawk il-miżuri;

Billi [it-Tieni Direttiva] naqset sewwa id-differenzi bejn il-livell u l-kontenut ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja rigward ir-responsabbiltà ċivili fl-Istati Membri; billi differenzi sinifikanti għadhom jeżistu, b’dankollu, fil-każ ta’ kopertura bl-assigurazzjoni;

Billi l-vittmi ta’ l-aċċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn [fl-Unjoni] jseħħu l-aċċidenti;

Billi hemm, partikolarment, ċerti lakuni fil-koperta obbligatorja ta’ l-assigurazzjoni tal-pasiġġieri fil-vetturi bil-mutur f’ċerti Stati Membri; billi, bħala protezzjoni għal din il-kategorija partikolarment vulnerabbli tal-vittmi potenzjali, dawn il-lakuni għandhom ikunu magħluqa”.

7

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tat-[Tieni Direttiva], l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura.”

8

Skont l-Artikolu 6(2) tat-Tielet Direttiva, l-Irlanda kellha sal-31 ta’ Diċembru 1998 sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-passiġġieri rekbin wara fuq mutur u sal-31 ta’ Diċembru 1995 sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmi Artikolu 1 fir-rigward tal-vetturi l-oħra.

Id-dritt Irlandiż

9

L-Artikolu 56 tar-Road Traffic Act 1961 (Att tal-1961 dwar Traffiku Stradali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Att tal-1961”), kien jobbliga lil kull minn juża vettura bil-mutur li jkollu assigurazzjoni kontra d-danni korporali jew materjali kkawżati lil terzi f’post pubbliku. Madankollu, dan l-obbligu ta’ assigurazzjoni ma kienx ikopri d-danni kkawżati lill-persuni li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fil-partijiet ta’ vetturi li ma jkunux attrezzati għall-passiġġieri.

10

Skont l-Artikolu 78 tal-Att tal-1961, l-assiguraturi li jeżerċitaw attività ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fl-Irlanda għandhom ikunu membri tal-MIBI.

11

Il-MIBI huwa kumpannija b’responsabbiltà limitata b’garanzija li ma għandha ebda kapital azzjonarju u huwa ffinanzjat kompletament mill-membri tiegħu, li huma l-assiguraturi li joperaw fis-suq tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fl-Irlanda. Il-MIBI twaqqaf f’Novembru 1954, wara ftehim bejn id-Department of Local Government (dipartiment tal-gvern lokali, l-Irlanda) u l-assiguraturi li jissottoskrivu assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fl-Irlanda.

12

Skont l-Artikolu 2 ta’ ftehim konkluż matul is-sena 1988 bejn il-Ministru għall-Ambjent u l-MIBI, il-MIBI jista’ jiġi mfittex minn kull persuna li tkun qiegħda tipprova tikseb kumpens mingħand sewwieq mhux assigurat jew mhux identifikat. Skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim, il-MIBI ta l-kunsens tiegħu li jħallas kumpens lill-vittmi ta’ sewwieqa mhux assigurati jew mhux identifikati. L-obbligu tal-MIBI li jikkumpensa lill-vittmi jitnissel meta kreditu sanċit b’deċiżjoni ġudizzjarja ma jkunx onorat kompletament fi żmien 28 jum, bil-kundizzjoni li din id-deċiżjoni ġudizzjarja tkopri “kull responsabbiltà għal danni korporali jew danni materjali li kellha tkun koperta b’polza ta’ assigurazzjoni approvata skont l-Artikolu 56 tal-[Att tal-1961]”.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fis-26 ta’ Jannar 1996, E. Farrell kienet vittma ta’ inċident tat-traffiku meta kienet passiġġiera f’vann li kien il-proprjetà ta’ u li kien misjuq minn A. Whitty, li tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu. Meta seħħ l-inċident, E. Farrell kienet bilqiegħda fl-art fil-parti ta’ wara tal-vettura ta’ A. Whitty, li la kienet maħsuba u lanqas ma kienet attrezzata sabiex jinġarru passiġġieri fil-parti ta’ wara tagħha.

14

Peress li A. Whitty ma kienx assigurat kontra d-danni korporali mġarrba minn E. Farrell, din tal-aħħar ipprovat tikseb kumpens mingħand il-MIBI.

15

Il-MIBI rrifjuta li jikkumpensa lil E. Farrell minħabba li r-responsabbiltà għad-danni korporali li hija ġarrbet ma kinitx koperta mill-assigurazzjoni obbligatorja taħt id-dritt Irlandiż.

16

F’Settembru 1997, E. Farrell fetħet proċedura quddiem il-qrati Irlandiżi kontra A. Whitty, il-Ministru għall-Ambjent, l-Irlanda, l-Attorney General u l-MIBI, fejn sostniet b’mod partikolari li l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni fis-seħħ fil-mument tal-inċident ma kinux jimplementaw b’mod korrett id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ewwel u tat-Tielet Direttivi. F’dak il-kuntest il-High Court (qorti għolja, l-Irlanda) għamlet rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

17

Fil-kuntest ta’ dak ir-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva kellu jiġi interpretat fis-sens li kien jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili marbuta mal-użu ta’ vetturi bil-mutur ma tkoprix ir-responsabbiltà għal danni korporali kkawżati lill-persuni li jkunu qegħdin jivvjaġġaw f’parti ta’ vettura bil-mutur li la kienet maħsuba u lanqas ma kienet attrezzata b’siġġijiet għall-passiġġieri u, min-naħa l-oħra, li dan l-artikolu kien jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikollu effett dirett u, għalhekk, kien jagħti drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati nazzjonali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien il-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk din id-dispożizzjoni setgħetx tiġi invokata fil-konfront ta’ organu bħalma huwa l-MIBI (sentenza tad-19 ta’ April 2007, Farrell, C‑356/05, EU:C:2007:229, punti 3644).

18

F’sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, il-High Court (qorti għolja) qieset li l-MIBI kien emanazzjoni tal-Istat u li, għaldaqstant, E. Farrell setgħet tikseb kumpens mingħandu.

19

Il-MIBI appella minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju peress li qies li ma kienx emanazzjoni tal-Istat u li, għaldaqstant, fil-konfront tiegħu ma setgħux jiġu invokati d-dispożizzjonijiet, anki jekk ikollhom effett dirett, ta’ direttiva li ma kinux ġew ittrasposti fid-dritt nazzjonali.

20

B’riżultat ta’ ftehim bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, E. Farrell irċeviet kumpens għad-danni korporali li kienet ġarrbet. Madankollu, il-MIBI, minn naħa, u l-Ministru għall-Ambjent, l-Irlanda u l-Attorney General, min-naħa l-oħra, ma humiex jaqblu dwar min għandu jieħu responsabbiltà għal dan il-kumpens.

21

Peress li fil-fehma tagħha r-risposta għal din il-kwistjoni tiddependi minn jekk il-MIBI għandux jitqies jew le bħala emanazzjoni tal-Istat li kontriha jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett, is-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-kriterju stabbilit fil-punt 20 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313), dwar il-kwistjoni ta’ x’inhi emanazzjoni ta’ Stat Membru, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-elementi ta’ dan il-kriterju għandhom jiġu applikati

a)

b’mod kumulattiv, jew

b)

separatament?

2)

Sa fejn elementi differenti msemmija fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313) jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati bħala fatturi li għandhom debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, jeżisti prinċipju fundamentali li jservi ta’ bażi għad-diversi fatturi identifikati f’dik is-sentenza li qorti għandha tapplika hi u teżamina l-kwistjoni ta’ jekk organu partikolari huwiex emanazzjoni tal-Istat?

3)

Huwa biżżejjed li, bl-għan manifest li jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, Stat Membru jkun ittrasferixxa parti kbira tar-responsabbiltà lil organu sabiex dan l-organu jkun emanazzjoni tal-Istat Membru, jew huwa barra minn hekk neċessarju li tali organu (a) ikollu wkoll setgħat speċjali [eżorbitanti] jew (b) jopera wkoll taħt il-kontroll dirett jew is-superviżjoni diretta tal-Istat Membru?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 288 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix li fil-konfront ta’ entità li ma tissodisfax il-karatteristiċi kollha stabbiliti fil-punt 20 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313), ikunu jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett.

23

Fil-punti 3 sa 5 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-organu inkwistjoni fil-kawża li kienet tat lok għall-imsemmija sentenza, jiġifieri British Gas Corporation, kienet “persuna ġuridika stabbilita bil-liġi”, “responsabbli għall-iżvilupp u għaż-żamma, taħt monopolju, ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tal-gass fil-Gran Brittanja”, li l-“membri tal-bord tad-diretturi [tagħha] […] kienu maħtura mis-Segretarju tal-Istat kompetenti[, li] kellu wkoll is-setgħa li jagħti lil [British Gas] direttivi ta’ natura ġenerali, fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta mal-interess nazzjonali, kif ukoll struzzjonijiet marbuta mal-amministrazzjoni tagħha”, u li British Gas kellha l-awtorità “tippreżenta abbozzi ta’ liġijiet fil-Parlament bl-awtorizzazzjoni tas-Segretarju tal-Istat”.

24

F’dan il-kuntest, fil-punt 18 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija kienet “gradwalment aċċettat li dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva setgħu jiġu invokati mill-individwi fil-konfront ta’ organi jew ta’ entitajiet li kienu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew li kellhom setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżutlaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi”.

25

Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 20 tal-imsemmija sentenza, li “fi kwalunkwe każ jaqa’ fost l-entitajiet li fil-konfront tagħhom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett organu li, irrispettivament mill-forma ġuridika tiegħu, ikun ingħata r-responsabbiltà, bis-saħħa ta’ att tal-awtorità pubblika, li jwettaq, taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar, servizz ta’ interess pubbliku u li jkollu, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi”.

26

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, l-għażla magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 20 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313), li tuża l-kliem “fi kwalunkwe każ jaqa’ fost [dawn] l-entitajiet” juri l-fatt li l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx li tifformola test ġenerali maħsub sabiex ikopri l-każijiet kollha li fih id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett ikunu jistgħu jiġu invokati kontra entità, iżda li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li organu bħal dak inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza għandu, fi kwalunkwe każ, jitqies bħala tali peress li jissodisfa kull waħda mill-karatteristiċi elenkati f’dan il-punt 20.

27

Fil-fatt, l-imsemmi punt 20 għandu jinqara fid-dawl tal-punt 18 tal-istess sentenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li tali dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati minn individwu fil-konfront ta’ organu jew ta’ entità li jew tkun suġġetta għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat, jew ikollha setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi.

28

Għaldaqstant, kif osservat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 77 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom l-organu kkonċernat għandu, rispettivament, ikun suġġett għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat, u jkollu setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi ma jistax ikollhom natura kumulattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1997, Kampelmann et, C‑253/96 sa C‑258/96, EU:C:1997:585, punti 46 sa 47, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 26).

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix, fih innifsu, li fil-konfront ta’ entità li ma tissodisfax il-karatteristiċi kollha stabbiliti fil-punt 20 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313), moqrija flimkien ma’ dawk imsemmija fil-punt 18 ta’ dik is-sentenza, ikunu jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

30

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk jeżistix prinċipju fundamentali li għandu jiggwida lil qorti li tkun qiegħda teżamina l-kwistjoni ta’ jekk fil-konfront ta’ organu jistgħux jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett u, b’mod partikolari, jekk fil-konfront ta’ organu li jkun ingħata minn Stat Membru l-missjoni prevista fl-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva jistgħux jiġu invokati tali dispożizzjonijiet.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fiha nfisha direttiva ma tistax toħloq obbligi għal individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront tiegħu (sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, EU:C:1986:84, punt 48; tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 20; tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 108, kif ukoll tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30). Fil-fatt, jekk l-invokabbilta ta’ direttivi li ma jkunux ġew trasposti tiġi estiża għall-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-individwi, dan iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-Unjoni Ewropea għandha s-setgħa li tistabbilixxi b’effett immedjat obbligi fuq l-individwi meta fil-fatt l-Unjoni għandha din il-kompetenza biss fejn ingħatat is-setgħa li tadotta regolamenti (sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 24).

32

Madankollu, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-individwi jkunu jistgħu jinvokaw direttiva fil-konfront mhux ta’ individwu iżda ta’ Stat, huma jistgħu jagħmlu dan irrispettivament mill-kwalità li fiha jaġixxi dan tal-aħħar, bħala persuna li timpjega jew bħala awtorità pubblika. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet huwa meħtieġ li jiġi evitat li l-Istat ikun jista’ jibbenefika mill-fatt li ma jkunx osserva d-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, EU:C:1986:84, punt 49; tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et, C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 17, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero, C‑343/98, EU:C:2000:441 punt 22).

33

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill-individwi, mhux biss fil-konfront ta’ Stat Membru u tal-korpi kollha tal-amministrazzjoni tiegħu, bħalma huma l-awtoritajiet deċentralizzati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256, punt 31), iżda anki, kif tfakkar fil-kuntest tar-rispsota għall-ewwel domanda, fil-konfront ta’ organi jew ta’ entitajiet li huma suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew li jkollhom setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et, C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 18, kif ukoll tal-4 ta’ Diċembru 1997, Kampelmann et, C‑253/96 sa C‑258/96, EU:C:1997:585, punt 46).

34

Tali organi jew entitajiet huma distinti minn individwi u għandhom jiġu assimilati mal-Istat, jew għaliex ikunu persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku li jagħmlu parti mill-Istat f’sens wiesa’, jew għaliex ikunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll ta’ awtorità pubblika, jew għaliex ikunu ngħataw ir-responsabbiltà, minn tali awtorità, li jeżerċitaw missjoni ta’ interess pubbliku u jkunu ngħataw, għal dan il-għan, l-imsemmija setgħat eżorbitanti.

35

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jkollhom effett dirett jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ entità jew organu, anki jekk ikunu rregolati mid-dritt privat, li jkunu ngħataw minn Stat Membru r-responsabbiltà li jwettqu missjoni ta’ interess pubbliku u li jkollhom għal dan il-għan setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi.

36

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Istati Membri kienu meħtieġa jieħdu l-miżuri utli kollha sabiex ir-responsabbiltà ċivili marbuta mal-użu ta’ vetturi li normalment ikunu bbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni.

37

L-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-protezzjoni tal-vittmi wasslitu sabiex jikkompleta din id-dispożizzjoni billi jobbliga lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva, jistabbilixxu organu li l-missjoni tiegħu tkun li jikkumpensa, minn tal-inqas fil-limiti previsti fid-dritt tal-Unjoni, id-danni materjali jew korporali kkawżati minn vettura li ma tkunx identifikata jew li fir-rigward tagħha ma jkunx ġie ssodisfatt l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, li jirreferi għall-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Csonka et, C‑409/11, EU:C:2013:512, punt 29).

38

Għaldaqstant, il-missjoni li organu ta’ kumpens bħalma huwa l-MIBI jitqabbad iwettaq minn Stat Membru, u li tagħmel parti mill-għan ġenerali ta’ protezzjoni tal-vittmi segwit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur, għandha titqies li hija missjoni ta’ interess pubbliku inerenti, f’dan il-każ, għall-obbligu impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-ipoteżi ta’ danni materjali jew korporali kkawżati minn vettura li fir-rigward tagħha ma jkunx ġie ssodisfatt l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-intervent tal-imsemmi organu huwa maħsub sabiex jirrimedja n-nuqqas tal-Istat Membru fir-rigward tal-obbligu tiegħu li jiżgura li r-responsabbiltà ċivili marbuta mal-użu ta’ vetturi li normalment ikunu bbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Csonka et, C‑409/11, EU:C:2013:512, punt 31).

40

Fir-rigward tal-MIBI, għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 78 tal-Att tal-1961, il-leġiżlatur Irlandiż għamel is-sħubija f’dan l-organu obbligatorja għall-assiguraturi kollha li jeżerċitaw attività ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fl-Irlanda. B’hekk, huwa ta lill-MIBI setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi, sa fejn, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni leġiżlattiva, dan l-organu privat jista’ jobbliga lil dawn l-assiguraturi kollha jissieħbu fih u jiffinanzjaw it-twettiq tal-missjoni li ngħatatlu mill-Istat Irlandiż.

41

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ organu bħalma huwa l-MIBI.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domandi hija li dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ organu rregolat mid-dritt privat li jkun ingħata minn Stat Membru missjoni ta’ interess pubbliku, bħal dik inerenti għall-obbligu impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva, u li, għal dan il-għan, ikollu, skont il-liġi, setgħat eżorbitanti, bħalma hija s-setgħa li jobbliga lill-assiguraturi li jeżerċitaw attività ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jissieħbu fih u jiffinanzjawh.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix, fih innifsu, li fil-konfront ta’ entità li ma tissodisfax il-karatteristiċi kollha stabbiliti fil-punt 20 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313), moqrija flimkien ma’ dawk imsemmija fil-punt 18 tal-istess sentenza, ikunu jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett.

 

2)

Dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ organu rregolat mid-dritt privat li jkun ingħata minn Stat Membru missjoni ta’ interess pubbliku, bħal dik inerenti għall-obbligu impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendata bit-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, u li, għal dan il-għan, ikollu, skont il-liġi, setgħat eżorbitanti, bħalma hija s-setgħa li jobbliga lill-assiguraturi li jeżerċitaw attività ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jissieħbu fih u jiffinanzjawh.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.