SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali — Artikolu 132(1)(d) — Kunsinni ta’ organi, ta’ demm u ta’ ħalib umani — Portata — Plażma ta’ demm uman ipproċessata u użata għal finijiet industrijali”

Fil-Kawża C‑412/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hessisches Finanzgericht (qorti tal-finanzi ta’ Hessen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Lulju 2015 fil-proċedura

TMD Gesellschaft für transfusionsmedizinische Dienste mbH

vs

Finanzamt Kassel II - Hofgeismar,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, D. Šváby, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TMD Gesellschaft für transfusionsmedizinische Dienste mbH, minn T. Dennisen u T. Otto, Rechtsanwälte, kif ukoll minn U. Prinz, Steuerberater,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller u K. Petersen, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u M. Bóra, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TMD Gesellschaft für transfusionsmedizinische Dienste mbH (iktar ’il quddiem “TMD”), kumpannija li tiġġestixxi stabbiliment għat-trasfużjoni tad-demm stabbilit fil-Ġermanja, u l-Finanzamt Kassel II – Hofgeismar (amministrazzjoni fiskali ta’ Kassel, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-attività ta’ kunsinni, imwettqa minn TMD, ta’ plażma intiża għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti mediċinali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“1.   It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[...]

(ċ)

il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

4

It-Titolu IX ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet”, jinkludi b’mod partikolari Kapitolu 2 dwar l-“Eżenzjonijiet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku” u Kapitolu 4, intitolat “Eżenzjonijiet għal transazzjonijiet intra-Komunitarji”.

5

L-Artikolu 132(1) tal-imsemmija direttiva, li jinsab f’dan il-Kapitolu 2, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[...]

(b)

sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skont kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti;

(ċ)

il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;

(d)

il-provvista ta’ organi, demm u ħalib umani;

(e)

il-provvista ta’ servizzi mit-tekniċi dentali fil-kapaċità tal-professjoni tagħhom u l-provvista ta’ prototeżi dentali pprovduti minn dentisti u tekniċi dentali;

[...]”

Id-dritt Ġermaniż

6

Il-punt 17 tal-Artikolu 4 tal-Umsatzsteuergesetz (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, iktar ’il quddiem l-“UStG”), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej:

“Fost l-operaturi msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 1(1) huma eżentati:

[...]

(a)

il-kunsinni ta’ organi, demm u ħalib umani.”

7

L-Artikolu 15 tal-UStG jirregola d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa. Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“1)   L-imprenditur jista’ jnaqqas it-taxxi tal-input imħallsa segwenti:

1.

it-taxxa legalment dovuta għal kunsinni u għal prestazzjonijiet oħra li twettqu minn imprenditur ieħor għall-bżonnijiet tal-impriża tiegħu [...]

2)   Hija eskluża mid-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa fir-rigward tal-kunsinna, tal-importazzjoni jew tal-akkwist intra-Komunitarju ta’ beni jew ta’ kull prestazzjoni oħra li l-imprenditur juża għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet segwenti:

1.

it-tranżazzjonijiet eżentati;

[...]

3)   L-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis prevista fil-paragrafu 2 ma tapplikax meta t-tranżazzjonijiet

1.

fil-każijiet previsti fil-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 2

a)

ikunu eżentati skont il-punti 1 sa 7 tal-Artikolu 4 [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

TMD tiġġestixxi stabbiliment għat-trasfużjoni tad-demm. L-attività tagħha tikkonsisti fit-teħid, permezz ta’ proċess ta’ inġinerija kimika, tal-plażma tad-demm mingħand id-donaturi u fit-taħlit tagħha ma’ soluzzjoni antikoagulanti li tinkludi b’mod partikolari ċ-ċitrat tas-sodju. Din it-taħlita mbagħad tiġi pproċessata f’magna ta’ ċentrifugazzjoni, sabiex jiġu estratti ċerti elementi. Dawn l-elementi jinġabru u jiġu kkunsinnati ffriżati lil impriżi fis-settur farmaċewtiku.

9

Fil-kuntest tal-attività tagħha, TMD ikkunsinnat dan it-tip ta’ plażma lil X AG, kumpannija stabbilita fl-Isvizzera. Din irċeviet il-kunsinna tal-plażma mingħand TMD u ddistribwixxietha lejn id-diversi siti ta’ produzzjoni tagħha li jinsabu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, sabiex jiġu ppreparati prodotti mediċinali.

10

TMD qieset li l-plażma li hija kienet tikkunsinna lill-fabbrikanti ta’ prodotti mediċinali ma kinitx taqa’ taħt l-eżenzjoni għall-kunsinni ta’ demm uman. Fid-dikjarazzjoni tal-VAT tagħha għas-sena 2008, TMD għalhekk talbet, mingħand l-amministrazzjoni fiskali, it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa għal tranżazzjonijiet marbuta mal-kunsinni tagħha ta’ plażma.

11

Mill-banda l-oħra, l-amministrazzjoni fiskali qieset li l-kunsinni ta’ plażma mwettqa lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni kienu tranżazzjonijiet eżentati mill-VAT u, għalhekk, irrifjutat it-tnaqqis tat-taxxa tal-input.

12

Fid-dikjarazzjonijiet tagħha għas-snin 2009 u 2010, li ġew aċċettati mill-amministrazzjoni fiskali, TMD ma naqsitx it-taxxa tal-input.

13

Fis-7 ta’ Diċembru 2012, TMD talbet rettifika tad-determinazzjoni tal-VAT għall-perijodu bejn is-sena 2008 u s-sena 2010. Hija talbet ir-rikonoxximent tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxi tal-input imħallsa fir-rigward tal-kunsinni ta’ plażma. Insostenn tat-talba tagħha, hija sostniet li l-kunsinni intra-Komunitarji ta’ plażma li fir-rigward tagħhom hija issa kienet qiegħda titlob it-tnaqqis tat-taxxi tal-input imħallsa ma kinux tranżazzjonijiet eżentati taħt il-punt 17(a) tal-Artikolu 4 tal-UStG, sa fejn, skontha, dawn kienu fil-fatt kunsinni lil impriżi farmaċewtiċi ta’ plażma “sors”, intiża sabiex tiġi sseparata għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti mediċinali.

14

L-amministrazzjoni fiskali ċaħdet it-talbiet għal rettifika permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Mejju 2013, li kontriha TMD ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

15

Insostenn tar-rikors tagħha, TMD issostni li l-kunsinni ta’ plażma intiża għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti mediċinali ma jikkostitwixxux kunsinni ta’ demm, fis-sens tal-punt 17(a) tal-Artikolu 4 tal-UStG jew tal-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hessisches Finanzgericht (qorti tal-finanzi ta’ Hessen, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ demm [uman] tinkludi wkoll il-provvista ta’ plażma miksuba mid-demm [uman]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: dan japplika wkoll għall-plażma intiża, mhux għal użu terapewtiku dirett, iżda esklużivament għall-produzzjoni ta’ mediċini?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: il-klassifikazzjoni tal-plażma bħala ‘demm’ għandha tiddependi biss mill-użu intenzjonat tagħha jew għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu teoretiku li jista’ jsir minnha?”

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

17

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ġunju 2016, TMD talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali minħabba, essenzjalment, li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fihom, fil-punt 49 tagħhom, żball oġġettiv.

18

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà għall-partijiet li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (digriet tal-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C‑17/98, EU:C:2000:69, punt 2, u sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Döhler Neuenkirchen, C‑262/10, EU:C:2012:559, punt 29).

19

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, kif jirriżulta mill-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet.

20

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni f’din il-kawża.

21

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

22

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunsinni ta’ demm uman li l-Istati Membri huma obbligati jeżentaw skont din id-dispożizzjoni jinkludux ukoll il-kunsinni ta’ plażma miksuba minn demm uman, meta din il-plażma ma tkunx intiża għal użu terapewtiku dirett iżda esklużivament għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti mediċinali.

23

Skont l-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kunsinni ta’ organi, demm u ħalib umani.

24

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti li jinsabu f’dan l-Artikolu 132 jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni maħsuba sabiex jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT bejn Stat Membru u ieħor (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, VDP Dental Laboratory et, C‑144/13, C‑154/13 u C‑160/13, EU:C:2015:116, punt 44).

25

Issa, il-kunċett ta’ “demm uman”, li jinsab fl-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112, ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2006/112.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tifsira u l-portata ta’ dan il-kunċett għandhom jiġu stabbiliti konformement mat-tifsira abitwali fil-lingwa kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih qiegħed jintuża dan il-kunċett u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fir-rigward tat-tifsira abitwali tiegħu, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “demm uman” jirreferi għal element tal-ġisem uman ikkostitwit minn diversi komponenti li ma humiex awtonomi, li huma ta’ natura komplementari u li l-azzjoni b’sinerġija tagħhom tippermetti li jitwassal id-demm fl-organi u fit-tessuti kollha.

28

Wieħed minn dawn il-komponenti komplementari huwa l-plażma, jiġifieri l-likwidu li jservi sabiex komponenti oħra tad-demm uman jiġu ttrasportati madwar dan il-ġisem.

29

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kuntest ġenerali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa pprojbit li l-ġisem uman u l-partijiet tiegħu, bħala tali, ikunu sors ta’ profitt.

30

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-finalità tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112, għandu jitfakkar li dan l-artikolu huwa intiż li jeżenta mill-VAT ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali, bil-għan li jiġu ffaċilitati l-aċċess għal ċerti prestazzjonijiet kif ukoll il-provvista ta’ ċerti beni billi jiġu evitati l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-issuġġettar tagħhom għall-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, VDP Dental Laboratory et, C‑144/13, C‑154/13 u C‑160/13, EU:C:2015:116, punti 4345, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tikkonċerna, bħalma jagħmlu l-punti (b), (ċ) u (e) tal-istess Artikolu 132(1), tranżazzjonijiet marbuta direttament mal-kura tas-saħħa jew għandhom finalità terapewtika.

32

Għaldaqstant, l-eżenzjoni tal-kunsinni ta’ demm uman, prevista fl-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112, għandha tinftiehem fis-sens li hija maħsuba sabiex tiżgura li l-kunsinna ta’ prodotti li jikkontribwixxu għall-kura tas-saħħa jew li l-finalità tagħhom hija terapewtika ma ssirx inaċċessibbli minħabba l-ispejjeż addizzjonali ta’ dawn il-prodotti li jirriżultaw li kieku l-provvista tagħhom kienet suġġetta għall-VAT (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, VDP Dental Laboratory et, C‑144/13, C‑154/13 u C‑160/13, EU:C:2015:116, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kunsinna tad-demm uman, inkluża l-kunsinna tal-plażma li tagħmel parti mill-kompożizzjoni tiegħu, għandha taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112, meta din il-kunsinna tikkontribwixxi direttament għal attivitajiet ta’ interess ġenerali, jiġifieri meta l-plażma kkunsinnata tintuża direttament għall-kura tas-saħħa jew għal finijiet terapewtiċi.

34

B’dan premess, għandu jitfakkar li t-termini użati sabiex jiġu deskritti l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati b’mod strett minħabba li jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar għal kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2011, Nordea Pankki Suomi, C‑350/10, EU:C:2011:532, punt 23, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2015, Hedqvist, C‑264/14, EU:C:2015:718, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju, ma tistax taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112 il-plażma msejħa “industrijali”, jiġifieri l-plażma li l-kunsinna tagħha ma tikkontribwixxix direttament għal attivitajiet ta’ interess ġenerali, sa fejn tkun maħsuba sabiex tiġi integrata fi produzzjoni industrijali, b’mod partikolari sabiex jiġu ffabbrikati prodotti mediċinali.

36

Għaldaqstant, hija biss il-plażma effettivament maħsuba għal użu terapewtiku dirett li taqa’ taħt l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112.

37

Sa fejn il-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni huwa suġġett għall-użu tal-plażma f’ċertu tip ta’ attività ta’ interess ġenerali, il-fatt li plażma intiża għal użu industrijali tista’ teoretikament tkun is-suġġett ta’ użu terapewtiku dirett, jekk jitqies li dan il-fatt huwa stabbilit, ma jistax jimplika li din il-plażma għandha tibbenefika mis-sistema ta’ eżenzjoni maħsuba sabiex jiġi llimitat biss il-kost tal-plażma effettivament intiża għal użu terapewtiku dirett.

38

Issa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li plażma, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex intiża għal finijiet ta’ kura tas-saħħa jew terapewtiċi iżda hija intiża esklużivament għal finijiet farmaċewtiċi.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali plażma ma tistax taqa’ taħt l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunsinni ta’ demm uman li l-Istati Membri huma obbligati jeżentaw skont din id-dispożizzjoni ma jinkludux il-kunsinni ta’ plażma miksuba mid-demm uman, meta din il-plażma ma tkunx intiża għal użu terapewtiku dirett iżda esklużivament għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti mediċinali.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 132(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunsinni ta’ demm uman li l-Istati Membri huma obbligati jeżentaw skont din id-dispożizzjoni ma jinkludux il-kunsinni ta’ plażma miksuba mid-demm uman, meta din il-plażma ma tkunx intiża għal użu terapewtiku dirett iżda esklużivament għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti mediċinali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.