SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 6 — Dritt għal-libertà u għas-sigurtà — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Obbligu li jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew — Artikolu 12 — Żamma f’detenzjoni tal-persuna rikjesta — Artikolu 15 — Deċiżjoni dwar il-konsenja — Artikolu 17 — Termini u modalitajiet tad-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni — Konsegwenzi tal-iskadenza tat-termini”

Fil-Kawża C‑237/15 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura

Minister for Justice and Equality

vs

Francis Lanigan,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen (Relatur), A. Ó Caoimh, J.-C. Bonichot, C. Vajda, S. Rodin u K. Jürimäe, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, M. Safjan, A. Prechal u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal F. Lanigan, minn K. Kelly, BL, M. Forde, SC, u P. O’Donovan, solicitor,

għall-Irlanda, minn E. Creedon, bħala aġent, assistita minn R. Barron, SC, minn T. McGillicuddy, BL u minn H. Dockry, solicitor,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn F.-X. Bréchot, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn J. Holmes, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 15 u 17 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif rettifikata (ĠU 2009 L 17, p. 45) u kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/26/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis-17 ta’ Diċembru 2012 mill-Magistrates’ Court in Dungannon (Ir-Renju Unit) kontra F. Lanigan.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

3

Taħt it-titolu “Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”, l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jipprovdi:

“1.   Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà. Ħadd ma għandu jiġi ipprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:

[...]

(f)

l-arrest jew id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.

[...]

4.   Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skond il-liġi.

[...]”

Id-dritt tal-Unjoni

4

Il-premessi 5 u 7 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdu kif ġej:

“(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

[...]

(7)

Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 [UE] u l-Artikolu 5 [KE]. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.”

5

Taħt it-titolu “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas].

3.   Din id-Deċiżjoni [Qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

6

L-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas jistipulaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

7

Taħt it-titolu “Iż-żamma tal-persuna f’detenzjoni”, l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi kif ġej:

“Meta persuna tiġi arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-persuna rikjesta għandhiex tibqa’ f’detenzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni. Il-persuna tista’ tiġi meħlusa proviżorjament fi kwalunkwe ħin f’konformità mal-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu l-miżuri kollha li tikkunsidra meħtieġa biex tippreveni li l-persuna taħrab.”

8

L-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi li “[l-]awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni [Qafas], jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata”.

9

L-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas jistipula:

“1.   Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.

2.   F’każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 10 ijiem mill-għoti tal-kunsens.

3.   F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta.

4.   Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’dan il-każ, il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi b’ 30 jum ieħor.

5.   Sakemm l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, hija għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva tal-persuna jibqgħu sodisfatti.

[...]

7.   Fejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali Stat Membru ma jistax iħares il-limiti ta’ żmien previsti f’dan l-Artikolu, huwa għandu jinforma lill-Eurojust, waqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien. Barra dan, Stat Membru li esperjenza dewmien ripetut min-naħa ta’ Stat Membru ieħor fl-esekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej għandu jinforma lill-Kunsill bil-għan li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru fil-livell ta’ l-Istati Membri.”

10

L-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi:

“1.   Il-persuna rikjesta għandha tiġi konsenjata malajr kemm jista’ jkun f’data miftehma bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.

2.   Il-persuna għandha tiġi konsenjata mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

3.   Jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta fil-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2 ma tħallietx minħabba ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll ta’ l-ebda mill-Istati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ esekuzzjoni u dawk emittenti għandhom jagħmlu immedjatament kuntatt ma’ xulxin u jiftehmu dwar data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha ssir fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftehma.

4.   Il-konsenja tista’ eċċezzjonalment tiġi posposta temporanjament għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li dan ipoġġi manifestament f’perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta. L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha sseħħ malli dawn ir-raġunijiet ma jibqgħux jezistu. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti u tiftiehem fuq data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha seħħ fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftiehma.

5.   Ma’ l-iskadenza tal-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4, jekk il-persuna għadha qed tinżamm f’kustodja hija għandha tinħeles.”

11

L-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni Qafas jistipula:

“L-Istat Membru emittenti għandu jnaqqas il-perjodi kollha ta’ detenzjoni li jirriżultaw mill-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-perjodu totali ta’ detenzjoni li għandu jiġi skontat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bħala riżultat ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni li qed tingħata.”

Id-dritt Irlandiż

12

It-Taqsima 13(5) tal-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew tal-2003 (European Arrest Warrant Act 2003) tipprovdi:

“Kull persuna arrestata b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha, minn meta jkun possibbli wara l-arrest tagħha, titressaq quddiem il-High Court li, wara li kienet żgurat li din il-persuna fil-fatt hija dik li kontriha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha:

(a)

tordna l-kustodja jew il-pleġġ (għal dawn il-finijiet, u f’dak li jirrigwarda l-kustodja, il-High Court għandha l-istess setgħat daqs li kieku l-persuna kienet akkużata b’reat jew b’delitt),

(b)

tiffissa data għall-finijiet tat-Taqsima 16 (f’perijodu li ma jeċċedix 21 jum wara d-data tal-arrest) [...]”

13

It-Taqsima 16(9) u (10) ta’ din il-liġi hija fformulata kif ġej:

“(9)

Jekk, mal-iskadenza ta’ terminu ta’ 60 jum li jibda jiddekorri mill-arrest tal-persuna kkonċernata skont it-Taqsima 13 jew tat-Taqsima 14, il-High Court ma tkunx tat digriet skont is-subtaqsimiet (1) jew (2) jew skont it-Taqsima 15(1) jew (2), jew jekk hija tkun iddeċidiet li ma tagħtix digriet skont is-subtaqsimiet (1) jew (2), hija għandha tordna lill-awtorità ċentrali tal-Istat sabiex tinforma lill-awtorità ġudizzjarja emittenti dwar dan u, skont il-każ, lil Eurojust, billi tispeċifika r-raġunijiet invokati fid-digriet. L-awtorità ċentrali tal-Istat għandha teżegwixxi dan id-digriet.

(10)

Jekk, mal-iskadenza ta’ terminu ta’ 90 jum li jibda jiddekorri mill-arrest tal-persuna kkonċernata skont it-Taqsima 13 jew it-Taqsima 14, il-High Court ma tkunx tat digriet skont is-subtaqsima (1) jew (2) jew skont it-Taqsima 15(1) jew (2), jew jekk hija tkun iddeċidiet li ma tagħtix digriet skont is-subtaqsima (1) jew (2), hija għandha tordna lill-awtorità ċentrali tal-Istat sabiex tinforma lill-awtorità ġudizzjarja emittenti dwar dan u, skont il-każ, lil Eurojust, billi tispeċifika r-raġunijiet invokati fid-digriet. L-awtorità ċentrali tal-Istat għandha teżegwixxi dan id-digriet.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Fis-17 ta’ Diċembru 2012, il-Magistrates’ Courts in Dungannon ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-konvenut fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ prosekuzzjoni kriminali mibdija kontrih għal fatti, imwettqa fir-Renju Unit fil-31 ta’ Mejju 1998, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala omiċidju volontarju u pussess ta’ arma tan-nar bl-intenzjoni li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu.

15

Il-High Court iffirmat, fis-7 ta’ Jannar 2013, dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, sabiex tippermetti l-arrest ta’ F. Lanigan mill-An Garda Síochána (pulizija nazzjonali).

16

Fis-16 ta’ Jannar 2013, F. Lanigan ġie arrestat, fuq il-bażi tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew, u tressaq quddiem il-High Court. Huwa informa lil din il-qorti li ma tax il-kunsens għall-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit u tqiegħed taħt kustodja sakemm tingħata d-deċiżjoni dwar il-konsenja tiegħu lil dawn l-awtoritajiet.

17

L-analiżi tas-sitwazzjoni ta’ F. Lanigan mill-High Court bdiet fit-30 ta’ Ġunju 2014, wara numru ta’ aġġornamenti minħabba, b’mod partikolari, kwistjonijiet proċedurali deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju. Il-konvenut fil-kawża prinċipali għalhekk issottometta argumenti ġodda li jikkontestaw, skont huwa, il-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet tar-Renju Unit. L-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dawn l-argumenti b’mod partikolari ġġustifikat li jintbagħtu talbiet għal informazzjoni addizzjonali lil dawn l-awtoritajiet, sabiex tiġi evalwata l-kredibbiltà tal-affermazzjonijiet ta’ F. Lanigan li l-konsenja tiegħu lill-imsemmija awtoritajiet setgħet tpoġġi ħajtu f’periklu.

18

Wara li l-informazzjoni mitluba kienet irċevuta, fit-8 ta’ Diċembru 2014, F. Lanigan ippreżenta, fil-15 ta’ Diċembru 2014, talba għal pleġġ. Il-High Court laqgħet din it-talba u għalhekk awtorizzat il-pleġġ tiegħu billi ssuġġettat dan il-ħelsien għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, peress li dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx issodisfati, F. Lanigan baqa’ fil-ħabs.

19

Barra minn hekk, F. Lanigan sostna wkoll, matul is-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2014 quddiem il-High Court, li t-talba għal konsenja kellha tiġi miċħuda minħabba l-iskadenza tat-termini previsti fid-Deċiżjoni Qafas.

20

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

X’inhuwa l-effet ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tal-imsemmija deċiżjoni qafas?

2)

In-nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas jagħti lok għal drittijiet min-naħa ta’ individwu li nżamm taħt kustodja sakemm tittieħed deċiżjoni dwar iċ-ċediment [konsenja] tiegħu/tagħha għal perijodu li jeċċedi dawn il-perijodi ta’ żmien?”

Fuq il-proċedura b ’ urġenza

21

Il-High Court talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ikun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22

Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi enfasizzat li l-konvenut fil-kawża prinċipali kien ilu miżmum mis-16 ta’ Jannar 2013 sabiex jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra tiegħu.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, li taqa’ taħt il-qasam li jinsab fit-Tielet Parti tat-TFUE, fit-Titolu V tagħha, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għalhekk dan ir-rinviju jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

24

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li F. Lanigan huwa bħalissa mċaħħad mil-libertà u li ż-żamma tiegħu f’detenzjoni tiddependi mid-deċiżjoni dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali.

25

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit-28 ta’ Mejju 2015, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża li tissuġġetta dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza u li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tassenjaha lill-Awla Manja.

Fuq id-domandi preliminari

26

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 12, 15(1) u 17 tad-Deċiżjoni Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti f’dan l-Artikolu 17, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, minn naħa, tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u, min-naħa l-oħra, iżżomm lill-persuna rikjesta f’detenzjoni, minkejja li ż-żmien totali tal-perijodu ta’ detenzjoni ta’ din il-persuna jeċċedi dawn it-termini.

27

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, kif ukoll mill-premessi 5 u 7 tagħha, għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni, b’din is-sistema tal-aħħar tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenzi Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 36, u F., C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 34).

28

Id-Deċiżjoni Qafas hija intiża b’hekk, bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenzi Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 37, u F., C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 35).

29

Dan il-għan li titħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja huwa preżenti f’diversi aspetti tad-Deċiżjoni Qafas u, b’mod partikolari, fit-trattament tat-termini għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza F., C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 58).

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi, b’mod ġenerali, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi dwar il-konsenja tal-persuna rikjesta “fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni [Qafas]”.

31

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi li dan tal-aħħar għandu jiġi “ttrattat u esegwit b’urġenza”. L-Artikolu 17(2) u (3) jistabbilixxi termini preċiżi sabiex tittieħed id-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat, bl-Artikolu 17(4) jippermetti l-estensjoni ta’ dawn it-termini, li fihom għandha tittieħed din id-deċiżjoni.

32

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikoli 15 u 17 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bħala li jeħtieġu li d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed, bħala prinċipju, f’dawn it-termini, li l-importanza tagħhom hija barra minn hekk espressa f’diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza F., C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punti 62 u 64).

33

Jirriżulta minn dan kollu li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu l-obbligu li josserva t-termini previsti fl-imsemmi Artikolu 17. Huwa għalhekk meħtieġ, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, li jiġi evalwat jekk l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, minn naħa, u ż-żamma tal-persuna rikjesta f’detenzjoni fuq il-bażi ta’ dan il-mandat, min-naħa l-oħra, jibqgħux possibbli meta dan l-Istat ma jkunx ikkonforma mal-obbligu li jadotta deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest fit-termini stabbiliti.

Fuq l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta ’ arrest Ewropew

34

Minkejja li l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi b’mod ċar li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fit-termini stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas, dwar il-konsenja tal-persuna, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandhiex titkompla wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini u, b’mod partikolari, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandhiex l-obbligu li tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenzi Maatschap L.A. en D.A.B. Langestraat en P. Langestraat-Troost, C‑11/12, EU:C:2012:808, punt 27, kif ukoll Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, jimplika, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas, li l-Istati Membri huma fil-prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fl-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas u jistgħu jissuġġettaw l-eżekuzzjoni tiegħu biss għall-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi West, C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 55; Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 38; u F., C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 36).

37

Għalhekk, fir-rigward, minn naħa, tal-importanza tal-obbligu li jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew fis-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas u, min-naħa l-oħra, tal-assenza fiha ta’ kull indikazzjoni espliċita fir-rigward tal-limitazzjoni tal-validità fiż-żmien ta’ dan l-obbligu, ir-regola stipulata fl-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas ma tistax tiġi interpretata bħala li timplika li, wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tkunx tista’ iktar tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkunx iktar obbligat li jkompli l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tiegħu.

38

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bil-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra espressament, fl-Artikolu 17(7) tad-Deċiżjoni Qafas, is-sitwazzjoni li fiha Stat Membru ma jkunx jista’ josserva t-termini stabbiliti f’dan l-Artikolu 17, mingħajr ma ppreveda li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għalhekk ma tkunx tista’ iktar tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew li l-obbligu li titkompla l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx, f’dan il-każ, ikkunsidrat. L-Artikolu 17(7) tad-Deċiżjoni Qafas jinvoka, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ “dewmien [...] fl-esekuzzjoni”, ta’ darba jew b’mod ripetut, li jindika b’hekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li, f’sitwazzjoni fejn dawn it-termini ma jkunux ġew osservati, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tkun posposta u mhux abbandunata.

39

Barra minn hekk, interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas ma tkunx koerenti mal-Artikolu 17(5) tagħha. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tistabbilixxi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiżgura li l-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għal konsenja effettiva tal-persuna rikjesta jibqgħu ssodisfatti sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, mingħajr ma l-validità ta’ dan l-obbligu tkun limitata fiż-żmien u, b’mod partikolari, mingħajr ma tipprevedi li dan jieqaf wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas. Issa, il-persistenza ta’ tali obbligu f’dan il-każ għandha sens biss jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha l-obbligu li tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini.

40

Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex iktar tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew wara l-iskadenza tal-imsemmija termini tkun ta’ natura li tippreġudika l-għan ta’ ħeffa u semplifikazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja mfittex mid-Deċiżjoni Qafas, b’din l-interpretazzjoni tkun tista’ b’mod partikolari ġġiegħel lill-Istat Membru emittenti joħroġ it-tieni mandat ta’ arrest Ewropew sabiex tkun tista’ tinbeda proċedura ġdida ta’ konsenja fit-termini previsti mid-Deċiżjoni Qafas.

41

B’hekk, billi tevita li l-effett tal-mandati ta’ arrest Ewropej jiġi mdgħajjef u li d-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ dawn il-mandati jkun jimplika proċeduri iktar kumplessi, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 15 u 17 tad-Deċiżjoni Qafas li d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi adottata anki wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti minn dan l-artikolu tal-aħħar sempliċement tiffaċilita l-konsenja tal-persuni rikjesti, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stipulat fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas, liema prinċipju jikkostitwixxi r-regola essenzjali stabbilita minn din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenzi Wolzenburg, C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 59, u West, C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 62). Barra minn hekk, interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikoli 15 u 17 tad-Deċiżjoni Qafas hija ta’ natura li tiffavorixxi t-tattiċi dilatorji intiżi li jostakolaw l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej.

42

Jirriżulta minn dan kollu li s-sempliċi skadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas ma tistax tneħħi lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni l-obbligu tiegħu li jkompli l-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u li jadotta d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tiegħu.

Fuq iż-żamma f’detenzjoni tal-persuna rikjesta

43

Skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi dwar jekk għandhiex iżżomm persuna arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew f’detenzjoni, skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Dan l-artikolu jippreċiża wkoll li l-ħelsien provviżorju ta’ din il-persuna jista’ jsir fi kwalunkwe ħin, skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti tal-imsemmi Stat tieħu kull miżura li hija tikkunsidra meħtieġa sabiex tipprevjeni li l-imsemmija persuna taħrab.

44

Għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu ma jipprevedix, b’mod ġenerali, li ż-żamma f’detenzjoni tal-persuna rikjesta tista’ tkun prevista biss f’limiti ta’ żmien preċiżi u lanqas, b’mod partikolari, li din tkun eskluża wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas.

45

Bl-istess mod, minkejja li l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas jammetti l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta’ ħelsien provviżorju tal-persuna arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, huwa ma jipprevedix li, wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tipproċedi għal tali ħelsien provviżorju jew, a fortiori, għal ħelsien pur u sempliċi ta’ din il-persuna.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ebda dispożizzjoni oħra tad-Deċiżjoni Qafas ma tipprevedi obbligi ta’ din in-natura.

47

B’mod partikolari, kuntrarjament għall-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas li jipprevedi, wara l-iskadenza tat-termini għall-konsenja tal-persuna rikjesta wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li din il-persuna tinħeles jekk tkun għadha f’detenzjoni, l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas ma jistabbilixxix relazzjoni bejn il-ħelsien tal-imsemmija persuna u l-iskadenza tat-termini għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu, li d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew “għandha tittieħed” fit-termini indikati u, fil-paragrafu (4) tiegħu, li dawn it-termini “jistgħu jiġu estiżi”, minkejja li l-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi, b’mod iżjed affermattiv, li l-persuna rikjesta “għandha tinħeles” jekk hija tkun għadha qed tinżamm f’detenzjoni mal-iskadenza tat-termini msemmija f’dan l-artikolu.

49

Fir-rigward ta’ din id-differenza bejn il-konsegwenzi previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni konnessi mal-iskadenza tat-termini stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 17 u 23 tad-Deċiżjoni Qafas, jista’ barra minn hekk jiġi osservat li l-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas [COM(2001) 522 finali] kienet tipprevedi, bil-kontra, li l-persuna rikjesta kellha b’mod imperattiv tinħeles kemm wara l-iskadenza tat-termini relattivi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll wara l-iskadenza tat-termini ta’ konsenja.

50

Barra minn hekk, safejn jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet fil-punti 34 sa 42 ta’ din is-sentenza li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha titkompla wkoll wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas, obbligu ġenerali u inkundizzjonat ta’ ħelsien provviżorju jew, a fortiori, ta’ ħelsien pur u sempliċi ta’ din il-persuna wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini jew meta t-tul totali tal-perijodu ta’ detenzjoni tal-persuna rikjesta jeċċedi l-imsemmija termini jista’ jillimita l-effettività tas-sistema ta’ konsenja stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas u, b’hekk, ikun ta’ ostakolu biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnha.

51

Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi li l-Istat Membru emittenti għandu jnaqqas mill-perijodu totali ta’ detenzjoni li għandu jiġi skontat f’dan l-Istat Membru, il-perijodi kollha ta’ detenzjoni li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u b’dan il-mod jiżgura li kull perijodu ta’ detenzjoni, anki dak li jirriżulta minn żamma eventwali f’detenzjoni wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas, jittieħed debitament inkunsiderazzjoni f’każ ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru emittenti.

52

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni żżomm il-persuna rikjesta f’detenzjoni, konformement mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas, anki jekk it-tul totali tal-perijodu ta’ detenzjoni ta’ din il-persuna jkun jeċċedi dawn it-termini.

53

Madankollu, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas ifakkar espressament li huwa ma jistax ikollu bħala effett li jimmodifika l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 UE u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), obbligu li, barra minn hekk, jikkonċerna l-Istati Membri kollha, b’mod partikolari, kemm l-Istat Membru emittenti kif ukoll dak ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza F., C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punti 40 u 41).

54

L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas għandu, għalhekk, jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 6 tal-Karta, li jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.

55

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jistgħu jsiru xi limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 6 tagħha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 50).

56

Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 52(3) tal-Karta li, sa fejn il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu ma’ drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-ambitu tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk mogħtija mill-imsemmija Konvenzjoni. L-Artikolu 53 tal-Karta jżid f’dan ir-rigward li ebda dispożizzjoni tagħha ma tista’ tiġi interpretata bħala li tillimita jew li tippreġudika d-drittijiet rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-KEDB (sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 51).

57

Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, fir-rigward tal-proċeduri ta’ estradizzjoni, li huwa biss l-iżvolġiment ta’ tali proċedura li jiġġustifika ċ-ċaħda tal-libertà bbażata fuq dan l-artikolu u li, konsegwentement, jekk il-proċedura ma tkunx immexxija bid-diliġenza meħtieġa, id-detenzjoni ma tibqax iġġustifikata (ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, Quinn vs Franza, 22 ta’ Marzu 1995, Serje A Nru 311, punt 48, kif ukoll Gallardo Sanchez vs L‑Italja, Nru 11620/07, punt 40, QEDB‑2015).

58

Għalhekk, peress li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax, fih innifsu, jiġġustifika detenzjoni tal-persuna rikjesta għal perijodu li t-tul totali tiegħu jeċċedi ż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li żżomm din il-persuna f’detenzjoni, konformement mal-Artikolu 6 tal-Karta, biss jekk il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tkun tmexxiet b’mod suffiċjentement diliġenti u, b’hekk, li ż-żmien tad-detenzjoni ma jkunx ta’ natura eċċessiva.

59

Sabiex tiżgura li dan huwa fil-fatt il-każ, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq kontroll konkret tas-sitwazzjoni inkwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha sabiex tevalwa l-ġustifikazzjoni tat-tul tal-proċedura, b’mod partikolari, il-passività eventwali tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati u, skont il-każ, il-kontribut tal-persuna rikjesta għal dan it-tul. Il-piena li tista’ tiġi imposta fuq din l-istess persuna, jew li ġiet imposta fuqha fir-rigward tal-fatti li ġġustifikaw il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-persuna rikjesta, kif ukoll l-eżistenza ta’ riskju li l-persuna taħrab, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni.

60

F’dan il-kuntest, il-fatt li l-persuna rikjesta ġiet detenuta għal perijodu li t-tul totali tiegħu jeċċedi bil-kbir it-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas huwa wkoll rilevanti, sa fejn dawn it-termini huma bħala prinċipju suffiċjenti, fir-rigward b’mod partikolari tar-rwol essenzjali tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fis-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas, sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tagħmel kontrolli qabel l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat.

61

Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonkludi, skont il-kontroll imsemmi fil-punti 58 sa 60 ta’ din is-sentenza, li hija għandha l-obbligu li twaqqaf id-detenzjoni tal-persuna rikjesta, jispetta għalhekk lilha, skont l-Artikoli 12 u 17(5) tad-Deċiżjoni Qafas, li tissuġġetta l-ħelsien provviżorju ta’ din il-persuna għal kwalunkwe miżura li hija tqis neċessarja sabiex jiġi evitat li din il-persuna taħrab u sabiex tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva tagħha jibqgħu ssodisfatti sakemm tingħata deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

62

Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun, l-ewwel nett, li l-Artikoli 15(1) u 17 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tibqa’ bl-obbligu li tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti f’dan l-Artikolu 17.

63

It-tieni nett, l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tagħha u fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’tali sitwazzjoni, iż-żamma tal-persuna rikjesta f’detenzjoni, b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, anki jekk it-tul totali tal-perijodu ta’ detenzjoni ta’ din il-persuna jeċċedi dawn it-termini, sakemm dan it-tul ma jkunx ta’ natura eċċessiva fir-rigward tal-karatteristiċi tal-proċedura segwita fil-kawża prinċipali, fatt li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika. Anki jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi li twaqqaf id-detenzjoni tal-imsemmija persuna, din l-awtorità għandha tissuġġetta l-ħelsien provviżorju tagħha b’kull miżura li hija tħoss neċessarja sabiex tevita li taħrab u sabiex tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva tagħha jibqgħu ssodisfatti sakemm tingħata deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 15(1) u 17 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif rettifikata u kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tibqa’ bl-obbligu li tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti f’dan l-Artikolu 17.

 

L-Artikolu 12 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tagħha u fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’tali sitwazzjoni, iż-żamma f’detenzjoni tal-persuna rikjesta, b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, anki jekk it-tul totali tal-perijodu ta’ detenzjoni ta’ din il-persuna jeċċedi dawn it-termini, sakemm dan it-tul ma jkunx ta’ natura eċċessiva fir-rigward tal-karatteristiċi tal-proċedura segwita fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fatt li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika. Anki jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi li twaqqaf id-detenzjoni tal-imsemmija persuna, din l-awtorità għandha tissuġġetta l-ħelsien provviżorju tagħha b’kull miżura li hija tqis neċessarja sabiex tevita li taħrab u sabiex tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva tagħha jibqgħu ssodisfatti sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.