SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Logħob tal-azzard — Restrizzjonijiet — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Proporzjonalità — Kuntratti pubbliċi — Kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni f’sejħa għall-offerti u evalwazzjoni tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja — Esklużjoni ta’ offerent għal nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ ċertifikazzjonijiet tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja maħruġa minn żewġ stabbilimenti bankarji — Direttiva 2004/18/KE — Artikolu 47 — Applikabbiltà”

Fil-Kawża C‑225/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Tribunale di Reggio Calabria (qorti tar-Reġjun ta’ Reggio Calabria, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2015, fil-proċeduri kriminali kontra

Domenico Politanò,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Domenico Politanò, minn D. Agnello u D. Neto, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, R. Verbeke u B. Van Vooren, avukati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u H. Tserepa-Lacombe, kif ukoll minn A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, il-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u l-effettività kif ukoll l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra Domenico Politanò minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni Taljana li tirregola l-ġbir tal-imħatri.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont tal-Artikolu 1(2)(a) u (d) u (4) tad-Direttiva 2004/18:

(a)

‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[...]

(d)

‘Kuntratti għal servizzi pubbliċi’ huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

[...]

4.   ‘Konċessjoni tas-servizz’ huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas.”

4

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konċessjonijiet ta’ servizz”, jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3, din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal konċessjonijiet ta’ servizz kif definit fl-Artikolu 1(4).”

5

L-Artikolu 47 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Stabilità ekonomika u finanzjarja”, jipprevedi kif ġej:

“1.   Prova ta’ l-istabilità ekonomika u finanzjarja ta’ l-operatur ekonomiku tista’, bħala regola ġenerali, tkun fornuta minn waħda jew aktar mir-riferenzi li ġejjin:

(a)

dikjarazzjonijiet xierqa minn banek jew, fejn ikun xieraq, evidenza ta’ assigurazzjoni professjonali rilevanti tal-indennizz għar-riskju;

(b)

il-preżentazzjoni ta’ karti tal-bilanċ jew ta’ estratti mill-karti tal-bilanċ, fil-każijiet fejn il-pubblikazzjoni tal-karti tal-bilanċ hija meħtieġa mil-leġislazzjoni tal-pajjiż fejn l-operatur ekonomiku huwa stabbilit;

(ċ)

dikjarazzjoni li tikkonċerna d-dħul globali u, jekk ikun il-każ id-dħul fil-qasam kopert mill-kuntratt, għal massimu tal-aħħar tliet snin finanzjarji disponibbli skont id-data ta’ ħolqien tal-intrapriża jew mill-bidu tal-attivitajiet tal-operatur ekonomiku, safejn l-informazzjoni dwar dan id-dħul tkun disponibbli.

2.   Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hi għandha magħhom. Huwa għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti [kontraenti] li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu ir-riżorsi neċessarji, per eżempju, billi jipproduċi garanzija minn dawk l-entitajiet għal dak l-effett.

3.   Taħt l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif sar riferiment għalih fl-Artikolu 4 jista’ joqgħod fuq il-ħiliet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħrajn.

4.   Awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] għandhom jispeċifikaw, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-istedina għal offerta, liema referenza jew riferenzi imsemmijin fil-paragrafu 1 ikunu għażlu u liema riferenzi oħra għandhom ikunu provduti

5.   Jekk, għal kull raġuni valida, l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jipprovdi r-riferenzi mitluba mill-awtorità kontrattwanti [kontraenti], huwa jista’ jipprova l-istabilità ekonomika u finanzjarja tiegħu bi kull dokument ieħor li l-awtorità kontrattwanti [kontraenti] tqis bħala xieraq.”

6

Id-Direttiva 2004/18 tħassret bid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar (ĠU 2014, L 94, p. 65).

Id-dritt Taljan

7

L-Artikolu 10(9g) u (9h) tad-decreto-legge n. 16 – Disposizioni urgenti in materia di semplificazioni tributarie, di efficientamento e potenziamento delle procedure di accertamento (Digriet leġiżlattiv Nru 16 li jipprevedi dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam tas-simplifikazzjoni fiskali, it-titjib tal-effikaċità u tar-rinfurzar tal-proċeduri ta’ kontroll) tat-2 ta’ Marzu 2012 (GURI Nru 52, tat-2 ta’ Marzu 2012, p. 1), li sar liġi, wara emendi, permezz tal-Liġi Nru 44, tas-26 ta’ April 2012 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 99 tat-28 ta’ April 2012) (iktar ’il quddiem id-“Digriet leġiżlattiv tal-2012”) jipprevedi:

“Fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-logħob pubbliku, inkluż dak fil-qasam tal-imħatri fuq l-avvenimenti sportivi, inklużi t-tiġrijiet taż-żwiemel u avvenimenti mhux sportivi, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-imsemmija riorganizzazzjoni, permezz tal-ewwel allinjament temporali tal-iskadenzi tal-liċenzji li l-għan tagħhom huwa l-ġbir tal-imħatri inkwistjoni, fil-waqt li jiġi osservat ir-rekwiżit tal-adattament tar-regoli nazzjonali tal-għażla tal-persuni li, għall-Istat, jiġbru l-imħatri fuq avvenimenti sportivi, inklużi t-tiġrijiet taż-żwiemel, u mhux sportivi, skont il-prinċipji stabbiliti mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-16 ta’ Frar 2012, fil-kawżi [li taw lok għas-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80). Għal dan il-għan, fid-dawl tal-iskadenza li jmiss ta’ grupp ta’ liċenzji għall-ġbir tal-imsemmija mħatri, l-Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat (l-ADM) għandha torganizza immedjatament u, fi kwalunkwe każ, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2012, sejħa għal offerti għas-selezzjoni tal-persuni li jiġbru l-imsemmija mħatri b’osservanza, minn tal-inqas, tal-kriterji segwenti:

a)

possibbiltà ta’ parteċipazzjoni għall-persuni li diġà jeżerċitaw attività ta’ ġbir ta’ mħatri f’wieħed mill-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea, fejn ikollhom is-sede legali u operattiva tagħhom, fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni valida u effettiva maħruġa skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku tal-imsemmi Stat u li jkollhom ukoll il-kwalitajiet ta’ onorabbiltà u ta’ affidabbiltà kif ukoll il-kwalitajiet ekonomiċi u patrimonjali indikati mill-Amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dan il-qasam imsemmija fil-Liġi Nru 220 , tat-13 ta’ Diċembru 2010, u fid-Digriet-Liġi Nru 98, tas-6 ta’ Lulju 2011, mibdul f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 111, tal-15 ta’ Lulju 2011;

b)

għoti ta’ liċenzji, validi sat-30 ta’ Ġunju 2016, għall-ġbir, esklużivament f’netwerk fiżiku, ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi, inklużi t-tiġrijiet taż-żwiemel, u mhux sportivi, fi ħdan aġenziji, sa massimu ta’ 2000, li jkollhom bħala attività esklużiva l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ logħob pubbliku, mingħajr limitazzjoni fir-rigward tad-distanzi minimi bejn dawn l-aġenziji jew fir-rigward ta’ postijiet oħra ta’ ġbir, li huma diġà attivi, ta’ mħatri identiċi;

c)

previżjoni, bħala parti mill-prezz, ta’ valur bażiku tal-kuntratt ta’ EUR 11000 għal kull aġenzija;

d)

konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja li l-kontenut tiegħu jkun konformi ma’ kull prinċipju ieħor stabbilit fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Frar 2012, kif ukoll mad-dispożizzjonijiet nazzjonali kompatibbli fis-seħħ fil-qasam tal-logħob pubbliku;

e)

possibbiltà li l-aġenziji jiġu operati fi kwalunkwe komun jew provinċja, mingħajr limiti numeriċi fuq bażi territorjali u mingħajr kundizzjonijiet favorevoli għad-detenturi ta’ liċenzja diġà awtorizzati sabiex jiġbru mħatri identiċi jew li jistgħu, fi kwalunkwe każ, ikunu favorevoli għal dawn tal-aħħar;

f)

stabbiliment ta’ garanziji koerenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tad-Digriet-Liġi Nru 98, tas-6 ta’ Lulju 2011, mibdul f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 111, tal-15 ta’ Lulju 2011.

9h   Id-detenturi ta’ liċenzja għall-ġbir tal-imħatri msemmija fil-paragrafu 9g, li l-liċenzja tagħhom tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2012, għandhom ikomplu jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ ġbir tagħhom sad-data tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ liċenzja mogħtija skont il-paragrafu ċċitat. Għandhom jitħassru l-paragrafi 37 u 38 tal-Artikolu 24 tad-Digriet-Liġi Nru 98, tas-6 ta’ Lulju 2011, mibdul f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 111, tal-15 ta’ Lulju 2011, l-ittra (e) tal-paragrafu 287 tal-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 311, tat-30 ta’ Diċembru 2004, kif ukoll l-ittra (e) tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 38 tad-[Digriet-Liġi Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006, li jipprevedi dispożizzjonijiet urġenti għall-irkupru ekonomiku u soċjali, għall-kontroll u għar-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi, u li jipprevedi interventi fil-qasam tad-dħul fiskali u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali], mibdul f’liġi, wara li sarulu emendi, bil-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006.”

8

Konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Digriet leġiżlattiv tal-2012, tnedew proċeduri għal sejħa għall-offerti, mill-awtoritajiet Taljani matul l-2012. L-Artikolu 3.2 tar-regoli amministrattivi għal-għoti ta’ konċessjonijiet u ta’ ffirmar ta’ konvenzjonijiet annessi mal-avviż tal-kuntratt li jikkorrispondi (iktar ’il quddiem l-“avviż tal-kuntratt Monti”) jimponi obbligu fuq offerenti li ilhom inqas minn sentejn stabbiliti u li d-dħul globali tagħhom marbut mal-attività ta’ operaturi tal-logħob kien inqas minn żewġ miljun Euro matul l-aħħar sentejn, sabiex jippreżentaw dikjarazzjonijiet xierqa maħruġa minn tal-inqas żewġ stabbilimenti bankarji, sabiex jippruvaw il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom.

9

Id-Direttiva 2004/18 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Taljan permezz tad-decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (id-digriet leġiżlattiv Nru 163/2006, li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti b’applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE tat-12 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006).

10

Skont l-Artikolu 41 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tiġi ppruvata l-kapaċità ekonomika u finanzjarja rikjesta għall-eżekuzzjoni tal-liċenzja huma speċifikati mill-awtorità kontraenti. Madankollu, skont l-istess artikolu, l-offerent li, għal raġunijiet iġġustifikati, mhux f’pożizzjoni li jippreżenta r-referenzi bankarji jew ta’ kontabbiltà rikjesti, jista’ jipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja permezz ta’ kwalunkwe dokument ieħor meqjus bħala xieraq mill-awtorità kontraenti.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fis-6 ta’ Frar 2015, wara kontroll fil-ħanut kummerċjali li jġib l-isem “Betuniq ” li jinsab f’Polistena (l-Italja) immexxi minn D. Politanò u li hu affiljat mal-kumpannija Maltija UniqGroup Ltd, it-tim ta’ pulizija tal-amministrazzjoni tal-Questura di Reggio Calabria (prefettura tal-pulizija tar-Reġjun ta’ Reggio Calabria, l-Italja) ikkonstataw li l-attività tal-ġbir ta’ mħatri kienet qed issir mingħajr konċessjoni maħruġa minn qabel.

12

Minħabba dan il-fatt, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2015, il-Giudice per le indagini preliminari tat-Tribunale di Palmi (imħallef inkwerenti tal-qorti ta’ Palmi, l-Italja) ordna s-sekwestru preventiv tal-assi użati għall-imsemmija attività.

13

Sussegwentement għal din id-deċiżjoni, D. Politanò ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju li jinvoka l-inkompatibbiltà ta’ ċertu klawżoli tal-avviż tal-kuntratt Monti mal-Artikoli 49 u 56 TFUE.

14

Għalhekk, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-attività tiegħu ma tikkostitwixxix ksur, peress li l-ġbir ta’ mħatri fuq l-avvenimenti sportivi għall-UniqGroup, għandu jiġi kkunsidrat bħala legali, sa fejn il-leġiżlazzjoni interna hija kontra l-Artikoli 49 u 56 TFUE.

15

Huwa jsostni f’dan ir-rigward li UniqGroup kienet ġiet eskluża mis-sejħa għall-offerti mnedija fl-2012, minħabba li ma ppreżentatx żewġ ċertifikazzjonijiet tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja maħruġa minn żewġ stabbilimenti bankarji differenti, kif jeżiġi l-Artikolu 3.2 tar-regoli amministrattivi annessi mal-avviż tal-kuntratt Monti.

16

Skont il-qorti tar-rinviju, proċedura ta’ sejħa għall-offerti li fiha jikkompetu l-operaturi tal-logħob tal-flus stabbiliti f’diversi Stati Membri, bħal dik fil-kawża prinċipali, neċessarjament kellha tosserva l-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18, li jipprevedi l-possibbiltà li tiġi evalwata l-kapaċità ekonomika u finanzjarja “bi kull dokument ieħor li l-awtorità kontrattwanti [kontraenti] tqis bħala xieraq”.

17

Id-definizzjoni mill-awtoritajiet Taljani ta’ kundizzjonijiet ta’ parteċipazjoni stretti għall-proċedura ta’ sejħa għall-offerti kellhom jiġu rrikonċiljati mal-prinċipju tal-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli fis-sejħa għall-offerti, dawk kollha interessati kellhom jiggarantixxu l-possibbiltà li jiġġustifikaw il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom b’kull dokument ieħor barra dawn mitluba mill-awtorità kontrattwanti [kontraenti], meqjus xieraq.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, minn dan isegwi li dawn l-awtoritajiet kellhom jindikaw espressament il-kriterji l-oħra kkunsidrati bħala xierqa u utli sabiex tiġi ppruvata l-kapaċità ekonomika u finanzjarja rikjesta, sabiex kull offerenti, ikun jista’ fi kwalunkwe każ, jiġġustifikaha b’mod effikaċi.

19

Issa, din il-qorti tqis li, ir-regoli amministrattivi annessi mal-avviż tal-kuntratt Monti ma ppermettewx lill-UniqGroup sabiex tipprova b’mod ieħor barra permezz tal-produzzjoni ta’ dokumenti li huma speċifikati l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħha.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Reggio Calabria (qorti tar-reġjun ta’ Reggio Calabria, l-Italja) ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 49 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-logħob tal-ażżard li, għall-għoti ta’ konċessjonijiet, tipprevedi proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida (hekk kif irregolata mill-Artikolu [10](9g) [tad-Digriet leġiżlattiv tal-2012]) li, mingħajr ma tipprevedi f’dan ir-rigward għal kriterji oħra minbarra r-rekwiżit ta’ żewġ referenzi bankarji li ġejjin minn żewġ stabbilimenti finanzjarji differenti, tinkludi klawżola ta’ esklużjoni li teskludi mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti impriżi li ma għandhomx kapaċità ekonomika u finanzjarja

2)

L-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18/KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-logħob tal-ażżard li, għall-għoti ta’ konċessjonijiet, tipprevedi proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida (hekk kif irregolata mill-Artikolu [10] (9g) [tad-Digriet leġiżlattiv tal‑2012]) li, mingħajr ma tipprevedi f’dan ir-rigward dokumentazzjoni jew għażliet oħra, kif previst fil-leġiżlazzjoni sopranazzjonali, [tinkludi klawżola ta’ esklużjoni li teskludi mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti impriżi] li ma għandhomx kapaċità ekonomika u finanzjarja?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

21

Il-Gvern tal-Italja u fir-rigward tat-tieni domanda, il-Kummissjoni, iqisu li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, minħabba li d-deċiżjoni tar-rinviju ma esponietx biżżejjed il-kuntest fattwali li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tipprovdi risposta utli.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza jistgħu jkunu iktar faċilment issodisfatti meta t-talba għal deċiżjoni preliminari tidħol f’kuntest magħruf ħafna (ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, 3D I, C‑107/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2117, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa waħda, din tiddeskrivi b’biżżejjed kjarezza u preċiżjoni l-kuntest legali u fattwali tal-kawża prinċipali u li, min-naħa, l-indikazzjonijiet li fiha jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad-domandi magħmula, kif jixhdu għalhekk l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ diversi gvernijiet u tal-Kummissjoni.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq it-tieni domanda

27

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi lill-operaturi li jixtiequ li jressqu offerta fil-kuntest ta’ sejħa għall-offerti fir-rigward tal-għoti ta’ konċessjonijiet fil-qasam tal- logħob u tal-imħatri, l-obbligu li jipproduċu l-prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom permezz ta’ dikjarazzjonijiet maħruġa minn tal-inqas żewġ stabbilimenti bankarji, mingħajr ma jiġi permess li din il-kapaċità tiġi stabbilita minn xi dokument ieħor.

28

Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija direttiva hijiex applikabbli f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-Direttiva 2004/18 tirrigwarda l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u mhux dawk li jirrigwardaw il-konċessjonijiet ta’ servizzi, peress li dawn tal-aħħar huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva skont l-Artikolu 17 tagħha. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar teskludi espressament il-konċessjonijiet ta’ servizzi, li huma ddefiniti fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva bħala li għandhom l-istess karatteristiċi tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi, bl-eċċezzjoni tal-fatt li l-korrispettiv tas-servizz jikkonsisti jew biss fid-dritt tal-operar tas-servizz, jew f’dan id-dritt flimkien ma’ ħlas.

30

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-paragun bejn id-definizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi u konċessjoni għal servizzi, ipprovduti, rispettivament, mill-Artikolu 1(2)(a) u (d) u mill-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18, jirriżulta li d-differenza bejn kuntratt għal servizzi u konċessjoni għal servizzi tinsab fil-korrispettiv tal-provvista ta’ servizzi. Il-kuntratt għal servizzi jinvolvi korrispettiv, li ma huwiex l-uniku, li jitħallas direttament mill-awtorità kontraenti lill-fornitur ta’ servizzi, filwaqt li, fil-każ ta’ konċessjoni għal servizzi, il-korrispettiv tal-provvista ta’ servizzi jikkonsisti fid-dritt tal-operat tas-servizz, jew waħdu, jew flimkien ma’ ħlas (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler, C‑274/09, EU:C:2011:130, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Barra dan, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li jekk il-metodu ta’ remunerazzjoni huwa għalhekk wieħed mill-elementi determinanti sabiex tiġi kklassifikata konċessjoni għal servizzi, tali konċessjoni għal servizzi timplika li l-konċessjonarju jassumi r-riskju marbut mat-twettiq tas-servizzi inkwistjoni u li n-nuqqas ta’ trasferiment lill-fornitur tar-riskju marbut mal-provvista ta’ servizzi jindika li t-tranżazzjoni msemmija tikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi u mhux konċessjoni għal servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler, C‑274/09, EU:C:2011:130, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-Konklużjonijiet tiegħu, tal-kawża prinċipali, dak li jipprovdi s-servizz, minn naħa, ma jirċivix remunerazzjoni mingħand l-awtorità kontraenti u, min-naħa l-oħra, iġorr ir-riskju kollu marbut mal-eżerċitar tal-attività tal-ġbir u t-tqassim tal-imħatri.

33

Minn dan isegwi li konċessjoni dwar l-organizzazzjoni ta’ mħatri, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kklassifikata bħala kuntratt pubbliku għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2004/18.

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-imsemmija direttiva u b’mod partikolari, l-Artikolu 47 tagħha, għandhom jiġu interpretati f’dan is-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-konċessjonijiet fil-qasam tal-logħob tal-azzard, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

Fuq l-ewwel domanda

35

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li jekk, ċertament, il-qorti tar-rinviju rreferiet, fil-kliem tal-ewwel domanda, għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività, d-deċiżjoni ta’ rinviju ma fiha ebda spjegazzjoni fuq ir-raġunijiet li wasslu lill-imsemmija qorti li tistaqsi fuq l-interpretazzjoni ta’ dawn il-prinċipji fil-kuntest tal-kawża prinċipali lanqas fuq ir-rabta bejn dawn il-prinċipji u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi, fuq l-operaturi li jixtiequ jressqu offerta ta’ sejħa għall-offerti fir-rigward tal-għoti ta’ konċessjonijiet fil-qasam ta’ logħob u ta’ imħatri, fir-rigward tal-għoti ta’ konċessjonijiet fil-qasam tal-imħatri u logħob, l-obbligu li jipproduċu l-prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom permezz ta’ dikjarazzjonijiet maħruġa minn tal-inqas żewġ stabbilimenti bankarji, mingħajr ma jiġi permess li din il-kapaċità tiġi stabbilita b’xi mod ieħor.

37

L-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u/jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi dawk il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Dispożizzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika għall-kisba ta’ konċessjoni u tissuġġetta lill-offerenti għall-obbligu li jipproduċu dikjarazzjonijiet maħruġa minn żewġ operaturi bankarji distinti, tista’ tiddisswadi lill-operaturi ekonomiċi milli jipparteċipaw għal proċedura ta’ sejħa għall-offerti u tista’, għaldaqstant, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

39

Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-azzard tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni soċjali li jikkunsidraw l-iktar xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑463/13, EU:C:2015:25, punti 5152 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Konsegwentement, l-Istati Membri huma liberi li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-azzard u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq. Madankollu, ir-restrizzjonijiet li l-Istati Membri jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ġustifikazzjoni tagħhom għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u l-proporzjonalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk tali restrizzjoni tistax tiġi aċċettata bis-saħħa tal-miżuri derogatorji, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, li huma previsti espliċitament fl-Artikoli 51 TFUE u 52 TFUE u li huma applikabbli wkoll fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bis-saħħa tal-Artikolu 62 TFUE, jew jekk tistax tiġi ġġustifikata, inkonformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Digibet u Albers, C‑156/13, EU:C:2014:1756, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan il-każ, il-Gvern Taljan isostni li d-dispożizzjoni restrittiva inkwistjoni hija ġġustifikata, fil-kuntest tal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità marbut mal-logħob tal-azzard, mill-interess li tiġi żgurata l-kontinwità tal-attività legali ta' ġbir ta' mħatri sabiex jitrażżan l-iżvilupp ta' attività illegali parallela u mill-interess li jiġu protetti l-konsumaturi. Għalhekk, huwa indispensabbli li l-kapaċitajiet ekonomiċi u finanzjarji tal-proprjetarji tal-konċessjonijiet jippermettulhom li jeżerċitaw sostenibbilment l-attività tagħhom fis-suq.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali għan għandu n-natura li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C‑375/14, EU:C:2016:60, punti 3435). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-għan relatat mal-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-logħob tal-azzard huwa ta’ natura li jiġġustifika r-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Biasci et, C‑660/11 u C‑8/12, EU:C:2013:550, punt 23 kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 32).

44

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan, b’mod partikolari, billi leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva inkwistjoni tirrispondi verosimilment għax-xewqa li jintlaħaq b'mod koerenti u sistematiku (ara, f'dan is-sens, is-sentenza HIT u HIT LARIX, C‑176/11, EU:C:2012:454, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija restrizzjoni hijiex adatta sabiex tiggarantixxi l-kisba tal-għan mixtieq, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet bankarji li jinħarġu minn żewġ stabbilimenti bankarji distinti, bħal dawk mitluba mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jistabbilixxu l-kapaċità ekonomika u finanzjarja li teżerċita attività ta’ ġbir ta’ mħatri.

46

Fil-fatt, l-obbligu li jiġu pprovduti dikjarazzjonijiet maħruġa minn żewġ stabbilimenti bankarji manifestament jistgħu jiżguraw li l-operatur ekonomiku għandu kapaċità ekonomika u finanzjarja li tippermettilu li jissodisfa l-obbligi li jista’ jkollu fir-rigward tal-logħba rebbieħa. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit li jiġi ddepożitat kapital azzjonarju ta’ ċertu daqs tista’ tkun utli biex tiġi żgurata ċerta kapaċità ekonomika u finanzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer, C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 77).

47

Barra minn hekk għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom, fil-qasam mhux armonizzat tal-logħob tal-azzard, l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti li timplika l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Digibet u Albers, C‑156/13, EU:C:2014:1756, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-obbligu ta’ produzzjoni ta’ żewġ dikjarazzjonijiet li jinħarġu minn żewġ stabbilimenti bankarki distinti tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, tali evalwazzjoni għandha tiġi mwettqa fir-rigward tal-għanijiet segwiti fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u l-livell ta’ protezzjoni li jkunu jridu jiżguraw (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer, C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat, kif ġie, essenzjalment, irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 80 u 81 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li inkunsiderazzjoni tan-natura partikolari tal-attivitajiet ekonomiċi tas-settur tal-logħob tal-azzard, ir-rekwiżit impost fuq l-offerenti li ilhom inqas minn sentejn joperaw u li d-dħul globali tagħhom marbut mal-attività ta’ operatur ta’ logħob tkun inqas minn żewġ miljuni Euro matul l-aħħar sentejn fiskali li jipprovdu dikjarazzjonijiet xierqa mingħand tal-inqas żewġ stabbilimenti bankarji ma tidhirx li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq.

49

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tivverifika, fl-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi marbuta mal-għoti tal-konċessjonijiet il-ġodda, jekk ir-restrizzjonijiet inkwistjoni imposti mill-Istat Membru kkonċernat jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Digibet u Albers, C-156/13, EU:C:2014:1756, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens ma jipprekludix li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-operaturi li jixtiequ jressqu offerta f’sejħa għall-offerti fir-rigward tal-għoti ta’ konċessjonijiet fil-qasam tal-logħob u tal-imħatri, l-obbligu li jipproduċu prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom permezz ta’ dikjarazzjonijiet maħruġa mingħand tal-inqas żewġ stabbilimenti bankarji, mingħajr ma jiġi permess li din il-kapaċità tiġi stabbilita b’xi mod ieħor, peress li tali dispożizzjoni tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ proprozjonalità stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 47 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonli li tirregola l-għoti ta’ konċessjonijiet fil-qasam tal-logħob tal-azzard, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

 

2)

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat f’dan is-sens ma jipprekludix li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-operaturi li jixtiequ jressqu offerta f’sejħa għall-offerti fir-rigward tal-għoti ta’ konċessjonijiet fil-qasam tal-logħob u tal-imħatri, l-obbligu li jipproduċu prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarj tagħhom permezz ta’ dikjarazzjonijiet maħruġa mingħand tal-inqas żewġ stabbilimenti bankarji, mingħajr ma jiġi permess li din il-kapaċità tiġi stabbilita b’xi mod ieħor, peress li tali dispożizzjoni tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ proprozjonalità stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.