SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Estradizzjoni, lejn Stat terz, ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu — Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Protezzjoni taċ-ċittadini ta’ Stat Membru mill-estradizzjoni — Assenza ta’ protezzjoni taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra — Restrizzjoni għall-moviment liberu — Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità — Proporzjonalità — Verifika tal-garanziji previsti fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑182/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2015, fil-proċedura dwar l-estradizzjoni ta’

Aleksei Petruhhin,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Arabadjiev, C. Toader u F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, E. Levits, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, C. G. Fernlund (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller u M. Hellmann kif ukoll minn J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn E. Creedon u L. Williams, kif ukoll minn T. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn C. Toland, BL, u D. Kelly, advisory counsel,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u F.-X. Bréchot, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn J. Holmes, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, E. Kalniņš u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 21(1) TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għal estradizzjoni indirizzata mill-awtoritajiet Russi lill-awtoritajiet Latvjani, dwar Aleksei Petruhhin, ċittadin Estonjan, b’rabta ma’ reat ta’ traffikar ta’ drogi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Fl-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, b’rettifika fil-ĠU L 17, 22.01.2009, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), tipprovdi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].”

Id-dritt Latvjan

4

Il-Kostituzzjoni tipprevedi, fit-tielet sentenza tal-Artikolu 98 tagħha:

“Ċittadin Latvjan ma jistax jiġi estradit lejn Stat barrani, ħlief fil-każijiet previsti fi trattati internazzjonali rratifikati mis-Saeima [(Parlament)], bil-kundizzjoni li l-estradizzjoni ma tiksirx id-drittijiet fundamentali tal-persuna ggarantiti mill-Kostituzzjoni.”

5

It-Taqsima 66 tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali hija intitolata “Estradizzjoni ta’ persuna lejn Stat barrani”. Hija tinkludi l-Artikolu 696, li fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu jipprovdi:

“(1)   Persuna li tinsab fit-territorju tar-Repubblika tal-Latvja tista’ tiġi estradita għal finijiet ta’ proċeduri kriminali, ta’ sentenza jew ta’ eżekuzzjoni ta’ kundanna, jekk tkun ġiet irċevuta talba għad-detenzjoni provviżorja jew talba għall‑estradizzjoni ta’ din il-persuna magħmula minn Stat barrani u l-fatti jkunu kklassifikati bħala reat mil-liġi Latvjana u minn dik tal-Istat barrani.

(2)   Persuna tista’ tiġi estradita għal finijiet ta’ proċeduri kriminali jew ta’ deċiżjoni fil-konfront tagħha għal att li t-twettiq tiegħu huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija li l-massimu tagħha ma huwiex inqas minn sena jew b’piena iktar severa, sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn trattat internazzjonali.”

6

L‑Artikolu 697(2)(1), (2) u (7) tal-imsemmi kodiċi huwa redatt kif ġej:

“L-estradizzjoni ma hijiex awtorizzata jekk:

1)

il-parti kkonċernata tkun ċittadina Latvjana;

2)

it-talba għall-estradizzjoni tal-parti kkonċernata tkun marbuta mal-għan li jinbdew proċeduri kriminali kontra din il-persuna jew li tiġi punita minħabba r-razza tagħha, l-affiljazzjoni reliġjuża tagħha, in-nazzjonalità tagħha, il-fehmiet politiċi tagħha, jew jekk ikunu jeżistu raġunijiet sabiex wieħed jaħseb li d-drittijiet ta’ din il-persuna jistgħu jinkisru għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq;

[...]

7)

ikun hemm riskju li l-persuna tiġi ttorturata barra l-pajjiż.”

7

Il-ftehim tat-3 ta’ Frar 1993 bejn ir-Repubblika tal-Latvja u l-Federazzjoni Russa, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji f’materji ċivili, tal-familja u kriminali, jiddisponi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.   Id-drittijiet personali u patrimonjali taċ-ċittadini ta’ kull waħda mill-partijiet kontraenti li jinsabu fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra jibbenefikaw mill-istess protezzjoni ġuridika hemmhekk bħal [dawk taċ-]ċittadini tal-parti kontraenti l-oħra.

2.   Iċ-ċittadini ta’ kull waħda mill-partijiet kontraenti għandhom id-dritt ta’ aċċess liberu u mingħajr ostakoli għall-qrati, għall-prosekutur, għall-uffiċċji notarili [...] u għal istituzzjonijiet oħra tal-parti kontraenti l-oħra li huma kompetenti f’materji ċivili, tal-familja u kriminali; huma jistgħu jidhru hemmhekk, iressqu talbiet, jippreżentaw rikorsi u jipproċedu b’atti proċedurali oħra taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

Fl-Artikolu 62 tiegħu l-imsemmi ftehim jipprevedi:

“L-estradizzjoni ma sseħħx jekk [...] il-persuna li tkun is-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni tkun ċittadin tal-parti kontraenti li lilha tiġi indirizzata t-talba, jew jekk din il-persuna tkun kisbet l-istatus ta’ refuġjat f’dan l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

Il-Ftehim tal-11 ta’ Novembru 1992 bejn ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji, fl-Artikolu 1(1) tiegħu jipprevedi:

“Id-drittijiet personali u patrimonjali taċ-ċittadini ta’ kull waħda mill-partijiet kontraenti li jinsabu fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra jibbenefikaw mill-istess protezzjoni ġuridika hemmhekk bħal [dawk taċ-]ċittadini tal-parti kontraenti l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

A. Petruhhin, ċittadin Estonjan, kien is-suġġett ta’ avviż ta’ tfittxija prijoritarju ppubblikat fuq is-sit internet tal-Interpol, fit-22 ta’ Lulju 2010.

11

Dan iċ-ċittadin ġie arrestat fit-30 ta’ Settembru 2014 fil-belt ta’ Bauska (il-Latvja), u tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja fit-3 ta’ Ottubru 2014.

12

Fil-21 ta’ Ottubru 2014, l-awtoritajiet Latvjani ġew aditi b’talba għal estradizzjoni mressqa mill-Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa. Din it-talba kienet tindika li nbdew proċeduri kriminali kontra A. Petruhhin b’riżultat ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2009 u li dan kellu jitqiegħed taħt detenzjoni. Huwa ġie akkużat b’tentattiv ta’ traffikar, fi grupp organizzat, ta’ kwantità kbira ta’ drogi. Skont il-leġiżlazzjoni Russa, dan ir-reat huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ tul ta’ bejn 8 u 20 sena.

13

Il-Latvijas Republikas Ģenerālprokuratūra (Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja) awtorizza l-estradizzjoni ta’ A. Petruhhin lejn ir-Russja.

14

Madankollu, fl-4 ta’ Diċembru 2014, A. Petruhhin talab l-annullament tad-deċiżjoni ta’ estradizzjoni għar-raġuni li, skont l-Artikolu 1 tal-ftehim dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġudizzjarji konkluż bejn ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja, huwa kien jibbenefika, fil-Latvja, mill-istess drittijiet bħal ċittadin Latvjan u li, konsegwentement, l-Istat Latvjan kien obbligat jipproteġih minn estradizzjoni infondata.

15

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li la d-dritt nazzjonali Latvjan u lanqas ebda wieħed mill-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn ir-Repubblika tal-Latvja u, b’mod partikolari, il-Federazzjoni Russa jew il-pajjiżi Baltiċi l-oħrajn, ma jipprevedi limitazzjoni għall-estradizzjoni ta’ ċittadin Estonjan lejn ir-Russja. Skont dawn il-ftehimiet internazzjonali, il-protezzjoni minn tali estradizzjoni hija prevista biss fir-rigward taċ-ċittadini Latvjani.

16

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-assenza ta’ protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni mill-estradizzjoni, meta dawn ikunu ċċaqilqu lejn Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità, tmur kontra l-essenza taċ-ċittadinanza Ewropea, jiġifieri d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għal protezzjoni ekwivalenti għal dik taċ-ċittadini nazzjonali.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja), fis-26 ta’ Marzu 2015 annullat id-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni ta’ A. Petruhhin u ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u l-Artikolu 21(1) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni lejn Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni, skont ftehim dwar l-estradizzjoni konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz, għandu jiġi ggarantit l-istess livell ta’ protezzjoni bħal dak li huwa ggarantit lil ċittadin tal-Istat Membru inkwistjoni?

2)

F’tali ċirkustanzi, il-qorti tal-Istat Membru li kien mitlub l-estradizzjoni għandha tapplika l-kundizzjonijiet ta’ estradizzjoni tal-Istat tal-Unjoni Ewropea tan-nazzjonalità jew ta’ dak li fih tinżamm ir-residenza abitwali [tal-persuna kkonċernata]?

3)

Fil-każijiet fejn l-estradizzjoni għandha ssir mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell speċifiku ta’ protezzjoni stabbilit għaċ-ċittadini tal-Istat li jkun ġie mitlub l-estradizzjoni, l-Istat Membru li ġie mitlub l-estradizzjoni għandu jivverifika li jiġu osservati l-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-Karta, jiġifieri li l-ebda persuna ma tista’ tiġi estradita lejn Stat fejn hemm riskju serju li tkun suġġetta għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti? Din il-verifika tista’ tiġi limitata għall-konstatazzjoni li l-Istat li jitlob l-estradizzjoni jkun parti kontraenti fil-Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni tat-tortura, jew għandha tiġi eżaminata s-sitwazzjoni [b’mod konkret], billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-imsemmi Stat magħmula mill-Kunsill tal-Ewropa?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

18

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export, C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export, C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export, C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan il-każ, waqt is-seduta l-Gvern Latvjan informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li A. Petruhhin, wara li ġie lliberat fis-26 ta’ Marzu 2015, kien telaq mil-Latvja sabiex imur, probabbilment, l-Estonja.

22

Madankollu, dan il-gvern żied li l-proċedura ta’ estradizzjoni baqgħet pendenti quddiem il-qrati Latvjani. Huwa sostna li l-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja ma kienx irtira d-deċiżjoni tiegħu li tawtorizza l-estradizzjoni ta’ A. Petruhhin u li dik id-deċiżjoni baqgħet suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Augstākā tiesa (qorti suprema). Hija din l-aħħar qorti li għandha taċċetta jew tirrifjuta l-estradizzjoni jew saħansitra li titlob li tinġabar informazzjoni addizzjonali qabel ma tagħti deċiżjoni.

23

Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li, anki jekk A. Petruhhin attwalment ma għadux fil-Latvja, xorta waħda jibqa’ neċessarju li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ estradizzjoni, peress li jekk ma tiġix annullata minn din l-aħħar qorti, din id-deċiżjoni tista’ tiġi eżegwita fi kwalunkwe ħin, jekk ikun il-każ, wara l-arrest tal-parti kkonċernata fit-territorju Latvjan. Għaldaqstant ma jidhirx li d-domandi magħmula, li huma intiżi li jiddeterminaw il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, tar-regoli nazzjonali li abbażi tagħhom tali deċiżjoni ta’ estradizzjoni ġiet adottata, ma humiex ta’ interess għall-għoti ta’ deċiżjoni dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-domandi magħmula huma ammissibbli.

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

25

Permezz tal-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ ftehim ta’ estradizzjoni konkluż bejn Stat Membru u Stat terz, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor għandhom jibbenefikaw mir-regola li tipprojbixxi l-estradizzjoni, mill-ewwel Stat Membru, taċ-ċittadini tiegħu stess.

26

F’dak ir-rigward, huwa minnu, hekk kif sostnew il-parti l-kbira tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, li, fl-assenza ta’ konvenzjoni internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat, ir-regoli fil-qasam tal-estradizzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

27

Xejn ma jipprekludi milli, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom ikunu konformi ma’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Issa, permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq preċiżament tkun taf jekk regoli nazzjonali ta’ estradizzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex kompatibbli mal-Artikoli 18 u 21 TFUE.

29

Billi jipprojbixxi “kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza [n-nazzjonalità]”, l-Artikolu 18 TFUE jirrikjedi l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, EU:C:1989:47, punt 10).

30

F’dan il-każ, minkejja li, ċertament, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, ir-regoli fil-qasam ta’ estrazzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri fl-assenza ta’ konvenzjoni internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat, madankollu hemm lok li jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Is-sitwazzjonijiet li jaqgħu f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni għaldaqstant jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, kif mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, EU:C:2005:169, punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fil-kawża prinċipali, A. Petruhhin, ċittadin Estonjan, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-Unjoni billi ċċaqlaq lejn il-Latvja, b’tali mod li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, li jinkludi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, EU:C:1989:47, punti 17 sa 19).

32

Issa, regoli nazzjonali ta’ estradizzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintroduċu differenza fit-trattament skont jekk il-persuna kkonċernata tkunx ċittadina nazzjonali jew ċittadina ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dawn iwasslu sabiex iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, bħal A. Petruhhin, ma jingħatawx il-protezzjoni mill-estradizzjoni li minnha jgawdu ċ-ċittadini nazzjonali. B’dan il-mod, tali regoli jistgħu jaffettwaw il-libertà ta’ moviment fl-Unjoni ta’ dawn tal-ewwel.

33

Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-inugwaljanza fit-trattament li tikkonsisti fil-fatt li tiġi permessa l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, bħal A. Petruhhin, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE.

34

Tali restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Diversi gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jinvokaw bħala ġustifikazzjoni li l-miżura li tipprevedi l-estradizzjoni ġiet adottata fil-kuntest tal-kooperazzjoni kriminali internazzjonali, konformement ma’ konvenzjoni ta’ estradizzjoni, u hija intiża li tevita r-riskju ta’ impunità.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) TUE, l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun żgurat, flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.

37

L-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li jkunu wettqu reat jidħol f’dan il-kuntest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 6365) u, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li huwa ta’ natura leġittima fid-dritt tal-Unjoni.

38

Madankollu, miżuri li jirrestrinġu libertà fundamentali, bħal dik prevista fl-Artikolu 21 TFUE, ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi ħlief jekk huma jkunu neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma intiżi jiggarantixxu, u dan biss sakemm dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu minn miżuri inqas restrittivi (ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič‑Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-estradizzjoni hija proċedura intiża li tiġġieled l-impunità ta’ persuna li tkun tinsab f’territorju li ma huwiex dak li fih hija allegatament wettqet reat. Fil-fatt, bħalma diversi gvernijiet nazzjonali rrilevaw fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-massima “aut dedere, aut judicare” (estradizzjoni jew prosekuzzjoni), in-nuqqas ta’ estradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali huwa ġeneralment ikkumpensat mill-possibbiltà, għall-Istat Membru li ssirlu t-talba, li jipproċedi bi prosekuzzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess għal reati serji mwettqa barra mit-territorju tiegħu, bħala regola ġenerali dak l-Istat Membru ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar tali fatti meta la l-awtur u lanqas il-vittma tal-allegat reat ma jkollhom in-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru. Għaldaqstant, l-estradizzjoni tippermetti li jiġi evitat li reati mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuni li ħarbu minn dak it-territorju jibqgħu mhux puniti.

40

F’dan il-kuntest, regoli nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermettu li tingħata risposta favorevoli għal talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ prosekuzzjonijiet u ta’ deċiżjoni fl-Istat terz fejn ir-reat allegatament twettaq, jidhru li huma xierqa sabiex l-għan imfittex jintlaħaq.

41

Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk teżistix miżura alternattiva li tippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE li tippermetti li l-għan li jikkonsisti f’li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ persuna li allegatament tkun wettqet reat kriminali jintlaħaq b’mod daqstant ieħor effikaċi.

42

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sanċit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw lil xulxin u jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

43

Fil-kuntest tad-dritt kriminali, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta b’mod partikolari d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li hija intiża li tiffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja billi tistabbilixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew. Dan tal-aħħar jikkostitwixxi l-ewwel konkretizzazzjoni, fil-qasam tad-dritt kriminali, tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew ikkwalifika bħala l-“punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C‑388/08 PPU, EU:C:2008:669, punt 49). Ma’ dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, ikkostitwit mill-mandat ta’ arrest Ewropew, jiżdiedu numru ta’ strumenti ta’ għajnuna reċiproka intiżi li jiffaċilitaw tali kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 65 sa 68).

44

Barra minn hekk, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni ssostni u tippromwovi l-valuri tagħha u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha, konformement mal-Artikolu 3(5) TUE.

45

Din il-protezzjoni tinbena b’mod gradwali permezz ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni bħall-ftehimiet ta’ estradizzjoni konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

46

Madankollu, fil-preżent, ma teżistix tali konvenzjoni bejn l-Unjoni u l-Istat terz inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47

Fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u Stat terz, sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu protetti minn miżuri li jistgħu jċaħħduhom mid-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza previsti fl-Artikolu 21 TFUE, filwaqt li tiġi miġġielda l-impunità fir-rigward ta’ reati kriminali, għandhom jiġu implementati l-mekkaniżmi kollha ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka eżistenti fil-qasam kriminali taħt id-dritt tal-Unjoni.

48

Għaldaqstant, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tingħata prijorità lill-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità u dan sabiex l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru, sa fejn dawn ikollhom ġurisdizzjoni, taħt id-dritt nazzjonali tagħhom, sabiex jipproċedu kriminalment kontra dik il-persuna għal fatti mwettqa barra t-territorju nazzjonali, jingħataw l-opportunità li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni. L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jeskludix, fil-fatt, f’tali każ, il-possibbiltà li l-Istat Membru li tiegħu l-persuna awtriċi allegata tar-reat għandha n-nazzjonalità joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew bl-għan li din il-persuna tiġi kkonsenjata għal finijiet ta’ prosekuzzjoni.

49

Billi jikkoopera b’dan il-mod mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità u billi jagħti prijorità lil dan il-mandat ta’ arrest eventwali fuq it-talba għal estradizzjoni, l-Istat Membru ospitanti jaġixxi b’mod li jippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu filwaqt li jevita, sa fejn possibbli, ir-riskju li r-reat li dwaru jittieħdu proċeduri kriminali jibqa’ mhux punit.

50

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta lil Stat Membru li lejh ikun iċċaqlaq ċittadin tal-Unjoni, li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, tiġi indirizzata talba għal estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, dan ikun obbligat jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin għandu n-nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jikkonsenjalu lil dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jekk kemm-il darba skont id-dritt nazzjonali tiegħu, dan l-Istat Membru jkollu ġurisdizzjoni sabiex jieħu proċeduri kriminali kontra dik il-persuna għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu.

Fuq it-tielet domanda

51

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fl-ipoteżi fejn l-Istat Membru li ssirlu t-talba jkollu l-intenzjoni li jestradixxi ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fuq talba ta’ Stat terz, dan l-ewwel Stat Membru għandux jivverifika li l-estradizzjoni ma hijiex ser tippreġudika d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 19 tal-Karta u, jekk ikun il-każ, liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dik il-verifika.

52

Hekk kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel żewġ domandi, id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jestradixxi ċittadin tal-Unjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 21 TFUE u għaldaqstant taħt id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 25 sa 27).

53

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha huma intiżi li japplikaw għal tali deċiżjoni.

54

Skont dan l-Artikolu 19, ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew ikun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.

55

Sabiex jiġi evalwat jekk din id-dispożizzjoni nkisritx, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk Stat Membru jistax jillimita ruħu li sempliċement jikkonstata li l-Istat li jagħmel it-talba huwa parti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li tipprojbixxi t-tortura, jew jekk għandhiex tiġi eżaminata b’mod konkret is-sitwazzjoni li tipprevali f’dan l-aħħar Stat b’teħid kont tal-evalwazzjoni tagħha mill-Kunsill tal-Ewropa.

56

F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 4 tal-Karta li jipprojbixxi l-pieni jew it-trattamenti inumani jew degradanti u għandu jitfakkar li din il-projbizzjoni hija ta’ natura assoluta peress li din hija marbuta mill-viċin mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Karta (ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 85).

57

L-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet u l-aċċettazzjoni ta’ trattati internazzjonali li jiggarantixxu, bħala prinċipju, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, waħedhom ma humiex biżżejjed sabiex tiġi żgurata protezzjoni xierqa mir-riskju ta’ trattamenti ħżiena meta sorsi affidabbli jkunu jindikaw prattiki tal-awtoritajiet – jew ittollerati minnhom – li manifestament imorru kontra l-prinċipji tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (sentenza tal-Qorti EDB, tat-28 ta’ Frar 2008, Saadi vs L-Italja, CE:ECHR:2008:0228JUD003720106, § 147).

58

Minn dan isegwi li, meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li ssirlu t-talba jkollha għad-dispożizzjoni tagħha provi li juru li hemm riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti ta’ persuni fl-Istat terz li jagħmel it-talba, hija għandha tevalwa l-eżistenza ta’ dan ir-riskju meta hija tiddeċiedi dwar l-estradizzjoni ta’ persuna lejn dak l-Istat (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Karta, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 88).

59

Għal dan l-għan, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li ssirlu t-talba għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti EDB, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istat terz li jagħmel it-talba kif ukoll minn deċiżjonijiet, minn rapporti u minn dokumenti oħra stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89).

60

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, fl-ipoteżi fejn Stat Membru ssirlu talba minn Stat terz intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, dan l-ewwel Stat Membru għandu jivverifika li l-estradizzjoni ma hijiex ser tippreġudika d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 19 tal-Karta.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta lil Stat Membru li lejh ikun iċċaqlaq ċittadin tal-Unjoni, li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, tiġi indirizzata talba għal estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, dan ikun obbligat jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin għandu n-nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jikkonsenjalu lil dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, jekk kemm-il darba skont id-dritt nazzjonali tiegħu, dan l-Istat Membru jkollu ġurisdizzjoni sabiex jieħu proċeduri kriminali kontra dik il-persuna għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu.

 

2)

Fl-ipoteżi fejn Stat Membru ssirlu talba minn Stat terz intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, dan l-ewwel Stat Membru għandu jivverifika li l-estradizzjoni ma hijiex ser tippreġudika d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan