SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 107(1)TFUE — Sistema fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Tnaqqis — Amortizzazzjoni tal-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma ta’ mill-inqas 5 % minn impriżi fiskalment domiċiljati fi Spanja f’impriżi fiskalment domiċiljati barra minn dan l-Istat Membru — Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ — Kundizzjoni dwar is-selettività”

Fil-Kawżi magħquda C‑20/15 P u C‑21/15 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fid‑19 ta’ Jannar 2015,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal, B. Stromsky, u C. Urraca Caviedes kif ukoll minn P. Němečková, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

World Duty Free Group SA, li kienet Autogrill España SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), (C‑20/15 P),

Banco Santander SA, stabbilit f’Santander (Spanja), (C‑21/15 P),

Santusa Holding SL, stabbilita f’Boadilla del Monte (Spanja), (C‑21/15 P),

irrappreżentati minn J. L. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro u R. Calvo Salinero, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuti minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

L-Irlanda, irrappreżentata minn G. Hodge u E. Creedon, bħala aġenti, assistiti minn B. Doherty, barrister, u minn A. Goodman, barrister,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, E. Juhász u A. Prechal (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Jarašiūnas, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Mejju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑20/15 P, il-Kummmissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il-Kummissjoni (T‑219/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni”, EU:T:2014:939), li permezz tagħha din annullat l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48, iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kontenzjuża”).

2

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑21/15 P, il-Kummmissjoni titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni (T‑399/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni”, EU:T:2014:938), li permezz tagħha din annullat l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/282/UE, tat‑12 ta’ Jannar 2011, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin Nru C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 135, p. 1), iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

3

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżulta mis-sentenzi appellati, jistgħu jiġu miġbura fil-qosor, kif ġej.

4

Fl-10 ta’ Ottubru 2007, wara diversi domandi bil-miktub li saru lill-Kummissjoni matul l-2005 u l-2006 minn xi membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll wara lment ta’ operatur privat li tiegħu hija kienet id-destinatarju, matul l-2007, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali kontra d-dispożittiv previst fl-Artikolu 12(5), introdott fil-liġi Spanjola dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji mil-Ley 24/2001, de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social (Liġi 24/2001 dwar l-adozzjoni ta’ miżuri fiskali, amministrattivi u tal-ordni soċjali), tas‑27 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 313, tal‑31 ta’ Diċembru 2001, p. 50493), u riprodott fir-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004 dwar l-approvazzjoni tat-test abbozzat mill-ġdid tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji), tal-5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 61, tal‑11 ta’ Marzu 2004, p. 10951) (iktar 'il quddiem, il-“miżura kontenzjuża”).

5

Il-miżura kontenzjuża tipprevedi li, fil-każ ta’ akkwist ta’ ishma, minn impriża taxxabbli fi Spanja, f’“impriża barranija”, meta dan l-akkwist ta’ ishma jkun mill-inqas ta’ 5 % u meta l-ishma inkwistjoni jinżammu għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas sena, l-avvjament li jirriżulta minn dan l-akkwist ta’ ishma, irreġistrat fil-kontabbiltà tal-impriża bħala attiv intanġibbli distint, jista’ jitnaqqas, fil-forma ta’ amortizzazzjoni, mill-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji li l-impriża għandha tħallas. Il-miżura kontenzjuża tispeċifika li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “kumpannija barranija”, kumpannija għandha tkun suġġetta għal taxxa identika għat-taxxa applikabbli fi Spanja u d-dħul tagħha għandu jkun essenzjalment provenjenti mit-twettiq ta’ attivitajiet barra mill-pajjiż.

6

Fil-punti 10 sa 13 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni, identiċi għall-punti 15 sa 18 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali pprovdiet il-preċiżazzjonijiet li ġejjin:

“10

Mi[ll-ewwel] deċiżjoni [kontenzjuża] jirriżulta li, skont il-liġi Spanjola, kombinament ta’ negozji għandha tfisser operazzjoni fejn impriża waħda jew iktar jittrasferixxu, meta dawn jiġu xolti mingħajr ma jiġu stralċjati, l-assi u r-responsabbiltajiet kollha tagħhom lil kumpannija eżistenti oħra jew lil kumpannija li huma jifformaw inkambju għall-ħruġ fil-konfront tal-azzjonisti tagħhom ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital ta’ dik l-impriża l-oħra (premessa 23 ta[l-ewwel] deċiżjoni [kontenzjuża] [, identika għall-premessa 32 tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża]).

11

L-akkwist ta’ sehem huwa ddefinit f[l-ewwel] deċiżjoni [kontenzjuża] bħala tranżazzjoni li permezz tagħha impriża waħda takkwista l-ishma fil-kapital ta’ impriża oħra mingħajr ma tikseb maġġoranza jew il-kontroll tad-drittijiet tal-vot tal-impriża akkwistata (premessa 23 ta[l-ewwel] deċiżjoni [kontenzjuża][, identika għall-premessa 32 tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża]).

12

Barra minn hekk, [fl-ewwel] deċiżjoni [kontenzjuża] hemm indikat li, skont il-miżura kontenzjuża, l-avvjament finanzjarju jiġi determinat billi jitnaqqas il-valur tas-suq tal-attiv tanġibbli u intanġibbli tal-impriża akkwistata mill-prezz imħallas għall-akkwist tas-sehem. Hemm ippreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ avvjament finanzjarju, kif stabbilit fil-miżura kontenzjuża, jintroduċi fil-qasam tal-akkwisti ta’ ishma kunċett li normalment jintuża fit-trasferiment tal-attiv jew fi tranżazzjonijiet ta’ kombinament ta’ negozji (premessa 20 ta[l-ewwel] deċiżjoni [kontenzjuża][, identika għall-premessa 29 tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża]).

13

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, skont id-dritt fiskali Spanjol, akkwist minn impriża taxxabbli fi Spanja ta’ sehem f’kumpannija stabbilita fi Spanja ma jippermettix li l-avvjament li jirriżulta minn dan l-akkwist jiġi, għall-finijiet tat-taxxa, irreġistrat separatament fil-kontijiet. Min-naħa l-oħra, dejjem skont id-dritt fiskali Spanjol, l-avvjament jista’ jiġi amortizzat biss wara kombinament ta’ negozji (premessa 19 ta[l-ewwel] deċiżjoni [kontenzjuża] [, identika għall-premessa 28 tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża]).”

7

Permezz tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura f’dak li jikkonċerna l-akkwisti ta’ ishma mwettqa fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

8

Fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li l-iskema stabbilita permezz tal-miżura kontenzjuża (iktar ’il quddiem l-“iskema kontenzjuża” hija inkompatibbli mas-suq komuni, liema skema tikkonsisti f’vantaġġ fiskali mogħti lill-impriżi taxxabbli fi Spanja sabiex jippermetti lil dawn tal-aħħar jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi barranin, meta din kienet tapplika għal akkwisti ta’ ishma f’impriżi stabbiliti fi ħdan l-Unjoni. Fl-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni, hija ordnat lir-Renju ta’ Spanja sabiex jirkupra l-għajnuna mogħtija taħt din l-iskema.

9

Il-Kummissjoni madankollu żammet miftuħa l-proċedura għal dak li jirrigwarda l-akkwisti ta’ ishma mwettqa barra mill-Unjoni, filwaqt li l-awtoritajiet Spanjoli impenjaw ruħhom li jipprovdu elementi ġodda dwar l-ostakli għall-amalgamazzjonijiet transkonfinali eżistenti barra mill-Unjoni.

10

Permezz tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddikjarat li l-iskema kontenzjuża hija inkompatibbli mas-suq komuni, liema skema tikkonsisti f’vantaġġ fiskali mogħti lill-impriżi taxxabbli fi Spanja sabiex jippermetti lil dawn tal-aħħar jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi barranin, meta din kienet tapplika għal akkwisti ta’ ishma f’impriżi stabbiliti barra mill-Unjoni (Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni), u ordnat lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-għajnuna mogħtija taħt din l-iskema (Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni.

Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Mejju 2010, Autogrill España SA, li saret World Duty Free Group SA (iktar ’il quddiem “WDFG”), ressqet kawża intiża għall-annullament tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 4 tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża.

12

Insostenn tar-rikors tagħha sa fejn huwa ppreżentat kontra l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni, WDFG invokat erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kundizzjoni dwar is-selettività, it-tieni wieħed fuq assenza ta’ selettività tal-miżura kontenzjuża minħabba l-fatt li d-distinzjoni li hija tintroduċi tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li minnha hija tagħmel parti, it-tielet wieħed fuq il-fatt li din il-miżura ma tagħti ebda vantaġġ lill-kumpanniji li għalihom tapplika l-iskema kontenzjuża u, ir-raba’ wieħed, għal dak li jirrigwarda kemm il-kundizzjoni dwar is-selettività kif ukoll dik dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

13

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Lulju 2011, Banco Santander SA u Santusa Holding SL (iktar ’il quddiem “Santusa”, ressqu kawża intiża għall-annullament tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 4 tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża.

14

Insostenn tar-rikors tagħhom sa fejn huwa ppreżentat kontra l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni, Banco Santander u Santusa invokaw ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kundizzjoni dwar is-selettività, it-tieni wieħed fuq żball fl-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza, it-tielet wieħed fuq assenza ta’ selettività tal-miżura kontenzjuża minħabba l-fatt li d-distinzjoni li hija tintroduċi tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li minnha hija tagħmel parti, ir-raba’ wieħed fuq il-fatt li din il-miżura ma tagħti ebda vantaġġ lill-kumpanniji li għalihom tapplika l-iskema kontenzjuża u, il-ħames wieħed, għal dak li jirrigwarda kemm il-kundizzjoni dwar is-selettività kif ukoll dik dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

15

Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali, abbażi ta’ motivi essenzjalment identiċi, laqgħet l-ewwel motiv taż-żewġ rikorsi, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kundizzjoni dwar is-selettività, u, konsegwentement, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra tar-rikorsi, annullat l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjonijiet kontenzjużi kif ukoll l-Artikolu 4 tagħhom.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenzi appellati;

tirrinvija l-kawżi rispettivi quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tirriżerva l-ispejjeż.

17

WDFG, fil-Kawża C‑20/15 P, kif ukoll Banco Santander u Santusa, fil-Kawża C‑21/15 P, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli, tikkonferma s-sentenzi appellati u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Mejju 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju ta’ Spanja ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ WDFG fil-Kawża C‑20/15 P kif ukoll ta’ Banco Santander u ta’ Santusa fil-Kawża C‑21/15 P.

19

Għall-kuntrarju, permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2015, it-talbiet għal intervent ta’ Telefónica SA u ta’ Iberdrola SA insostenn tat-talbiet ta’ WDFG, fil-Kawża C‑20/15 P, kif ukoll ta’ Banco Santander u ta’ Santusa, fil-Kawża C‑21/15 P, ġew miċħuda.

Fuq l-appelli

20

Insostenn tal-appelli tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju uniku identiku, ifformulat f’żewġ partijiet, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar is-selettività kif imposta fl-Artikolu 107(1) TFUE.

Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku

L-argumenti tal-partijiet

21

Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta, sabiex turi n-natura selettiva ta’ miżura, imponiet fuqha l-obbligu li tiddetermina grupp ta’ impriżi li għandhom karatteristiċi proprji.

22

Il-Kummissjoni ssostni li, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, hija kkonformat b’mod strett mal-metodu ta’ analiżi dwar is-selettività fil-qasam fiskali, kif sanċit mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant hija stabbilixxiet li l-miżura kontenzjuża kienet tikkostitwixxi deroga fir-rigward ta’ kuntest ta’ referenza, sa fejn din kienet tipprevedi, għall-impriżi taxxabbli fi Spanja li jwettqu akkwisti ta’ ishma ta’ mill-inqas 5 % f’kumpanniji stabbiliti barra mill-pajjiż, trattament fiskali distint minn dak applikabbli għall-impriżi taxxabbli fi Spanja li jwettqu akkwist identiku f’kumpanniji stabbiliti fi Spanja, minkejja li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema ġenerali Spanjola tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

23

Hija tqis li l-Qorti Ġenerali, billi imponiet fuqha l-oneru addizzjonali li turi li l-miżura kontenzjuża tiffavorixxi lil ċerti impriżi li jistgħu jiġu identifikati minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom li l-impriżi l-oħra ma għandhomx, jiġifieri karatteristiċi proprji u identifikabbli ex ante, wettqet żball ta’ liġi sa fejn, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali għażlet li tifhem il-kundizzjoni dwar is-selettività b’mod iktar restrittiv minn dak sanċit mill-Qorti tal-Ġustizzja.

24

Il-Kummissjoni b’mod partikolari ssostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il‑Kummissjoni kif ukoll fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, xi miżuri jistgħu jiġu kklassifikati bħala selettivi anki jekk dawn ikunu applikabbli indipendentement min-natura tal-attivitajiet tal-benefiċjarju u jipprevedu vantaġġ fiskali għal ċerti tranżazzjonijiet ta’ investiment mingħajr ma jistabbilixxu ammont ta’ investiment minimu.

25

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali iddeduċiet b’mod żbaljat mis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598), li miżura nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti min-natura tal-attività tal-impriżi, a priori, ma hijiex selettiva. L-affermazzjoni li tidher fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li tgħid li “il-miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat […] meta dawn ikunu applikabbli għall-impriżi kollha li jinsabu fit-territorju nazzjonali, indipendentement mill-għan tal-attività tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għandha fil-fatt tinftiehem fis-sens li l-assenza ta’ selettività tirriżulta mill-fatt li l-miżura nazzjonali tapplika mingħajr distinzjoni għall-impriżi kollha fl-Istat Membru kkonċernat.

26

Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali wkoll li wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punti 59 sa 62 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 63 sa 66 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, qieset li miżura bħall-miżura kontenzjuża ma hijiex selettiva peress li hija marbuta max-xiri ta’ oġġetti ekonomiċi partikolari, jiġifieri ishma f’kumpanniji barranin u, a priori, ma teskludi ebda kategorija ta’ impriżi mill-benefiċċju tagħha.

27

F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta bbażat ruħha fuq is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, EU:C:2000:467). Fil-fatt, mill-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fil-kawża li wasslet għaliha, il-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala selettiva fir-rigward ta’ ċerti impriżi ġeografikament ċirkoskritti li fihom investituri privati kienu investew mill-ġdid il-benefiċċji provenjenti minn bejgħ ta’ oġġetti ekonomiċi u mhux fir-rigward tal-imsemmija investituri stess, li għalihom hija kienet qieset li din il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna.

28

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali fil-punti 66 sa 68 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 70 sa 72 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, iddeċidiet li jkun imur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk wieħed iqis li miżura fiskali nazzjonali li l-benefiċċju tagħha huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet hija selettiva, minkejja li l-impriżi benefiċjarji ma jkunu jikkondividu ebda karatteristika proprja li tippermetti li wieħed jiddistingwixxihom mill-impriżi l-oħra, minbarra l-fatt li huma jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li għalihom huwa ssuġġettat l-għoti tal-miżura.

29

Il-Kummissjoni ssostni li f’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq analiżi żbaljata tal-ġurisprudenza kkonċernata.

30

Fir-rigward tas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), il-Kummissjoni ssostni li mill-punti 90 u 91 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din kienet tikkonċerna sitwazzjoni partikolari fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija selettiva s-sistema fiskali ta’ referenza fiha nnifisha, u mhux xi deroga għaliha, sa fejn din tal-aħħar kienet tiffavorixxi bħala tali lill-impriżi “offshore”. Ir-riferiment li sar fl-imsemmija sentenza għall-“proprjetajiet speċifiċi” ta’ kategorija ta’ impriżi għaldaqstant għandu jinftiehem li jirreferi għall-karatteristiċi li minħabba fihom dawn l-impriżi kienu fiskalment iffavoriti fil-kuntest ta’ sistema ta’ referenza selettiva min-natura tagħha stess u ma tistax tiġi estrapolata lil hinn minn din is-sitwazzjoni partikolari.

31

Għal dak li jikkonċerna l-punt 42 tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia (C‑417/10, EU:C:2012:184), il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tieni sentenza ta’ dan il-punt, li tesprimi l-prinċipju, sanċit minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li miżura hija selettiva jekk hija ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

32

WDFG kif ukoll Banco Santander u Santusa preliminarjament jirrilevaw li, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni ma sostnietx li l-miżura kontenzjuża kienet selettiva de facto, b’tali mod li, fil-kuntest tal-appelli preżenti, hija kwistjoni biss ta’ eżaminazzjoni tal-kritiki kontra s-sentenzi appellati sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-motivi invokati mill-Kummissjoni f’dawn id-deċiżjonijiet ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li din il-miżura kienet selettiva de jure.

33

Huma jsostnu li mis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598), jirriżulta li miżura li minnha jistgħu jibbenefikaw l-impriżi kollha ma tistax titqies li hija selettiva. Għall-kuntrarju, minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott, kif issostni l-Kummissjoni, li miżura nazzjonali ma hijiex selettiva meta din tkun tapplika għall-impriżi kollha tal-Istat Membru mingħajr eċċezzjoni, peress li, b’applikazzjoni ta’ tali teżi, kważi t-totalità tar-regoli fiskali kollha jkollhom jitqiesu li huma selettivi.

34

WDFG kif ukoll Banco Santander u Santusa jirribattu wkoll it-teżi tal-Kummissjoni li miżuri fiskali nazzjonali diġà, u diversi drabi, ġew ikklassifikati bħala selettivi, minkejja li dawn ma kienu jiffissaw ebda ammont minimu ta’ investiment u kienu applikabbli indipendentement min-natura tal-attivitajiet tal-benefiċjarju. Fi kwalunkwe każ, il-miżura kontenzjuża, sa fejn tagħti vantaġġ fiskali lil kull impriża li tixtieq tibbenefika minnha, indipendentement mill-kategorija li taqa’ fiha, ma tistax, minħabba dan is-sempliċi fatt, titqies li hija prima facie u de jure selettiva.

35

Il-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat ruħha fuq is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, EU:C:2000:467), peress li, fid-deċiżjoni inkwistjoni f’din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet aċċettat b’mod espress l-assenza ta’ selettività tal-miżura nazzjonali f’dak li jikkonċerna l-investituri kkonċernati, li ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

36

Fil-prassi deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni barra minn hekk diġà, u f’diversi okkażjonijiet, eskludiet is-selettività ta’ miżuri fiskali billi applikat dan l-istess kriterju, jiġifieri dak tal-assenza ta’ selettività ta’ miżuri ġenerali, applikabbli mingħajr distinzjoni għal kull impriża u li minnhom tista’ tibbenefika kull persuna taxxabbli.

37

L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju barra minn hekk ma jwassalx għall-konstatazzjoni tal-assenza ta’ selettività tal-miżuri relatati max-xiri ta’ ċertu attiv imsemmi mill-Kummissjoni. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu kklassifikati bħala selettivi li kieku jintwera li huma ta’ benefiċċju de facto għal ċerti impriżi bl-esklużjoni ta’ oħrajn. Fi kwalunkwe każ, is-selettività tagħhom tkun tirriżulta mhux min-natura tal-attiv akkwistat, iżda mill-fatt li huwa permess li jitqies li l-akkwirenti kkonċernati jifformaw kategorija partikolari.

38

Fir-rigward tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑501/00, EU:C:2004:438), WDFG kif ukoll Banco Santander u Santusa jqisu li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-miżura inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza tvarja minn dik inkwistjoni f’din il-kawża, peress li hija kienet intiża li tagħti vantaġġ lil kategorija distinta u identifikabbli ta’ impriżi, jiġifieri dawk li jwettqu attivitajiet ta’ esportazzjoni.

39

Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), b’mod partikolari mill-punt 104 tagħha, li miżura ma tistax tiġi kklassifikata bħala selettiva ħlief jekk din tkun ta’ benefiċċju għal kategorija ta’ impriżi li jikkondividu “proprjetajiet” li huma “speċifiċi” għalihom. Minn din is-sentenza jirriżulta wkoll li l-identifikazzjoni ta’ deroga minn sistema komuni ma hijiex għan fiha nnifisha. Ikun jimporta biss l-effett reali tal-miżura, jiġifieri l-fatt li hija tkun ta’ benefiċċju jew ma tkunx ta’ benefiċċju għal impriżi jew produtturi partikolari.

40

WDFG kif ukoll Banco Santander u Santusa jsostnu li l-interpretazzjoni tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia (C‑417/10, EU:C:2012:184), irrakkomandata mill-Kummissjoni, lanqas ma tista’ tintlaqa’. Minn naħa, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja allegatament ma vvalidatx id-definizzjoni ta’ sistema ta’ referenza u deroga fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, din is-sistema ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li miżura hija selettiva minħabba l-fatt li l-impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw minnha jifformaw kategorija distinta.

41

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li miżura ma tistax tiġi kklassifikata bħala selettiva, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, jekk il-benefiċċju tagħha jkun jiddependi minn aġir li prima facie huwa permess lil kull impriża, indipendentement mis-settur ta’ attività ta’ din tal-aħħar. Dan allegatament jirriżulta mill-konstatazzjoni tal-assenza ta’ selettività ta’ miżura nazzjonali fir-rigward tal-investituri, imwettqa fis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, EU:C:2000:467).

42

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598), tikkonferma l-pożizzjoni adottata mill-awtoritajiet Spanjoli matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, li skontha vantaġġ ekonomiku jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna biss jekk dan ikun jista’ jiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

43

Issa, matul l-imsemmija proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Spanjoli wrew in-natura ġeneralment aċċessibbli tal-miżura kontenzjuża, għar-raġuni li din ġiet applikata għal impriżi attivi f’setturi ta’ attività differenti ħafna, u b’hekk ġiet ikkonfermata l-analiżi esposta fis-sentenzi appellati u l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx uriet in-natura selettiva ta’ din il-miżura fid-deċiżjonijiet kontenzjużi.

44

L-Irlanda ssostni li, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni, mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598), u tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T‑92/00 u T‑103/00, EU:T:2002:61), kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T‑227/01 sa T‑229/01, T‑265/01, T‑266/01 u T‑270/01, EU:T:2009:315), il-Qorti Ġenerali ma ddeduċietx li huma biss il-miżuri li l-applikazzjoni tagħhom kienet marbuta man-natura tal-attivitajiet tal-impriża jew li l-applikazzjoni tagħhom kienet suġġetta għal ammont minimu kienu selettivi, iżda ddeċidiet li s-selettività ma setgħetx tiġi stabbilita fir-rigward ta’ miżura li minnha setgħu jibbenefikaw l-impriżi kollha fiskalment domiċiljati fi Spanja u li jwettqu akkwist ta’ ishma ta’ mill-inqas 5 % f’impriża barranija, indipendentement min-natura tal-attivitajiet tagħhom u mill-ammonti investiti.

45

Il-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat ruħha fuq is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), sabiex iddeċidiet li, sabiex differenzazzjoni fiskali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna, kien neċessarju li tiġi identifikata, minħabba l-proprjetajiet speċifiċi tagħhom, kategorija partikolari ta’ impriżi li jistgħu jibbenefikaw minnha. Il-kundizzjoni ta’ selettività kif imposta fl-Artikolu 107(1) TFUE barra minn hekk għandha tiġi ddefinita bl-istess mod fil-kawżi kolha li jirrigwardaw allegata għajnuna mill-Istat ta’ natura fiskali. Għaldaqstant, il-prinċipju espressament sanċit fil-punt 104 tal-imsemmija sentenza ma jistax ikun limitat għal sitwazzjoni fejn sistema fiskali, meħuda fl-intier tagħha, tkun ta’ natura selettiva.

46

L-Irlanda tqis li miżuri bħall-miżura kontenzjuża, li a priori ma teskludi ebda impriża u ebda settur ekonomiku partikolari mill-ambitu tal-benefiċjarji tagħhom, ma jistgħux jitqiesu li huma selettivi. Il-Kummissjoni barra minn hekk diġà bbażat ruħha diversi drabi fuq din il-motivazzjoni sabiex tikkaratterizza l-assenza ta’ selettività ta’ ċerti miżuri nazzjonali.

47

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-eżistenza, jekk wieħed jippreżupponi li hija stabbilita, ta’ deroga jew eċċezzjoni għall-kuntest ta’ referenza identifikat mill-Kummissjoni ma tippermettix, fiha nnifisha, li jiġi stabbilit li l-miżura kontenzjuża tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

48

Għall-kuntrarju, minn dan allegatament jirriżulta biss li din il-miżura tidher li hija sussidju. Konsegwentement, wara li tkun tfittex jekk il-miżura hijiex ta’ natura derogatorja, ikun jaqbel, konformement mal-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, mas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P,EU:C:2011:732), u hekk kif ġie wkoll ġustament deċiż mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati, li fi stadju sussegwenti wieħed jivverifika jekk il-kategorija ta’ persuni taxxabbli vvantaġġati minn miżura fiskali tiġborx fiha impriżi jew produtturi suffiċjentement speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

49

Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kategorija tal-impriżi benefiċjarji ta’ vantaġġ fiskali tkun suffiċjentement ikkaratterizzata meta l-Kummissjoni tkun waslet sabiex turi li l-vantaġġ inkwistjoni kien ta’ benefiċċju biss għall-impriżi li jappartjenu għal settur ekonomiku wieħed biss li jwettaq ċerti tranżazzjonijiet (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, EU:C:2005:774), biss għall-impriżi kkostitwiti taħt ċerta forma legali (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8), biss għal dawk li huma ta’ ċertu daqs (sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑409/00, EU:C:2003:92), jew inkella biss għall-impriżi li s-sede tagħhom kienet tinsab barra mit-territorju reġjonali (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri, C‑169/08, EU:C:2009:709).

50

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li vantaġġ fiskali li minnu kienu jibbenefikaw il-persuni taxxabbli li kienu jbigħu ċerti oġġetti ekonomiċi u li setgħu jnaqqsu l-profitt riżultanti fil-każ ta’ akkwist ta’ oġġetti ekonomiċi oħrajn kien jagħtihom vantaġġ li, bħala miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha, ma setax jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni,C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 22).

51

A fortiori, miżura fiskali, bħall-miżura kontenzjuża, li l-applikazzjoni tagħha hija marbuta b’mod ġenerali ma’ ċerta kategorija ta’ tranżazzjonijiet li taqa’ taħt id-dritt tal-kumpanniji, f’dan il-każ akkwisti ta’ ishma, li huma indipendenti mill-iskop kummerċjali u mill-attivitajiet ta’ operat tal-impriża, ma għandhiex titqies li hija selettiva.

52

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawżi preżenti jsostnu li, li kieku l-kundizzjoni dwar is-selettività tal-miżura nazzjonali għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kellha tinftiehem fis-sens wiesa’ rrakkomandat mill-Kummissjoni fl-appelli tagħha, dan ikollu l-konsegwenza li jħarbat il-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni. Fil-fatt, li kieku kellha tingħata tali portata lill-kundizzjoni ta’ selettività, il-Kummissjoni tkun tista’ tikkontrolla kważi t-totalità tal-miżuri ta’ fiskalità diretta permezz tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, filwaqt li bħala prinċipju l-fiskalità diretta taqa’ taħt il-kompetenza leġiżlattiva tal-Istati Membri.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Preliminarjament għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent irid ikun ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istat Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 24).

54

F’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minn ġurisprudenza daqstantieħor stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li għaldaqstant jirċievu trattament differenzjat li essenzjalment jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni, C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punt 36; tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 75101, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punti 53 sa 55, u tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 59).

55

Barra minn hekk, meta l-miżura inkwistjoni tkun maħsuba bħala sistema ta’ għajnuna u mhux bħala għajnuna individwali, tkun il-Kummissjoni li jkollha tistabbilixxi jekk din il-miżura, minkejja li hija tipprevedi vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħtix il-benefiċċju esklużiv lil ċerti impriżi jew lil ċerti setturi ta’ attività (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punti 4950).

56

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ miżuri nazzjonali li jagħtu vantaġġ fiskali, għandu jitfakkar li miżura ta’ din in-natura li, minkejja li ma fiha ebda trasferiment ta’ riżorsi ta’ Stat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra tista’ tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji u għaldaqstant tikkostitiwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, ma jikkostitwixxix tali għajnuna fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni vantaġġ fiskali li jirriżulta minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 18).

57

F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva”, il-Kummissjoni għandha tidentifika, l-ewwel nett, is-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat u turi, sussegwentement, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, sa fejn hija tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema komuni, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 49).

58

Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” madankollu ma jirrigwardax il-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li, fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jasal juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata peress li din tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jagħmlu parti minnha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑159/01, EU:C:2004:246, punti 4243; tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punti 6465, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C‑417/10, EU:C:2012:184, punt 40).

59

Barra minn hekk għandu jitfakkar li l-fatt li huma biss il-persuni taxxabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżura jistgħu jibbenefikaw minnha ma jistax, fih innifsu, jagħti lil din il-miżura natura selettiva (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C‑417/10, EU:C:2012:184, punt 42).

60

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq jirriżulta li l-parametru rilevanti sabiex tiġi stabbilita s-selettività tal-miżura inkwistjoni jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk din tintroduċix, bejn operaturi li fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali ġenerali kkonċernata jkunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, differenzazzjoni mhux iġġustifikata min-natura u l-istruttura ta’ din is-sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 61).

61

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kisritx l-Artikolu 107(1) TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta ddeċidiet li, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-miżura kontenzjuża kienet tagħti vantaġġ selettiv lil “ċerti impriżi jew [lil] ċerti produtturi”.

62

F’dan il-każ, il-miżura kontenzjuża tipprevedi vantaġġ fiskali li jikkonsisti fi tnaqqis tal-bażi taxxabbli mit-taxxa fuq il-kumpanniji fil-forma ta’ amortizzazzjoni tal-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma ta’ mill-inqas 5 % minn impriżi fiskalment domiċiljati fi Spanja f’impriżi fiskalment domiċiljati barrra minn dan l-Istat Membru. Din il-miżura, sa fejn hija tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-imsemmija impriżi kollha li jwettqu tali tranżazzjonijiet, għandha titqies li tista’ tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna. Għaldaqstant tkun il-Kummissjoni li jkollha tistabbilixxi li din il-miżura, minkejja l-fatt li tagħti vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħti l-benefiċċju esklużiv lil ċerti impriżi jew lil ċerti setturi ta’ attività.

63

F’dan ir-rigward, fil-punt 50 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il‑Kummissjoni kif ukoll fil-punt 54 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali esponiet li l-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi n-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi bbażat ruħha, prinċipalment, fuq il-fatt li din tikkostitwixxi deroga fir-rigward tal-kuntest ta’ referenza, sa fejn din il-miżura kellha l-konsegwenza li tapplika, għall-impriżi taxxabbli fi Spanja li jwettqu akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji stabbiliti barra mill-pajjiż, trattament fiskali distint minn dak applikat għall-impriżi taxxabbli fi Spanja li jwettqu tali akkwisti f’kumpanniji stabbiliti fi Spanja, minkejja li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmi kuntest ta’ referenza, jiġifieri s-sistema ġenerali Spanjola tat-taxxa fuq il-kumpanniji u, b’mod iktar preċiż, ir-regoli dwar it-trattament fiskali tal-avvjament finanzjarju li jinsabu fl-imsemmija sistema ta’ taxxa.

64

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 51 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punt 55 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, li l-Kummissjoni kienet għaldaqstant applikat il-metodu ta’ analiżi li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali mfakkra, rispettivament, fil-punti 29 sa 33 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 33 sa 37 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, li essenzjalment tikkorrispondi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 53 sa 60 tas-sentenza preżenti.

65

Issa, fil-punti 44, 45, 52 u 53 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il‑Kummissjoni kif ukoll fil-punti 48, 49, 56 u 57 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eżistenza, anki jekk wieħed jippreżupponi li hija stabbilita, ta’ deroga jew ta’ eċċezzjoni għall-kuntest ta’ referenza identifikat mill-Kummissjoni, waħedha ma kinitx tippermetti li jiġi stabbilit li l-miżura kontenzjuża kienet tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li din il-miżura kienet aċċessibbli, a priori, għal kull impriża u ma kinitx tirrigwarda kategorija partikolari ta’ impriżi, li allegatament kienu l-uniċi li ġew iffavoriti minn din il-miżura, iżda kategorija ta’ tranżazzjonijiet ekonomiċi.

66

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li dan ir-raġunament jistrieħ fuq applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni ta’ selettività prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, kif ġiet imfakkra fis-sentenza preżenti.

67

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 53 sa 60 tas-sentenza preżenti, fir-rigward ta’ miżura nazzjonali li tagħti vantaġġ fiskali ta’ portata ġenerali, bħall-miżura kontenzjuża, din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta meta l-Kummissjoni tasal sabiex turi li din il-miżura tidderoga mis-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u b’hekk, permezz tal-effetti konkreti tagħha, tintroduċi trattament differenzjat bejn operaturi, minkejja li l-operaturi li jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali u dawk li jiġu esklużi minnu jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema fiskali ta’ dan l-Istat Membru, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

68

Mis-sentenzi appellati jirriżulta li fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, sabiex tistabbilixxi n-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-inugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi residenti li din il-miżura kienet iġġib magħha. Fil-fatt, b’applikazzjoni tagħha, huma biss l-impriżi residenti li jakkwistaw ishma ta’ mill-inqas 5% fil-kumpanniji barranin li setgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali inkwistjoni, filwaqt li l-impriżi residenti li jwettqu tali akkwist ta’ ishma f’impriżi taxxabbli fi Spanja ma setgħux jiksbu dan il-vantaġġ, minkejja l-fatt li, skont il-Kummissjoni, huma kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema fiskali komuni Spanjola.

69

Issa, il-Qorti Ġenerali qieset li l-miżura kontenzjuża, peress li ma kienet tikkonċerna ebda kategorija partikolari ta’ impriżi jew ta’ produtturi, peress li l-applikazzjoni tagħha kienet indipendenti min-natura tal-attività tal-impriżi jew peress li hija kienet aċċessibbli, a priori jew potenzjalment, għall-impriżi kollha li xtaqu jiksbu ishma ta’ mill-inqas 5 % f’kumpanniji barranin u li jżommu dawn l-ishma b’mod mhux interrott għal mill-inqas sena, kellha titqies mhux bħala miżura selettiva, iżda bħala miżura ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 tas-sentenza preżenti. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

70

Għaldaqstant, fil-punti 41, 45, 67 u 68 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 45, 49, 71 u 72 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fir-rigward ta’ miżura a priori aċċessibbli għal kull impriża, sabiex il-kundizzjoni ta’ selettività ta’ miżura nazzjonali għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ għajnuna mill-Istat tkun issodisfatta, għandha fi kwalunkwe każ tiġi identifikata kategorija partikolari ta’ impriżi, li huma l-uniċi impriżi ffavoriti mill-miżura inkwistjoni u li jistgħu jiġu distinti minħabba proprjetajiet speċifiċi, komuni u proprji għalihom.

71

Madankollu, tali rekwiżit addizzjonali ta’ identifikazzjoni ta’ kategorija partikolari ta’ impriżi, li jiżdied mal-metodu ta’ analiżi applikabbli għas-selettività fil-qasam fiskali li jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, liema rekwiżit essenzjalment jikkonsisti fit-tiftix ta’ jekk l-esklużjoni ta’ ċerti operaturi mill-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali li jirriżulta minn miżura li tidderoga minn sistema komuni fiskali tikkostitwixxix trattament diskriminatorju fir-rigward tagħhom, ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732).

72

Ċertament, fil-punt 104 ta’ din is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, sabiex ikunu jistgħu jiġu rrikonoxxuti li jagħtu vantaġġi selettivi, il-kriterji li jikkostitwixxu l-bażi taxxabbli meqjusa minn sistema fiskali għandhom ikunu ta’ natura li jikkaratterizzaw lill-impriżi benefiċjarji permezz tal-proprjetajiet li huma speċifiċi għalihom bħala kategorija privileġġata, u b’hekk tali sistema tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala waħda li tiffavorixxi “ċerti” impriżi jew “ċerti” produtturi, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

73

Madankollu, din il-motivazzjoni tas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), għandha tinqara fil-kuntest tal-motivazzjonijiet kollha li tagħmel parti minnhom din il-motivazzjoni u li jidhru fil-punti 87 sa 108 ta’ din is-sentenza.

74

Għaldaqstant, minn qari ta’ dawn il-motivazzjonijiet kollha jirriżulta li l-miżura inkwistjoni fl-imsemmija sentenza kienet tippreżenta ruħha mhux fil-forma ta’ vantaġġ fiskali li jidderoga minn sistema fiskali komuni, iżda fil-forma tal-applikazzjoni ta’ sistema fiskali “ġenerali” li tistrieħ fuq kriterji li fihom innifishom huma ta’ natura ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura ta’ din is-sistema ma kinitx tmur kontra l-konstatazzjoni tan-natura selettiva tal-miżura inwistjoni, kuntrarjament għal dak li kienet iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, peress li l-kundizzjoni dwar is-selettività għandha portata iktar wiesgħa li tinkludi miżuri li, permezz tal-effetti tagħhom, jiffavorixxu ċerti impriżi, f’dan il-każ kumpanniji “offshore”, minħabba karatteristiċi proprji u speċifiċi għal dawn l-impriżi. L-imsemmija miżura għaldaqstant kienet twettaq diskriminazzjoni fattwali bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’dan il-każ dak li tiġi introdotta taxxa ġeneralizzata fuq il-kumpanniji residenti kollha.

75

Għall-kuntrarju, hekk kif diġà ġie espost fil-punt 63 tas-sentenza preżenti, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi l-Kummissjoni, sabiex tiġi stabbilita n-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, ibbażat ruħha prinċipalment fuq ir-raġuni tal-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta minn din il-miżura, sa fejn din tagħti vantaġġ fiskali lil ċerti impriżi residenti u mhux lil oħrajn li jaqgħu taħt is-sistema fiskali komuni li minnha tidderoga l-miżura kontenzjuża.

76

Minkejja li għaldaqstant, mis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), jirriżulta li s-selettività ta’ miżura fiskali tista’ tiġi stabbilita anki jekk din ma tkunx tikkostitwixxi deroga mis-sistema komuni fiskali, iżda tagħmel parti integrali minnha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din is-sentenza tidħol fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 57 tas-sentenza preżenti, li tgħid li, sabiex tiġi stabbilita s-selettività ta’ miżura derogatorja minn sistema fiskali komuni, huwa biżżejjed li jintwera li din tagħti benefiċċju lil ċerti operaturi iżda mhux lil oħrajn, filwaqt li dawn l-operaturi kollha jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema fiskali komuni.

77

Fil-fatt, minkejja li sabiex tiġi stabbilita s-selettività ta’ miżura fiskali ma huwiex dejjem neċessarju li din tkun ta’ natura derogatorja meta mqabbla mas-sistema fiskali komuni, il-fatt li din hija ta’ tali natura huwa tabilħaqq rilevanti għal dawn l-għanijiet meta minn dan jirriżulta li żewġ kategoriji ta’ operaturi huma distinti u a priori huma suġġetti għal trattament differenzjat, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-miżura derogatorja u dawk li jibqgħu jaqgħu taħt is-sistema fiskali komuni, minkejja l-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema.

78

Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati, għall-finijiet tal-istabbiliment tas-selettività ta’ tali miżura, lanqas ma jista’ jinħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika ċerti karatteristiċi proprji u speċifiċi, komuni għall-impriżi li jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali, li jippermettu li dawn jiġu distinti minn dawk li huma esklużi minnu.

79

Fil-fatt, l-importanti għal dan il-għan huwa biss il-fatt li l-miżura, irrispettivament mill-forma tagħha jew mit-teknika leġiżlattiva użata, ikollha bħala effett li tqiegħed lill-impriżi benefiċjarji f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik ta’ impriżi oħrajn, minkejja l-fatt li dawn l-impriżi kollha jkunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema fiskali inkwistjoni.

80

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li n-numru ta’ impriżi li jistgħu jkunu intitolati li jibbenefikaw minn miżura nazzjonali huwa sinjifikattiv ħafna, jew li dawn l-impriżi jappartjenu għal setturi ta’ attività diversi, ma huwiex biżżejjed sabiex iqiegħed inkwistjoni n-natura selettiva ta’ din il-miżura u, għaldaqstant, sabiex jeskludi l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummisjoni, C‑409/00, EU:C:2003:92, punt 48, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 50).

81

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 53 sa 58 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 57 sa 62 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, l-eventwali natura selettiva tal-miżura kontenzjuża bl-ebda mod ma hija kkontestata mill-fatt li l-kundizzjoni essenzjali għall-ksib tal-vantaġġ fiskali mogħti minn din il-miżura tkun tirrigwarda tranżazzjoni ekonomika, b’mod iktar partikolari “tranżazzjoni purament finanzjarja”, li ma fihiex ammont minimu ta’ investiment u li hija indipendenti min-natura tal-attività tal-impriżi benefiċjarji.

82

F’dan il-kuntest, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punt 61 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, mill-punt 36 tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598), li skontu miżuri ma humiex selettivi meta huma jkunu japplikaw għall-impriżi kollha li jinsabu fit-territorju nazzjonali, “indipendentement mill-għan tal-attività tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma jistax jiġi dedott li miżura li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti min-natura tal-attività tal-impriża ma hijiex, a priori, selettiva.

83

Fil-fatt, minn qari tal-motivazzjonijiet kollha ta’ din is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598) jirriżulta li, f’dan il-punt 36, moqri fid-dawl tal-punt 35 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li miżuri nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, ma kinux ta’ natura selettiva peress li dawn kienu japplikaw mingħajr distinzjoni għall-impriżi kollha tal-Istat Membru kkonċernat u għaldaqstant kienu jikkostitwixxu miżura ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 tas-sentenza preżenti.

84

Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li minkejja li fil-punt 36 tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-għan tal-attività tal-impriżi li jibbenefikaw mill-miżuri nazzjonali, tali riferiment jispjega ruħu fit-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li dan ir-riferiment huwa assenti mis-sentenzi sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jfakkru l-imsemmi prinċipju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 73, kif ukoll tad‑29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C‑417/10, EU:C:2012:184, punt 39).

85

Barra minn hekk, huwa minnu, hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 66 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punt 70 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, li fil-punt 42 tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia (C‑417/10, EU:C:2012:184) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li huma biss il-persuni taxxabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ kisba tal-miżura kkonċernata f’din il-kawża li setgħu jibbenefikaw minn din il-miżura ma jistax, fih innifsu, jagħtiha natura selettiva. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, fl-istess punt 42, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod espress ippreċiżat li din l-assenza ta’ natura selettiva kienet tirriżulta mill-konstatazzjoni li l-persuni li ma setgħux ikunu intitolati li jibbenefikaw mill-miżura kkonċernata ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli għal dik tal-persuni taxxabbli li setgħu jkunu intitolati għalih, fir-rigward tal-għan imfittex mil-leġiżlatur nazzjonali.

86

Minn dan jirriżulta li kundizzjoni ta’ applikazzjoni jew ta’ kisba ta’ għajnuna fiskali tista’ tkun ta’ bażi għan-natura selettiva ta’ din l-għajnuna, jekk din il-kundizzjoni twassal sabiex titwettaq differenzazzjoni bejn impriżi li madankollu, fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema fiskali inkwistjoni, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, u jekk għaldaqstant hija tiżvela diskriminazzjoni fir-rigward tal-impriżi li huma esklużi minnha.

87

Barra minn hekk, minkejja li, hekk kif tenfasizza l-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati, il-vantaġġ fiskali li ġġib magħha l-miżura kontenzjuża jista’ jinkiseb mingħajr ma jiġi investit ammont minimu u għaldaqstant, minħabba f’hekk, din il-miżura ma tirriżervax il-benefiċċju tagħha għal impriżi li għandhom ir-riżorsi finanzjarji suffiċjenti, dawn il-fatti ma jikkontestawx ir-rikonoxximent ta’ eventwali natura selettiva tagħha għal raġunijiet oħra, bħall-fatt li l-impriżi residenti li jwettqu akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji fiskalment domiċiljati fi Spanja ma setgħux jiksbu dan il-vantaġġ.

88

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddeċidiet li miżura fiskali, li minnha kienu jibbenefikaw biss l-impriżi li jwettqu t-tranżazzjonijiet li hija kienet tkopri u mhux l-impriżi tal-istess settur li ma jwettqux dawn it-tranżazzjonijiet, setgħet tkun ta’ natura selettiva mingħajr ma kien hemm lok li jiġi evalwat jekk din il-miżura kinitx ta’ benefiċċju ikbar għall-impriżi ta’ daqs kbir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, EU:C:2005:774, punti 47 sa 50).

89

Kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali sostniet fil-punti 59 sa 62 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 63 sa 66 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, ebda indikazzjoni kuntrarja fir-rigward tal-analiżi tal-kundizzjoni dwar is-selettività ta’ miżura fiskali ma tirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, EU:C:2000:467).

90

Fil-fatt, mill-punti 22 u 23 tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, EU:C:2000:467) jirriżulta li, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala selettiva fir-rigward ta’ ċerti impriżi ġeografikament ċirkoskritti li fihom investituri privati kienu investew mill-ġdid il-profitti provenjenti minn bejgħ ta’ oġġetti ekonomiċi u mhux fir-rigward tal-imsemmija investituri stess, li għalihom hija kienet qieset li din il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna, peress li, bħala miżura ġenerali, din kienet ta’ benefiċċju għall-operaturi kollha mingħajr distinzjoni, evalwazzjoni li barra minn hekk ma kinitx ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għaldaqstant din tal-aħħar ma kinitx obbligata tagħti deċiżjoni dwarha.

91

Fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjoni tal-imsemmija investituri privati ma tistax tiġi assimilata għal dik tal-impriżi residenti li jistgħu jibbenefikaw mill-miżura kontenzjuża.

92

Fil-fatt, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, sabiex tikklassifika l-miżura kontenzjuża bħala miżura selettiva l-Kummissjoni invokat il-fatt li l-vantaġġ fiskali mogħti minn din il-miżura ma kienx jagħti benefiċċju mingħajr distinzjoni lill-operaturi ekonomiċi kollha li jinsabu oġġettivament f’sitwazzjoni komparabbli, fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema fiskali komuni Spanjola, peress li l-impriżi residenti li jwettqu akkwisti ta’ ishma tal-istess tip f’kumpanniji fiskalment domiċiljati fi Spanja ma setgħux jiksbu dan il-vantaġġ. Il-Kummissjoni sussegwentement qieset li l-ġustifikazzjoni ta’ din id-differenzazzjoni bejn l-operaturi, invokata mir-Renju ta’ Spanja, ibbażata fuq in-natura jew fuq l-istruttura ġenerali tas-sistema li tagħmel parti minnha l-imsemmija miżura, ma setgħetx tintlaqa’.

93

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta annullat parzjalment id-deċiżjonijiet kontenzjużi għar-raġuni li l-Kummissjoni allegatament ma kinitx iddeterminat kategorija partikolari ta’ impriżi li ġew iffavoriti permezz tal-miżura fiskali inkwistjoni, mingħajr ma vverifikat jekk, fl-applikazzjoni tal-metodu ta’ eżami mfakkar fil-punti 29 sa 33 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 33 sa 37 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni u li għandu jintuża sabiex tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar is-selettività tal-miżura kontenzjuża, il-Kummissjoni kinitx effettivament analizzat u stabbilixxiet in-natura diskriminatorja ta’ din il-miżura.

94

Minkejja li, ċertament, dan l-eżami għandu jitwettaq b’mod rigoruż u suffiċjentement motivat sabiex jippermetti stħarriġ ġudizzjarju komplet, b’mod partikolari fuq in-natura komparabbli tas-sitwazzjoni tal-operaturi li jibbenefikaw mill-miżura ma’ dik tal-operaturi li huma esklużi minnha u, jekk ikun il-każ, fuq il-ġustifikazzjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament invokata mill-Istat Membru kkonċernat, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma wettqitx tali verifika u billi fis-sentenzi appellati ddeċidiet li l-metodu ta’ eżami applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, sa fejn ma kienx jinkludi d-determinazzjoni ta’ kategorija partikolari ta’ impriżi li kienu l-uniċi li ġew iffavoriti mill-miżura fiskali inkwistjoni, wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni dwar is-selettività kif imposta fl-Artikolu 107(1) TFUE.

95

Konsegwentment, l-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-Kummissjoni huwa fondat.

Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku

L-argumenti tal-partijiet

96

Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar l-għajnuna għall-esportazzjoni u introduċiet distinzjoni artifiċjali bejn l-għajnuna għall-esportazzjoni u l-għajnuna għall-esportazzjoni ta’ kapital.

97

Fir-rigward, fl-ewwel nett, tal-ġurisprudenza dwar l-għajnuna għall-esportazzjoni invokata fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, b’mod partikolari s-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza (6/69 u 11/69, mhux ippubblikata, EU:C:1969:68), tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (57/86, EU:C:1988:284), u tal‑15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑501/00, EU:C:2004:438), il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta fil-punti 69 sa 76 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il‑Kummissjoni kif ukoll fil-punti 73 sa 80 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni ddeċidiet li din il-ġurisprudenza ma tittrattax il-kundizzjoni dwar is-selettività ta’ miżura nazzjonali, iżda tittratta biss dik dwar il-fatt li l-kompetizzjoni u l-kummerċ huma affettwati.

98

Mis-sentenzi ċċitati fil-punt ta’ qabel dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-miżuri fiskali kkonċernati kienu ta’ natura selettiva, peress li l-benefiċċju tagħhom kien irriżervat għall-impriżi li jwettqu tranżazzjonijiet barra mill-pajjiż, bħal investimenti, u mhux għall-impriżi li jwettqu tranżazzjonijiet simili ta’ portata nazzjonali. Minn dan jirriżulta li kull miżura li hija ta’ benefiċċju għat-tranżazzjonijiet transkonfinali, iżda li teskludi l-istess tranżazzjonijiet ta’ portata nazzjonali, hija selettiva.

99

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 79 sa 81 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 83 sa 85 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, introduċiet distinzjoni artifiċjali bejn l-għajnuna għall-esportazzjoni u l-għajnuna għall-esportazzjoni ta’ kapital billi qieset li mill-ġurisprudenza dwar l-għanjuna għall-esportazzjoni invokata fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, b’mod partikolari mis-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza (6/69 u 11/69, mhux ippubblikata, EU:C:1969:68), tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (57/86, EU:C:1988:284), u tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑501/00, EU:C:2004:438) jirriżulta li “il-kategorija ta’ impriżi benefiċjarji li [kienet] tippermetti li jiġi deċiż favur is-selettività tal-miżura [kontenzjuża] kienet ikkostitwita mill-kategorija ta’ impriżi esportaturi”, kategorija li tiġbor fiha impriżi li setgħu jkunu distinti minħabba karatteristiċi komuni marbuta mal-attività ta’ esportazzjoni tagħhom.

100

Skont il-Kummissjoni, l-impriżi kkonċernati mill-miżura kontenzjuża jikkostitwixxu kategorija distinta ta’ impriżi, jiġifieri dik tal-impriżi li jesportaw il-kapital, peress li dawn jikkondividu karatteristiċi speċifiċi komuni marbuta mal-attività tagħhom ta’ esportazzjoni ta’ kapital.

101

Hija tqis li, peress li, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar is-selettività ma teżisti ebda differenza bejn l-esportazzjoni ta’ oġġetti u l-esportazzjoni ta’ kapital, il-miżura kontenzjuża kienet ta’ natura selettiva bl-istess mod bħall-miżuri inkwistjoni fil-ġurisprudenza dwar l-għajnuna għall-esportazzjoni invokata fid-deċiżjonijiet kontenzjużi.

102

Il-Kummissjoni tqis li l-kategorija tal-impriżi esportaturi lanqas ma teżisti, barra mill-grupp kompost minn impriżi li jwettqu tranżazzjonijiet transkonfinali. Kull impriża ta’ Stat Membru tista’ twettaq tranżazzjoni transkonfinali u, għaldaqstant, tibbenefika minn skema ta’ għajnuna għall-esportazzjoni. Hija tqis li n-natura selettiva ta’ miżura nazzjonali tista’ tingħata permezz tal-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju tagħha, minħabba t-twettiq ta’ tranżazzjoni ta’ esportazzjoni, ta’ oġġetti, ta’ servizzi jew ta’ kapital, u mhux minħabba l-fatt li l-impriżi kkonċernati jkunu jaqgħu taħt allegat settur ta’ esportazzjoni.

103

Għaldaqstant, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑501/00, EU:C:2004:438), f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ineżami, il-Qorti Ġenerali messha qieset li l-Kummissjoni ġustament kienet stabbilixxiet in-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża minħabba l-fatt li l-benefiċċju tagħha kien riżervat għal ċerti impriżi, jiġifieri dawk li kienu jwettqu attivitajiet ta’ esportazzjoni ta’ kapital.

104

Fl-aħħar nett, l-approċċ miżmum mill-Qorti Ġenerali imur kontra r-rwol u l-għan tal-kumpless ta’ regoli tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-protezzjoni tas-suq intern. Dan il-kumpless ta’ regoli għandu l-għan li jevita li l-Istati Membri jagħtu vantaġġi ekonomiċi marbuta speċifikament mal-esportazzjoni ta’ oġġetti jew ta’ kapital. Issa, il-fatt li tiġi ffavorita speċifikament l-esportazzjoni ta’ kapital jista’ joħloq distorsjonijiet fis-suq intern bl-istess mod li joħloq il-fatt li tiġi ffavorita speċifikament l-esportazzjoni ta’ oġġetti.

105

WDFG kif ukoll Banco Santander u Santusa jirribattu li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja invokati fid-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jirrigwardaw mhux il-kundizzjoni ta’ selettività, iżda dik dwar il-fatt li l-kummerċ huwa affettwat.

106

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li, fil-ġurisprudenza dwar l-għajnuna għall-esportazzjoni invokata fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, b’mod partikolari s-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1969, Il‑Kummissjoni vs Franza (6/69 u 11/69, mhux ippubblikata, EU:C:1969:68), tas‑7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (57/86, EU:C:1988:284), u tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑501/00, EU:C:2004:438), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-miżuri inkwistjoni kienu ta’ natura selettiva, prinċipalment minħabba l-karatteristiċi komuni tal-impriżi benefiċjarji, li kien jippermetti li dawn jitqiesu bħala li jagħmlu parti minn settur iddefinit tal-ekonomija, jiġifieri dak tal-esportazzjoni, b’mod partikolari l-esportazzjoni ta’ oġġetti. Il-miżuri inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għall-imsemmija sentenzi ffavorixxew lil impriżi li kienu jikkaratterizzaw ruħhom mill-fatt li huma kienu jesportaw parti ftit jew wisq sinjifikattiva tal-oġġetti tagħhom jew tas-servizzi tagħhom.

107

WDFG kif ukoll Banco Santander u Santusa jsostnu li l-miżura kontenzjuża, barra minn hekk, ma tistax titqies li hija selettiva minħabba li hija tapplika għall-kategorija ta’ impriżi msejħa “esportaturi ta’ kapital”.

108

Tali kategorija ma teżistix u l-Kummissjoni la invokatha fid-deċiżjonijiet kontenzjużi u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan l-argument huwa allegatament inammissibbli fl-istadju tal-appell, peress li din hija kwistjoni ta’ fatt li barra minn hekk hija invokata b’mod tardiv. Barra minn hekk dan allegatament imur kontra l-argument prinċipali tal-Kummissjoni, li jgħid li din ma hijiex obbligata tidentifika kategorija ta’ impriżi kkonċernata minn miżura sabiex tiġi stabbilita s-selettività ta’ din il-miżura.

109

Fi kwalunkwe każ, WDFG kif ukoll Banco Santander u Santusa jsostnu li s-selettività ta’ miżura nazzjonali ma tistax titfittex abbażi ta’ karatteristiċi bħall-kapital ta’ impriża jew il-kapaċità ta’ investiment tagħha, peress li dawn il-karatteristiċi huma inerenti għal kull impriża.

110

Barra minn hekk, ir-regoli fil-qasam ta’ moviment liberu tal-kapital ma jipprekludux miżura bħall-miżura kontenzjuża. Li kieku din il-miżura kellha trattament differenti li jiffavorixxi l-akkwisti ta’ ishma barra mill-pajjiż, dan l-iktar l-iktar ikun diskriminazzjoni inversa li hija kompatibbli mal-libertajiet fundamentali.

111

Ir-Renju ta’ Spanja jtenn il-pożizzjoni tiegħu, diġà mressqa matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, li tgħid li ma teżistix attività ekonomika li tikkonsisti fl-esportazzjoni ta’ kapital. Il-miżura kontenzjuża ma tiffavorixxix ċerti impriżi jew ċerti produtturi, sa fejn hija ma tirrigwardax l-offerta ta’ oġġetti u ta’ servizzi fis-suq.

112

L-Irlanda ssostni li s-sentenzi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jikkonċernaw miżuri li kienu jiffavorixxu kategorija identifikabbli b’ċertu faċilità ta’ impriżi jew ta’ produtturi, jiġifieri dik li tikkostitwixxi s-settur tal-esportazzjoni. Għall-kuntrarju, ma teżistix kategorija uniformi ta’ impriżi li “jesportaw kapital”, peress li kull impriża li twettaq akkwist barra mill-pajjiż “tesporta kapital”.

113

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-fatt li l-Kummissjoni ssostni b’mod sussidjarju li l-miżura kontenzjuża hija komparabbli ma’ miżura ta’ għajnuna għall-esportazzjoni ta’ oġġetti u għaldaqstant tikkonċerna wkoll il-kategorija suffiċjentement delimitata tal-impriżi esportaturi għandha titqies bħala motivazzjoni komplementari u a posteriori tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Hija tqis li dan l-argument għandu jitqies bħala inammissibbli fl-istadju tal-appell.

114

Skont dan l-Istat Membru, il-kategorija tal-impriżi esportaturi inkwistjoni fil-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet kontenzjużi tiddistingwi ruħha mill-impriżi l-oħrajn minħabba karatteristiċi komuni marbuta mal-attività tagħhom ta’ esportazzjoni li, f’xi każijiet, kienet assoċjata mat-twettiq ta’ investimenti speċifiċi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

115

Fir-rigward, tal-ġurisprudenza dwar l-għajnuna għall-esportazzjoni invokata fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, b’mod partikolari s-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza (6/69 u 11/69, mhux ippubblikata, EU:C:1969:68), tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (57/86, EU:C:1988:284), u tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑501/00, EU:C:2004:438), għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 126 sa 130 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta fil-punti 69 sa 76 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 73 sa 80 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, iddeċidiet li din il-ġurisprudenza ma tittrattax il-kundizzjoni dwar is-selettività ta’ miżura nazzjonali, iżda tittratta biss il-kundizzjoni dwar il-fatt li l-kompetizzjoni u l-kummerċ huma affettwati.

116

Fil-fatt, fil-punt 20 tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza (6/69 u 11/69, mhux ippubblikata, EU:C:1969:68), u fil-punt 8 tas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (57/86, EU:C:1988:284), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li kkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, neċessarjament iddeċidiet li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’dan ir-rigward fl-Artikolu 107(1) TFUE, inkluża dik dwar is-selettività, kienu ssodisfatti. Barra minn hekk, fil-punt 120 tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑501/00, EU:C:2004:438), filwaqt li rreferiet, b’mod partikolari, għaż-żewġ sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha b’mod espress dwar is-selettività tal-miżura nazzjonali eżaminata billi qieset li, f’dan il-każ, din irriżultat mill-fatt li huma biss l-impriżi li għandhom attivitajiet ta’ esportazzjoni u li jwettqu ċerti tranżazzjonijiet ta’ investiment barra mill-pajjiż li kienu jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali li din il-miżura kienet tagħti.

117

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll billi, fil-punti 77 sa 82 tas-sentenza appellata Autogrill España vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 81 sa 86 tas-sentenza appellata Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, qieset li l-ġurisprudenza dwar l-għajnuna għall-esportazzjoni invokata fid-deċiżjoni kontenzjuża kellha tinftiehem fis-sens li l-kategorija tal-impriżi benefiċjarji li fir-rigward tagħha għandha tiġi eżaminata n-natura selettiva ta’ skemi ta’ għajnuna għall-esportazzjoni kienet dik ikkostitwita mill-“impriżi esportaturi”, li għandhom jiġu ddefiniti bħala kategorija, ċertament estremament wiesgħa iżda daqstantieħor partikolari, li tiġbor fiha l-impriżi li setgħu jiġu distinti minħabba karatteristiċi komuni u speċifiċi marbuta mal-attività tagħhom ta’ esportazzjoni.

118

Fil-fatt, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 133 sa 136 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-ġurisprudenza ma tistax tinftiehem fis-sens li n-natura selettiva ta’ miżura nazzjonali għandha neċessarjament tirriżulta mill-fatt li din hija ta’ benefiċċju biss għall-impriżi li jesportaw oġġetti jew servizzi, minkejja li, fil-fatt, dan seta’ kien il-każ fir-rigward tal-miżuri fiskali partikolari inkwistjoni fis-sentenzi kkonċernati.

119

Għall-kuntrarju, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji sanċiti mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà mfakkra fil-punti 53 sa 60 tas-sentenza preżenti u li japplikaw b’mod sħiħ għall-għajnuna fiskali għall-esportazzjoni, miżura bħall-miżura kontenzjuża intiża li tiffavorixxi l-esportazzjonijiet tista’ titqies li hija selettiva jekk hija tkun tagħti benefiċċju lill-impriżi li jwettqu tranżazzjonijiet transkonfinali, b’mod partikolari tranżazzjonijiet ta’ investiment, għad-detriment ta’ impriżi oħra li, filwaqt li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, fir-rigward tal-għan imfittex mill-iskema fiskali kkonċernata, iwettqu tranżazzjonijiet tal-istess natura fit-territorju nazzjonali.

120

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-aggravju uniku huwa fondat ukoll.

121

Konsegwentement, peress li l-aggravju uniku tal-Kummissjoni huwa fondat fiż-żewġ partijiet tiegħu, hemm lok li s-sentenzi appellati jiġu annullati.

Fuq ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali

122

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

123

Dan ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami, peress li l-Qorti Ġenerali laqgħet iż-żewġ rikorsi għal annullament mingħajr ma eżaminat tlieta mill-erba’ motivi invokati f’kull wieħed minn dawn ir-rikorsi, motivi li jikkoinċidu biss parzjalment, u mingħajr ma eżaminat, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv tal-imsemmija rikorsi, jekk l-impriżi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-ksib tal-vantaġġ fiskali mogħti mill-miżura kontenzjuża kinux jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex mill-iskema fiskali kkonċernata, f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli ma’ dik tal-impriżi li din il-miżura tiffavorixxi. Barra minn hekk, l-eżami ta’ dawn il-motivi jista’ jinvolvi l-evalwazzjoni ta’ elementi fattwali. Għaldaqstant il-kawżi għandhom jiġu rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

124

Peress li l-kawżi ġew irrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

125

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju ta’ Spanja, li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

1)

Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas‑7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il-Kummissjoni (T‑219/10, EU:T:2014:939), kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni (T‑399/11, EU:T:2014:938), huma annullati.

 

2)

Il-kawżi huma rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

4)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.