KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑339/15

Openbaar Ministerie

vs

Luc Vanderborght

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-qorti ta’ prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-fornituri ta’ kura dentali milli jirreklamaw mal-pubbliku għas-servizzi tagħhom — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi r-rekwiżiti ta’ diskrezzjoni li għandha tosserva t-tabella ta’ klinika dentali — Kompatibbiltà — Artikoli 49 u 56 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Eżistenza ta’ element ta’ estranjetà — Restrizzjoni — Protezzjoni tas-saħħa pubblika — Proporzjonalità — Direttiva 2000/31/KE — Kummerċ elettroniku — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 3(3) — Esklużjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa — Artikolu 3(8) — Esklużjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-professjonijiet irregolati — Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Artikolu 3(1) — Klawżola tas-suq intern — Applikabbiltà tas-sistema legali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur — Artikolu 8 — Restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informatika sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-regoli professjonali”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippronunzja ruħha għal darba oħra fuq il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Belġjana li tirregola, b’mod strett ħafna, il-pubbliċità fil-qasam tal-kura dentali, fid-dawl kemm tad-dritt primarju, u b’mod partikolari tar-regoli li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll tad-dritt sekondarju applikabbli għall-prattiki kummerċjali żleali u għall-kummerċ elettroniku.

2.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, diġà ppronunzjat ruħha fuq il-kompatibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet minn din il-leġiżlazzjoni fid-dawl tar-regoli tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu l-akkordji u l-prattiki miftiehma bejn l-impriżi fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Marzu 2008, Doulamis ( 2 ).

3.

Din il-kawża ssib l-oriġini tagħha fil-kawżi kriminali mibdija fil-Belġju kontra Luc Vanderborght, dentist ġeneralist, li kien akkużat li bejn l-1 ta’ Marzu 2003 u l-24 ta’ Jannar 2014, għamel reklamar għas-servizzi ta’ kura dentali li huwa joffri, u dan kontra l-leġiżlazzjoni Belġjana.

4.

L-Artikolu 8d tal-Koninklijk besluit houdende reglement op de beoefening der tandheelkunde (digriet irjali li jirregola l-eżerċizzju tad-dentistrija) tal-1 ta’ Ġunju 1934 ( 3 ), fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali ( 4 ), jelenka, fil-fatt, ir-rekwiżiti ta’ diskrezzjoni li jridu josservaw dawk li jipprovdu kura dentali meta huma jwaħħlu, fid-daħla tal-bini li fih huma jipprattikaw il-professjoni tagħhom, plakka jew kitba, u dan sabiex jipproteġu d-dinjità tal-professjoni tagħhom.

5.

Din id-dispożizzjoni tipprovdi hekk:

“Bħala indikazzjoni lill-pubbliku, huwa permess li fil-bini fejn persuna kkwalifikata […] teżerċita l-professjoni dentali, titwaħħal kitba jew plakka ta’ daqs u aspetti diskreti, li jkun fiha l-isem tal-prattikant u eventwalment il-kwalifikazzjoni legali tiegħu, il-ġranet u l-ħinijiet ta’ konsultazzjoni, l-isem tal-impriża jew tal-organu tal-kura li fi ħdanu l-prattikant jeżerċita l-attività professjonali tiegħu; hija tista’ ssemmi wkoll l-ispeċjalizzazzjoni dentali eżerċitata mill-prattikant: dentistrija operatorja, proteżi dentali, ortodontrija, kirurġija dentali.

[…]”

6.

F’dan il-każ, L. Vanderborght kien akkużat talli, fid-daħla tal-klinika tieħu, waħħal, għall-vista tal-pubbliku, tabella pubbliċitarja kbira ta’ daqs u aspetti neqsin minn kull diskrezzjoni. Din it-tabella kien fiha tliet uċuħ stampati, kull wieħed minnhom 47 ċentimetru għoli u 75 ċentimetru wiesa’, li fuqhom kien jidher l-isem tal-prattikant, il-kwalità tiegħu ta’ dentist kif ukoll is-sit internet u d-dettalji tat-telefon tal-klinika dentali.

7.

L-Artikolu 1 tal-Wet bettreffende de publiciteit inzake tandverzorging (liġi dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali), tal-15 ta’ April 1958 ( 5 ), fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali ( 6 ), jipprojbixxi, min-naħa tiegħu, lill-fornituri ta’ kura dentali, fil-kuntest ta’ professjoni libera jew klinika dentali, li jagħmlu kwalunkwe reklamar li jkun lill-pubbliku, direttament jew indirettament, għas-servizzi tagħhom.

8.

Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

“Ħadd ma jista’, direttament jew indirettament, jinvolvi ruħu f’reklamar li jkun għal xi trattament jew biex jiġu ttrattati minn persuna kkwalifikata jew le, fil-Belġju jew barra mill-pajjiż, mard, leżjonijiet jew abnormalitajiet tal-ħalq u tas-snien, b’mod partikolari permezz ta’ tabelli jew sinjali, kitbiet jew plakek li jistgħu jingannaw fuq in-natura legali tal-attività rreklamata, volantini, ċirkolari, karti jew fuljetti, permezz tal-istampa, ir-radju jew iċ-ċinema […]”

9.

F’dan il-każ, L. Vanderborght kien akkużat li daħħal messaġġi ta’ reklamar fil-ġurnali lokali u rrakkomanda, permezz tas-sit internet tiegħu, l-għarfien tiegħu fil-kura dentali, billi uża, għal dan il-għan, ritratti “qabel u wara” kif ukoll xhieda ta’ pazjenti li jsemmu d-differenza fis-servizz fil-konfront ta’ trattamenti mogħtija minn dentisti oħrajn.

10.

F’din il-kawża, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-qorti tal-prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju), fil-kompetenza kriminali tagħha, tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn il-prosekuzzjonijiet kriminali mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw, fl-ewwel lok, il-prattiki kummerċjali żleali u stabbiliti fid-Direttiva 2005/29/KE ( 7 ), fit-tieni lok, il-kummerċ elettroniku u stabbiliti bid-Direttiva 2000/31/KE ( 8 ) u, fit-tielet lok, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li huma stabbiliti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE rispettivament.

11.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nindika, qabel kollox, li l-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali minħabba l-limitazzjonijiet espressament previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 3(3) u (8) ta’ din id-direttiva.

12.

Min-naħa l-oħra, nirrileva li dispożizzjoni nazzjonali, bħalma hija dik stabbilita fl-Artikolu 1 tal-liġi tal-1958, li tipprojbixxi kull reklamar dwar il-provvista ta’ kura dentali permezz tal-internet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku. Ser nispjega, madankollu, li fid-dawl tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 8(1) tagħha, din id-direttiva ma tidhirx li tipprekludi dik id-dispożizzjoni peress li hija intiża li tiżgura l-osservanza tar-regoli ta’ professjoni rregolata u tapplika għall-fornitur stabbilit fit-territorju nazzjonali.

13.

Fl-aħħar nett, ser neżamina l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni msemmija mal-Artikoli 49 u 56 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fl-ewwel lok, ser nuri li l-kawża prinċipali turi element ta’ estranjetà inkwantu r-reklamar li bih kienet akkużata l-persuna kkonċernata sar fuq sit internet, li huwa mezz intiż għax-xandir universali, li jippermetti b’hekk li jilħaq udjenza u, konsegwentement, li jattira pazjenti li jinsabu fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-persuna kkonċernata.

14.

Fit-tieni lok, ser nesponi r-raġunijiet għalfejn projbizzjoni kontra kull reklamar fil-qasam tal-kura dentali lill-pubbliku tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi nirriproduċi l-linji ta’ raġunament prinċipali li kont ipproponejt, ex abundanti, fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Doulamis (C‑446/05, EU:C:2007:701). Ser nesponi kif, fil-fehma tiegħi, din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika peress li l-liġi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex l-effett li tipprojbixxi lill-fornitur ta’ kura dentali milli, f’direttorju tat-telefon jew b’mezzi oħra aċċessibbli għall-pubbliku, jindika sempliċement, mingħajr kontenut li jattira jew li jħajjar lill-pubbliku, id-dettalji li jippermettu lil dak li jkun isir jaf bl-eżistenza tiegħu bħala professjonista.

II – Id-domandi preliminari

15.

Huwa fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiemha li n-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel (qorti tal-prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell) iddeċidiet li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-Direttiva [dwar prattiki kummerċjali żleali] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi liġi nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut kull reklamar, ikun min ikun l-awtur, għall-kura orali jew dentali, bħall-Artikolu 1 – Liġi […] tal-[…] 1958?

2)

Il-projbizzjoni tar-reklamar ta’ kura orali jew dentali għandha tiġi mqabbla ma’ ‘regoli […] konnessi ma’ aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti’ skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [dwar prattiki kummerċjali żleali]?

3)

Id-Direttiva [dwar prattiki kummerċjali żleali] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li dispożizzjoni nazzjonali li tispeċifika fid-dettal ir-rekwiżiti ta’ diskrezzjoni li għandhom jiġu sodisfatti mis-sinjal tal-klinika tad-dentist intiż għall-pubbliku, bħall-Artikolu 8d tad-Digriet Reali [tal-]1934 […]?

4)

Id-Direttiva [fuq il-kummerċ elettroniku għandha tiġi interpretata] fis-sens li tipprekludi liġi nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut kull reklamar, ikun min ikun l-awtur tiegħu, għal kura orali jew dentali, inkluż reklamar kummerċjali b’mezzi elettroniċi (website), bħala ma hu l-Artikolu 1 tal-Liġi […] tal-[…] 1958?

5)

[Kif għandu jiġi interpretat i]l-kunċett ta’ ‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’ kif iddefinit mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [fuq il-kummerċ elettroniku] li jirreferi għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE [ ( 9 )], kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 ( 10 )]?

6)

L-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex tipproteġi s-saħħa pubblika, timponi projbizzjoni ta’ reklamar għall-kura dentali?”

III – Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

A – Id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali

16.

Il-premessi 6, 8 u 9 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jipprovdu kif ġej:

“(6)

Din id-Direttiva […] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. […]

[…]

(8)

Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. […]

(9)

Din id-Direttiva hi […] ukoll mingħajr preġudizzju għal regoli Komunitarji u nazzjonali dwar […] l-aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti […] l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew idaħħlu restrizzjonijiet u projbizzjonijiet ta’ prattiċi kummerċjali għal raġunijiet tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta tal-konsumaturi fit-territorju ikun fejn ikun ibbażat il-kummerċjant, per eżempju, fir-rigward ta’ l-alkoħol, tat-tabakk jew tal-farmaċewtiċi. […]”

17.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan “li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi”.

18.

L-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-“prattiki kummerċjali” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” ( 11 ).

19.

L-Artikolu 3 tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din jipprovdi li:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

[…]

3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji jew nazzjonali konnessi ma’ aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti.

[…]

8.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kondizzjonijiet ta’ stabbiliment jew reġimi ta’ awtorizzazzjoni, jew għall-kodiċijiet deontoloġiċi ta’ kondotta jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet regolati sabiex jinżammu livelli għolja ta’ integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi Komunitarja, jimponu fuq il-professjonisti.

[…]”

20.

Skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, prattika kummerċjali tkun żleali jekk tkun kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali, u jekk toħloq jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

B – Id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku

21.

Il-premessi 7, 17, 18, 22, 32 u 33 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jipprovdu kif ġej:

“(7)

Sabiex tkun assigurata ċ-ċertezza legali u l-fiduċja tal-konsumatur, din id-Direttiva għandha tesiġi qafas ċar u ġenerali biex ikopri ċerti aspetti legali tal-kummerċ elettroniku fis-suq intern.

[…]

(17)

Id-definizzjoni ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni […] tkopri kull servizz normalment ipprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, permezz ta’ tagħmir elettroniku u għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u ħażna ta’ data, u fuq talba individwali ta’ min jirċievi servizz […]

(18)

Servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jifirxu fuq medda aktar kbira ta’ attivitajiet ekonomiċi li jseħħu on-line […] [Dawn]ma humiex biss ristretti għal servizzi li jagħtu bidu għal kuntatti online imma wkoll, sakemm dawn jirrappreżentaw attività ekonomika, jestendu għal servizzi li mhumiex imħallsa minn dawk li jirċevuhom, bħal ma huma l-offerta ta’ informazzjoni online jew komunikazzjonijiet kummerċjali […]

[…]

(22)

Servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni għandhom ikunu taħt superviżjoni fis-sorsi ta’ l-attività, sabiex tkun assigurata l-protezzjoni effettiva ta’ għanijiet ta’ interess pubbliku […] [A]ktar minn hekk, sabiex tkun iggarantita effettivament il-libertà li jkunu provduti servizzi u ċ-ċertezza legali għall-fornituri u għal dawk li jirċievu s-servizzi, servizzi bħal dawn minn soċjetà ta’’ l-informazzjoni għandhom bħala prinċipju jkunu suġġetti għal-liġi ta’ l-Istat Membru li fih dak li jipprovdi s-servizzi jkun stabbilit.

[…]

(32)

Sabiex jitneħħew ostakoli għall-iżvilupp ta’ servizzi bejn il-fruntieri fil-Komunità li membri ta’ professjonijiet regolati jistgħu joffru online, huwa meħtieġ li konformità tkun iggarantita fil-livell tal-Komunità b’regoli professjonali li għandhom il-għan, partikolarment, li jipproteġu konsumaturi jew is-saħħa pubblika […]

(33)

Din id-Direttiva tikkumplementa l-liġi tal-Komunità u l-liġi nazzjonali li tirrigwarda l-professjonijiet regolati li jżommu sett ta’ regoli koerenti li huma applikabbli f’dan il-qasam”.

22.

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku għandha l-għan “li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni”.

23.

Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, hija “tressaq […] ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri”.

24.

L-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi s-“servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni [tal-informatika]” b’riferiment għall-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, kif emendata, li jikkontempla “kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.

25.

L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jiddefinixxi l-“komunikazzjoni kummerċjali” bħala “kull għamla ta’ komunikazzjoni li għandha l-iskop li tippromwovi, direttament jew indirettament, merkanzija, servizzi jew l-immaġini ta’ kumpanija, organizzazzjoni jew persuna li ssegwi attività kummerċjali, industrijali jew ta’ l-artiġjanat jew li teżerċita professjoni regolata”.

26.

L-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-“qasam ikkordinat” jipprovdi kif ġej:

“‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

(i)

Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’:

il-bidu ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,

il‑prattika ta’ l‑attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l‑imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il‑kwalità jew kontenut tas‑servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir‑responsabbilità ta’ min jipprovdi s‑servizz.

[…]”

27.

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.   L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

a)

il-miżuri għandhom ikunu:

i)

meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

[…]

il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

[…]

il-protezzjoni ta’ konsumaturi […]

ii)

meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (i) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

iii)

proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

[…]”

28.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, bit-titolu “Professjonijiet regolati” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew li jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni provdut minn membru ta’ professjoni regolata ikun permissibbli suġġett għall-konformità mar-regoli professjonali li jirrigwardaw, partikolarment, l-independenza, id-dinjità u l-unur tal-professjoni, segretezza professjonali u ġustizzja lejn klijenti u membri oħra tal-professjoni”.

IV – L-analiżi tiegħi

A – Dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-1958 u tad-digriet irjali tal-1934 mad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali

29.

Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħal dawk previsti rispettivament mid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-1958 u tad-digriet irjali tal-1934 jistgħux jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u, jekk ikun il-każ, jekk din tal-aħħar tipprekludix tali leġiżlazzjonijiet.

30.

Il-kwistjoni tqum inkwantu d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tagħmel armonizzazzjoni kompleta tar-regoli nazzjonali dwar il-prattiki kummerċjali żleali, fejn l-Istati Membri ma humiex għaldaqstant awtorizzati li jżommu jew jintroduċu fil-liġijiet tagħhom regoli nazzjonali iktar stretti minn dawk iddefiniti minn din id-direttiva, u dan biex jiġi żgurat grad iktar għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ( 12 ).

31.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali hija kkaratterizzata minn kamp ta’ applikazzjoni materjali partikolarment wiesa’, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan jestendi għal “kull prattika kummerċjali li għandha rabta diretta mal-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista ta’ prodott lill-konsumaturi” ( 13 ). Fil-fatt, il-kunċett ta’ “pratti[k]i kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva bħala li jfisser “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” ( 14 ). Il-kunċett ta’ “prodott” jirreferi minn naħa tiegħu u skont l-Artikolu 2(ċ) tal-imsemmija direttiva, għal kull oġġett jew servizz.

32.

Barra minn hekk, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi, b’mod pożittiv, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva billi jipprovdi li din tapplika għall-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fin-negozju mal-konsumatur qabel, matul u wara tranżazzjoni kummerċjali li tirrigwarda xi prodott.

33.

A priori, id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tapplika għaldaqstant għat-tranżazzjonijiet kollha bejn l-impriżi u l-konsumaturi, f’kull settur ta’ attività.

34.

Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda espressament ċerti limitazzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

35.

Minn naħa, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, din “hija mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji jew nazzjonali konnessi ma’ aspetti ta’ saħħa” ( 15 ). Fil-premessa 9 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża għaldaqstant li “l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew idaħħlu restrizzjonijiet u projbizzjonijiet ta’ prattiċi kummerċjali għal raġunijiet tal-ħarsien tas-saħħa […] tal-konsumaturi”.

36.

Konsegwentement, għalkemm id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali għandha bħala għan l-armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli nazzjonali li jirrigwardaw tali prattiki, l-Istati Membri jibqgħu, madankollu, liberi li jadottaw miżuri iktar stretti meta dan ikun jirrigwarda prattiki ta’ reklamar li jistgħu jippreġudikaw is-saħħa tal-konsumaturi. F’dak il-każ, dawk il-miżuri nazzjonali jkunu intiżi li jipproteġu l-interessi li jmorru lil’hinn mis-sempliċi protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi msemmija f’din id-direttiva fil-premessi 6 u 8 tagħha kif ukoll fl-Artikolu 1 tagħha.

37.

Fil-gwida tagħha għall-implementazzjoni u l-applikazzjoni tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali ( 16 ) kif ukoll fl-ewwel rapport tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 17 ), il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza għaldaqstant li, jekk il-miżuri adottati mill-Istati Membri huma intiżi li jipproteġu interessi li ma humiex ta’ natura ekonomika, dawn ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Skont il-Kummissjoni, l-imsemmija direttiva, għaldaqstant, ma tpoġġix indiskussjoni l-fakultà tal-Istati Membri li jadottaw regoli iktar stretti li jirregolaw il-prattiki kummerċjali sabiex jipproteġu s-saħħa tal-konsumaturi ( 18 ).

38.

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, dan jipprovdi li “[din] hija mingħajr preġudizzju […] għall-kodiċijiet deontoloġiċi jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet regolati sabiex jinżammu livelli għolja ta’ integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi Komunitarja, jimponu fuq il-professjonisti”.

39.

Konsegwentement, l-Istati Membru jibqgħu wkoll liberi li jadottaw regoli iktar stretti fir-rigward ta’ prattiki li jadottaw il-membri ta’ professjoni rregolata bħalma hija l-professjoni ta’ dentist, li għaliha tappartjeni f’dan il-każ il-persuna kkonċernata.

40.

Minn dan isegwi li, biex jaqa’ taħt id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, il-prodott ikkonċernat, minn naħa, għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva u, minn naħa l-oħra, ma għandux jaqa’ taħt waħda mil-limitazzjonijiet espressament imsemmija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 3(3) u (8) ta’ din l-istess direttiva.

41.

Issa, għalkemm huwa stabbilit li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva, prattika kummerċjali ta’ impriża fil-konfront ta’ konsumatur sa fejn jirrigwarda prattiki ta’ reklamar ta’ kura dentali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-1958 u tad-digriet irjali tal-1934 huma intiżi li jipproteġu rispettivament is-saħħa pubblika u d-dinjità tal-professjoni ta’ dentist, b’mod li l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(3) u (8) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jidhirli li huma applikabbli.

42.

Il-projbizzjoni fuq kull reklamar dwar is-servizzi ta’ kura dentali, kif stabbilita fl-Artikolu 1 tal-liġi tal-1958, u r-rekwiżiti ta’ diskrezzjoni li jimponi l-Artikolu 8d tad-digriet irjali tal-1934 jippreżentaw, għaldaqstant, qabel kollox, għan sanitarju qabel ma jippreżentaw għan ekonomiku. Huma jikkontribwixxu, kif irrileva l-gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet tiegħu, għad-dinjità tal-professjoni billi jevitaw li l-kwalità tas-servizzi, l-integrità tal-prattikanti u l-fiduċja li għandha teżisti bejn il-fornitur ta’ kura dentali u l-pazjent tiegħu jiġu ppreġudikati bi prattiki ta’ reklamar bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, li huma intiżi li jattiraw pazjenti bil-propaganda.

43.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax, minħabba limitazzjonijiet espressament previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 3(3) u (8) tagħha, għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita permezz tal-Artikolu 1 tal-liġi tal-1958, li tipprojbixxi kull reklamar li jirrigwarda s-servizzi ta’ kura dentali u lanqas għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik stabbilita fl-Artikolu 8d tad-digriet irjali tal-1934, li jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ diskrezzjoni li għandha tosserva t-tabella ta’ klinika dentali.

B – Fuq il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-1958 mad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku

44.

Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik stabbilita bl-Artikolu 1 tal-liġi tal-1958, li tipprojbixxi kull reklamar li jirrigwarda s-servizzi ta’ kura dentali, inkluż b’mezz elettroniku, tistax taqa’ taħt id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku u, jekk ikun il-każ, jekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxix, fis-sens tad-direttiva msemmija, restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-kummerċ elettroniku.

45.

Id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku hija intiża li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-“servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” u t-titjib tal-possibbiltajiet offruti lill-kummerċ elettroniku mis-suq intern, u dan sabiex jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-impriżi Ewropej ( 19 ).

46.

L-imsemmija direttiva tkopri biss ċerti aspetti legali tal-kummerċ elettroniku ( 20 ). Hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et ( 21 ), din id-direttiva ma tipprovdix, fil-fatt, għal armonizzazzjoni tar-regoli sostantivi iżda tiddefinixxi “qasam ikkordinat” li jirrigwarda r-rekwiżiti li l-fornitur tas-servizz għandu jissodisfa ( 22 ).

47.

Skont l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, il-“qasam ikkordinat” jirrigwarda r-rekwiżiti kollha stipulati fil-liġijiet nazzjonali li l-fornitur irid josserva u li jikkonċernaw kemm l-aċċess għall-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informatika kif ukoll l-eżerċizzju ta’ din, bħalma huma r-rekwiżiti li jirrigwardaw l-aġir tal-fornitur, il-kwalità jew il-kontenut tas-servizz, inkluż fil-qasam tar-reklamar u tal-kuntratt, jew ir-responsabbiltà tal-fornitur.

48.

L-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi s-“servizz tas‑soċjetà ta’ l‑informazzjoni [tal-informatika]” bħala li jfisser “kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill‑bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it‑talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi” ( 23 ). Mill-premessa 18 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ) jirriżulta li dawn is-servizzi jinkludu s-servizzi li jiġu pprovduti mill-bogħod permezz ta’ tagħmir elettroniku ta’ pproċessar u ħażna ta’ data u jestendu għas-servizzi li ma jitħallsux minn dawk li jirċevuhom, bħalma huma s-servizzi li jipprovdu informazzjoni online jew komunikazzjonijiet kummerċjali ( 25 ).

49.

F’dan il-każ, ir-reklamar dwar is-servizzi ta’ kura dentali li L. Vanderborght għamel permezz tas-sit internet li huwa ħoloq jaqa’, fil-fehma tiegħi, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

50.

Mhux biss dan ir-reklamar jikkostitwixxi “komunikazzjoni kummerċjali” online, fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, iżda qiegħed isir ukoll minn membru ta’ professjoni rregolata, ħaġa li hija espressament permessa mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 8(1) tad-direttiva msemmija. Fil-fatt, għal din id-dispożizzjoni, dan jistabbilixxi l-prinċipju li bih l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri ta’ professjoni rregolata jistgħu jirreklamaw fuq l-internet sakemm josservaw ir-regoli tal-professjoni.

51.

Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ fil-fatt tinftiehem mill-aspett tad-dispożizzjonijiet previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

52.

Ser neżamina issa d-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-direttiva.

53.

Jidhirli li l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 8(1) tad-direttiva msemmija.

54.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, intitolat “Suq intern”, jikkostitwixxi, fil-fatt, il-“pedament” ta’ din id-direttiva ( 26 ).

55.

L-Artikolu 3(1) tad-direttiva msemmija jistabbilixxi l-prinċipju li bih is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika huma suġġetti għas-sistema legali tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-fornitur ( 27 ).

56.

L-imsemmija dispożizzjoni tobbliga għaldaqstant lil kull Stat Membru sabiex jara li s-servizzi pprovduti minn fornitur stabbilit fit-territorju tiegħu josservaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw f’dak l-Istat Membru u li jaqgħu taħt il-“qasam ikkordinat”. Skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, tali mekkaniżmu għandu jippermetti s-superviżjoni tas-servizzi minn soċjetà tal-informatika fis-sorsi tal-attività sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva tal-għanijiet ta’ interess pubbliku ( 28 ).

57.

Fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et ( 29 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat għaldaqstant, fid-dawl tal-“qasam ikkordinat” imsemmi mid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, li taħt is-sistema legali tal-Istat Membru tal-istabbiliment tal-fornitur jaqgħu r-regoli tad-dritt ċivili kif ukoll dawk li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-fornituri. Fl-assenza ta’ regoli armonizzati fuq livell tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet għaldaqstant favur in-natura vinkolanti ta’ dawn ir-regoli sostantivi li għalihom l-Istat Membru kien iddeċieda li jissuġġetta lill-fornituri u lis-servizzi tagħhom ( 30 ).

58.

Fil-fehma tiegħi, dan ir-raġunament japplika b’analoġija fil-kuntest ta’ komunikazzjoni kummerċjali magħmula bl-internet inkwantu l-“qasam ikkordinat” imsemmi mid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jkopri wkoll, kif jipprovdi t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(h)(i) tagħha, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw l-aġir tal-fornitur kif ukoll il-kwalità u l-kontenut tar-reklamar.

59.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jeżiġi, fir-rigward tar-reklamar bl-internet, l-applikazzjoni tad-dritt sostantiv li jkun fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur.

60.

Konsegwentement, f’din il-kawża, xejn ma jipprekludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Belġjana, peress li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma joriġinax minn Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju minħabba li L. Vanderborght huwa stabbilit fit-territorju Belġjan.

61.

Għaldaqstant, din ma taqax taħt l-istanza msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku ( 31 ).

62.

Dan premess, f’dan il-każ għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli espressament stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali magħmula speċifikament mill-membri ta’ professjoni rregolata.

63.

Fil-fatt, mill-ewwel parti ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, obbligati jawtorizzaw lill-membri ta’ professjoni rregolata sabiex jirrikorru, permezz tal-kummerċ elettroniku, għal komunikazzjonijiet kummerċjali. Kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-ewwel rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, dan ifisser li l-membri tal-professjonijiet irregolati jistgħu jinformaw lill-klijenti tagħhom permezz ta’ siti internet, ħaġa li hija tirrileva li qabel ma kinitx possibbli f’ċertu numru ta’ Stati Membri ( 32 ).

64.

Dan il-prinċipju għandu, madankollu, eċċezzjoni li tirrigwarda l-osservanza tar-regoli deontoloġiċi tal-professjoni.

65.

Fil-fatt, fit-tieni parti tal-imsemmija dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw restrizzjonijiet partikolari sabiex jiggarantixxu l-osservanza tar-regoli professjonali li jirrigwardaw, “partikolarment”, l-indipendenza, id-dinjità u l-unur tal-professjoni kif ukoll is-sigriet professjonali u l-lealtà lejn il-klijenti u l-membri l-oħra tal-professjoni. F’dan is-sens, jidhirli għaldaqstant li skont il-premessa 33 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, din “tikkumplementa” d-dritt nazzjonali li jirrigwarda l-professjonijiet irregolati.

66.

Bil-fatt li jawtorizza tali restrizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddistingwi s-servizzi pprovduti mill-membri ta’ professjoni rregolata minn dawk offruti minn kull fornitur ieħor, fejn il-mediċina, il-bejgħ ta’ mediċinali jew ukoll il-parir legali u r-redazzjoni ta’ atti notarili ma jikkostitwixxux kummerċ komuni. In-natura ta’ dawn l-attivitajiet ma tawtorizzax ir-reklamar fl-istess kundizzjonijiet bħal dak magħmul minn fornitur ieħor ta’ servizzi, fejn dan tal-aħħar huwa liberu li jippromwovi l-provvista tas-servizzi tiegħu b’kull forma ta’ komunikazzjoni sabiex iħajjar lill-konsumatur sabiex jużahom.

67.

Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dawn ir-restrizzjonijiet ma humiex eżawrjenti kif juri l-użu, fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, tal-avverbju “partikolarment”. Issa, ma hemmx dubju li l-osservanza tar-regoli tal-professjonijiet ta’ saħħa tinkludi l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, u dik b’mod partikolari tal-pazjent, peress li din tikkostitwixxi l-ewwel dmir tad-dentisti-kirurgi kif jirriżulta mill-kodiċi tad-deontoloġija ta’ din il-professjoni kif ukoll minn dak tat-tobba ( 33 ). Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għaldaqstant tiġi interpretata bħala li tikkontribwixxi manifestament għall-osservanza tar-regoli ta’ deontoloġija li jirregolaw il-professjoni tad-dentisti. Bil-fatt li jipprojbixxi kull forma ta’ reklamar dwar is-servizzi ta’ kura dentali, ir-Renju tal-Belġju jixtieq jevita li tiġi ppreġudikata l-fiduċja li għandhom il-pazjenti fil-prattika dentali li taffettwa d-dinjità tal-professjoni u li ma tkunx finalment ippreġudikata, għad-detriment tas-saħħa tal-pazjenti, il-kwalità tal-kura. Hija intiża wkoll li tevita li, permezz tal-propaganda, l-integrità tal-prattikanti dentali tkun affettwata u li, b’passi bħal dawk li ħa L. Vanderborght, li jxandar fuq is-sit internet tiegħu testimonjanzi ta’ pazjenti li jsemmu d-differenza fis-servizzi meta mqabbla mat-trattamenti offruti minn prattikanti dentali oħra, ir-reputazzjoni ta’ dawn tal-aħħar tkun ippreġudikata.

68.

Ir-restrizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 tal-liġi tal-1958 jistgħu, għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ikunu ġġustifikati, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, għal raġunijiet li jirrigwardaw l-osservanza tar-regoli ta’ deontoloġija tal-professjoni ta’ dentist.

69.

Meħud kont ta’ dawn l-elementi, jidhirli li d-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 8(1) tagħha, għandha tkun interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita mill-Artikolu 1 tal-liġi tal-1958, li tipprojbixxi lill-fornituri ta’ kura dentali, fil-kuntest ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, li permezz tal-internet jagħmlu xi reklami kwalunkwe għas-servizzi tagħhom, sakemm din id-dispożizzjoni tkun intiża li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-professjoni u tapplika għall-fornitur stabbilit fit-territorju nazzjonali.

70.

Huwa fid-dawl tad-dritt primarju li jeħtieġ, issa, li tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-imsemmija leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

C – Dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-1958 mal-libertà ta ’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

71.

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu liġi ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lill-fornituri ta’ kura dentali, fil-kuntest ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, li jagħmlu kwalunkwe reklamar lill-pubbliku, direttament jew indirettament, għas-servizzi tagħhom.

72.

Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-attivitajiet mediċi u paramediċi, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-kura dentali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat li jiggarantixxu l-libertajiet ta’ moviment ( 34 ).

73.

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli għal sitwazzjoni li fiha l-aspetti kollha huma kkonfinati ġewwa Stat Membru wieħed ( 35 ). L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija għaldaqstant suġġetta għall-eżistenza ta’ element ta’ estranjetà.

74.

F’din il-kawża, huwa minnu li L. Vanderborght jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fil-Belġju, fejn huwa stabbilit, u huwa hemmhekk suġġett għal prosekuzzjonijiet kriminali. Dawn tal-aħħar inbdew mhux biss minħabba li l-persuna kkonċernata waħħlet plakka fid-dħul tal-klinika tagħha li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ diskrezzjoni meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda wkoll minħabba li għamlet reklamar fil-ġurnal lokali u permezz tas-sit internet tagħha.

75.

Issa, b’kuntrast ma’ I. Doulamis fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Doulamis (C‑446/05, EU:C:2008:157), li kien għamel biss reklami f’dokument nazzjonali annwali, L. Vanderborght irreklama permezz ta’ għodda li, min-natura tagħha, ma għandha ebda limitu,

76.

Fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et ( 36 ), dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ kontenut li jitpoġġa online fuq sit tal-internet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “it-tqegħid online ta’ kontenuti fuq sit tal-internet huwa differenti mix-xandir territorjali ta’ midja bħal ma hija l-istampa sa fejn dan it-tqegħid huwa intiż, bħala prinċipju, għall-ubikwità tal-imsemmija kontenuti. Dawn jistgħu jiġu kkonsultati istantanjament minn numru indefinit ta’ utenti tal-internet kullimkien fid-dinja, indipendentement minn kull intenzjoni tax-xandar tagħhom intiża għall-konsultazzjoni tagħhom lil hinn mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tiegħu” ( 37 ). Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li “[g]ħalhekk jidher li internet inaqqas l-utilità tal-kriterju dwar ix-xandir, sa fejn il-portata tax-xandir ta’ kontenuti mqiegħdha online hija bħala prinċipju universali” ( 38 ).

77.

Fil-kuntest tal-internet, ir-reklamar kummerċjali b’mezz elettroniku li għamel L. Vanderborght huwa biżżejjed għaldaqstant biex jissodisfa, fil-fehma tiegħi, il-kriterju tal-estranjetà inkwantu dan jista’ jilħaq lill-pubbliku u, konsegwentement, jattira pazjenti li jinsabu fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-persuna kkonċernata.

78.

Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ukoll li dan l-element ta’ estranjetà jista’ jkun il-fatt mhux biss tal-fornitur innifsu, iżda wkoll tad-destinatarju. Fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et ( 39 ), hija kkonstatat l-eżistenza ta’ interess transkonfinali inkwantu parti mill-klijentela ta’ kumpanniji kummerċjali li joperaw l-islot machines kienet magħmula minn ċittadini tal-Unjoni fuq btala fl-Ungerija, filwaqt li ppreċiżat li “is-servizzi li l-fornitur stabbilit fi Stat Membru jipprovdi, mingħajr ma jiċċaqlaq, lil destinatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi transkonfinali, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE” ( 40 ).

79.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli, għaldaqstant, li l-kawża prinċipali tippreżenta elementi ta’ rabta suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni, li jippermettu għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE.

1. Fuq id-dritt primarju applikabbli

80.

Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi eżaminata mill-aspett tal-libertà ta’ stabbiliment jew minn dak tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

81.

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta miżura nazzjonali tkun relatata ma’ żewġ libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-miżura inkwistjoni, bħala prinċipju, fir-rigward ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, waħda minnhom hija kompletament sekondarja meta mqabbla mal-oħra u tista’ tingħaqad magħha ( 41 ).

82.

Issa, fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, f’din il-kawża, jien intendi li ngħid li ċ-ċentru tal-gravità jinsab iktar fuq in-naħa tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u dan meħud kont tal-għan imfittex minn L. Vanderborght permezz tar-reklamar li huwa għamel mhux biss fil-ġurnali lokali, iżda wkoll billi għamel sit tal-internet. Bil-fatt li għamel dawn il-prattiki ta’ reklamar, huwa kellu l-intenzjoni li jakkwista klijenti ġodda, kemm jekk stabbiliti fl-Istat Membru ta’ stabbiliment jew fi Stat Membru ieħor ( 42 ).

83.

Għalkemm il-libertà ta’ stabbiliment tista’ wkoll tkun affettwata bi projbizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu din tista’ tikkostitwixxi, għall-professjonisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor, ostaklu serju biex jidħlu fis-suq tal-provvista ta’ kura dentali u, konsegwentement, għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom ( 43 ), din il-libertà tidher hawnhekk li hija sekondarja meta mqabbla mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tista’, fil-fehma tiegħi, tingħaqad magħha.

84.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE.

2. Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

85.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà ( 44 ).

86.

Fost dawn il-miżuri hemm dawk li, għalkemm huma applikabbli mingħajr distinzjoni, jirrestrinġu d-dritt li għandhom il-fornituri stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jipprovdu servizzi lill-persuni interessati potenzjali stabbiliti fi Stati Membri oħra.

87.

Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments ( 45 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lil impriża stabbilita fit-territorju tiegħu milli tikkuntattja bit-telefon individwi stabbiliti fi Stati Membri oħra sabiex toffrilhom diversi servizzi finanzjarji tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, qabel kollox, li l-fatt li dawn is-servizzi jikkostitwixxu sempliċi offerti indirizzati minn fornitur stabbilit fi Stat Membru lil destinatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor u li għadu ma huwiex magħruf ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ssir illużorja jekk il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali setgħu liberament jirrestrinġu l-offerti tas-servizzi ( 46 ). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali projbizzjoni, inkwantu ċċaħħad lill-operaturi kkonċernati minn teknika rapida u diretta ta’ pubbliċità u ta’ kuntatti ma’ klijenti potenzjali li jinsabu fi Stati Membri oħra, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE, u dan minkejja li l-projbizzjoni inkwistjoni toħroġ mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur. Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar għaldaqstant il-ġurisprudenza stabbilita. Id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jista’ jiġi invokat minn impriża kontra l-Istat li fih hija stabbilita, meta s-servizzi jkunu pprovduti lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor ( 47 ).

88.

Jidhirli li dan ir-raġunament jista’ jiġi użat għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi kull reklamar fir-rigward tal-provvista ta’ kura dentali.

89.

Ir-reklamar ( 48 ) permezz tal-istampa jew bl-internet jidher li huwa strument essenzjali li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi ta’ kull daqs biex isiru magħrufa u biex jinformaw lill-konsumaturi bis-servizzi li huma jipproponu joffru. Ir-reklamar għandu għalhekk rwol determinanti fil-possibbiltà ta’ fornitur li jkabbar il-klijentela tiegħu. F’dan ir-rigward, ir-reklamar bl-internet jikkostitwixxi llum mezz ta’ informazzjoni estremament effikaċi li jista’ jolqot pubbliku kbir ħafna u li jinteressa lill-klijenti stabbiliti fi Stati Membri oħra. Ir-reklamar jiffavorixxi wkoll il-kompetizzjoni inkwantu jikkostitwixxi l-mezz li bih l-operaturi ekonomiċi jippruvaw jikkonvinċu lill-konsumaturi biex jużaw is-servizzi tagħhom minflok dawk tal-kompetituri tagħhom. Fl-aħħar nett, hekk kif il-Kummissjoni enfasizzat fl-ewwel rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, ir-reklamar bl-internet joffri sors kbir ta’ dħul għal numru ta’ fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika ( 49 ).

90.

Il-projbizzjoni kontra kull reklamar li jkun fil-qasam tal-kura dentali, kif prevista fil-liġi tal-1958, iċċaħħad għaldaqstant lill professjonist bħal L. Vanderborght minn mezz ta’ informazzjoni effikaċi biex jgħarraf bis-servizzi tiegħu lill-klijentela potenzjali stabbilita fi Stati Membri oħra. Din il-projbizzjoni hija għaldaqstant ta’ natura li xxekkel il-provvista ta’ kura dentali lil pazjenti stabbiliti fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, kif enfasizzajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Doulamis (C‑446/05, EU:C:2007:701), tali regolamentazzjoni fuq ir-reklamar iċċaħħad lill-fornituri tar-reklamar stabbiliti fi Stati Membri oħra apparti mir-Renju tal-Belġju milli joffru s-servizzi tagħhom lill-professjonisti stabbiliti fil-Belġju u timpedixxi wkoll lill-dawn il-professjonisti milli jirrikorru għas-servizzi ta’ fornituri bħal dawn ( 50 ).

91.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli għaldaqstant li tali projbizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE.

92.

Jeħtieġ issa li jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.

3. Il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

93.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Doulamis (C‑446/05, EU:C:2008:157), il-gvern Belġjan espona l-motivi li wasslu għall-adozzjoni tal-projbizzjoni kontra kull reklamar min-naħa tal-fornituri ta’ kura dentali. Skont dan il-gvern, il-prattiki tar-reklamar intiżi li jiksbu pazjenti permezz tal-propaganda huma inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u mad-dinjità tal-professjoni. Dawn il-prattiki huma, fil-fatt, tali li jippreġudikaw il-fiduċja li għandha teżisti bejn il-fornitur ta’ kura dentali u l-pazjent tiegħu kif ukoll il-kwalità u l-integrità tal-prattikanti dentali.

94.

Jiena tal-fehma li l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu lill-fornituri ta’ kura dentali milli jirreklamaw is-servizzi tagħhom mal-pubbliku, sakemm din il-projbizzjoni tkun fil-fatt limitata għall-promozzjoni ta’ dawn is-servizzi. Jien nibbaża l-analiżi tiegħi fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

95.

Skont ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tista’ tkun iġġustifikata jekk ikunu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri li din ir-restrizzjoni għandha tapplika b’mod mhux diskriminatorju, li hija għandha tkun iġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li hija għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u li ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq, u dan peress li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tissodisfa din il-kundizzjoni biss, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk hija tkun verament tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 51 ).

96.

L-ewwel minn dawn il-kundizzjonijiet hija sodisfatta peress li s-sistema ta’ reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika indipendentement mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornituri li lejhom hija diretta.

97.

Lanqas ma huwa kontestabbli li t-tieni kundizzjoni hija wkoll issodisfatta.

98.

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni kif ukoll dik tal-konsumaturi huma għanijiet li jinsabu fost dawk li jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 52 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll, f’dan ir-rigward, li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost l-interessi mħarsa bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat ( 53 ) li jipprevedu d-derogi possibbli għall-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertajiet ta’ moviment.

99.

It-tielet kundizzjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza hija wkoll issodisfatta fil-fehma tiegħi.

100.

Fil-fatt, ma hemmx dubju li l-informazzjoni tal-pubbliku fil-qasam tas-saħħa għandha tiġi minn sorsi oġġettivi u li r-reklamar li jsir mill-fornituri nnifishom ma jissodisfax neċessarjament din il-kundizzjoni ta’ oġġettività. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-projbizzjoni imposta fuq il-fornituri li ma jagħmlu ebda reklam tas-servizzi tagħhom mal-pubbliku hija xierqa sabiex ma jitħallewx jagħmlu propaganda li tista’ tippreġudika l-fiduċja li jkollhom il-pazjenti fil-prattikanti dentali filwaqt li taffettwa d-dinjità tal-professjoni tagħhom u tippreġudika għalhekk il-kwalità tal-kura.

101.

B’hekk, il-kwistjoni li tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża, fil-verità, tirrigwarda l-punt dwar jekk tali projbizzjoni hijiex sproporzjonata fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet jew, fi kliem ieħor, jekk dawn l-għanijiet jistgħux jintlaħqu bl-istess effettività permezz ta’ miżuri inqas restrittivi ( 54 ).

102.

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ din il-leġiżlazzjoni twassalni sabiex neżamina jekk il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u dik tad-dinjità tal-professjoni jistgħux jiġġustifikaw il-projbizzjoni imposta fuq il-fornituri ta’ kura dentali li jirreklamaw taħt l-istess kundizzjonijiet bħal kull fornitur ta’ servizzi oħra, jiġifieri li jippromwovu l-provvista tas-servizzi tagħhom permezz ta’ kull forma ta’ komunikazzjoni sabiex iħajru lill-konsumatur jakkwistahom. Jeħtieġ li jiġi eżaminat ukoll jekk dawn il-motivi jistgħux jiġġustifikaw projbizzjoni ta’ kull forma ta’ reklamar mal-pubbliku.

103.

Għall-istess raġunijiet esposti fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Doulamis (C‑446/05, EU:C:2007:701), jidhirli li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ tiġġustifika projbizzjoni ta’ kull forma ta’ komunikazzjoni li tattira jew tħajjar lill-pubbliku, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

104.

Fl-ewwel lok, is-servizzi ta’ kura ma jikkostitwixxux prestazzjonijiet ta’ servizzi bħall-oħrajn. Huma jipproduċu l-effetti tagħhom fuq l-integrità fiżika u l-bilanċ psikiku tal-benefiċjarju. Barra minn hekk, il-pazjent li jirrikorri għalihom ikollu bżonn reali li jerġa’ jkun b’saħħtu u, jekk ikun il-każ, li jipproteġi ħajtu. Fid-dawl tal-importanza tal-interessi inkwistjoni, il-pazjent, meta jkollu jiddeċiedi jekk imurx jew le għall-kura, ma għandux l-istess libertà tal-għażla bħalma jkollu fir-rigward ta’ servizzi oħra. Meta huwa jirrikorri għas-servizzi ta’ kura, il-pazjent ma jkunx qiegħed jissodisfa xi xewqa iżda jkun qiegħed jirrispondi għal bżonn.

105.

Fit-tieni lok, il-qasam tal-kura dentali, bħall-attivitajiet kollha fil-qasam tas-saħħa, jikkostitwixxi wieħed minn dawk l-oqsma li fihom, fil-fehma tiegħi, il-livell ta’ “asimetrija tal-informazzjoni” bejn il-fornituri u l-benefiċjarju tas-servizz, skont l-espressjoni użata mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha dwar il-kompetizzjoni fis-settur tal-professjonijiet liberi ( 55 ), huwa l-ogħla. Dan ifisser li l-fornitur, fis-settur ta’ xogħlu, għandu livell ta’ kompetenza ħafna ogħla minn dak tal-benefiċjarju, b’mod li l-istess benefiċjarju ma jkunx f’pożizzjoni li janalizza verament il-kwalità tas-servizz propost.

106.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ din l-asimetrija fil-livell ta’ kompetenza u tal-interessi inkwistjoni għall-pazjent fid-deċiżjoni jekk imurx jew le għall-kura, jiena nsostni li r-relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u l-membru ta’ professjoni tas-saħħa hija ta’ natura essenzjali. Fi kliem ieħor, il-pazjent għandu jkun jista’ jkun konvint li, meta l-prattikant jagħtih parir jew jirrakkomandalu li jirrikorri għal kura, dak il-parir jew dik ir-rakkomandazzjoni jkunu mmotivati biss mill-protezzjoni tas-saħħa u mhux mill-profitt.

107.

Din hija r-raġuni għalfejn jidhirli li din ir-relazzjoni ta’ fiduċja tkun neċessarjament miksura jekk il-fornituri ta’ kura dentali jkunu awtorizzati li jirreklamaw mal-pubbliku sabiex jippromwovu s-servizzi tagħhom. F’każ bħal dan, il-pazjent jista’ jaħseb leġittimament li, meta l-prattikant jagħtih parir jew jirrakkomandalu li jirrikorri għal kura, dak il-parir jew dik ir-rakkomandazzjoni jkunu mmotivati, tal-inqas parzjalment, mill-interess ekonomiku ta’ dak il-prattikant. Il-pazjent għandu mnejn jiddubita dwar il-valur ta’ dak il-parir jew dik ir-rakkomandazzjoni u għaldaqstant jippreġudika l-istat ta’ saħħtu billi jirrifjuta jew jipposponi l-kura proposta.

108.

L-indikazzjoni tat-tariffa ma hijiex, minnha nfisha, nieqsa mill-perikolu. Ma jistax ikun eskluż li l-professjonisti jkunu mħajra li jikkompetu fuq il-prezz li tikkorrispondi għall-kompetizzjoni fuq is-servizz li r-riżultat tagħha jista’ jkun it-tnaqqis tal-kwalità stess, jekk mhux tal-att tekniku, fi kwalunkwe każ, pereżempju tal-proteżi impjantata, ħaġa li l-pazjent ma huwiex teknikament attrezzat biex ikejjel.

109.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ validament tiġġustifika li l-fornituri ta’ kura dentali jiġu pprojbiti milli jagħmlu kull forma ta’ reklamar mal-pubbliku sabiex jippromwovu s-servizzi tagħhom.

110.

Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma adotta ebda regola komuni jew armonizzata li tikkonċerna r-reklamar fil-qasam tal-kura dentali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu l-livell li huma jixtiequ jiżguraw għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod kif dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell ta’ protezzjoni jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-Istati Membri għandhom jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward ( 56 ).

111.

Naturalment, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw din is-setgħa filwaqt li jiżguraw il-proporzjonalità u n-neċessità tal-miżuri adottati ( 57 ).

112.

F’dan il-każ, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tal-liġi tal-1958 ma tmurx kontra, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 56 TFUE. Fid-dawl tal-partikolarità tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tat-tifsira li għandha għall-pazjent id-deċiżjoni li jirrikorri jew le għas-servizzi ta’ kura dentali u tar-relazzjoni ta’ fiduċja li hija indispensabbli li tkun issalvagwardata bejn il-fornitur tal-kura dentali u l-pazjent, din il-projbizzjoni jidhirli li hija perfettament koerenti.

113.

Minn naħa, dan il-livell ta’ ħtieġa fil-qasam tal-kura diġà ġie rifless f’regolamentazzjoni stretta ħafna li tirrigwarda l-professjonijiet tas-saħħa fid-diversi Stati Membri. Din ir-regolamentazzjoni abbondanti wasslet ukoll biex il-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta, f’dan il-qasam ta’ attività, l-ewwel direttivi settorjali f’dak li jikkonċerna r-rikonoxximent tal-kwalifiki meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ dawn il-professjonijiet u l-armonizzazzjoni tat-taħriġ meħtieġ għall-kisba ta’ dawn il-kwalifiki ( 58 ).

114.

Min-naħa l-oħra, ir-relazzjoni li tgħaqqad lill-pazjent ma’ fornitur ta’ kura tikkonċerna servizzi li għalihom ir-rekwiżit tal-kwalità huwa evidentement ogħla minn dak ta’ setturi ta’ attività oħrajn. Għaldaqstant, is-saħħa tikkostitwixxi qasam fejn il-libertà ta’ moviment tal-professjonisti ltaqgħet ma’ ostakli kbar u fejn ir-rikonoxximent reċiproku qajjem il-ħtieġa ta’ approssimazzjoni wiesgħa ħafna min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

115.

Għaldaqstant, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tal-liġi tal-1958 ma tistax tkun mingħajr limitu.

116.

L-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali mill-fornituri ta’ kura dentali, l-istess bħall-membri l-oħra tal-professjonijiet tas-saħħa jeżiġi naturalment li l-pubbliku jkun jista’ jsir jaf bl-eżistenza tagħhom. Dan ifisser li l-pubbliku għandu jkun jista’ jsir jaf bl-identità tal-fornitur, bħala persuna fiżika jew legali, bl-attivitajiet li jkollu dritt jeżerċita, il-post fejn jeżerċita dawn l-attivitajiet, il-ħinijiet tal-ftuħ kif ukoll il-mod kif wieħed jista’ jagħmel kuntatt miegħu, bħalma huma n-numri tat-telefon, tal-faks jew indirizz tal-Internet.

117.

L-aċċess tal-pubbliku għal din l-informazzjoni oġġettiva hija għaldaqstant neċessarja għall-implementazzjoni tal-libertà ta’ moviment tal-professjonisti tas-saħħa. Dan jikkontribwixxi wkoll għal protezzjoni aħjar tas-saħħa pubblika, billi jiffavorixxi l-mobilità tal-pazjenti ġewwa l-Unjoni. L-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara s-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Decker ( 59 ) u Kohll ( 60 ), juri li kull ma jmur il-pazjenti qegħdin ifittxu li jiġu kkurati fi Stati Membri oħra ( 61 ). Hemm diversi raġunijiet għal din it-tendenza. Jista’ jkun li l-pazjenti jkunu jixtiequ jibbenefikaw minn kura rħas, jew minn servizzi li ma jeżistux fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom, jew anki li jingħataw kura iktar malajr milli f’dan l-Istat tal-aħħar. Din il-mobilità ta’ pazjenti, inkwantu tippermetti lill-pazjenti jaċċedu għal iktar kuri minn dawk li jeżistu fl-Istat Membru tagħhom, tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

118.

Liġi nazzjonali li tipprojbixxi lill-fornituri ta’ kura dentali milli jirreklamaw, direttament jew indirettament, is-servizzi tagħhom mal-pubbliku ma għandhiex tasal li tipprojbixxi lill-fornituri milli fid-direttorju annwali tat-telefon jew b’mezzi ta’ informazzjoni oħra aċċessibbli għall-pubbliku jindikaw sempliċement, mingħajr kontenut li jattira jew li jħajjar, id-dettalji li jippermettu lil dak li jkun isir jaf bl-eżistenza tagħhom bħala professjonisti, bħal per eżempju l-identità tagħhom, l-attivitajiet li għandhom dritt jeżerċitaw, il-post fejn jeżerċitaw dawn l-attivitajiet, il-ħinijiet tal-ftuħ u l-mod kif wieħed jista’ jagħmel kuntatt magħhom.

119.

Dan ma jidhirx li huwa l-każ jekk wieħed iqis il-kliem tal-Artikolu 1 tal-liġi tal-1958 u dak tal-Artikolu 8d tad-digriet irjali tal-1934.

120.

Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, f’dan il-każ, il-messaġġi ta’ reklamar li L. Vanderborght daħħal fil-ġurnali lokali u fuq is-sit tal-internet tiegħu jaqbżux dan il-limitu, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-preżentazzjoni ta’ dawn ir-riklami, tar-ritratti “qabel u wara” u tar-riproduzzjoni tat-testimonjanzi ta’ pazjenti li jsemmu d-differenza fis-servizz fil-konfront ta’ trattamenti offruti minn dentisti oħrajn.

121.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita bl-Artikolu 1 tal-liġi tal-1958, li tipprojbixxi lill-fornituri ta’ kura dentali, fil-kuntest ta’ professjoni libera jew klinika dentali, milli jagħmlu kull forma ta’ reklam mal-pubbliku, direttament jew indirettament, għas-servizzi tagħhom tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikoli 49 u 56 TFUE.

122.

Madankollu, din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex l-effett li tipprojbixxi lill-fornituri milli, f’direttorju tat-telefon jew b’mezzi ta’ informazzjoni oħra aċċessibbli għall-pubbliku, jindikaw sempliċement, mingħajr kontenut li jattira jew li jħajjar, id-dettalji li jippermettu lil dak li jkun isir jaf bl-eżistenza tagħhom bħala professjonisti, bħal pereżempju l-identità tagħhom, l-attivitajiet li għandhom dritt jeżerċitaw, il-post fejn jeżerċitaw dawn l-attivitajiet, il-ħinijiet tal-ftuħ u l-mod kif wieħed jista’ jagħmel kuntatt magħhom.

V – Konklużjoni

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lin-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel (qorti tal-prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju) kif ġej:

1)

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali” [Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali]) għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax, minħabba l-limitazzjonijiet espressament previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 3(3) u (8) ta’ din id-direttiva, għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita mill-Artikolu 1 tal-Wet bettreffende de publiciteit inzake tandverzorging (il-liġi dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali) tal-15 ta’ April 1958, fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi kull reklamar dwar is-servizzi ta’ kura dentali, u lanqas għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 8d tal-Koninklijk besluit houdende reglement op de besfening der tandheelkunde (digriet irjali li jirregola l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ dentist), tal-1 ta’ Ġunju 1934, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ diskrezzjoni li għandha tosserva t-tabella ta’ klinika dentali.

2)

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 8(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita mill-Artikolu 1 tal-liġi tal-15 ta’ April 1958 dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali, fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-fornituri ta’ kura dentali, fil-kuntest ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, li permezz tal-internet jagħmlu xi reklami għas-servizzi tagħhom, sakemm din id-dispożizzjoni tkun intiża li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-professjoni u tapplika għall-fornitur stabbilit fit-territorju nazzjonali.

3)

Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita mill-Artikolu 1 tal-liġi tal-15 ta’ April 1958 dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali, fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-fornituri ta’ kura dentali, fil-kuntest ta’ professjoni libera jew klinika dentali, milli jagħmlu kull forma ta’ reklam mal-pubbliku, direttament jew indirettament, għas-servizzi tagħhom tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikoli 49 u 56 TFUE.

Din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex l-effett li tipprojbixxi lill-fornituri milli, f’direttorju tat-telefon jew b’mezzi ta’ informazzjoni oħra aċċessibbli għall-pubbliku, jindikaw sempliċement, mingħajr kontenut li jattira jew li jħajjar, id-dettalji li jippermettu lil dak li jkun isir jaf bl-eżistenza tagħhom bħala professjonisti, bħal pereżempju l-identità tagħhom, l-attivitajiet li għandhom dritt jeżerċitaw, il-post fejn jeżerċitaw dawn l-attivitajiet, il-ħinijiet tal-ftuħ u l-mod kif wieħed jista’ jagħmel kuntatt magħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) C‑446/05, EU:C:2008:157. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 81 KE (li fil-preżent jikkorrispondi għall-Artikolu 101 TFUE) ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni Belġjana li tipprojbixxi lill-fornituri ta’ kura dentali, fil-kuntest ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, li jagħmlu kull forma ta’ reklamar fil-qasam tal-kura dentali inkwantu tali leġiżlazzjoni bl-ebda mod ma taqa’ fl-ipoteżijiet ta’ applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 10 KE [li fil-preżent jikkorrispondi għall-Artikolu 4(3) TUE] u 81 KE (punt 21).

( 3 ) Belgisch Staatsblad, 7 ta’ Ġunju 1934, p. 3220.

( 4 ) Iktar ’il quddiem id-“digriet irjali tal-1934”.

( 5 ) Belgisch Staatsblad, 5 ta’ Mejju 1958, p. 3542.

( 6 ) Iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1958”.

( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) [Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali] (ĠU 2005, L 149, p. 22).

( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 25, p. 399).

( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337).

( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8.

( 11 ) Enfasi miżjuda minni.

( 12 ) Ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244); tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C‑304/08, EU:C:2010:12), kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C‑540/08, EU:C:2010:660).

( 13 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur (C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Enfasi miżjuda minni.

( 15 ) Enfasi miżjuda minni.

( 16 ) SEC(2009) 1666.

( 17 ) COM(2013) 139 finali.

( 18 ) Ara, rispettivament, il-punt 1.6 u l-punt 3.2.

( 19 ) Ara l-Artikolu 1 u l-premessi 2 u 3 ta’ din id-direttiva kif ukoll is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑298/07, EU:C:2008:572, punt 19).

( 20 ) Ara t-titolu, Artikolu 1(2) u premessi 6 u 7 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

( 21 ) C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685.

( 22 ) Punt 57 ta’ din is-sentenza.

( 23 ) Ara wkoll, il-premessa 17 tal-imsemmija direttiva li tippreċiża li “din id-definizzjoni tkopri kull servizz normalment ipprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, permezz ta’ tagħmir elettroniku u għall-ipproċessar […] u ħażna ta’ data, u fuq talba individwali ta’ min jirċievi servizz”.

( 24 ) Sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 110); tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 109), kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2014, Papasavvas (C‑291/13, EU:C:2014:2209, punti 2829).

( 25 ) Il-Kummissjoni riedet għaldaqstant tolqot is-servizzi ta’ informazzjoni online bħalma huma l-ġurnali online, il-bejgħ online ta’ prodotti u ta’ servizzi (kotba, servizzi finanzjarji, vjaġġi), ir-reklamar online, is-servizzi ta’ divertiment u s-servizzi intermedjarji bażiċi (aċċess għall-internet kif ukoll it-trażmissjoni u l-hosting ta’ informazzjoni), is-servizzi professjonali online (avukati, tobba, accountants, aġenti tal-proprjetà), is-servizzi ta’ divertiment online bħall-video on demand, is-servizzi online ta’ reklamar u ta’ marketing diretti kif ukoll is-servizzi li jipprovdu aċċess għall-“world wide web”. Kienu maħsuba wkoll is-servizzi pprovduti mingħajr ħlas lill-benefiċjarji u ffinanzjati, pereżempju, bir-reklamar jew bl-isponsorships (ara, b’mod partikolari, il-komunikat tal-istampa tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 1999 [dokument IP/99/952] u p. 4 tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – l-ewwel rapport dwar l-applikazzjoni tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku [COM(2003) 702 finali, iktar ’il quddiem l-“ewwel rapport dwar l-applikazzjoni tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”]).

( 26 ) Ara p. 4 tal-ewwel rapport dwar l-applikazzjoni tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

( 27 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 57). Ara wkoll, il-premessa 22 tal-imsemmija direttiva.

( 28 ) Ara l-premessa 22 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

( 29 ) C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685.

( 30 ) Punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza.

( 31 ) Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrestrinġu, għal raġunijiet li jaqgħu taħt il-qasam ikkordinat, il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika provenjenti minn Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, tapplika peress li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma joriġinax minn Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju, iżda huwa pprovdut minn fornitur stabbilit f’dan l-Istat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Papasavvas, C‑291/13, EU:C:2014:2209, punt 35). Fi kwalunkwe każ, huwa interessanti li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn din il-projbizzjoni ta’ prinċipju meta l-miżura tkun, fl-ewwel lok, neċessarja għall-iskopijiet tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà pubblika u tal-konsumaturi, fit-tieni lok, tkun meħuda kontra servizz partikolari tas-soċjetà tal-informatika li jippreġudika jew jirriskja li jippreġudika dawn l-għanijiet u fit-tielet lok, tkun proporzjonata għall-imsemmija għanijiet. Għaldaqstant, anki meta l-fornitur tas-servizz tas-soċjetà tal-informatika jkun stabbilit fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju, dan l-Istat Membru jkollu dritt jadotta miżuri li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-kummerċ elettroniku għar-raġunijiet bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-konsumaturi, bil-kundizzjoni madankollu, li dawn id-derogi jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4)(a) ta’ din id-direttiva. Meħud kont tal-argumenti li jien semmejt fil-punti 93 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali kundizzjonijiet huma verament sodisfatti.

( 32 ) Ara l-punt 4.4 ta’ dan ir-rapport.

( 33 ) Ara l-Artikolu R. 4127-215 tal-kodiċi ta’ deontoloġija tad-dentisti kirurgi, li bis-saħħa tiegħu huwa pprojbit kull reklamar dirett jew indirett. L-Artikolu R. 4127-19 tal-kodiċi tas-saħħa pubblika, li japplika għall-professjoni tat-tobba, jipprovdi kif ġej:

“Il-mediċina ma għandhiex tkun ipprattikata bħala negozju.

Huwa pprojbit kull reklamar dirett jew indirett u b’mod partikolari kull arranġament jew senjalar li jagħti lill-post dehra kummerċjali”

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et (C‑108/96, EU:C:2001:67, punt 24), kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141); fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam mediku, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, EU:C:1984:35), kif ukoll, għal dak li jikkonċerna l-kura dentali, u b’mod iktar partikolari trattament ortodontiku, is-sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171).

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 1995, Aubertin et (C‑29/94 sa C‑35/94, EU:C:1995:39, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld (C‑97/98, EU:C:1999:515, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C‑60/00, EU:C:2002:434, punt 28).

( 36 ) C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685.

( 37 ) Punt 45 ta’ din is-sentenza.

( 38 ) Punt 46 ta’ din is-sentenza.

( 39 ) C‑98/14, EU:C:2015:386.

( 40 ) Punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

( 41 ) Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Marzu 2001, Gourmet International Products (C‑405/98, EU:C:2001:135), dwar leġiżlazzjoni li tipprojbixxi kull xandir ta’ messaġġi ta’ reklamar għax-xorb alkoħoliku indirizzati lill-konsumaturi, “id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jista’ jiġi invokat minn impriża kontra l-Istat Membru li fih tkun stabbilita, sakemm is-servizzi jiġu pprovduti lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor” (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ara, fuq dan il-punt, l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, EU:C:2008:421). Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament eżaminat il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni nazzjonali, ir-reklamar li jirrigwarda t-trattamenti mediċi u kirurġiċi magħmula fi strutturi mediċi privati, fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE kif ukoll l-Artikolu 56 TFUE. Issa, f’din il-kawża, tali eżami kien, fil-fehma tiegħi, kompletament iġġustifikat minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, peress li Corporación Dermoestética SA kienet kumpannija stabbilita fi Spanja u kellha bħala għan li permezz ta’ kuntratt konkluż ma’ fornitur Taljan, tibgħat messaġġi ta’ reklamar fuq stazzjon nazzjonali tat-televiżjoni Taljan (ara l-punti 33 u 34 tas-sentenza msemmija).

( 44 ) Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) C‑384/93, EU:C:1995:126.

( 46 ) Punti 18 sa 22 ta’ din is-sentenza.

( 47 ) Punti 28 sa 30 tas-sentenza msemmija. Ara wkoll, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Gourmet International Products (C‑405/98, EU:C:2001:135, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 48 ) L-importanza tar-reklamar biex wieħed jidħol fis-suq diġà ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop, C‑34/95 sa C‑36/95, EU:C:1997:344; tat-8 ta’ Marzu 2001, Gourmet International Products, C‑405/98, EU:C:2001:135, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2004, Douwe Egberts, C‑239/02, EU:C:2004:445, punt 53) u fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética, C‑500/06, EU:C:2008:421). Ara wkoll, fuq din il-ġurisprudenza, il-punti 88 sa 92 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Doulamis (C‑446/05, EU:C:2007:701) kif ukoll il-punti 75 sa 80 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Corporación Dermoestética (C‑500/06, EU:C:2008:62).

( 49 ) Ara l-punt 4.3 ta’ dan ir-rapport.

( 50 ) Ara l-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża.

( 51 ) Sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides (C‑475/11, EU:C:2013:542, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides (C‑475/11, EU:C:2013:542, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Sentenzi tal-10 ta’ Novembru 1994, Ortscheit (C‑320/93, EU:C:1994:379, punt 16), kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu (C‑198/14, EU:C:2015:751, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu (C‑198/14, EU:C:2015:751, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) COM(2004) 83 finali/2. Ara l-punt 25 ta’ dan ir-rapport.

( 56 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu (C‑198/14, EU:C:2015:751, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía (C‑1/90 u C‑176/90, EU:C:1991:327, punt 16), u tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu, C‑198/14, EU:C:2015:751, punti 119120 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 58 ) L-ewwel skema settorjali ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki ġiet adottata għall-mediċini fl-1975. Din ġiet segwita b’ħames skemi settorjali oħra, adottati bejn l-1977 u l-1985, li jikkonċernaw l-infermiera għall-kura ġenerali, il-prattikanti tal-professjoni ta’ dentist [mad-Direttiva tal-Kunsill 78/686/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1978, li tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn tal-kwalifiki formali tal-prattikanti tad-dentistrija, inklużi l-miżuri biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà biex jiġu pprovduti servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 67) u d-Direttiva tal-Kunsill 78/687/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1978, dwar il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet ipprovduti bil-liġi, regolament jew l-azzjoni amministrattiva fejn għandhom x’jaqsmu l-attivitajiet tat-tobba dentisti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 76)], il-veterinarji, il-qwiebel u l-ispiżjara. Id-direttivi settorjali ġew imħassra u ssostitwiti permezz tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22).

( 59 ) C‑120/95, EU:C:1998:167.

( 60 ) C‑158/96, EU:C:1998:171.

( 61 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581).