KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HENRIK SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fid-19 ta’ Lulju 2016 ( 1 )

Kawża C‑272/15

Swiss International Air Lines AG

vs

The Secretary of State for Energy and Climate Change,

Environment Agency

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (Qorti tal-Appell [Ingilterra u Wales] [sezzjoni ċivili], ir-Renju Unit)]

“Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni — Deċiżjoni Nru 377/2013/UE — Validità — Deroga temporanja mill-obbligu li jiġu ssorveljati u ddikjarati l-emissjonijiet prodotti u li jiġu ċeduti l-kwoti ta’ emissjonijiet għal dak li jikkonċerna t-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-parti l-kbira tal-pajjiżi terzi — Esklużjoni tat-titjiriet bejn l-Istati membri taż-ŻEE u l-Isvizzera — Differenza fit-trattament bejn l-Istati terzi — Prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament — Inapplikabbiltà”

I – Introduzzjoni

1.

L-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea(iktar ’il quddiem is-“SSKE UE”), stabbilita mid-Direttiva 2003/87/KE ( 2 ), tapplika, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, għall-emissjonijiet marbutin ma’ titjiriet ta’ ajruplani sejrin lejn jew ġejjin minn Stati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ( 3 ).

2.

Madankollu, id-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE ssospendiet temporanjament l-applikazzjoni ta’ din l-iskema għal dak li jikkonċerna l-emissjonijiet li jirriżultaw minn titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-parti l-kbira tal-pajjiżi terzi ( 4 ). Ġew madankollu esklużi minn dan il-moratorju t-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u ċerti żoni u pajjiżi terzi marbutin jew assoċjati mill-qrib mal-Unjoni, fosthom l-Isvizzera ( 5 ).

3.

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (sezzjoni ċivili), ir-Renju Unit] tistaqsi prinċipalment lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità ta’ din id-deċiżjoni inkwantu din tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn, minn naħa, it-titjiriet lejn jew mill-Isvizzera u, min-naħa l-oħra, it-titjiriet lejn jew minn Stati terzi oħrajn.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2003/87

4.

Skont il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87, din tikkontribwixxi għat-twettiq mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha, tal-impenji meħuda taħt il-Protokoll ta’ Kyoto mal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima ( 6 ).

5.

Inizjalment, is-SSKE UE ma kinitx tapplika għall-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet fl-ajru. Madankollu, wara l-emendi magħmula lil din id-direttiva permezz tad-Direttiva 2008/101/KE ( 7 ), it-titjiriet kollha li jaslu jew jitilqu mill-ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni huma koperti bis-SSKE UE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012 ( 8 ).

6.

Id-Deċiżjonijiet Nru 146/2007 ( 9 ) u Nru 6/2011 ( 10 ) tal-Kumitat Imħallat taż-ŻEE daħħlu rispettivament, id-Direttivi 2003/87 u 2008/101 fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) ( 11 ).

7.

Skont l-Artikolu 3e tad-Direttiva 2003/87, l-operaturi tal-ajruplani jistgħu japplikaw, għal kull sena kalendarja, għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas mill-Istati Membri. L-Artikolu 3d ta’ din id-direttiva jipprovdi għall-bejgħ bl-irkant ta’ kwoti supplementari mill-Istati Membri. Skont l-Artikolu 3(a) tal-imsemmija direttiva, kull waħda minn dawn il-kwoti, mogħtija mingħajr ħlas jew bi ħlas, tagħti lid-detentur tagħha d-dritt ta’ emissjoni ta’ tunnellata tal-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju matul il-perijodu taż-żmien speċifikat. Il-kwoti jistgħu jiġu ttrasferiti taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva.

8.

Skont l-Artikolu 12(2a) tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, kull operatur tal-ajruplani jċedi numru ta’ kwoti ugwali għall-emissjonijiet totali matul is-sena kalendarja preċedenti mill-attivitajiet tal-avjazzjoni tiegħu.

9.

L-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw li kull operatur ta’ ajruplan jissorvelja u jiddikkjara l-emissjonijiet prodotti mill-ajruplan li hu jopera matul is-sena kalendarja li tkun għaddiet.

10.

L-Artikolu 16(3) tad-direttiva msemmija jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur ta’ ajruplan li ma jkunx ċeda numru ta’ kwoti suffiċjenti sabiex josserva l-obbligu li huwa għandu skont l-Artikolu 12(2a) tal-istess direttiva, għandu jinżamm responsabbli għall-ħlas ta’ penali ta’ emissjonijiet żejda. Skont il-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni, l-operatur tal-ajruplan li jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87 jista’ wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, jiġi pprojbit milli jopera.

2. Id-Deċiżjoni Nru 377/2013

11.

Id-Deċiżjoni Nru 377/2013 stabbilixxiet moratorju għal ċerti rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2003/87. Id-deċiżjoni tal-Kumitat Imħallat taż-ŻEE Nru 50/2013 integrat din id-deċiżjoni fil-Ftehim ŻEE ( 12 ).

12.

Il-premessa 5 tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 issemmi l-progress fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) “lejn l-adozzjoni […] ta’ qafas globali għall-politika tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali, u dwar l-iżvilupp ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (‘MBM’)”. Skont il-premessa 6 ta’ din id-deċiżjoni, din hija intiża “[s]abiex jiġi ffaċilitat dan il-progress u jingħata iktar momentum” billi jiġi pospost l-infurzar tar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2003/87 għal dak li jikkonċerna t-titjiriet lejn u minn ajruporti f’pajjiżi li jinsabu barra l-Unjoni Ewropea li ma humiex membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), dipendenzi u territorji tal-Istati Membri taż-ŻEE u pajjiżi li ffirmaw Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni.

13.

Il-premessa 9 tal-imsemmija deċiżjoni tipprovdi:

“Id-deroga prevista minn din id-Deċiżjoni m’għandhiex taffettwa l-integrità ambjentali u l-għan ġenerali tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-bidla fil-klima, u lanqas m’għandha tirriżulta f’distorzjonijiet tal-kompetizzjoni. Għalhekk, u sabiex jitħares l-għan ġenerali tad-Direttiva 2003/87/KE, li tifforma parti mill-qafas legali biex l-Unjoni tonora l-impenn indipendenti tagħha li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet tagħha sa 20 % taħt il-livelli tal-1990, dik id-Direttiva għandha tibqa’ tapplika għal titjiriet li jitilqu minn ajruporti jew li jaslu f’ajruporti fit-territorju ta’ Stat Membru, lejn jew minn ajruporti f’ċerti żoni jew pajjiżi barra l-Unjoni li huma konnessi mill-qrib jew assoċjati”.

14.

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li “[b]’deroga mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri m’għandhom jieħdu l-ebda azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti mogħtija fl-Artikolu 12(2a) u fl-Artikolu 14(3) ta’ dik id-Direttiva għas-snin kalendarji 2010, 2011 u 2012 għal attivitajiet lejn u minn ajruporti f’pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-Unjoni u li mhumiex membri tal-EFTA, li mhumiex dipendenzi u territorji tal-Istati fiż-ŻEE jew li mhumiex pajjiżi li ffirmaw Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, f’każ li t-tali operaturi tal-inġenji tal-ajru ma jkunu ngħataw l-ebda kwota b’xejn għat-tali attivitajiet fl-2012 jew, f’każ li t-tali operaturi, jekk ikunu ngħataw it-tali kwoti, ikunu rritornaw, sat-tletin jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, lill-Istati Membri għal kanċellazzjoni, numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni 2012 li jikkorrispondu għas-sehem ta’ tunnellati-kilometru verifikati ta’ tali attività fis-sena ta’ referenza 2010”.

15.

Il-kategorija tal-“membri tal-EFTA”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tirreferi speċifikament għall-Isvizzera, inkwantu t-tliet Stati Membri l-oħra tal-EFTA – jiġifieri l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja – huma wkoll membri taż-ŻEE. Għaldaqstant, dawn fi kwalunkwe każ, ma kinux koperti mill-moratorju, peress li s-SSKE UE baqgħet tapplika għat-titjiriet ġewwa ż-ŻEE ( 13 ). Il-kategorija tad-“dipendenzi u territorji tal-Istati fiż-ŻEE” tirreferi għall-pajjiżi u territorji barranin tal-Istati Membri taż-ŻEE ( 14 ). Fir-rigward tal-kategorija tal-“pajjiżi li ffirmaw Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni”, din tinkludi biss lill-Kroazja. Għaldaqstant, l-uniċi titjiriet lejn jew minn Stati terzi (jiġifieri minn Stati mhux membri taż-ŻEE) esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-moratorju kienu dawk li jaslu jew jitilqu mill-Isvizzera jew mill-Kroazja. Wara l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013, l-Isvizzera kienet l-unika Stat terz milqut b’din l-esklużjoni.

16.

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni, din bdiet tapplika fl-24 ta’ April 2013 – għaldaqstant, ftit jiem qabel l-iskadenza tad-data limitu tat-30 ta’ April 2013 stabbilita, skont l-Artikolu 12a tad-Direttiva 2003/87, għaċ-ċessjoni tal-kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet prodotti matul is-sena 2012.

B – Id-dritt tar-Renju Unit

17.

Permezz tal-Greenhouse Gas Emissions Trading Scheme (Amendment) Regulations 2013 (att tal-2013 li jemenda r-regolamenti ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra) (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), is-Secretary of State for Energy and Climate Change (ministru tal-Enerġija u tal-Bidla fil-Klima, ir-Renju Unit) emenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra (li tittrasponi d-Direttiva 2003/87 fid-dritt nazzjonali) sabiex jimplementa d-Deċiżjoni Nru 377/2013.

III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Swiss International Air Lines AG (iktar ’il quddiem “Swiss”), kumpannija tal-ajru stabbilita fl-Isvizzera, akkwistat, għas-sena 2012, ċertu numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ħlas u bi ħlas. Din il-kumpannija ċediet il-kwoti korrispondenti għall-emissjonijiet marbutin mat-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera li hija għamlet matul is-sena 2012.

19.

Quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [il-qorti tal-ġustizzja għolja (Ingilterra u Wales), sezzjoni tal-Queen’s Bench (awla amministrattiva), ir-Renju Unit], Swiss talbet l-annullament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali inkwantu hija teskludi t-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera mill-moratorju għall-applikazzjoni tas-SSKE UE. Insostenn ta’ din it-talba, hija invokat l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-Deċiżjoni Nru 377/2013, li din il-leġiżlazzjoni timplementa fid-dritt nazzjonali. B’mod iktar preċiż, din il-kumpannija sostniet li din id-deċiżjoni tikser il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament inkwantu hija teskludi t-titjiriet imsemmija mill-moratorju msemmi, filwaqt li tinkludi fih it-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-parti l-kbira tal-pajjiżi terzi l-oħra.

20.

Swiss talbet ukoll l-annullament taċ-ċessjoni tal-kwoti li hija għamlet għat-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera, u l-korrezzjoni konsegwenzjali tar-reġistru tal-kwoti. Alternattivament, hija talbet kumpens finanzjarju għall-valur tal-kwoti akkwistati bi ħlas li hija ċediet jew xi forma ta’ kumpens xieraq.

21.

Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, Swiss appellat quddiem il-qorti tar-rinviju.

22.

B’deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2015, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (sezzjoni ċivili)] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-[Deċiżjoni Nru 377/2013] tikser il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, sa fejn tistabilixxi moratorju fuq ir-rekwiżiti ta’ sabiex jiġu ċeduti l-kwoti ta’ emissjonijiet imposti mid-[Direttiva 2003/87] fir-rigward ta’ titjiriet bejn [iż-ŻEE] u kważi l-Istati kollha mhux fiż-ŻEE, iżda ma testendix dan il-moratorju għal titjiriet bejn l-Istati taż-ŻEE u l-Isvizzera?

2)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, liema rimedju għandu jingħata lil applikant fil-pożizzjoni ta’ [Swiss], li jkun ċeda l-kwoti ta’ emissjonijiet fir-rigward ta’ titjiriet li jkunu seħħew matul l-2012 bejn l-Istati taż-ŻEE u l-Isvizzera, sabiex tqiegħed lil dan l-applikant fil-pożizzjoni li kien ikun fiha, kieku ma kienx hemm l-esklużjoni mill-moratorju ta’ titjiriet bejn l-Istati taż-ŻEE u l-Isvizzera? B’mod partikolari:

a)

Ir-reġistru għandu jiġi rrettifikat sabiex jirrifletti numru iżgħar ta’ kwoti li tali applikant kien ikollu jċedi kieku t-titjiriet lejn jew mill-Isvizzera kienu ġew inklużi fil-moratorju?

b)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, liema azzjoni (jekk ikun il-każ) għandha tittieħed mill-awtorità nazzjonali kompetenti u/jew mil-qorti nazzjonali sabiex il-kwoti addizzjonali ċeduti jiġu rritornati lil dan l-applikant?

c)

Dan l-applikant għandu d-dritt li jitlob danni skont l-Artikolu 340 [TFUE] fil-konfront tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kwalunkwe dannu li seta’ sofra minħabba li jkun ċeda l-kwoti addizzjonali b’riżultat tad-Deċiżjoni Nru 377/2013?

d)

L-applikant għandu jingħata xi forma oħra ta’ kumpens, u jekk ikun il-każ, x’kumpens?”

23.

Swiss, il-Gvern Taljan u tar-Renju Unit, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Huma kollha, ħlief għall-Gvern Taljan, kienu rrappreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Mejju 2016.

IV – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

24.

Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni - mingħajr ma tikkontesta l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari – li r-Renju Unit kiser id-dritt tal-Unjoni meta adotta, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, miżuri li jirrigwardaw l-introduzzjoni tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 fid-dritt intern.

25.

Il-Kummissjoni tirrileva li din il-leġiżlazzjoni temenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/87 u tirriproduċi l-kontenut tad-Deċiżjoni Nru 377/2013. Dawn il-miżuri jaħbu għaldaqstant in-natura ġuridika tad-dispożizzjonijiet previsti minn din id-deċiżjoni kif ukoll l-applikabbiltà diretta tagħhom. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni talbet, fis-sustanza, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata, għal dawn ir-raġunijiet, l-invalidità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali.

26.

F’dan ir-rigward infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura ppreżentata skont l-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex kompetenti biex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tan-normi tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni ( 15 ).

27.

Hija tista’ madankollu tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, li jistgħu jippermettulha tevalwa tali kompatibbiltà sabiex taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha ( 16 ). Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tali eżerċizzju jeċċedi wkoll, fil-fehma tiegħi, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-argumenti invokati mill-Kummissjoni jikkonċernaw problema li l-qorti tar-rinviju ma qajmitx. Issa, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi magħmul mill-Artikolu 267 TFUE, hija din il-qorti biss li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tixtieq tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ).

28.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li ma huwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-osservazzjonijiet preliminari ppreżentati mill-Kummissjoni.

29.

Fi kwalunkwe każ, intendi li nikkunsidra li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ miżuri li jirrigwardaw l-introduzzjoni tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 fid-dritt nazzjonali.

30.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri ta’ riċezzjoni ta’ regolamenti tikser id-dritt tal-Unjoni inkwantu tostakola l-applikabbiltà diretta li jagħtihom it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u tippreġudika għaldaqstant l-applikazzjoni simultanja u uniformi tagħhom fl-Unjoni kollha ( 18 ). B’mod partikolari, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw atti li jaħbu mill-individwi l-fatt li regola ġuridika toriġina mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-effetti li jirriżultaw minnha ( 19 ).

31.

Id-Deċiżjoni Nru 377/2013 tobbliga, f’dan il-każ, lill-Istati Membri sabiex jastjenu milli japplikaw ċerti miżuri taħt id-Direttiva 2003/87. Għalkemm dawn tal-aħħar huma obbligati li jeżegwixxu din id-deċiżjoni, jekk ikun il-każ billi jadottaw ċerti atti amministrattivi ( 20 ), l-applikabbiltà tagħha ma hijiex suġġetta għat-traspożizzjoni jew l-inkorporazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Nru 377/2013 ma tipprevedi ebda dispożizzjoni li tirrigwarda t-traspożizzjoni tagħha mill-Istati Membri ( 21 ); skont l-Artikolu 6 tagħha, hija tapplika mill-ġurnata tal-adozzjoni tagħha. Għaldaqstant, jidhirli li din id-deċiżjoni, l-istess bħal regolament, hija applikabbli direttament ( 22 ).

32.

Madankollu, anki jekk jitqies li l-prinċipju stabbilit fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet għal dak li jikkonċerna r-regolamenti jestendi għad-deċiżjonijiet, dan il-prinċipju ma jipprojbixxix b’mod assolut l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ introduzzjoni fid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, f’ċerti ċirkustanzi, ċerti dispożizzjonijiet ta’ xi regolament jistgħu jkunu riprodotti f’tali miżuri, b’mod partikolari fl-interess tal-koerenza interna tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u tat-tifsira tajba tal-istess min-naħa tad-destinatarji tagħhom ( 23 ).

33.

Fil-fehma tiegħi, din il-kawża tidħol f’dan ix-xenarju. Fir-rigward tar-rabta bejn id-Deċiżjoni Nru 377/2013 u d-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jadottaw miżuri li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fid-dritt intern fl-interess tal-komprensjoni tajba tal-portata ta’ din id-direttiva u taċ-ċertezza legali. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali miżuri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-imsemmija direttiva ma tkunx tirrifletti l-moratorju stabbilit permezz tad-Deċiżjoni Nru 377/2013. L-operaturi tal-ajruplani kkonċernati jkunu jistgħu għaldaqstant jaqgħu fi żball fir-rigward tal-portata tal-obbligi li timponilhom din il-leġiżlazzjoni. Mill-bqija, sa fejn dawn il-miżuri huma marbutin b’mod inseparabbli mal-leġiżlazzjoni msemmija, dawn ma jistgħux jaħbu li l-obbligi imposti minnhom jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

34.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju rrikonoxxiet b’mod sħiħ l-oriġini tar-regoli previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, din ġustament ikkunsidrat li, peress li din il-leġiżlazzjoni tinkorpora d-Deċiżjoni Nru 377/2013 fid-dritt intern, il-validità tagħha tiddependi minn dik ta’ din id-deċiżjoni, u din hija r-raġuni għalfejn hija ppreżentat din it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

B – Fuq in-natura tad-differenza fit-trattament allegata

35.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 jobbliga, fis-sustanza, lill-Istati Membri biex jastjenu milli jippenalizzaw lill-operaturi tal-ajruplani f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva 2003/87 għas-sorveljanza u dikjarazzjoni tal-emissjonijiet prodotti matul is-snin 2010, 2011 u 2012 u biex iċedu l-kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet prodotti matul is-sena 2012 ( 24 ), sakemm dawn l-emissjonijiet kienu marbutin mat-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-pajjiżi barra mill-Unjoni – bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, tal-Isvizzera ( 25 ).

36.

Bil-fatt li eskludiet it-titjiriet lejn jew mill-Isvizzera minn dan il-moratorju, din id-dispożizzjoni tagħti lok għal differenza fit-trattament bejn ir-rotot tal-ajru abbażi tad-destinazzjoni u tal-provenjenza tat-titjiriet. Kif sostna l-Parlament, tali distinzjoni bejn ir-rotot tal-ajru hija ekwivalenti għal differenza fit-trattament bejn Stati terzi ( 26 ). Dawn ir-rotot huma, fil-fatt, iddefiniti esklużivament b’riferiment għall-pajjiżi li jgħaqqdu. Minn din id-differenza fit-trattament bejn Stati terzi tirriżulta, bħala estensjoni minnha, differenza fit-trattament bejn l-operaturi ta’ ajruplani skont it-titjiriet li huma joperaw – jiġifieri abbażi ta’ kriterju ġeografiku marbut mal-attivitajiet tagħhom.

37.

Barra minn hekk, għalkemm l-imsemmi moratorju japplika indipendentement min-nazzjonalità jew mis-sede tal-operaturi tal-ajruplani, dawk stabbiliti fl-Isvizzera – bħal Swiss – jistgħu jkunu affettwati b’mod iktar ħażin bl-esklużjoni tat-titjiriet li jaslu lejn jew jitilqu mill-Isvizzera minn dawk stabbiliti fi Stati terzi oħrajn, peress li l-attivitajiet ta’ dawk tal-ewwel jistrieħu iktar fuq l-operazzjoni ta’ dawn it-titjiriet.

38.

Sabiex jitneħħa kull dubju eventwali f’dan ir-rigward, nosserva li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament abbażi tan-nazzjonalità jew tas-sede ( 27 ), li tiegħu d-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-libertajiet tal-moviment jikkostitwixxu espressjoni speċifika, jibbenefika esklużivament liċ-ċittadini tal-Istati Membri u lill-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fl-Unjoni ( 28 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru ( 29 ), li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità fil-qasam tal-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim, jipprekludi, fil-fehma tiegħi, biss id-diskriminazzjonijiet bejn il-kumpanniji stabbiliti fl-Isvizzera u dawk stabbiliti fl-Unjoni (u mhux bejn il-kumpanniji stabbiliti fl-Isvizzera u dawk stabbiliti fi Stati terzi). Issa, huwa stabbilit li d-Deċiżjoni Nru 377/2013 ma tivvantaġġjax lill-operaturi tal-ajruplani stabbiliti fl-Unjoni meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fl-Isvizzera. Fil-fatt, il-moratorju stabbilit minnha ma jkopri la t-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera, u lanqas it-titjiriet ġewwa ż-ŻEE. Swiss ma tinvokax, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità jew is-sede tal-operaturi tal-ajruplani.

39.

Għaldaqstant, għall-finijiet li tingħata risposta lill-ewwel domanda, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-validità tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament li jinkwadra s-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jeżiġi, b’mod ġenerali, “li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat” ( 30 ).

C – Fuq il-portata tal- “prinċipju tas-sentenza Balkan ” (l-ewwel domanda)

1. Kummenti introduttivi

40.

Tradizzjonalment, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali – fil-kwalità tagħhom ta’ suġġetti rregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku – huma rregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku. Dan ma jinkludi, kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ebda prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament li xi wieħed mis-suġġetti tiegħu jkun obbligat jittratta lis-suġġetti l-oħra tiegħu fuq livell ta’ ugwaljanza ( 31 ).

41.

Id-dritt tal-Unjoni lanqas ma jistabbilixxi l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati terzi. Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Balkan‑Import‑Export, “fit-trattat ma jeżistix prinċipju ġenerali li jobbliga [lill-Unjoni], fir-relazzjonijiet esterni tagħha, li tagħti, taħt kull aspett, trattament ugwali lill-pajjiżi terzi” ( 32 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

42.

Fis-sentenza Faust vs Il-Kummissjoni, hija ppreċiżat l-implikazzjonijiet ta’ tali konstatazzjoni għall-operaturi ekonomiċi billi rrilevat li, “għalkemm differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi ma tmurx kontra d-dritt [tal-Unjoni], lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li tmur kontra dan id-dritt differenza fit-trattament bejn operaturi ekonomiċi [tal-Unjoni] li hija biss konsegwenza awtomatika tad-differenzi fit-trattamenti mogħtija lill-pajjiżi terzi li magħhom dawn l-operaturi stabbilixxew relazzjonijiet kummerċjali” ( 33 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali] Din il-konklużjoni testendi, jidhirli, a fortiori għad-differenzi fit-trattament bejn operaturi stabbiliti barra mill-Unjoni (jew bejn operaturi tal-Unjoni u operaturi stabbiliti barra mill-Unjoni).

43.

Il-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Balkan‑Import‑Export ( 34 ) u l-korollarju tiegħu mħaddan fis-sentenza Faust vs Il-Kummissjoni ( 35 ) jikkostitwixxu, flimkien, dak li jien insejjaħ il-“prinċipju tas-sentenza Balkan”.

44.

F’dan il-każ, l-operaturi tat-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera jsofru żvantaġġ peress li ma jibbenefikawx, u dan b’kuntrast mal-operaturi tat-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Istati terzi l-oħra, mill-moratorju previst fid-Deċiżjoni Nru 377/2013. Xejn ma jxejjen il-fatt li dan l-iżvantaġġ jikkostitwixxi l-“konsegwenza awtomatika” tat-trattament differenti li l-Unjoni rriżervat għall-Isvizzera, minn naħa, u għal dawn l-Istati terzi l-oħrajn, min-naħa l-oħra, fil-forma ta’ distinzjoni bejn ir-rotot tal-ajru lejn jew minn dawn il-pajjiżi.

45.

Madankollu, Swiss tikkontesta l-legalità ta’ din id-differenza fit-trattament bejn l-Isvizzera u l-Istati Membri l-oħra u, bl-istess mod, bejn l-operaturi tal-ajruplani skont it-titjiriet li huma joperaw.

2. L-argument ta’ Swiss dwar il-limitazzjoni eventwali tal-portata tal-prinċipju tas-sentenza Balkan

46.

L-argument ta’ Swiss huwa bbażat fuq raġunament b’inferenza bbażat fuq l-analiżi tas-sentenzi Balkan‑Import‑Export ( 36 ), Faust vs Il-Kummissjoni ( 37 ) u Il-Ġermanja vs Il-Kunsill ( 38 ).

47.

Dawn is-sentenzi kienu kollha jirrigwardaw il-validità, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament, tal-miżuri Komunitarji li jostakolaw l-importazzjonijiet ta’ prodotti li ġejjin minn ċerti pajjiżi terzi b’mod iktar qawwi minn dawk ta’ prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi oħrajn.

48.

B’mod iktar preċiż, is-sentenza Balkan‑Import‑Export ( 39 ) kienet tikkonċerna l-konformità ma’ dan il-prinċipju tar-riċezzjoni ta’ ammonti ta’ kumpens pekunjarji għall-importazzjonijiet ta’ ġobon provenjenti mill-Bulgarija, filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ ġobon provenjenti, b’mod partikolari, mill-Isvizzera kienu eżentati.

49.

Is-sentenza Faust vs Il-Kummissjoni ( 40 ) ittrattat il-legalità ta’ regolamenti li jissospendu l-għoti ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat provenjenti mill-pajjiżi terzi kollha (fosthom it-Tajwan) ħlief dawk li aċċettaw obbligu ta’ awtolimitazzjoni fuq l-importazzjonijiet (jiġifieri ċ-Ċina u l-Korea ta’ Isfel) ( 41 ).

50.

Fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill ( 42 ), il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-validità ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li approvat ftehim qafas li jiffissa kwoti ta’ tariffi għall-importazzjonijiet ta’ banana provenjenti minn pajjiż terz (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas fuq il-banana”), fejn irriżultat differenza fit-trattament bejn diversi kategoriji ta’ importaturi ta’ banana skont il-provenjenza tagħhom ( 43 ).

51.

Swiss tallega, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma adottatx l-istess raġunament f’kull waħda minn dawn is-sentenzi. Hija kkonkludiet, fis-sentenzi Faust vs Il-Kummissjoni ( 44 ) u Il-Ġermanja vs Il-Kunsill ( 45 ), dwar l-inapplikabbiltà tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fis-sentenza Balkan‑Import‑Export ( 46 ), il-Qorti tal-Ġustizzja applikat, min-naħa l-oħra, dan l-istess prinċipju u kkonkludiet li ma kienx ġie miksur peress li t-trattament differenti kien oġġettivament iġġustifikat.

52.

Din il-kumpannija tosserva, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet kunsiderazzjonijiet dwar il-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi fis-sentenza Balkan‑Import‑Export biss ( 47 ). Fil-fatt, wara li sostniet li ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jobbliga lil din biex tittratta lill-pajjiżi terzi fuq livell ta’ ugwaljanza, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet ir-raġunijiet li jiġġustifikaw li jingħata trattament differenti lill-prodotti kkonċernati skont il-provenjenza tagħhom ( 48 ). Min-naħa l-oħra, fis-sentenzi Faust vs Il-Kummissjoni ( 49 ) u Il-Ġermanja vs Il-Kunsill ( 50 ), hija llimitat ruħha biex tikkonkludi li, fin-nuqqas ta’ tali obbligu, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jinkisirx meta d-differenza fit-trattament bejn operaturi ekonomiċi tkun tikkostitwixxi konsegwenza awtomatika tad-differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi ( 51 ).

53.

Fit-tieni lok, Swiss tipprova tispjega din l-allegata diverġenza fir-raġunament bl-assenza, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Balkan‑Import‑Export ( 52 ), ta’ azzjoni esterna, bħal ftehim internazzjonali, li jiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, it-trattament differenti stabbilit bil-miżuri Komunitarji eżaminati fis-sentenza Faust vs Il-Kummissjoni ( 53 ) ħarġu minn ftehim kummerċjali bejn il-Komunità u ċ-Ċina kif ukoll min-negozjati – li mmaterjalizzaw bl-iskambju ta’ dokumenti informali (fil-forma ta’ telex) – bejn dawn iż-żewġ entitajiet dwar l-adozzjoni miċ-Ċina ta’ obbligu ta’ awtolimitazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati. Id-differenza fit-trattament inkwistjoni fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill ( 54 ) irriżultat ukoll minn ftehim internazzjonali, jiġifieri l-ftehim qafas fuq il-banana.

54.

Swiss tiddeduċi minn dan, fit-tielet lok, li l-applikabbiltà tal-prinċipju tas-sentenza Balkan hija suġġetta għal kundizzjoni li tirrifletti din id-distinzjoni fattwali. Skont din tal-aħħar, dan il-prinċipju japplika biss “meta [l-Unjoni] teżerċita l-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-azzjoni esterna (pereżempju, billi tikkonkludi trattati, tipikament fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni)”. Fis-sustanza, il-prinċipju msemmi jkopri biss ix-xenarji li fihom id-differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi tidħol bħala estensjoni ta’ “azzjoni esterna” li għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

Mill-aspett materjali, tali azzjoni, mingħajr neċessarjament ma tkun tikkonsisti fi ftehim internazzjonali, għandha taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-“azzjoni esterna”, b’kuntrast mal-politika interna tal-Unjoni fl-aspetti esterni tagħha.

Barra minn hekk, fuq livell formali, l-azzjoni esterna għandha teżisti qabel l-att leġiżlattiv tal-Unjoni li jistabbilixxi d-differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi ( 55 ) u għandha jkollha natura “konkreta” u “pubblika”. Waqt is-seduta, Swiss iġġustifikat dan ir-rekwiżit bin-neċessità li tiżgura l-pubbliċità u l-kontroll demokratiku ta’ tali differenza fit-trattament.

55.

Skont Swiss, din il-kundizzjoni ma hijiex sodisfatta f’dan il-każ. Għaldaqstant, id-differenza fit-trattament bejn it-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera, minn naħa, u dawn bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Istati terzi l-oħrajn, min-naħa l-oħra, ma tevitax l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament. Fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva – li hija nieqsa f’dan il-każ –, tali trattament ikun ekwivalenti għal diskriminazzjoni.

56.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, nikkunsidra li din il-kundizzjoni ma tistax, la fl-aspett materjali u lanqas fl-aspett formali tagħha, tkun dedotta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

3. L-applikabbiltà tal-prinċipju tas-sentenza Balkan ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ “azzjoni esterna” fis-sens materjali mifhum minn Swiss.

57.

Sa fejn hija tikkontempla, bil-kunċett ta’ “azzjoni esterna”, dawk l-atti biss li jiġu adottati fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna fis-sens tal-Artikolu 21(3) TUE ( 56 ), it-teżi ta’ Swiss tinsab f’kunflitt mal-kliem li l-Qorti tal-Ġustizzja użat biex tistabbilixxi l-prinċipju tas-sentenza Balkan. Fil-fatt hija fformulat dan il-prinċipju fis-sens li l-Unjoni ma hijiex obbligata tittratta lid-diversi Stati terzi fuq livell ta’ ugwaljanza “fir-relazzjonijiet esterni tagħha” ( 57 ).

58.

Kif sostna l-gvern tar-Renju Unit, il-kunċett ta’ “relazzjonijiet esterni” ma huwiex limitat għall-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-oqsma koperti mit-titlu V tat-TUE ( 58 ) u mill-ħames parti tat-TFUE ( 59 ), fis-sens tal-Artikolu 21(3) TUE. Dan il-kunċett jinkludi wkoll il-politika l-oħra tal-Unjoni fl-aspetti estern tagħha ( 60 ) – dawn huma, skont din id-dispożizzjoni, suġġetti għall-istess prinċipji u għanijiet bħal dawk li jirregolaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni.

59.

Il-politika l-oħra tal-Unjoni fl-aspetti esterni tagħha tinkludi l-eżerċizzju minn din tal-kompetenzi mogħtija lilha bl-Artikolu 192(1) TFUE bil-għan li twettaq l-għan tal-“promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima” imsemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 191(1) TFUE.

60.

L-Artikolu 192(1) TFUE jikkostitwixxi, f’dan il-każ, il-bażi legali tad-Deċiżjoni Nru 377/2013. Il-moratorju stabbilit b’din id-deċiżjoni kien intiż, fil-fatt, li jiffaċilita n-negozjati ta’ approċċ globali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet marbutin mat-trasport bl-ajru fil-kuntest tal-ICAO ( 61 ). Madankollu, il-leġiżlatur ikkunsidra bħala neċessarju li jeskludi minn dan il-moratorju t-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-preġudizzju għall-integrità ambjentali tas-SSKE UE – li, infakkar, jikkontribwixxi għall-osservanza tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha taħt il-protokoll ta’ Kyoto ( 62 ). Kif enfasizza l-Parlament, id-Deċiżjoni Nru 377/2013 tirrifletti għaldaqstant il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni tagħha fil-qasam tad-dritt tal-ambjent u tal-klima.

61.

Konsegwentement, jidhirli li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tas-sentenza Balkan ma huwiex limitat għad-differenzi fit-trattament bejn pajjiżi terzi li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna fis-sens tal-Artikolu 21(3) TUE.

4. L-applikabbiltà tal-prinċipju tas-sentenza Balkan ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ “azzjoni esterna” fis-sens formali mifhum minn Swiss

62.

Skont Swiss, il-prinċipju tas-sentenza Balkan ma japplikax għad-differenzi fit-trattament bejn pajjiżi terzi li jirriżultaw biss mill-att innifsu li jistabbilihom. Il-portata ta’ dan il-prinċipju hija limitata għad-differenzi fit-trattament immotivati minn azzjoni esterna konkreta u pubblika qabel l-att leġiżlattiv tal-Unjoni li joħorġu minnu ( 63 ).

63.

Fl-ewwel lok, nosserva li dan l-approċċ iċaħħad mill-effett utli l-prinċipju tas-sentenza Balkan. Fil-fatt, dan jirriżulta f’eżiġenza li tingħata ġustifikazzjoni, fil-forma ta’ tali azzjoni, għad-differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi – ħaġa li tippreżumi li din taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Issa, il-prinċipju tas-sentenza Balkan jeskludi preċiżament l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament għar-relazzjonijiet li l-Unjoni għandha mad-diversi pajjiżi terzi.

64.

Kif osservajt fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali esklużjoni hija konformi mad-dritt internazzjonali pubbliku. Ir-relazzjonijiet bejn is-suġġetti rregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku inġenerali u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni b’mod partikolari, huma kkaratterizzati, fil-fatt, min-natura diskrezzjonarja ħafna tagħhom. Fil-fehma tiegħi, huwa minn din il-perspettiva li l-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn sostna, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Faust vs Il-Kummissjoni, li, “[a]nki meta n-nuqqas ta’ ftehim dwar il-limitazzjoni tal-esportazzjonijiet jirriżulta minn diskriminazzjoni arbitrarja min-naħa tal-Kummissjoni, xorta waħda ma jkunx hemm diskriminazzjoni illeċita bejn l-importaturi peress li l-Kummissjoni ma hijiex legalment obbligata li tħaddan ugwaljanza fit-trattament lill-pajjiżi terzi” ( 64 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

65.

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega Swiss, il-prinċipju tas-sentenza Balkan ma jikkostitwixxix “eċċezzjoni” għall-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament. Dan l-aħħar prinċipju ma japplikax sempliċiment għat-trattament li l-Unjoni tagħti lid-diversi pajjiżi terzi fit-twettiq tar-relazzjonijiet esterni tagħha, ħlief biex irendi dan ħafna iktar diffiċli, jew impossibbli ( 65 ). Ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni huma bbażati, bħala fatt, fuq għażliet ta’ natura politika u diplomatika bbażati fuq diversi parametri u li għalihom il-leġiżlatur għandu jkollu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa ( 66 ). Barra minn hekk, fl-assenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn Stati terzi fid-dritt internazzjonali pubbliku, l-Unjoni tkun qegħda tirrestrinġi unilateralment il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fir-relazzjonijiet esterni tagħha kieku hija tissuġġetta lilha nnifisha għal tali prinċipju.

66.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, intendi li ngħid, l-istess bħall-Parlament, li huwa għall-fini ta’ eżawriment, sabiex issaħħaħ il-konklużjoni tagħha li tgħid li r-regolamenti kkonċernati ma kinux jiksru l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fis-sentenza Balkan‑Import‑Export ( 67 ), jekk id-differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi li tirriżulta minn dawn ir-regolamenti kinitx oġġettivament iġġustifikata.

67.

Mill-bqija, l-interpretazzjoni mogħtija minn Swiss twassal biex jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja, paradossalment, ma applikatx il-prinċipju tas-sentenza Balkan fis-sentenza Balkan‑Import‑Export ( 68 ). Issa, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi aċċettat li f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 14, stabbilixxiet dan il-prinċipju għall-ewwel darba, biex imbagħad tbiegħdet minnu mill-ewwel fil-punt 15. Kieku din kienet l-intenzjoni tagħha, jidhirli li hija kienet tal-inqas tafferma espliċitament li s-sitwazzjoni inkwistjoni ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju msemmi u kienet tippreċiża r-raġunijiet li japplikaw għal din l-esklużjoni.

68.

Fit-tieni lok, l-elementi ta’ ċirkustanza li jikkaratterizzaw il-kuntest tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi Faust vs Il-Kummissjoni ( 69 ) u Il-Ġermanja vs Il-Kunsill ( 70 ) ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jitqiegħdu bħala kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-prinċipju tas-sentenza Balkan.

69.

F’dan ir-rigward, il-Parlament irrimarka, ġustament, li, fis-sentenza Faust vs Il-Kummissjoni ( 71 ), l-eżistenza ta’ ftehim kummerċjali bejn il-Komunità u ċ-Ċina ma kinitx tispjega direttament it-trattament preferenzjali tal-importazzjonijiet provenjenti minn dan il-pajjiż. Dan kien joriġina mill-fatt li ċ-Ċina, diversament mit-Tajwan, kienet intrabtet unilateralment sabiex tillimita l-importazzjonijiet tagħha. Għaldaqstant, l-imsemmi ftehim kien jirrappreżenta biss element wieħed mill-kuntest ġenerali li fih kienu jidħlu r-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Komunità u ċ-Ċina ( 72 ). Fi kwalunkwe każ, ma kien hemm ebda kwistjoni ta’ ftehim simili bejn il-Komunità u l-Korea ta’ Isfel. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, aċċettat bħala valida d-differenza fit-trattament bejn it-Tajwan u l-Korea ta’ Isfel.

70.

Fir-rigward tat-telex skambjati bejn il-Komunità u ċ-Ċina fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-obbligu ta’ awtolimitazzjoni li ħadet fuqha din tal-aħħar, dawn jikkostitwixxu atti unilaterali u probabbilment kunfidenzjali. Issa, Swiss tinvoka, biex tikkorrobora t-teżi tagħha, in-neċessità ta’ kontroll pubbliku, b’mod partikolari mill-Parlament, fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-differenzi fit-trattament bejn Stati terzi. Barra minn hekk, ma nifhimx, f’dan il-każ, in-neċessità ta’ dan il-kontroll mill-Parlament, peress li din l-istituzzjoni hija biss waħda mill-ko-awturi tad-Deċiżjoni Nru 377/2013.

71.

Dawn iċ-ċirkustanzi jattestaw, fil-fehma tiegħi, sempliċiment li d-differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi inkwistjoni fis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq jidħlu sewwasew f’kuntest internazzjonali. Barra minn hekk, dan kien ukoll il-każ tat-trattament differenti inkwistjoni fis-sentenza Balkan‑Import‑Export ( 73 ). L-istess japplika għad-distinzjoni bejn pajjiżi terzi prevista mid-Deċiżjoni Nru 377/2013 ( 74 ). B’mod ġenerali, it-trattament li l-Unjoni tirriżerva għad-diversi pajjiżi terzi jidhirli li hija, min-natura tagħha stess, marbuta dejjem ma’ kuntest internazzjonali.

72.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-applikabbiltà tal-prinċipju tas-sentenza Balkan ma tiddependix, fil-fehma tiegħi, fuq l-eżistenza, qabel l-att leġiżlattiv tal-Unjoni li jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi, ta’ azzjoni esterna konkreta u pubblika tal-Unjoni li timmotiva din id-differenza fit-trattament.

5. Konklużjoni dwar il-validità tad-Deċiżjoni Nru 377/2013

73.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-portata tal-prinċipju tas-sentenza Balkan ma tistax tkun limitata għall-ipoteżijiet li fihom l-att leġiżlattiv tal-Unjoni li jipprovdi għal differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi jkun kontinwazzjoni ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni li tippreżenta l-karatteristiċi deskritti fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

74.

Konsegwentement, dan il-prinċipju japplika għal dan il-każ. Għaldaqstant, l-Unjoni ma hijiex obbligata tirriżerva trattament ugwali, minn naħa, għat-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera u, min-naħa l-oħra, għat-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Istati terzi l-oħrajn – id-differenza fit-trattament bejn dawn ir-rotot tal-ajru tixbah id-differenza fit-trattament bejn Stati terzi ( 75 ). L-Unjoni lanqas ma hija obbligata tittratta l-operaturi ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ titjiriet fuq livell ta’ ugwaljanza. Fil-fatt, id-differenza fit-trattament bejn l-operaturi abbażi tad-destinazzjoni u tal-provenjenza tat-titjiriet li huma joperaw tikkostitwixxi l-konsegwenza awtomatika, fis-sens tas-sentenza Faust vs Il-Kummissjoni ( 76 ), tad-differenza fit-trattament bejn ir-rotot tal-ajru.

75.

Il-Gvern Taljan u tar-Renju Unit kif ukoll il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni invokaw, barra minn hekk, argumenti b’saħħithom intiżi biex jiġġustifikaw, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi dan, din l-aħħar differenza fit-trattament. Dawn l-argumenti jqajmu essenzjalment kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-kuntest internazzjonali li fih tidħol id-Deċiżjoni Nru 377/2013, bħalma huma dawk imsemmija fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ma jidhirlix li huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti msemmija b’mod iktar dettaljat. Fil-fatt, sakemm ebda prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jkun japplika għal din id-differenza fit-trattament, din tal-aħħar ma għandhiex għalfejn tkun iġġustifikata.

76.

Għal dawn l-istess raġunijiet, ma għandha ebda effett il-konstatazzjoni li tgħid li, permezz tar-Regolament (UE) Nru 421/2014, il-leġiżlatur estenda, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-moratorju fuq l-applikazzjoni tas-SSKE UE għat-titjiriet kollha lejn jew mill-pajjiżi kollha mhux membri taż-ŻEE, inkluża l-Isvizzera ( 77 ). Din il-konstatazzjoni tkun potenzjalment rilevanti biss fl-ipoteżi fejn tkun trid tinġieb ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament li tirriżulta mid-Deċiżjoni Nru 377/2013. Issa jiena kkonkludejt li dan ma kienx il-każ. Fi kwalunkwe każ, jidhirli li l-leġiżlatur huwa permess jerġa’ jikkalibra l-politika fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni skont, b’mod partikolari, l-evoluzzjoni tal-kuntest internazzjonali li tidħol fih dik il-politika ( 78 ).

77.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni biex nikkonkludi li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 ma jiksirx il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament inkwantu d-deroga li huwa jipprovdi ma tapplikax għat-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera.

D – Fuq it-tieni domanda

78.

Jidhirli li ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, peress li l-ewwel domanda titlob risposta negattiva.

V – Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel domanda magħmula mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (sezzjoni ċivili), ir-Renju Unit]:

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ April 2013, għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, ma jmurx kontra l-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament peress li d-deroga li huwa jistabbilixxi ma tapplikax għat-titjiriet bejn l-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-Isvizzera.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631) kif emendata permezz tad-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU 2009, L 8, p. 3).

( 3 ) Ara l-punti 5 u 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 4 ) Deċiżjoni Nru 377/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ April 2013, għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU 2013, L 113, p. 1).

( 5 ) Ara l-punti 11 sa 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Dan il-protokoll ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24).

( 7 ) Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU 2009, L 8, p. 3).

( 8 ) Artikolu 2(1) u l-punt 6 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87.

( 9 ) Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 146/2007, tas-26 ta’ Ottubru 2007, li temenda l-Anness XX (l-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE (ĠU 2008, L 100, p. 92).

( 10 ) Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 6/2011, tal-1 ta’ April 2011, li temenda l-Anness XX (Ambjent) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (ĠU 2011, L 93, p. 35).

( 11 ) Ftehim tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3).

( 12 ) Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 50/2013 tat-30 ta’ April 2013 li temenda l-Anness XX (Ambjent) ta’ mal-Ftehim ŻEE (ĠU 2013, L 231, p. 24).

( 13 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Gwida għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU 2013, C 289, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“gwida tal-Kummissjoni”), punt 2.1.1.

( 14 ) Gwida tal-Kummissjoni (punt 2.1.2).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM (311/84, EU:C:1985:394, punti 910), u tat-12 ta’ Frar 2004, Slob (C‑236/02, EU:C:2004:94, punt 29). Min-naħa l-oħra, jibqa’ possibbli għall-Kummissjoni li tinvoka, jekk ikun il-każ, l-imsemmija argumenti fil-kuntest ta’ azzjoni għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju Unit skont l-Artikolu 258 TFUE [ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja (39/72, EU:C:1973:13, punt 15), u tat-28 ta’ Marzu 1985, Il-Kummissjoni vs L-Italja (272/83, EU:C:1985:147, punt 4)].

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja (39/72, EU:C:1973:13, punti 16 sa 18); tal-10 ta’ Ottubru 1973, Variola (34/73, EU:C:1973:101, punt 10), u tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa (C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 85 sa 87).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 1973, Variola (34/73, EU:C:1973:101, punt 11) kif ukoll Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa (C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 3.3.2. (dwar il-kanċellament tal-kwoti) u l-punt 3.3.3. (dwar il-pubblikazzjoni taċ-ċessjoni tal-kwoti) tal-Gwida tal-Kummissjoni. Mill-ġurisprudenza jirriżulta [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il-Kunsill (C‑147/13, EU:C:2015:299, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata)] li l-projbizzjoni li jiġu adottati miżuri ta’ riċezzjoni ta’ regolament fid-dritt nazzjonali ma jippreġudikax l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ “miżuri leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi u finanzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament”.

( 21 ) F’dan ir-rigward, jiena ma naqbilx mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Gvern tar-Renju Unit, fejn jgħid li r-riferiment li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 jagħmel għall-“implimentazzjoni” ta’ din id-deċiżjoni jimplika li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni fid-dritt domestiku. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, b’mod iktar preċiż, li “[i]l-Kummissjoni għandha toħroġ il-gwida meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni”. Fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ implementazzjoni jirreferi sempliċement, f’dan il-kuntest, għall-obbligu tal-Istati Membri li japplikaw id-Deċiżjoni Nru 377/2013 billi josservaw l-obbligi li din timponilhom. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-gwida tal-Kummissjoni, żviluppata b’applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, li huma intiżi li jwasslu għal “applikazzjoni” iktar koerenti ta’ din mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, il-punt 1 tal-gwida tal-Kummissjoni).

( 22 ) Fuq id-distinzjoni bejn applikabbiltà diretta u effett dirett, ara Winter, J. A., “Direct applicability and direct effect: two distinct and different concepts in Community law”, CMLRev, 1972, Vol. 2, p. 425 sa 438. Fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 għandhom ukoll effett dirett inkwantu jimponu obbligi fuq l-Istati Membri b’mod ċar, preċiż u mhux kundizzjonat, mingħajr ma huma suġġetti għal ebda miżura ta’ eżekuzzjoni diskrezzjonali [ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1986, Hurd (44/84, EU:C:1986:2, punt 47)]. Dawn l-obbligi li għandhom l-Istati Membri jikkorrispondu għad-drittijiet li l-operaturi jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali.

( 23 ) Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1985, Il-Kummissjoni vs L-Italja (272/83, EU:C:1985:147, punt 27). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Skoma‑Lux (C‑161/06, EU:C:2007:525, punt 55).

( 24 ) Din id-deroga tapplika biss bil-kundizzjoni li l-operatur tal-ajruplan, jekk ikun irċieva kwoti bla ħlas għas-sena 2012, ikun ċeda minnhom numru korrispondenti għall-emissjonijiet li jirriżultaw mit-titjiriet koperti mid-deroga msemmija.

( 25 ) Wara l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni, l-Isvizzera kienet l-uniku Stat terz ikkonċernat b’din l-esklużjoni (ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 26 ) Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-differenza fit-trattament bejn prodotti abbażi tal-provenjenza tagħhom tikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 1976, Balkan‑Import‑Export (55/75, EU:C:1976:8, punt 14); tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni (52/81, EU:C:1982:369, punt 25), u tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑122/95, EU:C:1998:94, punt 56)].

( 27 ) Kekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza (270/83, EU:C:1986:37, punt 18), is-sede ta’ kumpannija, inkwantu sservi biex tiġi stabbilita r-rabta ta’ din il-kumpannija mal-ordinament ġuridiku ta’ Stat, għandha rwol paragunabbli ma’ dak tan-nazzjonalità ta’ persuna fiżika.

( 28 ) Ara l-Artikoli 49, 54, 56 u 62 TFUE.

( 29 ) Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq it-trasport bl-ajru ffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 fil-Lussemburgu, approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 41, p. 89).

( 30 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) B’mod partikolari, id-dritt tat-trattati jippermetti l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet privileġġjati bejn suġġetti rregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku. Dan japplika wkoll mingħajr preġudizzju għall-fakultà ta’ dawn li jintrabtu b’mod konvenzjonali biex josservaw il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Dan turih il-klawżola tan-nazzjon l-iktar ivvantaġġjat stabbilita mill-Artikolu 1(1) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT), li jinsab fl-anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

( 32 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976, Balkan‑Import‑Export (55/75, EU:C:1976:8, punt 14).

( 33 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982 (52/81, EU:C:1982:369, punt 25). Fuq livell teoriku, jidhirli li din il-konklużjoni toħroġ mill-fatt li, f’tali sitwazzjoni, l-operaturi ekonomiċi ma jkunux jinsabu, inkwantu marbutin ma’ diversi pajjiżi terzi li għalihom l-Unjoni tirriżerva trattament separat, f’sitwazzjoni paragunabbli. Fi kwalunkwe każ – li jwassal għall-istess riżultat –, id-differenza fit-trattament bejn dawn l-operaturi tista’ tkun iġġustifikata mill-fatt li hija tirriżulta awtomatikament mid-differenza fit-trattament bejn il-pajjiżi terzi li magħhom huma stabbilixxew relazzjonijiet. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn fil-kawża Faust vs Il-Kummissjoni (52/81, EU:C:1982:205, p. 3773).

( 34 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976 (55/75, EU:C:1976:8).

( 35 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982 (52/81, EU:C:1982:369).

( 36 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976 (55/75, EU:C:1976:8).

( 37 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982 (52/81, EU:C:1982:369).

( 38 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998 (C‑122/95, EU:C:1998:94).

( 39 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976 (55/75, EU:C:1976:8).

( 40 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982 (52/81, EU:C:1982:369).

( 41 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet eżaminat preċedentement problema simili fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1982, Edeka Zentrale (245/81, EU:C:1982:277).

( 42 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998 (C‑122/95, EU:C:1998:94).

( 43 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha wkoll fuq il-validità tar-regolament tal-implementazzjoni tal-istess ftehim qafas fis-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port (C‑364/95 u C‑365/95, EU:C:1998:95), inkwantu dan ir-regolament kien jipprevedi tali differenza fit-trattament.

( 44 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982 (52/81, EU:C:1982:369).

( 45 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998 (C‑122/95, EU:C:1998:94).

( 46 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976 (55/75, EU:C:1976:8).

( 47 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976 (55/75, EU:C:1976:8).

( 48 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976, Balkan‑Import‑Export (55/75, EU:C:1976:8, punti 1415). Għaldaqstant, l-eżenzjoni li tirrigwarda l-ġobon provenjenti mill-Isvizzera kienet tiiirriżulta mill-fatt li l-importazzjoni tiegħu kienet tinvolvi riskju ta’ tfixkil fuq il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli iżgħar minn dak marbut mal-importazzjoni tal-ġobon Bulgaru.

( 49 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982 (52/81, EU:C:1982:369).

( 50 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998 (C‑122/95, EU:C:1998:94).

( 51 ) Sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni (52/81, EU:C:1982:369, punt 25) u tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑122/95, EU:C:1998:94, punti 5657). Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat dan l-istess raġunament fis-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1982, Edeka Zentrale (245/81, EU:C:1982:277, punti 1920) u tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port (C‑364/95 u C‑365/95, EU:C:1998:95, punti 7677).

( 52 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976 (55/75, EU:C:1976:8).

( 53 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982 (52/81, EU:C:1982:369).

( 54 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998 (C‑122/95, EU:C:1998:94).

( 55 ) L-istess japplika wkoll meta dan l-att ikun jirriżulta huwa stess mill-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna. Fil-fatt, skont Swiss, il-prinċipju tas-sentenza Balkan ma setax jiġi applikat fis-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni (52/81, EU:C:1982:369) kieku d-differenza fit-trattament bejn it-Tajwan, minn naħa, u ċ-Ċina u l-Korea ta’ Isfel, min-naħa l-oħra (u bejn l-operaturi ekonomiċi li jimportaw prodotti provenjenti minn dawn il-pajjiżi) – li madankollu kienu joħorġu minn regolamenti fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, jiġifieri ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 21(3) TUE – ma kinitx immotivata b’“atti esterni konkreti” msemmija fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Swiss ma ppreċiżatx it-tifsira eżatta li hija tagħti lill-kunċett ta’ “azzjoni esterna”. Madankollu, bil-fatt li tqabbel dawn mal-aspetti esterni tal-politika interna tal-Unjoni, hija tidher li tifhem l-azzjoni esterna tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 21(3) TUE.

( 57 ) Sentenzi tat-22 ta’ Jannar 1976, Balkan‑Import‑Export (55/75, EU:C:1976:8, punt 14); tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni (52/81, EU:C:1982:369, punt 25); tal-15 ta’ Lulju 1982, Edeka Zentrale (245/81, EU:C:1982:277, punt 19); tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑122/95, EU:C:1998:94, punt 56), u s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port (C‑364/95 u C‑365/95, EU:C:1998:95, punt 76). Ara wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1986, Malt (236/84, EU:C:1986:254, punt 21).

( 58 ) Jiġifieri l-oqsma differenti tal-Politika Estera u tas-Sigurtà Komunitarja (PESK).

( 59 ) Jiġifieri l-politika kummerċjali komuni, il-kooperazzjoni u l-għajnuna umanitarja, il-miżuri restrittivi, il-ftehim internazzjonali kif ukoll ir-relazzjonijiet internazzjonali u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

( 60 ) Din l-interpretazzjoni tirriżulta direttament mis-sentenza Balkan‑Import‑Export (55/75, EU:C:1976:8). Fil-fatt, din is-sentenza kienet tikkonċerna l-validità ta’ regolamenti Komunitarji fil-qasam tal-politika agrikola komuni, li hija meqjusa bħala politika interna tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kunċett ta’ “relazzjonijiet esterni”, kellha f’moħħha, għaldaqstant, l-aspetti esterni ta’ din il-politika interna.

( 61 ) Premessi 5 u 6 tad-Deċiżjoni Nru 377/2013.

( 62 ) Premessa 9 tad-Deċiżjoni Nru 377/2013.

( 63 ) Bħad-Deċiżjoni Nru 377/2013 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-regolamenti li jistabbilixxu l-ammonti ta’ kumpens pekunjarji involuti fis-sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976, Balkan‑Import‑Export (55/75, EU:C:1976:8), ir-regolamenti li jistabbilixxu restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti involuti fis-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni (52/81, EU:C:1982:369) u tal-15 ta’ Lulju 1982, Edeka Zentrale (245/81, EU:C:1982:277), id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-ftehim qafas fuq il-banana involuta fis-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑122/95, EU:C:1998:94), jew id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni ta’ din inkwistjoni fis-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port (C‑364/95 u C‑365/95, EU:C:1998:95).

( 64 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn fil-kawża Faust vs Il-Kummissjoni (52/81, EU:C:1982:205, p. 3779).

( 65 ) F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Elmer osserva ġustament fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑122/95, EU:C:1997:309, punt 61) li “[i]d-dritt Komunitarju ma jipproteġix għaldaqstant lill-operaturi kontra effetti negattivi eventwali marbutin mar-relazzjonijiet politiċi tal-Komunità mal-Istati terzi, li mill-bqija diffiċilment jistgħu jiġu sseparati mir-riskji kummerċjali ġenerali l-oħra. Jekk tiġi aċċettata t-teżi opposta, din ikollha bħala konsegwenza li jkun estremament diffiċli għall-Komunità li tadotta miżuri ta’ politika kummerċjali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 66 ) B’mod ġenerali, skont ġurisprudenza stabbilita, meta awtorità tal-Unjoni tintalab tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi, hija jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju limitat. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 1976, Balkan‑Import‑Export (55/75, EU:C:1976:8, punt 8), u tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il-Kunsill u Il-Kunsill vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punt 34).

( 67 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976 (55/75, EU:C:1976:8).

( 68 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976 (55/75, EU:C:1976:8).

( 69 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982 (52/81, EU:C:1982:369).

( 70 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998 (C‑122/95, EU:C:1998:94).

( 71 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982 (52/81, EU:C:1982:369)

( 72 ) Dan il-ftehim bejn il-Komunità u ċ-Ċina kien intiż biex “jiffavorixxi l-espansjoni armonjuża tal-kummerċ reċiproku tagħhom” (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni, 52/81, EU:C:1982:369, p. 3755).

( 73 ) B’mod partikolari, it-trattament iktar favorevoli rriżervat għall-importazzjonijiet tal-ġobon Svizzeru kellu bħala kuntest kwistjoni kummerċjali bejn l-Isvizzera u l-Komunità dwar l-applikazzjoni tal-GATT (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976, 55/75, EU:C:1976:8, punt 25).

( 74 ) Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq it-trasport bl-ajru ffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 fil-Lussemburgu, approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 41, p. 89), huwa xhieda tar-rapporti speċifiċi li dawn għandhom fil-qasam milqut bid-Deċiżjoni Nru 377/2013. B’mod partikolari, jirriżulta mill-Artikolu 1(2) u mill-Anness I ta’ dan il-ftehim li parti sinjifikattiva tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru japplika għall-Isvizzera. L-Unjoni u l-Isvizzera, fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kienu għamlu negozjati intiżi li jorbtu s-SSKE UE mas-SSKE Svizzeru fir-rigward tas-settur tal-avjazzjoni.

( 75 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 76 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982 (52/81, EU:C:1982:369, punt 25).

( 77 ) Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014, li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fid-dawl tal-implimentazzjoni sal-2020 ta’ ftehim internazzjonali li japplika miżura globali unika bbażata fuq is-suq għal emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali (ĠU 2014, L 129, p. 1).

( 78 ) F’dan ir-rigward, il-Parlament irrileva li n-negozjati dwar l-irbit tas-SSKE UE mas-SSKE Svizzeru kienu ġew sospiżi wara l-vot, fi Frar 2014, għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kwoti għall-immigrati fl-Isvizzera, qabel ma komplew f’Marzu 2015. Barra minn hekk, kienu nbdew negozjati intiżi li jorbtu s-SSKE UE mas-SSKE tal-Awstralja. Barra minn hekk, in-negozjati dwar il-ħolqien ta’ SSKE mondjali ma kinux għamlu progress daqskemm mistenni fil-kuntest tal-ICAO.