KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fid-19 ta’ Lulju 2016 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑203/15 u C‑698/15

Tele2 Sverige AB

vs

Post‑ och telestyrelsen (C‑203/15)

u

Secretary of State for the Home Department

vs

Tom Watson,

Peter Brice,

Geoffrey Lewis (C‑698/15)

fil-preżenza ta’

Open Rights Group,

Privacy International,

Law Society of England and Wales

[talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ppreżentati mill-Kammarrätten i Stokkolma (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Stokkolma, l-Isvezja) u l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (sezzjoni ċivili), ir-Renju Unit)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2002/58/KE — Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ġenerali ta’ żamma tad‑data li tirrigwarda l-komunikazzjonijiet elettroniċi — Artikolu 15(1) — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 7 — Dritt għar-rispett tal-ħajja privata — Artikolu 8 — Dritt għall-protezzjoni tad-data personali — Indħil serju — Ġustifikazzjoni — Artikolu 52(1) — Kundizzjonijiet — Għan leġittimu tal-ġlieda kontra r-reati serji — Rekwiżit ta’ bażi legali fid-dritt nazzjonali — Rekwiżit ta’ neċessità stretta — Rekwiżit ta’ proporzjonalità f’soċjetà demokratika”

Werrej

 

I – Introduzzjoni

 

II – Il-kuntest ġuridiku

 

A – Id-Direttiva 2002/58

 

B – Id-dritt Svediż

 

1. Fuq il-portata tal-obbligu ta’ żamma

 

2. Dwar l-aċċess għad-data miżmuma

 

a) Il-LEK

 

b) Ir-RB

 

c) Il-liġi 2012:278

 

3. Fuq it-tul taż-żamma ta’ data

 

4. Fuq il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data miżmuma

 

C – Id-dritt tar-Renju Unit

 

1. Fuq il-portata tal-obbligu ta’ żamma

 

2. Fuq l-aċċess għad-data miżmuma

 

3. Fuq it-tul taż-żamma tad-data

 

4. Fuq il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data miżmuma

 

III – Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 

A – Il-kawża C‑203/15

 

B – Il-Kawża C‑698/15

 

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V – Analiżi tad-domandi preliminari

 

A – Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑698/15

 

B – Fuq il-kompatibbiltà ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/58

 

1. Fuq l-inklużjoni ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58

 

2. Fuq il-possibbiltà ta’ deroga mis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/58 bl-istabbiliment ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data

 

C – Fuq l-applikabbiltà tal-Karta għal obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data

 

D – Fuq il-kompatibbiltà ta’ obbligu ġenerali li tinżamm id-data mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll mill-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta

 

1. Fuq ir-rekwiżit ta’ bażi legali fid-dritt nazzjonali

 

2. Fuq l-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

 

3. Fuq l-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni li jista’ jiġġustifika l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data

 

4. Fuq in-natura xierqa ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fid-dawl tal-ġlieda kontra r-reati serji

 

5. Fuq in-natura neċessarja ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fid-dawl tal-ġlieda kontra l-ksur serji

 

a) Fuq in-natura strettament neċessarja ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data

 

b) Fuq in-natura obbligatorja tal-garanziji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI fid-dawl tar-rekwiżit tan-neċessitŕ stretta

 

6. Fuq in-natura proporzjonata, f’soċjetà demokratika, ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fid-dawl tal-għan tal-ġlieda kontra r-reati serji

 

VI – Konklużjoni

I – Introduzzjoni

1.

Fl-1788, James Madison, wieħed mill-awturi tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti kiteb: “If men were angels, no government would be necessary. If angels were to govern men, neither external nor internal controls on government would be necessary. In framing a government which is to be administered by men over men, the great difficulty lies in this: you must first enable the government to control the governed; and in the next place oblige it to control itself” ( 2 ).

2.

Dawn il-kawżi jpoġġuna fil-qalba tad-“diffikultà kbira” identifikata minn Madison. Dawn jirrigwardaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ skemi nazzjonali li jimponu, fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli lill-pubbliku (iktar ’il quddiem il-“fornituri”), obbligu ta’ żamma ta’ data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi (iktar ’il quddiem id-“data dwar il-komunikazzjonijiet”) li jirrigwardaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha u l-utenti kollha (iktar ’il quddiem l-“obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data”).

3.

Minn naħa, iż-żamma ta’ data dwar il-komunikazzjonijiet tippermetti “lill-gvern jikkontrolla lil dawk iggvernati” billi toffri lill-awtoritajiet kompetenti mezz ta’ investigazzjoni li jista’ jkollu utilità ċerta fil-ġlieda kontra r-reati serji, u b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Fis-sustanza, iż-żamma ta’ din id-data tagħti lill-awtoritajiet kapaċità limitata li “taqra l-passat”, billi taċċedi għad-data dwar il-komunikazzjonijiet li persuna tkun għamlet qabel ma tkun suspettata li jkollha xi konnessjoni ma’ reat serju ( 3 ).

4.

Madankollu, u min-naħa l-oħra, huwa imperattiv li “l-gvern ikun obbligat jikkontrolla lilu nnifsu” f’dak li jikkonċerna kemm iż-żamma kif ukoll l-aċċess għad-data miżmuma, fid-dawl tar-riskji serji li ġġib magħha l-eżistenza ta’ dawn id-databases li jkopru l-komunikazzjonijiet kollha magħmula fit-territorju nazzjonali. Fil-fatt, dawn id-databases ta’ portata kunsiderevoli joffru lil kull persuna li jkollha aċċess għalihom is-setgħa li tikkataloga istantanjament il-popolazzjoni rilevanti kollha ( 4 ). Dawn ir-riskji għandhom jiġu analizzati skrupolożament b’mod partikolari permezz tal-eżami tan-natura strettament neċessarja u proporzjonata ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

5.

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tar-rinviju huma mitluba jsibu punt ta’ bilanċ bejn l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw is-sigurtà tal-individwi li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom u r-rispett tad-drittijiet fundamentali għall-ħajja privata u għall-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

6.

Huwa fid-dawl ta’ din id-“diffikultà kbira” li ser neżamina d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi. Dawn jikkonċernaw, b’mod iktar speċifiku, il-kompatibbiltà ta’ skemi nazzjonali li jistabbilixxu obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data mad-Direttiva 2002/58/KE ( 5 ) kif ukoll mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Biex tirrispondi għal dawn id-domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha b’mod partikolari tippreċiża l-interpretazzjoni li għandha tingħata f’kuntest nazzjonali lis-sentenza Digital Rights Ireland et (iktar ’il quddiem is-“sentenza DRI”) ( 6 ), li fiha l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja invalidat id-Direttiva 2006/24/KE ( 7 ).

7.

Għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, għandi s-sensazzjoni li obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data impost minn Stat Membru jista’ jkun kompatibbli mad-drittijiet fundamentali stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni jekk dan ikun strettament akkumpanjat minn sensiela ta’ garanziji li ser nidentifika matul l-espożizzjoni tiegħi.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva 2002/58

8.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ ħarsien ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali fis-settur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika [fl-Unjoni Ewropea].

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali.

3.   Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-[TFUE], bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-[TUE], u f’ kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.”

9.

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]” jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) [TUE].”

B – Id-dritt Svediż

10.

Id-Direttiva 2006/24, li llum tinsab annullata, ġiet trasposta fid-dritt Svediż b’emendi li saru lil-lagen (2003:389) om elektronisk kommunikation (liġi Svediża Nru 2003:389 fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi, iktar ’il quddiem il-“LEK”) u lill-förordningen (2003:396) om elektronisk kommunikation (regolament Nru 2003:396 fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi, iktar ’il quddiem “FEK”), testi li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2012.

1. Fuq il-portata tal-obbligu ta’ żamma

11.

Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16a tal-kapitolu 6 tal-LEK jirriżulta li l-fornituri huma obbligati li jżommu d-data dwar il-komunikazzjonijiet li hija meħtieġa biex ikun identifikat is-sors u d-destinazzjoni ta’ xi komunikazzjoni, biex tkun stabbilita l-ġurnata, is-siegħa, it-tul u n-natura tagħha, biex jiġi identifikat il-materjal ta’ komunikazzjoni użat kif ukoll biex jiġi lokalizzat il-materjal ta’ komunikazzjoni mobbli użat fil-bidu u fit-tmiem tal-komunikazzjoni. It-tipi ta’ data li għandha tinżamm huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet iktar dettaljati fl-Artikoli 38 sa 43 tal-FEK.

12.

Dan l-obbligu ta’ żamma jikkonċerna d-data involuta fil-kuntest ta’ servizz tat-telefonija, ta’ servizz ta’ telefonija b’punt ta’ konnessjoni mobbli, ta’ sistema ta’ messaġġi elettroniċi, ta’ servizz ta’ aċċess għall-internet kif ukoll ta’ servizz ta’ provvista ta’ kapaċitajiet ta’ aċċess għall-internet.

13.

Id-data li għandha tinżamm tinkludi mhux biss dik li kellha tinżamm fil-kuntest tad-Direttiva 2006/24, iżda wkoll dik li tirrigwarda l-komunikazzjoni bla suċċess kif ukoll dik li tirrigwarda l-lokalizzazzjoni fi tmiem komunikazzjoni bit-telefonija mobbli. L-istess bħall-iskema li kienet prevista taħt dik id-direttiva, id-data li għandha tinżamm ma tinkludix il-kontenut tal-komunikazzjonijiet.

2. Dwar l-aċċess għad-data miżmuma

14.

L-aċċess għad-data miżmuma huwa rregolat bi tliet testi, jiġifieri l-LEK, ir- rättegångsbalken (kodiċi ta’ proċedura ġudizzjarja, iktar ’il quddiem ir-“RB”) u l-lagen (2012:278) om inhämtning av uppgifter om elektronisk kommunikation i de brottsbekämpande myndigheternas underrättelseverksamhet (liġi Svediża 2012:278 fuq il-komunikazzjoni tad-data dwar komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet tas-sigurtà).

a) Il-LEK

15.

Skont id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-kapitolu 6 tal-LEK, kull fornitur għandu jibgħat id-data li tirrigwarda xi abbonament fuq talba tal-Prosekutur Pubbliku, tal-pulizija, tal-iSäkerhetspolisen (is-sigurtà Svediża, iktar ’il quddiem is-“Säpo”) jew kull awtorità pubblika tas-sigurtà oħra, jekk tali data tirrigwarda xi ksur preżunt. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, ma huwiex meħtieġ li jkun reat serju.

16.

B’data li tirrigwarda xi abbonament, wieħed għandu jifhem fis-sustanza, id-data li tirrigwarda l-isem, it-titolu, l-indirizz postali, in-numru u l-indirizz IP tal-abbonat.

17.

Skont il-LEK, il-komunikazzjoni tad-data li tirrigwarda xi abbonament ma hijiex suġġetta għal kontroll minn qabel, iżda tista’ tkun is-suġġett ta’ kontroll amministrattiv posterjuri. Barra minn hekk, in-numru ta’ awtoritajiet li jistgħu jitolbu aċċess għad-data ma huwiex limitat.

b) Ir-RB

18.

Ir-RB tirregola t-tpoġġija taħt sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet preliminari.

19.

Fis-sustanza, it-tpoġġija taħt sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ tiġi ordnata biss meta persuna determinata tkun raġonevolment issuspettata li tkun l-awtriċi ta’ ksur issanzjonat b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sitt xhur jew ksur speċifikament elenkat, f’każ li din il-miżura tkun partikolarment neċessarja għall-bżonnijiet tal-investigazzjoni.

20.

Barra minn dawn il-każijiet, tista’ ssir tpoġġija taħt sorveljanza għall-iskopijiet ta’ investigazzjoni dwar ksur li jġib miegħu piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sentejn bil-għan li jiġi ddeterminat min jista’ raġonevolment jiġi ssuspettat li kien l-awtur tiegħu, f’każ li din il-miżura tkun partikolarment neċessarja għall-bżonnijiet tal-investigazzjoni.

21.

Skont l-Artikolu 21 tal-kapitolu 27 tar-RB, il-Prosekutur Pubbliku għandu normalment jikseb l-awtorizzazzjoni tal-qorti kompetenti qabel ma jipproċedi għat-tpoġġija taħt sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

22.

Madankollu, jekk it-talba għall-awtorizzazzjoni tal-qorti kompetenti qabel ma ssir it-tpoġġija taħt sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, miżura ta’ neċessità imperattiva għall-bżonnijiet tal-investigazzjoni, tkun tidher li hija inkompatibbli mal-urġenza tal-implementazzjoni tagħha jew toħloq xi ostakoli, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-Prosekutur Pubbliku sakemm tingħata deċiżjoni mill-qorti kompetenti. Din tal-aħħar għandha immedjatament tkun informata dwar dan bil-miktub mill-Prosekutur Pubbliku. Il-qorti kompetenti għandha għaldaqstant teżerċita diliġenza biex teżamina jekk il-miżura hijiex iġġustifikata.

c) Il-liġi 2012:278

23.

Fil-kuntest tat-tiftix tal-informazzjoni u skont l-Artikolu 1 tal-liġi 2012:278, il-pulizija nazzjonali, is-Säpo u t-Tullverket (amministrazzjoni Svediża tad-dwana) jistgħu, fiċ-ċirkustanzi stabbiliti minn din il-liġi u bl-għarfien tal-fornitur, jipproċedu għall-ġbir ta’ data li tirrigwarda l-komunikazzjonijiet.

24.

Skont l-Artikoli 2 u 3 tal-liġi 2012:278, id-data tista’ tinġabar jekk, skont iċ-ċirkustanzi, il-miżura tkun partikolarment neċessarja biex tipprevjeni, timpedixxi jew biex tkun ikkonstatata attività kriminali li jew timplika ksur wieħed jew iktar li huwa ssanzjonat b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sentejn, jew wieħed mill-atti elenkati fl-Artikolu 3 (li jinkludu, b’mod partikolari, forom differenti ta’ sabotaġġ u spjunaġġ).

25.

Id-deċiżjoni biex tittieħed tali miżura tingħata mid-direttur tal-awtorità kkonċernata jew minn persuna delegata għal dan l-għan.

26.

Id-deċiżjoni għandha tindika l-attività kriminali, il-perijodu kkonċernat kif ukoll in-numru tat-telefon, kull indirizz ieħor, it-tagħmir ta’ komunikazzjoni elettroniku jew iż-żona ġeografika involuta. It-tul tal-awtorizzazzjoni ma għandux jittawwal lil hinn minn dak li huwa neċessarju u, fir-rigward tal-perijodu kurrenti wara d-data tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, din ma għandhiex teċċedi l-perijodu ta’ xahar.

27.

Din it-tip ta’ miżura ma hijiex suġġett għal kontroll minn qabel. Madankollu, skont l-Artikolu 6 tal-liġi Nru 2012:278, l-iSäkerhets‑ och integritetsskyddsnämnden (kummissjoni tas-sigurtà u tal-protezzjoni tal-integrità, l-Isvezja) għandha tkun informata b’kull deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni biex isir il-ġbir ta’ informazzjoni. Skont l-Artikolu 1 tal-lagen (2007:980) om tillsyn över viss brottsbekämpande verksamhet (liġi Nru 2007:980 dwar il-kontroll ta’ ċerti attivitajiet kriminali), dan l-organu għandu jeżerċita sorveljanza fuq l-applikazzjoni tal-liġi mill-awtoritajiet kriminali.

3. Fuq it-tul taż-żamma ta’ data

28.

Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 d tal-kapitolu 6 tal-LEK jirriżulta li d-data msemmija fl-Artikolu 16a ta-istess kapitolu għandha tinżamm għal sitt xhur b’effett mill-ġurnata mit-tlestija tal-komunikazzjoni. Hija għandha mbagħad titħassar immedjatament, salv dispożizzjonijiet kuntrarji tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16 d (tal-kapitolu 6) tal-LEK. Skont dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, id-data li l-komunikazzjoni tagħha tintalab qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ żamma iżda li tkun għadha ma ġietx ikkomunikata għandha titħassar minn dik il-komunikazzjoni.

4. Fuq il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data miżmuma

29.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tal-kapitolu 6 tal-LEK jipprojbixxi lil kulħadd milli jqassam jew juża b’mod mhux awtorizzat id-data li tirrigwarda l-komunikazzjonijiet.

30.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3a tal-kapitolu 6 tal-LEK, il-fornituri għandhom jieħdu l-miżuri ta’ natura teknika u organizzattiva xierqa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-data waqt l-ipproċessar tagħha. Mix-xogħol preparatorju li jirrigwarda dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li ma huwiex permess li jiġi stabbilit livell ta’ protezzjoni abbażi ta’ bilanċ bejn kunsiderazzjonijiet ta’ natura teknika, tal-ispejjeż u tar-riskji ta’ piraterija u ta’ intrużjoni.

31.

Hemm rekwiżiti oħra dwar il-protezzjoni tad-data li jinsabu fl-Artikolu 37 tal-FEK kif ukoll fl-istruzzjonijiet u l-linji gwida tal-Post‑ och telestyrelsen (l-awtorità Svediża ta’ sorveljanza tal-posta u telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem il-“PTS”) fuq il-miżuri ta’ protezzjoni fil-kuntest taż-żamma u l-ipproċessar ta’ data għall-iskopijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità (PTSFS Nru 2012:4). Minn dawn it-testi jirriżulta b’mod partikolari li l-fornituri għandhom jieħdu miżuri ta’ protezzjoni tad-data kontra l-qirda mhux intenzjonata jew mhux awtorizzata, kontra ż-żamma, l-ipproċessar u l-aċċess mhux awtorizzati, kif ukoll kontra l-iżvelar mhux awtorizzat. Il-fornitur għandu wkoll jissorvelja b’mod permanenti u sistematiku s-sigurtà tad-data filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni r-riskji speċjali li jġib miegħu l-obbligu ta’ żamma.

32.

Id-dritt Svediż ma għandu ebda dispożizzjoni li tikkonċerna l-post li fih għandha tinżamm id-data.

33.

Skont il-kapitolu 7 tal-LEK, l-awtorità tas-sorveljanza għandha s-setgħa, f’każ ta’ nuqqas ta’ xi fornitur li jwettaq l-obbligu tiegħu, li tordna miżuri ta’ ordni u projbizzjoni, eventwalment akkumpanjati b’pagamenti ta’ penalità, kif ukoll li tordna t-twaqqif totali jew parzjali tal-attività.

C – Id-dritt tar-Renju Unit

34.

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw iż-żamma tad-data jinsabu fid-Data Retention and Investigatory Powers Act 2014 (liġi tal-2014 dwar iż-żamma tad-data u s-setgħat ta’ investigazzjoni, iktar ’il quddiem id-“DRIPA”), fid-Data Retention Regulations 2014 (SI 2014/2042) (regolament tal-2014 dwar iż-żamma tad-data, (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2014”) kif ukoll fir-Retention of Communications Data Code of Practice (kodiċi ta’ prattika tajba dwar iż-żamma tad-data).

35.

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għad-data jinsabu fil-kapitolu 2 tal-Parti 1 tar-Regulation of Investigatory Powers Act 2000 (liġi tal-2000 li tirregola s-setgħat ta’ investigazzjoni, iktar ’il quddiem ir-“RIPA”), ir-Regulation of Investigatory Powers (Communication Data) Order 2010 (SI 2010/480) (digriet tal-2015 li jirregola s-setgħat ta’ investigazzjoni fil-qasam tad-data dwar il-komunikazzjonijiet, kif emendat bir-Regulation of Investigatory Powers (Communications Data) (Amendement) Order 2015 (SI 2015/228) kif ukoll l-Acquisition and Disclosure of Communications Data Code of Practice (Kodiċi ta’ prattika tajba dwar il-ksib u l-iżvelar tad-data dwar il-komunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-ksib tad-data”).

1. Fuq il-portata tal-obbligu ta’ żamma

36.

Skont it-taqsima 1 tad-DRIPA, is-Secretary of State for the Home Department (Ministru tal-Intern, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) il-ministru jista’ jimponi fuq il-fornituri obbligu li jżommu d-data kollha dwar il-komunikazzjonijiet. Fis-sustanza, dan l-obbligu jista’ jikkonċerna d-data kollha ġġenerata fl-okkażjoni ta’ komunikazzjoni mibgħuta minn servizz postali jew minn sistema ta’ telekomunikazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-kontenut tal-komunikazzjoni. Din id-data tinkludi, b’mod partikolari, il-post fejn ikun jinsab l-utent tas-servizz kif ukoll id-data li tippermetti li jiġi stabbilit l-indirizz IP (protokoll Internet) jew kull identifikatur ieħor li jappartjeni lill-ispeditur jew lid-destinatarju ta’ komunikazzjoni.

37.

L-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżura ta’ ta’ żamma jinkludu l-interessi tas-sigurtà nazzjonali, il-prevenzjoni jew il-kxif tal-kriminalità jew il-prevenzjoni tal-attentati għall-ordni pubbliku, l-interessi tal-benesseri ekonomiku tar-Renju Unit sa fejn dawn l-interessi jkunu rilevanti wkoll għall-interessi tas-sigurtà nazzjonali, l-interessi tas-sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas‑saħħa pubblika, l-evalwazzjoni tal-bażi tat-taxxa jew tal-ġbir tat-taxxa, ta’ kull kontribuzzjoni jew ta’ kull ammont ieħor dovut lill-amministrazzjoni pubblika, il-prevenzjoni ta’ preġudizzji għas-saħħa fiżika jew mentali fil-każijiet ta’ urġenza, l-assistenza fl-investigazzjonijiet fil-każijiet ta’ żbalji ġudizzjarji, l-identifikazzjoni ta’ persuna li tkun mietet jew li ma hijiex f’pożizzjoni li tidentifika ruħha f’sitwazzjoni li ma tkunx tirriżulta minn offiża jew reat (bħal f’każ ta’ katastrofi naturali jew aċċident), l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet li jirrigwardaw ir-regolamentazzjoni tas-servizzi u tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà finanzjarja kif ukoll kull għan ieħor ippreċiżat f’ordni maħruġ mill-ministru skont l-Artikolu 22(2) tad-DRIPA.

38.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma teżiġix li l-adozzjoni ta’ att li jordna ż-żamma tkun suġġetta minn qabel għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja jew ta’ xi entità indipendenti. Il-ministru għandu jivverifika li l-obbligu ta’ żamma jkun “neċessarju u proporzjonat” għall-iskopijiet ta’ għan wieħed jew iktar li għalihom id-data rilevanti dwar il-komunikazzjonijiet jistgħu jinżammu.

2. Fuq l-aċċess għad-data miżmuma

39.

Skont l-Artikolu 22(4) tar-RIPA, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu, permezz ta’ att, jeżiġu mingħand il-fornituri li jiżvelawlhom id-data dwar il-komunikazzjonijiet. Il-forma u l-kontenut ta’ dawn l-atti huma rregolati mill-Artikolu 23(2) tar-RIPA. Tali att huwa limitat fiż-żmien bid-dispożizzjonijiet dwar l-annullament u t-tiġdid tiegħu.

40.

Il-ksib tad-data dwar il-komunikazzjonijiet għandu jkun neċessarju u proporzjonat għal għan wieħed jew iktar li jinsabu fl-Artikolu 22 tar-RIPA, liema għanijiet jikkorrispondu għall-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw iż-żamma tad-data deskritta fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

41.

Mill-Kodiċi dwar il-ksib tad-data jirriżulta li f’każ ta’ talba għall-aċċess magħmula biex jiġi identifikat is-sors tal-ġurnalisti kif ukoll f’każ ta’ talba għall-aċċess magħmula mill-awtoritajiet lokali jkun meħtieġ id-digriet ta’ qorti.

42.

Barra minn dawn l-ipoteżijiet, l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi huwa suġġett għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-persuni nnominati għal dan il-għan fi ħdan l-awtorità pubblika kkonċernata. Persuna nnominata għal dan il-għan hija dik il-persuna li jkollha l-funzjoni, grad jew post stabbilit fi ħdan l-awtorità pubblika kkonċernata u li tkun innominata għall-iskopijiet tal-ksib tad-data dwar il-komunikazzjonijiet skont id-Digriet tal-2015 li jirregola s-setgħat ta’ investigazzjoni fil-qasam ta’ informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet, kif emendat.

43.

Ebda awtorizzazzjoni ġudizzjarja jew entità indipendenti ma hija speċifikament rikjesta għal dak li jikkonċerna l-aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet protetti b’sigriet professjonali legali jew għal data dwar il-komunikazzjonijiet li jirrigwardaw tobba, membri tal-parlament jew ministri ta’ twemmin reliġjuż. Il-kodiċi dwar il-ksib tad-data jippreċiża biss li għandha tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward tan-neċessità u l-proporzjonalità ta’ talba għall-aċċess għal din id-data.

3. Fuq it-tul taż-żamma tad-data

44.

L-Artikolu 1(5) tad-DRIPA u d-dispożizzjoni 4(2) tar-regolament tal-2014 jipprevedu perijodu massimu ta’ żamma tad-data ta’ tnax-il xahar. Skont il-kodiċi dwar il-prattiki tajba dwar iż-żamma tad-data, il-perijodu għandu biss ikun twil daqs kemm ikun neċessarju u proporzjonat. Id-dispożizzjoni 6 tar-regolament tal-2014 teżiġi mill-Ministru li jerġa’ jeżamina l-att li jordna ż-żamma.

4. Fuq il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data miżmuma

45.

Skont l-Artikolu 1 tad-DRIPA, il-fornituri huma preklużi milli jiżvelaw id-data miżmuma sakemm tali żvelar ma jkunx konformi mal-Kapitolu 2 tat-Taqsima 1 tar-RIPA, ma’ deċiżjoni ġudizzjarja jew ma’ kull awtorizzazzjoni jew mandat ġudizzjarju ieħor, jew ukoll ma’ regolament adottat mill-Ministru skont it-taqsima 1 tad-DRIPA.

46.

Skont id-dispożizzjonijiet 7 u 8 tar-regolament tal-2014, il-fornituri għandhom jiżguraw l-integrità u s-sigurtà tad-data miżmuma; jipproteġuha mill-qirda aċċidentali jew illegali, milli tintilef jew tiġi alterata b’mod aċċidentali, milli tinżamm, milli tintuża, minn aċċess jew żvelar mhux awtorizzat jew illeċitu; jeqirdu d-data b’mod li jkun impossibbli li wieħed jaċċedi għaliha jekk iż-żamma tad-data tieqaf milli tkun awtorizzata; u jistabbilixxu sistemi ta’ sigurtà. Id-dispożizzjoni 9 tar-regolament tal-2014 tafda f’idejn l-Information Commissioner (kummissarju responsabbli mill-informazzjoni) id-dmir li jivverifika l-osservanza ta’ dawn l-obbligi mill-fornituri.

47.

L-awtoritajiet li lilhom il-fornituri jibagħtu d-data dwar il-komunikazzjonijiet għandhom jipproċessaw u jżommu din id-data, kif ukoll kull kopja, kull estratt jew sunt tagħha, b’mod sigur. Skont il-kodiċi dwar il-ksib tad-data, ir-rekwiżiti li jinsabu fil-liġi dwar il-protezzjoni tad-data (Data Protection Act, iktar ’il quddiem id-“DPA”) li ttrasponiet id-Direttiva 95/46, għandhom ikunu osservati.

48.

Ir-RIPA tistabbilixxi Interception of Communications Commissioner (kummissarju responsabbli mill-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem il-“kummissarju responsabbli mill-interċettazzjoni”) li huwa responsabbli mis-superviżjoni b’mod indipendenti tal-eżerċizzju u l-implementazzjoni tas-setgħat u dmirijiet li jinsabu fil-Kapitolu II tat-Taqsima I tar-RIPA. Il-kummissarju responsabbli mill-interċettazzjoni ma jissorveljax l-użu tal-Artikolu 1 tad-DRIPA. Huwa għandu jipprovdi regolarment rapporti ddestinati għall-pubbliku u għall-parlament [Artikolu 57(2) u Artikolu 58 tar-RIPA] u jikkonstata dak li jinżamm u li jiġi rrappurtat mill-awtoritajiet pubbliċi (kodiċi dwar il-ksib tad-data, paragrafi 6.1 sa 6.8). Jistgħu jiġu ppreżentati wkoll ilmenti quddiem l-Investigatory Powers Tribunal (it-tribunal responsabbli mis-setgħat ta’ investigazzjoni) jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jaħseb li xi data nkisbet b’mod inapproprjat (Artikolu 65 tar-RIPA).

49.

Mill-kodiċi dwar il-ksib tad-data jirriżulta li l-kummissarju responsabbli mill-interċettazzjoni ma għandux is-setgħa li jibgħat kawża quddiem dan it-tribunal. Huwa sempliċement awtorizzat li jinforma lil-persuna li hemm suspett ta’ użu illeċitu ta’ kompetenzi jekk ikun jista’ “jistabbilixxi li xi individwu ġie leż minħabba xi nuqqas intenzjonat jew minħabba nuqqas ta’ prudenza”. Madankollu, ma huwiex awtorizzat li jiżvela jekk is-sigurtà nazzjonali tkun mhedda b’dak l-iżvelar, anki jekk huwa jkun jidhirlu li kien hemm nuqqas intenzjonat jew nuqqas ta’ prudenza.

III – Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A – Il-kawża C‑203/15

50.

Fid-9 ta’ April 2014, jiġifieri l-għada tal-għoti tas-sentenza DRI, Tele2 Sverige nnotifikat lil PTS bid-deċiżjoni tagħha li tieqaf milli żżomm id-data msemmija fil-kapitolu 6 tal-LEK. Tele2 Sverige kienet ser tipproċedi wkoll għat-tħassir tad-data miżmuma sa dakinhar skont dan il-kapitolu. Tele2 Sverige kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Svediża li ttrasponiet id-Direttiva 2006/24 ma kinitx konformi mal-Karta.

51.

Fil-15 ta’ April 2014, ir-Rikspolisstyrelsen (direttorat ġenerali tal-pulizija nazzjonali, l-Isvezja, iktar ’il quddiem ir-“RPS”) bagħat ilment quddiem il-PTS minħabba li Tele2 Sverige kienet waqfet tibgħat lid-dipartimenti tiegħu d-data dwar ċerti komunikazzjonijiet elettroniċi. Fl-ilment tiegħu, ir-RPS espona li r-rifjut ta’ Tele2 Sverige kellu konsegwenzi serji fuq l-attivitajiet tal-pulizija kontra l-kriminalità.

52.

Permezz ta’ ordni tas-27 ta’ Ġunju 2014, PTS ordnat lil Tele2 Sverige biex tkompli biż-żamma tad-data, skont l-Artikolu 16 a tal-kapitolu 6 tal-LEK u l-Artikoli 37 sa 43 tal-FEK, l-iktar tard sal-25 ta’ Lulju 2014.

53.

Tele2 Sverige ppreżentat rikors quddiem il-Förvaltningsrätten i Stokkolma (tribunal amministrattiv ta’ Stokkolma, l-Isvezja) kontra d-deċiżjoni tal-PTS. Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2014, il-Förvaltningsrätten i Stokkolma ċaħad dak ir-rikors.

54.

Tele2 Sverige appellat mis-sentenza tal-Förvaltningsrätten i Stokkolma quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

55.

Filwaqt li kkonstatat li kien hemm argumenti li jimmilitaw favur kif ukoll kontra l-fatt li l-obbligu ta’ żamma b’portata kif prevista fl-Artikolu 16 a tal-Kapitolu 6 tal-LEK huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll ma’ dawk tal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta, il‑Kammarrätten i Stokkolma (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Stokkolma, l-Isvezja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Obbligu ġenerali ta’ żamma tal-informazzjoni, dwar il-persuni kollha, il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika kollha u li tirrigwarda d-data dwar it-traffiku kollha mingħajr ebda distinzjoni, limitazzjoni jew eċċezzjoni bl-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità [u kif deskritt fil-punti 13 sa 18 tad-deċiżjoni tar-rinviju] huwa kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, b’kunsiderazzjoni tal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

2)

Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija negattiva, tali obbligu ta’ żamma jista’ madankollu jiġi rikonoxxut:

a)

jekk l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma huwa mfassal kif ippreċiżat [fil-punti 19 sa 36 tad-deċiżjoni tar-rinviju], u

b)

u jekk ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà tad-data huma rregolati kif ippreċiżat [fil-punti 38 sa 43 tad-deċiżjoni tar-rinviju] iktar ’il fuq, u li

c)

id-data inkwistjoni kollha għandha tinżamm għal sitt xhur, ikkalkolati mill-ġurnata meta tieqaf il-komunikazzjoni, qabel titħassar, kif huwa espost [fil-punt 37 tad-deċiżjoni tar-rinviju]?”

B – Il-Kawża C‑698/15

56.

T. Watson, P. Brice u G. Lewis ippreżentaw quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti għolja tal-ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-Bank tar-Reġina (awla amministrattiva)] azzjonijiet ġudizzjarji għall-istħarriġ tal-legalità (“judicial review”) tas-sistema ta’ żamma tad-data li tinsab fl-Artikolu 1 tad-DRIPA, li tawtorizza lill-Ministru li jimponi fuq l-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet pubbliċi ż-żamma tad-data kollha dwar il-komunikazzjonijiet għal perijodu massimu ta’ tnax-il xahar, fejn iż-żamma tal-kontenut tat-telekomunikazzjonijiet inkwistjoni hija eskluża.

57.

Open Rights Group, Privacy International u l-Law Society of England and Wales ġew awtorizzati jintervjenu f’kull wieħed minn dawn ir-rikorsi.

58.

B’sentenza tas-17 ta’ Lulju 2015, din il-qorti kkonstatat li l-imsemmija sistema ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni inkwantu ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mis-sentenza DRI, li hija qieset li huma applikabbli għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam taż-żamma tad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi u fil-qasam tal-aċċess għal tali data. Il-Ministru appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

59.

F’sentenza tal-20 ta’ Novembru 2015, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit] iddeċidiet b’mod provviżorju li s-sentenza DRI ma stabbilixxietx rekwiżiti imperattivi fid-dritt tal-Unjoni li magħhom iridu jikkonformaw il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, iżda sempliċement identifikat u ddeskriviet il-protezzjonijiet li ma kinux jinsabu fis-sistema armonizzata tal-Unjoni.

60.

Madankollu, peress li qieset li r-risposti għal dawn il-kwistjonijiet ta’ dritt tal-Unjoni Ewropea ma kinux ċari u kienu neċessarji biex tagħti deċiżjoni f’dawk il-proċeduri, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (sezzjoni ċivili) (ir-Renju Unit)] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

61.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Mejju 2015 fil-Kawża C‑203/15 u fit-28 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża C-698/15.

62.

Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Frar 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tissuġġetta l-Kawża C-698/15 għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

63.

Fil-Kawża C‑203/15, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Tele2 Sverige, mill-Gvern Belġjan, Ċek, Daniż, Ġermaniż, Estonjan, Irlandiż, Spanjol, Franċiż, Ungeriż, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Svediż u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

64.

Fil-Kawża C‑698/15, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn T. Watson, P. Brice u G. Lewis, Open Rights Group, Privacy International, il-Law Society of England and Wales, il-Gvern Ċek, Daniż, Ġermaniż, Estonjan, Irlandiż, Franċiż, Ċiprijott, Pollakk, Finlandiż u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni.

65.

Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2016, dawk iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

66.

Għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali tat-12 ta’ April 2016, dehru biex jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom ir-rappreżentanti ta’ Tele2 Sverige, T. Watson, P. Brice u G. Lewis, Open Rights Group, Privacy International u l-Law Society of England and Wales, tal-Gvern Ċek, Daniż, Ġermaniż, Estonjan, Irlandiż, Spanjol, Franċiż, Finlandiż, Svediż u tar-Renju Unit kif ukoll tal-Kummissjoni.

V – Analiżi tad-domandi preliminari

67.

Permezz tal-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C-203/15, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fid-dawl tas-sentenza DRI, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll l-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u dan indipendentement mill-eventwali garanziji li jakkumpanjaw dan l-obbligu.

68.

Fl-ipoteżi fejn din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv, it-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑203/15 u l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C-698/15 humiex intiżi li jistabbilixxu jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data meta dan l-obbligu ma jkunx akkumpanjat bil-garanziji kollha stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI li jikkonċernaw l-aċċess għad-data, it-tul taż-żamma kif ukoll il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data.

69.

Peress li dawn it-tliet domandi huma marbutin mill-qrib, ser neżaminahom f’daqqa fl-espożizzjoni segwenti tiegħi.

70.

Min-naħa l-oħra, it-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑698/15 teħtieġ trattament separat. B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk is-sentenza DRI estendietx il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7 u/jew 8 tal-Karta lil hinn minn dak tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Fil-parti segwenti nesponi r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li din id-domanda għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

71.

Qabel ma nibda l-eżami ta’ dawn id-domandi, inħoss li huwa utli li jitfakkar it-tip ta’ data milquta mill-obbligu ta’ żamma inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qrati tar-rinviju, il-portata ta’ dawn l-obbligi hija, fis-sustanza, ekwivalenti għal dik tal-obbligu li kien previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/24 ( 8 ). B’mod skematiku, id-data dwar il-komunikazzjonijiet li hija s-suġġett ta’ dawn l-obbligi ta’ żamma tista’ tinqasam f’erba’ kategoriji ( 9 ):

id-data li tippermetti li jiġi identifikat kemm is-sors kif ukoll id-destinazzjoni tal-komunikazzjoni;

id-data li tippermetti li jiġi lokalizzat kemm is-sors kif ukoll id-destinazzjoni tal-komunikazzjoni;

id-data li tirrigwarda l-ġurnata, is-siegħa u t-tul tal-komunikazzjoni; u

id-data li tippermetti li jiġi stabbilit it-tip ta’ komunikazzjoni u t-tip ta’ materjal użat.

72.

Il-kontenut tal-komunikazzjonijiet huwa eskluż mill-obbligi ġenerali ta’ żamma ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dan skont ma kien jipprovdi l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2006/24.

A – Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑698/15

73.

It-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑698/15 titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk is-sentenza DRI testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7 u/jew 8 tal-Karta lil hinn minn dak tal-Artikolu 8 tal-KEDB kif interpretat mill-Qorti EDB.

74.

Din id-domanda tirrifletti b’mod partikolari argument invokat mill-Ministru quddiem il-qorti tar-rinviju, li jgħid li l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma teżiġix, minn naħa, li l-aċċess għad-data tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ organu indipendenti u lanqas, min-naħa l-oħra, li ż-żamma u l-aċċess għal din id-data tkun limitata għall-ġlieda kontra r-reati serji.

75.

Jidhirli li din id-domanda għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba r-raġunijiet segwenti. Huwa ċar li l-motivi u s-soluzzjoni adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DRI għandhom importanza deċiżiva għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali. Madankollu, il-fatt li din is-sentenza estendiet eventwalment il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7 u/jew 8 tal-Karta lil hinn minn dak tal-Artikolu 8 tal-KEDB ma huwiex, fih innifsu, rilevanti biex jinqatgħu dawn il-kawżi.

76.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB, jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali. Madankollu, sakemm l-Unjoni taderixxi ma’ din il‑konvenzjoni, hija ma tikkostitwixxix strument legali integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 10 ).

77.

Ċertament, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi regola ta’ interpretazzjoni li tgħid li, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB “it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija”.

78.

Madankollu, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, “Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”. Fil-fehma tiegħi, minn din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mixtieqa, jekk hija tqis li huwa neċessarju fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta lil hinn minn dak tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-KEDB.

79.

Sussidjarjament, inżid li l-Artikolu 8 tal-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DRI, jistabbilixxi dritt li ma jikkorrispondi ma’ ebda dritt iggarantit mill-KEDB, jiġifieri d-dritt għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, ħaġa li tikkonferma wkoll l-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 52 tal-Karta ( 11 ). Għaldaqstant, ir-regola ta’ interpretazzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta ma hijiex, f’kull każ, applikabbli għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Karta, kif irrilevaw P. Brice u G. Lewis, Open Rights Group u Privacy International, il-Law Society of England and Wales kif ukoll il-Gvern Ċek, Irlandiż u Finlandiż.

80.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta jagħtu protezzjoni iktar estiża minn dik prevista mill-KEDB. Għaldaqstant, il-fatt li s-sentenza DRI estendiet eventwalment il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta lil hinn minn dak tal-Artikolu 8 tal-KEDB ma huwiex, minnu nnifsu, rilevanti biex tiġi deċiża l-kawżi prinċipali. Is-soluzzjoni li għandha tingħata lil dawn il-kawżi tiddependi essenzjalment mill-kundizzjonijiet li taħthom l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data jista’ jitqies li huwa kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta, interpretati fid-dawl tas-sentenza DRI, ħaġa li hija preċiżament is-suġġett tat-tliet domandi l-oħrajn magħmula f’dawn il-kawżi.

81.

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rifjut ta’ domanda li tkun saret minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa biex tkun tista’ twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 12 ).

82.

F’dan il-każ, u għall-motivi esposti iktar ’il fuq, jidhirli li t-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑698/15 għandha biss interess teoretiku peress li r-risposta eventwali għal din id-domanda ma tippermettix li jinsiltu l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju tkun tista’ tapplika utilment biex issolvi, skont dak id-dritt, il-kwistjoni pendenti quddiemha ( 13 ).

83.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li l-imsemmija domanda għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, kif isostnu ġustament T. Watson, il-Law Society of England and Wales u l-Gvern Ċek.

B – Fuq il-kompatibbiltà ta ’ obbligu ġenerali ta ’ żamma ta ’ data mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/58

84.

Din il-parti tirrigwarda l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jużaw il-fakultà mogħtija mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 sabiex jimponu obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data. Din ma teżaminax, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti partikolari li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri li jkunu jixtiequ jużaw din il-fakultà, liema rekwiżiti ser jiġu analizzati fid-dettall f’taqsima ulterjuri ( 14 ).

85.

Fil-fatt, Open Rights Group u Privacy International sostnew li tali obbligu huwa inkompatibbli mas-sistema armonizzata stabbilita mid-Direttiva 2002/58, u dan indipendentement mill-osservanza tar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, minħabba li jxejjen is-sustanza tad-drittijiet u tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva.

86.

Qabel ma jiġi eżaminat dan l-argument, għandu jiġi vverifikat li obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

1. Fuq l-inklużjoni ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58

87.

Ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestat il-fatt li obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pproċessar ta’ data personali konnessa mal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament f’networks ta’ komunikazzjoni pubblika f[l-Unjoni]” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58.

88.

Madankollu, il-Gvern Ċek, Franċiż, Pollakk u tar-Renju Unit sostnew li l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data jaqa’ taħt l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58. Minn naħa, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-aċċess għad-data u l-ipproċessar ta’ din id-data mill-awtoritajiet tal-pulizija jew ġudizzjarji tal-Istati Membri jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà tal-Istat jew jaqgħu, tal-inqas, taħt id-dritt kriminali. Min-naħa l-oħra, l-unika għan taż-żamma ta’ data huwa li jippermetti lil dawn l-awtoritajiet tal-pulizija jew ġudizzjarji li jaċċedu għaliha u jieħdu l-informazzjoni minnha. Għaldaqstant, l-obbligu taż-żamma tad-data huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva skont id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

89.

Dan ir-raġunament ma jikkonvinċinix għar-raġunijiet li ġejjin.

90.

Fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tikkonferma li l-obbligi ta’ żamma imposti mill-Istati Membri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, fil-fatt, “l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu”. Jidhirli li huwa tal-inqas diffiċli li wieħed isostni li l-obbligi ta’ żamma huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta l-Artikolu 15(1) tad-direttiva msemmija jirregola l-fakultà li jiġu adottati tali obbligi.

91.

Fir-realtà, u kif isostnu T. Watson, P. Brice u G. Lewis, il-Gvern Belġjan, Daniż, Ġermaniż, Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni, obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jikkostitwixxi l-implementazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

92.

Fit-tieni lok, il-fatt li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess jistgħu jaqgħu taħt l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 ( 15 ) ma jimplikax li l-obbligu ta’ żamma jaqa’ taħtha wkoll u, għaldaqstant, jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

93.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża li l-attivitajiet imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE ( 16 ), li l-formulazzjoni tiegħu għandha portata ekwivalenti għal dik tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58, kienu attivitajiet li jappartjenu lill-Istati jew lill-awtoritajiet Statali u li ma humiex marbuta mal-oqsma ta’ attività ta’ individwi ( 17 ).

94.

Issa, l-obbligi ta’ żamma inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma imposti fuq l-operaturi privati fil-kuntest tal-attivitajiet privati ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif irrilevat il-Kummissjoni. Barra minn hekk, dawn l-obbligi jeżistu indipendentement minn kull talba għall-aċċess min-naħa tal-awtoritajiet tal-pulizija jew ġudizzjarji kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, minn kull att tal-awtoritajiet Statali li jaqgħu taħt is-sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà tal-Istat jew taħt id-dritt kriminali.

95.

Fit-tielet lok, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L-Irlanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill tikkonferma li obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data ma jaqax taħt id-dritt kriminali ( 18 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2006/24, li stabbilixxiet tali obbligu, ma kinitx taqa’ taħt id-dritt kriminali iżda fil-fatt taħt il-funzjonament tas-suq intern, b’mod li l-Artikolu 95 KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE) kien jikkostitwixxi l-bażi legali adatta għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva.

96.

Biex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma essenzjalment limitati għall-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi u ma jirregolawx l-aċċess għad-data u lanqas l-użu tagħhom mill-awtoritajiet tal-pulizija jew ġudizzjarji tal-Istati Membri ( 19 ). Minn dan niddeduċi li d-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li jistabbilixxu obbligu ta’ żamma simili għal dak previst mid-Direttiva 2006/24 ma jaqgħux lanqas taħt id-dritt kriminali.

97.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data ma jaqax taħt l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 u għaldaqstant, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

2. Fuq il-possibbiltà ta’ deroga mis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/58 bl-istabbiliment ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data

98.

Jeħtieġ issa li jiġi stabbilit jekk obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data huwiex kompatibbli mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/58.

99.

Il-kwistjoni li tqum f’dan ir-rigward hija dik dwar jekk huwiex possibbli, għal Stat Membru, li juża l-fakultà offruta mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 sabiex jimponi tali obbligu.

100.

Tressqu erba’ argumenti kontra tali possibbiltà, b’mod partikolari minn Open Rights Group u Privacy International.

101.

Skont l-ewwel argument, l-għoti lill-Istati Membri tas-setgħa li jadottaw obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data jpoġġi indiskussjoni l-għan ta’ armonizzazzjoni li huwa r-raison d’être tad-Direttiva 2002/58. Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, fil-fatt, din id-direttiva tipprovdi għall-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħtieġa biex ikun żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza u għall-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, kif ukoll biex ikun żgurat il-moviment liberu ta’ dik id-data u ta’ apparat u ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni.

102.

Għaldaqstant, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li joffri lill-Istati Membri s-setgħa li jadottaw deroga għas-sistema stabbilita minn din id-direttiva ta’ portata tali li dan l-isforz ta’ armonizzazzjoni jiġi mċaħħad minn kull effett utli.

103.

Skont it-tieni argument, il-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprekludi wkoll interpretazzjoni daqshekk wiesgħa tas-setgħa tal-Istati Membri biex jidderogaw mis-sistema stabbilita minn din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, fil-fatt, “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva” (korsiv miżjud minni).

104.

Issa, obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data ma huwiex limitat biex “jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni” tad-drittijiet u obbligi msemmija f’din id-dispożizzjoni, iżda jxejjen dawn id-drittijiet u obbligi. Dan japplika għaldaqstant:

għall-obbligu li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tad-data dwar it-traffiku u għall-obbligu li l-ħażna tal-informazzjoni tkun suġġetta għall-kunsens tal-utent, previsti fl-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva 2002/58 rispettivament;

għall-obbligu tat-tħassir tad-data dwar it-traffiku jew l-għoti ta’ anonimità lilha, stabbilit fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva; u

għall-obbligu li tingħata l-anonimità lid-data ta’ lokalizzazzjoni jew li jinkiseb il-kunsens tal-utent biex tiġi pproċessata din id-data, impost mill-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva.

105.

Dawn l-ewwel żewġ argumenti jidhirli li għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet segwenti.

106.

Minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 issemmi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jadottaw “miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat”. Dan ir-riferiment espliċitu għall-obbligi ta’ żamma ta’ data jikkonferma li tali obbligi ma humiex, minnhom infushom, inkompatibbli mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/58. Għalkemm din il-formulazzjoni ma tipprovdix espressament għall-possibbiltà li jiġi adottat obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, għandu jiġi kkonstatat li din lanqas ma tipprekludih.

107.

Min-naħa l-oħra, il-premessa 11 tad-Direttiva 2002/58 tippreċiża li din ma tbiddilx “il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali”. Konsegwentement, “din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-[KEDB]”.

108.

Fil-fehma tiegħi, minn din il-premessa 11 jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma kinitx li jippreġudika l-fakultà tal-Istati Membri biex jadottaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, iżda fil-fatt li jissuġġetta din il-fakultà għal ċerti rekwiżiti li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-għanijiet imfittxija u l-proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri. Fi kliem ieħor, l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data ma huwiex, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, sakemm din tissodisfa ċerti kundizzjonijiet.

109.

Skont it-tielet argument, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu, bħala deroga mis-sistema stabbilita minn din id-direttiva, ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, u dan skont ir-regola ta’ interpretazzjoni li tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta tipprojbixxi li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li hija toffri l-fakultà li jiġi impost obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data.

110.

F’dan ir-rigward, inħoss li l-fakultà prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma tistax tiġi kklassifikata bħala deroga u ma tistax għaldaqstant tiġi interpretata b’mod strett, kif ġustament issostni l-Kummissjoni. Jidhirli li huwa diffiċli, fil-fatt, li din il-fakultà tiġi kklassifikata bħala deroga fid‑dawl tal-premessa 11 imsemmija iktar ’il fuq, li tgħid li din id-direttiva ma tippreġudikax il-fakultà tal-Istati Membri li jadottaw il-miżuri msemmija f’din id-dispożizzjoni. Nirrileva, barra minn hekk, li l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva huwa intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE” filwaqt li l-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva huwa espliċitament intitolat “Eċċezzjonijiet”. Dawn it-titoli jikkonfortaw l-idea tiegħi li l-fakultà prevista fl-imsemmi Artikolu 15 ma tistax tkun ikklassifikata bħala “deroga”.

111.

Skont ir-raba’ u l-aħħar argument, l-inkompatibbiltà ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/58 hija kkorroborata biż-żieda tal-Artikolu 15(1a) ta’ din id-direttiva waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24, invalidata permezz tas-sentenza DRI. Skont dan l-argument, hija din l-inkompatibbiltà li wasslet lil-leġiżlatur tal-Unjoni jiddikjara l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 inapplikabbli għas-sistema ta’ żamma ġenerali prevista mid-Direttiva 2006/24.

112.

Dan l-argument jidhirli li huwa bbażat fuq fehma żbaljata dwar il-portata tal-Artikolu 15(1a) tad-Direttiva 2002/58. Skont din id-dispożizzjoni, “[l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58] ma għandux japplika għal data speċifikament meħtieġa mid-Direttiva [2006/24] sabiex tinżamm għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva”.

113.

L-interpretazzjoni tiegħi ta’ din id-dispożizzjoni hija kif ġej. Għal dak li jikkonċerna d-data li ż-żamma tagħha hija meħtieġa mid-Direttiva 2006/24 u għall-iskopijiet stabbiliti minnha, l-Istati Membri tilfu l-fakultà, prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jillimitaw iktar il-portata tad-drittijiet u obbligi msemmija f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari permezz tal-obbligi komplementari ta’ żamma ta’ data. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 15(1a) jipprevedi armonizzazzjoni eżawrjenti f’dak li jikkonċerna d-data li ż-żamma tagħha hija meħtieġa mid-Direttiva 2006/24 u għall-iskopijiet stabbiliti minn din.

114.

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bil-premessa 12 tad-Direttiva 2006/24 li tgħid li, “[l]-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58] ikompli japplika fir-rigward ta’ data, inkluża data relatata ma’ tentattivi ta’ telefonati li ma jirnexxux, li ż-żamma tagħha mhijiex speċifikament meħtieġa taħt din id-Direttiva u li għalhekk hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u taż-żamma għal skopijiet, inklużi skopijiet ġudizzjarji, diversi minn dawk koperti minn din id-Direttiva” (korsiv miżjud minni).

115.

Għaldaqstant, l-inklużjoni tal-Artikolu 15(1a) tad-Direttiva 2002/58 jikkonferma mhux l-inkompatibbiltà ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data mas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, iżda r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24.

116.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data huwa kompatibbli mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/58 u, għaldaqstant, li huwa possibbli li Stat Membru jagħmel użu mill-fakultà offruta mill-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva sabiex jimponi tali obbligu ( 20 ). L-użu ta’ din il-fakultà huwa madankollu suġġett għall-osservanza tar-rekwiżiti stretti, li jirriżultaw mhux biss minn din id-dispożizzjoni iżda wkoll mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta moqrija fid-dawl tas-sentenza DRI, li ser jiġu eżaminati f’parti ulterjuri ( 21 ).

C – Fuq l-applikabbiltà tal-Karta għal obbligu ġenerali ta ’ żamma ta ’ data

117.

Qabel neżamina l-kontenut tar-rekwiżiti li huma imposti mill-Karta, flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, meta Stat jagħżel li jistabbilixxi obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, għandu jiġi vverifikat jekk il-Karta tapplikax, fil-fatt, għal tali obbligu.

118.

L-applikabbiltà tal-Karta għal obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data tiddependi essenzjalment mill-applikabbiltà tad-Direttiva 2002/58 għal tali obbligu.

119.

Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, “id-dispożizzjonijiet [tal-Karta] huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni”. L-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw lill-Artikolu 51 tal-Karta jirreferu, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li biha l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali ddefiniti fil-kuntest tal-Unjoni jaqa’ fuq l-Istati Membri biss meta huma jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 22 ).

120.

Il-Gvern Ċek, Franċiż, Pollakk u tar-Renju Unit, li kkontestaw l-applikabbiltà tad-Direttiva 2002/58 għal obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data ( 23 ), sostnew ukoll li l-Karta ma kinitx applikabbli għal tali obbligu.

121.

Jien diġà esponejt ir-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data jikkostitwixxi l-implementazzjoni tal-fakultà prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ( 24 ).

122.

Konsegwentement, nikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-miżuri nazzjonali li jistabbilixxu tali obbligu, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, u dan kif isostnu T. Watson, P. Brice u G. Lewis, Open Rights Group u Privacy International, il-Gvern Daniż, Ġermaniż, Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni ( 25 ).

123.

Din il-konklużjoni ma titpoġġiex indiskussjoni mill-fatt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-aċċess għad-data miżmuma ma jaqgħux, bħala tali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta.

124.

Ċertament, sa fejn dawn jikkonċernaw l-“attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali”, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-aċċess għad-data miżmuma mill-awtoritajiet tal-pulizija jew ġudizzjarji sabiex jiġu miġġielda r-reati serji jaqgħu, fil-fehma tiegħi, taħt l-esklużjoni prevista mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 ( 26 ). Konsegwentement, tali dispożizzjonijiet nazzjonali ma jimplementawx id-dritt tal-Unjoni, b’mod li l-Karta ma tapplikax għalihom.

125.

Madankollu, ir-raison d’être ta’ obbligu li tinżamm id-data hija li tippermetti lill-awtoritajiet tas-sigurtà li jaċċedu għad-data miżmuma, b’mod li l-problemi taż-żamma u tal-aċċess ma jistgħux ikunu kompletament mifruda. Kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għandhom importanza deċiżiva għad-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mal-Karta tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, liema dispożizzjonijiet jimplementaw l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. B’mod iktar preċiż, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi evalwata n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali obbligu ( 27 ).

D – Fuq il-kompatibbiltà ta ’ obbligu ġenerali li tinżamm id-data mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll mill-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta

126.

Jibqagħli issa li nittratta l-kwistjoni diffiċli tal-kompatibbiltà ta’ obbligu ġenerali li tinżamm id-data mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll mill-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta moqrija fid-dawl tas-sentenza DRI. Din il-kwistjoni tikkonċerna, b’mod iktar ġenerali, l-adattazzjoni neċessarja tal-kuntest legali li jinkwadra l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza mill-Istati, li mmultiplikaw bil-progressi teknoloġiċi reċenti ( 28 ).

127.

L-ewwel fażi ta’ kull analiżi, f’dan il-kuntest, qiegħda fil-konstatazzjoni ta’ ndħil fid-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/58 u fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

128.

Fil-fatt, dan l-obbligu jikkostitwixxi ndħil serju fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, u fid-dritt għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, iggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta. Ma jidhirlix li huwa utli li ntaqqal il-ħsibijiet fuq din il-konstatazzjoni ta’ ndħil, li ġiet analizzata b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 32 sa 37 tas-sentenza DRI ( 29 ). Bl-istess mod, l-obbligu ġenerali ta’ konstatazzjoni ta’ data jikkostitwixxi ndħil f’diversi drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/58 ( 30 ).

129.

It-tieni fażi fl-analiżi tikkonsisti f’li jiġi stabbilit jekk, u taħt liema ċirkustanzi, dan l-indħil serju fid-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/58 kif ukoll fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta jista’ jkun iġġustifikat.

130.

Hemm żewġ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jridu jkunu issodisfatti biex dan l-indħil doppju jkun iġġustifikat: l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jinkwadra l-fakultà tal-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet stabbiliti minn din id-Direttiva, u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, moqri fid-dawl tas-sentenza DRI, li jinkwadra kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta.

131.

Irrid nenfasizza li dawn ir-rekwiżiti huma kumulattivi. Fil-fatt, l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jimplikax, minnu nnifsu, li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta huma ssodisfatti, u vice versa ( 31 ). Konsegwentement, l-obbligu ġenerali li tinżamm id-data jista’ jitqies li huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni biss jekk josserva kemm ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u dawk previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif tenfasizza l-Law Society of England and Wales ( 32 ).

132.

Flimkien, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jistabbilixxu sitt rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti biex ikun iġġustifikat l-indħil li jġib miegħu l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data:

l-obbligu ta’ żamma jrid ikollu bażi legali;

huwa għandu jirrispetta l-kontenut essenzjali tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta;

huwa għandu jkollu għan ta’ interess ġenerali;

huwa għandu jkun xieraq għat-twettiq ta’ dak l-għan;

huwa għandu jkun neċessarju għat-twettiq tal-imsemmi għan; u

huwa għandu jkun proporzjonat, fi ħdan soċjetà demokratika, għat-twettiq ta’ dak l-istess għan.

133.

Diversi minn dawn il-kundizzjonijiet diġà ssemmew mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DRI. Għal fini ta’ kjarezza u meħud kont tal-karatteristiċi ta’ dawn il-kawżi meta mqabbla mal-kawża DRI, nixtieq madankollu nerġa’ nittratta kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, billi neżamina b’mod iktar dettaljat ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-bażi legali, in-natura neċessarja kif ukoll in-natura proporzjonata fi ħdan soċjetà demokratika ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data.

1. Fuq ir-rekwiżit ta’ bażi legali fid-dritt nazzjonali

134.

Kemm l-Artikolu 52(1) tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxu rekwiżiti fir-rigward tal-bażi legali li għandha tintuża minn Stat Membru sabiex jimponi obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data.

135.

Fl-ewwel lok, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta għandha tkun “prevista mil-liġi” skont l-Artikolu 52(1) tagħha. Nippreċiża li dan ir-rekwiżit ma ġiex formalment eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DRI, li kienet tikkonċerna ndħil previst minn direttiva.

136.

Sas-sentenza reċenti WebMindLicenses ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kienet ippronunzjat ruħha dwar il-portata eżatta ta’ dan ir-rekwiżit, u dan anki meta hija kienet espressament ikkonstatat li dan ir-rekwiżit kien ( 34 ) jew ma kienx ( 35 ) issodisfatt. Fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, it-tielet awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

137.

Nipproponi lill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonferma din l-interpretazzjoni f’dawn il-kawżi għar-raġunijiet segwenti.

138.

Kif irrileva ġustament l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Scarlet Extended ( 36 ), il-Qorti EDB żviluppat ġurisprudenza abbondanti dwar dan ir-rekwiżit fil-kuntest tal-KEDB, li hija kkaratterizzata b’tifsira sostantiva u mhux formali tal-kelma “liġi” ( 37 ).

139.

Skont din il-ġurisprudenza, l-espressjoni “prevista mil-liġi” timplika li l-bażi legali tkun suffiċjentement aċċessibbli u prevedibbli, jiġifieri fformulata bi preċiżjoni biżżejjed biex tippermetti li l-individwu, jekk ikun hemm billi jieħu l-pariri xierqa, jirregola l-aġir tiegħu. Din il-bażi legali għandha wkoll tipprovdi protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà u, konsegwentement, tiddefinixxi b’mod ċar biżżejjed il-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti (prinċipju tal-preeminenza tad-dritt) ( 38 ).

140.

Issa, fil-fehma tiegħi jeħtieġ li l-espressjoni “prevista mil-liġi” użata fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tingħata portata simili għal dik li din l-espressjoni għandha fil-kuntest tal-KEDB, u dan għar-raġunijiet segwenti.

141.

Minn naħa, skont l-Artikolu 53 tal-Karta u l-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw dan l-artikolu, il-livell ta’ protezzjoni offrut mill-Karta ma jista’ qatt ikun inqas minn dak iggarantit mill-KEDB. Din il-projbizzjoni kontra l-qbiż tal-“limitu KEDB” timplika li l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-espressjoni “prevista mil-liġi” użata fl-Artikolu 52(1) tal-Karta għandha minn tal-inqas tkun daqstant stretta bħal dik tal-Qorti EDB fil-kuntest tal-KEDB ( 39 ).

142.

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-natura orizzontali ta’ dan ir-rekwiżit, li jista’ japplika għal diversi tipi ta’ ndħil kemm fil-kuntest tal-Karta kif ukoll f’dak tal-KEDB ( 40 ), ma jkunx opportun li l-Istati Membri jkunu ssuġġettati għal kriterji differenti skont jekk l-indħil ikunx eżaminat fid-dawl ta’ wieħed jew ieħor minn dawn l-istrumenti ( 41 ).

143.

Għaldaqstant, jidhirli, kif isostnu l-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni, li l-espressjoni “prevista mil-liġi” li tinsab fl-Artikolu 52(1) tal-Karta għandha tkun interpretata, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li sunt tagħha jinsab fil-punt 139 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sens li obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jkun previst minn bażi legali suffiċjentement aċċessibbli u prevedibbli, minn naħa, u li toffri protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà, min-naħa l-oħra.

144.

Fit-tieni lok, għandu jiġi stabbilit il-kontenut tar-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għal dak li jikkonċerna l-bażi legali li għandha tintuża minn Stat Membru li jkun jixtieq jagħmel użu mill-fakultà offruta minn din id-dispożizzjoni.

145.

F’dan ir-rigward, għandi nirrileva l-eżistenza ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

146.

Fil-verżjoni Ingliża (“legislative measures”), Franċiża (“mesures législatives”), Taljana (“disposizioni legislative”), Portugiża (“medidas legislativas”), Rumena (“măsuri legislative”) u Svediża (“genom lagstiftning vidta åtgärder”), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 timponi, fil-fehma tiegħi, l-adozzjoni ta’ miżuri li joħorġu mil-leġiżlatur.

147.

Min-naħa l-oħra, il-verżjoni Daniża (“retsforskrifter”), Ġermaniża (“Rechtsvorschriften”), tal-Pajjiżi l-Baxxi (“wettelijke maatregele”) u Spanjola (“medidas legales”) ta’ din is-sentenza jistgħu jiġu interpretati bħala li jeżiġu l-adozzjoni kemm ta’ miżuri li joħorġu mil-leġiżlatur, kif ukoll miżuri regolatorji li joħorġu mill-eżekuttiv.

148.

Skont ġurisprudenza stabbilita, in-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni Ewropea teskludi li dan jitqies separatament f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teżiġi li jiġi interpretat kemm skont ir-rieda reali tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi uffiċjali kollha. Fil-każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 42 ).

149.

F’dan il-każ, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirregola l-fakultà tal-Istati Membri li jidderogaw mid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li l-protezzjoni tagħhom hija implementata minn din id-direttiva. Għaldaqstant jidhirli li huwa opportun li r-rekwiżit tal-bażi legali impost mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jiġi interpretat fid-dawl tal-Karta, u b’mod partikolari tal-Artikolu 52(1) tagħha.

150.

Għaldaqstant, il-“miżuri” meħtieġa mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandhom bilfors ikollhom il-kwalitajiet ta’ aċċessibbiltà, prevedibbiltà u ta’ protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà, imsemmija fil-punt 143 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Minn dawn il-kwalitajiet jirriżulta b’mod partikolari, u speċjalment mir-rekwiżit ta’ protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà, li dawn il-miżuri għandhom ikunu vinkolanti għall-awtoritajiet nazzjonali li jingħataw is-setgħa li jaċċedu għad-data miżmuma. B’mod partikolari, ma jkunx suffiċjenti li l-garanziji li jirrigwardaw l-aċċess għal din id-data jkunu previsti fil-kodiċi jew fil-linji gwida interni li ma jkollhomx tali natura vinkolanti, kif ġustament tenfasizza l-Law Society of England and Wales.

151.

Barra minn hekk, l-espressjoni “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri”, li hija komuni għall-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jidhirli li teskludi l-possibbiltà li ġurisprudenza nazzjonali, anki stabbilita, tista’ tikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti sabiex tiġi implementata din id-dispożizzjoni. Nenfasizza li, f’dan ir-rigward, l-imsemmija dispożizzjoni tmur lil hinn mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ( 43 ).

152.

Inżid ngħid li jidhirli li jkun xieraq, fid-dawl tas-serjetà tal-indħil li jinvolvi l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li l-kontenut essenzjali tas-sistema inkwistjoni, u b’mod partikolari dak tal-garanziji li jirrigwardaw lil dan l-obbligu, ikun stabbilit f’miżura adottata mil-leġiżlatur, bl-eżekuttiv ikun responsabbli li jippreċiżalha l-modalitajiet ta’ applikazzjoni.

153.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta għandhom ikunu interpretati fis-sens li s-sistema li tistabbilixxi obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandha tkun stabbilita b’miżuri leġiżlattivi jew regolamentari li jkollhom il-kwalitajiet ta’ aċċessibbiltà, prevedibbiltà u ta’ protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà.

154.

Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, fid-dawl tal-pożizzjoni privileġġata tagħhom għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tas-sistemi nazzjonali rispettivi tagħhom.

2. Fuq l-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

155.

Skont l-Artikolu 52(1) tagħha, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha “tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet” ( 44 ). Dan l-aspett, li ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 39 u 40 tas-sentenza DRI fil-kuntest tad-Direttiva 2006/24, ma jidhirlix li jqajjem problema partikolari fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, kif irrilevaw il-Gvern Spanjol u Irlandiż kif ukoll il-Kummissjoni.

156.

Fil-punt 39 tas-sentenza DRI, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-direttiva ma kinitx tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tad-drittijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta peress li hija ma tippermettix li jittieħed konjizzjoni tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħala tali.

157.

Din l-evalwazzjoni, fil-fehma tiegħi, tista’ tiġi trasposta għas-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, peress li dawn lanqas jippermettu li jittieħed konjizzjoni tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħala tali ( 45 ).

158.

Fil-punt 40 tas-sentenza DRI, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-Direttiva 2006/24 ma tippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta, fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà tad-data li għandhom ikunu osservati mill-fornituri skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, bl-Istati Membri jkunu responsabbli li jiżguraw l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa kontra l-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf jew l-alterazzjoni aċċidentali tad-data.

159.

Għal darba oħra, nikkunsidra li din l-evalwazzjoni tista’ tiġi trasposta għas-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, peress li dawn jistgħu, fil-fehma tiegħi, jipprevedu garanziji paragunabbli fir-rigward tal-protezzjoni u tas-sigurtà tad-data miżmuma mill-fornituri, peress li dawn il-garanziji għandhom jippermettu li tiġi protetta effettivament id-data ta’ natura personali kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data ( 46 ).

160.

Madankollu, huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw li s-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali josservaw effettivament il-kontenut essenzjali tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

3. Fuq l-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni li jista’ jiġġustifika l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data

161.

Kemm l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta jeżiġu li kull indħil fid-drittijiet stabbiliti minn dawn l-istrumenti għandu jkollu għan ta’ interess ġenerali.

162.

Fil-punti 41 sa 44 tas-sentenza DRI, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data impost mid-Direttiva 2006/24 kien jikkontribwixxi għall-“ġlieda kontra l-kriminalità gravi u b’hekk, finalment, is-sigurtà pubblika” u min-naħa l-oħra, li din il-ġlieda kienet tikkostitwixxi għan ġenerali tal-Unjoni.

163.

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li bħala għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni hemm il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali sabiex jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. L-istess japplika għall-ġlieda kontra l-kriminalità gravi sabiex tkun iggarantita s-sigurtà pubblika. Barra minn hekk, għandu jiġi rilevat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 6 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna mhux biss għal-libertà, iżda wkoll għas-sigurtà ( 47 ).

164.

Din l-evalwazzjoni tista’ tiġi trasposta għall-obbligi ġenerali ta’ żamma ta’ data inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jistgħu jkunu ġġustifikati bl-għan tal-ġlieda kontra r-reati serji.

165.

Madankollu, fid-dawl ta’ ċerti argumenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi stabbilit jekk tali obbligu jistax ikun iġġustifikat minn għan ieħor ta’ interess ġenerali differenti minn dak tal-ġlieda kontra r-reati serji.

166.

F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta jsemmi b’mod ġenerali, “l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni” u “l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

167.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 hija iktar preċiża fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-indħil fid-drittijiet stabbiliti minn din id-direttiva. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-miżuri inkwistjoni għandhom jikkontribwixxu biex “tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE”.

168.

Barra minn hekk, fis-sentenza Promusicae ( 48 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, li jawtorizza d-derogi mid-drittijiet previsti minn din id-direttiva meta dawn ikunu ġġustifikati mill-“protezzjoni tad-drittjiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn”. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kien joffri lill-Istati Membri l-fakultà li jipprevedu l-obbligu, għall-fornitur, li jiżvela d-data ta’ natura personali sabiex jistabbilixxu, fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, l-eżistenza ta’ preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur li jirrigwardaw ir-reġistrazzjonijiet mużikali u awdjoviżivi.

169.

Il-gvern tar-Renju Unit silet argument minn din is-sentenza biex sostna li l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data jista’ jkun iġġustifikat minn kull għan imsemmi kemm fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif ukoll fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46. Skont dan il-gvern, tali obbligu jista’ jkun iġġustifikat bl-użu li ġġib magħha d-data miżmuma fil-ġlieda kontra l-ksur “sempliċi” (meta mqabbel ma’ dak “serju”) jew ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri mhux kriminali fir-rigward tal-għanijiet imsemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet.

170.

Dan l-argument ma jikkonvinċinix għar-raġunijiet li ġejjin.

171.

Fl-ewwel lok, u kif jenfasizzaw ġustament T. Watson kif ukoll Open Rights Group u Privacy International, l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Promusicae ( 49 ) ma jistax jiġi traspost għal dawn il-kawżi peress li din is-sentenza kienet tikkonċerna talba għal aċċess, minn assoċjazzjoni ta’ titolari ta’ drittijiet tal-awtur, għal data miżmuma spontanjament minn fornitur, jiġifieri Telefónica de España. Fi kliem ieħor, din is-sentenza ma kinitx tikkonċerna l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-indħil serju fid-drittijiet fundamentali li jġib miegħu l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

172.

Fit-tieni lok, jidhirli li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità f’soċjetà demokratika jeskludi li l-ġlieda kontra l-ksur sempliċi jew l-andament tajjeb tal-proċeduri mhux kriminali tkun tista’ tiġġustifika obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data. Fil-fatt, ir-riskji kunsiderevoli li tali obbligu jġib miegħu huma kbar ħafna fil-konfront tal-benefiċċji li huwa jġib fil-ġlieda kontra l-ksur sempliċi jew fil-kuntest ta’ proċeduri mhux kriminali ( 50 ).

173.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ġlieda kontra r-reati serji tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, u dan diversament mill-ġlieda kontra l-ksur sempliċi jew l-andament tajjeb tal-proċeduri mhux kriminali.

174.

Konsegwentement, in-natura xierqa, neċessarja u proporzjonata ta’ tali obbligu għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan tal-ġlieda kontra r-reati serji.

4. Fuq in-natura xierqa ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fid-dawl tal-ġlieda kontra r-reati serji

175.

Ir-rekwiżiti li jirrigwardaw in-natura xierqa, neċessarja ( 51 ) u proporzjonata ( 52 ) joħorġu kemm mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll mill-Artikolu 52(1) tal-Karta.

176.

Skont l-ewwel minn dawn ir-rekwiżiti, obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandu jkun adatt biex jikkontribwixxi għall-għan ta’ interess ġenerali identifikat iktar qabel, jiġifieri l-ġlieda kontra r-reati serji.

177.

Dan ir-rekwiżit ma jqajjimx diffikultà partikolari fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment fil-punt 49 tas-sentenza DRI, id-data miżmuma tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam ta’ prosekuzzjonijiet kriminali li jkollhom mezz ta’ investigazzjoni addizzjonali biex jipprevjenu jew jinvestigaw ir-reati serji. Konsegwentement, tali obbligu jikkontribwixxi għal ġlieda kontra r-reati serji.

178.

Irrid madankollu nippreċiża l-utilità li jista’ jkollu l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data għall-iskopijiet tal-ġlieda kontra r-reati serji. Kif sostna ġustament il-Gvern Franċiż, tali obbligu jippermetti, sa ċertu punt, lill-awtoritajiet tas-sigurtà li “jaqraw il-passat” billi jikkonsultaw id-data miżmuma, u dan għad-differenza tal-miżuri ta’ sorveljanza speċifiċi.

179.

Miżura ta’ sorveljanza speċifika tirrigwarda persuni li jkunu ġew identifikati minn qabel bħala li jista’ jkollhom rabta, anki indiretta jew mill-bogħod, ma’ reat serju. Tali miżuri speċifiċi jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jkollhom aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn dawn il-persuni, anki għall-kontenut ta’ dawn il-komunikazzjonijiet. Madankollu, dan l-aċċess jista’ jirrigwarda biss il-komunikazzjonijiet magħmula minn dawn il-persuni wara l-identifikazzjoni tagħhom.

180.

Min-naħa l-oħra, l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data jikkontempla l-komunikazzjonijiet kollha magħmula mill-utenti kollha, mingħajr ma tkun meħtieġa ebda rabta ma’ xi reat serju. Tali obbligu jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jkollhom aċċess għall-istorja tal-komunikazzjonijiet magħmula minn xi persuna qabel ma tkun ġiet identifikata li għandha tali rabta. Huwa f’dan is-sens li dan l-obbligu jagħti lill-awtoritajiet tas-sigurtà kapaċità limitata li jaqraw il-passat, billi joffrilhom aċċess għall-komunikazzjonijiet magħmula minn dawk il-persuni qabel l-identifikazzjoni tagħhom ( 53 ).

181.

Fi kliem ieħor, l-utilità li għandu l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data għall-iskopijiet tal-ġlieda kontra r-reati serji qiegħda f’din il-kapaċità limitata li jinqara l-passat permezz ta’ data li tirrintraċċa l-istorja tal-komunikazzjonijiet magħmula minn persuna anki qabel ma tkun issuspettata li għandha rabta ma’ reat serju ( 54 ).

182.

Waqt il-preżentazzjoni tal-proposta għal direttiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24, il-Kummissjoni uriet din l-utilità bl-għajnuna ta’ diversi eżempji konkreti ta’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw b’mod partikolari l-atti ta’ terroriżmu, qtil, ħtif u pornografija tat-tfal ( 55 ).

183.

Kien hemm diversi eżempji simili li ġew esposti lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, b’mod partikolari mill-Gvern Franċiż, li enfasizza l-obbligu pożittiv li għandhom l-Istati Membri li jiżguraw is-sigurtà tal-persuni li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom. Skont dan il-gvern, fil-kuntest tal-investigazzjonijiet dwar it-tkissir ta’ netwerks li jorganizzaw it-tluq ta’ residenti Franċiżi lejn iż-żoni ta’ kunflitt fl-Iraq u fis-Sirja, l-aċċess għad-data miżmuma għandu rwol deċiżiv biex jiġu identifikati l-persuni li ffaċilitaw dak it-tluq. L-imsemmi gvern iżid jgħid li l-aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet tal-persuni implikati fl-attentati terroristiċi reċenti ta’ Jannar u ta’ Novembru 2015 fi Franza kien estremament utli għall-investigaturi biex jiskopru l-kompliċi tal-awturi ta’ dawn l-attentati. Bl-istess mod, fil-kuntest tat-tiftix ta’ persuna li tkun sparixxiet, id-data li tirrigwarda l-lokalizzazzjoni ta’ dik il-persuna waqt il-komunikazzjonijiet magħmula qabel ma sparixxiet għandha rwol determinanti għall-iskopijiet tal-investigazzjoni.

184.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data huwa adatt biex jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra r-reati serji. Madankollu, jibqa’ li jiġi vverifikat jekk tali obbligu huwiex kemm neċessarju kif ukoll proporzjonat għal dan il-għan.

5. Fuq in-natura neċessarja ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fid-dawl tal-ġlieda kontra l-ksur serji

185.

Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura tista’ titqies li hija neċessarja biss fin-nuqqas ta’ kull miżura oħra li tkun xierqa filwaqt li tkun inqas restrittiva ( 56 ).

186.

Ir-rekwiżit dwar in-natura xierqa jeħtieġ li tiġi evalwata l-effettività “assoluta” — indipendentement minn kull miżura oħra possibbli — ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fid-dawl tal-ġlieda kontra r-reati serji. Ir-rekwiżit ta’ neċessità jwassal, min-naħa tiegħu, biex tiġi evalwata l-effiċjenza — jew effettività “relattiva”, jiġifieri b’paragun ma’ kull miżura oħra possibbli — ta’ tali obbligu ( 57 ).

187.

Fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, it-test ta’ neċessità jitlob li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk miżuri oħra jistgħux ikunu daqstant effettivi bħal obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fil-ġlieda kontra r-reati serji u, min-naħa l-oħra, jekk dawn l-eventwali miżuri humiex inqas ta’ ndħil fuq id-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/58 u mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 58 ).

188.

Infakkar ukoll il-ġurisprudenza stabbilita, imsemmija fil-punt 52 tas-sentenza DRI, li tgħid li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata jeżiġi li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet ta’ dawn id-derogi għandhom jitwettqu fil-limiti ta’ dak li huwa “strettament neċessarju” ( 59 ).

189.

Żewġ kwistjonijiet li kienu jirrigwardaw ir-rekwiżit ta’ dak li hu strettament neċessarju fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi ġew diskussi fid-dettall mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, liema kwistjonijiet jikkorrispondu, fis-sustanza, għaż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kawża C-203/15:

minn naħa, fid-dawl tal-punti 56 sa 59 tas-sentenza DRI, l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data għandu jitqies li jeċċedi, minnu nnifsu, il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju għall-iskopijiet tal-ġlieda kontra r-reati serji, u dan indipendentement mill-eventwali garanziji li jakkumpanjaw dan l-obbligu?

min-naħa l-oħra, jekk wieħed jippreżumi li tali obbligu jista’ jitqies li ma jeċċedix, minnu nnifsu, il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, għandu dan ikun akkumpanjat mill-garanziji kollha msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI sabiex jiġi limitat għal dak li huwa strettament neċessarju l-preġudizzju għad-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/58 u mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta?

190.

Qabel ma nittratta dawn il-kwistjonijiet, jidhirli li huwa opportun li jiġi miċħud l-argument imressaq mill-gvern tar-Renju Unit, li bih ingħad li l-kriterji stabbiliti fis-sentenza DRI huma irrilevanti fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, minħabba li din is-sentenza kienet tikkonċerna mhux is-sistema nazzjonali iżda s-sistema stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

191.

F’dan ir-rigward, nenfasizza li s-sentenza DRI interpretat l-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta u li dawn id-dispożizzjonijiet huma wkoll is-suġġett tad-domandi magħmula fil-kawżi prinċipali. Issa, fil-fehma tiegħi, huwa impossibbli li d-dispożizzjonijiet tal-Karta jiġu interpretati b’mod differenti skont jekk is-sistema inkwistjoni tkun ġiet stabbilita fuq il-livell tal-Unjoni jew fuq il-livell nazzjonali, kif enfasizzaw ġustament P. Brice u G. Lewis kif ukoll il-Law Society of England and Wales. Meta jiġi kkonstatat li l-Karta hija applikabbli, kif inhu l-każ f’dawn il-kawżi ( 60 ), din għandha tkun applikata bl-istess mod indipendentement mis-sistema inkwistjoni. Għaldaqstant, il-kriterji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DRI huma rilevanti għall-finijiet li jiġu evalwati s-sistemi nazzjonali inkwistjoni f’dawn il-kawżi, u dan kif sostnew b’mod partikolari l-Gvern Daniż u Irlandiż kif ukoll il-Kummissjoni.

a) Fuq in-natura strettament neċessarja ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data

192.

Skont l-ewwel approċċ, invokat minn Tele2 Sverige kif ukoll minn Open Rights Group u Privacy International, obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data għandu, wara s-sentenza DRI, jitqies li jeċċedi, minnu nnifsu, il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju għall-iskopijiet tal-ġlieda kontra r-reati serji, u dan indipendentement mill-eventwali garanziji li jakkumpanjaw dan l-obbligu.

193.

Skont it-tieni approċċ, sostnut mill-maġġoranza tal-partijiet l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, tali obbligu ma jeċċedix il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju bil-kundizzjoni li dan ikun akkumpanjat b’ċerti garanziji li jikkonċernaw l-aċċess għad-data, it-tul taż-żamma kif ukoll il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data.

194.

Ir-raġunijiet segwenti jwasslu biex jiġi adottat dan it-tieni approċċ.

195.

Fl-ewwel lok, skont l-interpretazzjoni tiegħi tas-sentenza DRI, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju meta dan ma jkunx akkumpanjat b’garanziji stretti li jikkonċernaw l-aċċess għad-data, it-tul taż-żamma kif ukoll il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppronunzjatx ruħha fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data li jkun akkumpanjat b’dawn il-garanziji, peress li tali sistema ma kinitx is-suġġett tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża.

196.

F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-punti 56 sa 59 tas-sentenza DRI ma fihom ebda dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data jeċċedi, minnu nnifsu, il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

197.

Fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-obbligu ta’ żamma previst mid-Direttiva 2006/24 ikopri l-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika, l-utenti kollha kif ukoll id-data kollha dwar it-traffiku mingħajr ma ssir ebda distinzjoni, limitazzjoni jew eċċezzjoni skont l-għan tal-ġlieda kontra r-reati serji.

198.

Fil-punti 58 u 59 tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja tesponi b’mod iktar dettaljat l-implikazzjonijiet prattiċi ta’ dan in-nuqqas ta’ distinzjoni. Minn naħa, dan l-obbligu ta’ żamma jikkonċerna wkoll lill-persuni li għalihom ma teżisti ebda indikazzjoni tali li tagħti x’tifhem li l-aġir tagħhom jista’ jkollu rabta, anki indiretta jew imbiegħda, ma’ reati serji. Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma teħtieġ ebda relazzjoni bejn id-data li ż-żamma tagħha hija prevista u t-theddida għas-sigurtà pubblika u, b’mod partikolari, ma hijiex limitata għal żamma li tirrigwarda d-data rilevanti għal perijodu ta’ żmien u/jew żona ġeografika speċifika u/jew ċirku ta’ persuni partikolari li jistgħu jkollhom x’jaqsmu b’mod jew ieħor ma’ reat serju.

199.

B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data huwa kkaratterizzat bin-nuqqas ta’ distinzjoni skont l-għan tal-ġlieda kontra r-reati serji. Madankollu, hija ma ddeċidietx li dan in-nuqqas ta’ distinzjoni jfisser li tali obbligu jeċċedi, minnu nnifsu, il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

200.

Fir-realtà, huwa biss fi tmiem l-eżami tas-sistema prevista mid-Direttiva 2006/24, u wara li kkonstatat l-assenza ta’ ċerti garanziji li ser neżamina iktar ’il quddiem ( 61 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 69 tas-sentenza DRI:

201.

Kif sostnew il-Gvern Ġermaniż u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kieku ż-żamma ġeneralizzata tad-data waħidha kienet biżżejjed biex twassal għall-invalidità tad-Direttiva 2006/24, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx ikollha l-bżonn li teżamina, u dan b’mod dettaljat, l-assenza tal-garanziji msemmija fil-punti 60 sa 68 ta’ din is-sentenza.

202.

Għaldaqstant, l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data previst mid-Direttiva 2006/24 ma jeċċedix, minnu nnifsu, il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Din id-direttiva teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju minħabba l-effet konġunt taż-żamma ġeneralizzata tad-data u minħabba l-assenza ta’ garanziji li huma intiżi li jillimitaw għal dak li huwa strettament neċessarju l-preġudizzju għad-drittijiet stabbiliti mill-Artikolu 7 u 8 tal-Karta. Minħabba dan l-effett konġunt, id-direttiva għandha tiġi ddikjarata invalida kollha kemm hi ( 62 ).

203.

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni ssib konferma fil-punt 93 tas-sentenza Schrems ( 63 ), li nirriproduċi hawnhekk:

204.

Għal darba oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li s-sistema inkwistjoni f’din il-kawża kienet teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju biss minħabba li kienet tawtorizza ż-żamma ġeneralizzata ta’ data ta’ natura personali. F’dan il-każ, il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju kienu nqabżu minħabba l-effett konġunt tal-possibbiltà ta’ tali żamma ġeneralizzata u tal-assenza ta’ garanzija li tikkonċerna l-aċċess bil-għan li jitnaqqas l-indħil għal dak li huwa strettament neċessarju.

205.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq niddeduċi li obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data ma jistax jitqies dejjem li jeċċedi, minnu nnifsu, il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju għall-iskopijiet tal-ġlieda kontra r-reati serji. Min-naħa l-oħra, dan l-obbligu jeċċedi dejjem il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju meta dan ma jkunx akkumpanjat b’garanziji li jikkonċernaw l-aċċess għad-data, it-tul taż-żamma kif ukoll il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data.

206.

Fit-tielet lok, il-fehma tiegħi f’dan ir-rigward hija kkorroborata bin-neċessità li tiġi vverifikata b’mod konkret l-osservanza tar-rekwiżit tan-neċessità stretta fil-kuntest tas-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

207.

Kif esponejt fil-punt 187 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rekwiżit tan-neċessità stretta jeżiġi li jsir eżami dwar jekk hemmx miżuri oħra li jistgħu jkunu daqstant effettivi bħall-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fil-ġlieda kontra r-reati serji, filwaqt li jkunu ta’ preġudizzju inqas għad-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/58 u mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

208.

Issa, tali evalwazzjoni għandha ssir fil-kuntest speċifiku ta’ kull sistema nazzjonali li tipprevedi obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data. Minn naħa, din l-evalwazzjoni teħtieġ li tiġi pparagunata l-effettività ta’ dan l-obbligu ma’ dik ta’ kull miżura oħra li tista’ tiġi kkontemplata fil-kuntest nazzjonali, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmi obbligu jagħti lill-awtoritajiet kompetenti kapaċità limitata li jaqraw il-passat permezz tad-data miżmuma ( 64 ).

209.

Fid-dawl tar-rekwiżit tan-neċessità stretta, huwa imperattiv li dawn il-qrati ma jillimitawx ruħhom biex jivverifikaw is-sempliċi utilità ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, iżda jivverifikaw b’mod strett li ebda miżura oħra jew miżuri flimkien, u b’mod partikolari obbligu speċifiku ta’ żamma ta’ data akkumpanjat b’għodda ta’ investigazzjoni oħrajn, ma jistgħu joffru l-istess effettività fil-ġlieda kontra r-reati serji. Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li diversi studji miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkontestaw in-neċessità ta’ dan it-tip ta’ obbligu għall-iskopijiet tal-ġlieda kontra r-reati serji ( 65 ).

210.

Min-naħa l-oħra, jekk wieħed jippreżumi li miżuri oħra jistgħu jkunu daqstant effettivi fil-ġlieda kontra r-reati serji, huma l-qrati tar-rinviju li jerġgħu jkollhom jistabbilixxu jekk dawn humiex ta’ inqas preġudizzju għad-drittijiet fundamentali inkwistjoni mill-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, skont il-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 185 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

211.

Fid-dawl tal-punt 59 tas-sentenza DRI, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw, b’mod partikolari, dwar il-possibbiltà li tiġi limitata l-portata materjali tal-obbligu ta’ żamma filwaqt li tiġi ppreżervata l-effettività ta’ dik il-miżura fil-ġlieda kontra r-reati serji ( 66 ). Tali obbligi jistgħu fil-fatt ikollhom portata materjali ikbar jew iżgħar, skont l-utenti, iż-żoni ġeografiċi u l-mezzi ta’ komunikazzjoni kkontemplati ( 67 ).

212.

Fil-fehma tiegħi, huwa mixtieq b’mod partikolari, jekk it-teknoloġija tippermetti, li tiġi eskluża mill-obbligu ta’ żamma d-data partikolarment sensittiva fid-dawl tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni f’dawn il-kawżi, bħalma hija d-data koperta mis-sigriet professjonali jew ukoll id-data li tippermetti li jiġu identifikati s-sorsi tal-ġurnalisti.

213.

Madankollu, wieħed irid iżomm f’moħħu li l-limitazzjoni sostanzjali tal-portata ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data tirriskja li tnaqqas kunsiderevolment l-utilità li tali sistema jkollha fil-ġlieda kontra r-reati serji. Minn naħa, diversi gvernijiet enfasizzaw id-diffikultà, jew l-impossibbiltà li tiġi stabbilita minn qabel id-data li tista’ jkollha rabta ma’ ksur serju. Għaldaqstant, tali limitazzjoni tista’ teskludi ż-żamma ta’ data li tista’ tirriżulta li hija rilevanti għall-ġlieda kontra r-reati serji.

214.

Min-naħa l-oħra, kif sostna l-Gvern Estonjan, il-kriminalità serja hija fenomenu dinamiku, li kapaċi jadatta għall-għodda ta’ investigazzjoni li għandhom l-awtoritajiet kriminali. Għaldaqstant, il-limitazzjoni għal żona ġeografika jew għal mezz ta’ komunikazzjoni speċifiċi tirriskja li tipprovoka ċ-ċaqliq tal-attivitajiet marbutin mar-reati serji lejn żona ġeografika u/jew mezz ta’ komunikazzjoni mhux koperti b’dik is-sistema.

215.

Peress li din teħtieġ evalwazzjoni kumplessa tas-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jidhirli li din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qrati nazzjonali, kif jenfasizzaw il-Gvern Ċek, Estonjan, Irlandiż, Franċiż, tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni.

b) Fuq in-natura obbligatorja tal-garanziji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI fid-dawl tar-rekwiżit tan-neċessità stretta

216.

Jekk wieħed jippreżumi li l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data jista’ jitqies li huwa strettament neċessarju fil-kuntest tas-sistema nazzjonali inkwistjoni, ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit ukoll jekk tali obbligu għandux ikun akkumpanjat mill-garanziji kollha msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI sabiex jiġi llimitat għal dak li huwa strettament neċessarju l-preġudizzju għad-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/58 u mill-Artikolu 7 u 8 tal-Karta.

217.

Dawn il-garanziji jikkonċernaw ir-regoli dwar l-aċċess u l-użu tad-data miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti (punti 60 sa 62 tas-sentenza DRI), it-tul taż-żamma tad-data (punti 63 u 64 ta’ dik is-sentenza) kif ukoll is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data miżmuma mill-fornituri (punti 66 sa 68 ta’ dik is-sentenza).

218.

Fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm żewġ teżijiet opposti fir-rigward tan-natura ta’ dawn il-garanziji.

219.

Skont l-ewwel teżi ta’ T. Watson, P. Brice u G. Lewis kif ukoll ta’ Open Rights Group u Privacy International, il-garanziji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI huma imperattivi. Skont din it-teżi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet garanziji minimi li jridu jkunu kollha ssodisfatti mis-sistema nazzjonali inkwistjoni sabiex il-preġudizzju għad-drittijiet fundamentali jiġi llimitat għal dak li huwa strettament neċessarju.

220.

Skont it-tieni teżi sostnuta mill-Gvern Ġermaniż, Estonjan, Irlandiż, Franċiż u tar-Renju Unit, il-garanziji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI huma biss indikattivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet “evalwazzjoni globali” tal-garanziji assenti mis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2006/24, mingħajr li xi waħda minn dawn il-garanziji tkun tista’, b’mod iżolat, titqies li hija imperattiva fir-rigward tar-rekwiżit tan-neċessità stretta. Biex jikkorrobora din it-teżi, il-Gvern Ġermaniż ġab ix-xenarju ta’ “tubi konnessi” li bihom l-approċċ li huwa iktar flessibbli fuq wieħed mit-tliet aspetti identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja (pereżempju, l-aċċess għad-data miżmuma) jista’ jkun ikkumpensat b’approċċ iktar strett f’dak li jikkonċerna ż-żewġ aspetti l-oħra (it-tul ta’ żamma kif ukoll is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data).

221.

Jien konvint li din it-teżi tat-“tubi konnessi” għandha tiġi miċħuda u li l-garanziji kollha msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI għandhom jitqiesu li huma obbligatorji, għar-raġunijiet segwenti.

222.

Fl-ewwel lok, il-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżami tagħha tan-neċessità stretta tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2006/24 ma jippermettux tali interpretazzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħmel ebda riferiment, fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza msemmija, għal xi possibbiltà li “jiġi kumpensat” approċċ iktar flessibbli fuq wieħed mit-tliet aspetti identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’approċċ iktar strett għal dak li jikkonċerna ż-żewġ aspetti l-oħra.

223.

Fir-realtà, jidhirli li t-teżi tat-“tubi konnessi” hija bbażata fuq konfużjoni bejn ir-rekwiżit tan-neċessità u dik tal-proporzjonalità stricto sensu, li ma ġietx eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DRI. Fil-fatt, kif indikajt fil-punt 186 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rekwiżit tan-neċessità jikkonsisti f’li tiġi miċħuda kull miżura ineffettiva. F’dan il-kuntest, ma hijiex kwistjoni ta’ “evalwazzjoni globali”, ta’ “kumpens” jew ta’ “bbilanċjar”, eżerċizzji li jidħlu biss fl-istadju tal-proporzjonalità stricto sensu ( 68 ).

224.

Fit-tieni lok, din it-teżi tat-“tubi konnessi” ixxejjen l-effett utli tal-garanziji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI, b’mod li l-persuni li tkun inżammet id-data tagħhom ma jibqgħalhomx garanziji suffiċjenti li jippermettu li tkun protetta b’mod effettiv id-data ta’ natura personali tagħhom kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illeċitu ta’ din id-data, kif jeżiġi l-punt 54 ta’ dik is-sentenza.

225.

L-effett distruttiv ta’ din it-teżi jista’ jintwera faċilment bl-għajnuna tal-eżempji li ġejjin. Sistema nazzjonali li tillimita b’mod strett l-aċċess biss minħabba l-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tillimita t-tul taż-żamma għal tliet xhur (approċċ strett fir-rigward tal-aċċess u t-tul taż-żamma), iżda li ma tobbligax lill-fornituri sabiex iżommu d-data fit-territorju nazzjonali tagħhom u f’format kripotografat (approċċ flessibbli fir-rigward tas-sigurtà), tesponi l-popolazzjoni kollha tagħha għal riskju għoli ta’ aċċess illegali għad-data miżmuma. Bl-istess mod, sistema nazzjonali li tipprevedi tul ta’ żamma ta’ tliet xhur kif ukoll żamma tad-data fit-territorju nazzjonali tagħha u f’format kripotografat (approċċi stretti fir-rigward tat-tul u s-sigurtà) iżda li tippermetti lill-impjegati kollha tal-awtoritajiet pubbliċi kollha li jaċċedu għad-data miżmuma (approċċ flessibbli fir-rigward tal-aċċess), tesponi lill-popolazzjoni kollha tagħha għal riskju għoli ta’ abbuż min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali.

226.

Fil-fehma tiegħi, minn dawn l-eżempji jirriżulta li l-preżervazzjoni tal-effett utli tal-garanziji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI teżiġi li kull waħda minn dawn titqies li hija obbligatorja. Il-Qorti EDB enfasizzat ukoll l-importanza fundamentali ta’ dawn il-garanziji fis-sentenza reċenti Szabó u Vissy vs L-Ungerija, filwaqt li rreferiet espressament għas-sentenza DRI ( 69 ).

227.

Fit-tielet lok, l-implementazzjoni ta’ dawn il-garanziji, mill-Istati Membri li jixtiequ jimponu obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, ma jidhirlix li toħloq diffikultajiet prattiċi kbar. Fir-realtà, dawn il-garanziji jidhru fil-fatt li huma “minimi” kif isostni T. Watson.

228.

Diversi minn dawn il-garanziji ġew diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-assenza possibbli tagħhom fis-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

229.

Fl-ewwel lok, mill-punti 61 u 62 tas-sentenza DRI jirriżulta li l-aċċess u l-użu sussegwenti tad-data miżmuma għandhom ikunu strettament limitati għal skopijiet ta’ prevenzjoni u ta’ tkixxif ta’ reati serji preċiżament iddefiniti jew ta’ prosekuzzjonijiet kriminali relatati magħhom.

230.

Skont Tele2 Sverige u l-Kummissjoni, dan ir-rekwiżit ma huwiex osservat mis-sistema Svediża inkwistjoni fil-kawża C‑203/15, liema sistema tippermetti l-aċċess għad-data miżmuma minħabba l-ġlieda kontra r-reati sempliċi. Kritika simili saret minn P. Brice u G. Lewis kif ukoll minn T. Watson kontra s-sistema tar-Renju Unit involuta fil-Kawża C‑698/15, liema sistema tawtorizza l-aċċess minħabba l-ġlieda kontra r-reati sempliċi u anki fin-nuqqas ta’ reat.

231.

Għalkemm ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-kontenut ta’ dawn is-sistemi nazzjonali, hija għandha tidentifika l-għanijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw l-indħil serju fid-drittijiet stabbiliti mid-direttiva u mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. F’dan il-każ, diġà esponejt ir-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li hija biss il-ġlieda kontra r-reati serji li tista’ tiġġustifika tali ndħil ( 70 ).

232.

Fit-tieni lok, skont il-punt 62 tas-sentenza DRI, l-aċċess għad-data miżmuma għandu jkun suġġett għal verifika minn qabel imwettqa jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti li d-deċiżjoni tagħha tkun intiża biex tillimita l-aċċess għad-data u l-użu tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju għall-finijiet tal-kisba tal-għan imfittex. Din il-verifika minn qabel għandha wkoll issir wara talba motivata ta’ dawn l-awtoritajiet li tiġi ppreżentata fil-kuntest tal-proċeduri ta’ prevenzjoni, tkixxif jew prosekuzzjonijiet kriminali.

233.

Skont l-osservazzjonijiet ta’ Tele2 Sverige u tal-Kummissjoni, din il-garanzija ta’ verifika indipendenti u minn qabel għall-aċċess hija parzjalment assenti mis-sistema Svediża involuta fil-Kawża C‑203/15. Din l-istess konstatazzjoni, li l-veraċità tagħha ma ġietx ikkontestata mill-Gvern tar-Renju Unit, saret minn P. Brice u G. Lewis, T. Watson kif ukoll minn Open Rights Group u Privacy International fir-rigward tas-sistema tar-Renju Unit inkwistjoni fil-Kawża C-698/15.

234.

Ma nara ebda raġuni biex jittaffa dan ir-rekwiżit ta’ verifika minn qabel minn entità indipendenti, li tirriżulta inkontestabbilment mill-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 62 tas-sentenza DRI ( 71 ). Qabel kollox, dan ir-rekwiżit huwa ddettat mill-gravità tal-indħil u tar-riskji li ġġib il-formazzjoni ta’ databases li jkopru kważi t-totalità tal-popolazzjoni kkonċernata ( 72 ). Nirrileva li diversi esperti fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda antiterroristika kkritikaw it-tendenza attwali li tikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-proċeduri tradizzjonali ta’ awtorizzazzjoni indipendenti u ta’ sorveljanza effettiva b’sistemi ta’ “awto-awtorizzazzjoni” ta’ aċċess għad-data mis-servizzi ta’ intelliġenza u tal-pulizija ( 73 ).

235.

Imbagħad, il-verifika indipendenti u minn qabel tal-aċċess għad-data hija neċessarja sabiex tippermetti trattament każ b’każ tad-data partikolarment sensittiva fid-dawl tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni f’dawn il-kawżi, bħalma hija d-data koperta mis-sigriet professjonali jew ukoll id-data li tippermetti li jiġu identifikati s-sorsi tal-ġurnalisti, kif enfasizzaw il-Law Society of England and Wales kif ukoll il-Gvern Franċiż u Ġermaniż. Din il-verifika minn qabel tal-aċċess hija iktar neċessarja fl-ipoteżi fejn ikun teknikament diffiċli li tiġi eskluża din id-data kollha fl-istadju taż-żamma ( 74 ).

236.

Fl-aħħar nett, inżid ngħid li, mill-aspett prattiku, ebda waħda mit-tliet partijiet ikkonċernati bit-talba għall-aċċess ma hija f’pożizzjoni li tagħmel verifika effettiva fir-rigward tal-aċċess għad-data miżmuma. L-awtoritajiet kompetenti fil‑qasam kriminali għandhom kull interess li jitolbu l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għal din id-data. Il-fornituri, li ma għandhomx għarfien tal-fajl ta’ investigazzjoni, ma jistgħux jivverifikaw li t-talba għall-aċċess hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju. Fir-rigward tal-persuni li d-data tagħhom tiġi kkonsultata, dawn ma għandhom ebda mod kif ikunu jafu li huma s-suġġett ta’ tali miżura ta’ investigazzjoni, u dan anki f’każ ta’ użu abbużiv jew illeċitu kif enfasizzaw T. Watson kif ukoll P. Brice u G. Lewis. Din il-konfigurazzjoni tal-interessi involuti titlob, fil-fehma tiegħi, l-intervent ta’ entità indipendenti qabel il-konsultazzjoni tad-data miżmuma, sabiex tipproteġi lill-persuni, li d-data tagħhom tkun miżmuma, minn kull aċċess abbużiv min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

237.

Dan premess, jidhirli li huwa raġonevoli li jitqies li s-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ urġenza estrema, imsemmija mill-Gvern tar-Renju Unit jistgħu jiġġustifikaw aċċess immedjat għad-data miżmuma mill-awtoritajiet tas-sigurtà, mingħajr verifika minn qabel, sabiex jiġi evitat it-twettiq ta’ reati serji jew biex jitressqu l-awturi ta’ tali reati ( 75 ). Sa fejn hu possibbli, huwa imperattiv li jinżamm ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel filwaqt li tkun stabbilita proċedura ta’ urġenza fi ħdan l-entità indipendenti sabiex tiġi ttrattata din it-tip ta’ talba għall-aċċess. Madankollu, jekk is-sempliċi fatt li din l-entità tiġi adita b’talba għall-aċċess jidher li jkun inkompatibbli mal-urġenza estrema tas-sitwazzjoni, l-aċċess u l-użu tad-data għandhom ikunu s-suġġett ta’ verifika a posteriori minn din l-entità, u dan f’termini mill-iktar qosra.

238.

It-tielet nett, il-punt 68 tas-sentenza DRI jistabbilixxi obbligu, għall-fornituri, li jżommu d-data fit-territorju tal-Unjoni, sabiex jiggarantixxu l-verifika minn awtorità indipendenti, kif meħtieġ mill-Artikolu 8(3) tal-Karta, tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà msemmija fil-punti 66 u 67 ta’ dik is-sentenza.

239.

Tele2 Sverige u l-Kummissjoni sostnew li ż-żamma tad-data fit-territorju nazzjonali ma hijiex iggarantita fil-kuntest tas-sistema Svediża involuta fil-Kawża C-203/15. L-istess kritika tressqet minn P. Brice u G. Lewis kif ukoll minn T. Watson kontra s-sistema tar-Renju Unit involuta fil-Kawża C‑698/15.

240.

F’dan ir-rigward, u minn naħa, ma nara ebda raġuni biex jittaffa dan ir-rekwiżit stabbilit fil-punt 68 tas-sentenza DRI, peress li ż-żamma tad-data barra mit-territorju tal-Unjoni ma tippermettix li jiġi ggarantit lill-persuni li d-data tagħhom hija miżmuma l-livell ta’ protezzjoni offrut mid-Direttiva 2002/58 u mill-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta ( 76 ).

241.

Min-naħa l-oħra, jidhirli li huwa raġonevoli li dan ir-rekwiżit, imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-Direttiva 2006/24, jiġi adattat għall-kuntest tas-sistemi nazzjonali billi tiġi prevista ż-żamma tad-data fit-territorju nazzjonali, kif isostnu l-Gvern Ġermaniż u Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta, kull Stat Membru għandu l-obbligu li jiggarantixxi l-verifika, minn awtorità indipendenti, tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà mill-fornituri milquta mis-sistema nazzjonali tiegħu. Issa, fl-assenza ta’ koordinazzjoni fuq livell tal-Unjoni, tali awtorità nazzjonali tista’ ssib ruħha fl-impossibbiltà li twettaq sew il-funzjonijiet tagħha ta’ verifika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

242.

Fir-raba’ lok, għal dak li jikkonċerna t-tul taż-żamma, il-qrati tar-rinviju jridu japplikaw kriterji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 63 u 64 tas-sentenza DRI. Minn naħa, dawn il-qrati għandhom jiddeterminaw jekk id-data miżmuma tistax tintgħażel skont l-utilità tagħha u, jekk ikun il-każ, jekk it-tul taż-żamma ġiex adattat skont dan il-kriterju. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qrati għandhom jivverifikaw li t-tul taż-żamma jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi li jippermettu li jkun iggarantit li dan ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju.

243.

Nenfasizza li l-Qorti EDB, fis-sentenza reċenti Roman Zakharov vs Ir-Russja, qieset raġonevoli tul massimu ta’ żamma ta’ sitt xhur, filwaqt li ddeplorat l-assenza ta’ obbligu li tinqered fuq il-post id-data li ma tkunx relatata mal-għan li għalih tkun inġabret ( 77 ). Inżid, f’dan ir-rigward, li s-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhom jipprovdu obbligu biex tinqered irrimedjabbilment kull data miżmuma meta hija ma tkunx strettament neċessarja għall-ġlieda kontra r-reati serji. Dan l-obbligu għandu jkun osservat mhux biss mill-fornituri li jżommu d-data, iżda wkoll mill-awtoritajiet li kellhom aċċess għad-data miżmuma.

244.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li l-garanziji kollha msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI huma ta’ natura obbligatorja u għandhom, konsegwentement, jakkumpanjaw obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data sabiex jillimitaw għal dak li huwa strettament neċessarju l-preġudizzju għad-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/58 u mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

245.

Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw li s-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jinkludu kull waħda minn dawn il-garanziji.

6. Fuq in-natura proporzjonata, f’soċjetà demokratika, ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data fid-dawl tal-għan tal-ġlieda kontra r-reati serji

246.

Wara li tiġi vverifikata n-natura neċessarja tas-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, huwa wkoll l-obbligu tal-qrati tar-rinviju li jivverifikaw n-natura proporzjonata tagħhom, f’soċjetà demokratika, fid-dawl tal-għan tal-ġlieda kontra r-reati serji. Dan l-aspett ma ġiex eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DRI peress li s-sistema stabbilita mid-Direttiva 2006/24 kienet teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati serji.

247.

Dan ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità f’soċjetà demokratika — jew proporzjonalità “stricto sensu” — jirriżulta kemm mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kemm mill-Artikolu 52(1) tal-Karta kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita. Skont din il-ġurisprudenza stabbilita, miżura li tippreġudika d-drittijiet fundamentali tista’ titqies li hija proporzjonata biss jekk l-inkonvenjenzi kkaġunati ma humiex eċċessivi meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija ( 78 ).

248.

B’kuntrast mar-rekwiżiti li jirrigwardaw in-natura xierqa u neċessarja tal-miżura inkwistjoni, li jevalwaw l-effettività tagħha fid-dawl tal-għan imfittex, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità stricto sensu jikkonsisti f’li jinsab bilanċ, minn naħa, bejn il-vantaġġi li jirriżultaw minn din il-miżura fid-dawl tal-għan leġittimu mfittex u, min-naħa l-oħra, l-inkonvenjenzi li jirriżultaw fir-rigward tad-drittijiet fundamentali stabbiliti f’soċjetà demokratika ( 79 ). Dan ir-rekwiżit jiftaħ għaldaqstant dibattitu fuq il-valuri li għandhom jipprevalu f’soċjetà demokratika u, b’mod definittiv, fuq it-tip ta’ soċjetà li nixtiequ ngħixu fiha ( 80 ).

249.

Konsegwentement, u kif indikajt fil-punt 223 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa fl-istadju tal-eżami tal-proporzjonalità fis-sens strett li għandha ssir l-evalwazzjoni tas-sistema sħiħa inkwistjoni, u mhux fl-istadju tal-eżami tan-neċessità kif isostnu dawk li jiddefendu t-teżi tat-“tubi konnessi” ( 81 ).

250.

Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 247 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jsir bilanċ bejn il-vantaġġi u l-inkonvenjenzi, f’soċjetà demokratika, ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data. Dawn il-vantaġġi u l-inkonvenjenzi huma marbutin mill-qrib mal-karatteristika essenzjali ta’ dan l-obbligu, li b’xi mod huma jirrappreżentaw il-faċċata ċara u l-faċċata skura tiegħu, jiġifieri l-fatt li l-obbligu jirrigwarda l-komunikazzjonijiet kollha magħmula mill-utenti kollha mingħajr ma tkun meħtieġa ebda rabta ma’ xi reat serju.

251.

Minn naħa, fil-punti 178 sa 183 ta’ dawn il-konklużjonijiet diġà esponejt il-vantaġġi li ġġib magħha, fil-ġlieda kontra r-reati serji, ż-żamma tad-data dwar il-komunikazzjonijiet kollha li jsiru fit-territorju nazzjonali.

252.

Min-naħa l-oħra, l-inkonvenjenzi ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data joħorġu mill-fatt li l-parti l-kbira tad-data miżmuma tikkonċerna persuni li qatt ma jkollhom ebda rabta ma’ xi reat serju. Huwa importanti, f’dan ir-rigward, li tiġi ppreċiżata n-natura tal-inkonvenjenzi li jaffettwaw lil dawn il-persuni. Issa, dawn l-inkonvenjenzi huma ta’ natura differenti skont il-livell ta’ ndħil fid-drittijiet fundamentali tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

253.

Fil-kuntest ta’ ndħil “individwali”, li jaffettwa lil individwu partikolari, l-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data ġew deskritti bi preċiżjoni kbira mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-punti 72 sa 74 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża DRI ( 82 ). Biex nirriproduċi l-kliem użati minnu, l‑isfruttament ta’ din id-data jista’ jippermetti “t-twaqqif ta’ kartografija fidila daqs kemm hi eżawrjenti ta’ parti importanti tal-aġir ta’ persuna li tirrigwarda mill-qrib il-ħajja privata tagħha — ta’ ritratt sħiħ u preċiż tal-identità privata tagħha”.

254.

Fi kliem ieħor, f’kuntest individwali, obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data jippermetti ndħil gravi daqs il-miżuri ta’ sorveljanza speċifiċi, inklużi dawk li jinterċettaw il-kontenut tal-komunikazzjonijiet magħmula.

255.

Għalkemm il-gravità ta’ dan l-indħil individwali ma tistax tiġi ssottovalutata, madankollu jidhirli li r-riskji speċifiċi li jinvolvi l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data joħorġu fil-kuntest ta’ ndħil “tal-massa”.

256.

Fil-fatt, b’kuntrast mal-miżuri ta’ sorveljanza speċifiċi, tali obbligu jista’ jiffaċilita kunsiderevolment l-indħil tal-massa, jiġifieri l-indħil li jaffettwa lil parti sostanzjali jew ukoll lill-popolazzjoni rilevanti kollha, ħaġa li tista’ tintwera bl-għajnuna tal-eżempji segwenti.

257.

Ejja nippreżumu, fl-ewwel lok, li persuna li għandha aċċess għad-data miżmuma trid tidentifika, mill-popolazzjoni tal-Istat Membru, l-individwi kollha li jbatu minn problemi ta’ natura psikoloġika. L-analiżi, għal dan il-għan, tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet kollha magħmula fit-territorju nazzjonali teżiġi riżorsi kunsiderevoli. Min-naħa l-oħra, l-użu tad-databases li jirrigwardaw il-komunikazzjonijiet jippermetti li jiġu identifikati mill-ewwel l-individwi kollha li kkuntattjaw lil psikologu matul il-perijodu taż-żamma tad-data ( 83 ). Inżid ngħid li din it-teknika tista’ tkun estiża għal kull waħda mill-ispeċjalisti mediċi rreġistrati fi Stat Membru ( 84 ).

258.

Ejja nippreżumu, fit-tieni lok, li din l-istess persuna tixtieq tidentifika lill-individwi opposti għall-politika tal-gvern fil-poter. Għal darba oħra, l-analiżi, għal dan il-għan, tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet teżiġi riżorsi kunsiderevoli. Min-naħa l-oħra, l-użu tad-data li tirrigwarda l-komunikazzjonijiet tippermetti li jiġu identifikati l-individwi kollha rreġistrati fil-listi ta’ distribuzzjoni ta’ korrispondenza li tikkritika l-politika tal-gvern. Barra minn hekk, din id-data tkun tippermetti wkoll li jiġu identifikati l-individwi li jipparteċipaw f’kull manifestazzjoni pubblika ta’ oppożizzjoni għall-gvern ( 85 ).

259.

Irrid nenfasizza li r-riskji marbutin mal-aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet (jew “metadata”) jistgħu jkunu ekwivalenti, jew ogħla minn dawk li jirriżultaw mill-aċċess għall-kontenut ta’ dawn il-komunikazzjonijiet, kif enfasizzaw Open Rights Group u Privacy International, il-Law Society of England and Wales kif ukoll rapport reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem ( 86 ). B’mod partikolari, u kif juri l-eżempji msemmija iktar ’il fuq, il-“metadata” tippermetti l-ikkatalogar kważi istantanju ta’ popolazzjoni sħiħa, ħaġa li ma tippermettix il-kontenut tal-komunikazzjonijiet.

260.

Inżid ngħid li r-riskji ta’ aċċess abbużiv jew illegali għad-data miżmuma ma humiex teoretiċi. Minn naħa, ir-riskju ta’ aċċess abbużiv mill-awtoritajiet kompetenti għandu jitqabbel man-numru estremament kbir ta’ talbiet għall-aċċess imsemmija fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest tas-sistema Svediża, Tele2 Sverige indikat li hija kienet tirċievi madwar 10000 talba għall-aċċess fix-xahar, numru li ma jinkludix it-talbiet irċevuti minn fornituri oħra attivi fit-territorju Svediż. Għal dak li jikkonċerna s-sistema tar-Renju Unit, T. Watson irriproduċa numri meħudin minn rapport uffiċjali li jsemmi 517236 awtorizzazzjoni u 55346 awtorizzazzjoni orali urġenti għas-sena 2014 biss. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ aċċess illegali, minn kull persuna, jeżisti flimkien mal-eżistenza stess ta’ databases miżmuma minn mezzi informatiċi ( 87 ).

261.

Fil-fehma tiegħi, huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jevalwaw jekk l-inkonvenjenzi kkaġunati mill-obbligi ġenerali ta’ żamma ta’ data inkwistjoni fil-kawżi prinċipali humiex sproporzjonati, f’soċjetà demokratika, meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 247 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, dawn il-qrati għandhom jibbilanċjaw ir-riskji u l-vantaġġi marbutin ma’ tali obbligu, jiġifieri:

minn naħa, il-vantaġġi marbutin mal-għoti ta’ kapaċità limitata li jinqara l-passat lill-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra r-reati serji ( 88 ) u,

min-naħa l-oħra, ir-riskji serji li jirriżultaw, f’soċjetà demokratika, mis-setgħa ta’ kartografar tal-ħajja privata ta’ individwu u mis-setgħa ta’ kkatalogar ta’ popolazzjoni sħiħa.

262.

Din l-evalwazzjoni għandha ssir fil-konfront tal-karatteristiċi rilevanti kollha tas-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-garanziji obbligatorji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza DRI ma jikkostitwixxux garanziji minimi sabiex jillimitaw għal dak li hu strettament neċessarju l-preġudizzju għad-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/58 u mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Konsegwentement, ma huwiex eskluż li sistema nazzjonali li tinkludi dawn il-garanziji kollha għandha madankollu titqies li hija sproporzjonata f’soċjetà demokratika, minħabba l-isproporzjon bejn ir-riskji serji li jġib dan l-obbligu f’soċjetà demokratika u l-vantaġġi li jirriżultaw minnu fil-ġlieda kontra r-reati serji.

VI – Konklużjoni

263.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tal-Kammarrätten i Stokkolma (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Stokkolma, l-Isvezja) u tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (sezzjoni ċivili) (ir-Renju Unit)]:

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva “dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 kif ukoll l-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika obbligu li jżommu d-data kollha dwar il-komunikazzjonijiet magħmula mill-utenti tas-servizzi tagħhom meta l-kundizzjonijiet segwenti jkunu ssodisfatti, ħaġa li huma l-qrati tar-rinviju li għandhom l-obbligu li jivverifikaw fid-dawl tal-karatteristiċi rilevanti kollha tas-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali:

dan l-obbligu u l-garanziji li jakkumpanjawh għandhom ikunu stabbiliti b’miżuri leġiżlattivi jew regolamentari li jkollhom il-kwalità ta’ aċċessibbiltà, prevedibbiltà u ta’ protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà;

dan l-obbligu u l-garanziji li jakkumpanjawh għandhom josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

dan l-obbligu għandu jkun strettament neċessarju għall-ġlieda kontra r-reati serji, ħaġa li timplika li ebda miżura oħra jew kombinazzjoni ta’ miżuri flimkien ma jistgħu jkunu daqstant effettivi fil-ġlieda kontra r-reati serji, filwaqt li jkunu ta’ inqas preġudizzju għad-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/58 u mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

dan l-obbligu għandu jkun akkumpanjat mill-garanziji kollha stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 68 tas-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238) dwar l-aċċess għad-data, it-tul taż-żamma kif ukoll il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data, sabiex jiġi limitat għal dak li huwa strettament neċessarju l-preġudizzju għad-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/58 u mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; u

dan l-obbligu għandu jkun proporzjonat, f’soċjetà demokratika, mal-għan tal-ġlieda kontra r-reati serji, ħaġa li timplika li r-riskji serji li jġib dan l-obbligu f’soċjetà demokratika ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-vantaġġi li jirriżultaw minnu fil-ġlieda kontra r-reati serji.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   “Kieku l-bnedmin kienu anġli, ma kien ikun meħtieġ ebda gvern. Kieku l-anġli kellhom jiggvernaw lill-bnedmin, ma kienu jkunu meħtieġa ebda kontrolli esterni jew interni fuq il-gvern. Fl-istabbiliment ta’ gvern li għandu jkun amministrat mill-bnedmin fuq il-bnedmin, id-diffikultà kbira tkun is-segwenti: l-ewwel trid tippermetti lill-gvern jikkontrolla lil dawk iggvernati; u mbagħad tobbligah jikkontrolla lilu nnifsu”: Madison, J., “Federalist No. 51”, f’Hamilton, A., Madison, J. u Jay, J., ed. Genovese, M. A., The Federalist Papers, Palsgrave Macmillan, New York, 2009, p. 120, traduzzjoni libera. Madison kien wieħed mill-awturi prinċipali u wieħed mid-39 firmatarju tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti (1787). Huwa laħaq imbagħad ir-raba’ president tal-Istati Uniti (1809 sa 1817).

( 3 )   Din il-kapaċità limitata li “taqra l-passat” tista’ b’mod partikolari tirriżulta ta’ utilità kbira għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-kompliċi eventwali: ara l-punti 178 sa 184 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 4 )   Ara l-punti 252 sa 261 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514) kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11).

( 6 )   Sentenza tat-8 ta’ April 2014 (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238).

( 7 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54).

( 8 )   Din l-ekwivalenza hija komprensibbli peress li dawn is-sistemi nazzjonali kienu intiżi li jittrasponu din id-direttiva li llum hija invalidata.

( 9 )   Ara d-deskrizzjoni tas-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fil-punti 11 sa 13 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 )   Opinjoni 2/13 tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 179), u s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 )   Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-fini tal-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 20, u tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47). Skont dawn l-ispjegazzjonijiet, l-Artikolu 7 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 8 tal-KEDB, filwaqt li l-Artikolu 8 tal-Karta ma jikkorrispondi għal ebda dritt tal-KEDB.

( 12 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1982, Vlaeminck (132/81, EU:C:1982:294, punt 13); id-digriet tal-24 ta’ Marzu 2011, Abt et (C‑194/10, EU:C:2011:182, punti 3637 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); u s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 )   Ara l-punti 126 sa 262 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 )   Ara l-punti 123 sa 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 17 )   Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punti 4344).

( 18 )   Sentenza tal-10 ta’ Frar 2009 (C‑301/06, EU:C:2009:68).

( 19 )   Sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, L-Irlanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑301/06, EU:C:2009:68, punt 80).

( 20 )   Peress li d-Direttiva 2002/58 tista’ tiġi kklassifikata bħala “lex specialis” meta mqabbla mad-Direttiva 95/46 (ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/58), ma jidhirlix li huwa neċessarju li tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 95/46, li wara kollox ma hijiex is-suġġett tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-fini ta’ eżawriment, irrid madankollu nippreċiża li l-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 toffri marġni iktar wiesa’ lill-Istati Membri minn dak offrut mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jippreċiża l-portata tagħha fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku. Peress li l-fakultà prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tippermetti l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, minn dan niddeduċi li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 jippermettih ukoll.

( 21 )   Ara l-punti 126 sa 262 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 )   Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tkunx tidħol fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, meta tali leġiżlazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tintalab permezz ta’ domanda preliminari, għandha tagħti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni neċessarji għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li tagħhom hija tiggarantixxi r-rispett (ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 )   Ara l-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 )   Ara l-punti 90 sa 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 )   B’mod iktar preċiż, it-tieni sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tipprovdi li l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw id-drittijiet iggarantiti minnha meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

( 26 )   Dwar il-portata ta’ din l-esklużjoni, ara l-punti 90 sa 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 )   Ara l-punti 185 sa 262 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 )   Ara, b’mod partikolari, Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tar-Relatur speċjali fuq il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, 17 ta’ April 2013, A/HRC/23/40, Nru 33: “Il-progress teknoloġiku jippermetti lill-Istat li jwettaq attivitajiet ta’ sorveljanza li ma għadhomx limitati minn kriterji ta’ skala jew ta’ tul. […] Konsegwentement, l-Istat għandu fil-preżent iktar minn qatt qabel mezzi aħjar biex iwettaq attivitajiet ta’ sorveljanza simultanji, intrużivi għall-ħajja privata, immirati u fuq skala kbira. […]”. Ara wkoll Nru 50: “B’mod ġenerali, il-leġiżlazzjoni ma segwietx ir-ritmu tat-tibdil teknoloġiku. Fil-parti l-kbira tal-Istati, ir-regoli legali huma jew ineżistenti, jew mhux adegwati biex jaffrontaw il-kundizzjonijiet moderni ta’ sorveljanza tal-komunikazzjonijiet. […]” [traduzzjoni libera]

( 29 )   Ser nittratta madankollu r-riskji speċifiċi li ġġib magħha l-formazzjoni ta’ databases ta’ din il-portata fil-kuntest tar-rekwiżit tal-proporzjonalità, f’soċjetà demokratika, ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data bħal dawk involuti fil-kawżi prinċipali: ara l-punti 252 sa 261 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 )   Ara, f’dan ir-rigward, l-argument invokat minn Open Rights Group u Privacy International, li hemm sunt tiegħu fil-punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 )   Insib konferma ta’ din in-natura kumulattiva fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li tgħid li “l-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”. Skont l-Artikolu 6(1) TUE, “[l]-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-[Karta] li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati”.

( 32 )   Jirriżulta loġikament minn din in-natura kumulattiva li, inkwantu dawn ir-rekwiżiti stabbiliti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jidħlu fuq xulxin, għandu jiġi applikat ir-rekwiżit l-iktar strett, jew, fi kliem ieħor, ir-rekwiżit li l-iktar jipproteġi lid-drittijiet inkwistjoni.

( 33 )   Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015 (C‑419/14, EU:C:2015:832).

( 34 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 35) (indħil previst b’regolament Ewropew); tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 57) (indħil previst mill-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 47) (indħil previst mill-kodiċi elettorali u l-kodiċi kriminali Franċiż); u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 69) (indħil previst minn regolament u direttiva Ewropej).

( 35 )   Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punti 87 sa 92) (indħil nieqes minn bażi legali).

( 36 )   C‑70/10, EU:C:2011:255, punti 94 sa 100.

( 37 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB, 14 ta’ Settembru 2010, Sanoma Uitgevers B.V. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2010:0914JUD003822403, § 83.

( 38 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB, 26 ta’ Marzu 1987, Leander vs L-Isvezja, CE:ECHR:1987:0326JUD000924881, § 50‑51; Qorti EDB, 26 ta’ Ottubru 2000, Hassan u Tchaouch vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2000:1026JUD003098596, § 84; Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2008, S. u Marper vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:1204JUD003056204, § 95; Qorti EDB, 14 ta’ Settembru 2010, Sanoma Uitgevers B.V. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2010:0914JUD003822403, § 81‑83; Qorti EDB, 31 ta’ Marzu 2016, Stoyanov et vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2016:0331JUD005538810, § 124‑126.

( 39 )   Biex inkun iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-fehma tiegħi, tadotta interpretazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit li tkun iktar permissiva minn dik tal-Qorti EDB, ħaġa li jkollha bħala konsegwenza li tippermetti numru ta’ ndħil iktar qawwi minn dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit mill-Qorti EDB.

( 40 )   Din l-espressjoni “prevista mil-liġi” tintuża fl-Artikolu 8(2) (dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja), fl-Artikolu 9(2) (libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon), fl-Artikolu 10(2) (libertà tal-espressjoni) u fl-Artikolu 11(2) (libertà tal-għaqda u assoċjazzjoni) tal-KEDB. Fil-kuntest tal-Karta, l-Artikolu 52(1) japplika għal kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, dejjem jekk tali limitazzjoni tkun permessa.

( 41 )   Ara, f’dan is-sens, Peers, S., “Article 52 – Scope of guaranteed rights”, f’Peers, S., et al, The EU Charter of Fundamental Rights: a Commentary, Oxford, OUP, 2014, Nru 52.39.

( 42 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 26); tal-24 ta’ Ġunju 2015, Hotel Sava Rogaška (C‑207/14, EU:C:2015:414, punt 26); u tas-26 ta’ Frar 2015, Christie’s France (C‑41/14, EU:C:2015:119, punt 26).

( 43 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB, 14 ta’ Settembru 2010, Sanoma Uitgevers B.V. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2010:0914JUD003822403, § 83: “[il-kelma ‘liġi’ li tinsab fl-Artikoli 8 sa 11 tal-KEDB tinkludi] kemm id-‘dritt miktub’, li jinkludi wkoll testi ta’ livell infraleġiżlattiv kif ukoll atti regolamentari maħruġa minn ordni professjonali, b’delega mil-leġiżlatur, fil-kuntest tas-setgħa normattiva awtonoma tiegħu, u d-‘dritt mhux miktub’. Il-‘liġi’ għandha tinftiehem li tinkludi t-test miktub u d-‘dritt żviluppat’ mill-qrati”.

( 44 )   Dan ir-rekwiżit ma jirriżultax mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u lanqas mill-istruttura ta’ din id-direttiva u dan għar-raġunijiet esposti fil-punti 99 sa 116 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 )   Ara d-deskrizzjoni tas-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, b’mod partikolari l-punti 13 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 )   Sentenza DRI, punt 54. Ara d-deskrizzjoni tas-sistemi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fil-punti 29 sa 33 kif ukoll 45 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 )   Sentenza DRI, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 48 )   Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008 (C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 50 sa 54).

( 49 )   Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008 (C‑275/06, EU:C:2008:54).

( 50 )   Ara l-punti 252 sa 261 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 )   Fuq in-natura neċessarja, ara l-punti 185 sa 245 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 52 )   Fuq in-natura proporzjonata stricto sensu, ara l-punti 246 sa 262 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 )   Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li l-valur miżjud ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data, meta mqabbel ma’ żamma speċifika ta’ data, qiegħed f’din il-kapaċità limitata li jinqara l-passat: ara Commission Staff Working Document ippreżentat bħala anness għall-proposta għal direttiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24, SEC(2005) 1131, 21 ta’ Settembru 2005, Nru 3.6, “Data Preservation versus Data Retention”: “[W]ith only data preservation as a tool, it is impossible for investigators to go back in time. Data preservation is only useful as of the moment when suspects have been identified – data retention is indispensable in many cases to actually identify those suspects”.

( 54 )   Il-Gvern Franċiż għamel riferiment, f’dan ir-rigward, għar-Rapport tal-Kunsill tal-Istat, Le numérique et les droits fondamentaux 2014, p. 209 u 210. Il-Conseil d’État (Franza) jenfasizza li mekkaniżmu ta’ miżuri ta’ sorveljanza speċifiċi “huwa ħafna inqas effettiv miż-żamma sistematika mill-perspettiva tas-sigurtà nazzjonali u tat-tiftix tal-awturi ta’ ksur. Fil-fatt, dan ma jippermetti ebda aċċess retrospettiv għall-iskambji li seħħew qabel ma’ l-awtorità tidentifika riskju jew ksur: b’hekk, in-natura operattiva tiegħu tiddependi mill-kapaċità tal-awtoritajiet li jantiċipaw l-identità tal-persuni li d-data tal-konnessjoni tagħhom tista’ tkun utli, liema ħaġa hija impossibbli fil-kuntest tal-pulizija ġudizzjarja. Fir-rigward pereżempju ta’ reat, l-awtorità ġudizzjarja ma jistax ikollha aċċess għall-komunikazzjonijiet preċedenti għal dan, data li madankollu hija prezjuża u xi kultant anki indispensabbli għall-identifikazzjoni tal-awtur tar-reat u tal-kompliċi tiegħu, kif urew xi attentati terroristiċi riċenti. Fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ksur kontra s-sigurtà nazzjonali, il-programmi tekniċi l-ġodda huma bbażati fuq kapaċità ta’ detezzjoni ta’ sinjali dgħajfa, inkompatibbli mal-idea ta’ identifikazzjoni bil-quddiem tal-persuni perikolużi”. [traduzzjoni libera]

( 55 )   Commission Staff Working Document ippreżentat bħala anness mal-proposta għal direttiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24, SEC(2005) 1131, 21 ta’ Settembru 2005, Nru 1.2, “The importance of traffic data for law enforcement”.

( 56 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 54 sa 57); tat-13 ta’ Novembru 2014, Reindl (C‑443/13, EU:C:2014:2370, punt 39); u tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 120 sa 122). Fid-duttrina, ara, b’mod partikolari, Pirker, B., Proportionality Analysis and Models of Judicial Review, Europa Law Publishing, Groningen, 2013, p. 29: “Under a necessity test, the adjudicator examines whether there exists an alternative measure which achieves the same degree of satisfaction for the first value while entailing a lower degree of non‑satisfaction of the second value”.

( 57 )   Ara Rivers, J., “Proportionality and variable intensity of review”, 65(1) Cambridge Law Journal (2006) 174, p. 198: “The test of necessity thus expresses the idea of efficiency or Pareto‑optimality. A distribution is efficient or Pareto‑optimal if no other distribution could make at least one person better off without making any one else worse off. Likewise an act is necessary if no alternative act could make the victim better off in terms of rights‑enjoyment without reducing the level of realisation of some other constitutional interest”.

( 58 )   Fuq l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ komponenti tat-test tan-neċessità, ara Barak, A., Proportionality: Constitutional Rights and their Limitations, Cambridge University Press, Cambridge, 2012, p. 323 sa 331.

( 59 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punti 7786), u tas-7 ta’ Novembru 2013, IPI (C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 39).

( 60 )   Ara l-punti 117 sa 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 )   Ara l-punti 216 sa 245 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 )   Ara s-sentenza DRI, punt 65: “għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva tikkomporta inġerenza f’dawn id-drittijiet fundamentali ta’ kobor vast u ta’ gravità partikolari fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mingħajr ma tali inġerenza tkun preċiżament irregolata minn dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġi ggarantit li hija effettivament limitata għall-minimu neċessarju” (korsiv miżjud minni).

( 63 )   Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650).

( 64 )   Ara l-punti 178 sa 183 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 65 )   Ara Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, “Issue paper on the rule of law on the Internet and in the wider digital world”, Diċembru 2014, CommDH/IssuePaper(2014)1, p. 115; Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fuq id-dritt għall-privatezza fl-era diġitali, 30 ta’ Ġunju 2014, A/HRC/27/37, Nru 26; Laqgħa Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tar-Relatur speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, 23 ta’ Settembru 2014, A/69/397, Nru 18 u 19.

( 66 )   Dan il-kumment jirrigwarda biss l-obbligi ġenerali ta’ żamma ta’ data (li jistgħu jolqtu lil kulħadd indipendentement jekk ikunx hemm rabta ma’ reat serju jew le) u mhux il-miżuri ta’ sorveljanza speċifiċi (li jirrigwardaw persuni li jkunu diġà ġew identifikati minn qabel bħala li għandhom rabta ma’ reat serju): fuq din id-distinzjoni, ara l-punti 178 sa 183 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 )   Il-Gvern Ġermaniż ippreċiża, b’mod partikolari, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li l-Parlament Ġermaniż eskluda l-posta elettronika mill-obbligu ta’ żamma impost mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, iżda li din is-sistema tkopri l-utenti kollha u t-territorju nazzjonali kollu.

( 68 )   Ara Barak, A., Proportionality: Constitutional Rights and their Limitations, Cambridge University Press, Cambridge, 2012, p. 344: “The first three components of proportionality deal mainly with the relation between the limiting law’s purpose and the means to fulfil that purpose. […] Accordingly, those tests are referred to as means‑end analysis. They are not based on balancing. The test of proportionality stricto sensu is different. […] It focuses on the relation between the benefit in fulfilling the law’s purpose and the harm caused by limiting the constitutional right. It is based on balancing” (korsiv miżjud minni).

( 69 )   Qorti EDB, 12 ta’ Jannar 2016, Szabó u Vissy vs L-Ungerija, CE:ECHR:2016:0112JUD003713814, §68: “Indeed, it would defy the purpose of government efforts to keep terrorism at bay, thus restoring citizens’ trust in their abilities to maintain public security, if the terrorist threat were paradoxically substituted for by a perceived threat of unfettered executive power intruding into citizens’ private spheres by virtue of uncontrolled yet far‑reaching surveillance techniques and prerogatives. In this context the Court also refers to the observations made by the Court of Justice of the European Union and, especially, the United Nations Special Rapporteur, emphasising the importance of adequate legislation of sufficient safeguards in the face of the authorities’ enhanced technical possibilities to intercept private information”.

( 70 )   Ara l-punti 170 sa 173 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 71 )   Nippreċiża madankollu li dan ir-rekwiżit ta’ verifika minn qabel u indipendenti ma jistax, fil-fehma tiegħi, isib is-sors tiegħu fl-Artikolu 8(3) tal-Karta, peress li l-Karta ma tapplikax, bħala tali, għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-aċċess għad-data miżmuma: ara l-punti 123 sa 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 72 )   Ara l-punti 252 sa 261 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 73 )   Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tar-Relatur speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, 28 ta’ Diċembru 2009, A/HRC/13/37, Nru 62: “[Ma] għandu jkun hemm ebda sistema sigrieta ta’ sorveljanza li ma titpoġġiex taħt is-superviżjoni ta’ istanza ta’ kontroll effettiv, u ebda indħil li ma jkunx awtorizzat minn organu indipendenti” (ara wkoll Nru 51). Ara wkoll Laqgħa Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tar-Relatur speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, 23 ta’ Settembru 2014, A/69/397, Nru 61.

( 74 )   Ara l-punt 212 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għal dak li jikkonċerna s-sorsi tal-ġurnalisti, il-Qorti EDB enfasizzat in-neċessità ta’ awtorizzazzjoni minn qabel minn entità indipendenti, inkwantu l-verifika a posteriori ma tippermettix li tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ dawn is-sorsi: ara Qorti EDB, 22 ta’ Novembru 2012, Telegraaf Media Nederland Landelijke Media B.V. et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2012:1122JUD003931506, § 101 u Qorti EDB, 12 ta’ Jannar 2016, Szabó u Vissy vs L-Ungerija, CE:ECHR:2016:0112JUD003713814, §77. Fis-sentenza Kopp vs L-Isvizzera, li kienet tikkonċerna s-sorveljanza tal-linji telefoniċi ta’ avukat, il-Qorti EDB ikkritikat il-fatt li uffiċjal li kien jappartjeni lill-amministrazzjoni kien responsabbli, mingħajr verifika minn maġistrat indipendenti, li jiffiltra l-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali: ara Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 1998, Kopp vs L-Isvizzera, CE:ECHR:1998:0325JUD002322494, § 74.

( 75 )   Ara, f’dan ir-rigward, il-mekkaniżmu deskritt fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Nenfasizza li din il-problema ma ġietx ittrattata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DRI.

( 76 )   Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650).

( 77 )   Ara, f’dan ir-rigward, Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2015, Roman Zakharov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2015:1204JUD004714306, § 254 u 255. Skont id-dritt Russu, il-qirda tal-elementi interċettati għandha sseħħ fi tmiem terminu ta’ sitt xhur ta’ żamma jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx ġiet akkużata b’reat kriminali. Il-Qorti EDB qieset bħala raġonevoli t-tul massimu ta’ żamma, jiġifieri sitt xhur, stabbilit mid-dritt Russu għal din id-data. Hija madankollu ddeplorat l-assenza ta’ obbligu li tinqered fuq il-post id-data li ma tkunx relatata mal-għan li għalih tkun inġabret, filwaqt li ppreċiżat li ż-żamma awtomatika, għal sitt xhur, ta’ data li manifestament ma hijiex ta’ interess ma tistax titqies li hija ġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

( 78 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 54: in-natura neċessarja ġiet eżaminata fil-punti 56 sa 67, in-natura proporzjonata fil-punti 68 u 69); tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 123: in-natura neċessarja ġiet eżaminata fil-punti 120 sa 122, in-natura proporzjonata fil-punti 123 sa 127); u tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50: in-natura neċessarja ġiet eżaminata fil-punti 54 sa 57, in-natura proporzjonata fil-punti 58 sa 67).

( 79 )   Ara Rivers, J., “Proportionality and variable intensity of review”, 65(1) Cambridge Law Journal (2006) 174, p. 198: “It is vital to realise that the test of balance has a totally different function from the test of necessity. The test of necessity rules out inefficient human rights limitations. It filters out cases in which the same level of realisation of a legitimate aim could be achieved at less cost to rights. By contrast, the test of balance is strongly evaluative. It asks whether the combination of certain levels of rights‑enjoyment combined with the achievement of other interests is good or acceptable”.

( 80 )   Ara Pirker, B., Proportionality Analysis and Models of Judicial Review, Europa Law Publishing, Groningen, 2013, p. 30: “In its simple form, one could state that proportionality stricto sensu leads to a weighing between competing values to assess which value should prevail”.

( 81 )   L-ispeċifiċità tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità stricto sensu, meta mqabbel mar-rekwiżiti ta’ natura xierqa u neċessarja, tista’ tintwera bl-eżempju li ġej. Immaġina li Stat Membru jimponi l-injezzjoni ta’ ċippa elettronika ta’ ġeolokalizzazzjoni lil kull persuna li tirrisjedi fit-territorju tagħha, fejn din iċ-ċippa tippermetti lill-awtoritajiet jirrintraċċaw il-ħruġ u dħul tal-portatur tagħha matul is-sena li tkun għaddiet. Tali miżura tista’ titqies li hija “neċessarja” jekk ebda miżura oħra ma tippermetti li jintlaħaq l-istess grad ta’ effettività fil-ġlieda kontra r-reati serji. Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali miżura tkun sproporzjonata f’soċjetà demokratika, peress li l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mill-preġudizzju għad-drittijiet għall-integrità fiżika, għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali jkunu eċċessivi meta mqabbla mal-vantaġġi li jirriżultaw minnha fil-ġlieda kontra r-reati serji.

( 82 )   C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2013:845. Ara wkoll is-sentenza DRI (punti 27 u 37).

( 83 )   Id-data miżmuma tinkludi fil-fatt l-identità tas-sors u tad-destinatarju ta’ komunikazzjoni, data li jkun biżżejjed li tiżdied mal-lista tan-numri tat-telefon tal-psikologi li joperaw fit-territorju nazzjonali.

( 84 )   Ara, f’dan ir-rigward, Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tar-Relatur speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, 28 ta’ Diċembru 2009, A/HRC/13/37, Nru 42: “[F]il-Ġermanja, studji wrew konsegwenza inkwetanti tal-politiki ta’ żamma tad-data: 52 % tal-persuni mistoqsija indikaw li kien ftit probabbli li jużaw it-telekomunikazzjoni biex jikkuntattjaw lil tossikologu, lil psikoterapewta jew lil kunsillier konjugali minħabba l-liġijiet fuq iż-żamma tad-data”. [traduzzjoni libera]

( 85 )   Peress li d-data miżmuma tinkludi l-lokalizzazzjoni tas-sors u tad-destinatarju ta’ komunikazzjoni, kull persuna li tibda jew tirċievi komunikazzjoni waqt manifestazzjoni tista’ faċilment tkun identifikata grazzi għad-data miżmuma. F’dan ir-rigward, Marc Goodman, espert mal-FBI u l-Interpol fil-qasam tar-riskji marbutin mat-teknoloġiji l-ġodda jirrelata li, fil-passat reċenti, il-Gvern Ukrain, waqt manifestazzjoni tal-oppożizzjoni, għamel identifikazzjoni tat‑telefons portabbli kollha llokalizzati qrib ġlied fit-triq li nqala’ bejn il-forzi tal-ordni u dawk li jopponu l-gvern. Dawn it-telefons kollha rċevew messaġġ li l-awtur iddeskriva bħala li possibbilment kien il-messaġġ l-iktar “orwelljan” qatt mibgħut minn gvern: “Għażiż abbonat, inti ġejt irreġistrat bħala parteċipant fi tfixkil serju tal-ordni pubblika” (Goodman, M., Future Crimes, Anchor Books, New York, 2016, p. 153, traduzzjoni libera). Ara wkoll Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tar-Relatur speċjali fuq il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, 17 ta’ April 2013, A/HRC/23/40, Nru 75, u Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fuq id-dritt għall-privatezza fl-era diġitali, 30 ta’ Ġunju 2014, A/HRC/27/37, Nru 3.

( 86 )   Ara, f’dan ir-rigward, Conseil des droits de l’homme des Nations Unies, Rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fuq id-dritt għall-privatezza fl-era diġitali, 30 ta’ Ġunju 2014, A/HRC/27/37, Nru 19: “Fl-istess ordni ta’ ideat, xi wħud isostnu li l-interċettazzjoni — jew il-ġbir — ta’ data fuq komunikazzjoni, u mhux iktar fuq il-kontenut tal-komunikazzjoni, ma tikkostitwixxix waħedha ndħil fil-ħajja privata. Issa, mill-perspettiva tad-dritt għal ħajja privata, din id-distinzjoni ma hijiex konvinċenti. Il-ġbir ta’ informazzjoni komunement imsejħa ‘metadata’ jista’ jagħti indikazzjonijiet fuq il-kondotta ta’ individwu, fuq ir-relazzjonijiet soċjali tiegħu, il-preferenzi privati tiegħu u l-identità tiegħu li jkun lil hinn minn dak li jinkiseb meta wieħed jaċċedi għall-kontenut ta’ komunikazzjoni privata” [traduzzjoni libera] (korsiv magħmul minni). Ara wkoll Laqgħa Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tar-Relatur speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, 23 ta’ Settembru 2014, A/69/397, Nru 53.

( 87 )   Ara, b’mod partikolari, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tar-Relatur speċjali fuq il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, 17 ta’ April 2013, A/HRC/23/40, Nru 67: “Il-bażijiet ta’ data ta’ komunikazzjoni jsiru vulnerabbli għas-serq, għall-frodi u għall-kxif aċċidentali”. [traduzzjoni libera]

( 88 )   Ara l-punti 178 sa 183 ta’ dawn il-konklużjonijiet.