KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2016 ( 1 )

Kawża C‑148/15

Deutsche Parkinson Vereinigung eV

vs

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri, Düsseldorf, il-Ġermanja)]

“Moviment liberu tal-merkanzija — Artikoli 34 u 36 TFUE — Iffissar ta’ prezzijiet mill-Istat tal-prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib — Miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva — Modalitajiet ta’ bejgħ — Ġustifikazzjoni fuq il-bażi ta’ saħħa pubblika”

I – Introduzzjoni

1.

Id-Domandi dwar l-Artikolu 36 TFUE ( 2 ) ġew indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja qabel dawk dwar l-effett dirett jew is-supremazija ( 3 ). Deċiżjoni bejn l-interess tal-Unjoni ta’ moviment liberu u l-interessi tal-Istati Membri meta jsegwu għanijiet mhux ekonomiċi ta’ politika pubblika hija kompitu delikat li ma ħfiefx maż-żmien. Għall-kuntrarju, l-istess kwistjonijiet legali jerġgħu jqumu fil-kuntest ta’ ċirkustanzi fattwali differenti. Din il-kawża hija testimonjanza tal-fatt li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-suq intern u, b’mod partikolari, dawk dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jibqgħu fil-qalba tal-istruttura legali tal-Unjoni Ewropea u tal-kostituzzjoni ekonomika tal-Unjoni Ewropea.

2.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri, Düsseldorf, iktar ’il quddiem l-“OLG Düsseldorf”), li tfittex li taċċerta jekk sistema li skontha prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib jistgħu jsiru suġġetti għal prezzijiet uniformi hijiex konformi mal-Artikoli 34 u 36 TFUE, tipprovdi illustrazzjoni ċara tar-rilevanza tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

3.

Minbarra dan, u b’mod inqas ovvju, din il-kawża terġa’ tipprovdi eżempju ieħor tal-valur tal-proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. B’segwitu għad-diverġenza fil-ġurisprudenza ta’ tnejn mill-qrati superjuri Ġermaniżi, il-Bundessozialgericht u l-Bundesgerichtshof, fir-rigward tal-legalità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni skont l-Artikoli 34 u 36 TFUE, l-Awla Konġunta tal-Qrati Federali Superjuri ( 4 ) iddeċidiet li dawk id-dispożizzjonijiet huma konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ( 5 ). Li kieku ma kinitx l-OLG Düsseldorf li, fil-fehma tiegħi, ġustament tqajjem dubji dwar din il-konformità, din il-kawża ma kienet tasal qatt quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

4.

Fl-aħħar nett, irridu ngħiduha kif inhi: din hija t-tielet darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżura Ġermaniża mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu fejn l-ispiżerija Olandiża DocMorris qiegħda taħdem bla heda biex tikseb aċċess għas-suq Ġermaniż. Fl-ewwel kawża, Deutscher Apothekerverband eV vs 0800 DocMorris NV u Jacques Waterval ( 6 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet teżamina jekk projbizzjoni Ġermaniża fuq il-bejgħ bil-korrispondenza tal-prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa ristrett għall-ispiżeriji fl-Istat Membru kkonċernat kinitx f’konformità mal-Artikoli 34 u 36 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li, filwaqt li l-miżura inkwistjoni kkostitwixxiet miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, l-Artikolu 36 TFUE jista’ jintuża bħala bażi fir-rigward tal-prodotti mediċinali suġġetti għall-preskrizzjoni tat-tabib fil-Ġermanja, iżda mhux fir-rigward ta’ dawk li ma humiex suġġetti għall-preskrizzjoni tat-tabib. It-tieni kawża, kawżi magħquda Apothekerkammer des Saarlandes et vs Saarland, Ministerium für Justiz, Gesundheit und Soziales (C‑171/07) u Helga Neumann-Seiwert vs Saarland, Ministerium für Justiz, Gesundheit und Soziales (C‑172/07) ( 7 ), ittrattat il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-istabbiliment ( 8 ) ipprekludewx leġiżlazzjoni Ġermaniża li tipprojbixxi persuni li ma humiex spiżjara milli jipposjedu jew joperaw spiżeriji (l-hekk imsejħa “Fremdbesitzverbot”). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-libertà ta’ stabbiliment ma pprekludietx il-“Fremdbesitzverbot”.

5.

B’segwitu għall-ewwel kawża DocMorris, il-Ġermanja bidlet il-leġiżlazzjoni tagħha u ppermettiet il-bejgħ bil-korrispondenza, mhux biss ta’ prodotti mediċinali mogħtija mingħajr preskrizzjoni tat-tabib, iżda wkoll ta’ dawk mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li, għall-inqas għal ċertu żmien, ma kienx hemm regoli dwar prezzijiet uniformi fir-rigward tal-prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib importati minn Stati Membri oħra. Iktar ’il quddiem, tali regoli kellhom japplikaw ukoll għal tali prodotti. Dan iwassalna għall-qafas legali.

I – Il-qafas legali

A – Id-dritt Ġermaniż dwar il-prodotti mediċinali

6.

L-ewwel sentenza tal-paragrafu 78(1) tal-Arzneimittelgesetz (liġi dwar il-prodotti mediċinali; iktar ‘il quddiem l-“AMG”) tipprevedi:

“Il-Ministeru għall-Ekonomija u t-Teknoloġija għandu jkun awtorizzat jistabbilixxi

1.

marġini tal-prezz għall-prodotti mediċinali li huma ddistribwiti f’kummerċ bl-ingrossa jew fl-ispiżeriji jew li huma mibjugħa mill-ġdid minn kirurgi veterinarji …”

7.

Il-paragrafu 78(2) tal-AMG huwa fformulat kif ġej:

“Il-prezzijiet u l-marġini tal-prezzijiet għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-konsumaturi ta’ prodotti mediċinali, kirurgi veterinarji, spiżeriji u l-kummerċ bl-ingrossa. Għandu jiġi ggarantit prezz uniformi tal-bejgħ bl-imnut għall-prodotti mediċinali li ma jistgħux jinbiegħu jekk mhux minn spiżeriji …”

8.

Minħabba li l-ġurisprudenza tal-qrati superjuri Ġermaniżi kienet kontradittorja fir-rigward ta’ jekk dik id-dispożizzjoni kinitx tapplika għall-prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib miksuba, permezz ta’ bejgħ bil-korrispondenza, minn spiżeriji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, il-leġiżlatur Ġermaniż, permezz ta’ liġi tad-19 ta’ Ottubru 2012 ( 9 ), daħħal is-sentenza li ġejja fil-paragrafu 78(1) tal-AMG: “L-Arzneipreisverordnung, adottat fuq il-bażi tal-ewwel sentenza, japplika wkoll għall-prodotti mediċinali introdotti fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Liġi skont il-punt 1a tal-paragrafu 73(1).” Il-punt 1a tal-paragrafu 73(1) tal-AMG, li jsir riferiment għalih, jikkonċerna prodotti mediċinali li huma pprovduti lill-konsumaturi finali fil-Ġermanja permezz ta’ bejgħ bil-korrispondenza minn spiżerija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

9.

Barra minn hekk, minħabba l-ġurisprudenza kontradittorja tal-qrati superjuri Ġermaniżi, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Awwissu 2012, l-Awla Konġunta tal-Qrati Federali Superjuri ddeċidiet li l-AMG, anki fil-formulazzjoni preċedenti tagħha, kellha tiġi interpretata għal dan l-għan.

B – Regolament Ġermaniż dwar l-ipprezzar ta’ prodotti mediċinali

10.

L-Arzneimittelpreisverordnung (id-Digriet fwar il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali) jipprovdi, sal-punt rilevanti hawnhekk, li l-manifattur irid jistabbilixxi prezz għall-prodotti mediċinali tiegħu (il-paragrafu 1) li miegħu jiżdiedu ż-żidiet tal-bejjiegħ bl-ingrossa (il-paragrafu 2) u ż-żidiet tal-ispiżerija (il-paragrafu 3). Dan ir-regolament ma japplikax għall-prodotti mediċinali li ma jeħtiġux preskrizzjoni tat-tabib. Barra minn hekk, il-punt 2 tal-paragrafu 7(1) tal-Heilmittelgesetz (liġi dwar il-prodotti mediċinali) jipprojbixxi l-għoti ta’ skontijiet.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

11.

Deutsche Parkinson Vereinigung eV (iktar ’il quddiem “DPV”), assoċjazzjoni rreġistrata, hija organizzazzjoni ta’ awtoassistenza li l-għan tagħha huwa li ttejjeb il-ħajja tal-pazjenti bil-marda ta’ Parkinson u dik tal-familji tagħhom. Permezz ta’ ittra ta’ Lulju 2009, li tippromwovi kooperazzjoni kummerċjali bejn DPV u l-ispiżerija Olandiża tal-bejgħ bil-korrispondenza DocMorris, DPV informat lill-membri tagħha b’sistema ta’ bonus li skontha jiġu pprovduti diversi bonusijiet lill-membri ta’ DPV meta minn DocMorris jixtru ċerti prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib għal mard ta’ Parkinson li huma disponibbli biss mingħand spiżeriji.

12.

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV (iktar ’il quddiem “ZBW”), assoċjazzjoni li tiġġieled kontra l-kompetizzjoni inġusta, tqis il-promozzjoni bħala inġusta skont il-paragrafu 4(11) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (liġi kontra l-kompetizzjoni inġusta; iktar ‘il quddiem l-“UWG”) flimkien mal-verżjoni preċedenti tal-paragrafu 78 tal-AMG u l-paragrafi 1 u 3 tal-Arzneimittelpreisverordnung u issa, wara l-emenda, flimkien mar-raba’ sentenza tal-paragrafu 78(1) tal-AMG, peress li s-sistema ta’ bonus promossa tmur kontra l-istabbiliment ta’ prezz uniformi tal-bejgħ bl-imnut li għandu jiġi osservat mill-ispiżeriji, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni.

13.

Il-Landgericht (qorti reġjonali) laqgħet it-talba ta’ ZBW u ordnat lil DPV, meta topera f’suq kompetittiv fil-kuntest ta’ kooperazzjoni mal-ispiżerija tal-bejgħ bil-korrispondenza DocMorris, biex ma tirrakkomandax is-sistema ta’ bonus ta’ dik l-ispiżerija, meta dan isir permezz ta’ ittra bħal dik li wasslet għal din it-tilwima. Il-Landgericht iddeċidiet li l-mandat ta’ inibizzjoni kien ġustament fondat minħabba li, bil-bgħit tal-ittra kkontestata, DPV kisret il-punt 2 tal-paragrafu 8(3), il-paragrafu 3 u l-paragrafu 4(11) tal-UWG flimkien mal-paragrafu 78 tal-AMG u l-paragrafi 1 u 3 tal-Arzneimittelverordnung. Din ikkostitwixxiet aġir kummerċjali min-naħa ta’ DPV li kien inġust minħabba li s-sistema ta’ bonus promossa kienet ipprojbita skont ir-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Landgericht kompliet billi ddeċidiet li, fil-mument tal-fatti, ir-regoli leġiżlattivi kkontestati kienu applikabbli wkoll għall-provvisti forniti minn DocMorris, li ma hijiex stabbilita fit-territorju Ġermaniż. Dan issa huwa b’effett tar-raba’ sentenza tal-paragrafu 78(1) tal-AMG, kif emendata fis-26 ta’ Ottubru 2012.

14.

DPV ippreżentat appell kontra din is-sentenza, filwaqt li sostniet il-fehma tagħha li t-talba ta’ ZBW għandha tiġi miċħuda.

15.

Huwa fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti li, permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Marzu 2015, li wasal lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Marzu 2015, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri, Düsseldorf) għamlet id-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

(1)

L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iffissar ta’ prezzijiet imposti għall-prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib, stipulat mid-dritt nazzjonali, jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE?

(2)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

l-iffissar tal-prezzijiet imposti għall-prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib huwa ġġustifikat skont l-Artikolu 36 TFUE għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni, b’mod partikolari jekk huwa biss b’dan il-mod li tista’ tiġi ggarantita fil-Ġermanja kollha, partikolarment fiż-żoni rurali, provvista uniformi ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni li tkopri t-territorju kollu?

(3)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għat-tieni domanda:

liema rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi kkonstatat ġudizzjarjament li s-sitwazzjoni prevista fit-tieni parti tat-tieni domanda fil-fatt teżisti?

III – Analiżi

A – Domanda 1 – Restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija

16.

L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iffissar ta’ prezzijiet imposti għall-prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib, stipulat mid-dritt nazzjonali, jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE?

1. Dassonville

17.

Id-definizzjoni ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva tant hija magħrufa li qajla hemm bżonn li titfakkar. Sa minn Dassonville, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[k]ull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi” ( 10 ). Illum il-ġurnata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tendenza tirreferi għal “miżuri” iktar milli “leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri” ( 11 ), għalkemm xi drabi terġa’ tirreferi għall-formula tradizzjonali ta’ Dassonville ( 12 ). L-iskop tal-Artikolu 34 et seq kien ingħata fil-qosor b’mod tajjeb mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ġej: “Hija ġurisprudenza kostanti sa mis-sentenza [...] Dassonville [...] li [l-Artikoli 34 TFUE u 35 TFUE], imqiegħda fil-kuntest tagħhom, għandhom jinftiehmu li huma intiżi sabiex jeliminaw l-ostakoli kollha, diretti jew indiretti, attwali jew potenzjali, għall-iskambji fil-kummerċ intra-Komunitarju” ( 13 ).

18.

Il-prezzijiet fissi huma xewka fl-għajn ta’ kwalunkwe operatur ekonomiku li ma huwiex preżenti fis-suq, minħabba li l-kompetizzjoni, fl-essenza vera tagħha, hija ddeterminata mill-prezz. Bit-tneħħija tal-possibbiltà għall-operatur ekonomiku li joffri ċertu prezz iktar baxx, ikun qed jitneħħa fattur li jippermettilu milli jkun kompetittiv. Merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra minbarra l-Ġermanja għaldaqstant taffaċċja diffikultajiet meta tidħol fis-suq Ġermaniż. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jnaqqsu l-importazzjonijiet fil-Ġermanja.

19.

Konsegwentement, skont Dassonville, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma kklassifikati bħala li jikkostitwixxu miżura li għandha effett ekwivalenti. Dawn huma kapaċi biżżejjed biex ixekklu l-kummerċ. Dan ġie evidenzjat ukoll mit-tnaqqis fil-bejgħ ta’ DocMorris fil-Ġermanja ta’ prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib, b’segwitu għall-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet li qegħdin jiġu eżaminati.

1. Keck

20.

Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi inkwistjoni jikkostitwixxux “ċerta modalità ta’ bejgħ” fis-sens tal-ġurisprudenza Keck u Mithouard. Jekk dan ikun il-każ, il-konsegwenza tkun li din taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

21.

F’dik li possibbilment hija l-iktar sentenza kkontestata fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija taħt it-Trattat ( 14 ), huwa magħruf li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “kontrarjament għal dak kollu li kien ġie deċiż sa issa, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ għal prodotti minn Stati Membri oħra, mhix tali li tostakola, direttament jew indirettament, effettivament jew potenzjalment, il-kummerċ bejn Stati Membri skond il-kawża Dassonville [...], sakemm tali dispożizzjonijiet huma applikabbli għan-negozjanti kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali, u sakemm jaffettwaw bl-istess mod, bid-dritt u bil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ dawk minn Stati Membri oħra” ( 15 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi ddikjarat li “[f]il-fatt, meta tali kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip għall-bejgħ ta’ prodotti minn Stat membru ieħor li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti mill-Istat in kwistjoni mhijiex tali li timpedixxi l-aċċess tagħhom għas-suq jew li timpedilhom l-aċċess iżjed milli timpedixxi l-aċċess ta’ prodotti nazzjonali. Għalhekk, tali regolamenti jaqgħu barra mill-portata ta’ l-Artikolu [34 TFUE]” ( 16 ) .

22.

Jien inqis il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Keck bħala risposta leġittima tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dipendenza li qiegħda dejjem tikber, mill-operaturi ekonomiċi, fuq l-Artikolu 34 TFUE sabiex qorti nazzjonali tannulla kwalunkwe miżura li xxekkilhom fit-twettiq tal-attività ekonomika tagħhom ( 17 ). Il-problema għalija ma tidhirx li hija n-numru ta’ kawżi mressqa, iżda iktar il-kwistjonijiet involuti. ( 18 ) Interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE fissret li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tittratta kwistjonijiet marġinalment biss relatati mal-moviment liberu reali tal-merkanzija, iktar milli għażliet soċjali delikati bħal ħinijiet tal-ftuħ ta’ ħwienet fil-Ħdud inter alia.

23.

Madankollu, l-istanzi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, applikat l-eċċezzjoni li tirriżulta mis-sentenza Keck huma rari u, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddefinixxiet b’mod pożittiv x’tifhem eżatt bil-frażi “modalità ta’ bejgħ” ( 19 ). Peress li dawn jeżistu, madankollu, Keck għadha ħajja u trid tiġi eżaminata fil-każ inkwistjoni ( 20 )

24.

Dispożizzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni, dwar l-iffissar tal-prezzijiet ta’ ċerti prodotti, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jistgħu ma jikkostitwixxux “regoli li jimponu rekwiżiti (bħal dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ l-isem, il-forma, id-daqs, il-piż, il-kompożizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikketti u l-ippakkjar)” ( 21 ). Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ipprezzar tal-kotba, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li sakemm dawn “ma [j]ikkonċerna[w]x il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, iżda [j]ikkonċerna[w] biss il-modalitajiet li bihom dawn jistgħu jinbigħu” dawn “għandh[om] [jiġu] kkunsidrat[i] bħala li [j]ikkonċerna[w] l-modalitajiet ta’ bejgħ fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard” ( 22 ).

25.

Anki jekk, fl-istess każ, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni xorta waħda jikkostitwixxu miżura li għandha effett ekwivalenti, sakemm dawn inħolqu “għall-kotba importati, hija toħloq leġiżlazzjoni distinta li tirriżulta fi trattament inqas favorevoli għal prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra” ( 23 ), jien ma kontx nasal li nagħmel id-dikjarazzjoni inizjali li miżura dwar l-ipprezzar tikkostitwixxi modalità ta’ bejgħ. Prezz fiss impost fuq prodott speċifiku joqrob ħafna lejn regola dwar il-preżentazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ. Wara kollox, il-prodotti fuqhom spiss ikollhom tikketta fiżika tal-prezz, li tifforma parti mill-imballaġġ. Barra minn hekk, kwalunkwe miżura li tirregola wieħed mill-aspetti l-kbar ta’ prodott, il-prezz, huwa, fil-fehma tiegħi, iktar minn modalità ta’ bejgħ. Miżuri fuq il-prezz jaffettwaw direttament il-vantaġġ kompetittiv ta’ operatur ekonomiku u huma ferm iktar severi mill-perspettiva ta’ operaturi ekonomiċi u regoli tal-moviment liberu, minn, pereżempju, projbizzjoni fuq il-bejgħ b’telf jew dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ ħwienet. Dawn ma għandhomx jitqiesu bħala “modalità ta’ bejgħ”. Għaldaqstant għandi diffikultà fundamentali biex nikklassifika miżura li tiffissa prezz bħala modalità ta’ bejgħ, bil-konsegwenza li wara wieħed għandu janalizza jekk il-miżura xxekkilx l-aċċess għas-suq u/jew hijiex diskriminatorja.

26.

Pjuttost, ikun biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet tal-formula Dassonville ġewx issodisfatti jew le. Minkejja dan, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza eżistenti, jien se nanalizza d-dispożizzjonijiet inkwistjoni bħallikieku dawn jikkostitwixxu “modalità ta’ bejgħ”.

27.

Prezz uniformi tal-bejgħ bl-imnut għall-ispiżeriji, bħal dak fil-kawża inkwistjoni mingħajr dubju japplika, fid-dritt, kemm għall-ispiżeriji Ġermaniżi kif ukoll dawk mhux Ġermaniżi u, b’estensjoni, kemm għall-prodotti Ġermaniżi kif ukoll dawk importati.

28.

Il-Ġermanja targumenta li l-istess jista’ jingħad għall-pożizzjoni fil-fatt. L-Awla Konġunta tal-Qrati Federali Superjuri hija wkoll tal-fehma li l-iffissar tal-prezzijiet japplika fid-dritt u fil-fatt b’mod ugwali għall-ispiżeriji domestiċi u barranin ( 24 ).

29.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea tqis li hemm miżura li għandha effett ekwivalenti. Din hija tal-fehma li l-iffissar tal-prezzijiet jimponi piż ikbar fuq spiżeriji barranin peress li dawn jistgħu jikkumpensaw biss għall-iżvantaġġ li jkunu jistgħu jiksbu aċċess għas-suq Ġermaniż permezz tal-bejgħ bil-korrispondenza permezz biss tal-vantaġġ li jkunu awtorizzati li jbigħu l-prodotti tagħhom skont ir-regoli tal-ipprezzar tal-Istat Membru tal-istabbiliment tagħhom. B’kuntrast ta’ dan, għall-ispiżeriji Ġermaniżi, il-bejgħ bil-korrispondenza huwa sempliċiment kanal ta’ distribuzzjoni addizzjonali.

30.

Bħalma indikaw ġustament DPV, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, l-ispiżeriji li ma jinsabux fil-Ġermanja għandhom biss mezz wieħed biex jiksbu aċċess fis-suq Ġermaniż, jiġifieri permezz tal-internet. Ir-raġuni prinċipali għal dan huwa li l-“Fremdbesitzverbot” Ġermaniż, jiġifieri d-dritt li wieħed ikun proprjetarju u li jopera spiżerija huwa rriżervat għall-ispiżjara biss ( 25 ). Spiżerija online li tinsab ’il barra mill-Ġermanja li għandha l-għan tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha fil-Ġermanja għaldaqstant issib l-aċċess tagħha għas-suq Ġermaniż imxekkel jekk ma tkunx tista’ tikkompeti bil-prezz.

31.

Iżda l-kawża inkwistjoni tmur lil hinn minn hekk.

32.

Miżuri li japplikaw fid-dritt iżda mhux fil-fatt bl-istess mod huma normalment magħrufa bħala miżuri indirettament diskriminatorji. L-istabbiliment ta’ kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni huwa dejjem kwistjoni delikata. Dan jiddependi mill- punt ta’ referenza li għandu jiġi applikat, bħalma jindika b’mod ċar dan il-każ. Jekk wieħed iqis l-ispiżeriji online bħala l-punt ta’ referenza, bħalma tagħmel l-Awla Konġunta, imbagħad ikun diffiċli li tiġi nnotata diskriminazzjoni indiretta. Kemm spiżerija bbażata f’Hamburg (DE) kif ukoll waħda bbażata f’Heerlen (NL) li għandhom l-għan li jfornu lil pazjenti fi Trier (DE), de facto, se jiġu ttrattati bl-istess mod.

33.

Madankollu din ma hijiex il-perspettiva t-tajba li minnha għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni (indiretta) fil-kawża inkwistjoni.

34.

Ċertament, ma humiex l-ispiżeriji online li għandhom jitqabblu iżda l-ispiżeriji inġenerali. Imbagħad toħroġ stampa differenti, għas-sempliċi raġuni li, bħalma tindika ġustament DPV, l-ispiżeriji Ġermaniżi u dawk mhux Ġermaniżi jiddependu mill-internet fi gradi differenti. Spiżerija li tinsab diġà fil-Ġermanja, normalment, jekk tuża l-internet, se tużah f’kapaċità limitata biss, filwaqt li spiżerija bbażata barra mill-Ġermanja ma għandhiex mezz ieħor ħlief l-internet biex taqdi lil pazjenti bbażati fil-Ġermanja. Fi kliem ieħor, filwaqt li għal spiżerija Ġermaniża, kunsinna permezz ta’ bejgħ bil-korrispondenza tikkostitwixxi biss kanal ta’ distribuzzjoni addizzjonali, għal waħda mhux Ġermaniża hija l-uniku kanal ta’ distribuzzjoni.

35.

Fil-kawża Deutscher Apothekerverband, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li projbizzjoni fuq kunsinna ta’ bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti farmaċewtiċi kienet “iktar tostakola lill-ispiżeriji li jinsabu barra l-Ġermanja milli dawk li jinsabu fit-territorju Ġermaniż” ( 26 ). Imbagħad kompliet bid-dikjarazzjoni li jekk għal dawn tal-aħħar ftit jista’ jingħad kontra l-fatt li din il-projbizzjoni ċċaħħadhom minn mezz addizzjonali jew alternattiv li jilħqu s-suq Ġermaniż ta’ konsumaturi finali tal-prodotti mediċinali, jibqa’ l-fatt li tibqgħalhom il-possibbiltà li jbigħu l-prodotti mediċinali fl-ispiżeriji tagħhom. Iżda, l-internet jibqa’ mezz iktar importanti għall-ispiżeriji li ma humiex stabbiliti fit-territorju Ġermaniż biex jiksbu aċċess dirett għas-suq Ġermaniż. Projbizzjoni li għandha impatt ikbar fuq spiżeriji stabbiliti barra t-territorju Ġermaniż tista’ timpedixxi l-aċċess għas-suq ta’ prodotti minn Stati Membri oħrajn iktar milli timpedixxi l-aċċess għal prodotti domestiċi ( 27 ).

36.

Fil-kawża Ker Optika, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet tali raġunament għal projbizzjoni fuq il-bejgħ tal-lentijiet tal-kuntatt permezz ta’ bejgħ bil-korrispondenza. Din iddeċidiet li tali projbizzjoni ċaħħdet lill-kummerċjanti li ġejjin minn Stati Membri oħra minn modalità partikolarment effiċjenti ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti u għalhekk ostakolat b’mod kunsiderevoli l-aċċess ta’ dawn tal-aħħar għas-suq tal-Istat Membru kkonċernat ( 28 ).

37.

F’sitwazzjoni fejn l-effett ta’ miżura huwa li timblokka jew għall-inqas tnaqqas l-aċċess għas-suq għal spiżeriji online, li normalment ikunu barranin, sabiex iżżomm struttura vijabbli ta’ spiżeriji fiżiċi, jien inqis li hija impossibbli li wieħed jitkellem dwar modalità ta’ bejgħ applikabbli indistintament. Konsegwentement, jien kieku niddeċiedi li l-miżura Ġermaniża inkwistjoni, bid-diskriminazzjoni indiretta kontra spiżeriji mhux Ġermaniżi, ma tikkostitwixxix “ċertu modalità ta’ bejgħ” fis-sens tas-sentenzi Keck u Mithouard u ma tikkostitwixxix ostakolu għall-kummerċ ta’ prodotti mediċinali minn Stati Membri oħra.

38.

Din twassalni għal kunsiderazzjoni finali dwar il-klassifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Ġermaniżi: il-konklużjoni tiegħi hija konformi għalkollox mhux biss mal-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Keck u Mithouard iżda wkoll mar-raġunament tagħha, deskritt iktar ‘il fuq. Il-Kwistjonijiet sensittivi ta’ natura mhux ekonomika li huma marbuta biss marġinalment mal-moviment liberu bħala tali (u li huma nondiskriminatorji) għandhom jitħallew f’idejn l-Istati Membri. Ma nara l-ebda lok għal tali sensittività meta l-effett tal-miżura jkun li jillimita l-kompetizzjoni u l-aċċess għas-suq ta’ operaturi ekonomiċi barranin. Tali miżura hija differenti ħafna mir-regoli ta’ bejgħ b’telf ( 29 ), sentenzi dwar il- kummerċ fil-Ħdud ( 30 ), jew dawk ( 31 ).

B – Domandi 2 u 3 – Ġustifikazzjoni fuq il-bażi ta ’ saħħa pubblika

39.

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq essenzjalment jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni humiex iġġustifikati fuq il-bażi ta’ “protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni” skont l-Artikolu 36 TFUE ( 32 ).

1. Bażi ta’ ġustifikazzjoni invokata: saħħa pubblika

40.

Sa mis-sentenza De Peijper, l-ewwel kawża dwar l-eċċezzjoni tas-saħħa pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li “s-saħħa u l-ħajja ta’ persuni qiegħda fl-ewwel post fost il-proprjetà jew l-interessi protetti mill-Artikolu 36 [TFUE] u huma l-Istati Membri, fi ħdan il-limiti imposti mit-Trattat, li għandhom jiddeċiedu dwar il-grad ta’ protezzjoni li beħsiebhom jiżguraw...” ( 33 ).

41.

Il-Ġermanja, li tistrieħ fuq din il-bażi ta’ ġustifikazzjoni, tisħaq li l-miżura inkwistjoni hija neċessarja sabiex (1) tiżgura provvista konsistenti ta’ prodotti mediċinalimadwar il-Ġermanja, (2) tiżgura l-kwalità ta’ tali provvista u tipproteġi lill-pazjenti u (3) tikkontrolla l-iżviluppi tal-ispejjeż fis-settur tas-saħħa.

42.

L-aħħar parti tal-bażi ta’ ġustifikazzjoni ma tistax tiġi invokata. Minħabba li l-Artikolu 36 TFUE huwa “dirett lejn eventwalitajiet ta’ tip mhux ekonomiku” ( 34 ), miżuri intiżi biex titnaqqas l-ispiża ta’ skemi ta’ siġurtà soċjali jistgħu ma jkunux iġġustifikati taħt it-tema ta’ saħħa skont l-Artikolu 36 TFUE ( 35 ). Ir-riskju li jiġi serjament imminat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali biss jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 36 ), li, minħabba n-natura eċċezzjonali ta’ dik il-bażi ta’ ġustifikazzjoni huwa ċar li dan ma huwiex il-każ hawnhekk ( 37 ). Minbarra dan, li kieku l-prezzijiet ma kinux fissi u l-kompetizzjoni żdiedet, dan fil-fatt kien jirriżulta fi prezzijiet iktar baxxi li jkunu ta’ benefiċċju għas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

43.

Fir-rigward taż-żewġ partijiet l-oħra tal-bażi ta’ ġustifikazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, li, fil-prinċipju, il- ġustifikazzjoni bbażata fuq is-“saħħa” tinkludi miżuri li jirrigwardaw il-ħtieġa li jingħata parir personalizzat lill-klijent u li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-kunsinna tal-prodotti mediċinali, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi kkontrollata l-awtentiċità tal-ordnijiet mediċi u biex tiġi ggarantita provvista ta’ prodotti mediċinali estiża u adattata għall-bżonnijiet ( 38 ).

2. Proporzjonalità

44.

F’dan l-isfond, jien nixtieq neżamina l-proporzjonalità tal-miżura Ġermaniża fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi żgurata provvista konsistenti ta’ prodotti mediċinali madwar il-Ġermanja, il-kwalità ta’ tali provvista u l-protezzjoni tal-pazjenti. B’dan, jien se neżamina l-adegwatezza, u l-ħtieġa, tal-leġiżlazzjoni ikkontestata.

45.

Fuq nota ġenerali, il-Ġermanja ( 39 ) ma tippreżentax dan il-każ bħala każ tipiku li fih applikazzjoni tar-regoli tal-moviment liberu twassal għal konsegwenzi diżastrużi fil-Ġermanja ( 40 ). Il-kwistjoni ma tidhirx li hija waħda ta’ rikonoxximent reċiproku jew fiduċja reċiproka ( 41 ). Il-linja ta’ argument tal-Ġermanja hija iktar fundamentali: wisq kompetizzjoni allegata, inklużi prezzijiet iktar baxxi għall-pazjenti u grad ogħla ta’ moviment liberu ta’ prodotti mediċinali bejn Stati Membri oħra u l-Ġermanja, ikollhom konsegwenzi negattivi għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika fil-Ġermanja: falliment inevitabbli tas-suq iwassal għal konċentrazzjoni ta’ spiżeriji f’ċerti żoni, filwaqt li jżomm lura liż-żoni mbiegħda, lill-persuni b’nuqqas ta’ mobbiltà, dawk vulnerabbli u l-anzjani.

46.

Il-Ġermanja qiegħda tibża’ li biż-żieda fil-kompetizzjoni l-ispiżeriji tradizzjonali Ġermaniżi ta’ bejgħ bl-imnut impenjati fi grad għoli ta’ professjonaliżmu fil-pariri u l-konsulenza li joffru lill-konsumaturi jkollhom ibaxxu l-livell ta’ tali servizzi sabiex ilaħħqu mal-kompetizzjoni.

47.

Għalija huwa diffiċli biex nifhem kif, biż-żieda fil-kompetizzjoni, l-ispiżjara jbaxxu l-kwalità tas-servizzi tagħhom. Jien nistenna li l-oppost għandu jkun il-każ. F’dan il-kuntest, nieħu l-libertà li nirreferi għall-Avukat Ġenerali Poiares Maduro li jagħmel argument simili b’mod inċiżiv u eleganti fil-kawża Blanco Perez ( 42 ).

a) Adegwatezza

48.

Biex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, il-miżura, l-ewwel nett, trid tkun addattata (jew xierqa jew adegwata) ( 43 ) għall-iżgurar tal-ilħuq tal-objettiv mixtieq. Tali addattar għall-iżgurar tal-ilħuq tal-objettiv li tintuża bħala bażi hija aċċettata biss jekk il-miżura inkwistjoni tissodisfa verament l-intenzjoni li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 44 ). B’mod ġenerali, f’dan l-istadju l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri ( 45 ). Jekk il-miżura nazzjonali ma jkollha l-ebda effett fuq il-bażi għal ġustifikazzjoni, imbagħad il-miżura inkwistjoni ma tkunx xierqa. L-istess japplika għal miżura adottata fuq il-bażi ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ( 46 ).

i) Provvista konsistenti

49.

ZBW u l-Gvern Ġermaniż huma tal-fehma li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni huwa adegwati biex jiżguraw provvista konsistenti u komprensiva ta’ prodotti mediċinali madwar it-territorju Ġermaniż.

50.

Barra minn hekk, l-Awla Konġunta, b’kunsiderazzjoni tad-diskrezzjoni mogħtija lil-leġiżalatur, qieset is-sistema ġġustifikata fuq il-bażi li ma hemm l-ebda sistema alternattiva li tidher li, fl-interessi ta’ provvista affidabbli u ta’ kwalità tajba ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni, hija kapaċi daqs l-iffissar tal-prezzijiet biex tikkumpensa għar-riskju ta’ kompetizzjoni feroċi fil-prezzijiet bejn l-ispiżeriji, biex tiżgura provvista konsistenti ta’ prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib lill-popolazzjoni kollha u biex tnaqqas ir-riskju ta’ użu mhux korrett jew użu żejjed ta’ prodotti mediċinali ( 47 ).

51.

Ir-rabta bejn il-miżura Ġermaniża u l-għan mixtieq, jiġifieri l-provvista konsistenti ta’ prodotti farmaċewtiċi tidhirli li hija wisq dgħajfa, li twassalni biex nemmen li l-miżura inkwistjoni ma hijiex adegwata għall-ilħuq tal-objettivi mfittxa, għar-raġunijiet li ġejjin.

52.

L-ewwel nett, bħalma tinnota ġustament il-Kummissjoni, ma huwiex in-numru ta’ spiżeriji li awtomatikament jimplika li hemm kopertura konsistenti u komprensiva fit-territorju Ġermaniż kollu. Min jista’ jgħid li huma preċiżament iż-żoni rurali u/jew iż-żoni li fihom jgħixu ħafna anzjani li se jkunu moqdija aħjar jekk in-numru ta’ spiżeriji jkun ogħla? Għall-kuntrarju, il-kompetizzjoni fil-prezzijiet fost l-ispiżeriji tista’ twassal għal kopertura konsistenti ta’ prodotti mediċinali. Jien nassumi li billi l-ispiżeriji online jitħallew jikkompetu, iż-żoni rurali jkunu moqdija aħjar. Persuni b’mobbiltà mnaqqsa jistgħu jibbenefikaw bil-kbir mill-fatt li jkunu jistgħu jagħmlu ordnijiet online u li dawn jiġu kkunsinnati direttament f’darhom. Anki jekk dawn ma jkunux familjari tal-allegati kumplessitajiet ta’ ordnijiet online, dawn spiss se jkollhom lil xi ħadd jgħinhom (carer, iben jew neputi, ġar, eċċ) li jkun familjari.

53.

It-tieni nett, fir-rigward tal-prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib wieħed għandu jikkonċentra inqas fuq l-ispiżeriji, iżda iktar fuq in-numru ta’ tobba. Ländlicher Ärztemangel, jiġifieri nuqqas ta’ tobba, b’mod partikolari f’żoni mbiegħda, huwa, ċertament, l-għerq tal-problema, mhux in-numru ta’ spiżeriji.

54.

It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni iktar delikata u sensittiva ta’ provvisti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, wieħed ma għandux jinsa li l-Ġermanja indirizzat din il-kwistjoni b’liġi speċifika, l-Apothekennotdienstsicherstellungsgesetz ( 48 ). Din il-liġi, li għandha l-għan li tiżgura provvista komprensiva u konsistenti ta’ prodotti mediċinali madwar il-Ġermanja kollha, b’mod partikolari, żoni rurali, ’il barra mill-ħinijiet regolari tal-ftuħ tal-ispiżeriji, tipprevedi assistenza finanzjarja għall-ispiżeriji li jipprovdu tali provvista ta’ emerġenza permezz ta’ fond amministrat mid-Deutscher Apothekerverband. Fuq il-prodotti mediċinali mibjugħa titħallas taxxa. Inċidentalment, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, jidher li l-prodotti mediċinali importati fil-Ġermanja huma wkoll suġġetti għal din it-taxxa, li jfisser li l-ispiżeriji barranin li jbigħu l-prodotti tagħhom fis-suq Ġermaniż jikkontribwixxu finanzjarjament għal dan il-fond ( 49 ).

55.

Ma nistax nara kif id-dispożizzjonijiet taħt eżami jkollhom impatt addizzjonali fuq l-iżgurar ta’ provvista konsistenti ta’ prodotti mediċinali.

ii) Kwalità tal-provvista

56.

F’dak li jirrigwarda l-kwalità tal-provvista, qatt ma jista’ jiġi enfasizzat biżżejjed li din il-kawża tirrigwarda prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni ta’ tabib. F’dan il-kuntest, jien nixtieq infakkar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Venturini, fejn iddeċidiet li “[n]-numru ta’ stabbilimenti li jbigħu l-prodotti mediċinali suġġetti għal riċetta medika [mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib], inklużi dawk li ma jitħallsux mis-sistema tas-saħħa nazzjonali u li jitħallsu kompletament mix-xerrej, ma huwiex daqstant rilevanti. Peress li huma biss it-tobba li jistgħu jippreskrivu dawn il-prodotti mediċinali, il-proprjetarji kemm tal-ispiżeriji kif ukoll tal-[‘paraspiżeriji’] ma għandhom, f’kull każ, l-ebda influwenza diretta fuq il-volum ta’ distribuzzjoni tal-imsemmija prodotti mediċinali u ma jistgħux għalhekk jikkontribwixxu għall-konsum żejjed tagħhom” ( 50 ). Konsegwentement, il-prezz ta’ prodott mediċinali ma għandu l-ebda effett fuq il-kwantità ta’ prodotti mediċinali suġġetta għal preskrizzjoni ta’ tabib, li huma pprovduti lill-pazjent. Idejn l-ispiżjara huma marbutin.

iii) “Inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-importanza ta’ riskji għas-saħħa ta’ persuni”

57.

Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-oneru tal-prova ta’ ġustifikazzjoni u proporzjonalità jaqa’ fuq il-Ġermanja. Huwa dak l-Istat Membru li għandu jagħti prova tan-natura xierqa tal-miżuri inkwistjoni. Il-Ġermanja ma pproduċietx evidenza b’appoġġ għad-dispożizzjonijiet tagħha. Minflok, din tindika l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha “meta jkun hemm inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-importanza ta’ riskji għas-saħħa ta’ persuni, l-Istat Membru għandu jkun jista’ jieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna sa meta r-realtà ta’ dawn ir-riskji tkun evidenti”. F’dan il-kuntest, din tirreferi wkoll għall-prinċipju ta’ prekawzjoni.

58.

Din id-dikjarazzjoni jixirqilha eżami mill-qrib.

– Oriġini: ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni

59.

L-imsemmija silta fil-fatt isir riferiment regolari għaliha mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din issib l-oriġini tagħha fil-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Fl-għarfien tiegħi, din intużat għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-UE fl-1998 f’żewġ sentenzi fil-kuntest tal-kriżi tal-BSE ( 51 ). Minn dak iż-żmien, din intużat kemm fir-rigward ta’ miżuri tal-istituzzjonijiet tal-UE jew għal miżuri ta’ Stati Membri, b’deroga tar-regoli dwar il-moviment liberu. Il-każijiet kollha kienu dawk fejn fil-fatt ma kien hemm l-ebda ċertezza xjentifika fir-rigward tal-eżistenza jew tal-importanza ta’ riskju għas-saħħa ta’ persuni. Normalment tressqu kawżi fil-qasam tal-vitamini jew ikel b’valur nutrizzjonali miżjud mod ieħor ( 52 ), ikel ġdid ( 53 ), ħtiġijiet tal-ittikkettar applikabbli għall-ikel jew għall-ingredjenti tal-ikel li jikkonsistu fi, jew huma dderivati minn OMĠ ( 54 ) u, għal darba oħra, BSE ( 55 ).

60.

Kien hemm okkażjonijiet fejn Avukat Ġenerali rrefera għall-prinċipju ta’ prekawzjoni, iżda mhux il-Qorti tal-Ġustizzja.

61.

Pereżempju, l-Avukat Ġenerali Tizzano f’kawża dwar l-għalf kompost, ippropona lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u speċifika li d-direttiva tal-UE inkwistjoni ma kinitx “miżura provviżorja speċifika ta’ ġestjoni tar-riskju li tipprojbixxi prodotti jew prattiki speċifiċi li n-natura ta’ ħsara tagħhom hija suġġetta għal inċertezza xjentifika. Pjuttost, id-Direttiva 2002/2/KE ( 56 ) hija miżura leġiżlattiva li hija ġenerali fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u, bl-għan li ttejjeb il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika (ara r-raba’ u l-ħames premessi fil-preambolu), tarmonizza r-rekwiżiti dwar l-ittikkettar tal-għalf b’mod iktar restrittiv minn dak preċedenti” ( 57 ). Mingħajr ma lanqas semmiet il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet ir-raġunament tal-Avukat Ġenerali u ddeċidiet li d-direttiva inkwistjoni ma kinitx sproporzjonata ( 58 ).

– Estensjoni għall-ispiżeriji

62.

Fl-2009, il-materji ħadu ċerta direzzjoni ġdida fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din bdiet tirreferi għal “inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-importanza ta’ riskji għas-saħħa ta’ persuni” f’kuntesti differenti minn dawk deskritti iktar ’il fuq.

63.

Il‑Kummissjoni vs L‑Italja kkonċernat leġiżlazzjoni li tirriżerva d-dritt ta’ ġestjoni ta’ spiżerija tal-bejgħ bl-imnut privata lil dawk il-persuni fiżiċi biss li huma llawrejati fil-farmaċija u lill-kumpanniji ta’ ġestjoni komposti esklużivament minn soċji li huma spiżjara, u dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jistabbilixxu l-impossibbiltà, għall-impriżi ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi (“impriżi ta’ distribuzzjoni”), li jakkwistaw ishma f’kumpanniji li joperaw spiżeriji muniċipali ( 59 ). Il-kawża Apothekerkammer des Saarlandes et kienet dwar regoli nazzjonali li jillimitaw id-dritt ta’ proprjetà ta’ spiżeriji biss għall-ispiżjara ( 60 ).

64.

F’dawn iż-żewġ kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, użat l-imsemmija formula. Madankollu ma reġgħetx semmiet dak il-prinċipju bħala tali.

65.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet klassifikazzjoni importanti billi żiedet dan li ġej: (1) Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jnaqqsu, kemm huwa possibbli, ir-riskju għas-saħħa pubblika, inkluż, b’mod iktar preċiż, ir-riskju li ma jkunx hemm affidabbiltà u kwalità tal-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku ( 61 ); (2) għandha tiġi enfasizzata n-natura kemxejn partikolari tal-prodotti mediċinali, peress li l-effetti terapewtiċi tagħhom jiddistingwuhom sostanzjalment minn prodotti oħra ( 62 ); (3) dawn l-effetti terapewtiċi għandhom il-konsegwenza li, jekk il-prodotti mediċinali jittieħdu mingħajr bżonn jew b’mod mhux korrett, huma jistgħu jkunu ta’ periklu kbir għas-saħħa, mingħajr ma l-pazjent ikun konxju minn dan meta jikkunsmahom ( 63 ); (4) konsum żejjed jew użu mhux korrett tal-prodotti mediċinali jinvolvi, barra minn hekk, ħela tar-riżorsi finanzjarji li huwa iktar dannuż fid-dawl tal-fatt li s-settur farmaċewtiku jsostni spejjeż kunsiderevoli u għandu jlaħħaq mal-bżonnijiet li dejjem qed jiżdiedu, filwaqt li r-riżorsi finanzjarji li jistgħu jintużaw għall-kura tas-saħħa ma humiex, irrispettivament mill-metodu ta’ ffinanzjament użat, illimitati ( 64 ).

66.

F’dawk il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li, bħala riżultat, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw il-persuni inkarigati mid-distribuzzjoni tal-prodotti mediċinali bl-imnut għal rekwiżiti stretti, fir-rigward b’mod partikolari tal-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom u tal-finalità tal-qligħ tagħhom ( 65 ).

67.

Fil-kawża Blanco Pérez u Chao Gómez, il-Qorti tal-Ġustizzja saħansitra waqqgħet il-klassifikazzjoni msemmija fil-punt ta’ qabel dak preċedenti. Meta ġiet mistoqsija sa fejn Stat Membru jista’ jirregola sabiex tiġi evitata konċentrazzjoni ta’ spiżeriji f’ċerti żoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet l-istess formula ( 66 ) qabel ma ddikjarat li Stat Membru jista’, fid-dawl ta’ riskju ta’ nuqqas ta’ spiżeriji f’ċerti partijiet tat-territorju tiegħu, jadotta leġiżlazzjoni li tipprevedi li tista’ tinfetaħ biss spiżerija waħda għal ċertu numru ta’ residenti ( 67 ).

68.

L-istess dikjarazzjoni ġiet irrepetuta fil-kawża Venturini ( 68 ).

– F’dan il-każ: l-ebda inċertezza fir-rigward tal-eżistenza jew tal-importanza ta’ riskji għas-saħħa ta’ persuni

69.

L-estensjoni tal-imsemmija formula għall-ispiżeriji mill-2009 ma hijiex adattata peress li din ċċajpar l-oriġini tal-imsemmija formula u x’jinvolvi eżatt il-prinċipju ta’ prekawzjoni: ġestjoni tar-riskju fil-kuntest ta’ inċertezza xjentifika. Dan japplika kemm meta l-importanza ta’ riskju tkun inċerta kif ukoll meta jkun hemm dubju dwar l-eżistenza reali tiegħu. Madankollu, dan ma japplikax f’sitwazzjoni ta’ inċertezza dwar l-effettività ta’ possibbiltà ta’ politika mmirata lejn l-indirizzar ta’ periklu identifikat preċedentement ( 69 ). Il-prekawzjoni ma għandhiex titħallat mal-prevenzjoni. Fil-kunċett tal-aħħar, ma hemm l-ebda element ta’ inċertezza fir-rigward tal-eżistenza jew tal-importanza ta’ riskju. Fil-prevenzjoni, il-periklu huwa identifikat ( 70 ).

70.

Madankollu, il-kawżi mill-2009 dwar l-ispiżeriji, u msemmija iktar ‘il fuq, ma jinvolvu l-ebda inċertezza xjentifika dwar ir-riskju għas-saħħa ta’ użu mhux korrett jew konsum żejjed ta’ prodotti mediċinali. Barra minn hekk, tali prodotti diġà huma legalment fis-suq wara proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni strett. L-inċertezza hija ristretta għall-vijabbiltà jew l-effettività tal-miżura prevista.

71.

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni, għaldaqstant, ma għandux rwol fid-deċiżjoni tal-kawża inkwistjoni. Konsegwentement, jien inqis utli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tuża, bħala appoġġ għall-argument, il-formula ta’ “inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-importanza ta’ riskji għas-saħħa ta’ persuni”.

iv) Oneru tal-prova

72.

Kif intqal diġà, l-oneru tal-prova ta’ għaliex miżura fuq il-bażi tal-Artikolu 36 TFUE hija ġġustifikata, jaqa’ fuq l-Istat Membru. Dan jikkostitwixxi ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 71 ). Bħalma tinsab b’mod deskrittiv f’kitba awtoritarja legali dwar il-kwistjoni, “[b]’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma żammitx lura milli tapplika din ir-regola f’kawżi fejn il-ħajja tal-bniedem kienet f’periklu” [traduzzjoni libera] ( 72 ). Huwa sinjifikattiv li din hija applikata kemm fil-kuntest ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari kif ukoll ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Mas-snin, il-Qorti tal-Ġustizzja rfinat dan il-prinċipju għal wieħed li jimponi obbligi speċifiċi fuq l-Istati Membri. Din iddeċidiet li riskju “jrid jitkejjel, mhux skont il-limiti ta’ evalwazzjoni ġenerali, iżda fuq il-bażi ta’ riċerka xjentifika rilevanti” ( 73 ).

73.

Din issa tuża regolarment il-formula li ġejja: “[i]r-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom għaldaqstant jinkludu analiżi ta’ kemm il-miżura adottata minn dan l-Istat hija adattata u proporzjonali, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li tissostanzja l-argumenti tagħha” ( 74 ).

74.

Tali prova ma ġietx issostanzjata.

75.

Id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi għaldaqstant ma humiex adegwati għall-ilħuq tal-objettiv tas-saħħa pubblika.

b) Il-Ħtieġa

76.

Minħabba li jien wasalt għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet Ġermaniżi ma humiex adegwati għall-ilħuq tal-għanijiet imfittxa, f’dan l-istadju nista’ nkompli iktar fil-qosor.

77.

Bħalma tosserva DPV, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, il-Gvern Ġermaniż għal ċertu żmien kien ippromwova sistema li tipprevedi prezzijiet massimi minflok fissi. Mill-perspettiva ta’ spiżeriji tal-bejgħ bil-korrispondenza u l-moviment liberu ta’ prodotti mediċinali madwar l-Unjoni, din hija miżura inqas restrittiva, peress li tippermetti li l-ispiżeriji tal-bejgħ bil-korrispondenza jikkompetu fuq il-prezz.

78.

Ovvjament il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinterferixxi fi proċessi politiċi u demokratiċi nazzjonali u tippreġudika ċerti għażliet politiċi. Ikun biżżejjed li jiġi ddikjarat, madankollu, li, bħalma għadna kemm rajna, hemm miżuri li jistgħu jiġu previsti u li jistgħu jittieħdu minflok l-iffissar tal-prezzijiet.

c) Kunsiderazzjonijiet ulterjuri dwar il-proporzjonalità

79.

Fl-aħħar nett dwar il-proporzjonalità, jien nixtieq inqiegħed ir-raġunament tiegħi ta’ hawn fuq fil-kuntest ta’ silta mill-ewwel sentenza DocMorris. Bħalma huwa magħruf sew, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 119 ta’ din is-sentenza ddeċidiet li “[l]-ħtieġa li tkun tista’ tiġi vverifikata b’mod iktar effikaċi u responsabbli l-awtentiċità tar-riċetti [tal-preskrizzjonijiet] tat-tobba u biex jiġi żgurat li l-prodott mediċinali jingħata jew lill-klijent personalment, jew lil persuna li ġiet fdata mill-klijent biex tiġbru, tista’ tiġġustifika projbizzjoni ta’ bejgħ bil-korrispondenza” ( 75 ). Fuq il-bażi ta’ din is-silta, wieħed jista’ jistaqsi: jista’ wieħed jippermetti tali projbizzjoni filwaqt li fl-istess ħin jappoġġa l-inadegwatezza ta’ miżura li hija l-għażla l-inqas dannuża mill-perspettiva tas-suq intern?

80.

It-tweġiba hija: “iva, dan huwa possibbli”.

81.

Ladarba Stat Membru, minn jeddu, ikun iddeċieda li jippermetti l-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib, dik il-miżura għandha tiġi analizzata dwar il-merti tagħha għall-adegwatezza, il-koerenza u l-konsistenza. Jekk dan ma jkunx il-każ, Stat Membru, sempliċiment għax ikun ippermetta tali bejgħ, ikollu carte blanche, mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ skrutinju ġudizzjarju, u operaturi ekonomiċi barranin ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet suġġettivi tagħhom imnaqqxa fil-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari bħal f’dan il-każ mill-Artikolu 34 TFUE.

IV – Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula lilha mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri, Düsseldorf) kif ġej:

L-Artikoli 34 u 36 TFUE jipprekludu l-iffissar tal-prezzijiet imposti għall-prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib, stipulat mid-dritt nazzjonali, bħal dak li jinsab fil-paragrafu 78 tal-AMG Ġermaniża, flimkien mal-Arzneimittelpreisverordnung Ġermaniż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Li qabel kienu l-Artikolu 30 KE (Amsterdam) u Artikolu 36 KEE (Ruma).

( 3 ) L-ewwel sentenza dwar l-Artikolu 36 TFUE (dak iż-żmien KEE), Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (7/61, EU:C:1961:31), ingħatat fid-19 ta’ Diċembru 1961, filwaqt li s-sentenza fil-kawża van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1) hija ddatata l-5 ta’ Frar 1963 u dik fil-kawża Costa (6/64, EU:C:1964:66) il-15 ta’ Lulju 1964.

( 4 ) Din l-Awla Konġunta, li hija prevista fl-Artikolu 95(3) tal-Liġi Bażika Ġermaniża (Kostituzzjoni) u li, skont dik id-dispożizzjoni timmira “li tippreserva l-uniformità tad-deċiżjonijiet” tal-qrati superjuri Ġermaniżi, hija korp ad hoc li jissejjaħ biss fl-okkażjoni straordinarja fejn il-qrati superjuri Ġermaniżi jkollhom differenzi fil-ġurisprudenza tagħhom. Din tieħu deċiżjoni vinkolanti dwar il-kawża. Il-kompiti u l-kompożizzjoni preċiżi tagħha huma mnaqqxa f’liġi ddedikata, il-“Gesetz zur Wahrung der Einheitlichkeit der Rechtsprechung der obersten Gerichtshöfe des Bundes” tad-19 ta’ Ġunju 1968, BGBl. I, p. 661-664.

( 5 ) Ara GmS-OGB, Digriet tat-22 ta’ Awwissu 2012, disponibbli fuq: https://openjur.de/u/617231.html. Fil-fatt, din id-deċiżjoni, li hija l-aħħar waħda li ngħatat minn dak il-korp, tikkostitwixxi sempliċiment l-14‑il deċiżjoni mill-ħolqien tal-Awla Konġunta fl‑1968, ara https://openjur.de/gericht_e-235-0-ed-desc.html.

( 6 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003 fil-kawża Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664).

( 7 ) Sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316).

( 8 ) Artikoli 49 u 54 TFUE.

( 9 ) Ara l-Artikolu 1(62) taz-Zweites Gesetz zur Änderung arzneimittelrechtlicher und anderer Vorschriften, tad-19 ta’ Ottubru 2012, BGBl. I, p. 2192‑2227, f’p. 2212.

( 10 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974 fil-kawża Dassonville (8/74, EU:C:1974:82, paragrafu 5).

( 11 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003 fil-kawża Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, paragrafu 66) u tal-15 ta’ Novembru 2007 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑319/05, EU:C:2007:678, paragrafu 80).

( 12 ) Ara pereżempju s-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2014 fil-kawża Juvelta (C‑481/12, EU:C:2014:11, paragrafu 16), tal-10 ta’ Frar 2009 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, paragrafu 33) u tat-30 ta’ April 2009 fil-kawża Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft (C‑531/07, EU:C:2009:276, paragrafu 16).

( 13 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003 fil-kawża Schmidberger (C‑112/00, EU:C:2003:333, punt 56).

( 14 ) Ara, fost numru ta’ eżempji, Mattera, A., “De l’arrêt “Dassonville” à l’arrêt “Keck”: l’obscure clarté d’une jurisprudence riche en principes novateurs et en contradictions”, Revue du marché unique européen, 1994, Nru 1, p. 117 sa 160 ; Gormley, L., “Reasoning Renounced ? The Remarkable Judgment in Keck & Mithouard”, European Business Law Review, 1994, p. 63 sa 67 ; Steindorff, E., “Unvollkommener Binnenmarkt”, Zeitschrift für das gesamte Handelsrecht und Wirtschaftsrecht, 1994, p. 149 sa 169 ; Lenz, C. O., “Ein undeutlicher Ton”, Neue juristische Wochenschrift, 1994, p. 1633 sa 1634. Insostenn tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Keck, ara Joliet, R. [wieħed mill-imħallfin f’din il-kawża], “Der freie Warenverkehr : Das Urteil Keck und Mithouard und die Neuorientierung der Rechtsprechung”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, internationaler Teil, 1994, p. 979 sa 987.

( 15 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993 fil-kawża Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 16).

( 16 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993 fil-kawża Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 17).

( 17 ) L-Avukat Ġenerali qabad b’mod tajjeb is-sentiment immedjat ta’ qabel Keck, meta ddikjara, ġustament u retorikament, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Hünermund et (C‑292/92, EU:C:1993:863, punt 1): “[L-Artikolu 34 TFUE] huwa dispożizzjoni intiża għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ intra-Komunitarju jew huwa intiż b’mod iktar ġenerali biex iħeġġeġ is-segwitu bla xkiel ta’ kummerċ fi Stati Membri individwali?”

( 18 ) Ara wkoll Weiler, J.H.H., ‘The constitution of the common market place’, in P. Craig, G. de Búrca, The evolution of EU law, Oxford University Press, 1999, p. 349 sa p. 376, p. 370.

( 19 ) Ara, fost ħafna, Kellerhals, A., “Das Binnenmarktrecht der Warenverkehrsfreiheit”, f’Müller-Graff, P.-Chr. (ed.), Europäisches Wirtschaftsordnungsrecht (Enzyklopädie Europarecht, Band 4), Nomos, Baden-Baden, 2015, pp. 357-396, f’p. 376.

( 20 ) Madankollu, il-formulazzjoni fis-sentenza Keck ma għandhiex tiġi applikata mekkanikament. L-għan tal-identifikazzjoni tal-modalitajiet ta’ bejgħ huwa li ma jiġux esklużi kompletament mill-portata tal-Artikolu 34 TFUE, iżda pjuttost li tiddaħħal preżunzjoni li tali regoli ma jirrestrinġux il-kummerċ bejn l-Istati Membri f’konformità mas-sentenza Dassonville. Ara Szpunar, M., Promocja towarów w prawie wspólnotowym, Kraków, 2002, p. 185.

( 21 ) It-terminoloġija użata fis-sentenza Keck stess, ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993 fil-kawża Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 15).

( 22 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2009 fil-kawża Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft (C‑531/07, EU:C:2009:276, punt 20).

( 23 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2009 fil-kawża Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft (C‑531/07, EU:C:2009:276, paragrafu 22).

( 24 ) GmS-OGB, Digriet tat-22 ta’ Awwissu 2012, punt 47, disponibbli fuq: https://openjur.de/u/617231.html.

( 25 ) B’kuntrast ma’ kumpannija tal-kapital li topera spiżerija legalment fi Stat Membru ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“Fremdbesitzverbot” huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 61).

( 26 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003 fil-kawża Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 74). Enfasi miżjuda minni.

( 27 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003 fil-kawża Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, paragrafu 74). Sar argument komparattiv f’kitba legali fejn ġie ddikjarat li prezz tal-bejgħ bl-imnut fiss jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq l-importazzjonijiet, li jirriżultaw minn restrizzjoni fuq il-vantaġġ kompetittiv ta’ importatur, ara Müller-Graff, P.-Chr., f’von der Groeben, H., Schwarze, J., Hatje, A. (ed), Europäisches Unionsrecht (Kommentar), is-7 ed., Nomos, Baden-Baden, Artikel 34 AEUV, punt 143. Ara wkoll Becker, U., f’Schwarze (ed.), EU-Kommentar, it-3 ed., Nomos, Baden-Baden, Artikel 34 AEUV, punt 69.

( 28 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010 fil-kawża Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725, punt 54). F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni ta’ aċċess għas-suq u diskriminazzjoni flimkien, kif jidher li qiegħda tagħmel ta’ spiss.

( 29 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993 fil-kawża Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).

( 30 ) Ara s-sentenzi B & Q (C‑145/88, EU:C:1989:593), tas-16 ta’ Diċembru 1992, B & Q (C‑169/91, EU:C:1992:519) (it-tnejn diġà qabel Keck) u tat-2 ta’ Ġunju 1994 fil-kawża Punto Casa u PPV (C‑69/93 u C‑258/93, EU:C:1994:226) (wara Keck).

( 31 ) Ara s–sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1993 fis-sentenza Hünermund et al. (C‑292/92, EU:C:1993:932, paragrafu 21), u tad-9 ta’ Frar 1995 fis-sentenza Leclerc-Siplec (C‑412/93, EU:C:1995:26, paragrafu 21). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li xi restrizzjonijiet fuqir-reklamar jikkostitwixxu miżura li għandha effett ekwivalenti, partikolarment, meta jipprekludu access għas-suq, ara pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001 fis-sentenza Gourmet International Products (C‑405/98, EU:C:2001:135, paragrafu 21).

( 32 ) Peress li ġie stabbilit li l-miżura hija indirettament diskriminatorja, il-Ġermanja tista’ tistrieħ fuq il-bażijiet ta’ ġustifikazzjoni bil-miktub biss elenkati fl-Artikolu 36 TFUE u l-ebda rekwiżit obbligatorju, żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi tal-ġurisprudenza Rewe-Zentral “Cassis de Dijon” (sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, 120/78, EU:C:1979:42).

( 33 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 1976 fil-kawża de Peijper (104/75, EU:C:1976:67, punt 15). Ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1989 fil-kawża Schumacher (215/87, EU:C:1989:111, punt 17); tas-16 ta’ April 1991 fil-kawża Eurim-Pharm (C‑347/89, EU:C:1991:148, punt 26); tal-10 ta’ Novembru 1994 fil-kawża Ortscheit (C‑320/93, EU:C:1994:379, punt 16); u tal‑11 ta’ Diċembru 2003 fil-kawża Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 103).

( 34 ) Ara qabelxejn l-ewwel kawża assoluta dwar l-Artikolu 36 TFUE (dak iż-żmien, KEE): sentenza tad-19 ta’ Diċembru 1961 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (7/61, EU:C:1961:31, p. 329).

( 35 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ April 1998 fil-kawża Decker (C‑120/95, EU:C:1998:167, punti 39 u 40).

( 36 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ April 1998 fil-kawża Decker (C‑120/95, EU:C:1998:167, punt 39). Il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-istess approċċ b’rabta mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ara s-sentenza tat-28 ta’ April 1998 fil-kawża Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 41).

( 37 ) Strettament u f’konformità mal-ġurisprudenza Cassis de Dijon tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ġġustifikata bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (jew fil-ġurisprudenza l-qadima: rekwiżit obbligatorju), il-miżura inkwistjoni trid tkun indistintament applikabbli għal prodotti domestiċi u barranin li, kif rajna iktar ’il fuq ma huwiex il-każ hawnhekk. Madankollu, ma iniex ċert jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għadhiex iżżomm tali pożizzjoni stretta, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri li huma diskriminatorji fil-fatt, iżda mhux fid-dritt. Ara pereżempju s-sentenza tat-30 ta’ April 2009 fil-kawża Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft (C‑531/07, EU:C:2009:276, punti 22 u 34), anki jekk in casu (punti 35 u 36) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni hija sproporzjonata fir-rigward tal-ħtieġa imperettiva tal-“protezzjoni tal-ktieb bħala beni kulturali”.

( 38 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003 fil-kawża Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 106) u tal-11 ta’ Settembru 2008Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑141/07, EU:C:2008:492, punt 47) fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija. Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement estendiet dan ir-raġunament għal-libertà ta’ stabbiliment, ara, pereżempju s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 28); tal-1 ta’ Ġunju 2010 fil-kawża Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 64); tal-5 ta’ Diċembru 2013 fil-kawża Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 42); u tat-13 ta’ Frar 2014 fil-kawża Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 25).

( 39 ) Ara, b’kuntrast, is-sottomissjoni tal-Ġermanja dwar il-projbizzjoni fuq il-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali, fil-kawża Deutscher Apothekerverband (C‑ 322/01, EU:C:2003:664, punt 80).

( 40 ) Minbarra kompetizzjoni feroċi fil-prezzijiet, ara eżatt hawn taħt.

( 41 ) Li, fil-fehma tiegħi, kien ikun diffiċli ħafna li wieħed janalizzaha fi kwalunkwe każ fi żmien fejn hemm rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali, b’mod partikolari dawk tat-tobba u l-ispiżjara, permezz tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005 L 255, p. 22).

( 42 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-Kawżi Magħquda Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2009:587, punt 26): “ma jidher li hemm l-ebda bażi fl-atti tal-kawża biex wieħed jgħid li żieda fil-kompetizzjoni twassal lill-ispiżjara biex joffru servizzi ta’ kwalità inqas tajba. F’dan ir-rigward, ma nistax ma ninnutax, li hemm element ta’ inkonsistenza fir-raġunamenti li jsostnu partijiet kbar mill-motivi ta’ xi wħud mill-partijiet u tal-Istati Membri. Xi drabi, l-ispiżjara huma mpinġija bħala nies li huma essenzjalment immotivati mill-qligħ tal-flus sal-punt li kollha jagħżlu li jmorru jaħdmu biss f’żoni fejn hemm popolazzjoni kbira, u li jekk ikunu suġġetti għall-kompetizzjoni, huma lesti li jħallu l-profitt jiġi qabel l-obbligi professjonali tagħhom. Drabi oħra, fil-każijiet fejn l-ispiżjara għandhom pożizzjoni ta’ ‘monopolju’ f’żona li għandha popolazzjoni kbira, hu preżunt li l-ispiżjara joperaw l-impriżi tagħhom b’mod li jqisu l-obbligi professjonali tagħhom l-ewwel u qabel kollox, u li l-ewwel u qabel kollox l-ispiżjara huma ddedikati biex jipprovdu servizzi farmaċewtiċi ta’ kwalità. Fl-argumenti ta’ ħafna mill-partijiet, il-kompetizzjoni tidher li tbiddel il-qaddisin f’midinbin.”

( 43 ) Fil-fehma tiegħi, it-terminoloġija Ingliża f’dan ir-rigward tintuża b’mod skambjabbli. Il-preferenza personali tiegħi tmur għat-terminu “adegwat”, li, barra minn hekk, huwa t-terminu użat mil-leġiżlatur tal-UE fid-“Direttiva dwar is-Servizzi”, ara l-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006 L 376, p. 36). Ara wkoll Barnard, C., The substantive law of the EU. The four freedoms, Oxford University Press, ir-4 ed., 2013, p. 177, li tuża t-tliet termini fil-kuntest tal-Artikolu 36 TFEU.

( 44 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑28/09, EU:C:2011:854, punt 126) u tat-3 ta’ Marzu 2011 fil-kawża Kakavetsos-Fragkopoulos (C‑161/09, EU:C:2011:110, punt 42) fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija. Ara wkoll is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 42) u tat-13 ta’ Frar 2014 fil-kawża Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 39) fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, u tas‑16 ta’ Diċembru 2010 fil-kawża Josemans (C‑137/09, EU:C:2010:774, punt 70) fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

( 45 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994 fil-kawża Houtwipper (C‑293/93, EU:C:1994:330, punt 22).

( 46 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994 fil-kawża Houtwipper (C‑293/93, EU:C:1994:330, punt 22).

( 47 ) Ara GmS-OGB, Digriet tat-22 ta’ Awwissu 2012, punt 50, disponibbli fuq: https://openjur.de/u/617231.html.

( 48 ) Ara Gesetz zur Förderung der Sicherstellung des Notdienstes von Apotheken (Apothekennotdienstsicherstellungsgesetz – ANSG) tal-15 ta’ Lulju 2013, BGBl. I, p. 2420, disponibbli fuq: http://www.bgbl.de/xaver/bgbl/start.xav?startbk=Bundesanzeiger_BGBl&jumpTo=bgbl113s2420.pdf.

( 49 ) Ara punt 5.8 tar-Regoli tal-Proċedura tal-imsmemi fond, li huma disponibbli: http://www.dav-notdienstfonds.de/wp-content/uploads/2016/02/VERFAHRENSORDNUNG-V-2-0-16_02_03.pdf.

( 50 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 fil-kawża Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 57).

( 51 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998 fil-kawża National Farmers’ Union et (C‑157/96, EU:C:1998:191, punt 63) u tal-5 ta’ Mejju 1998 fil-kawża Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni (C‑180/96, EU:C:1998:192, punt 99): “Meta jkun hemm inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-importanza ta’ riskji għas-saħħa ta’ persuni, l-istituzzjonijiet jistgħu jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew sa meta r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji tkun evidenti għalkollox”. Enfasi miżjuda minni.

( 52 ) Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑192/01, EU:C:2003:492, punt 49). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑192/01, EU:C:2002:760, punt 102): “Għaldaqstant jidhirli li riskju għas-saħħa pubblika plawżibbli jkun biżżejjed, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, sabiex ikun permess għall-Istat Membru biex jadotta miżuri fuq il-bażi tal-[Artikolu 36 TFUE]. Barra minn hekk, iktar ma tkun kbira l-inċertezza xjentifika, iktar tkun wiesgħa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri, li huma responsabbli għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika”.

( 53 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003 fil-kawża Monsanto Agricoltura Italia et (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 111).

( 54 ) Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005 fil-kawża Codacons u Federconsumatori (C‑132/03, EU:C:2005:310, punt 61).

( 55 ) Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006 fil-kawża Agrarproduktion Staebelow (C‑504/04, EU:C:2006:30, punt 39).

( 56 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-għalf komposti u li tħassar d-Direttiva tal-Kummissjoni 91/357/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 245).

( 57 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża ABNA et (C‑453/03, EU:C:2005:202, punt 129).

( 58 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005 fil-kawża ABNA et (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punti 57 et seq)

( 59 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑531/06, EU:C:2009:315).

( 60 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316).

( 61 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑531/06, EU:C:2009:315, punt 54) u tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 30).

( 62 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑531/06, EU:C:2009:315, punt 55) u tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 31).

( 63 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑531/06, EU:C:2009:315, punt 56) u tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 32).

( 64 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑531/06, EU:C:2009:315, punt 57) u tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 33).

( 65 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑531/06, EU:C:2009:315, punt 58) u tad-19 ta’ Mejju 2009 fil-kawża Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 34).

( 66 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010 fil-kawża Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 74).

( 67 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010 fil-kawża Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punti 75 u 76). B’kuntrast, tali dikjarazzjonijiet ma jidhrux fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro dwar dawk il-kawżi magħquda (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2009:587).

( 68 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 fil-kawża Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 60).

( 69 ) Ara Alemanno, A., The Precautionary principle, in Baudenbacher, C. (ed.), The Handbook of EEA Law, Springer, 2016, p. 839‑851, f’p. 848.

( 70 ) Ara Alemanno, A., Le principe de précaution en droit communautaire: stratégie de gestion des risques ou risqué d’atteinte au Marché intérieur?, f’Revue du droit de l’Union européenne, 2001, pp. 917-953, f’p. 929.

( 71 ) Ara s-sentenza fil-kawża Denkavit Futtermittel (251/78, EU:C:1979:252, punt 24). Ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015 fil-kawża Scotch Whisky Association et (C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 53).

( 72 ) Ara Enchelmaier, S., f’Oliver, P. (ed.), “Oliver on free movement of goods in the European Union”, il-5 ed., Hart Publishing, Oxford, 2010, punt 8.13.

( 73 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994 fil-kawża van der Veldt (C‑17/93, EU:C:1994:299, punt 17).

( 74 ) Ara, pereżempju, fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa fil-kuntest tal-Artikolu 36 TFUE: sentenzi tas-26 ta’ April 2012 fil-kawża ANETT (C‑456/10, EU:C:2012:241, punt 50) u tas‑7 ta’ Ġunju 2007 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑254/05, EU:C:2007:319, punt 36). Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑319/05, EU:C:2007:678, punt 88).

( 75 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003 fil-kawża Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 119).