KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-7 ta’ April 2016 ( 1 )

Kawża C‑70/15

Emmanuel Lebek

vs

Janusz Domino

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 34(2) — Kunċett tal-possibbiltà li titressaq kawża kontra sentenza — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikolu 19 — Eżenzjoni mid-dekadenza”

I – Introduzzjoni

1.

Għat-tieni darba diġà din is-sena, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tingħata l-opportunità li teżamina, skont ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ), l-oġġezzjonijiet li jista’ jqajjem il-konvenut għal talba għal dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Filwaqt li l-oġġezzjoni b’rabta mal-ordni pubbliku previst fl-Artikolu 34(1) tal-imsemmi regolament tinsab fiċ-ċentru tal-kawża Meroni ( 3 ), fil-kawża preżenti huwa kkonċernat l-Artikolu 34(2) li huwa saħansitra iktar sinjifikattiv għall-prassi legali. Din id-dispożizzjoni tiddetermina taħt liema kundizzjonijiet in-nuqqasijiet fir-rigward tan-notifika tal-att promotur jistgħu jopponu r-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva sussegwenti ta’ sentenza fi Stat Membru ieħor.

2.

Il-kunċett bażiku tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 joriġina mill-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) ( 4 ), iżda l-kontenut tad-dispożizzjoni nbidel kunsiderevolment mill-Konvenzjoni ta’ Brussell ’il hawn. Skont il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-irregolaritajiet fin-notifika tal-att promotur b’mod partikolari jopponu b’mod sistematiku r-rikonoxximent tad-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija sussegwentement. B’kuntrast ma’ din, ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 huwa manifestament iktar favur ir-rikorrent. Dan peress li anki meta għall-konvenut pereżempju ma kinitx possibbli difiża effettiva fl-Istat ta’ oriġini qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni fin-nuqqas, pereżempju, ta’ konvokazzjoni fil-ħin, huwa jippermetti li r-raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent taqa’ meta l-konvenut ikun seta’ jressaq kawża kontra d-deċiżjoni inkwistjoni fl-Istat ta’ oriġini wara l-adozzjoni tagħha, iżda ma jkunx għamel dan.

3.

Il-kawża preżenti żżid aspett ieħor mal-ġurisprudenza dwar ir-rikonoxximent fil-każ ta’ sentenzi mogħtija f’kontumaċja, sa fejn fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa hawnhekk, diġà ma għadux possibbli li titressaq kawża fl-Istat ta’ oriġini minħabba l-iskadenza tat-terminu, iżda kellha tittieħed inkunsiderazzjoni proċedura għall-eżenzjoni mid-dekadenza.

4.

Il-kwistjonijiet ċentrali ta’ din il-kawża huma jekk l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jeżiġix li l-konvenut ikollu jikseb ir-rimedju nazzjonali fl-Istat ta’ oriġini biss permezz ta’ proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza, sabiex jevita dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva sussegwenti, u liema termini possibbilment japplikaw għal dan.

II – Il-kuntest ġuridiku

5.

Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni f’din il-kawża huwa ddeterminat mir-Regolament Nru 44/2001 u mir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 ( 5 ).

A – Ir-Regolament Nru 44/2001

6.

Skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, sentenza ma għandhiex tiġi rikonoxxuta meta “il-konvenut ma kienx ġie servut [innotifikat] bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti [att promotur] jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk”.

7.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001, “il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 […] għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35”.

B – Ir-Regolament Nru 1393/2007

8.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1393/2007 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar in-notifika”) jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz [notifika] hemmhekk. […].

(2)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika meta l-indirizz tal-persuna li lilha jrid ikun innotifikat jew ikkomunikat l-att ma jkunx magħruf.

[…]”

9.

L-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar in-notifika jistabbilixxi:

“Meta ċitazzjoni [att promotur] jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ notifika skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u sentenza tkun inqatgħet kontra konvenut li ma jkunx deher għall-proċedimenti, l-imħallef għandu jkollu s-setgħa li jeħles lill-konvenut mill-effetti ta’ l-għeluq taż-żmien [eżenzjoni mid-dekadenza] għall-appell mis-sentenza jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

a)

il-konvenut, mingħajr ma jkollu ħtija, ma jkunx jaf bid-dokument fi żmien biżżejjed biex jiddefendi ruħu, jew ma jkunx jaf bis-sentenza fi żmien biżżejjed biex jappella, u;

b)

il-konvenut juri li għandu eċċezzjonijiet prima facie xi jressaq kontra l-meritu ta’ l-azzjoni.

It-talba għall-ħelsien mill-effetti ta’ l-għeluq taż-żmien għall-appell tista’ titressaq fi żmien raġonevoli wara li l-konvenut ikun sar jaf bis-sentenza.

Kull Stat Membru jista’ jikkomunika [permezz tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament tan-notifika”] li din it-talba ma tistax tkun ikkunsidrata jekk titressaq wara li jagħlaq żmien li għandu jiġi stipulat minnu f’dik il-komunikazzjoni, imma li fl-ebda każ m’għandu jkun anqas minn sena wara d-data tas-sentenza.”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.

Fit-8 ta’ April 2010, it-Tribunal de Grande Instance de Paris (qorti reġjonali ta’ Pariġi, Franza) ikkundanna lil D., li kien ilu residenti fir-Repubblika tal-Polonja mill-1996, għal ħlasijiet ta’ manteniment ta’ kull xahar lir-rikorrent L.. Il-konvenut D., ma deherx fil-proċedura quddiem il-Qorti Franċiża. Huwa ma rċeviex l-att promotur minħabba li r-rikorrent kien ta indirizz inkorrett f’Pariġi bħala indirizz tan-notifika tal-konvenut, fejn D. ma seta’ jirċievi ebda notifika.

11.

Kien biss f’Lulju tal-2011 li D. sar jaf bl-eżistenza tas-sentenza, hekk kif saret id-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva tagħha fir-Repubblika tal-Polonja u s-Sąd Okręgowy w Jeleniej Górze (qorti provinċjali ta’ Jelenia Góra, il-Polonja) bagħtitlu kopja tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva flimkien ma’ kopja mehmuża tas-sentenza. Iżda peress li skont il-konstatazzjonijiet ġudizzjarji magħmula l-Polonja ( 6 ), it-terminu nazzjonali għall-preżentata ta’ appell kontra s-sentenza Franċiża kien diġà għadda, l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva fil-Polonja, anki fuq ilment tal-applikant, baqgħet ma rnexxietx, filwaqt li l-qorti Pollakka kompetenti bbażat iċ-ċaħda tat-talba fuq l-Artikolu 34(2) flimkien mal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001.

12.

F’Mejju 2012, is-sentenza inkwistjoni ġiet innotifikata mill-ġdid lil D. f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tar-Regolament dwar in-notifika, u f’dan ir-rigward ġie indikat li huwa seta’ jressaq talba intiża għall-esklużjoni mid-dekadenza fir-rigward tat-terminu għall-preżentata tal-appell li skada fi żmien xahrejn min-notifika tas-sentenza. Din il-komunikazzjoni tar-rimedji disponibbli dwar l-eżenzjoni mid-dekadenza sostanzjalment tikkonforma mal-Artikolu 540 tal-Code de procédure civile (kodiċi tal-proċedura ċivili) Franċiż. Madankollu, D. la fetaħ proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza fi Franza u lanqas ma ppreżenta appell kontra s-sentenza inkwistjoni.

13.

F’dan il-kuntest, intalbet mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva tas-sentenza fir-Repubblika tal-Polonja. L-applikant, L., f’dan ir-rigward sostna li minħabba n-notifika mill-ġdid flimkien mal-komunikazzjoni dwar id-dritt għall-eżenzjoni mid-dekadenza, il-konvenut ingħata l-possibbiltà li jikkontesta s-sentenza, iżda ma għamel ebda użu minnha. Iżda s-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (qorti tal-appell ta’ Wrocław) ma kinitx f’pożizzjoni li tilqa’ dan l-argument u b’digriet tas-27 ta’ Mejju 2013 reġgħet ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva. Biex tiġġustifika dan, hija ddikjarat li s-sempliċi awtorizzazzjoni li tintalab eżenzjoni mid-dekadenza b’rabta mat-terminu għall-preżentata ta’ appell ma għandhiex titqies bħala ugwali għall-possibbiltà li titressaq kawża kontra s-sentenza fis-sens tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-possibbiltà li tiġi appellata s-sentenza inkwistjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għall-kuntrarju tkun teżisti biss meta konvenut ikun ġie nnotifikat bis-sentenza flimkien mal-ġustifikazzjoni u l-komunikazzjoni tar-rimedji disponibbli fi ħdan it-terminu xieraq għall-preżentata ta’ appell.

14.

L-applikant ikkontesta dan id-digriet permezz ta’ appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tistaqsi b’mod partikolari jekk fil-każ preżenti tistax tiġi preżunta l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mid-dekadenza wara li r-Repubblika Franċiża tkun ħarġet komunikazzjoni skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament dwar in-notifika, li skontha ma hijiex permessa eżenzjoni mid-dekadenza wara li tkun għaddiet sena mill-għoti tas-sentenza – li ngħatat f’April 2010.

15.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1.

L-Artikolu 34(2) tar-Regolament […] Nru 44/2001 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn isemmi l-fatt li għandu jkun hemm il-possibbiltà li titressaq kawża, dan ikopri kemm is-sitwazzjoni li fiha din il-kawża tista’ titressaq fit-terminu previst fid-dritt nazzjonali kif ukoll dik li fiha, għalkemm it-terminu jkun skada, ikun madankollu possibbli li titressaq talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza u sussegwentement – ladarba tintlaqa’ – li titressaq il-kawża xierqa?

2.

L-Artikolu 19(4) tar-Regolament […] Nru 13913/2007 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mid-dekadenza, jew fis-sens li l-konvenut jista’ jagħmel użu jew mit-talba msemmija f’din id-dispożizzjoni jew inkella mill-proċedura xierqa prevista mid-dritt nazzjonali?

IV – Evalwazzjoni tad-domandi preliminari

A – Fuq l-ewwel domanda preliminari

16.

Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva wara li jkun għadda t-terminu nazzjonali għall-preżentata ta’ appell fl-Istat ta’ oriġini tas-sentenza, meta l-konvenut ikun seta’ jingħata mill-ġdid il-possibbiltà li jressaq kawża permezz tal-proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza.

17.

L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Istati Membri li pparteċipaw fil-proċedura preżenti, kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea, huma favur interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn dawn ħadu pożizzjoni dwar l-ewwel domanda preliminari.

18.

Konsegwentement, meta fl-Istat ta’ oriġini ikkonċernat tkun prevedibbli eżenzjoni mid-dekadenza fir-rigward ta’ kawża tardiva, il-konvenut essenzjalment ikollu l-obbligu li b’dan il-mod jikseb is-setgħa li jappella s-sentenza, u mbagħad, wara li tingħata l-eżenzjoni, li jressaq il-kawża fl-Istat ta’ oriġini. Inkella l-konvenut ikollu jħabbat wiċċu mal-fatt li ma jkunx jista’ jinvoka l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 fi proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, anki fil-kummentarji u fil-ġurisprudenza tal-Istati Membri ( 7 ) jidher li jappoġġaw dan l-approċċ wiesa’ u favur ir-rikonoxximent.

19.

Din l-interpretazzjoni madankollu mhux neċessarjament għandha tiġi dedotta mill-kliem tad-dispożizzjoni, li b’mod partikolari hija dwar kawżi biex il-konvenut “jiddisputa s-sentenza”. Tali kawża ma hijiex il-proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza fis-sens strett tal-kelma. Għall-kuntrarju, f’sitwazzjonijiet fejn għandha tittieħed inkunsiderazzjoni proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza, ma jkunx iktar immedjatament possibbli għall-konvenut li jressaq kawża kontra s-sentenza bħala tali.

20.

Anki l-argumenti sistematiċi mhux neċessarjament huma favur il-fatt li l-konvenut, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun obbligat iwettaq proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza jew inkella jiġi pprojbit milli jinvoka r-raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

21.

B’mod partikolari, f’dan ir-rigward ma jistax jiġi invokat l-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar in-notifika, li jirregola l-eżenzjoni mid-dekadenza għall-każ ta’ nuqqas ta’ dehra tal-konvenut meta jsiru notifiki transkonfinali. Minn din id-dispożizzjoni ma jista’ jiġi dedott xejn li huwa validu għar-rilevanza tal-proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza fil-kuntest tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li – b’differenza pereżempju mill-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament – ma jippreżenta ebda konnessjoni sistematika mar-Regolament dwar in-notifika.

22.

Minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar in-notifika u dak tar-Regolament Nru 44/2011 inkwistjoni f’dan il-każ ma humiex identiċi għalkollox, minħabba li l-Artikolu 34 jikkonċerna wkoll raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent fil-każ ta’ sentenzi li fir-rigward tagħhom in-notifiki ma sarux skont ir-Regolament dwar in-notifika. Min-naħa l-oħra, meta jiġi interpretat b’mod prattiku, l-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar in-notifika ma huwiex applikabbli għall-każ preżenti. L-imsemmija dispożizzjoni b’mod partikolari tikkonċerna espressament każijiet fejn “ċitazzjoni [att promotur] [kellha tkun trażmessa] lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ notifika skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u [ ( 8 ) fejn imbagħad] sentenza tkun inqatgħet kontra konvenut”. Dan ma għandux jiġi preżunt fil-każ preżenti, minħabba li l-att promotur kien intbagħat f’indirizz Pariġi u b’hekk ma kienet teżisti ebda raġuni għal notifika transkonfinali fil-bidu tal-proċedura fi Franza. Konsegwentement, hija nieqsa l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li fuqhom hija stabbilita d-dispożizzjoni dwar l-eżenzjoni mid-dekadenza tal-Artikolu 19(4).

23.

Iżda anki li kieku l-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar in-notifika kien applikabbli, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżulta ebda obbligu għat-twettiq ta’ proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza. L-Artikolu 19(4) b’mod partikolari huwa regola favur il-protezzjoni tad-destinatarju tan-notifika u li tħalli f’idejh sabiex ikun jista’ jibda proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza taħt ċerti kundizzjonijiet, madankollu mingħajr ma tobbligah jagħmel dan. Għaldaqstant, din ir-regola tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe interess tad-destinatarju tan-notifika, li jippermetti li l-proċedura ppreġudikata minn nuqqas ta’ notifika tiġi stabbilita mill-ġdid fuq inizjattiva tiegħu stess, u li possibbilment jikseb ċaħda tar-rikors ( 9 ). Iżda, mill-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar in-notifika ma jistax jiġi konkluż b’mod sistematiku li l-konvenut għandu obbligu fil-kuntest tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 li jibda tali proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza jew inkella li jkollu jaċċetta r-riskju ta’ dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva tas-sentenza.

24.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-“possibbiltà li titressaq kawża” fis-sens tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 tinkludix ukoll proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza, minflok għandhom jiġu meqjusa s-sens u l-għan tad-dispożizzjoni msemmija. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 44/2001 għandu l-għan li jippermetti dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva rapida u effiċjenti ta’ sentenzi, għalkemm id-drittijiet ta’ difiża tal-konvenut għandhom jinżammu ( 10 ). Dan tal-aħħar, b’kuntrast mad-dispożizzjoni l-antika tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, prinċipalment għandha titneħħielu l-possibbiltà li fi proċeduri dwar id-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva jinvoka n-nuqqas ta’ notifika tal-att promotur b’mod abbużiv, sakemm awtomatikament ikun jista’ jopponi d-deċiżjoni inkwistjoni fl-Istat ta’ oriġini f’terminu għall-preżentata ta’ appell li jkun għadu għaddej. Iżda l-fatt li huwa għandu jkun obbligat jibda proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza lil hinn mill-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell ma jistax jiġi dedott b’mod ċar, la mill-kliem tad-dispożizzjoni u lanqas mill-premessi tar-Regolament.

25.

Għall-kuntrarju, il-kunsiderazzjonijiet mill-perspettiva tar-rekwiżit ta’ smigħ xieraq ( 11 ) huma kontra l-interpretazzjoni estiża tal-kliem tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-inklużjoni tal-proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza taħt il-kunċett ta’ “kawża” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Kieku l-konvenut kien obbligat jiftaħ proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza fl-Istat ta’ oriġini wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell, u kieku inkella jkun mhedded bid-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva fi Stat Membru ieħor, dan ikun jippreġudika l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali bejn ir-rikorrent u l-konvenut, li huwa element essenzjali tas-smigħ xieraq ( 12 ) skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26.

Dan huwa ċar meta wieħed iġib quddiem moħħu li l-konvenut, jekk iressaq il-kawża tiegħu qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-appell skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, u b’hekk jikseb smigħ ġust fl-Istat ta’ oriġini, essenzjalment ikun jinsab fl-istess sitwazzjoni li kien jinsab fih li kieku l-att promotur ikun ġie nnotifikat lilu fil-ħin u huwa jkun seta’ jidher fl-ewwel istanza: hekk huwa biss għat-twettiq ta’ proċedura waħda li possibbilment jirriżultawlu spejjeż ġudizzjarji u tal-konsulenza legali fl-Istat ta’ oriġini, u t-tilwima hija limitata għas-suġġett tal-kawża tas-sentenza li trid tiġi eżegwita.

27.

Is-sitwazzjoni tkun differenti jekk il-konvenut sar jaf biss wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell li ngħatat sentenza kontrieh mingħajr ma kien konxju tagħha. Peress li ma jkunx iktar possibbli għalih li jappella awtomatikament, sabiex jikkontesta s-sentenza fl-Istat ta’ oriġini, l-ewwel irid jesplora l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mid-dekadenza, u mbagħad jiftaħ proċedura korrispondenti. Huwa biss wara li jagħmel dan li – sakemm l-eżenzjoni mid-dekadenza tkun ta’ suċċess – ikun jista’ jippreżenta l-appell tiegħu kontra s-sentenza fit-tieni lok. Għall-kuntrarju għas-sitwazzjoni deskritta fil-punt 26, il-konvenut b’hekk ikollu jġarrab il-piż ta’ żewġ proċeduri (u l-ispejjeż relatati magħhom), li barra minn hekk is-suġġett tagħhom imur sinjifikattivament lil hinn mit-tilwima tas-sentenza, minħabba li addizzjonalment ikollha tiġi evalwata l-kwistjoni tal-istabbiliment mill-ġdid. Jekk dak li jkun iqis ukoll li minbarra l-kumplikazzjoni tal-proċedura u tal-ispejjeż jistgħu jirriżultaw ukoll problemi prattiċi oħra, bħal pereżempju t-tfittxija għal avukati xierqa u spejjeż għall-interpreti, ikun ċar li l-konvenut, meta għad-difiża tad-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva jkun suġġett għall-piż tal-proċedura ta’ reviżjoni, ikun jinsab f’sitwazzjoni li evidentement tkun agħar meta mqabbel mar-rikorrent. Dan japplika b’mod partikolari għal konvenuti mingħajr esperjenza legali u li għandhom inqas mezzi. Partikolarment fil-każ ta’ pretensjonijiet komparattivament iżgħar, ikun mistenni li tali konvenut, fid-dawl tal-kumplikazzjonijiet b’rabta mal-ispejjeż u mal-proċedura li jkun mhedded bihom, ikun lest li jieħu r-riskju ta’ eżekuzzjoni mingħajr ma jopponi għalih, sabiex b’dan il-mod fi kwalunkwe każ jiffranka spejjeż legali u proċedurali oħra, li l-profittabbiltà tagħhom fil-każ ta’ kwistjonijiet transkonfinali ta’ spiss huwa diffiċli li tiġi evalwata, speċjalment għal persuni normali.

28.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi preżunt li l-ipoteżi ta’ obbligu ta’ eżenzjoni mid-dekadenza fil-kuntest tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 tkun tippreġudika serjament l-opportunitajiet ugwali tal-partijiet, billi l-konvenut ikun mitlub jiftaħ proċedura addizzjonali sabiex iħares l-interessi tiegħu.

29.

Minbarra dan, fid-dritt primarju kull faċilitazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ saħħa eżekuttiva fil-każijiet fejn il-konvenut ma jkunx ingħata smigħ xieraq qabel tingħata s-sentenza, hija kontra l-prinċipju ta’ smigħ xieraq. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat b’mod ġenerali li bħalissa d-dispożizzjoni tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 qed tiġi eżaminata mill-Qorti EDB, li l-Awla Manja tagħha fil-kawża Avotiņš vs Il‑Latvja hija mistennija tiddeċiedi dalwaqt dwar il-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 6 KEDB. Din il-kawża wkoll tikkonċerna d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva imminenti ta’ sentenza li l-konvenut ma kienx sema’ biha qabel ingħatat u li huwa ma ressaq ebda kawża kontrieha. Għalkemm id-deċiżjoni tal-Awla ( 13 ) tal-2014 li rriżultat b’maġġoranza żgħira f’din il-kawża finalment qieset il-qafas regolamentari tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 u d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva bħala xorta waħda kompatibbli mal-Artikolu 6 KEDB, din madankollu enfasizzat li l-konvenut li ressaq l-ilment fuq kollox kellu l-esperjenza kummerċjali. Ir-raġunament strettament relatat mal-fatti tal-Qorti EDB f’din il-kawża sabiex tiċħad ksur tal-Artikolu 6 KEDB jipprovdi raġuni serja għalxiex wieħed jaħseb li possibbilment id-deċiżjoni tagħha kienet tkun differenti li kieku l-konvenut ma kellux esperjenza fin-negozju.

30.

Għalkemm anki s-sitwazzjoni ppreżentata lill-Qorti EDB ma tikkorrispondix mal-każ preżenti fl-aspetti kollha, id-deċiżjoni tagħha fil-kawża Avotiņš vs Il‑Latvja għandha mill-inqas titqies bħala indikazzjoni ta’ twissija, li fl-interpretazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 dak li jkun jipproċedi bi prudenza u ma jinsiex l-interessi leġittimi tal-konvenut, flimkien mar-rekwiżit li jiġi żgurat il-moviment liberu tas-sentenzi. Dan ifisser li lil hinn mill-kontenut regolatorju obbligatorju tad-dispożizzjoni, il-konvenut ma għandux jiġi pprojbit milli jinvoka raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent.

31.

Għaldaqstant, ma teżisti ebda raġuni biex il-konvenut li ma jiġix ikkonvokat fil-ħin ikun mistenni jikseb l-aċċess għal rimedju legali biss wara li jgħaddi t-terminu għall-preżentata tal-appell permezz ta’ proċedura għal eżenzjoni mid-dekadenza, u għall-bqija jiġu pprojbiti milli jinvokaw raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent. Għall-kuntrarju, meta t-termini għall-preżentata tal-appell ikunu diġà għaddew fil-mument meta l-konvenut isir jaf dwar is-sentenza li tirrigwardah, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija għandu jiġi preżunt li l-konvenut ma kellu ebda possibbiltà li jappella s-sentenza.

32.

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-possibbiltà msemmija fih li titressaq kawża tikkonċerna biss il-każ fejn il-kawża inkwistjoni tkun tista’ titressaq fi ħdan it-terminu previst mid-dritt nazzjonali, iżda mhux il-każ fejn dan it-terminu jkun diġà skada, madankollu tkun tista’ titressaq talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza u finalment, wara li tintlaqa’ din it-talba, tkun tista’ titressaq il-kawża proprja.

B – Fuq it-tieni domanda preliminari

33.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar in-notifika għandux jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-eżenzjoni mid-dekadenza fir-rigward tat-terminu għall-preżentata tal-appell, jew fis-sens li l-konvenut għandu l-għażla jew li jippreżenta t-talba skont din id-dispożizzjoni jew li jagħmel użu mill-proċedura xierqa tad-dritt nazzjonali.

34.

Mill-bidu nett għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjoni inkwistjoni tar-Regolament dwar in-notifika, kif imsemmi fil-punt 22 iktar ’il fuq, ma tidhirx li tapplika għall-każ preżenti, peress li hawnhekk ma saritx notifika transkonfinali tal-att promotur. Ir-risposta għad-domanda preliminari għalhekk tirriżulta biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tassumi li l-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar in-notifika japplika għall-każ preżenti.

35.

Għal dan il-każ għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar in-notifika japplika meta fil-każ ta’ notifika f’pajjiż barrani, “skond id-dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament”, il-konvenut ma jkunx deher. Bħala l-ewwel pass, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-notifika fil-prinċipju jeżiġi s-sospensjoni tal-proċedura sakemm ikun jista’ jiġi vverifikat jekk il-konvenut fil-fatt irċeviex l-att promotur. L-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-notifika jipprevedi derogi minn dan il-prinċipju li jippermettu t-tkomplija tal-proċedura. L-Artikolu 19(4) finalment jinkludi regola dwar l-eżenzjoni mid-dekadenza “fi żmien raġonevoli wara li l-konvenut ikun sar jaf bis-sentenza” u favur konvenut li innoċentament ma kienx sar jaf dwar l-att promotur u b’hekk ma jkunx iddefenda lilu nnifsu, iżda xorta waħda ġie kkundannat. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar in-notifika jħalli l-għażla f’idejn l-Istati Membri li jipprevedu terminu ta’ dekadenza għat-talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza, li madankollu jista’ jintemm l-iktar kmieni “minn sena wara d-data tas-sentenza”.

36.

Ir-Repubblika Franċiża għamlet tali komunikazzjoni favur it-terminu ta’ sena u b’hekk stabbilixxiet b’mod eżawrjenti t-terminu għat-talba għall-eżenzjoni mid-dekadenza fil-każijiet koperti mill-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar in-notifika. Din ir-regola ma tistax tkun teżisti flimkien ma’ kwalunkwe dispożizzjoni derogatorja minnha taħt id-dritt nazzjonali, bħal pereżempju l-Artikolu 540 tal-Code de procédure civile (kodiċi tal-proċedura ċivili), li fir-rigward tat-terminu tal-eżenzjoni mid-dekadenza huwa marbut mad-data tan-notifika tas-sentenza u mhux, bħar-Regolament dwar in-notifika, mad-“data tas-sentenza”. Huwa minnu li għandu jkun hemm qbil mal-Kummissjoni li f’ċerti każijiet individwali, id-dispożizzjoni dwar l-eżenzjoni mid-dekadenza skont ir-Regolament dwar in-notifika tista’ tirriżulta bħala iktar ta’ żvantaġġ għall-konvenut minn dik taħt id-dritt nazzjonali. Din madankollu hija konsegwenza inevitabbli tal-komunikazzjoni favur it-terminu ta’ sena li għamlet ir-Repubblika Franċiża, u li għalhekk għandu jiġi aċċettat bħala dak mixtieq minn dan l-Istat Membru.

37.

Għaldaqstant, sa fejn l-Artikolu 19(4) jitqies bħala rilevanti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar in-notifika jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-eżenzjoni mid-dekadenza fir-rigward tat-terminu għall-preżentata ta’ appell.

V – Konklużjoni

38.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

L-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-possibbiltà li titressaq kawża msemmija fih tikkonċerna biss il-każ fejn il-kawża korrispondenti tkun tista’ titressaq fi ħdan it-terminu previst mid-dritt nazzjonali, iżda mhux il-każ fejn dan it-terminu jkun diġà skada, madankollu tkun tista’ titressaq talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza u finalment, wara li tintlaqa’ din it-talba, tkun tista’ titressaq il-kawża proprja.

L-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-eżenzjoni mid-dekadenza.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, fil-verżjoni tiegħu applikabbli hawnhekk, kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1103/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU L 304, p. 80)].

( 3 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:120).

( 4 ) Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32).

( 5 ) Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79).

( 6 ) Sfortunatament, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jistgħux jiġu dedotti dettalji dwar ir-rimedji permissibbli u r-raġuni għat-tardività tagħhom irrispettivament min-nuqqas ta’ notifika preċedenti tas-sentenza (ara p. 7, IV.1 tad-deċiżjoni tar-rinviju).

( 7 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal-Bundesgerichtshof (qorti federali, il-Ġermanja), tal-21 ta’ Jannar 2010, Az. IX ZB 193/07, EuZW 2010, 478, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 8 ) Enfasi miżjuda minni.

( 9 ) Tali interess jista’ jkun jeżisti pereżempju meta fi Stat terz jew fl-Istat ta’ oriġini jkun hemm il-biża’ minn konsegwenzi negattivi minn proċedura mwettqa b’mod żbaljat skont ir-Regolament dwar in-notifika tal-Unjoni, bħal pereżempju miżuri ta’ infurzar kontra l-konvenut, jew meta l-konvenut ikollu interess f’deċiżjoni finali espedjenti tat-tilwima, pereżempju minħabba li huwa jqis il-prospetti ta’ suċċess tiegħu bħala favorevoli u proċedura ġdida li tista’ tkun ta’ theddida tkun oneruża għalih.

( 10 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ASML (C‑283/05, EU:C:2006:787, punti 2024).

( 11 ) Fuq ir-rilevanza tiegħu ara s-sentenzi Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 73) u ASML (C‑283/05, EU:C:2006:787, punt 27).

( 12 ) Ara s-sentenza Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 31) kif ukoll l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

( 13 ) Qorti EDB, sentenza Avotiņš vs Il‑Latvja (ECLI:CE:ECHR:2014:0225JUD001750207, b’mod partikolari l-punt 51 et seq.); ara, f’dan ir-rigward, il-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Meroni.