3.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/19


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Frar 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour d’appel de Paris – Franza) – Carrefour Hypermarchés SAS vs ITM Alimentaire International SASU

(Kawża C-562/15) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Reklamar komparattiv - Direttiva 2006/114/KE - Artikolu 4 - Direttiva 2005/29/KE - Artikolu 7 - Paragun oġġettiv tal-prezzijiet - Ommissjoni qarrieqa - Reklamar li jipparaguna l-prezzijiet ta’ prodotti mibjugħa fi ħwienet differenti f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-format tagħhom - Legalità - Tagħrif importanti - Grad u mezz ta’ tixrid tat-tagħrif))

(2017/C 104/28)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Carrefour Hypermarchés SAS

Konvenuta: ITM Alimentaire International SASU

Dispożittiv

L-Artikolu 4(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) sa (3) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun illeġittimu, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, reklamar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipparaguna l-prezzijiet ta’ prodotti mibjugħa fi ħwienet differenti f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-format tagħhom, meta dawn il-ħwienet ikunu jagħmlu parti minn stabbilimenti li kull wieħed minnhom għandu firxa ta’ ħwienet ta’ daqsijiet u ta’ formati differenti u meta min jirreklama jipparaguna l-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment tiegħu ma’ dawk miġbura minn ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati inferjuri tal-istabbilimenti kompetituri, sakemm il-konsumaturi ma jiġux informati, b’manjiera ċara u permezz tal-messaġġ ta’ reklamar stess, li l-paragun twettaq bejn il-prezzijiet ipprattikati fil-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati superjuri tal-istabbiliment ta’ min jirreklama u dawk miġbura mill-ħwienet ta’ daqsijiet jew ta’ formati inferjuri tal-istabbilimenti kompetituri.

Hija l-qorti tar-rinviju li, sabiex tevalwa l-leġittimità ta’ tali reklamar, għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, ir-reklamar inkwistjoni jonqosx milli jissodisfa r-rekwiżit ta’ oġġettività tal-paragun u/jew huwiex ta’ natura qarrieqa, minn naħa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati, normalment informat u raġonevolment attent u avżat u, min-naħa l-oħra, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet li jidhru fl-imsemmi reklamar, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-ħwienet tal-istabbiliment ta’ min jirreklama u dawk tal-istabbilimenti kompetituri li l-prezzijiet tagħhom ġew ipparagunati, u, b’mod iktar ġenerali, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tiegħu.


(1)  ĠU C 27, 25.1.2016.