3.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Mejju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel – il-Belġju) – proċeduri kriminali kontra Luc Vanderborght

(Kawża C-339/15) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 56 TFUE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Provvista ta’ kura tal-ħalq u tas-snien - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut ir-reklamar fil-qasam tas-servizzi tal-kura tal-ħalq u tas-snien - Eżistenza ta’ element transkonfinali - Ħarsien tas-saħħa pubblika - Proporzjonalità - Direttiva 2000/31/KE - Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni - Reklamar permezz ta’ sit tal-Internet - Membru ta’ professjoni rregolata - Regoli professjonali - Direttiva 2005/29/KE - Prattika kummerċjali żleali - Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa - Dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-professjonijiet irregolati))

(2017/C 213/07)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel

Parti fil-proċedura kriminali prinċipali

Luc Vanderborght

Dispożittiv

1)

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproteġi s-saħħa pubblika u d-dinjità tal-professjoni ta’ dentist, minn naħa, billi tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien u, min-naħa l-oħra, billi tistabbilixxi ċerti rekwiżiti ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna t-tabelli tal-kliniki dentali.

2)

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”), għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien, sa fejn din tipprekludi kull forma ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali b’mezz elettroniku, inkluż permezz ta’ website maħluqa minn dentist.

3)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal provvista ta’ kura tal-ħalq u tas-snien.


(1)  ĠU C 311, 21.09.2015.