15.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 448/33


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ottubru 2014 – Tweedale vs EFSA

(Kawża T-716/14)

(2014/C 448/42)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Antony C. Tweedale (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: B. Kloostra, avukat)

Konvenuta: Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA)

Talbiet

tiddikjara li l-EFSA aġixxiet bi ksur tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 2011;

tannulla d-deċiżjoni tal-EFSA tat-30 ta’ Lulju 2014;

tordna lill-EFSA tbati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, li jallega li bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-EFSA aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-25 ta’ Ġunju 1998 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) kif approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, kif ukoll bi ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”) u tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-EFSA ma rrikonoxxietx l-obbligu li tingħata informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent li tinsab fid-dokumenti mitluba.

2.

It-tieni motiv, li jallega li bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-EFSA aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u tal-obbligu tagħha li taġixxi b’mod konformi mal-interpretazzjoni konformi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar il-motiv ta’ rifjut stabbilit fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 abbażi tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.