15.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 448/31


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Settembru 2014 – Unichem Laboratories vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-705/14)

(2014/C 448/40)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Unichem Laboratories Ltd (Mumbai, l-Indja) (rappreżentanti: S. Mobley, H. Sheraton and K. Shaw, solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (Każ Comp/AT. 39.612 – perindopril (Servier)) kollha kemm hi, u fi kwalunkwe każ tannulla jew tnaqqas il-multa imposta, sa fejn din tapplika għal Unichem; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti minn Unichem fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tnax-il motiv.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni sabiex tindirizza deċiżjoni lil Unichem taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ applikazzjoni korretta mill-Kummissjoni tat-test ta’ “natura oġġettivament neċessarja” sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim ta’ tranżazzjoni dwar privattiva jaqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali billi ma applikatx il-Linji Gwida dwar ir-Regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija applikabbli fil-ftehim ta’ trasferiment ta’ teknoloġija għat-tranżazzjoni li kienet tinvolvi lil Unichem.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni billi kkategorizzat it-tranżazzjoni bħala ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE “minħabba l-għan”.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tat-test legali tal-ksur tal-Artikolu 101(1) “minħabba l-għan” għall-fatti speċifiċi relatati ma’ Unichem.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni billi kkonkludiet li l-ftehim ta’ tranżazzjoni rriżultat f’effetti antikompetittivi.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 dwar ir-raġuni għalfejn hija tqis li Unichem tista’ tinżamm direttament responsabbli għall-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE meta ma hijiex kompetitur potenzjali ta’ Servier.

8.

It-tmien motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq żball ta’ liġi mill-Kummissjoni billi ma rrikonoxxietx li l-ftehim ta’ tranżazzjoni jissodisfa l-kriterji ta’ eżenzjoni previsti taħt l-Artikolu 101(3) TFUE.

9.

Id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir tagħha li ma taġixxix b’mod vessatorju sabiex tikseb dokumenti legalment protetti sabiex tużahom kontra Unichem.

10.

L-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ġenerali tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kalkolu tagħha tal-multa billi ttrattat lil Unichem b’mod differenti minn Servier mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva.

11.

Il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ġenerali tal-Unjoni ta’ proporzjonalità, il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi kif ukoll il-prassi preċedenti stabbilita tagħha meta imponiet il-multa fuq Unichem.

12.

It-tnex-il motiv, ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 296 TFUE fir-rigward tal-kalkolu tal-multa min-naħa tagħha u tal-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-allegat ksur ta’ Unichem.