4.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/46


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2014 – Secolux vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-363/14)

2014/C 253/61

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Secolux, Association pour le contrôle de la sécurité de la construction (Capellen, il-Lussemburgu) (rappreżentant: N. Prüm-Carré, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjonijiet tal-1 u tal-14 ta’ April 2014 meħuda mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea li jirrifjutaw li jingħata aċċess għad-dokumenti kollha dwar il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt Nru 02/2013/01L “Kontrolli ta’ sigurtà” għal-lot 1 u b’mod partikolari għall-offerta tal-offerent magħżul, għall-iskeda tal-prezzijiet u għar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ din l-offerta kif ukoll għall-kuntratt ta’ servizz konkluż mal-parti li ngħatat il-kuntratt.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq assenza ta’ tweġiba għat-talba ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti kollha dwar il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, sa fejn ġew imwieġba biss it-talbiet ta’ aċċess fir-rigward tar-rapport ta’ evalwazzjoni, l-offerta tal-offerent magħżul, l-iskeda tal-prezzijiet u l-kuntratt ta’ servizzi konkluż mal-offerent magħżul.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (1).

Ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti abbażi tal-preġudizzju fuq il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jikkostitwixxix raġuni leġittima, sa fejn verżjoni magħmula anonima setgħet ġiet ikkomunikata.

L-applikazzjoni tal-eċċezzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hijiex fondata, inkwantu r-rapport ta’ evalwazzjoni u l-iskeda tal-prezzijiet ma jinkludu ebda informazzjoni dwar il-mezzi tekniċi jew umani u ma jiżvelaw ebda għarfien jew natura teknika partikolari.

Il-proċess deċiżjonali fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex ippreġudikat, sa fejn (i) id-deċiżjoni ta’ għoti ttieħdet u l-kuntratt ta’ servizzi ġie ffirmat mal-offerent magħżul fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess, (ii) id-dokumenti mitluba lanqas ma jikkostitwixxu opinjonijiet fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u sa fejn, fi kwalunkwe każ, l-iżvelar tad-dokumenti ma huwiex tali li jippreġudika l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

Jeżisti interess pubbliku ogħla, jiġifieri l-prinċipju ta’ trasparenza fil-qasam tal-implementazzjoni tal-baġit.

Ma ġiex ipprovat li ma kinitx possibbli komunikazzjoni parzjali tad-dokumenti fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq assenza ta’ motivazzjoni reali tad-deċiżjonijiet meħuda.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).