SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

23 ta’ April 2018 ( *1 )

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Politika ta’ riċerka – Saħħa pubblika – Kooperazzjoni fl-iżvilupp – Finanzjament mill-Unjoni ta’ attivitajiet li jimplikaw il-qerda ta’ embrijuni umani – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 – Rikors għal annullament – Locus standi in judicio – Att kontestabbli – Inammissibbiltà parzjali – Stħarriġ ġudizzjarju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑561/14,

European Citizens’ Initiative One of Us, u r-rikorrenti l-oħra, li isimhom huwa mniżżel fl-anness ( 1 ), irrappreżentati inizjalment minn C. De La Hougue, sussegwentement minn J. Paillot, avukati, u fl-aħħar nett minn P. Diamond, barrister,

rikorrenti,

sostnuti minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Szwarc, A. Miłkowska u B. Majczyna, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Laitenberger u H. Krämer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il‑Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn U. Rösslein u E. Waldherr, sussegwentement minn U. Rösslein u R. Crowe, bħala aġenti,

u minn

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Rebasti u K. Michoel, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2014) 355 finali tat‑28 ta’ Mejju 2014, dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej imsejħa “Wieħed Minna”.

IL‑QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg (Relatur), F. Schalin, B. Berke u M. J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura relatata mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej intitolata “Uno di noi”

1

Fil-11 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1), irreġistrat l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta (iktar ’il quddiem l-“IĊE”), intitolata “Uno di noi” (Wieħed Minna) bir-referenza ECI(2012) 000005 (iktar ’il quddiem l-“IĊE kontenzjuża”).

2

Is-suġġett tal-IĊE kontenzjuża kien, kif deskritt fir-reġistru online disponibbli mill-Kummissjoni għal dan il-għan, il-“protezzjoni ġuridika tad-dinjità, tad-dritt tal-ħajja u tal-integrità ta’ kull bniedem sa mill-konċepiment f’oqsma ta’ kompetenza tal-[Unjoni Ewropea] meta din il-protezzjoni tkun partikolarment importanti”.

3

L-għanijiet tal-IĊE kontenzjuża kienu deskritti kif ġej fir-reġistru msemmi hawn fuq:

“[K]ull embrijun uman jixraqlu rispett għad-dinjità u l-integrità tiegħu. U dan tħeġġu l-[Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea] fil-kawża Brüstle, meta tiddefinixxi li l-embrijun tal-bniedem hu l-bidu tal-iżvilupp tal-bniedem. Għaldaqstant, sabiex l-[Unjoni] tiżgura konsistenza f’kull qasam ta’ kompetenza tagħha li jkollu x’jaqsam mal-embrijun uman, din għandha tistabbilixxi projbizzjoni u ttemm il-finanzjament ta’ attivitajiet li jippreżupponu l-qerda tal-embrijuni umani, b’mod partikolari l-oqsma tar-riċerka, l-għajnuna għall-iżvilupp u s-saħħa pubblika”

4

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li kienu meqjusa rilevanti mill-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża kienu l-Artikoli 2 u 17 TUE kif ukoll l-Artikolu 4(3) u (4) TFUE u l-Artikoli 168, 180, 182, 209, 210 u 322 TFUE.

5

Fil-kuntest tal-IĊE kontenzjuża, tliet emendi ta’ atti tal-Unjoni Ewropea kienu proposti.

6

Fl-ewwel lok, kien propost li jiddaħħal fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), artikolu li kien jipprovdi li “[m]a ssir l-ebda allokazzjoni baġitarja għall-finanzjament ta’ attivitajiet li jeqirdu l-embrijuni umani, jew li jippreżupponu l-qerda tagħhom”.

7

Fit-tieni lok, kien propost li jiddaħħal taħt (d), fl-Artikolu 16(3) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020 (2014-2020) [COM(2011) 809 finali], silta li kienet teskludi minn kull finanzjament skont dan il-programm qafas “[l]-attivitajiet ta’ riċerka li jeqirdu l-embrijuni umani, fosthom dawk bil-ħsieb li jiksbu ċ-ċelloli staminali, u r-riċerka li biex tikseb iċ-ċelloli staminali tuża ċelloli staminali ta’ embrijuni umani fi stadji sussegwenti”.

8

Fit-tielet lok, kien propost li jiżdied paragrafu 5 mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU 2006, L 378, p. 41), miktub kif ġej:

“L-assistenza tal-Unjoni, skont dan ir-Regolament, m’għandhiex tintuża biex tiffinanzja l-abort, direttament jew indirettament, b’finanzjamenti ta’ organizzazzjonijiet li jimbuttaw jew jippromwovu l-abort. Billi f’dan ir-Regolament ma ssir l-ebda referenza għas-saħħa riproduttiva u sesswali, il-kura tas-saħħa, id-drittijiet, is-servizzi, il-fornituri, l-edukazzjoni u l-informazzjoni mill-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, il-prinċipji tiegħu u l-Programm ta’ Azzjoni, l-Aġenda tal-Kajr u l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju, b’mod partikolari l-MDG Nru 5 dwar is-saħħa pubblika u l-imwiet materni, dan kollu jista’ jitqies li qed tingħata bażi legali biex il-finanzjamenti tal-UE jintużaw biex jiffinanzjaw l-abort direttament jew indirettament.”

9

Fit-28 ta’ Frar 2014, konformement mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 211/2011, l-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża ppreżentawha lill-Kummissjoni.

10

Fid-9 ta’ April 2014, konformement mal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, rappreżentanti tal-Kummissjoni rċevew l-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża.

11

Fl-10 ta’ April 2014, konformement mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 211/2011, l-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża ngħataw il-possibbiltà li jippreżentawha waqt smigħ pubbliku organizzat fil-Parlament Ewropew.

12

Fit-28 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni COM(2014) 355 finali, dwar l-IĊE kontenzjuża (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoini kkontestata”), abbażi tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011. F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fis-sens li ma ħadet ebda azzjoni wara l-IĊE kontenzjuża.

Kontenut tal-komunikazzjoni kkontestata

13

Il-komunikazzjoni kkontestata kienet maqsuma f’erba’ partijiet.

14

Fil-punt 1, intitolat “Introduzzjoni”, il-Kummissjoni ppreżentat b’mod partikolari s-suġġett u l-għanijiet tal-IĊE kontenzjuża u t-tliet emendi leġiżlattivi proposti.

15

Fil-punt 2 tal-komunikazzjoni kkontestata kien intitolat “Is-Sitwazzjoni Attwali”.

16

Fil-punt 2.1 tal-komunikazzjoni kkontestata, intitolat “Id-Dinjità tal-Bniedem fil-Leġiżlazzjoni tal-UE” il-Kummissjoni ppreżentat b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u ppreċiżat li l-istrumenti leġiżlattivi tal-Unjoni kollha u l-ispejjeż kollha tagħha kellhom ikunu konformi mat-Trattati u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u josservaw, għalhekk, id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-integrità tal-bniedem. Dan kellu japplika wkoll għal-leġiżlazzjoni u għall-ispejjeż tal-Unjoni relatati mar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani (iktar ’il quddiem iċ-ĊSEU”) u għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni indikat ukoll li, fis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669), iċċitata mill-organizzaturi fil-kuntest tad-deskrizzjoni tal-għanijiet tal-IĊE kontenzjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreċiżat li “direttiva (98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (JO 1998, L 213, p. 13)) ma [kellhiex] l-għan li tirregola l-użu tal-embrijuni umani fil-kuntest tar-riċerki xjentifiċi” u li “[l]-għan tagħha huwa sempliċement il-possibbiltà għal privattiva tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi”. Il-Kummissjoni osservat li l-kwistjoni jekk dan it-tip ta’ riċerka setax jitwettaq u jiġi ffinanzjat ma ġietx ikkunsidrata.

17

Il-punt 2.2 tal-komunikazzjoni kkontestata kien intitolat “Riċerka fiċ-[ĊSEU]”. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni spjegat is-sitwazzjoni tar-riċerka fuq iċ-ċelloli staminali (punt 2.2.1) u l-kompetenzi u azzjonijiet tal-Istati Membru u tal-Unjoni f’dan il-qasam (punti 2.2.2 u 2.2.3).

18

Fir-rigward tal-kompetenzi tal-Unjoni, il-Kummissjoni ppreżentat il-programm tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni Horizon 2020, stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU 2013, L 347, p. 104), u spjegat li dan il-programm kien jiffunzjona f’kuntest etniku strett li kien jinkludi sistema ta’ “triple lock” komposta mill-elementi li ġejjin. L-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kellha tiġi osservata: il-proġetti tal-Unjoni kellhom jobdu l-liġijiet tal-pajjiż li fih saret ir-riċerka. It-tieni nett, il-proġetti kollha kellhom jiġu xjentifikament ivvalidati abbażi ta’ eżami bejn il-pari u kellhom ikunu s-suġġett ta’ eżami etiku rigoruż. It-tielet nett, il-fondi tal-Unjoni ma setgħux jintużaw biex jiġu dderivati linji ta’ ċelloli staminali ġodda, u lanqas għar-riċerka li kienet timplika l-qerda ta’ embrijuni umani, inkluż għall-akkwist ta’ ċelloli staminali.

19

Il-punt 2.3 tal-komunikazzjoni kkontestata intitolat “Il-koperazzjoni għall-iżvilupp” u, wara punt introduttiv dwar l-istat tas-saħħa materna u tal-ulied fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (punt 2.3.1), ippreżenta l-kompetenza u l-attivitajiet tal-Istati Membri (punt 2.3.2) u tal-Unjoni (punt 2.3.3), fil-qasam tas-saħħa materna u tal-ulied.

20

Il-Kummissjoni indikat li l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp imwettqa mill-Istati Membri kienu ggwidati mill-għanijiet tal-“Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju” (iktar ’il quddiem l-“MDGs”) u mill-Programm ta’ Azzjoni “Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp” (iktar ’il quddiem il-“KIPI”). Il-Kummissjoni ppreċiżat li l-programm ta’ azzjoni tal-KIPI kien iqis l-aborti li jsiru f’kundizzjonijiet ħżiena ta’ sigurtà bħala problema kbira tas-saħħa pubblika u talbet biex il-prevenzjoni minn tqala mhux mixtieqa tingħata l-ogħla prijorità. L-abort qatt ma għandu jiġi promoss bħala metodu tal-ippjanar tal-familja u li l-kura marbuta mal-abort kellha tingħata fil-kuntest legali ta’ kull pajjiż. Il-KIPI sostniet li, fil-każijiet fejn ma kienx ipprojbit mil-liġi, l-abort għandu jiġi pprattikat f’kundizzjonijiet tajba ta’ sigurtà. Minbarra dan il-Kummissjoni ppreċiżat li l-MDGs kienu saru riferiment għall-politika ta’ żvilupp dinji. L-għan Nru 4 jikkonsisti li titnaqqas żewġ terzi tal-imwiet fost it-tfal iżgħar minn ħames snin, filwaqt li l-għan Nru 5 kien jikkonsisti li jitnaqqsu bi tliet kwarti l-imwiet materni bejn 1990 u 2015 u li jiġi żgurat aċċess universali għall-kura tas-saħħa riproduttiva.

21

Fir-rigward tal-kompetenza u tal-attivitajiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni ppreżentat id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-istrumenti prinċipali li jservu għall-finanzjament ta’ din il-kooperazzjoni. Il-Kummissjoni identifikat ukoll il-prijoritajiet tal-finanzjament, mill-Unjoni, tal-iżvilupp fis-settur tas-saħħa, b’mod partikolari s-saħħa sesswali u riproduttiva, u ppreċiżat il-kontrolli mwettqa mill-użu tal-fondi għall-iżvilupp tal-Unjoni.

22

Il-punt 3 tal-komunikazzjoni kkontestata kien intitolat “Valutazzjoni tat-talbiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej”.

23

Fil-punt 3.1 tal-komunikazzjoni kkontestata, intitolat “Osservazzjonijiet ġenerali”, il-Kummissjoni fakkret l-għanijiet tal-IĊE kontenzjuża u għamlet it-talba tagħha dwar l-emenda tar-Regolament Nru 1605/2002. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li, konformement mal-Artikolu 87 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), l-ispejjeż kollha tal-Unjoni kellhom ikunu konformi mat-Trattati u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, ir-Regolament Finanzjarju kien diġà jiggarantixxi li l-ispejjeż kollha tal-Unjoni, inklużi dawk użati fl-oqsma tar-riċerka, tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp u tas-saħħa pubblika, kienu josservaw id-dinjità umana, id-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-integrità tal-bniedem. Il-Kummissjoni żiedet li r-Regolament Finanzjarju kellu bħala għan li jipprevedi regoli finanzjarji fformulati mhux għal qasam partikolari tal-politika tal-Unjoni, iżda f’termini ġenerali, u f’relazzjoni, b’mod partikolari, mal-istabbiliment u mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

24

Fil-punt 3.2 tal-komunikazzjoni kkontestata, intitolat “Ir-riċerka fiċ-[ĊSEU]”, il-Kummissjoni kkunsidrat it-tieni proposta ta’ emenda leġiżlattiva magħmula mill-IĊE kontenzjuża. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-leġiżlazzjoni dwar il-programm qafas Horizon 2020 kienet tinkludi dispożizzjonijiet iddettaljati li jirregolaw l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għar-riċerka fuq iċ-ĊSEU. Hija ppreċiżat ukoll li din il-leġiżlazzjoni kienet reċenti u li ż-żewġ koleġiżlaturi tal-Unjoni, il-Parlament u l-Kunsill tal-Unjoni, kienu ħadu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet etiċi, il-valur miżjud fil-livell tal-Unjoni u l-vantaġġi potenzjali għas-saħħa tat-tipi kollha ta’ riċerka fuq iċ-ċelloli staminali. Il-Kummissjoni fakkret ukoll l-eżistenza tas-“sistema msejħa triple lock” (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni kkonkludiet, fuq dan il-punt, li d-dispożizzjonijiet tal-programm qafas Horizon 2020 dwar ir-riċerka fuq iċ-ĊSEU kienu diġà jissodisfaw diversi talbiet importanti tal-organizzaturi, b’mod partikolari dik sabiex jinkiseb li l-Unjoni ma tiffinanzjax il-qerda ta’ embrijuni umani u li tistabbilixxi kontrolli xierqa. Madankollu l-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma setgħetx tissodisfa t-talba tal-organizzaturi sabiex l-Unjoni ma tiffinanzjax ir-riċerka sussegwenti għall-istabbiliment ta’ linji ta’ ĊSEU. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet ifformulat il-proposta tagħha dwar il-programm Horizon 2020 billi ħadet inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet etiċi, il-vantaġġi potenzjali għas-saħħa u l-valur miżjud tal-appoġġ fil-livell tal-Unjoni għat-tipi kollha ta’ riċerka fuq iċ-ċelloli staminali u li l-koleġiżlaturi tal-Unjoni kienu adottaw din il-proposta fuq il-bażi ta’ ftehim miksub demokratikament waqt negozjati interistituzzjonali.

25

Fil-punt 3.3 tal-komunikazzjoni kkontestata, intitolat “Il-koperazzjoni għall-iżvlupp”, il-Kummissjoni kkunsidrat it-tielet proposta ta’ emenda leġiżlattiva magħmula mill-IĊE kontenzjuża. Hija osservat l-ewwel nett li l-għan sottostanti tal-IĊE kontenzjuża kien it-tnaqqis tan-numru ta’ aborti pprattikati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-għajnuna tal-Unjoni għas-settur tas-saħħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma sħab kienet tikkonsisti kemm f’appoġġ miġjub għall-provvista ta’ servizzi integrati, li kienet tkopri s-servizzi tas-saħħa sesswali, riproduttiva, materna, tat-twelid u tal-ulied fl-ispettru tal-kura, jew billi tagħti appoġġ baġitarju biex tgħin lill-pajjiżi jtejbu l-provvista tas-servizzi nazzjonali tas-saħħa. Skont il-Kummissjoni, dan l-appoġġ miġjub mill-Unjoni kien jikkontribwixxi b’mod qawwi li jitnaqqas in-numru ta’ aborti peress li kien itejjeb l-aċċess għal servizzi siguri u ta’ kwalità, inklużi l-ippjanar tal-familja ta’ kwalità, firxa wiesgħa ta’ metodi kontraċettivi, il-kontraċezzjoni ta’ emerġenza u edukazzjoni komprensiva tas-sesswalità. Il-Kummissjoni indikat li l-Unjoni, billi tat l-għajnuna tagħha, kienet tosserva għalkollox id-deċiżjonijiet sovrani meħuda mill-pajjiżi sħab dwar in-natura tas-servizzi ta’ saħħa li huma kienu jagħtu u kif jitħaddmu, dment li dawn is-servizzi jkunu konformi mal-prinċipji miftiehma fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni ppreċiżat li għalhekk hija ma kinitx favorevoli għall-assenjazzjoni tal-għajnuna għal ċertu servizzi biss, inkella din taffettwa l-appoġġ komprensiv u effettiv għall-istrateġija tas-saħħa ta’ pajjiż partikolari.

26

Il-punt 4 tal-komunikazzjoni kkontestata kien intitolat “Il-konklużjonijiet” u essenzjalment kien jikkostitwixxi sunt tal-iżviluppi preċedenti.

27

Fil-punt 4.1 tal-komunikazzjoni kkontestata, intitolat “Ġenerali”, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija ma ratx in-neċessità li tippreżenta proposta għal emenda tar-Regolament Finanzjarju.

28

Fil-punt 4.2 tal-komunikazzjoni kkontestata, intitolat “Ir-riċerka fiċ-[ĊSEU]”, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni li d-dispożizzjonijiet tal-programm Horizon 2020 kienu diġà jissodisfaw diversi talbiet importanti tal-organizzaturi, b’mod partikolari dik li jinkiseb li l-Unjoni ma tiffinanzjax il-qerda ta’ embrijuni umani u li din tistabbilixxi kontrolli xierqa. Madankollu l-Kummissjoni tikkunsidra li t-talba tal-organizzaturi intiża sabiex jinkiseb li l-Unjoni ma tiffinanzjax ir-riċerka sussegwenti għall-istabbiliment ta’ linji taċ-ĊSEU ma setgħetx tiġi ssodisfatta.

29

Fil-punt 4.3 tal-komunikazzjoni kkontestata, intitolat “Il-koperazzjoni għall-iżvilupp”, il-Kummissjoni kkonkludiet li projbizzjoni ta’ finanzjament tal-abort ipprattikat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tostakola l-kapaċità tal-Unjoni li tilħaq l-għanijiet stabbiliti fl-MDGs, b’mod partikolari dak relatat mas-saħħa materna, u fil-programm ta’ azzjoni tal-KIPI, għanijiet reċentement ikkonfermati fl-iskala kemm internazzjonali kif ukoll Ewropea.

30

Fil-ħames paragrafu tal-punt 4.3 tal-komunikazzjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 211/2011, din il-komunikazzjoni hija nnotifikata lill-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża kif ukoll lill-Parlament u lill-Kunsill u li ser issir pubblika.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31

Ir-rikorrenti huma l-entità msejħa “European Citizens’ Initiative One of Us” u s-seba’ persuni fiżiċi li huma l-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża u jikkostitwixxu l-kumitat taċ-ċittadini tagħha fis-sens tal-Artikolu 2(3) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 211/2011.

32

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors. Ir-rikors kien intiż mhux biss għall-annullament tal-komunikazzjoni kkontestata, iżda wkoll, sussidjarjament, għall-annullament tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011. Dan indika l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni bħala konvenuti.

33

Fid-29 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni ppreżentat risposta.

34

B’atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 u fid-9 ta’ Frar 2015 rispettivament, il-Parlament u l-Kunsill qajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Huma talbu li r-rikors ikun miċħud bħala inammissibbli sa fejn jikkonċernahom.

35

B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fis-6 u fid-9 ta’ Frar 2015, il-Parlament u l-Kunsill talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fl-ipoteżi fejn ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn kien jikkonċernahom.

36

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2015, l-International Planned Parenthood Federation talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill.

37

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2015, Marie Stopes International talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill.

38

Fl-14 ta’ April 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw replika, li fiha huma ppreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma.

39

Fl-4 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat kontroreplika.

40

Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Novembru 2015, One of Us et vs Il‑Kummissjoni (T‑561/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:917), l-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn kien ippreżentat kontra l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, sa fejn kellu bħala konsegwenza li l-Parlament u l-Kunsill ma setgħux iktar jitqiesu bħala konvenuti fl-istanza.

41

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2015, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent tal-Parlament u tal-Kunsill, billi speċifika li d-drittijiet tagħhom kienu dawk previsti mill-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

42

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Jannar 2016, ir-Repubblika tal-Polonja talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

43

B’digriet tas-16 ta’ Marzu 2016, One us Us et vs Il‑Kummissjoni (T‑561/14, EU:T:2016:173), il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talbiet għal intervent tal-International Planned Parenthood Federation u ta’ Marie Stopes International. Barra minn hekk, dan ikkonkluda li r-rikorrenti kienu għamlu użu mhux xieraq tat-talbiet għal intervent imressqa minn dawn l-entitajiet, fejn b’hekk wettqu abbuż minn proċedura, u ħa inkunsiderazzjoni dan l-abbuż fit-tqassim tal-ispejjeż skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

44

Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2016, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tar-Repubblika tal-Polonja, billi ppreċiża li d-drittijiet tagħha kienu dawk previsti mill-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

45

Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali ġiet immodifikata, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, li lilha konsegwentement din il-kawża ġiet attribwita.

46

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, fit-28 ta’ Novembru 2016, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-partijiet prinċipali, li wieġbu għaliha fit-terminu impost.

47

Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-14 ta’ Diċembru 2016, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

48

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet, fil-11 ta’ Jannar 2017, li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

49

B’deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2017, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal differiment tas-seduta mressqa mir-rikorrenti.

50

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2017.

51

Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-komunikazzjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

52

Il-Kummissjoni sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa ppreżentat mill-entità msejħa “European Citizens’ Initiative One of Us”

53

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tal-locus standi tar-rikorrenti kif ukoll l-aċċess tagħha għar-rimedji ġudizzjarji tista’ tiġi eżaminata ex officio mill-qorti tal-Unjoni, sa fejn tikkonċerna eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2007, Au Lys de France vs Il‑Kummissjoni, T‑458/04, mhux ippubblikata, EU:T:2007:195, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan il-każ, il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata ex officio hija dik dwar jekk l-entità msejħa “ European Citizens’ Initiative One of Us” tistax ikollha locus standi in judicio quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex titlob, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tal-komunikazzjoni kkontestata.

55

Il-partijiet prinċipali tqiegħdu fil-pożizzjoni li jressqu osservazzjonijiet fuq din il-problematika fil-kuntest tat-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 46 iktar ’il fuq). Din il-problematika kienet ukoll is-suġġett ta’ trattazzjoni waqt is-seduta.

56

Ir-rikorrenti sostnew, essenzjalment, li r-rikors kien ammissibbli sa fejn kien ippreżentat mill-European Citizens’ Initiative One of Us u invokaw, insostenn ta’ dan l-argument, is-sentenza tat-3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni (T-646/13, EU:T:2017:59). Sussidjarjament, huma sostnew li r-rikors kien, fi kwalunkwe każ, ammissibbli sa fejn kien ippreżentat mis-seba’ persuni fiżiċi li kienu l-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża u kienu jikkostitwixxu l-Kumitat taċ-ċittadini tagħha.

57

Il-Kummissjoni ssostni li l-entità msejħa “European Citizens’ Initiative One of Us” ma kellhiex locus standi in judicio quddiem il-qorti tal-Unjoni, billi s-seba’ persuni fiżiċi msemmija iktar ’il fuq għandhom din il-kapaċità.

58

Mill-formulazzjoni stess tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li huma l-persuni fiżiċi u l-entitajiet li għandhom personalità ġuridika biss li jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament skont din id-dispożizzjoni.

59

Madankollu, kien ġie rrikonoxxut li, f’ċerti każijiet partikolari, entità li ma kellhiex personalità ġuridika skont id-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz setgħet madankollu titqies bħala “persuna ġuridika” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u tiġi ammessa sabiex tippreżenta rikors għal annullament abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni, 135/81, EU:C:1982:371, punti 9 sa 12, u tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punti 109 sa 112). Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, fl-atti jew fl-aġir tagħhom, l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha jittrattaw lill-entità inkwistjoni bħala suġġett separat, li jista’ jkollu drittijiet li jkunu speċifiċi għalih jew ikun suġġett għal obbligi jew għal restrizzjonijiet.

60

L-ewwel nett, f’dan il-każ, mill-proċess ma jirriżultax li l-entità msejħa “European Citizens’ Initiative One of Us” għandha personalità ġuridika skont id-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, bħala tweġiba għall-mistoqsija tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali li tirrigwarda l-prova tal-eżistenza legali ta’ din l-entità, ir-rikorrenti pprovdew unikament stampa mir-reġistru uffiċjali tal-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej, imqiegħda online mill-Kummissjoni, li ssemmi l-IĊE kontenzjuża.

61

Sussegwentement, ma jirriżultax mir-Regolament Nru 211/2011 li dan jagħti l-personalità ġuridika lil IĊE billi jittrattaha bħala suġġett separat. L-uniċi persuni li, b’mod partikolari, jipparteċipaw għall-proċedura quddiem il-Kummissjoni (b’mod partikolari l-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 11 tar-Regolament Nru 211/2011), jassumu r-responsabbiltà tagħhom minħabba danni li huma kkawżaw waqt l-organizzazzjoni ta’ IĊE (Artikolu 13 tar-Regolament Nru 211/2011), huma suġġetti għal sanzjonijiet f’każ ta’ ksur lir-Regolament Nru 211/2011 (Artikolu 14 tar-Regolament Nru 211/2011), huma informati bil-motivi tar-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE kif ukoll bir-rimedji ġudizzjarji u extra ġudizzjarji li huma għandhom (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011) u jirċievu notifika tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni prevista mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 211/2011, huma l-organizzaturi tal-IĊE inkwistjoni, jiġifieri l-persuni fiżiċi magħqudin fi ħdan Kumitat taċ-ċittadini.

62

Fl-aħħar nett, ma jirriżulta minn ebda att u minn ebda aġir tal-Kummissjoni li din kienet ittrattat l-entità msejħa “European Citizens’ Initiative One of Us” bħala suġġett distint. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma invokaw ebda ċirkustanza intiża sabiex turi l-eżistenza ta’ tali trattament.

63

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-entità msejħa “European Citizens’ Initiative One of Us” ma għandhiex locus standi in judicio quddiem il-qorti tal-Unjoni.

64

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tat-3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59), invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrent f’din il-kawża kien il-Kumitat taċ-ċittadini (Bürgerausschuss) tal-IĊE inkwistjoni, kompost minn seba’ persuni fiżiċi identifikati fir-rikors, u mhux din l-IĊE.

65

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn kien ġie ppreżentat mill-entità msejħa “European Citizens’ Initiative One of Us”, bla ħsara għall-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn kien ġie ppreżentat ukoll mis-seba’ persuni fiżiċi li jikkostitwixxu l-Kumitat taċ-ċittadini tal-IĊE kontenzjuż.

Fuq in-natura li tista’ tiġi kkontestata tal-komunikazzjoni kkontestata fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE

66

Mingħajr ma qajmet formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli, minħabba li l-komunikazzjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jista’ jkun suġġett għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

67

Ir-rikorrenti jikkontestataw l-argument tal-Kummissjoni.

68

Għandu jitfakkar li r-rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE jista’ jiġi ppreżentat kontra l-atti kollha meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, irrispettivament min-natura jew mill-forma, li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 16, u tal-20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, punt 51).

69

Il-Kummissjoni ssostni li l-komunikazzjoni kkontestata ma tikkostitwixxix – minħabba l-forma u n-natura tagħha – att iddestinat sabiex jipproduċi effetti legali vinkolanti, u wisq inqas effetti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbidlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tagħhom. Fil-fatt, il-komunikazzjoni kkontestata ma tistipulax obbligi, wisq inqas obbligi imposti fuq ir-rikorrenti, u lanqas ma tirregola l-istatus legali tagħhom jew il-kompetenzi tagħhom. Pjuttost dan huwa att tal-Kummissjoni li jesprimi l-intenzjoni tagħha li ssegwi ċerta linja ta’ kondotta u li ma tistax tiqies bħala li hija intiża li tipproduċi effetti legali. Insostenn tal-argument tagħha, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑443/97, EU:C:2000:190), u tal-20 ta’ Mejju 2010, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑258/06, EU:T:2010:214).

70

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali, hemm lok li jsir riferiment b’mod partikolari għas-suġġett tiegħu, għall-kontenut tiegħu, għas-sustanza tiegħu, kif ukoll għall-kuntest fattwali u legali li fih dan seħħ (digriet tat-8 ta’ Marzu 2012, Octapharma Pharmazeutika vs EMA, T‑573/10, mhux ippubblikat, EU:T:2012:114, punt 30; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il‑Kummissjoni, C‑50/90, EU:C:1991:253, punti 12 u 13, u s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 58).

71

Ir-rikors għal annullament jirreferi f’dan il-każ għall-komunikazzjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni definittiva li ma tippreżentax proposta ta’ att legali bħala tweġiba għall-IĊE kontenzjuża. Fil-kuntest ta’ din l-IĊE, tliet emendi ta’ atti tal-Unjoni kienu proposti u l-kontenut tagħhom kien iddefinit b’mod preċiż. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk din il-komunikazzjoni tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 68 u 70 iktar ’il fuq.

72

Mill-Artikolu 11(4) TUE u mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011 jirriżulta li ċ-ċittadini tal-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx inqas minn miljun, li huma ċittadini ta’ għadd sinjifikattiv ta’ Stati Membri, jingħatalhom id-dritt li jindirizzaw ruħhom direttament quddiem il-Kummissjoni sabiex iressqulha talba li fiha jistednuha tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, bl-istess mod bħall-Parlament, skont l-Artikolu 255 TFUE, u tal-Kunsill, skont l-Artikolu 241 TFUE. Hekk kif ġie rrilevat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, dan id-dritt huwa intiż biex isaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni permezz ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑646/13, EU:T:2017:59, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan id-dritt mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni huwa rregolat bir-Regolament Nru 211/2011.

73

Ir-Regolament Nru 211/2011jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ tali IĊE. Fil-premessa 8 tiegħu, dan jippreċiża li hija meħtieġa struttura serja permezz ta’ minimu ta’ organizzazzjoni u, għal dan il-għan, jipprevedi l-ħolqien ta’ Kumitat taċ-ċittadini, kompost minn persuni fiżiċi (l-organizzaturi) li jkunu ġejjin minn tal-inqas minn seba’ Stati Membri differenti, li huwa inkarigat mill-preparazzjoni tal-IĊE u mill-preżentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni. Ir-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, li l-proposta ta’ IĊE għandha tiġi rreġistrata mal-Kummissjoni u li din ir-reġistrazzjoni sseħħ bil-kundizzjoni li din tikkonstata li ċertu numru ta’ kundizzjonijiet, stabbiliti fid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, jiġi ssodisfatt. Huwa unikament wara din ir-reġistrazzjoni li l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal proposta ta’ IĊE mingħand mill-inqas miljun firmatarju, li jkunu ġejjin mill-inqas minn kwart tal-Istati Membri kollha, jista’ jinbeda. Dan il-ġbir għandu jseħħ fil-kuntest ta’ proċeduri u kundizzjonijiet iddefiniti, b’mod iddettaljat, fl-Artikoli 5 sa 8 tar-Regolament Nru 211/2011. L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi l-possibbiltà għall-organizzaturi, sa fejn il-proċeduri u kundizzjonijiet kollha previsti minnu jkunu ġew osservati, li jippreżentaw l-IĊE lill-Kummissjoni.

74

L-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, li jikkostitwixxi l-bażi legali tal-komunikazzjoni kkontestata, jipprovdi li l-Kummissjoni tippreżenta, f’terminu ta’ tliet xhur mill-preżentazzjoni tal-IĊE skont l-Artikolu 9 tar-Regolament imsemmi iktar ’il fuq, permezz ta’ komunikazzjoni, il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE, l-azzjoni li hija għandha l-intenzjoni li tieħu, skont il-każ, kif ukoll ir-raġunijiet li hija għandha sabiex tieħu jew ma tiħux din l-azzjoni. L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprovdi li l-komunikazzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi nnotifikata lill-organizzaturi kif ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha ssir pubblika.

75

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 211/2011 jipprovdi, b’mod partikolari, li, fit-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 10(1)c) ta’ dan ir-regolament, l-organizzaturi jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw l-IĊE waqt smigħ pubbliku lill-Parlament.

76

Fir-rigward tal-fatt li l-mekkaniżmu tal-IĊE għandu bħala għan li jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-attribuzzjonijiet tagħha, li tippreżenta proposta ta’ att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, Costantini et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/14, EU:T:2016:223, punt 31), mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 tikkostitwixxi l-ilħiq tal-proċedura relatata mal-IĊE, sa fejn, permezz ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tinforma, b’mod partikolari, lill-organizzaturi tal-IĊE bid-deċiżjoni tagħha rigward il-kwistjoni jekk hijiex ser tieħu azzjoni jew le bħala tweġiba għal din tal-aħħar. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-preżentazzjoni ta’ tali komunikazzjoni tikkostitwixxi obbligu impost fuq il-Kummissjoni.

77

F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti huma l-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża, u li huma responsabbli mill-preparazzjoni u mill-preżentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni billi jiġu segwiti l-istadji deskritti fl-Artikoli 4 u 5 sa 9 tar-Regolament Nru 211/2011. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-IĊE kontenzjuża rċeviet l-appoġġ ta’ 1721626 firmatarji li ġejjin minn 28 Stat Membru. Minbarra dan, għandu jitfakkar li l-komunikazzjoni kkontestata tippreżenta l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, billi din tal-aħħar iddeċidiet li ma tippreżentax proposta ta’ att legali bħala tweġiba għall-IĊE kontenzjuża, u iktar ġeneralment, li ma tieħu ebda azzjoni bħala tweġiba għaliha. Minbarra dan, din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi l-ilħiq tal-proċedura speċifika mibdija u applikata mir-rikorrenti fuq il-bażi tar-Regolament Nru 211/2011 u l-adozzjoni tagħha tikkostitwixxi obbligu għall-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li l-komunikazzjoni kkontestata tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbidlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punti 52 u 58, u tal-25 ta’ Ġunju 1998, Lilly Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑120/96, EU:T:1998:141, punti 50 sa 56).

78

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni.

79

Fl-ewwel lok, sa fejn il-komunikazzjoni kkontestata ssaħħaħ il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni li ma tippreżentax proposta ta’ att ġuridiku bħala tweġiba għall-IĊE kontenzjuża u tagħlaq il-proċedura ta’ IĊE mibdija u li tkompliet mir-rikorrenti skont ir-Regolament Nru 211/2011, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-komunikazzjoni ma għandhiex in-natura u l-karatteristiċi ta’ atti li kienu inkwistjoni fis-sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑443/97, EU:C:2000:190), u tal-20 ta’ Mejju 2010, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T-258/06, EU:T:2010:214), invokati mill-Kummissjoni (ara l-punt 69 iktar ’il fuq), atti li kienu kkunsidrati, mill-qorti tal-Unjoni, bħala li ma setgħux ikunu suġġetti għal rikors għal annullament.

80

Fil-fatt, is-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑443/97, EU:C:2000:190), kienet tikkonċerna rikors għal anullament kontra linji gwida interni tal-Kummissjoni dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji netti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta’ Diċembru 1988 dwar dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 sa fejn jikkonċerna l-koordinazzjoni bejn l-interventi ta’ Fondi strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-istrumenti finanzjarji eżistenti oħra, min-naħa l-oħra (ĠU 1988, L 374, p. 1). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li dawn il-linji interni kienu sempliċement ifissru l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi ċerta linja ta’ kondotta fl-eżerċizzju tal-kompetenza li kienet ġiet attribwita lilha mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u li għalhekk dawn ma jistgħux jitqiesu bħala intiżi li jipproduċu effetti legali.

81

Issa, f’dan il-każ, sa fejn il-komunikazzjoni kkontestata tippreżenta l-karatteristiċi deskritti fil-punt 77 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi sostnut li din ma hijiex intiża li tipproduċi effetti legali. Kuntrarjament għall-att inkwistjoni fis-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑443/97, EU:C:2000:190), il-komunikazzjoni kkontestata tipproduċi effetti li jaqbżu l-isfera interna tal-Kummissjoni.

82

Is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑258/06, EU:T:2010:214), kienet tikkonċerna rikors għal annullament kontra l-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar id-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti mhux suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-direttivi “kuntratti pubbliċi”. Il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 26 tas-sentenza, li din il-komunikazzjoni kellha bħala għan li turi l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istandards fundamentali li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li kienu jirriżultaw direttament mir-regoli u mill-prinċipji tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza, għall-għoti ta’ kuntratti mhux suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-direttivi “kuntratti pubbliċi”. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali kompliet billi kkunsidrat, fil-punt 27 ta’ din is-sentenza li, sabiex tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala att li jista’ jiġi kkontestat, il-komunikazzjoni inkwistjoni kellha tkun intiża sabiex tipproduċi effetti legali ġodda meta pparagunati ma’ dawk li l-applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali tat-Trattat KE kienet tinkludi u li, sabiex jiġi vverifikat dan, kellu jiġi eżaminat il-kontenut tagħha. Wara tali eżami, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 162 tas-sentenza, li l-komunikazzjoni inkwistjoni ma inkludietx regoli ġodda ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jmorru lil hinn mill-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni eżistenti u li, konsegwentement, hija ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u tal-intervenjenti.

83

Issa, f’dan il-każ, ma jistax jiġi sostnut li l-komunikazzjoni kkontestata tikkostitwixxi komunikazzjoni “interpretattiva”. Min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi deskritti fil-punt 77 iktar ’il fuq jiżvelaw li din il-komunikazzjoni hija intiża sabiex tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbidlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tagħhom.

84

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni rrilevat li l-Artikolu 11(4) TUE u r-Regolament Nru 211/2011 kienu jagħtu lill-organizzaturi ta’ IĊE, l-iktar, dritt li jeħtieġu l-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ att ġuridiku. Din il-proposta kienet hija stess unikament preliminari u preparatorja min-natura tagħha, billi ċ-ċaħda ta’ talba intiża għall-preżentazzjoni ta’ tali proposta ma tistax tiġi kkkunsidrata bħala att iddestinat li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni sostniet li, skont il-ġurisprudenza tal-Unjoni, att ikkontestat li jirrigwarda ċaħda tat-talba tar-rikorrenti ma jistax jiġi evalwat indipendentement mill-att espliċitament intiż minn din it-talba u li, għalhekk, l-att ikkontestat jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat unikament jekk l-att intiż mit-talba seta’ wkoll ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti.

85

Effettivament, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta att tal-Kummissjoni jkollu natura negattiva, għandu jiġi evalwat skont in-natura tat-talba li għaliha jikkostitwixxi tweġiba (ara d-digriet tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, T‑369/03, EU:T:2005:458, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, rifjut huwa att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-att li l-istituzzjoni tirrifjuta li tieħu seta’ ġie kkontestat skont din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1996, Salt Union vs Il‑Kummissjoni, T‑330/94, EU:T:1996:154, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Issa, hekk kif diġà ġie deċiż, din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli meta, bħal f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni sseħħ fi proċedura preċiżament iddefinita minn regolament tal-Unjoni, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni hija obbligata li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn individwu skont dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, Lilly Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑120/96, EU:T:1998:141, punti 62 u 63).

87

Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni, ippreżentat fil-punt 84 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud.

88

Fit-tielet lok, insostenn ta’ dan ir-regolament dwar in-natura li ma tistax tiġi kkontestata tal-komunikazzjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat, waqt is-seduta, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423), dwar in-natura li tista’ tiġi kkontestata tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament temm l-eżami tal-petizzjoni ppreżentata mir-rikorrent f’din il-kawża.

89

Fil-kuntest tas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 22 tagħha, li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament, li quddiemu tressqet petizzjoni, ikkunsidra li din ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 227 TFUE, kellha tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, peress li kienet ta’ natura li taffettwa dritt ta’ petizzjoni tal-persuna kkonċernata. L-istess japplika fir-rigward tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament, billi jikser is-sustanza nnifisha tad-dritt ta’ petizzjoni, jirrifjuta jew jastjeni milli jieħu konjizzjoni ta’ petizzjoni li hija indirizzata lilu u, konsegwentement, milli jivverifika jekk din tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 227 TFUE.

90

Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ petizzjoni li l-Parlament qies li ssodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 227 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 24 tas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423), li dan kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ta’ natura politika, dwar l-azzjoni li għandha tittieħed għal din il-petizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li deċiżjoni meħuda f’dan ir-rigward evitat l-istħarriġ ġudizzjarju u li ftit jimporta li, permezz ta’ tali deċiżjoni, il-Parlament innifsu adotta l-miżuri indikati jew qies li ma kienx f’pożizzjoni li jagħmel dan u ttrażmetta l-petizzjoni lill-istituzzjoni jew lid-dipartiment kompetenti sabiex din l-istituzzjoni jew dan id-dipartiment jieħdu dawn il-miżuri.

91

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, li r-raġunament segwit fis-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423), kien trasponibbli f’dan il-każ, sa fejn, bħal fil-każ tal-Parlament, hija kellha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ dwar l-azzjoni li għandha tittieħed għal IĊE. Barra minn hekk, hija sostniet li, kuntrarjament għad-dritt ta’ petizzjoni, id-dritt għal parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta’ IĊE ma kienx jikkostitwixxi dritt fundamentali u li għalhekk kien inkoerenti li tingħata protezzjoni ġudizzjarja “superjuri” għal dik mogħtija lid-dritt ta’ petizzjoni.

92

Fir-rigward tal-punt 22 tas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423), għandu jiġi evalwat jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tissuġġetta lil-leġiżlatur tal-Unjoni proposta ta’ att ġuridiku, ifformulat fil-kuntest ta’ komunikazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, huwiex ta’ natura li jaffettwa d-dritt taċ-ċittadini bbażat fuq l-Artikolu 11(4) TUE.

93

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li d-dritt taċ-ċittadini, ibbażat fuq l-Artikolu 11(4) TUE, huwa intiż li jsaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), fejn l-għan aħħari huwa li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini għall-ħajja demokratika u li l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli (ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 211/2011). In-nuqqas ta’ sottomissjoni tar-rifjut tal-Kummissjoni li tissuġġetta lil-leġiżlatur tal-Unjoni proposta ta’ att ġuridiku, ifformulat fil-komunikazzjoni prevista mill-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 għal stħarriġ ġudizzjarju jikkomprometti t-twettiq ta’ dan l-għan, sa fejn ir-riskju ta’ arbitraġġ min-naħa tal-Kummissjoni jiddisswadi kull riferiment għall-mekkaniżmu tal-IĊE fir-rigward, ukoll, tal-proċeduri u tal-kundizzjonijiet eżiġenti li dan il-mekkaniżmu huwa suġġett għalihom.

94

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-mekkaniżmu ta’ petizzjoni li kien is-suġġett tal-eżami fil-kuntest tas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423), u l-mekkaniżmu tal-IĊE ma humiex simili.

95

Hekk kif jirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423), petizzjoni hija, l-ewwel nett, eżaminata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tagħha fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 227 TFUE u, sussegwentement, hija suġġetta għas-setgħa diskrezzjonali tal-Parlament rigward l-azzjoni li għandha tittieħed. Bejn dawn iż-żewġ stadji, il-petizzjoni ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni u proċedura addizzjonali li jaffettwaw il-petizzjonant u s-sitwazzjoni legali tiegħu.

96

Min-naħa l-oħra, IĊE “ammissibbli”, fis-sens li hija rreġistrata skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 (l-ewwel stadju tal-mekkaniżmu tal-IĊE) għandha tissodisfa kundizzjonijiet addizzjonali sabiex tkun suġġetta għall-eżami tal-Kummissjoni li jsir fil-kuntest tal-komunikazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 211/2011 (it-tieni stadju tal-mekkaniżmu tal-IĊE). Dawn il-kundizzjonijiet addizzjonali, li huma imposti fuq l-organizzaturi, jikkonċernaw, essenzjalment, il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mingħand firmatarji, li d-dettalji tagħhom huma ppreċiżati minn dan ir-regolament. Huwa unikament wara li jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet li l-IĊE hija suġġetta għall-eżami tal-Kummissjoni.

97

Barra minn hekk, fir-rigward tal-proċedura li ssegwi r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, ir-Regolament Nru 211/2011 jinkludi dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala garanziji proċedurali favur organizzaturi, li jimplika, għalhekk, li l-komunikazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 211/2011 tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2002, DuPont Teijin Films Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, T‑113/00, EU:T:2002:214, punti 47 sa 55, u d-digriet tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, T‑369/03, EU:T:2005:458 punti 72 u 82). Iktar speċifikament, fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni tirċievi l-organizzaturi “f’livell xieraq”, sabiex ikunu jistgħu jesponu fid-dettall il-mistoqsijiet imqajma mill-IĊE. Fit-tieni lok, l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi espliċitament l-obbligu għall-Kummissjoni li tippreżenta r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tiħux azzjoni wara l-IĊE. Dan l-obbligu mogħti lill-Kummissjoni huwa speċifikat iktar fil-premessa 20 tal-istess regolament, li tipprovdi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni, sabiex tipprova li IĊE hija eżaminata bir-reqqa, għandha tesponi b’mod ċar, li jinftiehem u b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom biħsiebha tieħu azzjoni, u, bl-istess mod, tagħti r-raġunijiet li għalhom hija beħsieħba ma tieħu ebda azzjoni. Fit-tielet lok, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi li l-komunikazzjoni msemmija mill-Artikolu 10(1)(c) ta’ dan ir-regolament għandha mhux biss tiġi ppubblikata, iżda wkoll tiġi nnotifikata, b’mod partikolari lill-organizzaturi.

98

Minħabba kundizzjonijiet addizzjonali imposti fuq l-organizzaturi u garanziji proċedurali previsti favur tagħhom, esposti fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rifjut tal-Kummissjoni li tissottometti lil-leġiżlatur tal-Unjoni proposta ta’ att ġuridiku, ifformulata fil-komunikazzjoni adottata skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tagħhom, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq.

99

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, espost fil-punt 91 in fine iktar ’il fuq, u essenzjalment ibbażat fuq il-fatt li, kuntrarjament għad-dritt ta’ petizzjoni, id-dritt għall-IĊE ma jikkostitwixxix dritt fundamentali u għalhekk ma għandux jibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja superjuri għal dik mogħtija għal dan l-ewwel dritt, hemm lok li jiġi osservat li, sa fejn dan ir-rikors kien issodisfa l-kundizzjonijiet magħmula mill-Artikolu 263 TFUE, dan l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jikkontesta l-konklużjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li, minkejja li d-dritt għall-IĊE ma huwiex inkluż fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bħalma huwa l-każ tad-dritt ta’ petizzjoni, li huwa previst fl-Artikolu 44 ta’ din il-Karta, xorta jibqa’ l-fatt li dan id-dritt huwa previst fid-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri fl-Artikolu 11(4) TUE. Dan huwa għalhekk previst fi strument li għandu l-istess valur legali bħal dak mogħti lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

100

Isegwi li l-argument tal-Kummissjoni li d-dritt għall-IĊE jibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja superjuri għal dik mogħtija lid-dritt ta’ petizzjoni għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud.

101

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-mertu

102

L-argument tar-rikorrenti jiżvela l-eżistenza ta’ ħames motivi għal annullament. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 minħabba n-nuqqas ta’ preżentazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ proposta ta’ att ġuridiku bħala tweġiba għall-IĊE kontenzjuża. It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament għall-ewwel, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(4) TUE mwettaq minħabba dan in-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ att ġuridiku. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 imwetttaq sa fejn il-Kummissjoni ma ppreżentatx separatament, fil-komunikazzjoni kkontestata, il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE kontenzjuża. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 minħabba n-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ att ġuridiku bħala tweġiba għall-IĊE kontenzjuża.

103

Ir-rikorrenti jsostnu li d-dritt għall-Kummissjoni li ma tiħux azzjoni wara IĊE għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Fil-fatt, deċiżjoni f’dan is-sens tista’ tiġi adottata biss fil-preżenza ta’ waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li ġejjin: fl-ewwel lok, meta l-miżuri mitluba fil-kuntest tal-IĊE ma humiex iktar neċessarji, peress li dawn kienu ġew adottati filwaqt li l-IĊE kienet għadha fis-seħħ jew li l-problema mqajma minnha kienet sparixxiet jew ukoll li kienet ġiet solvuta b’mod ieħor b’mod sodisfaċenti, fit-tieni lok, meta l-adozzjoni tal-miżuri mitluba fil-kuntest tal-IĊE tkun saret impossibbli wara r-reġistrazzjoni tagħha u, fit-tielet lok, meta l-inizjattiva taċ-ċittadini ma tinkludix proposta ta’ azzjoni speċifika, iżda sempliċement tavża bl-eżistenza ta’ problema li għandha tiġi solvuta, u tħalli lill-Kummissjoni l-kompitu li tiddetermina, skont il-każ, l-azzjoni li tista’ tittieħed. Minbarra dawn it-tliet sitwazzjonijiet, l-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma tittieħed ebda azzjoni tikser l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011. Skont ir-rikorrenti, ebda waħda minn dawn it-tliet sitwazzjonijiet ma hija preżenti hawnhekk.

104

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

105

Skont l-Artikolu 17(1) TUE, il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan.

106

Skont l-Artikolu 17(2) TUE, l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni ma jistgħux jiġu adottati ħlief fuq “proposta tal-Kummissjoni”, ħlief fil-każ fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor.

107

Bl-istess mod, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li hija prevista mill-proposti kollha tal-IĊE kontenzjuża, tikkonsisti, skont l-Artikolu 289 TFUE, fl-adozzjoni ta’ regolament, ta’ direttiva jew ta’ deċiżjoni b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill “fuq proposta tal-Kummissjoni”.

108

Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(3) TUE jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni għandha twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha b’indipendenza totali u li l-membri tagħha la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi gvern, xi istituzzjoni, korp jew organu.

109

Is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva rrikonoxxuta lill-Kummissjoni mill-Artikolu 17(2) TUE u mill-Artikolu 289 TFUE timplika, li bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi li tippreżenta, jew le, proposta ta’ att leġiżlattiv u, skont il-każ, li tiddetermina s-suġġett, l-iskop u l-kontenut tiegħu (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punti 70 u 74).

110

Dan il-kważi monopolju tal-inizjattiva leġiżlattiva mogħti mit-Trattati lill-Kummissjoni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2014:2470, punt 43) huwa spjegat mill-funzjoni tagħha, skont l-Artikolu 17(1) TUE, li huwa li jiġi promoss l-interess ġenerali tal-Unjoni, kif ukoll mill-indipendenza li hija tgawdi, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(3) TUE, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħha.

111

Il-kważi monopolju msemmi fil-punt 110 iktar ’il fuq ma huwiex affettwat mid-dritt tal-IĊE previst mill-Artikolu 11(4) TUE. Din id-dispożizzjoni tipprevedi d-dritt ta’ numru minimu ta’ ċittadini, taħt ċerti kundizzjonijiet, li “jitolbu” lill-Kummissjoni li tippreżenta proposta xierqa. Manifestament, it-termini ta’ din id-dispożizzjoni ma jikkorroborawx interpretazzjoni li l-Kummissjoni hija limitata fil-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ att ġuridiku wara IĊE.

112

Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni ġustament tosserva, din il-konklużjoni tirriżulta wkoll mill-istruttura tal-Artikolu 11 TUE u mill-Artikolu 24 TFUE, li huma parti mill-IĊE fil-kuntest ta’ motivi oħra li permezz tagħhom iċ-ċittadini jistgħu jġibu ċerti kwistjonijiet għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fejn dawn il-motivi jikkonsistu, b’mod partikolari, fiż-żamma ta’ djalogu mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili, ir-riferiment għal konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, id-dritt ta’ petizzjoni u r-riferiment għall-medjatur.

113

L-intenzjoni tas-setgħa kostituttiva tal-Unjoni li ma tagħtix setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva lill-mekkaniżmu tal-IĊE hija kkonfermata fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, li tassimila, essenzjalment, id-dritt mogħti lill-IĊE ma’ dak mogħti lill-Parlament, skont l-Artikolu 225 TFUE, u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 241 TFUE. Issa, talba li ġejja mill-Parlament jew mill-Kunsill ma ġġiegħelx lill-Kummissjoni li tissottometti proposta ta’ att ġuridiku (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2014:2470, punt 48; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑70/88, EU:C:1990:217, punt 19).

114

Din l-intenzjoni tas-setgħa kostituttiva hija kkonfermata wkoll fil-formulazzjoni stess tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, li jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni tippreżenta fil-komunikazzjoni l-azzjoni li hija biħsiebha tieħu “jekk ser tieħu”, wara IĊE kif ukoll ir-raġunijiet li hija għandha li “tieħu jew ma tieħux” dik l-azzjoni. Din il-formulazzjoni tħalli jidher b’mod ċar in-natura mhux vinkolanti li tirrappreżenta l-fatt, għall-Kummissjoni, li tieħu azzjoni wara IĊE.

115

F’dan il-każ, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 u esposta fil-punt 103 iktar ’il fuq twassal, essenzjalment, li tneħħi kull setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha wara IĊE. Fil-fatt, għalkemm din l-interpretazzjoni kienet valida, dan ifisser li, fl-aħħar mill-aħħar, il-Kummissjoni hija obbligata li tieħu l-azzjoni “speċifika” (skont it-terminu użat mir-rikorrenti u ċċitat fil-punt 103 iktar ’il fuq) proposta mill-IĊE. Issa, tali interpretazzjoni tikser il-kważi monopolju tal-inizjattiva leġiżlattiva mogħtija mit-Trattati lill-Kummissjoni u s-setgħa diskrezzjonali importanti li tibbenefika minnha fl-eżerċizzju ta’ din l-inizjattiva (ara l-punti 109 sa 114 iktar ’il fuq).

116

Il-konklużjoni, li tinsab fil-punt 115 iktar ’il fuq, li skont din il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu l-azzjoni speċifika proposta mill-IĊE ma hijiex ikkontestata minħabba l-eżistenza tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 211/2011, kif isostnu, essenzjalment, ir-rikorrenti.

117

Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni hija biss kundizzjoni preliminari li għaliha huma suġġetti l-organizzaturi qabel ma jibdew il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ. Hekk kif il-partijiet prinċipali jaqblu ma’ xulxin sabiex jikkonstatawh, l-għan tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni huwa li jiġi evitat li l-organizatturi jagħmlu sforzi inutli għal IĊE li, l-ewwel nett, ma tistax twassal għar-riżultat mixtieq. Madankollu, mill-kriterji ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 4(2)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 211/2011 jirriżulta li, fil-każ fejn il-proposta ta’ IĊE hija manifestament lil hinn mill-kuntest tal-attribuzzjonijiet tal-Kummissjoni li skont dawn hija tista’ tippreżenta proposta ta’ att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati jew fil-każ fejn hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja, jew ukoll fil-każ fejn hija manifestament kuntrarja għall-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, li d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni jew le ta’ proposta ta’ IĊE timplika l-ewwel evalwazzjoni mwettqa fuqha fuq il-livell legali u ma tippreġudikax l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-komunikazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, Costantini et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/14, EU:T:2016:223, punt 53).

118

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-intepretazzjoni tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 proposta mir-rikorrenti hija żball ta’ liġi. Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(4) TUE mwettaq minħabba n-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ att ġuridiku bħala tweġiba għall-IĊE kontenzjuża.

119

Ir-rikorrenti jsostnu li, fl-ipoteżi fejn il-proposta ta’ interpretazzjoni tagħhom tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 (ara l-punt 103 iktar ’il fuq) ma tiġix adottata, din id-dispożizzjoni tmur kontra l-Artikolu 11(4) TUE. Skont ir-rikorrenti, dan l-aħħar artikolu għandu jiġi interpretat b’tali mod li jġib valur miżjud reali li jikkonċerna l-possibbiltà għaċ-ċittadini li jinfluwenzaw il-politiki tal-Unjoni u jieħu inkunsiderazzjoni l-isforz kunsiderevoli li l-ġbir ta’ ikar minn miljun firma jirrappreżenta.

120

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni, inkwantu korp amministrattiv, ma għandhiex il-leġittimità sabiex tadotta deċiżjoni li tissupplimenta proposta leġiżlattiva direttament u espressament approvata minn iktar minn miljun ċittadin. Din il-possibbiltà offerta lill-Kummissjoni tmur kontra t-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri.

121

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

122

Għandu jitfakkar li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 11(4) TUE u lanqas is-sistema tat-Trattati, kif ippreżentata fil-punti 105 sa 112 iktar ’il fuq, ma jikkorroboraw l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu l-azzjoni speċifika proposta mill-IĊE.

123

Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li t-Trattati tal-Unjoni jiddefinixxu b’mod inekwivoku r-rwol u s-setgħat mogħtija lill-IĊE kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni ta’ att ġuridiku, l-invokazzjoni mir-rikorrenti, insostenn tal-argument tagħhom, tas-sistemi kostituzzjonali ta’ ċerti Stati Membri, li jagħtu setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva vera lil inizjattivi taċ-ċittadini organizzati fil-livell nazzjonali, ma hijiex rilevanti u għalhekk ma tistax tiġi adottata.

124

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li ċ-ċaħda tal-argument tar-rikorrenti ma ċċaħħadx minn effett utli l-mekkaniżmu tal-IĊE, bħalma jsostnu dawn tal-aħħar. Hekk kif diġà ġie stabbilit fil-punt 76 iktar ’il fuq, dan il-mekkaniżmu għandu bħala għan li jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-attribuzzjonijiet tagħha, li tissottometti proposta ta’ att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, Costantini et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/14, EU:T:2016:223, punt 31). Il-fatt li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali sinjifikattiva fl-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha ma jippreġudikax dan l-għan.

125

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tieni motiv għal annullament imqajjem mir-rikorrenti jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, imwettaq sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx ippreżentat separatament, fil-komunikazzjoni kkontestata, il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE kontenzjuża.

126

Ir-rikorrenti jsostnu li, skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, eżaminat fid-dawl tal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni kienet obbligata li tippreżenta separatament il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha. Dan l-obbligu huwa ta’ natura formali. Issa, il-komunikazzjoni kkontestata ma tinkludix tali konklużjonijiet separati.

127

Il-Kummissjoni tikkontesta, b’mod partikolari, il-fatt li tali obbligu jiġi impost fuqha mir-Regolament Nru 211/2011.

128

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat la biex jidderoga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas biex id-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu interpretati b’mod manifestament oppost għall-formulazzjoni tagħhom (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1998, Nilsson et, C‑162/97, EU:C:1998:554, punt 54; tal-25 ta’ Novembru 1998, Manfredi, C‑308/97, EU:C:1998:566, punt 30, u tal-24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch-Kontor, C‑136/04, EU:C:2005:716, punt 32).

129

F’dan il-każ, il-premessa 20 tar-Regolament Nru 211/2011 tipprevedi, ċertament, li l-Kummissjoni għandha teżamina IĊE u tippreżenta l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha “b’mod separat”. Issa, dan l-obbligu ta’ preżentazzjoni separat tal-konklużjonijiet legali u politiċi ma huwiex previst fl-Artikolu 10(1)(c) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta, permezz ta’ komunikazzjoni, l-“konklużjonijiet finali legali u politiċi tagħha dwar l-[IĊE], l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tieħux dik l-azzjoni”.

130

Fir-rigward tal-ġurisprudenza ppreżentata fil-punt 128 iktar ’il fuq, sa fejn l-obbligu ta’ preżentazzjoni separata tal-konklużjonijiet legali u politiċi, imsemmija fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 211/2011, ma jinsabx fit-test tal-Artikolu 10(1)(c) ta’ dan ir-regolament, huwa l-kontenut tiegħu li għandu jieħu preċedenza. Isegwi li l-Kummissjoni ma hijex suġġetta għal tali obbligu waqt il-formulazzjoni tal-komunikazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

131

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżuppost li l-Kummissjoni hija legalment obbligata li tippreżenta separatament il-konklużjonijiet legali u politiċi fil-kuntest tal-komunikazzjoni adottata skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, billi dan l-obbligu huwa ta’ forma pura, il-ksur tiegħu ma jistax iwassal għall-annullament ta’ din il-komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ April 1983, Ragusa vs Il‑Kummissjoni, 282/81, EU:C:1983:105, punt 22, u tal-5 ta’ Mejju 1983, Ditterich vs Il‑Kummissjoni, 207/81, EU:C:1983:123, punt 19).

132

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

133

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-obbligu ta’ motivazzjoni li kienet suġġetta għalih, kienet obbligata li turi l-eżistenza ta’ garanziji etiċi u legali suffiċjenti sabiex jagħmlu l-IĊE kontenzjuża superfluwa. Issa, dan ma għamlitux.

134

F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-argument fundamentali tal-IĊE kontenzjuża li l-embrijun uman huwa bniedem (permezz tal-użu tal-espressjoni “wieħed minna”), mogħti, konsegwentement, id-dinjità tal-bniedem tħalla mingħajr tweġiba fil-komunikazzjoni kkontestata. Ma hemmx, f’din il-komunikazzjoni, dikjarazzjoni ċara, kemm jekk hija fis-sens pożittiv jew negattiv, f’dak li jikkonċerna l-istatus legali li l-embrijun uman jibbenefika minnu jew għandu jibbenefika minnu fid-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni kienet qablet mal-pożizzjoni tal-firmatarji li l-embrijun għandu jibbenefika minn protezzjoni legali, iżda, fl-istess ħin, kienet evitat li tislet il-konklużjonijiet loġiċi li jirriżultaw minn dan.

135

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunament etiku tal-Kummissjoni li jikkonċerna r-riċerki fuq iċ-ĊSEU huwa vvizzjat minn żbalji u li s-sistema ta’ “triple lock” ippreżentata fil-komunikazzjoni kkontestata (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) fiha nuqqasijiet u ma tikkostitwixxix tweġiba adegwata għat-tħassib etiku espress mill-IĊE kontenzjuża.

136

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li t-tweġiba tal-Kummissjoni hija wkoll inadegwata f’dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet marbuta mal-politika tal-Unjoni dwar l-għajnuna għall-iżvilupp. Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni wara l-IĊE kontenzjuża ma huwiex dovut għall-għan relatat mat-tnaqqis tal-imwiet materni, iżda għall-interess istituzzjonali stess tal-Kummissjoni.

137

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-rifjut tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament Finanzjarju ma huwiex suffiċjentement immotivat u ma huwiex fondat.

138

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

139

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, issostni li l-motivazzjoni tal-komunikazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 għandha tippermetti eventwali diskussjoni pubblika sabiex il-Parlament u, fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċittadini jistgħu jeżerċitaw kontroll politiku fuqha. Huwa fid-dawl ta’ dan l-għan li għandhom jiġu ddeterminati l-kontenut eżatt u l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li proposta ma tiġix suġġetta għal att ġuridiku. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tas-suġġett tal-IĊE inkwistjoni, jiġifieri, b’mod definittiv, fir-rigward tas-suġġett tal-att ġuridiku previst minn dan l-IĊE. Skont il-Kummissjoni, huwa biss f’każijiet estremi ta’ ineżattezza manifesta tal-ipoteżijiet fattwali jew ta’ interpretazzjonijiet legali fformulati fil-komunikazzjoni inkwistjoni li hija għandha tiġi avżata li ma ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011.

140

Il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, il-motivazzjoni esposta fil-komunikazzjoni kkontestata tagħmel possibbli diskussjoni politika u tipproponi, għalhekk, iċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors.

141

Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu japplika għal kull att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 42). Isegwi li l-komunikazzjoni kkontestata, li ssaħħaħ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jiġix suġġett għal proposta ta’ att ġuridiku wara l-IĊE kontenzjuża, hija suġġetta għal tali obbligu ta’ motivazzjoni.

142

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali, stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE, għandu bħala għan li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti biex tiddetermina jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, possibbilment, ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha u li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni mistħarrġa (sentenzi tat-18 ta’ Settembru 1995, Tiercé Ladbroke vs Il‑Kummissjoni, T‑471/93, EU:T:1995:167, punt 29; tas-27 ta’ Settembru 2012, J vs Il‑Parlament, T‑160/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:503, punt 20, u tad-19 ta’ April 2016, Costantini et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/14, EU:T:2016:223, punt 68).

143

L-obbligu tal-Kummissjoni li tesponi, fil-komunikazzjoni adottata skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, ir-raġunijiet li hija għandha sabiex tieħu jew ma tiħux azzjoni wara IĊE jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-obbligu ta’ motivazzjoni mogħti fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni.

144

Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati kif ukoll l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att issodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste/UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ restrizzjonijiet formali u proċedurali oħra li l-istipulazzjoni tal-att inkwistjoni hija suġġetta għalihom għandha importanza daqstant iktar fundamentali fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Huwa biss għalhekk li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Angelidis vs Il‑Parlament, T‑113/05, EU:T:2007:386, punt 61). F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punti 109 sa 115 iktar ’il fuq u hekk kif dan ser jiġi kkonstatat ukoll fil-punt 169 iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk tiħux jew le azzjoni wara IĊE.

146

Minbarra dan, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu formalità essenzjali, li jista’ jitqajjem fil-kuntest ta’ motiv li jikkontesta l-insuffiċjenza jew in-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni, u l-istħarriġ tal-fondatezza tal-motivi, li jaqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità fuq il-mertu tal-att u jippreżupponi li l-qorti tivverifika jekk il-motivi li fuqhom l-att huwa fondat humiex jew le vvizzjati minn żbalji. Fil-fatt, dawn huma żewġ istanzi ta’ stħarriġ ta’ natura differenti li jagħtu lok għal evalwazzjonijiet distinti tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 66 sa 68).

147

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi evalwat jekk f’dan il-każ il-Kummissjoni ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Barra minn hekk, dawn l-elementi juru li l-argument tal-Kummissjoni li l-uniku għan tal-motivazzjoni tal-komunikazzjoni prevista mill-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 huwa li tkun tista’ sseħħ eventwali diskussjoni pubblika (ara l-punt 139 iktar ’il fuq) huwa żbaljat fil-liġi f’dak li jikkonċerna l-kawża hawnhekk, li fil-kuntest tagħha l-komunikazzjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Fil-fatt, sa fejn il-komunikazzjoni kkontestata tikkostitwixxi tali att, din hija suġġetta għall-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill-Artikolu 296 TFUE, u għandha, għalhekk, tippermetti lir-rikorrenti li jiddeterminaw jekk hijiex ivvizzjata minn difetti u għall-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Il-Kummissjoni kellha, b’mod partikolari, tesponi r-raġunijiet legali, politiċi jew oħrajn li kienu wassluha sabiex tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni wara t-tliet proposti ta’ emenda ta’ atti ġuridiċi mressqa mill-IĊE kontenzjuża.

148

Bħala tfakkira, il-komunikazzjoni kkontestata ġiet adottata wara l-IĊE kontenzjuża, li kienet intiża sabiex l-Unjoni tipprojbixxi u ttemm il-finanzjament ta’ attivitajiet li jimplikaw il-qerda ta’ embrijuni umani, b’mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka, tal-għajnuna għall-iżvilupp u tas-saħħa pubblika, sabiex jiġu osservati d-dinjità u l-integrità umana (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Għal dan il-għan, l-IĊE kontenzjuża pproponiet tliet emendi ta’ atti tal-Unjoni, jiġifieri l-emenda tar-Regolament Finanzjarju, l-emenda tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020 (2014-2020) [COM(2011) 809 finali] u l-emenda tar-Regolament Nru 1905/2006 (ara l-punti 5 sa 8 iktar ’il fuq).

149

Permezz tal-komunikazzjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment irrifjutat li tieħu l-azzjoni mitluba fl-IĊE kontenzjuża.

150

Fir-rigward tal-proposta ta’ emenda tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut tagħha fil-punti 3.1 u 4.1 tal-komunikazzjoni kkontestata. Hija osservat li, konformement mal-Artikolu 87 tar-Regolament Finanzjarju, l-ispejjeż kollha tal-Unjoni kellhom ikunu konformi mat-Trattati tal-Unjoni u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, ir-Regolament Finanzjarju kien diġà jiggarantixxi li l-ispejjeż kollha tal-Unjoni, inklużi dawk sostnuti fl-oqsma tar-riċerka, tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp u tas-saħħa pubblika, kienu josservaw id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-integrità tal-bniedem. Il‑Kummissjoni żiedet li r-Regolament Finanzjarju kellu bħala għan li jipprevedi regoli finanzjarji, ifformulati mhux biss għal qasam partikolari tal-politika tal-Unjoni, iżda f’termini ġenerali, u b’mod partikolari relatati mal-istabbiliment u mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Abbażi ta’ dawn iż-żewġ kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija ma ratx in-neċessità li tippreżenta proposta dwar emenda tar-Regolament Finanzjarju.

151

Fir-rigward tal-proposta ta’ emenda tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020 (2014-2020) [COM(2011) 809 finali], il-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut tagħha fil-punti 3.2 u 4.2 tal-komunikazzjoni kkontestata. Il-Kummissjoni rreferiet ruħha għas-sistema ta’ “triple lock”, ifformata mid-dispożizzjonijiet tal-programm Horizon 2020, adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, u kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet kienu diġà jissodisfaw diversi talbiet importanti tal-organizzaturi, b’mod partikolari dik intiża sabiex jinkiseb li l-Unjoni ma tiffinanzjax il-qerda ta’ embrijuni umani u li tistabbilixxi kontrolli xierqa. Madankollu l-Kummissjoni tikkunsidra li t-talba tal-organizzaturi intiża sabiex jinkiseb li l-Unjoni ma tiffinanzjax ir-riċerka sussegwenti għall-istabbiliment ta’ linji taċ-ĊSEU ma setgħetx tiġi ssodisfatta. Il-Kummissjoni ġġustifikat din il-konklużjoni billi sostniet li, fil-kuntest tal-formulazzjoni tal-proposta għal regolament tagħha, hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet etiċi, il-vantaġġi potenzjali għas-saħħa u l-valur miżjud tal-appoġġ fil-livell tal-Unjoni, għat-tipi kollha ta’ riċerka fuq iċ-ċelloli staminali. Essenzjalment, il-Kummissjoni sostniet li l-proposta għal regolament tagħha kienet il-frott ta’ bbilanċjar ta’ diversi kunsiderazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-koleġiżlaturi (il-Parlament u l-Kunsill) adottaw il-proposta tagħha abbażi ta’ ftehim li sar b’mod demokratiku waqt in-negozjati interistituzzjonali.

152

Fir-rigward tal-proposta ta’ emenda tar-Regolament Nru 1905/2006, il-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut tagħha fil-punti 3.3 u 4.3 tal-komunikazzjoni kkontestata. Il-Kummissjoni essenzjalment sostniet li l-l-appoġġ li l-Unjoni ġabet lis-settur tas-saħħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sħab kien jgħin bil-bosta sabiex jitnaqqas in-numru ta’ aborti (tnaqqis li, skont il-Kummissjoni, kien l-għan sottostanti tal-IĊE kontenzjuża), sa fejn itejjeb l-aċċess għal servizzi siguri u ta’ kwalità, fejn fosthom kienu inklużi l-ippjanar tal-familja ta’ kwalità, firxa wiesgħa ta’ metodi kontraċettivi, il-kontraċezzjoni ta’ emerġenza u edukazzjoni komprensiva tas-sesswalità. Il-Kummissjoni indikat ukoll li hija ma kinitx favur l-assenjazzjoni tal-għajnuna għal ċertu servizzi biss, peress li din taffettwa l-appoġġ komprensiv u effettiv għall-istrateġiji nazzjonali fil-qasam tas-saħħa. Fl-aħħar nett il-Kummissjoni ppreċiżat li projbizzjoni ta’ finanzjament tal-abort ipprattikat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tostakola l-kapaċità tal-Unjoni li tilħaq l-għanijiet stabbiliti fl-MDGs, b’mod partikolari dak relatat mas-saħħa materna, u fil-programm ta’ azzjoni tal-KIPI, għanijiet reċentement ikkonfermati fil-livell kemm internazzjonali kif ukoll Ewropew.

153

L-ispjegazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jippermettu lir-rikorrenti li jiddeterminaw jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tissottometti proposta ta’ emenda ta’ ċerti atti tal-Unjoni, hekk kif l-IĊE kontenzjuża stednitha tagħmel, huwiex fondat jew jekk huwiex ivvizzjat minn difetti. Barra minn hekk, dawn l-ispjegazzjonijiet jippermettu lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-komunikazzjoni kkontestata. Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li din il-komunikazzjoni hija suffiċjentement immotivata fid-dritt.

154

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-ilmenti tar-rikorrenti.

155

L-ewwel nett, huwa ppreċiżat li, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 146 iktar’il fuq, huma biss l-ilmenti ppreżentati fil-punti 134 u 137 iktar ’il fuq li jaqgħu taħt l-istħarriġ tal-motivazzjoni tal-komunikazzjoni kkontestata. L-ilmenti l-oħra jaqgħu taħt l-istħarriġ tal-fondatezza tal-motivi u huma eżaminati fil-kuntest tal-eżami tal-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

156

Fir-rigward tal-ilment, ippreżentat fil-punt 134 iktar ’il fuq, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kjarifika tal-istatus legali tal-embrijun uman fil-komunikazzjoni kkontestata, hemm lok li jiġi rrilevat, kif issostni l-Kummissjoni, li għaliha ma kienx hemm bżonn li ssir tali definizzjoni jew kjarifika għall-finijiet li jiġu miċħuda b’mod suffiċjentement immotivat, fil-kuntest tal-komunikazzjoni kkontestata, it-tliet proposti ta’ emenda ta’ atti ġuridiċi suġġetti għall-IĊE kontenzjuża. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jitfakkar li s-suffiċjenza tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-għan tal-IĊE kontenzjuża u li dan l-għan ma kienx id-definizzjoni jew il-kjarifika tal-istatus legali tal-embrijun uman, iżda s-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ dawn it-tliet proposti lil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara l-punt 147 iktar ’il fuq). Isegwi li l-ilment imsemmi iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud inkwantu ineffettiv.

157

Fir-rigward tal-ilment ippreżentat fil-punt 137 iktar’ il fuq, ibbażat fuq il-qosor tal-ispjegazzjonijiet relatati mar-rifjut ta’ emenda tar-Regolament Finanzjarju, l-iżviluppi previsti fil-punt 150 iktar ’il fuq juru l-eżistenza ta’ motivazzjoni suffiċjenti. Konsegwentement, l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

158

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni

159

Ir-rikorrenti jinvokaw ċertru numru ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni li jinsabu fil-komunikazzjoni kkontestata.

160

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkunsidrat, fil-komunikazzjoni kkontestata, li s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669), kienet irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni li kienet is-suġġett tal-IĊE kontenzjuża. F’dan il-kuntest, huma jsostnu li l-Kummissjoni, billi ssuġġerixxiet li l-Unjoni għandha tiffinanzja proġetti ta’ riċerka li kienu esklużi mill-brevettar skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 395), tikser il-prinċipju tad-dmir ta’ koerenza stabbilit fl-Artikolu 7 TFUE.

161

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jifformulaw sensiela ta’ lmenti li jikkonċernaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mar-riċerka fuq iċ-ĊSEU (ippreżentati b’mod suċċint fil-punt 135 iktar ’il fuq).

162

Minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunament etiku tal-Kummissjoni li jikkonċerna r-riċerka fuq iċ-ĊSEU huwa vvizzjat minn żbalji. Huma b’mod partikolari jikkontestaw il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li r-riċerka fuq iċ-ĊSEU hija moralment aċċettabbli, peress li hija promettenti f’termini ta’ terapiji ġodda “għal bosta mard” u jsostnu, billi jinvokaw bħala sostenn dokument ifformulat mill-IĊE kontenzjuża u fondazzjoni, li r-riċerka fuq iċ-ĊSEU ma hijiex neċessarja u li jeżistu soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni ħafna iktar promettenti. Ir-rikorrenti jikkritikaw ukoll lill-Kummissjoni li adottat approċċ utilitarju sottostanti li jissuġġerixxi li l-progress xjentifiku jiġġustifika l-qerda tal-embrijuni umani.

163

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li s-sistema ta’ “triple lock” li għaliha l-komunikazzjoni kkontestata tagħmel riferiment (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) fiha nuqqasijiet u ma tikkostitwixxix tweġiba adegwata għat-tħassib etiku espress mill-IĊE kontenzjuża. L-ewwel element tagħha, jiġifieri l-impenn dwar l-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma jiggarantixxix standards etiċi, iżda jiggarantixxi unikament li l-liġijiet nazzjonali għandhom jiġu osservati indipendentement mill-kontenut tagħhom. It-tieni element tagħha, jiġifieri l-eżami tal-proġett ta’ riċerka inkwistjoni bejn il-pari, lanqas ma huwa intiż sabiex jiġu implimentati standards etiċi, iżda jservi unikament sabiex juri li esperjenza hija applikata konformement ma’ prinċipji xjentifiċi rrikonoxxuti, li ma jweġibx il-kwistjoni mqajma mill-IĊE kontenzjuża. It-tielet element tagħha, jiġifieri l-impenn li l-fondi tal-Unjoni ma jistgħux jintużaw biex jiġu dderivati linji ta’ ċelloli staminali ġodda u lanqas għar-riċerka li timplika l-qerda ta’ embrijuni umani, inkluż għall-provvista ta’ ċelloli staminali, minkejja li jimplika impenn etiku, ma huwiex biżżejjed, peress li ma jikkonċernax il-finanzjament tal-proġetti ta’ riċerka li jippreżupponi l-qerda ta’ embrijuni umani.

164

It-tielet lok, ir-rikorrenti jifformulaw sensiela ta’ lmenti li jikkonċernaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li ma hemmx kunsens internazzjonali rigward il-kontenut tat-termini “saħħa sesswali u riproduttiva” li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni kkontestata u li ma hemmx kunsens dwar il-fatt li dawn it-termini jinkludu wkoll li jsir rikors għall-abort. Skont ir-rikorrenti, id-dritt internazzjonali ma jinkludix obbligu li jimponi fuq l-Istati li jawtorizzaw l-abort. Ir-rikorrenti jsostnu li l-MDGs u l-programm ta’ azzjoni tal-KIPI ma jikkostitwixxux impenji legalment vinkolanti, iżda għanijiet politiċi. L-għan ta’ tnaqqis tal-imwiet materni stabbilit f’dawn l-istrumenti huwa leġittimu u li jistħoqqlu tifħir, iżda ma jiġġustifikax li jsir rikors għall-abort. Minbarra dan, il-komunikazzjoni kkontestata ma turix kif il-finanzjament ta’ aborti permezz ta’ fondi tal-Unjoni jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-imwiet materni. Skont ir-rikorrenti, azzjonijiet oħra, inqas kontroversjali, jistgħu jittieħdu sabiex jitnaqqsu l-imwiet materni. Ir-rikorrenti jikkonkludu li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li projbizzjoni ta’ finanzjament tostakola l-kapaċità tal-Unjoni li tilħaq l-għanijiet stabbiliti fl-MDGs tidher inġustifikata u li r-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu l-azzjoni proposta mill-IĊE kontenzjuża huwa pjuttost iġġustifikat mill-interess istituzzjonali tagħha stess.

165

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni kkontestata, li proposta ta’ emenda tar-Regolament Finanzjarju ma hijiex neċessarja. Skont ir-rikorrenti, ir-riferimenti għad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem jinsabu fid-dritt primarju tal-Unjoni u ma jneħħux in-neċessità li tiġi inkluża, fir-Regolament Finanzjarju, dispożizzjoni speċifika, konkreta u preċiża, li tipprojbixxi l-finanzjament ta’ attivitajiet li jidhru li jmorru kontra dawn il-valuri.

166

Essenzjalment, il-Kummissjoni tikkontesta li stħarriġ fil-mertu tal-komunikazzjoni adottata skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 jista’ jseħħ. F’dan il-kuntest, hija ssostni li ċ-ċirkustanza li istituzzjoni oħra, jew l-organizzaturi jew il-firmatarji tal-IĊE kkonċernata, ma jaqsmux l-ipoteżijiet fattwali tagħha jew l-interpretazzjonijiet legali tagħha jew anki l-evalwazzjoni politika tagħha li timmotiva l-għażla tagħha li ma tissottomettix proposta ta’ att ġuridiku hija irrilevanti għall-finijiet li jiġi evalwat jekk issodisfatx l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011. Il-kwistjoni jekk tali ipoteżijiet fattwali jew interpretazzjonijiet legali jew evalwazzjonijiet politiċi humiex konvinċenti tikkostitwixxi pjuttost wieħed mill-elementi li jwassal, skont il-każ, li jżid mad-diskussjoni politika wara l-preżentazzjoni ta’ komunikazzjoni skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

167

Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li l-ilmenti tar-rikorrenti kollha jiġu miċħuda bħala irrilevanti, sa fejn jikkonsistu fil-kontestazzjoni tal-ipoteżijiet fattwali, tal-interpretazzjonijiet legali, tal-evalwazzjonijiet politiċi u tal-ġudizzji ta’ valur ifformulati minnha fil-komunikazzjoni kkontestata.

168

L-evalwazzjoni ta’ dan il-motiv tippreżupopni d-definizzjoni tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kontenut tal-komunikazzjoni kkontestata.

169

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ inizjattiva tagħha, il-Kummissjoni għandha tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, sa fejn, permezz ta’ dan l-eżerċizzju, hija mitluba, skont l-Artikolu 17(1) TUE, tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni billi twettaq, eventwalment, arbitraġġi diffiċli bejn interessi diverġenti. Isegwi li l-Kummissjoni għandha tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk tiħux jew le azzjoni wara IĊE.

170

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-komunikazzjoni kkontestata, li ssaħħaħ id-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li ma tissottomettix proposta ta’ att ġuridiku lil-leġiżlatur tal-Unjoni, għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ristrett min-naħa tal-Qorti Ġenerali, intiż sabiex jiġi vverifikat, minbarra s-suffiċjenza tal-motivazzjoni tagħha, l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Rica Foods vs Il‑Kummissjoni, C‑40/03 P, EU:C:2005:455, punti 53 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti fformulati fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

172

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment dwar l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669) (ara l-punt 160 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li, f’din is-sentenza, mogħtija rigward rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tinterpreta l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44, li kien jipprevedi li l-użu ta’ embrijuni umani għal skopijiet industrijali jew kummerċjali ma kienx brevettabbli.

173

Ċertament, hekk kif isostnu r-rikorrenti, fil-punt 35 tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li kull bajda umana kellha, sa mill-istadju tal-fertilizzazzjoni tagħha, titqies bħala “embriju uman” fis-sens u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44, peress li din il-fertilizzazzjoni kienet ta’ natura li tibda l-proċess ta’ żvilupp ta’ bniedem. Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 40 tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669), li d-Direttiva 98/44 ma kellhiex bħala għan li tirregola l-użu ta’ embrijuni umani fil-kuntest ta’ riċerki xjentifiċi u li l-għan tagħha kien limitat għall-brevettabbiltà tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi. Isegwi li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-punt 2.1 in fine tal-komunikazzjoni kkontestata, li s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669), ma kkunsidratx il-kwistjoni dwar jekk dan it-tip ta’ riċerka setax jinbeda u jiġi ffinanzjat, ma hijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet tali żball li l-Kummissjoni, essenzjalment, ikkunsidrat li s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669), ma kinitx rilevanti għall-finijiet li tiġi evalwata l-IĊE kontenzjuża, li kienet tirreferi, permezz tat-tieni proposta ta’ emenda ta’ att tal-Unjoni, għall-projbizzjoni mill-finanzjament tal-attivitajiet ta’ riċerka li jimplikaw jew jippreżupponu l-qerda ta’ embrijuni umani.

174

Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ir-raġunament tal-Kummissjoni ma huwiex ikkaratterizzat minn inkoerenza, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-kwistjoni jekk riċerka xjentifika li timplika l-użu (u l-qerda) ta’ embrijuni umani tistax tiġi ffinanzjata minn fondi tal-Unjoni hija b’mod ċar differenti mill-kwistjoni, meqjusa fid-Direttiva 98/44 u fis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C-34/10, EU:C:2011:669), dwar jekk invenzjoni bijoteknoloġika li timplika dan l-użu hijiex brevettabbli jew le.

175

Isegwi li l-ilment tar-rikorrenti dwar l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C-34/10, EU:C:2011:669), għandu jiġi miċħud.

176

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-riċerka fuq iċ-ĊSEU (ara l-punti 161 sa 163 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li, permezz tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment jikkontestaw l-approċċ etiku tal-Kummissjoni. L-approċċ etiku tal-IĊE kontenzjuża hija dik li l-embrijun uman huwa bniedem li għandu jibbenefika mid-dinjità tal-bniedem u mid-dritt għall-ħajja, filwaqt li l-approċċ etiku tal-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-komunikazzjoni kkontestata, jieħu inkunsiderazzjoni d-dritt għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem tal-embrijuni umani, iżda, fl-istess ħin, jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-bżonnijiet tar-riċerka fuq iċ-ĊSEU, li tista’ sservi għat-trattament ta’ mard attwalment inkurabbli jew li jipperikola l-ħajja, bħall-marda tal-Parkinson’s, id-dijabete, il-puplesija, il-mard tal-qalb u t-telf tad-dawl (ara l-ewwel paragrafu tal-punt 2.2.1 tal-komunikazzjoni kkontestata). Għaldaqstant, ma jidhirx li l-approċċ etiku segwit mill-Kummissjoni huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni fuq dan il-punt u l-argumenti tar-rikorrenti, li huma bbażati fuq approċċ etiku differenti, ma jurux l-eżistenza ta’ tali żball.

177

Fir-rigward tal-allegazzjoni speċifika tar-rikorrenti, ikkorroborata minn dokument redatt minnhom stess u fondazzjoni, li r-riċerka fuq iċ-ĊSEU ma hijiex neċessarja u li jeżistu soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni iktar promettenti (ara l-punt 162 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li din l-allegazzjoni ma hijiex suffiċjentement żviluppata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom għal sempliċi riferiment għad-dokument imsemmi iktar ’il fuq, mingħajr ma jispjegaw kif dan, li huwa ta’ natura teknika, jikkorrobora l-allegazzjoni tagħhom. Isegwi li din l-allegazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti magħmula mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 u għalhekk għandha tiġi miċħuda.

178

Minn dan kollu jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-riċerka fuq iċ-ĊSEU għandhom jiġu miċħuda.

179

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp (ara l-punt 164 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti la jikkontestaw l-eżistenza tal-għan ta’ tnaqqis tal-imwiet materni segwit mill-Unjoni permezz tal-azzjoni tagħha u lanqas l-għan leġittimu u li jistħoqqlu tifħir tagħha.

180

Għandu jiġi osservat, sussegwentement, li l-Kummissjoni spjegat fil-punt 3.3 tal-komunikazzjoni kkontestata, filwaqt li bbażat ruħha fuq pubblikazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-2012, li waħda mill-kawżi ta’ mwiet materni kienet il-prattika tal-aborti mhux siguri u li l-appoġġ ġenerali u mhux iffokalizzat għal ċerti servizzi unikament miġjuba mill-Unjoni kien jikkontribwixxi sabiex jitnaqqas in-numru ta’ aborti, peress li jtejjeb l-aċċess għal servizzi siguri u effikaċi, fejn fosthom kien hemm l-ippjanar tal-familja ta’ kwalità, firxa wiesgħa ta’ metodi kontraċettivi, il-kontraċezzjoni ta’ emerġenza u edukazzjoni komprensiva tas-sesswalità. Skont din l-istess pubblikazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ukoll invokata mill-Kummissjoni, it-titjib tas-sigurtà tas-servizzi marbuta mal-abort jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-imwiet u tal-mard materni. B’kunsiderazzjoni tar-rabta murija mill-Kummissjoni bejn l-aborti mhux siguri u l-imwiet materni, il-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-punt 4.3 tal-komunikazzjoni kkontestata, li l-projbizzjoni ta’ finanzjament tal-abort tostakola l-kapaċità tal-Unjoni li tilħaq l-għan relatat mat-tnaqqis tal-imwiet materni ma tidhirx ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u l-argumenti tar-rikorrenti, ippreżentati fil-punt 164 iktar ’il fuq, ma jurux l-eżistenza ta’ tali żball.

181

Isegwi li l-ilmenti tar-rikorrenti relatati mal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp għandhom jiġu miċħuda.

182

Fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti dwar il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-proposta ta’ emenda tar-Regolament Finanzjarju (ara l-punt 165 iktar ’il fuq) li jqajjem dubju, essenzjalment, dwar l-element xieraq tal-għażla tal-Kummissjoni li ma tissottomettix tali proposta lil-leġiżlatur tal-Unjoni wara l-IĊE kontenzjuża ma jippermettix ukoll li l-evalwazzjoni miġjuba minn din titqies bħala vvizzjata minn żball manifest.

183

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ħames motiv għal annullament imqajjem mir-rikorrenti jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

184

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minnha.

185

B’applikazzjoni tal-Artikolu 138(1) tal-istess regolament, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Isegwi li r-Repubblika tal-Polonja, il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

European Citizens’ Initiative One of Us u r-rikorrenti l-oħra li isimhom huwa mniżżel fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Polonja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Prek

Buttigieg

Schalin

Berke

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ April 2018.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Proċedura relatata mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej intitolata “Uno di noi”

 

Kontenut tal-komunikazzjoni kkontestata

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq l-ammissibbiltà

 

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa ppreżentat mill-entità msejħa “European Citizens’ Initiative One of Us”

 

Fuq in-natura li tista’ tiġi kkontestata tal-komunikazzjoni kkontestata fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE

 

Fuq il-mertu

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 minħabba n-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ att ġuridiku bħala tweġiba għall-IĊE kontenzjuża.

 

Fuq it-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(4) TUE mwettaq minħabba n-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ att ġuridiku bħala tweġiba għall-IĊE kontenzjuża.

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, imwettaq sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx ippreżentat separatament, fil-komunikazzjoni kkontestata, il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE kontenzjuża.

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.

( 1 ) Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija unikament annessa mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.