SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

7 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Sajd — Sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni intiż sabiex jiġu indirizzati l-lakuni tas-sistema Taljana ta’ kontroll tas-sajd — Att li ma jbiddilx fih innifsu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑312/14,

Federazione nazionale delle cooperative della pesca (Federcoopesca), stabbilita f’Ruma (l-Italja),

Associazione Lega Pesca, stabbilita f’Ruma,

Associazione generale cooperative italiane settore agro ittico alimentare (AGCI AGR IT AL), stabbilita f’Ruma,

irrappreżentati minn L. Caroli, S. Ventura u V. Cannizzaro, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u D. Nardi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 8635 finali, tas-6 ta’ Diċembru 2013, dwar l-istabbiliment ta’ pjan ta’ azzjoni intiż sabiex jiġu indirizzati l-lakuni tas-sistema Taljana ta’ kontroll tas-sajd,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

L-Artikolu 102 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, tal-20 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, p. 1) jistabbilixxi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tista’ titlob dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Meta tippreżenta talba għall-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tispeċifika limitu ta’ żmien raġonevoli li fih għandha tiġi provvduta l-informazzjoni.

2.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li seħħew xi irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd jew li d-dispożizzjonijiet u l-metodi ta’ kontroll eżistenti fi Stati Membri partikolari mhumiex effettivi, din għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat, li mbagħad għandu jagħmel inkjesta amministrattiva li fiha jistgħu jipparteċipaw l-uffiċjali tal-Kummissjoni.

3.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultati tal-inkjesta u għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni ppreparat mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-talba tal-Kummissjoni. Il-perijodu jista’ jiġi estiż mill-Kummissjoni, fuq it-talba motivata kif jixraq mill-Istat Membru, għal perijodu ta’ żmien raġonevoli.

4.   Jekk l-inkjesta amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2 ma twassalx għat-tneħħija tal-irregolaritajiet jew jekk il-Kummissjoni tidentifika xi nuqqasijiet fis-sistema tal-kontroll ta’ Stat Membru matul il-verifikazzjonijiet jew l-ispezzjonijiet awtonomi msemmija fl-Artikoli 98 u 99 jew fil-verifika msemmija fl-Artikolu 100, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni ma’ dak l-Istat Membru. L-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta dak il-pjan ta’ azzjoni.”

2

Fis-17 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea informat lir-Repubblika Taljana li hija kienet ikkonstatat irregolaritajiet li jippreġudikaw l-osservanza ta’ ċerti regoli tal-politika komuni tas-sajd, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw is-sajd ta’ speċji ta’ ħut migratorju fil-Meditterran, u fakkritha dwar l-obbligu tagħha li twettaq investigazzjoni amministrattiva dwar is-sistema ta’ kontroll tagħha, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regolament Nru 1224/2009.

3

L-investigazzjoni amministrattiva saret mill-awtorità ta’ kontroll Taljana nnominata mill-awtoritajiet pubbliċi Taljani fit-13 ta’ Frar 2013, bil-parteċipazzjoni tal-uffiċjali tal-Kummissjoni.

4

Ir-rapport finali tal-investigazzjoni amministrattiva ntbagħat lill-Kummissjoni fis-17 ta’ April 2013.

5

Il-Kummissjoni, billi qieset li l-investigazzjoni amministrattiva ma wasslitx għat-tneħħija tal-irregolaritajiet li hija kienet ikkonstatat preċedentement, fasslet abbozz ta’ pjan ta’ azzjoni mal-awtoritajiet Taljani.

6

Permezz tad-Deċiżjoni C (2013) 8635 finali, tas-6 ta’ Diċembru 2013, meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 102(4) tar-Regolament Nru 1224/2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni intiż sabiex jiġu indirizzati l-lakuni tas-sistema Taljana ta’ kontroll tas-sajd. Fost l-azzjonijiet f’dan il-pjan, l-azzjoni Nru 13 tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi ġodda dwar il-kompatibbiltà bejn is-sistema “ferrettara”, li tiġbor flimkien sistemi tradizzjonali differenti ta’ għażel tat-tisqif (driftnets) b’malji żgħar, u l-irkaptijiet l-oħra tas-sajd, l-azzjoni Nru 15 tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sostituzzjoni sabiex jikkumpensaw għall-assenza ta’ sorveljanza bis-satellita, kif ukoll obbligu ta’ dikjarazzjoni għal ċerti bastimenti awtorizzati sabiex jistadu għall-pixxispad, l-azzjoni Nru 16 tipprevedi l-implementazzjoni fuq livell nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet internazzjonali dwar id-daqsijiet minimi ta’ qbid għall-pixxispad u dwar il-karatteristiċi tekniċi tal-konzijiet u, fl-aħħar nett, l-azzjoni Nru 17 tipprevedi t-tisħiħ tan-natura dissważiva tas-sanzjonijiet finanzjarji applikati fil-każ ta’ ksur gravi u rikorrenti.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2014, ir-rikorrenti, Federazione nazionale delle cooperative della pesca (Federcoopesca), Associazione Lega Pesca u Associazione generale cooperative italiane settore agro ittico alimentare (AGCI AGR IT AL), ippreżentaw dan ir-rikors.

8

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

9

Fit-8 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

10

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali sabiex tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

11

Il-partijiet ġew mistiedna, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jagħmlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta dwar diversi kwistjonijiet, b’mod partikolari dik dwar jekk huwiex possibbli li jitqies li t-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tgħid li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq kawża kontra “att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, għandhiex tapplika biss, fid-dawl kemm tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-fatt li l-awturi tat-Trattat żiedu kundizzjoni addizzjonali dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni mal-kundizzjoni ta’ interess dirett, għall-kontestazzjoni ta’ atti li jbiddlu fihom infushom, jiġifieri indipendentement minn kull miżura ta’ implementazzjoni, is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata.

12

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Frar 2014.

13

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, “speċjalment għal dak li jirrigwarda l-[azzjonijiet Nri 13, 15, 16 u 17 li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni” anness ma’ din id-deċiżjoni];

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li r-rikors kien intiż unikament li jikseb l-annullament tal-azzjonijiet Nri 13, 15, 16 u 17 li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni anness mad-deċiżjoni kkontestata, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta.

Id-dritt

16

Il-Kummissjoni ssostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli b’mod partikolari peress li r-rikorrenti, li ma humiex id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ma wrewx li huma kellhom locus standi fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni. Hija ssostni li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi skont it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tgħid li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq kawża kontra “att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li d-deċiżjoni kkontestata tinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni. Hija tikkonstata wkoll assenza ta’ effett dirett tad-deċiżjoni kkontestata, billi l-pjan ta’ azzjoni jista’ jkollu effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti biss permezz ta’ miżuri nazzjonali li huma neċessarji għall-implementazzjoni tiegħu. Fl-aħħar nett, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma taffettwax individwalment lir-rikorrenti.

17

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti huma assoċjazzjonijiet li jiġbru flimkien professjonisti li jeżerċitaw l-attività tagħhom, b’mod partikolari, fis-settur tas-sajd u li jirrappreżentaw l-interessi ta’ dawn il-professjonisti.

18

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ta’ assoċjazzjoni stabbilita sabiex tippromwovi l-interessi kollettivi ta’ kategorija ta’ persuni tiddependi, bla ħsara għall-interess ġuridiku tagħha stess, mill-kwistjoni dwar jekk il-membri tagħha setgħux jippreżentaw dan ir-rikors individwalment (ara d-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2004, EffCI vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑196/03, Ġabra, EU:T:2004:355, punti 41 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

F’dan il-każ, ir-rikorrenti jinvokaw il-locus standi li allegatament għandhom dawk il-persuni fost il-membri tagħhom li huma professjonisti tas-settur tas-sajd fl-Italja, b’mod partikolari s-sajjieda awtorizzati mill-awtoritajiet Taljani sabiex jistadu għall-pixxispad, mingħajr ma jinvokaw locus standi ieħor, speċifiku għalihom, sabiex iressqu l-azzjoni u mingħajr ma tali locus standi jirriżulta mill-atti tal-proċess.

20

Konsegwentement, huwa fid-dawl tal-locus standi tal-membri tar-rikorrenti, kif imsemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq, li l-locus standi ta’ dawn tal-aħħar ser jiġi eżaminat.

21

Barra minn hekk, huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata hija indirizzata lir-Repubblika Taljana u li r-rikorrenti ma humiex destinatarji.

22

Qabelxejn, għandu jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti jistgħux jinvokaw it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li fir-rigward tagħha għandu jiġi eżaminat jekk din hijiex applikabbli meta l-att ikkontestat ma jbiddilx fih innifsu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

Fuq l-applikabbiltà tat-tielet parti tar-raba ’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fl-assenza ta ’ att li jbiddel fih innifsu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent

23

Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jistabbilixxi li “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

24

L-ewwel żewġ partijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jikkorrispondu għal dawk li kienu previsti, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. L-ewwel parti tippermetti lil destinatarju ta’ att li jikkontestah u t-tieni parti tispeċifika li, jekk il-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta r-rikors għal annullament ma tkunx id-destinatarju tal-att ikkontestat, l-ammissibbiltà tar-rikors tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet li din il-persuna tkun ikkonċernata kemm direttament kif ukoll individwalment mill-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, Ġabra, EU:C:2013:625, punti 55 u 56).

25

Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, meta att kien jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni, kien hemm ir-riskju li din tal-aħħar ma jkollhiex protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk ma kinitx ikkonċernata individwalment minn dan l-att. Fil-fatt, hija setgħet tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att biss wara li tikser id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontriha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, Ġabra, EU:C:2013:852, punt 27).

26

Sabiex dan ir-riskju jiġi rrimedjat, għal dak li jirrigwarda l-atti regolatorji, it-Trattat ta’ Lisbona żied it-tielet parti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li ttaffi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fil-fatt, din il-parti, mingħajr ma tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi għall-kundizzjoni dwar l-interess individwali, toffri dan ir-rimedju fir-rigward tal-atti regolatorji li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni u li jirrigwardaw direttament lir-rikorrent (sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 24 iktar ’il fuq, EU:C:2013:625, punt 57).

27

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “att regolatorju li [jirrigwarda direttament kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika] u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, f’li jiġi evitat li individwu, li s-sitwazzjoni legali tiegħu tkun inbidlet direttament permezz ta’ att, ma jkollux protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward ta’ dan l-att (sentenza Telefónica vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punti 27 u 28).

28

Issa, fid-dawl ta’ dan l-għan, jidher li t-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija intiża li tapplika biss meta l-att ikkontestat ibiddel, fih innifsu, jiġifieri indipendentement minn kull miżura ta’ implementazzjoni, is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

29

Fil-fatt, meta att ma jbiddilx, fih innifsu, is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, din tal-aħħar tinbidel biss jekk jiġu adottati miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-istess rikorrent. F’dan il-każ, dan tal-aħħar jista’ jikkontesta dawn il-miżuri u, fil-kuntest ta’ tali kontestazzjoni, jqajjem eċċezzjoni dwar l-illegalità tal-att li huma jimplementaw, b’tali mod li ma jistax jitqies li huwa ma għandux protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-possibbiltà li jiġu kkontestati l-miżuri inkwistjoni hija ggarantita, meta dawn il-miżuri jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ Stat Membru, kemm mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qrati nazzjonali huma obbligati, sa fejn ikun possibbli, jinterpretaw u japplikaw ir-regoli proċedurali interni li jirregolaw l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji b’mod li jippermetti lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jikkontestaw quddiem qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull miżura nazzjonali dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, billi jqajmu eċċezzjoni dwar l-invalidità ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra, EU:C:2002:462, punt 42).

31

L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 28 iktar ’il fuq tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li hija bbażata fuq l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, hija kkonfermata mill-fatt li l-awturi tat-Trattat żiedu kundizzjoni addizzjonali dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni mal-kundizzjoni ta’ interess dirett.

32

Qabel ma jiġu analizzati l-effetti konġunti ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, għandu jitfakkar, għal dak li jirrigwarda qabelxejn il-kundizzjoni ta’ interess dirett, li ma hemm l-ebda raġuni għalfejn din il-kundizzjoni fit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandha tingħata interpretazzjoni differenti minn dik mogħtija lit-tieni parti ta’ din l-istess dispożizzjoni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, Ġabra, EU:C:2013:21, punt 69, u fil-kawża Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, Ġabra, EU:C:2013:204, punt 59). Fi kwalunkwe każ, il-kunċett ta’ interess dirett kif introdott mill-ġdid f’din id-dispożizzjoni ma jistax ikun suġġett għal interpretazzjoni iktar restrittiva mill-kunċett ta’ interess dirett kif jidher fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE [sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, T‑262/10, Ġabra, EU:T:2011:623, punt 32].

33

Skont il-ġurisprudenza, il-kundizzjoni li tgħid li persuna fiżika jew ġuridika trid tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, tirrikjedi li l-att ikkontestat jipproduċi effetti direttament fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent u li ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu inkarigati mill-implementazzjoni tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni, C‑15/06 P, Ġabra, EU:C:2007:183, punt 31).

34

Din il-kundizzjoni tkopri fir-realtà żewġ każijiet distinti, skont jekk l-att ikkontestat ibiddilx jew le fih innifsu, jiġifieri indipendentement minn kull miżura ta’ implementazzjoni, is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

35

Fl-ewwel każ, l-att ikkontestat ibiddel, fih innifsu, is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta att jissostitwixxi miżuri nazzjonali li jirregolaw is-sitwazzjoni tar-rikorrent. Għalhekk, tali att ikun jikkonċerna direttament lil dan tal-aħħar bl-istess mod bħall-miżuri nazzjonali u jitqies li huwa “immedjatament eżekuttiv” u “direttament applikabbli” fil-konfront ta’ tali individwu (sentenza tal-1 ta’ Lulju 1965, Toepfer u Getreide-Import Gesellschaft vs Il‑Kummissjoni, 106/63 u 107/63, Ġabra, EU:C:1965:65, p. 532, 533).

36

Regolament li japplika direttament, mingħajr l-intervent tal-awtoritajiet nazzjonali, u li jaffettwa b’mod ċert u attwali s-sitwazzjoni legali ta’ individwi billi jirrestrinġi d-drittijiet tagħhom jew billi jimponi fuqhom obbligi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C‑263/02 P, Ġabra, EU:C:2004:210, punti 35 u 37) jew deċiżjoni li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ sustanza [sentenza Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, EU:T:2011:623, punti 24, 28 u 34], jaqgħu wkoll taħt l-ewwel każ.

37

Fl-ewwel każ, il-kundizzjoni ta’ interess dirett titqies li hija ssodisfatta mingħajr ma huwa neċessarju li ssir analiżi f’dan ir-rigward.

38

Fit-tieni każ, l-att ikkontestat jimplika neċessarjament li jiġu adottati miżuri ta’ implementazzjoni sabiex jipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwi. Madankollu, il-kundizzjoni ta’ interess dirett titqies li hija ssodisfatta jekk dan l-att jimponi obbligi fuq id-destinatarju tiegħu għall-implementazzjoni tiegħu u jekk dan id-destinatarju huwa obbligat, b’mod awtomatiku, li jadotta miżuri li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent (sentenzi tat-13 ta’ Mejju 1971, International Fruit Company et vs Il‑Kummissjoni, 41/70 sa 44/70, Ġabra, EU:C:1971:53, punti 23 sa 28; tad-19 ta’ Ottubru 2000, L‑Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra, EU:C:2000:570, punt 36, u tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il‑Kunsill, T‑80/97, Ġabra, EU:T:2000:216, punti 61 u 62).

39

Għandu jiġi osservat li, fit-tieni każ, sabiex il-kundizzjoni ta’ interess dirett tista’ tiġi ssodisfatta, l-att ikkontestat għandu neċessarjament jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward tar-rikorrent.

40

Għaldaqstant, il-fatt li l-awturi tat-Trattat żiedu, għal dak li jirrigwarda t-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kundizzjoni addizzjonali dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni mal-kundizzjoni ta’ interess dirett, għandu neċessarjament l-effett li jeskludi t-tieni każ mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-tielet parti.

41

Għandu jingħad ukoll li l-kwistjoni dwar jekk id-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata għandux jew le marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tal-att ikkontestat huwa mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, peress li tali eżistenza hija biżżejjed sabiex tirrendi inapplikabbli t-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Telefónica vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punt 35, u d-digriet tad-9 ta’ Settembru 2013, Altadis vs Il‑Kummissjoni, T‑400/11, Ġabra, EU:T:2013:490, punt 47). Barra minn hekk, għalkemm il-kunċett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ikopri biss il-miżuri ta’ implementazzjoni li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, jista’ jkun, paradossalment, ħafna iktar faċli għal individwu li jressaq kawża kontra atti regolatorji, li huma l-uniċi koperti minn din id-dispożizzjoni, milli kontra miżuri ta’ portata individwali li għalihom il-kundizzjoni ta’ interess dirett tkun inżammet. Issa, ma jidhirx li tali interpretazzjoni hija konformi mal-intenzjoni tal-awturi tat-Trattat.

42

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tista’ tapplika biss, fid-dawl kemm tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-fatt li l-awturi tat-Trattat żiedu kundizzjoni addizzjonali dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni mal-kundizzjoni ta’ interess dirett, għall-kontestazzjoni ta’ atti li jaqgħu taħt l-ewwel wieħed miż-żewġ każijiet li l-kundizzjoni ta’ interess dirett tinkludi (ara l-punt 34 iktar ’il fuq): dak ta’ atti li jbiddlu fihom infushom, jiġifieri indipendentement minn kull miżura ta’ implementazzjoni, is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

43

Għaldaqstant, meta l-att ikkontestat ma jbiddilx, fih innifsu, is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi deċiż li t-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma hijiex applikabbli, u mingħajr ma huwa neċessarju, f’dan il-każ, li jiġi vverifikat jekk dan l-att jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward tar-rikorrent.

44

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni f’dan il-każ.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 102(4) tar-Regolament Nru 1224/2009, li jipprevedi, minn naħa, li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi mal-Istat ikkonċernat pjan ta’ azzjoni intiż sabiex jiġu rrimedjati l-lakuni kkonstatati fis-sistema ta’ kontroll ta’ dak l-Istat fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd u, min-naħa l-oħra, li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżgura l-implementazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni li jikkonċernah.

46

Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill illimita ruħu li jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tfassal, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, pjan ta’ azzjoni kkostitwit minn numru ta’ miżuri adottati fuq il-livell nazzjonali minn dawn l-awtoritajiet, u sussegwentement sabiex tirrendi dan il-pjan vinkolanti fil-konfront tagħhom.

47

Għaldaqstant, ma jirriżultax mill-Artikolu 102(4) tar-Regolament Nru 1224/2009 li l-Kummissjoni għandha kompetenza sabiex tadotta atti unilaterali li jkunu direttament applikabbli għall-professjonisti tas-settur tas-sajd ta’ Stat Membru.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 102(4) tar-Regolament Nru 1224/2009, intitolat “Segwitu tar-rapporti ta’ verifikazzjoni, spezzjoni awtonoma u verifika”, jinsab fit-Titolu X tal-imsemmi regolament, huwa stess intitolat “Evalwazzjoni u kontroll mill-Kummissjoni”.

49

Il-miżuri li jinsabu f’dan it-titolu għandhom bħala għan, hekk kif previst mill-ewwel artikolu tat-Titolu X tar-Regolament Nru 1224/2009, jiġifieri l-Artikolu 96, intitolat “Prinċipji ġenerali”, il-kontroll u l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd mill-Istati Membri.

50

Deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 102(4) tar-Regolament Nru 1224/2009, jiġifieri l-aħħar paragrafu tal-aħħar artikolu tat-Titolu X tal-imsemmi regolament, tikkostitwixxi għalhekk l-eżitu tal-miżuri ta’ kontroll u ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjoni mill-Istati Membri tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd u hija kkostitwita biss minn numru ta’ miżuri li l-Istat Membru kkonċernat għandu jimplementa, meta dan ma jkunx osserva l-imsemmija regoli. Hekk kif jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-14 ta’ Novembru 2008 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll Komunitarja li tiżgura konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni hija intiża sabiex l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-possibbiltà li jsib rimedju għal-lakuni kkonstatati u sabiex itemm l-irregolaritajiet.

51

Deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 102(4) tar-Regolament Nru 1224/2009 għandha għalhekk tiġi distinta minn miżuri ta’ portata individwali jew ġenerali li l-Kummissjoni tista’ tadotta skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu XI, intitolat “Miżuri għall-iżgurar ta’ konformità mill-Istati Membri mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd”, tal-imsemmi regolament. Abbażi tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan it-titolu, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tagħlaq temporanjament attività tas-sajd affettwata minn nuqqasijiet (Artikolu 104), topera tnaqqis minn kwoti futuri ta’ Stat Membru (Artikolu 105), topera tnaqqis mill-isforz tas-sajd futur ta’ Stat Membru (Artikolu 106) u anki, fil-każ ta’ urġenza, tissospendi temporanjament l-attivitajiet tas-sajd ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru (Artikolu 108).

52

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 102(4) tar-Regolament Nru 1224/2009 ma tbiddel, fiha nnifisha, jiġifieri indipendentement minn kull miżura ta’ implementazzjoni, is-sitwazzjoni legali ta’ ebda persuna fiżika jew ġuridika ħlief tal-Istat Membru li għalih tkun indirizzata. Hija ma tbiddilx għalhekk fiha nnifisha, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni legali tal-professjonisti tas-settur tas-sajd.

53

Din l-assenza ta’ bidla tas-sitwazzjoni legali ta’ individwi hija kkonfermata, f’dan il-każ, mill-miżuri ta’ reklamar li kienet suġġetta għalihom id-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iżda ġiet indirizzata biss lir-Repubblika Taljana. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ġiet ikklassifikata, sas-17 ta’ Marzu 2014, bħala “Restreint UE”, li jagħti indizju addizzjonali tal-inapplikabbiltà tagħha fil-konfront ta’ individwi.

54

Barra minn hekk, kull waħda mill-azzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni annessa mad-deċiżjoni kkontestata tikkorrispondi għall-adozzjoni ta’ miżura mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-azzjonijiet Nri 13 u 15, hija prevista l-adozzjoni ta’ digriet ministerjali u, għal dak li jirrigwarda l-azzjonijiet Nri 16 u 17, hija prevista l-adozzjoni ta’ proposta ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ. Dan jikkonferma li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tbiddel, fiha nnifisha, jiġifieri indipendentement minn kull miżura ta’ implementazzjoni, is-sitwazzjoni legali ta’ individwi.

55

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u, b’mod partikolari, ta’ dawk żviluppati fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex ir-rikors tagħhom jiġi ddikjarat ammissibbli.

56

Il-konklużjoni preċedenti hija ċara mingħajr il-bżonn li jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix “att regolatorju” fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Lanqas ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk din id-deċiżjoni tinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti jew tal-membri tagħhom, liema eżami jimplika li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra l-pożizzjoni tal-persuna li qed tinvoka d-dritt ta’ azzjoni legali skont din id-dispożizzjoni u mhux dik ta’ individwi oħra (sentenza Telefónica vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punt 30).

57

Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li r-Repubblika Taljana ma adottax il-miżuri previsti fil-pjan ta’ azzjoni annessa mad-deċiżjoni kkontestata, liema fatt jidher li ġie ammess mill-partijiet waqt is-seduta, is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti jew tal-membri tagħhom ma tiġi affettwata bl-ebda mod u għalhekk dawn ma jistgħux jitqiesu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li ma għandhomx protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

58

Għandu jingħad ukoll li billi l-Kummissjoni hija biss awtorizzata, abbażi tal-Artikolu 102(4) tar-Regolament Nru 1224/2009, sabiex tfassal, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, pjan ta’ azzjoni kkostitwit minn numru ta’ miżuri adottati fuq il-livell nazzjonali minn dawn l-awtoritajiet, u sussegwentement sabiex tirrendi dan il-pjan vinkolanti fil-konfront tagħhom (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma għandhomx raġun meta jsostnu li l-korpi amministrattivi Taljani jew il-qrati Taljani jistgħu japplikaw direttament, jew permezz tat-teknika tal-interpretazzjoni konformi, id-deċiżjoni kkontestata.

59

Barra minn hekk, deċiżjoni bħal dik ikkontestata, li ma tbiddel, fiha nnifisha, jiġifieri indipendentement minn kull miżura ta’ implementazzjoni, is-sitwazzjoni legali ta’ ebda persuna fiżika jew ġuridika ħlief tal-Istat Membru li għalih tkun indirizzata, ma tistax toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata, bħala tali, kontrih (ara, b’analoġija, id-digriet tas-7 ta’ Lulju 2014, Industrie Cartarie Tronchetti Ibérica vs Il‑Kummissjoni, T‑244/13, EU:T:2014:644, punti 30 u 39).

60

Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-qrati Taljani jistgħu jimplementaw it-teknika tal-interpretazzjoni konformi, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċertu limiti. Għalhekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, Ġabra, EU:C:2014:2, punti 39). Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet nazzjonali Taljani jew jinkludu diġà l-obbligi previsti mid-deċiżjoni kkontestata u, f’dan il-każ, din tal-aħħar ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti jew tal-membri tagħhom, jew inkella ma jinkludux tali obbligi u, f’dan il-każ, il-qrati Taljani ma jistgħux jagħtu interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali.

Fuq l-interess dirett tar-rikorrenti

61

Għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma humiex id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u li, kif għadu kif ġie kkonstatat (ara l-punt 55 ta’ din is-sentenza), huma ma jistgħux jinvokaw it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

62

Għaldaqstant, huma jistgħu jressqu kawża, abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkonċernahom direttament u individwalment.

63

Għal dak li jirrigwardaw it-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-persuni li ma jkunux id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti karatteristiċi li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjahom minn kwalunkwe persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra, EU:C:1963:17, p. 223; tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra, EU:C:2011:368, punt 52, u Telefónica vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punt 46).

64

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura sa fejn huwa paċifiku li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ liġi jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (sentenza Telefónica vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punt 47).

65

Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tapplika għal sitwazzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv u tipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni ddefiniti b’mod ġenerali u astratt.

66

Fil-fatt, l-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-azzjonijiet Nri 13, 15, 16 u 17 li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni annessa magħha, tirrigwarda lill-membri tar-rikorrenti biss minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ sajjieda, b’mod partikolari ta’ sajjieda tal-pixxispad li jużaw ċerti tekniki tas-sajd, l-istess bħal kull operatur ekonomiku ieħor li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika (ara, għal dak li jirrigwarda dispożizzjonijiet li jimponu obbligi paragunabbli għal dawk previsti mid-deċiżjoni kkontestata, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré, punt 36 iktar ’il fuq, EU:C:2004:210, punt 46, u d-digriet tal-14 ta’ Frar 2012, Federcoopesca et vs Il‑Kummissjoni, T‑366/08, EU:T:2012:74, punt 28).

67

Barra minn hekk, ma ġiex ikkontestat, waqt is-seduta, li l-lista attwali ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera Taljana li huma awtorizzati sabiex jipprattikaw is-sajd għall-pixxispad tinkludi iktar minn 7300 bastiment, li jikkostitwixxi indizju addizzjonali tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax taffettwa b’mod individwali lir-rikorrenti jew lill-membri tagħhom.

68

It-tieni nett, ma jirriżultax li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet tobbliga lill-Kummissjoni, sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, issegwi proċedura li fil-kuntest tagħha l-membri tar-rikorrenti jew dawn tal-aħħar kienu jkunu jistgħu jinvokaw xi drittijiet eventwali. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma speċifikax pożizzjoni ġuridika partikolari favur operaturi bħall-membri tar-rikorrenti fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré, punt 66 iktar ’il fuq, EU:C:2004:210, punt 47).

69

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax ċirku magħluq ta’ persuni speċifiċi fil-mument tal-adozzjoni tagħha u li fil-konfront tagħhom il-Kummissjoni riedet tirregola d-drittijiet (sentenza tal-21 ta’ Mejju 1987, Union Deutsche Lebensmittelwerke et vs Il‑Kummissjoni, 97/85, Ġabra, EU:C:1987:243, punt 11).

70

Anki jekk jiġi preżunt li d-deċiżjoni kkontestata tista’ titqies li taffettwa lir-rikorrenti jew lill-membri tagħhom bħala grupp ta’ persuni li kienu ġew identifikati jew li kienu identifikabbli fil-mument meta dan l-att ġie adottat u skont kriterji speċifiċi għall-membri ta’ dan il-grupp, liema fatt ma ġiex stabbilit, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax, f’kull każ, li r-rikorrenti jew il-membri tagħhom jistgħu jitqiesu li għandhom dritt kweżit li jista’ jiġi affettwat mid-deċiżjoni kkontestata.

71

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta d-deċiżjoni kkontestata taffettwa grupp ta’ persuni li jkunu ġew identifikati jew li kienu identifikabbli fil-mument meta dan l-att ikun ġie adottat u skont kriterji speċifiċi għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati mill-imsemmi att peress li jkunu jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi. Dan iseħħ, b’mod partikolari, meta d-deċiżjoni tbiddel id-drittijiet miksuba minn dawn il-persuni qabel l-adozzjoni tagħha (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, Ġabra, EU:C:2008:159, punti 71 u 72, u tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C‑133/12 P, Ġabra, EU:C:2014:105, punt 46).

72

F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-għan tal-politika komuni tas-sajd huwa li jiġi ggarantit użu tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin li jwassal għal kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli (premessa 1 tar-Regolament Nru 1224/2009). Is-suċċess tal-politika komuni tas-sajd jinvolvi l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll effikaċi (premessa 2 tar-Regolament Nru 1224/2009).

73

Din is-sistema ta’ kontroll hija bbażata, b’mod partikolari, fuq sistema ta’ awtorizzazzjoni prevista fit-Titolu III tar-Regolament Nru 1224/2009, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali għall-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi”. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, bastiment tas-sajd tal-Unjoni jista’ jintuża għall-użu kummerċjali ta’ riżorsi akkwatiċi ħajjin biss jekk ikollu liċenzja tas-sajd valida. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jopera fl-ilmijiet Komunitarji jiġi awtorizzat iwettaq attivitajiet tas-sajd speċifiċi biss jekk dawn ikunu indikati f’awtorizzazzjoni tas-sajd valida.

74

Issa, il-liċenzja tas-sajd tista’ tiġi sospiża temporanjament jew irtirata definittivament. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 92 tar-Regolament Nru 1224/2009 jistabbilixxi sistema ta’ punti. Skont din is-sistema, punti jiġu assenjati lid-detentur ta’ liċenzja fil-każ li jitwettaq ksur serju tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd. Meta n-numru totali ta’ punti assenjati jilħaq ċertu limitu, il-liċenzja tas-sajd tiġi sospiża jew irtirata awtomatikament. Għal dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni tas-sajd, skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, din ma tinħariġx jekk il-bastiment ikkonċernat ma jkollux liċenzja jew jekk din tkun ġiet sospiża jew irtirata u tiġi sospiża jekk il-liċenzja tas-sajd tkun ġiet sospiża temporanjament.

75

Barra minn hekk, l-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1224/2009 jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni, meta ċerti kundizzjonijiet huma ssodisfatti, li tadotta miżuri ta’ emerġenza li jinkludu, b’mod partikolari, is-sospensjoni temporanja tal-attivitajiet tas-sajd ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru.

76

Għaldaqstant, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni huma suġġetti, għal dak li jirrigwarda l-aċċess għar-riżorsi, għal sistema ta’ awtorizzazzjoni li hija kkaratterizzata minn ċerta prekarjetà.

77

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li persuna jkollha dritt li tistad kif ukoll kwota allokata mill-Istat Membru kompetenti għal staġun tas-sajd partikolari ma jistax jagħti lill-persuna kkonċernata d-dritt li tkun tista’, f’kull ċirkustanza, teżawrixxi din il-kwota (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2014, Giordano vs Il‑Kummissjoni, C‑611/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2282, punt 48).

78

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ liċenzja u ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd, invokati mir-rikorrenti, ma jippermettix li d-detentur tagħhom jitqies li huwa d-detentur ta’ dritt kweżit fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq.

79

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhomx raġun meta jsostnu li huma jew il-membri tagħhom ġew individwalizzati permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

80

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-rikorrenti ma għandhomx locus standi fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

81

Konsegwentement, mingħajr il-bżonn li jiġi ddeterminat jekk huwiex ammissibbli li r-rikorrenti jiksbu l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi deċiż li r-rikors għandu, f’kull każ, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

82

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Federazione nazionale delle cooperative della pesca (Federcoopesca), Associazione Lega Pesca u Associazione generale cooperative italiane settore agro ittico alimentare (AGCI AGR IT AL) huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Lulju 2015.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.