8.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 439/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Debreceni Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-28 ta’ Awwissu 2014 – Schenker Nemzetközi Szállítmányozási és Logisztikai Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága

(Kawża C-409/14)

(2014/C 439/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Debreceni Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Schenker Nemzetközi Szállítmányozási és Logisztikai Kft.

Konvenuta: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága

Domandi preliminari

1)

Id-deskrizzjoni tal-prodotti koperti mid-denominazzjoni “Tabakk ċar imqadded bl-arja” taħt is-subintestatura tariffarja tan-NM 2401 10 35, fil-Kapitolu 24 (Tabakk u sostituti manifatturati ta’ tabakk) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (1), għandha tiġi interpretata bħala li tinkludi biss it-tabakk ċar imqadded bl-arja biz-zokk mhux maqtugħ li

jikkonsisti f’weraq sħaħ tal-pjanta tat-tabakk

ma jkun la mqatta u lanqas ippressat jew kumpatt,

ma jammetti l-ebda bdil (pereżempju, iz-zokk maqtugħ, it-tqattiegħ ta’ weraq jew l-ikkumpattjar tagħhom) minbarra “manifattura” li tikkonsisti fit-tnixxif b’mod naturali tat-tabakk imqadded bl-arja taħt is-subintestatura tariffarja tan-NM 2401 10 35 biz-zokk mhux maqtugħ u

ma jistax iiġi mpejjep?

2)

Il-kunċett ta’ “proċedura jew arranġament doganali sospensiv” fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll merkanzija (prodott suġġett għad-dazju tas-sisa) fi tranżitu estern, f’maħżen temporanju jew f’maħżen doganali, li tkun akkampanjata b’dokumenti li fuqhom l-intestatura tariffarja kienet indikata ħażin (jiġifieri n-NM 2403 10 9000 minflok n-NM 2401 10 35), filwaqt li l-kapitolu tan-Nomenklatura Magħquda li taħtu taqa’ l-merkanzija (jiġifieri l-Kapitolu 24 – Tabakk) jissemma b’mod korrett, bħad-data kollha l-oħra (numru tal-kontejner, kwantità, piż nett), u li s-siġilli huma intatti?

(Fi kliem ieħor, l-issuġġettar ta’ merkanzija għall-proċedura jew għall-arranġament doganali sospensiv tista’ tiġi kkontestata meta l-kapitolu tat-tariffa doganali komuni li taħtu taqa’ l-merkanzija huwa msemmi b’mod korrett fid-dokumentazzjoni li takkumpanjaha, filwaqt li s-subintestatura speċifika hija indikata ħażin?)

3)

Il-kunċetti ta’ “importazzjoni” fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (2), u ta’ “importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa” fl-Artikolu 4(8) tal-istess direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkun hemm importazzjoni fil-każ ukoll fejn is-subintestatura tariffarja tal-merkanzija reali mqiegħda fi tranżitu estern u dik indikata fid-dokumentazzjoni li takkumpanja l-imsemmija merkanzija jkunu diverġenti, filwaqt li, apparti minn din id-diverġenza, kemm l-indikazzjoni tal-kapitolu li taħtu hija taqa’ (jiġifieri l-Kapitolu 24 – Tabakk) kif ukoll il-kwantità u l-piż nett tal-merkanzija reali jikkorrispondu għad-data indikata fid-dokumentazzjoni li takkumpanjaha?

4)

Il-fatti tal-kawża prinċipali jikkostitwixxu irregolarità fis-sens tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2008/118/KE, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa, meta l-merkanzija ssegwi l-proċedura jew l-arranġament doganali sospensiv b’indikazzjoni ineżatta, fid-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament, tas-subintestatura tan-NM tagħha skont l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010?


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta’ Ottubru 2010, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU L 284, p. 1).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).