1.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 431/9


Appell ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2014 minn Basic AG Lebensmittelhandel mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) mogħtija fis-26 ta’ Ġunju 2014 fil-Kawża T-372/11 – Basic AG Lebensmittelhandel vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-400/14 P)

(2014/C 431/15)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Basic AG Lebensmittelhandel (rappreżentanti: D. Altenburg, T. Haug, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tal-appellanti

tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Ġunju 2014 (Kawża T-372/11) u tirrinvija l-kawża għal smigħ mill-ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali.

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tikkontesta l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-definizzjoni ta’ “servizzi ta’ distribuzzjoni” li hija – legalment – element preliminari fl-evalwazzjoni tax-xebh ta’ servizzi. Konsegwentement, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali adottat fehma żbaljata bħala l-bażi legali għall-evalwazzjoni sussegwenti tagħha dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni.

L-appellanti tinnota li l-funzjoni prinċipali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija dik li tipprovdi interpretazzjoni uniformi tal-kunċett u tal-iskop tas-servizzi rispettivi (C-418/02, punt 33 – Praktiker; Kawżi Magħquda C-414/99 sa C-416/99 Zino Davidoff u Levi Strauss, punti 42 u 43) u tas-sentenza “IP-Translator” (C-307/10, tad-19 ta’ Ġunju 2012) u b’hekk il-“prodotti u s-servizzi għandhom ikunu ddefiniti oġġettivament sabiex jissodisfaw il-funzjoni tat-trade mark bħala indikatur tal-oriġini” u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti definizzjoni “preċiża u ċara biżżejjed” ta’ “servizzi ta’ distribuzzjoni”.

Fil-fehma tal-appellanti, is-servizz “distribuzzjoni” għandu firxa dejqa ħafna u jinkludi fih biss l-attivitajiet ta’ “trasport, ippakkjar u ħażna ta’ prodotti” iżda mhux servizzi “bl-imnut u bil-grossa”. L-appellanti tinnota wkoll li fis-sentenza “Praktiker”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li l-għan ta’ “bl-imnut” (klassi 35) huwa – b’kuntrast mas-servizzi fil-klassi 39 – il-bejgħ ta’ prodotti lill-konsumaturi, filwaqt li dawn l-attivitajiet jikkonsistu, “inter alia, fl-għażla ta’ taħlita ta’ prodotti offruti għall-bejgħ u fl-offerta ta’ servizzi varji intiżi biex iwasslu lill-konsumatur biex jikkonkludi tranżazzjoni mal-kummerċjant inkwistjoni minflok ma’ kompetitur tiegħu”.

Fil-fehma tal-appellanti, il-klassifikazzjoni ġenerali ta’ “distribuzzjoni” fil-klassifikazzjoni ta’ Nice Nru 39 ma tistax tiġi injorata peress li l-Qorti tal-Ġustizzja espressament enfasizzat l-argumentazzjoni tagħha fis-sentenza tagħha Praktiker fid-dawl tan-Nota ta’ spjega tal-klassifikazzjoni ta’ Nice Nru 35 (C-418/02, punt 36).

Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata u l-kawża għandha tiġi rrinvijata għal smigħ mill-ġdid.